31.1.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 20/52 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/126
tas-7 ta’ Diċembru 2021
li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’rekwiżiti addizzjonali għal ċerti tipi ta’ intervent speċifikati mill-Istati Membri fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom għall-perjodu mill-2023 sal-2027 skont dak ir-Regolament kif ukoll regoli dwar il-proporzjon għall-istandard 1 tal-kundizzjoni agrikola u ambjentali tajba (KAAT)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Ir-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li għandhom jitfasslu mill-Istati Membri skont il-Politika Agrikola Komuni (il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK) u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 4(8), 13(3), 37(5), 38(5) u 39(3) u l-Artikoli 45, il-punti (a) sa (i), 56, il-punti (a), (b) u (c), u 84, il-punti (a) u (b), tiegħu,
Billi:
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2021/2115 jistabbilixxi qafas legali ġdid għall-politika agrikola komuni (PAK) biex itejjeb il-ksib tagħha tal-objettivi tal-Unjoni stabbiliti fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Dak ir-Regolament jispeċifika ulterjorment dawn l-objettivi tal-Unjoni li jridu jinkisbu mill-PAK u jiddefinixxi t-tipi ta’ intervent kif ukoll ir-rekwiżiti komuni tal-Unjoni applikabbli għall-Istati Membri, filwaqt li jħalli flessibbiltà għall-Istati Membri fit-tfassil tal-interventi li jridu jiġu pprovduti fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom. |
(2) |
Sabiex tiġi żgurata n-natura komuni tal-PAK u tas-suq intern, ir-Regolament (UE) 2021/2115 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta rekwiżiti addizzjonali għat-tfassil tal-interventi li jridu jiġu speċifikati fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK, fil-qasam tal-pagamenti diretti, ta’ ċerti setturi agrikoli msemmija fir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u fil-qasam tal-iżvilupp rurali kif ukoll regoli komuni għal dawn l-oqsma fir-rigward tal-proporzjon għall-istandard 1 tal-kundizzjoni agrikola u ambjentali tajba (KAAT). Dawk ir-rekwiżiti addizzjonali kollha jridu jitqiesu mill-Istati Membri meta jfasslu l-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom li jkopru l-oqsma kollha kkonċernati u għalhekk jenħtieġ li jiġu stabbiliti kollha f’dan ir-Regolament. |
(3) |
Fir-rigward tal-interventi li jridu jiġu speċifikati mill-Istati Membri fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom, fil-qasam tal-pagamenti diretti, jenħtieġ li jiġu stabbiliti rekwiżiti addizzjonali għall-interventi dwar il-qanneb u il-qoton. L-għoti ta’ pagamenti jenħtieġ li jsir soġġett għall-użu ta’ żerriegħa ċertifikati ta’ ċerti varjetajiet ta’ qanneb. |
(4) |
Barra minn hekk, jenħtieġ li tiġi stabbilita l-proċedura għad-determinazzjoni tal-varjetajiet tal-qanneb u l-verifika tal-kontenut ta’ tetraidrokannabinol tagħhom (kontenut ta’ THC) imsemmija fl-Artikolu 4(4), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2021/2115. Il-verifika tal-kontenut ta’ THC hija meħtieġa biex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, iżda hija wkoll strateġika biex tiġi ppreservata s-saħħa pubblika, u tiġi żgurata l-koerenza ma’ oqfsa leġiżlattivi oħrajn, jiġifieri l-liġi kriminali fil-qasam tat-traffikar illeċitu tad-droga u l-impenji skont obbligi internazzjonali bħall-Konvenzjoni Unika dwar id-Drogi Narkotiċi (3). Għalhekk, huwa xieraq li jiġu stabbiliti regoli li jarmonizzaw il-metodi u l-proċeduri użati mill-Istati Membri għall-verifika tal-varjetajiet tal-qanneb u għad-determinazzjoni kwantitattiva tal-kontenut ta’ THC fil-qanneb, sabiex jiġu żgurati riżultati komparabbli. |
(5) |
Huwa meħtieġ li jiġi previst perjodu ta’ żmien li matulu l-qanneb imkabbar għall-fibra ma jkunx jista’ jinħasad wara l-fjoritura, sabiex tkun tista’ ssir id-determinazzjoni effettiva u affidabbli tal-kontenut ta’ THC fil-qanneb. |
(6) |
Fl-interess taċ-ċarezza u taċ-ċertezza legali, meta varjetà taqbeż il-kontenut ta’ THC imsemmi fl-Artikolu 4(4), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2021/2115 għal sentejn konsekuttivi, l-Istati Membri jenħtieġ li jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jinfurmaw fil-ħin lill-operaturi li l-kultivazzjoni ta’ dik il-varjetà ma tagħtix id-dritt għal pagamenti diretti. |
(7) |
Ir-regoli għall-verifika tal-varjetajiet tal-qanneb u d-determinazzjoni kwantitattiva tal-kontenut ta’ THC jenħtieġ li jqisu li l-qanneb jista’ jiġi kkultivat jew bħala għalla ewlenija jew bħala għalla tat-titwiq. F’dak il-kuntest, huwa xieraq li tiġi pprovduta definizzjoni tal-qanneb ikkultivat bħala għalla tat-titwiq. |
(8) |
It-Titolu III, il-Kapitolu II, it-Taqsima 3, is-Sottotaqsima 2, tar-Regolament (UE) 2021/2115 jipprevedi pagament speċifiku għall-għelejjel fil-każ tal-qoton. Huwa xieraq li jiġu stabbiliti r-regoli u l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni ta’ art agrikola u varjetajiet għall-finijiet ta’ dak il-pagament. Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet addizzjonali biex tiġi żgurata attività minima f’konformità mal-objettiv tal-appoġġ. |
(9) |
L-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 36 tar-Regolament (UE) 2021/2115 jenħtieġ li japprovaw organizzazzjonijiet interprofessjonali li jipproduċu l-qoton abbażi ta’ kriterji oġġettivi relatati mal-iskala u mal-organizzazzjoni interna tagħhom. L-iskala tal-organizzazzjonijiet interprofessjonali jenħtieġ li tiġi stabbilita, filwaqt li jitqies ir-rekwiżit li l-ħallieġ li jappartjeni lill-organizzazzjoni jkun jista’ jilqa’ kunsinna ta’ biżżejjed kwantitajiet ta’ qoton mhux maħluġ. |
(10) |
Jenħtieġ li jiġu stabbiliti obbligi speċifiċi fir-rigward tal-bdiewa, bħala membri ta’ organizzazzjonijiet interprofessjonali. Dawn għandhom l-għan li jiffaċilitaw l-amministrazzjoni u l-kontroll tas-sħubija tal-bdiewa, kif ukoll li jsaħħu t-titjib potenzjali fl-effiċjenza tal-organizzazzjonijiet li jirriżulta min-numru u d-dedikazzjoni tal-membri tagħhom. |
(11) |
Jenħtieġ li jiġu stabbiliti rekwiżiti addizzjonali fir-rigward tal-investimenti, l-interventi agroambjentali klimatiċi, il-coaching, il-promozzjoni, il-komunikazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni, il-fondi mutwi, it-tħawwil mill-ġdid ta’ ġonna b’siġar tal-frott, imsaġar taż-żebbuġ jew vinji wara l-qlugħ obbligatorju, il-ħsad bikri u n-nuqqas ta’ ħsad, l-assigurazzjoni tal-ħsad u tal-produzzjoni, l-irtirar mis-suq għal destinazzjonijiet għajr id-distribuzzjoni bla ħlas u l-ħżin kollettiv, għall-interventi li jridu jiġu speċifikati mill-Istati Membri, fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom, fis-settur tal-frott u l-ħxejjex, fis-settur tal-apikultura, fis-settur tal-inbid, fis-settur tal-ħops, fis-setturi taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-mejda kif ukoll f’setturi oħra msemmija fl-Artikolu 42, il-punt (f), tar-Regolament (UE) 2021/2115. Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet dwar il-forom ta’ appoġġ u t-tipi ta’ nefqa, inkluż l-użu ta’ rati fissi u skali ta’ kostijiet unitarji jew somom f’daqqa, kif ukoll kostijiet amministrattivi u tal-persunal. Għal raġunijiet ta’ ġestjoni finanzjarja tajba u ċertezza legali, jenħtieġ li titfassal lista ta’ nefqa li ma tistax tiġi koperta mill-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK u lista mhux eżawrjenti ta’ nefqa li tista’ tiġi koperta fis-setturi tal-frott u tal-ħxejjex, tal-apikultura, tal-inbid, tal-ħops, taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-mejda kif ukoll f’setturi oħrajn. |
(12) |
Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli speċifiċi dwar ċerti tipi ta’ intervent settorjali, jiġifieri, fis-setturi tal-frott u tal-ħxejjex, tal-apikultura, tal-inbid, tal-ħops u tal-bhejjem sabiex jitqiesu ċerti speċifiċitajiet ta’ dawk is-setturi. |
(13) |
Fir-rigward tat-tipi ta’ intervent settorjali ġestiti minn organizzazzjonijiet tal-produtturi, assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, organizzazzjonijiet transnazzjonali tal-produtturi, assoċjazzjonijiet transnazzjonali ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, jew gruppi ta’ produtturi permezz ta’ programmi operazzjonali, fis-setturi tal-frott u l-ħxejjex, taż-żejt taż-żebbuġa u ż-żebbuġ tal-mejda u setturi oħra, jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli speċifiċi fir-rigward tal-kopertura tal-prodotti u l-irtirar mis-suq għad-distribuzzjoni bla ħlas, jiġifieri l-kostijiet tat-trasport u l-kundizzjonament, filwaqt li titqies l-importanza potenzjali ta’ dak l-intervent. B’mod partikolari, jenħtieġ li jiġu stabbiliti livelli massimi ta’ appoġġ għall-irtirar mis-suq sabiex jiġi żgurat li l-irtirar mis-suq ma jsirx punt tal-ħruġ alternattiv permanenti għall-prodotti, meta mqabbel mat-tqegħid tagħhom fis-suq. Għal raġunijiet simili, fil-każijiet kollha huwa xieraq li jiġi stabbilit limitu kwantitattiv ta’ rtirar għal kull prodott għal kull organizzazzjoni tal-produtturi. Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli speċifiċi dwar id-destinazzjonijiet għall-prodotti rtirati, il-kundizzjonijiet għar-riċevituri tal-prodotti rtirati u standards rilevanti li l-prodotti rtirati jridu jikkonformaw magħhom. |
(14) |
Sabiex jiġi ffaċilitat l-użu ta’ interventi settorjali permezz ta’ programmi operazzjonali, jenħtieġ li jiġi stabbilit il-metodu tal-kalkolu tal-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi, inkluż l-użu ta’ rata fissa għall-fini tal-kalkolu tal-valur tal-frott u tal-ħxejjex maħsuba għall-ipproċessar. Il-metodu ta’ kalkolu tal-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata jenħtieġ li jnaqqas il-fluttwazzjonijiet annwali jew data insuffiċjenti għall-organizzazzjonijiet jew il-gruppi rikonoxxuti reċentement. Sabiex jiġi evitat li din l-iskema tintuża b’mod ħażin, l-organizzazzjonijiet tal-produtturi ġeneralment jenħtieġ li ma jitħallewx ibiddlu l-metodoloġija għall-iffissar tal-perjodu ta’ referenza matul id-durata tal-programm. |
(15) |
Sabiex jiġi żgurat funzjonament tajjeb tat-tipi ta’ intervent fis-settur tal-frott u l-ħxejjex, jixraq li jiġu stabbiliti objettivi speċifiċi fir-rigward l-interventi agroambjentali klimatiċi. |
(16) |
Jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli dwar l-assistenza finanzjarja nazzjonali li l-Istati Membri jistgħu jagħtu f’reġjuni fejn il-grad ta’ organizzazzjoni tal-produtturi tal-frott u l-ħxejjex huwa partikolarment baxx, inklużi regoli dwar kif jiġi kkalkulat il-grad ta’ organizzazzjoni u jiġi kkonfermat grad baxx ta’ organizzazzjoni. |
(17) |
Sabiex jiġi żgurat funzjonament tajjeb tat-tipi ta’ intervent fis-settur tal-apikultura, jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli dwar id-doqqajs. |
(18) |
Sabiex jiġi żgurat funzjonament tajjeb tat-tipi ta’ intervent fis-settur tal-inbid, jixraq li titfassal lista mhux eżawrjenti ta’ operaturi li jistgħu jkunu l-benefiċjarji tal-appoġġ għat-tipi differenti ta’ intervent. Jeħtieġ ukoll li jiġu previsti xi rekwiżiti speċifiċi ta’ eliġibbiltà fir-rigward tal-benefiċjarji tat-tipi ta’ intervent “ristrutturar u konverżjoni tal-vinji”, “ħsad bikri” u “assigurazzjoni tal-ħsad”, il-korpi rregolati mil-liġi pubblika u l-kumpaniji privati. Jixraq ukoll li l-produtturi li jkunu qed iwettqu tħawwil illegali u jaħdmu żoni mħawlin mingħajr awtorizzazzjoni jiġu esklużi mill-appoġġ tal-Unjoni. |
(19) |
Sabiex jiġi żgurat li l-fondi tal-Unjoni jintefqu kif suppost, jeħtieġ li jiġu stabbiliti regoli dwar in-nefqa għat-“tħawwil mill-ġdid tal-vinji għal raġunijiet ta’ saħħa jew fitosanitarji” fis-settur tal-inbid. B’mod partikolari, jixraq li jiġi previst li tali nefqa ma taqbiżx ċertu ammont tan-nefqa annwali totali fuq ir-ristrutturar u l-konverżjoni tal-vinji mħallsa mill-Istat Membru kkonċernat fi kwalunkwe sena finanzjarja partikolari. Jenħtieġ li jiġi ċċarat ukoll li l-kostijiet għall-qlugħ u biex jiġi kkumpensat l-introjtu mitluf, jenħtieġ li ma jikkostitwixxu nefqa eliġibbli taħt dan l-intervent, li għandu biss l-għan li jappoġġa l-kostijiet għat-tħawwil mill-ġdid wara miżuri fitosanitarji obbligatorji. |
(20) |
Għall-finijiet tal-interventi tar-“ristrutturar u l-konverżjoni tal-vinji” u tal-“ħsad bikri”, jixraq li jiġu stabbiliti regoli dwar il-kejl taż-żoni, b’mod partikolari biex jiġi definit x’jikkorrispondi għaż-żona mħawla bid-dwieli, li huwa ta’ importanza partikolari meta l-appoġġ jitħallas abbażi tal-iskali standard tal-kostijiet unitarji bbażati fuq ż-żona. |
(21) |
Sabiex jiġi żgurat funzjonament tajjeb tat-tipi ta’ intervent fis-settur tal-ħops, jixraq li jiġu stabbiliti regoli dwar il-kalkolu tal-assistenza finanzjarja tal-Unjoni. |
(22) |
Sabiex jiġi żgurat funzjonament tajjeb tat-tipi ta’ intervent fis-settur tal-bhejjem, jixraq li jiġu stabbiliti regoli dwar ir-ripopolazzjoni tal-bhejjem wara qatla obbligatorja jew minħabba telf li jirriżulta minn diżastri naturali. |
(23) |
Il-kundizzjonijiet applikabbli għall-impenji biex jiġu ppreservati razez u varjetajiet ta’ pjanti fil-periklu fl-azjendi agrikoli taħt theddida ta’ erożjoni ġenetika, u għal attivitajiet għall-konservazzjoni, l-użu sostenibbli, u l-iżvilupp ta’ riżorsi ġenetiċi fl-agrikoltura u fil-forestrija, jenħtieġ li jikkontribwixxu għall-objettivi speċifiċi relatati mal-ambjent u mal-klima tal-PAK stabbiliti fl-Artikolu 6(1), il-punti (d), (e) u (f) tar-Regolament (UE) 2021/2115. B’mod partikolari, jenħtieġ li jindirizzaw il-ħtieġa li jiġu żgurati l-protezzjoni, il-konservazzjoni u l-promozzjoni tad-diversità ġenetika. |
(24) |
Il-livelli tat-trattament xieraq tal-annimali jenħtieġ li jittejbu billi jiġi pprovdut appoġġ lill-bdiewa li jimpenjaw ruħhom li jadottaw standards ogħla ta’ trobbija tal-annimali, li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti obbligatorji rilevanti. Fejn isiru impenji dwar it-trattament xieraq tal-annimali biex jiġu pprovduti standards imtejba tal-metodi ta’ produzzjoni, jenħtieġ li jiġu ddefiniti ż-żoni. F’dan ir-rigward jenħtieġ li jiġi evitat li dawk l-impenji dwar it-trattament xieraq tal-annimali jikkoinċidu ma’ prattiki standard tal-biedja, b’mod partikolari l-vaċċinazzjoni sabiex jiġu evitati l-patoloġiji. |
(25) |
L-iskemi nazzjonali ta’ kwalità rikonoxxuti jistgħu jipprovdu lill-konsumaturi b’assigurazzjonijiet dwar il-kwalità u l-karatteristiċi tal-prodott jew tal-proċess tal-produzzjoni. Jenħtieġ li jiġu stabbiliti kriterji dwar l-ispeċifiċità tal-prodott finali, l-aċċess għall-iskema, il-verifika ta’ speċifikazzjonijiet vinkolanti tal-prodott, it-trasparenza tal-iskema u t-traċċabbiltà tal-prodotti bl-għan li jittejjeb l-appoġġ tagħhom fl-ambitu tal-interventi tal-iżvilupp rurali. Minħabba l-karatteristiċi speċjali tal-qoton bħala prodott tal-biedja, l-iskemi nazzjonali ta’ kwalità tal-qoton jenħtieġ li jkunu koperti wkoll. |
(26) |
Bl-għan li jiġu appoġġati skemi volontarji ta’ ċertifikazzjoni tal-prodotti agrikoli rikonoxxuti mill-Istati Membri fl-ambitu ta’ interventi ta’ żvilupp rurali u li jkunu allinjati ma’ interventi settorjali, jenħtieġ li jiġu stabbiliti ċerti kriterji oġġettivi. |
(27) |
Bl-għan li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi fir-rigward tal-proporzjon għall-istandard 1 tal-kundizzjoni agrikola u ambjentali tajba (KAAT) kif imsemmi fl-Anness III tar-Regolament (UE) 2021/2115, jenħtieġ li jiġu previsti regoli għall-metodu biex jiġu ddeterminati kemm il-proporzjon ta’ referenza kif ukoll il-proporzjon annwali ta’ bwar permanenti, kif ukoll il-livell li fih dawn jistgħu jiġu stabbiliti. |
(28) |
Bl-għan li tiġi żgurata l-protezzjoni tas-sehem ta’ bwar permanenti, huwa xieraq ukoll li jiġi stabbilit li l-Istati Membri jenħtieġ li jieħdu passi biex jiżguraw ir-rikonverżjoni taż-żoni fil-każ li fih is-sehem ta’ bur permanenti jkun naqas taħt il-limitu ta’ 5 %. Madankollu, jenħtieġ li jiġu previsti derogi għall-każijiet fejn iż-żona assoluta ta’ bur permanenti tibqa’ relattivament stabbli jew fejn it-tnaqqis tas-sehem taħt il-limitu huwa r-riżultat ta’ konverżjonijiet taż-żona għal objettivi li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent u lill-klima, b’mod partikolari t-tisġir u t-tixrib mill-ġdid taż-żoni. |
(29) |
Peress li l-Istati Membri jeħtieġ li jqisu r-regoli stabbiliti f’dan ir-Regolament meta jiżviluppaw il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
TITOLU I
SUĠĠETT
Artikolu 1
Suġġett
Dan ir-Regolament jissupplimenta r-Regolament (UE) 2021/2115 bi:
(a) |
rekwiżiti addizzjonali għal ċerti tipi ta’ intervent, speċifikati mill-Istati Membri fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom li jkopru l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2023 sal-31 ta’ Diċembru 2027:
|
(b) |
regoli dwar il-proporzjon għall-istandard 1 tal-kundizzjoni agrikola u ambjentali tajba (KAAT). |
TITOLU II
REKWIŻITI ADDIZZJONALI GĦAL ĊERTI TIPI TA’ INTERVENT FIL-FORMA TA’ PAGAMENTI DIRETTI
KAPITOLU I
Qanneb
Artikolu 2
Rekwiżiti addizzjonali ta’ eliġibbiltà
Meta, fid-definizzjonijiet fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom, l-Istati Membri jipprovdu d-definizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) 2021/2115, huma għandhom jagħmlu l-għoti ta’ pagamenti għall-produzzjoni tal-qanneb soġġett għall-użu ta’ żrieragħ ta’ varjetajiet ta’ qanneb li jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:
(a) |
huma elenkati fil-Katalogu Komuni tal-Varjetajiet ta’ Speċijiet ta’ Pjanti Agrikoli fil-15 ta’ Marzu tas-sena li għaliha jingħata l-pagament u ppubblikati f’konformità mal-Artikolu 17 tad-Direttiva tal-Kunsill 2002/53/KE (4); |
(b) |
il-kontenut ta’ Δ9-tetraidrokannabinol tagħhom (minn hawn ’il quddiem “kontenut ta’ THC”) ma jaqbiżx għal sentejn konsekuttivi l-limitu kif stabbilit fl-Artikolu 4(4), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2021/2115; |
(c) |
huma ċċertifikati f’konformità mad-Direttiva tal-Kunsill 2002/57/KE (5) jew f’konformità mal-Artikolu 10 tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2008/62/KE (6) fil-każ ta’ varjetajiet ta’ konservazzjoni. |
Artikolu 3
Verifika tal-varjetajiet tal-qanneb u determinazzjoni kwantitattiva tal-kontenut ta’ THC
1. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sistema ta’ verifika għad-determinazzjoni tal-kontenut ta’ THC f’varjetajiet tal-qanneb, li tippermettilhom japplikaw il-metodu għall-verifika tal-varjetajiet tal-qanneb u d-determinazzjoni kwantitattiva tal-kontenut ta’ THC f’varjetajiet tal-qanneb stabbilit fl-Anness I.
2. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru għandha żżomm ir-rekords relatati mas-sejbiet dwar il-kontenut ta’ THC. Għal kull varjetà, dawn ir-rekords għandu jkun fihom tal-inqas ir-riżultati f’termini tal-kontenut ta’ THC minn kull kampjun, mogħtija bħala perċentwal b’żewġ ċifri wara l-punt deċimali, il-proċedura użata, l-għadd ta’ testijiet li jkunu twettqu, indikazzjoni tal-punt meta ttieħed il-kampjun u l-miżuri meħuda fuq livell nazzjonali.
3. Jekk medja tal-kampjuni kollha ta’ varjetà partikolari taqbeż il-kontenut ta’ THC kif stabbilit fl-Artikolu 4(4), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2021/2115, l-Istati Membri għandhom jużaw il-proċedura B deskritta fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament għall-varjetà kkonċernata matul is-sena tat-talba ta’ wara. Dik il-proċedura għandha tintuża matul is-snin ta’ talba ta’ wara sakemm ir-riżultati analitiċi kollha għall-varjetà partikolari ma jkunux taħt il-kontenut ta’ THC kif stabbilit fl-Artikolu 4(4), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2021/2115.
4. Jekk għat-tieni sena l-medja tal-kampjuni kollha ta’ varjetà partikolari taqbeż il-kontenut ta’ THC kif stabbilit fl-Artikolu 4(4), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2021/2115, l-Istat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni l-isem tal-varjetà kkonċernata sa mhux aktar tard mill-15 ta’ Jannar tas-sena tat-talba ta’ wara. Minn dik is-sena tat-talba, il-kultivazzjoni tal-varjetà partikolari ma għandhiex tagħti dritt għal pagamenti diretti fl-Istat Membru kkonċernat.
5. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-produtturi tal-qanneb ikunu informati fil-ħin dwar l-ismijiet tal-varjetajiet tal-qanneb li jkunu ineliġibbli għall-pagament dirett f’konformità mal-Artikolu 4(4), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2021/2115 wara notifika skont il-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu billi l-informazzjoni notifikata ssir pubblika mhux aktar tard mid-data għas-sottomissjoni tal-applikazzjoni unika.
Artikolu 4
Għalla tat-titwiq
Għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu, il-“qanneb ikkultivat bħala għalla tat-titwiq” tfisser għalla tal-qanneb miżrugħa wara t-30 ta’ Ġunju ta’ sena partikolari.
Artikolu 5
Rekwiżiti tal-kultivazzjoni
L-għelejjel tal-qanneb għandhom jibqgħu jiġu kkultivati f’kundizzjonijiet normali ta’ tkabbir f’konformità mal-prattika lokali għal mill-inqas 10 ijiem wara d-data meta tintemm il-fjoritura sabiex ikunu jistgħu jsiru l-verifiki meħtieġa għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu.
Il-qanneb ikkultivat bħala għalla tat-titwiq għandu jibqa’ jiġi kkultivat f’kundizzjonijiet normali tat-tkabbir f’konformità mal-prattika lokali tal-inqas sa tmiem il-perjodu tal-veġetazzjoni.
L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw li l-qanneb jinħasad qabel ma jintemm il-perjodu ta’ 10 ijiem wara tmiem il-fjoritura, dment li l-ħsad isir wara li tkun bdiet il-fjoritura u li l-ispetturi jindikaw liema partijiet rappreżentattivi minn kull roqgħa art ikkonċernata għandhom jibqgħu jiġu kkultivati għal mill-inqas 10 ijiem minn meta tintemm il-fjoritura għall-għanijiet ta’ spezzjoni, f’konformità mal-metodu stabbilit fl-Anness I.
KAPITOLU II
Qoton
Artikolu 6
Awtorizzazzjoni ta’ art agrikola għall-produzzjoni tal-qoton
L-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 36 tar-Regolament (UE) 2021/2115 għandhom jistabbilixxu, fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom, kriterji oġġettivi għall-awtorizzazzjoni tal-art agrikola skont l-Artikolu 37(3) ta’ dak ir-Regolament.
Dawk il-kriterji għandhom ikunu bbażati fuq wieħed jew aktar minn dawn li ġejjin:
(a) |
l-ekonomija agrikola ta’ dawk ir-reġjuni fejn il-qoton huwa għalla ewlenija; |
(b) |
il-ħamrija u l-klima fiż-żoni inkwistjoni; |
(c) |
il-ġestjoni tal-ilma tat-tisqija; |
(d) |
is-sistemi ta’ rotazzjoni u l-metodi ta’ kultivazzjoni li x’aktarx jirrispettaw l-ambjent. |
Artikolu 7
Awtorizzazzjoni ta’ varjetajiet għaż-żrigħ
L-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 36 tar-Regolament (UE) 2021/2115 għandhom jistabbilixxu, fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom, liema varjetajiet, irreġistrati fil-Katalgu Komuni tal-Varjetajiet ta’ Speċijiet ta’ Pjanti Agrikoli previst fid-Direttiva 2002/53/KE u adattat għall-ħtiġijiet tagħhom tas-suq, huma awtorizzati għaż-żrigħ.
Artikolu 8
Kundizzjonijiet addizzjonali biex wieħed jirċievi l-pagament speċifiku għall-għelejjel għall-qoton
Għall-pagamenti speċifiċi għall-għelejjel għall-qoton imsemmi fl-Artikolu 37(1) tar-Regolament (UE) 2021/2115, l-Istati Membri msemmijin fl-Artikolu 36 ta’ dak ir-Regolament għandhom jistabbilixxu, fil-Pjan Strateġiku tal-PAK tagħhom, densità minima tal-pjanti fiż-żona miżrugħa stabbilita abbażi tal-kundizzjonijiet tal-ħamrija u tat-temp u, fejn xieraq, tal-karatteristiċi reġjonali speċifiċi.
Artikolu 9
Approvazzjoni ta’ organizzazzjonijiet interprofessjonali
1. L-approvazzjoni ta’ organizzazzjoni interprofessjonali skont it-tifsira tal-Artikolu 39(1) tar-Regolament (UE) 2021/2115 għandha tiġi approvata mill-Istat Membru fejn il-ħallieġa huma stabbiliti u għal perjodu ta’ sena, li jibda fi żmien xieraq qabel l-istaġun taż-żrigħ ta’ dik is-sena, dment li l-organizzazzjoni tissodisfa l-kriterji li ġejjin:
(a) |
din tkopri erja totali ta’ mill-inqas 4 000 ettaru li jissodisfaw il-kriterji ta’ awtorizzazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 6 ta’ dan ir-Regolament; |
(b) |
hija adottat regoli operattivi interni, b’mod partikolari dwar il-kundizzjonijiet u t-tariffi tas-sħubija, f’konformità mar-regoli tal-Unjoni u dawk nazzjonali. |
2. Meta jinstab li organizzazzjoni interprofessjonali approvata ma tibqax tissodisfa l-kriterji għall-approvazzjoni previsti fil-paragrafu 1, l-Istat Membru li jkun ta l-approvazzjoni għandu jirtira l-approvazzjoni, sakemm in-nuqqas ta’ konformità ma jiġix rimedjat fi żmien skadenza li għandha tiġi stabbilita mill-Istat Membru fid-deċiżjoni tal-irtirar. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru responsabbli għandha tinnotifika lill-organizzazzjoni interprofessjonali bl-intenzjoni tagħha li tirtira approvazzjoni, flimkien mar-raġunijiet għall-irtirar, minn qabel. Hija għandha tagħti lill-organizzazzjoni interprofessjonali l-opportunità li tissottometti l-osservazzjonijiet tagħha f’perjodu ta’ żmien speċifikat fin-notifika tal-irtirar ippjanat.
Il-bdiewa li huma membri ta’ organizzazzjoni interprofessjonali approvata li l-approvazzjoni tagħha tiġi rtirata f’konformità mal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, ma għandhomx ikunu eliġibbli li jirċievu ż-żieda tal-pagament speċifiku għall-għelejjel għall-qoton skont l-Artikolu 40(2) tar-Regolament (UE) 2021/2115.
Artikolu 10
Obbligi għall-bdiewa li jipproduċu l-qoton
1. Bidwi ma għandux ikun membru ta’ aktar minn organizzazzjoni interprofessjonali approvata waħda msemmija fl-Artikolu 39(1) tar-Regolament (UE) 2021/2115.
2. Bidwi li jkun membru ta’ organizzazzjoni interprofessjonali approvata għandu jwassal il-qoton biss lil ħallieġ tal-qoton u li jifforma parti mill-istess organizzazzjoni.
3. Il-parteċipazzjoni tal-bdiewa f’organizzazzjoni interprofessjonali approvata għandha tkun ir-riżultat ta’ sħubija volontarja.
TITOLU III
REKWIŻITI ADDIZZJONALI GĦAL ĊERTI TIPI TA’ INTERVENT FIS-SETTURI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 42 TAR-REGOLAMENT (UE) 2021/2115
KAPITOLU I
Regoli komuni applikabbli għall-interventi fis-settur tal-frott u tal-ħxejjex, fis-settur tal-apikultura, fis-settur tal-inbid, fis-settur tal-ħops, fis-settur taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-mejda u fis-setturi l-oħra msemmija fit-Titolu III, il-Kapitolu III tar-Regolament (UE) 2021/2115
Artikolu 11
Investimenti f’assi tanġibbli u intanġibbli
1. Meta, fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom, l-Istati Membri jinkludu investimenti f’assi tanġibbli u intanġibbli kif previst fis-settur tal-frott u l-ħxejjex, fis-settur tal-apikultura, fis-settur tal-inbid, fis-settur tal-ħops, fis-settur taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-mejda u fis-setturi l-oħra msemmija fl-Artikolu 42, il-punt (f), tar-Regolament (UE) 2021/2115, huma għandhom jipprevedu dan li ġej:
(a) |
l-assi tanġibbli u intanġibbli miksuba jintużaw skont in-natura, l-objettivi u l-użu maħsub mill-benefiċjarju, kif deskritt fl-interventi relatati tal-Pjan Strateġiku tal-PAK u, fejn rilevanti, fil-programm operazzjonali approvat; |
(b) |
mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 10, l-assi tanġibbli u intanġibbli akkwistati jibqgħu kemm fil-proprjetà kif ukoll fil-pussess tal-benefiċjarju sa tmiem il-perijodu ta’ deprezzament fiskali jew matul perjodu ta’ mill-inqas ħames snin li għandu jiġi stabbilit mill-Istati Membri filwaqt li titqies in-natura tal-assi. Kull wieħed minn dawn il-perjodi għandu jiġi kkalkulat mid-data tal-akkwiżizzjoni tal-assi jew mid-data li fiha l-assi jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu perjodu iqsar li matulu l-assi għandu jibqa’ fil-proprjetà u fil-pussess tal-benefiċjarju, iżda dan il-perjodu ma għandux ikun inqas minn tliet snin għall-fini ta’ manutenzjoni ta’ investimenti jew impjiegi maħluqa minn intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju skont it-tifsira tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE (7). |
L-investimenti f’assi tanġibbli msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom isiru fil-bini tal-benefiċjarju jew, fejn rilevanti, fil-bini tal-membri produtturi tiegħu jew tas-sussidjarji tiegħu li jikkonformaw mar-rekwiżit ta’ 90 % msemmi fl-Artikolu 31(7) ta’ dan ir-Regolament. Madankollu, fis-settur tal-apikultura, fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom l-Istati Membri jistgħu jipprevedu wkoll investimenti f’assi tanġibbli li jsiru barra mill-bini tal-benefiċjarju.
Meta l-investiment isir fuq art mikrija skont regoli nazzjonali partikolari dwar il-proprjetà, ir-rekwiżit li wieħed ikun fil-proprjetà tal-benefiċjarju jista’ ma japplikax dment li l-assi kienu fil-pussess tal-benefiċjarju għal mill-inqas il-perjodu meħtieġ fil-paragrafu (b) tal-ewwel subparagrafu.
2. L-Istati Membri jistgħu jipprevedu fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom li l-appoġġ għal investimenti f’assi tanġibbli u intanġibbli, inklużi dawk taħt kuntratti ta’ lokazzjoni, jista’ jiġi ffinanzjat f’ammont wieħed jew f’pagamenti parzjali li ġew approvati, fejn rilevanti, fil-programm operazzjonali jew kif speċifikat mill-Istati Membri fl-interventi rilevanti.
Jekk il-perjodu msemmi fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, il-punt (b), għal investiment partikolari jaqbeż it-tul tal-programm operazzjonali, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li dan jista’ jiġi ttrasferit għal programm operazzjonali sussegwenti.
Meta fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom, l-Istati Membri jipprovdu appoġġ għal investimenti f’assi tanġibbli u intanġibbli, li jsegwu l-objettivi agroambjentali klimatiċi msemmija fl-Artikoli 46, il-punti (e) u (f), u 57, il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2021/2115, tali investimenti għandhom isegwu wieħed jew aktar mill-objettivi elenkati fl-Artikolu 12(1) ta’ dan ir-Regolament.
3. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom appoġġ għal investimenti f’assi tanġibbli li jikkonsistu f’sistemi li jiġġeneraw l-enerġija dment li l-ammont ta’ enerġija ġġenerata ma jaqbiżx l-ammont ta’ enerġija li tista’ tintuża fuq bażi annwali għall-attivitajiet normali tal-benefiċjarju.
4. Fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu appoġġ għal investimenti fl-irrigazzjoni dment li:
(a) |
jiġu stabbiliti perċentwali għall-miri minimi għall-iffrankar tal-ilma, kemm f’termini ta’ tnaqqis potenzjali kif ukoll ta’ tnaqqis effettiv fl-użu tal-ilma, li jridu jintlaħqu mill-benefiċjarju tal-appoġġ, u bil-kundizzjoni li l-Pjan Strateġiku tal-PAK juri li tali miri għall-iffrankar tal-ilma ġew determinati b’kunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet stabbiliti fil-pjanijiet ta’ mmaniġġjar tal-baċin tax-xmara msemmija fid-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8); |
(b) |
ikun hemm sistema ta’ arloġġ tal-ilma li tippermetti l-kejl tal-użu tal-ilma fil-livell tal-azjenda jew tal-unità ta’ produzzjoni rilevanti jew inkella tiġi stabbilita bħala parti mill-investiment; |
(c) |
fil-każ ta’ investimenti speċifiċi fl-irrigazzjoni msemmija fil-paragrafi 5 sa 8, il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dawk il-paragrafi jkunu ssodisfati. |
5. Appoġġ għall-investimenti fit-titjib ta’ installazzjoni tal-irrigazzjoni eżistenti jew element tal-infrastruttura tal-irrigazzjoni jista’ jiġi pprovdut bil-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a) |
l-investimenti jiġu vvalutati mill-benefiċjarju ex ante bħala li juru ffrankar potenzjali tal-ilma li jirrifletti l-parametri tekniċi tal-installazzjonijiet jew tal-infrastrutturi eżistenti; |
(b) |
l-investimenti jaffettwaw korpi tal-ilma ta’ taħt l-art jew tal-ilma tal-wiċċ li l-istatus tagħhom ikun ġie identifikat bħala inqas minn tajjeb fil-pjan ta’ mmaniġġjar tal-baċin tax-xmara rilevanti kif previst fid-Direttiva 2000/60/KE għal raġunijiet relatati mal-kwantità tal-ilma, u jinkiseb tnaqqis effettiv fl-użu tal-ilma li jikkontribwixxi għall-kisba ta’ status tajjeb ta’ dawk il-korpi tal-ilma, kif stabbilit fl-Artikolu 4(1) ta’ dik id-Direttiva. |
Il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-ewwel subparagrafu, il-punti (a) u (b), ma għandhomx japplikaw għall-investimenti, li jkunu saru b’appoġġ għat-titjib ta’ installazzjoni tal-irrigazzjoni eżistenti jew elementi ta’ infrastruttura tal-irrigazzjoni, relatati mal-ħolqien ta’ ġibjun jew mal-użu ta’ ilma reklamat li ma jaffettwax korp ta’ ilma ta’ taħt l-art jew ta’ ilma tal-wiċċ.
6. Appoġġ għall-investimenti fl-irrigazzjoni li jirriżulta f’żieda netta fl-effett taż-żona irrigata fuq korp partikolari ta’ ilma ta’ taħt l-art jew tal-wiċċ jista’ jiġi pprovdut bil-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a) |
l-istatus tal-korp tal-ilma ma jkunx ġie identifikat bħala inqas minn tajjeb fil-pjan ta’ mmaniġġjar tal-baċin tax-xmara rilevanti għal raġunijiet relatati mal-kwantità tal-ilma; |
(b) |
analiżi tal-impatt ambjentali turi li mhux se jkun hemm impatt ambjentali negattiv sinifikanti mill-investiment; dik l-analiżi tal-impatt ambjentali għandha titwettaq mill-awtorità kompetenti jew tiġi approvata minnha. |
7. Appoġġ għal investimenti fl-użu tal-ilma reklamat bħala provvista alternattiva tal-ilma jista’ jiġi pprovdut biss bil-kundizzjoni li l-użu ta’ tali ilma jkunu konformi mar-Regolament (UE) 2020/741 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9).
8. Jista’ jiġi pprovdut appoġġ għall-investiment fil-ħolqien jew l-espansjoni ta’ ġibjun għall-fini tal-irrigazzjoni bil-kundizzjoni li ma jwassalx għal impatt ambjentali negattiv sinifikanti.
9. L-Istati Membri għandhom jiżguraw l-irkupru tal-assistenza finanzjarja tal-Unjoni mill-benefiċjarju, jekk isseħħ waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin fil-perjodu msemmi fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, il-punt (b):
(a) |
waqfien tal-attività tal-benefiċjarju jew trasferiment lil entità oħra; |
(b) |
rilokazzjoni ta’ attività produttiva barra miż-żona ġeografika kkultivata mill-benefiċjarju jew, fejn rilevanti, mill-membri tiegħu; |
(c) |
bidla fis-sjieda, b’mod partikolari meta tagħti vantaġġ mhux dovut lil ditta jew lil korp pubbliku; jew |
(d) |
kwalunkwe bidla sinifikanti oħra li taffettwa n-natura, l-objettivi jew il-kundizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tal-intervent ikkonċernat li tirriżulta fl-imminar tal-objettivi oriġinali tiegħu. |
Fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità mill-benefiċjarju mal-kundizzjonijiet ipprovduti mill-Istati Membri fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom abbażi tal-paragrafi 1 sa 8 u l-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw l-irkupru tal-assistenza finanzjarja tal-Unjoni b’mod proporzjonat għad-durata tan-nuqqas ta’ konformità.
L-Istati Membri jistgħu jagħżlu li ma jirkuprawx l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni meta l-benefiċjarju jwaqqaf attività produttiva minħabba falliment mhux frodulenti.
Jekk membru produttur iħalli l-organizzazzjoni jew il-grupp ta’ produtturi tiegħu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-investiment jew il-valur residwu tiegħu jiġi rkuprat mill-benefiċjarju u li l-valur residwu tiegħu jiżdied mal-fond operazzjonali.
F’ċirkostanzi debitament ġustifikati, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-benefiċjarju ma jkunx meħtieġ jirkupra l-investiment jew il-valur residwu tiegħu.
10. Fejn l-assi, li għalihom ġew appoġġati l-investimenti, jiġu sostitwiti, il-valur residwu tal-investimenti sostitwiti għandu:
(a) |
jiżdied mal-fond operazzjonali tal-organizzazzjoni tal-produtturi; jew |
(b) |
jitnaqqas mill-kost tas-sostituzzjoni. |
Minkejja l-ewwel subparagrafu, fil-Pjanijiet Strateġiċi tagħhom, l-Istati Membri ma jistgħux jipprovdu sostituzzjoni sempliċi tal-investimenti b’assi identiċi.
11. L-Istati Membri ma għandhomx jipprovdu għall-investimenti speċifikati bħala interventi fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom, jekk dawk l-interventi jirċievu appoġġ skont l-Artikolu 58(1), l-ewwel subparagrafu, il-punti (h) sa (k), ta’ dak ir-Regolament.
Artikolu 12
Interventi relatati ma’ objettivi agroambjentali-klimatiċi
1. Meta, fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom, l-Istati Membri jinkludu interventi li jkollhom objettivi agroambjentali-klimatiċi fis-settur tal-frott u l-ħxejjex, fis-settur tal-apikultura, fis-settur tal-inbid, fis-settur tal-ħops, fis-settur taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-mejda jew fis-setturi l-oħra msemmija fl-Artikolu 42, il-punt (f), tar-Regolament (UE) 2021/2115, fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom għandhom jipprovdu li l-interventi koperti jsegwu waħda mill-miri li ġejjin:
(a) |
jiksbu tnaqqis fl-użu attwali tal-inputs tal-produzzjoni, tal-emissjonijiet ta’ inkwinanti jew tal-iskart mill-proċess tal-produzzjoni; |
(b) |
jiksbu s-sostituzzjoni tal-użu ta’ enerġija minn sorsi ta’ fjuwil fossili b’sorsi ta’ enerġija rinnovabbli; |
(c) |
jiksbu tnaqqis fir-riskji ambjentali marbuta mal-użu ta’ ċerti inputs tal-produzzjoni jew mal-produzzjoni ta’ ċerti residwi, inklużi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, fertilizzanti, demel jew rifjuti oħrajn tal-annimali; |
(d) |
jiksbu tnaqqis fl-użu tal-ilma; |
(e) |
ikunu marbuta ma’ investimenti mhux produttivi meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi agroambjentali klimatiċi, b’mod partikolari fejn dawk l-objettivi jkunu relatati mal-protezzjoni tal-ħabitats u tal-bijodiversità; |
(f) |
jiksbu tnaqqis effettiv u li jista’ jitkejjel tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra jew sekwestru tal-karbonju dejjiemi; |
(g) |
iżidu r-reżiljenza tal-produzzjoni għal riskji marbuta mat-tibdil fil-klima, bħall-erożjoni tal-ħamrija; |
(h) |
jiksbu l-konservazzjoni, l-użu sostenibbli u l-iżvilupp tar-riżorsi ġenetiċi; jew |
(i) |
iwasslu għall-protezzjoni tal-ambjent jew għal titjib fl-ambjent. |
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-benefiċjarji jipprovdu evidenza tal-kontribut pożittiv mistenni għal objettiv ambjentali wieħed jew aktar fil-mument tas-sottomissjoni għall-approvazzjoni tal-programm operazzjonali propost, tal-intervent jew tal-emenda ta’ tali programm jew intervent.
2. L-interventi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom isiru fil-bini tal-benefiċjarju jew, fejn rilevanti, fil-bini tal-membri produtturi tiegħu jew fil-bini tas-sussidjarji tiegħu li jikkonformaw mar-rekwiżit ta’ 90 % msemmi fl-Artikolu 31(7) ta’ dan ir-Regolament. Madankollu, fis-settur tal-apikultura, fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom l-Istati Membri jistgħu jipprovdu wkoll għal tali interventi li jsiru barra mill-bini tal-benefiċjarju. Il-benefiċċju mistenni u l-impatt addizzjonali tal-intervent relatat mal-objettivi agroambjentali klimatiċi għandhom jintwerew ex ante permezz ta’ speċifikazzjonijiet tal-proġett jew dokumenti tekniċi oħrajn li għandhom jiġu ppreżentati mill-benefiċjarju fil-mument tas-sottomissjoni tal-operazzjoni, tal-programm operazzjonali jew tal-emenda ta’ tali programm jew operazzjoni għall-approvazzjoni, li juru r-riżultati li jistgħu jinkisbu permezz tal-implimentazzjoni tal-intervent.
3. Meta jiddeterminaw in-nefqa li għandha tiġi koperta, l-Istati Membri għandhom iqisu l-kostijiet addizzjonali mġarrba u l-introjtu mitluf li jirriżultaw mill-interventi implimentati relatati mal-objettivi agroambjentali-klimatiċi, u l-miri stabbiliti.
4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-benefiċjarji li jimplimentaw l-interventi relatati mal-objettivi agroambjentali-klimatiċi jkollhom aċċess għall-għarfien u għall-informazzjoni rilevanti meħtieġa biex jimplimentaw tali interventi, u li jkun hemm disponibbli taħriġ xieraq għal dawk li jkunu jeħtiġuh, kif ukoll aċċess għall-għarfien espert sabiex bdiewa li jimpenjaw ruħhom li jibdlu s-sistemi ta’ produzzjoni tagħhom jiġu megħjunin.
5. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tiġi pprovduta klawżola ta’ reviżjoni fil-programmi operazzjonali għall-operazzjonijiet implimentati taħt interventi relatati mal-objettivi agroambjentali-klimatiċi fis-settur tal-frott u l-ħxejjex, fis-settur tal-ħops, fis-settur taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-mejda, u f’setturi oħra msemmija fl-Artikolu 42, il-punt (f), tar-Regolament (UE) 2021/2115, sabiex jiżguraw li jiġu aġġustati fil-każ ta’ emendi għal kwalunkwe standard, rekwiżit jew obbligu obbligatorju rilevanti.
Artikolu 13
Coaching
1. Meta, fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom, l-Istati Membri jinkludu interventi ta’ coaching fis-settur tal-frott u l-ħxejjex, fis-settur tal-ħops, fis-settur taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-mejda jew f’setturi oħra msemmija fl-Artikolu 42, il-punt (f), tar-Regolament (UE) 2021/2115, fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom għandhom jipprovdu li l-interventi koperti jsegwu wieħed mill-objettivi li ġejjin:
(a) |
jiskambjaw l-aħjar prattiki relatati mal-interventi ta’ prevenzjoni u ta’ ġestjoni tal-kriżijiet li jgħinu lill-benefiċjarju jibbenefika mill-esperjenza fl-implimentazzjoni tal-interventi ta’ prevenzjoni tal-kriżijiet u ta’ mmaniġġjar tar-riskju; |
(b) |
jippromwovu l-istabbiliment ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi ġodda, il-fużjoni ta’ dawk eżistenti jew il-possibbiltà li produtturi individwali jissieħbu f’organizzazzjoni tal-produtturi eżistenti kif ukoll l-għoti ta’ pariri lill-gruppi tal-produtturi dwar kif jaslu għar-rikonoxximent bħala organizzazzjoni tal-produtturi skont ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013; |
(c) |
joħolqu opportunitajiet ta’ networking għall-fornituri u għar-riċevituri tal-coaching, b’mod partikolari l-mezzi ta’ kummerċjalizzazzjoni bħala mezz ta’ prevenzjoni u ġestjoni ta’ kriżijiet. |
2. Il-fornitur tal-coaching għandu jkun organizzazzjoni tal-produtturi, assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, organizzazzjoni transnazzjonali tal-produtturi, assoċjazzjoni transnazzjonali ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi jew grupp ta’ produtturi. Il-fornitur tal-coaching għandu jibbenefika mill-appoġġ għall-intervent ta’ coaching.
3. Ir-riċevitur tal-coaching għandu jkun organizzazzjoni tal-produtturi, assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, organizzazzjoni transnazzjonali tal-produtturi, assoċjazzjoni transnazzjonali ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi jew grupp ta’ produtturi, il-produtturi individwali, membri jew dawk li ma humiex membri ta’ organizzazzjoni tal-produtturi, l-assoċjazzjonijiet tagħhom jew grupp ta’ produtturi.
4. Il-kostijiet eliġibbli kollha relatati mal-attività ta’ coaching għandhom jitħallsu lill-fornitur tal-coaching li jinkludi dan l-intervent fil-programm operazzjonali tiegħu.
5. L-interventi ta’ coaching ma għandhomx jiġu esternalizzati.
Artikolu 14
Promozzjoni, komunikazzjoni u kummerċjalizzazzjoni
Meta, fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom, l-Istati Membri jinkludu interventi ta’ promozzjoni, komunikazzjoni u kummerċjalizzazzjoni fis-settur tal-frott u l-ħxejjex, fis-settur tal-inbid, fis-settur tal-ħops, fis-settur taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-mejda jew f’setturi oħra msemmija fl-Artikolu 42, il-punt (f), tar-Regolament (UE) 2021/2115, fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom għandhom jipprovdu li l-interventi koperti jsegwu wieħed mill-objettivi li ġejjin:
(a) |
iż-żieda fis-sensibilizzazzjoni dwar il-merti tal-prodotti agrikoli tal-Unjoni u l-istandards għoljin applikabbli għall-metodi ta’ produzzjoni tagħhom fl-Unjoni; |
(b) |
iż-żieda fil-kompetittività u fil-konsum tal-prodotti agrikoli u ċerti prodotti pproċessati tal-Unjoni magħmula fl-Unjoni u l-promozzjoni tal-profil tagħhom kemm fl-Unjoni kif ukoll barra minnha għal setturi għajr l-inbid; |
(c) |
iż-żieda fis-sensibilizzazzjoni dwar l-iskemi ta’ kwalità tal-Unjoni kemm fl-Unjoni kif ukoll barra minnha; |
(d) |
iż-żieda fis-sehem mis-suq tal-prodotti agrikoli tal-Unjoni u ta’ ċerti prodotti pproċessati magħmula fl-Unjoni, b’enfasi speċifika fuq dawk is-swieq f’pajjiżi terzi li għandhom l-akbar potenzjal ta’ tkabbir; |
(e) |
il-kontribut, fejn rilevanti, biex jitreġġgħu lura l-kundizzjonijiet normali tas-suq fis-suq tal-Unjoni fil-każ ta’ tfixkil serju tas-suq, telf ta’ fiduċja tal-konsumatur jew problemi speċifiċi oħrajn; |
(f) |
iż-żieda fis-sensibilizzazzjoni dwar il-produzzjoni sostenibbli; |
(g) |
iż-żieda fis-sensibilizzazzjoni tal-konsumaturi dwar il-marki jew it-trademarks tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi, tal-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi, tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi transnazzjonali, tal-assoċjazzjonijiet transnazzjonali tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-settur tal-frott u l-ħxejjex; |
(h) |
id-diversifikazzjoni, il-ftuħ u l-konsolidazzjoni tas-swieq għall-inbejjed tal-Unjoni f’pajjiżi terzi u ż-żieda fis-sensibilizzazzjoni dwar il-kwalitajiet intrinsiċi tal-inbejjed tal-Unjoni f’dawk is-swieq. Referenza għall-oriġini u l-marki tal-inbid tista’ biss tintuża meta tikkomplementa l-promozzjoni, il-komunikazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-inbejjed tal-Unjoni f’pajjiżi terzi; |
(i) |
l-informazzjoni lill-konsumaturi dwar il-konsum responsabbli tal-inbid. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-materjal promozzjonali għall-promozzjoni ġenerika u għall-promozzjoni tat-tikketti tal-kwalità jkollu l-emblema tal-Unjoni u jinkludi d-dikjarazzjoni li ġejja: “Iffinanzjati mill-Unjoni Ewropea”. L-emblema u d-dikjarazzjoni tal-finanzjament għandhom jintwerew f’konformità mal-karatteristiċi tekniċi stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 821/2014 (10). |
Artikolu 15
Fondi mutwi
1. Meta, fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom, l-Istati Membri jinkludu interventi ta’ fondi mutwi fis-settur tal-frott u l-ħxejjex, fis-settur tal-ħops, fis-settur taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-mejda jew f’setturi oħra msemmija fl-Artikolu 42, il-punt (f), tar-Regolament (UE) 2021/2115, għandhom jipprovdu l-kundizzjonijiet ta’ implimentazzjoni għall-kost amministrattiv tal-istabbiliment, il-mili u, fejn xieraq, il-mili mill-ġdid tal-fondi mutwi.
2. In-nefqa eliġibbli fuq il-kost amministrattiv tal-istabbiliment ta’ fondi mutwi fis-settur tal-frott u l-ħxejjex, fis-settur tal-ħops, fis-settur taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-mejda u f’setturi oħra msemmija fl-Artikolu 42, il-punt (f), tar-Regolament (UE) 2021/2115 għandha tinkludi kemm l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni kif ukoll il-kontribuzzjoni mill-benefiċjarju. L-ammont tan-nefqa eliġibbli ma għandux jaqbeż l-20 %, is-16 % jew it-8 % tal-kontribuzzjoni tal-benefiċjarju għall-kapital tal-fond mutwu fl-ewwel, fit-tieni u fit-tielet sena tal-operat tiegħu, rispettivament.
3. Benefiċjarju jista’ jirċievi appoġġ għall-kost amministrattiv tal-istabbiliment ta’ fondi mutwi fis-settur tal-frott u l-ħxejjex, fis-settur tal-ħops, fis-settur taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-mejda u f’setturi oħra msemmija fl-Artikolu 42, il-punt (f) tar-Regolament (UE) 2021/2115, darba biss u biss fl-ewwel tliet snin tal-operat tal-fond mutwu.
Meta benefiċjarju japplika għal dak l-appoġġ fit-tieni jew fit-tielet sena tal-operat tal-fondi mutwi biss, l-appoġġ għandu jkun ta’ 16 % jew ta’ 8 % tal-kontribuzzjoni tal-benefiċjarju għall-kapital tal-fond mutwu fit-tieni u fit-tielet sena tal-operat tiegħu, rispettivament.
4. Meta, fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom l-Istati Membri jinkludu l-interventi ta’ fondi mutwi fis-settur tal-inbid kif imsemmi fl-Artikolu 58(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt (l) tar-Regolament (UE) 2021/2115, huma għandhom jillimitaw l-appoġġ tal-Unjoni għall-kost amministrattiv tal-istabbiliment tal-fondi mutwi fis-settur tal-inbid għal:
(a) |
20 % tal-kontribuzzjoni tal-produtturi għall-fond mutwu fl-ewwel sena; |
(b) |
16 % tal-kontribuzzjoni tal-produtturi għall-fond mutwu fit-tieni sena; |
(c) |
8 % tal-kontribuzzjoni tal-produtturi għall-fond mutwu fit-tielet sena. |
Il-perjodu ta’ appoġġ ma għandux jaqbeż it-tliet snin.
Artikolu 16
Tħawwil mill-ġdid ta’ ġonna b’siġar tal-frott, imsaġar taż-żebbuġ jew vinji wara l-qlugħ obbligatorju
1. Meta, fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom, l-Istati Membri jinkludu interventi fis-settur tal-frott u l-ħxejjex, fis-settur taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-mejda, fis-settur tal-inbid jew f’setturi oħra msemmija fl-Artikolu 42, il-punt (f), tar-Regolament (UE) 2021/2115, fil-forma ta’ tħawwil mill-ġdid ta’ ġonna b’siġar tal-frott, imsaġar taż-żebbuġ jew vinji wara l-qlugħ obbligatorju għal raġunijiet ta’ saħħa jew fitosanitarji jew, fil-każ tas-siġar tal-frott u l-imsaġar taż-żebbuġ, biex jadattaw għat-tibdil fil-klima, huma għandhom jiżguraw li l-benefiċjarji jikkonformaw mar-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11) meta jimplimentaw dawn l-interventi.
2. In-nefqa għat-tħawwil mill-ġdid ta’ ġonna b’siġar tal-frott jew tal-imsaġar taż-żebbuġ ma għandhiex taqbeż l-20 % tan-nefqa totali fl-ambitu ta’ kull programm operazzjonali jew intervent rilevanti.
Artikolu 17
Ħsad bikri u naqqas ta’ ħsad
1. Meta, fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom, l-Istati Membri jinkludu interventi fis-settur tal-frott u l-ħxejjex, fis-settur tal-inbid, fis-settur tal-ħops, fis-settur taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-mejda jew f’setturi oħra msemmija fl-Artikolu 42, il-punt (f), tar-Regolament (UE) 2021/2115, fil-forma ta’ “ħsad bikri” għal dawn is-setturi u “nuqqas ta’ ħsad” għal dawn is-setturi ħlief għall-inbid, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawn l-interventi jkunu addizzjonali għall-prattiki ta’ kultivazzjoni normali u differenti minnhom, u li jikkonċernaw 100 % tal-produzzjoni mistennija tal-prodott ikkonċernat f’roqgħa partikolari.
Il-“ħsad bikri” għandu jikkonsisti mill-ħsad totali f’żona partikolari ta’ prodotti mhux maturi u mhux kummerċjabbli li ma saritilhomx ħsara qabel il-ħsad bikri. “Nuqqas ta’ ħsad” għandu jikkonsisti fit-tmiem taċ-ċiklu tal-produzzjoni attwali fiż-żona kkonċernata fejn il-prodott huwa żviluppat sew u huwa ta’ kwalità tajba, ġusta u kummerċjabbli.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-interventi ta’ ħsad bikri jiġu implimentati matul l-istaġuni tat-tkabbir qabel il-prodott jilħaq stadju kummerċjabbli u ma għandhomx jitwettqu fir-rigward tal-prodotti li għalihom ikun diġà beda l-ħsad normali.
3. Fil-pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu limiti ta’ żmien massimi matul l-istaġun tal-produzzjoni għall-applikazzjoni tal-interventi tal-ħsad bikri għal kull prodott soġġett għal interventi bħal dawn kif ukoll kundizzjonijiet oħra ta’ eliġibbiltà għall-ħsad bikri u għan-nuqqas ta’ ħsad, inklużi varjetajiet u kategoriji ta’ prodotti fejn rilevanti.
4. L-Istati Membri għandhom jeskludu kumpens finanzjarju għall-interventi ta’ nuqqas ta’ ħsad imwettqa meta l-produzzjoni kummerċjali tkun ittieħdet miż-żona kkonċernata matul iċ-ċiklu normali tal-produzzjoni.
5. L-appoġġ għall-ħsad bikri għandu jkopri biss il-prodotti li huma fiżikament fl-għelieqi u li effettivament jinħasdu kmieni. Għal setturi għajr is-settur tal-inbid, l-ammonti ta’ kumpens, li jinkludu kemm l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni kif ukoll il-kontribuzzjoni mill-organizzazzjoni tal-produtturi, mill-assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, mill-organizzazzjoni tal-produtturi transnazzjonali, mill-assoċjazzjoni transnazzjonali ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi jew mill-grupp ta’ produtturi għall-ħsad bikri u għan-nuqqas ta’ ħsad għandhom jiġu stabbiliti mill-Istat Membru għal kull ettaru ta’ pagamenti, f’livell li jikkorrispondi għal mhux aktar minn 90 % tal-livell massimu ta’ appoġġ għall-irtirar mis-suq, għajr id-distribuzzjoni bla ħlas, applikabbli għall-istess prodott.
6. L-Istati Membri għandhom jipprovdu li l-benefiċjarju jrid jinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru bil-miktub jew b’mezzi elettroniċi qabel l-intenzjoni ta’ ħsad bikri jew ta’ nuqqas ta’ ħsad.
7. Fil-pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu:
(a) |
dispożizzjonijiet dettaljati dwar l-implimentazzjoni ta’ dawk l-interventi, inkluż il-kontenut u l-iskadenzi tagħhom, dwar l-ammont ta’ kumpens li għandu jitħallas u dwar l-applikazzjoni tal-interventi, kif ukoll il-lista ta’ prodotti eliġibbli skont l-interventi; |
(b) |
dispożizzjonijiet sabiex jiżguraw li l-implimentazzjoni tal-interventi ma twassal għall-ebda impatt negattiv fuq l-ambjent u għall-ebda konsegwenza fitosanitarja negattiva; |
(c) |
projbizzjoni li jingħata appoġġ fis-settur tal-frott u tal-ħxejjex fil-każ ta’ ħsad bikri, jekk tkun twettqet parti sinifikanti mill-ħsad normali u, fil-każ ta’ nuqqas ta’ ħsad, tkun diġà ttieħdet parti sinifikanti mill-produzzjoni kummerċjali. |
8. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:
(a) |
iż-żona kkonċernata nżammet sew, ma sar l-ebda ħsad, il-prodott huwa żviluppat sew, mhux imħassar u ġeneralment huwa tajjeb, ġust u ta’ kwalità kummerċjabbli; |
(b) |
il-prodotti maħsuda ma jkunux denaturati; |
(c) |
ma hemm l-ebda impatt negattiv fuq l-ambjent jew kwalunkwe konsegwenza fitosanitarja negattiva li tirriżulta mill-intervent li għalih hija responsabbli l-organizzazzjoni tal-produtturi; |
(d) |
iż-żona ta’ kwalunkwe roqgħa vinji li tkun għaddiet minn ħsad bikri ma titqiesx meta jiġu kkalkulati l-limiti tar-rendiment stabbiliti fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-inbejjed b’denominazzjoni ta’ oriġini protetta jew b’indikazzjoni ġeografika protetta; |
(e) |
b’deroga mill-paragrafi 2 u 4, fis-settur tal-frott u l-ħxejjex, fejn il-pjanti tal-frott u l-ħxejjex ikollhom perjodu ta’ ħsad ta’ aktar minn xahar, il-ħsad bikri jista’ jsir wara li jkun diġà beda l-ħsad normali u n-nuqqas ta’ ħsad jista’ jsir anki jekk il-produzzjoni kummerċjali tkun ittieħdet miż-żona kkonċernata matul iċ-ċiklu normali tal-produzzjoni. F’każijiet bħal dawn, il-kumpens finanzjarju għandu jikkumpensa biss il-produzzjoni li tinħasad fis-sitt ġimgħat ta’ wara l-operazzjoni ta’ ħsad bikri u ta’ nuqqas ta’ ħsad u li mhijiex kummerċjalizzata bħala riżultat ta’ tali operazzjonijiet. Dawk il-pjanti tal-frott u tal-ħxejjex ma għandhomx jintużaw għal finijiet ta’ produzzjoni ulterjuri fl-istess staġun ta’ tkabbir; |
(f) |
fis-settur tal-frott u l-ħxejjex, ħlief għall-każ imsemmi fil-punt (e), l-interventi ta’ ħsad bikri u n-nuqqas ta’ ħsad ma jistgħux japplikaw simultanjament għall-istess prodott u għall-istess żona fi kwalunkwe sena partikolari. |
Artikolu 18
Assigurazzjoni tal-ħsad u tal-produzzjoni
Meta, fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom, l-Istati Membri jinkludu assigurazzjoni tal-ħsad u tal-produzzjoni bħala intervent fis-settur tal-frott u l-ħxejjex, fis-settur tal-ħops, fis-settur taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-mejda jew f’setturi oħra msemmija fl-Artikolu 42, il-punt (f), tar-Regolament (UE) 2021/2115, huma jistgħu jagħtu finanzjament nazzjonali addizzjonali biex jappoġġaw l-azzjonijiet ta’ assigurazzjoni tal-ħsad u tal-produzzjoni li jkunu qed jibbenefikaw mill-fond operazzjonali. L-appoġġ pubbliku totali ma għandux jaqbeż it-80 % tal-kost tal-premiums tal-assigurazzjoni mħallsa mill-produtturi għall-assigurazzjoni kontra t-telf.
L-interventi tal-assigurazzjoni tal-ħsad u tal-produzzjoni ma għandhomx ikopru l-pagamenti tal-assigurazzjoni li jikkumpensaw lill-produtturi għal aktar minn 100 % tat-telf mġarrab fl-introjtu, filwaqt li jitqies kwalunkwe kumpens li l-produtturi jiksbu minn skemi oħrajn ta’ appoġġ jew ta’ assigurazzjoni relatati mar-riskju assigurat.
Artikolu 19
Irtirar mis-suq għal destinazzjonijiet għajr id-distribuzzjoni bla ħlas
Meta, fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom, l-Istati Membri jinkludu interventi fil-forma ta’ “irtirar mis-suq għal destinazzjonijiet għajr id-distribuzzjoni bla ħlas”, huma għandhom jiżguraw l-irtirar definittiv mis-suq ta’ ċertu prodott b’mod li ma jkunx jista’ jerġa’ jidħol fis-suq għal skopijiet ta’ ikel.
Fil-pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom, l-Istati Membri jistgħu biss jipprovdu interventi fil-forma ta’ “irtirar mis-suq għal destinazzjonijiet għajr id-distribuzzjoni bla ħlas” fis-settur tal-frott u l-ħxejjex kif ukoll f’setturi oħra msemmija fl-Artikolu 42, il-punt (f), tar-Regolament (UE) 2021/2115, rispettivament, u biss fir-rigward ta’ prodotti li jitħassru li ma jistgħux jinħażnu fit-tul fl-istadju kummerċjali normali tagħhom mingħajr tkessiħ.
Fil-pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom, l-Istati Membri ma għandhomx jipprovdu interventi fil-forma ta’ “irtirar mis-suq għal destinazzjonijiet għajr id-distribuzzjoni bla ħlas” fir-rigward ta’ prodotti tal-annimali u prodotti tas-settur taz-zokkor kif imsemmi fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.
Artikolu 20
Ħżin kollettiv
1. Meta, fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom, l-Istati Membri jinkludu interventi ta’ ħżin kollettiv kif imsemmi fl-Artikolu 47(2), il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2021/2115, huma għandhom jipprevedu l-irtirar temporanju ta’ prodott mis-suq f’perjodu ta’ ċerta pressjoni fis-suq, u jadottaw regoli biex jiżguraw li l-prodott jinħażen taħt ir-responsabbiltà tal-benefiċjarju f’kundizzjonijiet li jippreservaw il-valur kummerċjali normali tiegħu u b’rispett tar-regoli sanitarji applikabbli. Għall-prodotti b’ħajja qasira fuq l-ixkaffa fl-istadju frisk tagħhom, l-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-prodott jinħażen iffriżat jew f’forma pproċessata. Il-prodotti li għalihom ikun meħtieġ ċertu perjodu ta’ maturazzjoni fil-proċess normali tal-produzzjoni tagħhom, jew fejn dan il-proċess ta’ maturazzjoni jżid il-valur tal-prodott, ikunu eliġibbli biss għall-ħżin kollettiv ladarba jitlesta kompletament dak il-perjodu ta’ maturazzjoni.
2. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu, għal kull prodott li għalih dan l-intervent huwa pprovdut fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom, id-durata minima tal-ħżin u l-ammont massimu ta’ kumpens għal kull unità ta’ prodott u għal kull jum ta’ ħżin, kif ukoll il-kundizzjonijiet rilevanti tal-ħżin. L-ammont massimu li jista’ jiġi ffinanzjat mill-fond operazzjonali ma għandux ikun akbar mit-total tal-kost tal-ħżin fiżiku, fil-forma ffriżata jew ipproċessata fejn rilevanti, u l-kost finanzjarju minħabba l-immobilizzazzjoni tal-valur tal-prodott bil-prezzijiet attwali tas-suq. Dan l-ammont massimu ma għandux jinkludi l-kostijiet possibbli tal-iffriżar jew tal-ipproċessar jew l-iżvalutazzjoni possibbli tal-prodott. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu wkoll il-proċeduri ta’ kontroll, inklużi l-verifiki fuq il-post, biex jiżguraw in-nuqqas ta’ sostituzzjoni tal-prodotti kif ukoll ir-rispett tal-kundizzjonijiet tal-ħżin u tal-perjodu tal-ħżin.
Artikolu 21
Forom ta’ appoġġ
1. Fis-setturi msemmija fl-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) 2021/2115, l-Istati Membri għandhom jipprevedu pagamenti ta’ appoġġ abbażi tal-kostijiet reali mġarrba mill-benefiċjarju, appoġġati minn dokumenti, bħal fatturi, sottomessi mill-benefiċjarji għall-implimentazzjoni ta’ intervent speċifikat fil-Pjan Strateġiku tal-PAK tagħhom.
Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jipprevedu pagament tal-appoġġ abbażi ta’ rati fissi standard, skali tal-kostijiet unitarji jew somom f’daqqa. Meta jistabbilixxu dawk ir-rati fissi, l-iskali u s-somom f’daqqa, l-Istati Membri għandhom iqisu l-ispeċifiċitajiet reġjonali jew lokali u jibbażaw il-kalkolu tagħhom fuq evidenza dokumentarja li turi li l-kalkolu jirrifletti l-prezz tas-suq tal-operazzjonijiet jew tal-azzjonijiet koperti mill-intervent ikkonċernat.
2. Fis-settur tal-frott u l-ħxejjex, l-Istati Membri għandhom jirrispettaw l-ammonti massimi tan-nefqa u tal-kostijiet tal-kundizzjonament li jistgħu jitħallsu b’rabta mal-interventi rilevanti speċifikati fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom stabbiliti fl-Annessi V u VII.
3. Meta, fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom, l-Istati Membri jipprevedu pagament tal-appoġġ fil-forma ta’ rati fissi standard, skali ta’ kostijiet unitarji jew somom f’daqqa, dawk għandhom jiġu rieżaminati perjodikament sabiex iqisu indiċjar jew bidla ekonomika.
4. Meta l-Istati Membri jużaw il-metodu ta’ kalkolu ġust, ekwitabbli u verifikabbli stabbilit skont l-Artikolu 44(2), il-punt (a) tar-Regolament (UE) 2021/2115, huma għandhom iżommu l-evidenza dokumentarja kollha dwar l-istabbiliment ta’ rati fissi standard, l-iskali ta’ kostijiet unitarji jew somom f’daqqa u r-rieżami tagħhom kif imsemmi fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.
5. Meta, fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom, l-Istati Membri jinkludu interventi fis-settur tal-inbid relatati mar-ristrutturar u l-konverżjoni tal-vinji u investimenti f’assi tanġibbli u intanġibbli, għandhom japplikaw ir-regoli li ġejjin:
(a) |
jekk l-Istati Membri jiddeċiedu li jikkalkolaw l-ammont tal-appoġġ abbażi tal-iskali standard tal-kostijiet unitarji bbażati fuq unità ta’ kejl tal-wiċċ, l-ammont għandu jikkorrispondi għall-wiċċ effettiv imkejjel f’konformità mal-Artikolu 42 ta’ dan ir-Regolament; |
(b) |
jekk l-Istati Membri jiddeċiedu li jikkalkolaw l-ammont tal-appoġġ abbażi ta’ skali standard ta’ kostijiet unitarji bbażati fuq unitajiet ta’ kejl oħrajn jew abbażi tal-kostijiet effettivi li jirriżultaw mid-dokumenti ta’ sostenn li għandhom jiġu ppreżentati mill-benefiċjarji, huma għandhom jistabbilixxu regoli dwar metodi ta’ kontroll xierqa sabiex jistabbilixxu l-firxa effettiva tal-implimentazzjoni tal-operazzjoni. |
6. Dan l-Artikolu ma għandux japplika għall-assistenza finanzjarja tal-Unjoni għad-distillazzjoni ta’ prodotti sekondarji mill-produzzjoni tal-inbid imwettqa f’konformità mar-restrizzjonijiet stabbiliti fil-Parti II, it-Taqsima D, tal-Anness VIII tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.
Artikolu 22
Tipi ta’ nefqa
1. It-tipi ta’ nefqa koperti mit-tipi ta’intervent imsemmija fit-Titolu III, il-Kapitolu III tar-Regolament (UE) 2021/2115 ma għandhomx jikkumpensaw għat-taxxa fuq il-valur miżjud tan-nefqa eliġibbli mġarrba mill-benefiċjarju, għajr meta ma tkunx tista’ tiġi rkuprata skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-VAT.
2. It-tipi ta’ nefqa msemmija fil-paragrafu 1 ma għandhomx jinkludu t-tipi ta’ nefqa elenkati fl-Anness II.
3. It-tipi ta’ nefqa elenkati fl-Anness III għandhom jitqiesu eliġibbli mill-Istati Membri meta jiddefinixxu l-interventi rilevanti u jistgħu jiġu koperti mill-programmi operazzjonali jew kif speċifikat mill-Istati Membri fl-interventi rilevanti. L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw tipi oħrajn ta’ nefqa eliġibbli fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom sakemm dawn ma jkunux elenkati fl-Anness II.
4. Fil-pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li skonthom in-nefqiet marbuta mal-interventi msemmija fl-Artikoli 11 u 12 jistgħu jingħaddu bħala li jikkontribwixxu għall-objettivi ta’ 15 % u 2 % tan-nefqa taħt il-programmi operazzjonali kif imsemmi fl-Artikolu 50(7), il-punti (a) u (c), tar-Regolament (UE) 2021/2115, rispettivament, u ta’ 5 % tan-nefqa taħt l-interventi kif imsemmi fl-Artikolu 60(4) ta’ dak ir-Regolament. Tali kundizzjonijiet għandhom jiżguraw li dawn l-interventi jsegwu effettivament l-objettivi relatati stabbiliti fl-Artikoli 46 u 57 ta’ dak ir-Regolament, rispettivament, għas-setturi tal-frott u l-ħxejjex u tal-inbid.
Artikolu 23
Kostijiet amministrattivi u tal-persunal
1. Il-kostijiet tal-persunal imġarrba mill-benefiċjarju, mis-sussidjarji skont it-tifsira tal-Artikolu 31(7) jew, soġġett għall-approvazzjoni ta’ Stat Membru, minn kooperattiva li hija membru ta’ organizzazzjoni tal-produtturi għandhom jitqiesu eliġibbli għall-appoġġ jekk jiġġarrbu b’rabta mat-tħejjija, mal-implimentazzjoni jew mas-segwitu ta’ intervent appoġġat partikolari.
Dawn il-kostijiet tal-persunal għandhom jinkludu, inter alia, il-kostijiet tal-persunal ikkuntrattat mill-benefiċjarju u l-kostijiet li jikkorrispondu għas-sehem tas-sigħat tax-xogħol investiti fl-implimentazzjoni ta’ intervent mill-persunal permanenti tiegħu.
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-benefiċjarju jissottometti dokumenti ta’ sostenn li jistabbilixxu d-dettalji tax-xogħol effettivament imwettaq fir-rigward tal-intervent partikolari u li l-valur tal-kost tal-persunal relatat jista’ jiġi vvalutat u vverifikat b’mod indipendenti. Il-valur tal-kost tal-persunal relatat ma’ intervent partikolari ma għandux jaqbeż il-kostijiet ġeneralment aċċettati fis-suq inkwistjoni għall-istess tip ta’ servizz.
Sabiex jiġu ddeterminati l-kostijiet tal-persunal relatati mal-implimentazzjoni ta’ intervent mill-persunal permanenti tal-benefiċjarju, ir-rata fis-siegħa applikabbli tista’ tiġi kkalkulata bid-diviżjoni tal-kostijiet ta’ impjieg gross annwali ddokumentati l-aħħar tal-impjegati speċifiċi li ħadmu fl-implimentazzjoni tal-operazzjoni b’1 720 siegħa, jew fuq bażi pro rata fil-każ tal-impjegati part-time.
Għall-interventi “promozzjoni, komunikazzjoni u kummerċjalizzazzjoni” u “azzjonijiet ta’ komunikazzjoni” imsemmija fl-Artikolu 47(1), u (2), il-punt (f), u il-punt (l) tar-Regolament (UE) 2021/2115 u għall-azzjonijiet minn organizzazzjonijiet interprofessjonali u l-promozzjoni u l-komunikazzjoni mwettqa f’pajjiżi terzi kif imsemmi fl-Artikolu 58(1), l-ewwel subparagrafu, il-punti (i), (j) u (k) ta’ dak ir-Regolament, in-nefqa mħallsa għall-kostijiet amministrattivi u tal-persunal direttament imġarrba mill-benefiċjarji ma għandhomx jaqbżu l-50 % tal-kost globali tal-intervent.
2. Il-kostijiet amministrattivi mġarrba mill-benefiċjarju, mis-sussidjarji skont it-tifsira tal-Artikolu 31(7) jew, soġġett għall-approvazzjoni ta’ Stat Membru, minn kooperattiva li hija membru ta’ organizzazzjoni tal-produtturi għandhom jitqiesu eliġibbli għall-appoġġ jekk jiġġarrbu b’rabta mat-tħejjija, mal-implimentazzjoni jew mas-segwitu ta’ intervent appoġġat partikolari.
Il-kostijiet amministrattivi għandhom jitqiesu eliġibbli jekk ma jaqbżux l-4 % tal-kostijiet totali eliġibbli tal-intervent implimentat.
Il-kostijiet tal-awditi esterni għandhom jitqiesu eliġibbli għall-appoġġ fejn tali awditi jitwettqu minn korp estern indipendenti u kwalifikat.
3. Fil-pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu, għas-settur tal-frott u l-ħxejjex, għas-settur tal-ħops, għas-settur taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-mejda jew għal setturi oħra msemmija fl-Artikolu 42, il-punt (f) tar-Regolament (UE) 2021/2115, rata fissa standard għall-kostijiet tal-persunal u dawk amministrattivi marbuta mal-ġestjoni tal-fond operazzjonali jew it-tħejjija, l-implimentazzjoni u s-segwitu tal-programm operazzjonali sa massimu ta’ 2 % tal-fond operazzjonali approvat, li tinkludi kemm l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni kif ukoll il-kontribuzzjoni tal-organizzazzjoni tal-produtturi, l-assoċjazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi, l-organizzazzjoni transnazzjonali tal-produtturi, l-assoċjazzjoni transnazzjonali ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi jew l-grupp ta’ produtturi.
KAPITOLU II
Regoli speċifiċi applikabbli għas-settur tal-frott u l-ħxejjex, għas-settur taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-mejda u għas-setturi l-oħra msemmija fl-Artikolu 42, il-punt (f), tar-Regolament (UE) 2021/2115
Artikolu 24
Prodotti koperti
Huma biss il-prodotti li għalihom l-organizzazzjoni tal-produtturi, l-assoċjazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi, l-organizzazzjoni transnazzjonali tal-produtturi, l-assoċjazzjoni transnazzjonali ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi jew l-grupp ta’ produtturi hija rikonoxxuta għandhom jiġu koperti mit-tip ta’ intervent dment il-valur tal-prodotti koperti mill-programm operazzjonali jammonta għal aktar minn 50 % tal-valur tal-prodotti kollha kkummerċjalizzati minn dik l-organizzazzjoni fis-settur kopert minn dak il-programm operazzjonali. Barra minn hekk, il-prodotti kkonċernati għandhom joriġinaw mill-membri tal-organizzazzjoni tal-produtturi jew mill-membri produtturi ta’ organizzazzjoni tal-produtturi jew ta’ assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi oħrajn.
Artikolu 25
Kostijiet tat-trasport u rekwiżit tal-kundizzjonament għad-distribuzzjoni bla ħlas
1. Meta, fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom, l-Istati Membri jinkludu interventi fil-forma ta’ “irtirar mis-suq għad-distribuzzjoni bla ħlas jew destinazzjonijiet oħra” msemmija fl-Artikolu 47(2), il-punt (f) tar-Regolament (UE) 2021/2115, huma għandhom jiffissaw il-kostijiet tat-trasport għad-distribuzzjoni bla ħlas tal-prodotti kollha rtirati mis-suq taħt il-programmi operazzjonali abbażi tal-iskala tal-kostijiet unitarji stabbilita skont id-distanza bejn il-post tal-irtirar u l-post tal-kunsinna għad-distribuzzjoni bla ħlas. Il-kostijiet tat-trasport sa distanza ta’ 750 km biss jistgħu jiġu rimborżati.
2. Il-kostijiet tat-trasport għandhom jitħallsu lill-parti li fil-fatt tħallas il-kost finanzjarju tal-operazzjoni tat-trasport inkwistjoni. Il-ħlas għandu jkun soġġett għall-preżentazzjoni ta’ dokumenti ta’ sostenn li jiċċertifikaw, b’mod partikolari:
(a) |
l-ismijiet tal-organizzazzjoni tal-produtturi, tal-assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, tal-organizzazzjoni transnazzjonali tal-produtturi, tal-assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi transnazzjonali jew tal-grupp ta’ produtturi; |
(b) |
il-kwantità tal-prodotti kkonċernati; |
(c) |
l-aċċettazzjoni mir-riċevituri kif imsemmi fl-Artikolu 52(6), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2021/2115 u l-mezzi tat-trasport użati; |
(d) |
id-distanza bejn il-post tal-irtirar u l-post tal-kunsinna. |
3. Il-kundizzjonament tal-prodotti rtirati mis-suq għad-distribuzzjoni bla ħlas taħt il-programmi operazzjonali għandu jkun soġġett għal dan li ġej:
(a) |
il-pakketti ta’ prodotti għad-distribuzzjoni bla ħlas ikollhom l-emblema tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 15(2), flimkien ma’ dikjarazzjoni waħda jew bosta dikjarazzjonijiet minn dawk stabbiliti fl-Anness IV; il-pagament huwa soġġett għall-preżentazzjoni ta’ dokumenti ta’ sostenn li jiċċertifikaw b’mod partikolari:
|
(b) |
l-aċċettazzjoni mir-riċevituri kif imsemmi fl-Artikolu 52(6), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2021/2115, li tispeċifika l-preżentazzjoni. |
Artikolu 26
Appoġġ
1. Għat-tip ta’ intervent “irtirar mis-suq għad-distribuzzjoni bla ħlas jew destinazzjonijiet oħra” imsemmi fl-Artikolu 47(2), il-punt (f), tar-Regolament (UE) 2021/2115, b’rabta mal-prodotti elenkati fl-Anness V, is-somma tal-kostijiet tat-trasport, il-kostijiet tal-kundizzjonament tal-prodotti rtirati għad-distribuzzjoni bla ħlas imsemmija fl-Artikolu 33 ta’ dan ir-Regolament, miżjuda mal-ammont ta’ appoġġ għall-irtirar mis-suq, ma għandhiex taqbeż il-prezz medju tas-suq tal-“ex organizzazzjoni tal-produtturi” tal-prodott ikkonċernat fit-tliet snin ta’ qabel, inkluż wara l-ipproċessar fejn rilevanti.
2. Għat-tip ta’ intervent “irtirar mis-suq għad-distribuzzjoni bla ħlas jew destinazzjonijiet oħra” imsemmi fl-Artikolu 47(2), il-punt (f), tar-Regolament (UE) 2021/2115 applikabbli għal prodotti għajr dawk elenkati fl-Anness V ta’ dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu ammonti massimi ta’ appoġġ, li jinkludu l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni, il-kontribuzzjoni nazzjonali fejn rilevanti u l-kontribuzzjoni mill-organizzazzjoni tal-produtturi, mill-assoċjazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi, mill-organizzazzjoni transnazzjonali tal-produtturi, mill-assoċjazzjoni transnazzjonali tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi jew mill-grupp ta’ produtturi, f’livell li ma jaqbiżx il-40 % tal-prezzijiet medji tas-suq tal-“ex organizzazzjoni tal-produtturi” tal-ħames snin ta’ qabel fil-każ ta’ distribuzzjoni bla ħlas u f’livell li ma jaqbiżx it-30 % tal-prezzijiet medji tas-suq tal-“ex organizzazzjoni tal-produtturi” tal-ħames snin ta’ qabel għal destinazzjonijiet għajr id-distribuzzjoni bla ħlas.
3. Meta l-organizzazzjoni tal-produtturi, l-assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, l-organizzazzjoni transnazzjonali tal-produtturi, l-assoċjazzjoni transnazzjonali ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi jew il-grupp ta’ produtturi jkun irċieva kumpens minn partijiet terzi għal prodotti rtirati, l-appoġġ imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jitnaqqas b’ammont ekwivalenti għall-kumpens riċevut. Sabiex ikunu eliġibbli għall-appoġġ, il-prodotti kkonċernati ma għandhomx jerġgħu jidħlu fis-suq kummerċjali.
4. Is-sehem tal-irtirar mis-suq, għajr għad-distribuzzjoni bla ħlas, ta’ kwalunkwe prodott partikolari ta’ kwalunkwe organizzazzjoni tal-produtturi, assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, organizzazzjoni transnazzjonali tal-produtturi, assoċjazzjoni transnazzjonali ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi jew grupp ta’ produtturi mwettqa f’sena partikolari għandu jkun kif ġej:
(a) |
ma għandux jaqbeż l-10 % tal-volum medju tal-produzzjoni kkummerċjalizzata minn dik l-organizzazzjoni tal-produtturi, l-assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, l-organizzazzjoni transnazzjonali tal-produtturi, l-assoċjazzjoni transnazzjonali ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi jew dak il-grupp ta’ produtturi matul it-tliet snin ta’ qabel; |
(b) |
u, għall-frott u l-ħxejjex, b’kollox, is-somma tal-perċentwali matul tliet snin konsekuttivi ma għandhiex taqbeż il-15 meta jiżdied is-sehem ikkalkulat f’konformità mal-punt (a) għas-sena attwali u l-ishma tal-irtirar mis-suq tas-sentejn preċedenti kkalkulati abbażi tal-volum rispettiv tal-produzzjoni kkummerċjalizzata minn dik l-organizzazzjoni tal-produtturi matul dawk is-sentejn preċedenti. |
Jekk l-informazzjoni dwar il-volum tal-produzzjoni kkummerċjalizzata għal xi waħda mis-snin ta’ qabel jew għalihom kollha ma tkunx disponibbli, għandu jintuża l-volum tal-produzzjoni kkummerċjalizzata li għaliha tkun ġiet rikonoxxuta l-organizzazzjoni tal-produtturi, l-assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, l-organizzazzjoni transnazzjonali tal-produtturi, l-assoċjazzjoni transnazzjonali ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi jew il-grupp ta’ produtturi.
Madankollu, l-ammonti tal-irtirar għad-distribuzzjoni bla ħlas li jitneħħew b’wieħed mill-modi msemmija fl-Artikolu 52(6) tar-Regolament (UE) 2021/2115 jew kwalunkwe destinazzjoni ekwivalenti oħra approvata mill-Istati Membri kif imsemmi fl-Artikolu 27(2) ta’ dan ir-Regolament, ma għandhomx jitqiesu fis-sehem tal-irtirar mis-suq.
5. B’rabta mal-prodotti elenkati fl-Anness V, l-appoġġ għall-irtirar mis-suq, li jinkludi kemm l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni kif ukoll il-kontribuzzjoni tal-organizzazzjoni tal-produtturi, ma għandux ikun aktar mill-ammonti stabbiliti f’dak l-Anness.
L-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni fil-każ tal-irtirar mis-suq ta’ frott u ħaxix li jitneħħa billi jiġi distribwit bla ħlas lill-organizzazzjonijiet, il-fondazzjonijiet u l-istituzzjonijiet tal-karità msemmija fl-Artikolu 52(6) tar-Regolament (UE) 2021/2115 għandha tkopri biss il-ħlas għall-prodotti mneħħija f’konformità mal-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu u l-kostijiet tal-kundizzjonament għandhom ikunu dawk imsemmija fl-Artikolu 33 ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 27
Destinazzjonijiet għall-prodotti rtirati
1. Meta, fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom, l-Istati Membri jinkludu interventi fil-forma ta’ “irtirar mis-suq għad-distribuzzjoni bla ħlas jew destinazzjonijiet oħra” fis-settur tal-frott u l-ħxejjex, fis-settur taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-mejda u f’setturi oħra msemmija fl-Artikolu 42, il-punt (f), tar-Regolament (UE) 2021/2115, huma għandhom jiddeterminaw id-destinazzjonijiet permissibbli għall-prodotti rtirati mis-suq u għandhom jiżguraw li ma jirriżulta l-ebda impatt negattiv fuq l-ambjent u lanqas kwalunkwe konsegwenza fitosanitarja negattiva mill-irtirar jew mid-destinazzjoni tiegħu.
2. Fuq talba ta’ organizzazzjonijiet, fondazzjonijiet jew istituzzjonijiet tal-karità kif imsemmi fl-Artikolu 52(6), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2021/2115, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lill-organizzazzjonijiet, lill-fondazzjonijiet jew lill-istituzzjonijiet tal-karità biex jitolbu għal kontribuzzjoni mir-riċevituri finali tal-prodotti rtirati mis-suq.
Meta l-organizzazzjonijiet, il-fondazzjonijiet jew l-istituzzjonijiet tal-karità msemmija fl-Artikolu 52(6), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2021/2115 ikkonċernati jkunu kisbu tali awtorizzazzjoni, huma għandhom iżommu kontijiet finanzjarji għall-operazzjoni inkwistjoni.
L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw il-ħlas in natura mill-benefiċjarji tad-distribuzzjoni bla ħlas lil dawk li jipproċessaw il-prodotti, meta tali ħlas jikkumpensa biss il-kostijiet tal-ipproċessar u meta l-Istat Membru li fih isir il-ħlas ikun adotta regoli li jiżguraw li l-prodotti pproċessati jkunu maħsuba għall-konsum mir-riċevituri finali msemmija fit-tieni subparagrafu.
L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi kollha meħtieġa sabiex jiffaċilitaw il-kuntatti u l-kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-organizzazzjonijiet, il-fondazzjonijiet u l-istituzzjonijiet tal-karità kif imsemmi fl-Artikolu 52(6), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2021/2115.
3. L-għoti tal-prodotti rtirati lill-industrija għall-ipproċessar fi prodotti mhux tal-ikel għandu jkun possibbli. L-Istati Membri għandhom jadottaw dispożizzjonijiet dettaljati biex jiżguraw li ma jkunx hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni għall-industriji kkonċernati fl-Unjoni jew għall-prodotti importati u biex jiżguraw li l-prodotti rtirati ma jerġgħux jiddaħħlu fis-suq kummerċjali tal-ikel. L-alkoħol li jkun ġej mid-distillazzjoni għandu jintuża esklużivament għal skopijiet industrijali jew tal-enerġija.
Artikolu 28
Kundizzjonijiet għar-riċevituri tal-prodotti rtirati
1. Ir-riċevituri tal-prodotti rtirati għad-distribuzzjoni bla ħlas fis-setturi msemmija fl-Artikolu 42, il-punti (a), (e) u (f), tar-Regolament (UE) 2021/2115 għandhom jintrabtu li:
(a) |
jikkonformaw mar-regoli dwar l-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1308/2013; |
(b) |
iżommu rekords separati tal-ħażniet għall-operazzjonijiet tal-irtirar inkwistjoni; |
(c) |
jaċċettaw il-verifiki previsti fil-liġi tal-Unjoni u fil-liġi nazzjonali; |
(d) |
jipprovdu d-dokumenti ta’ sostenn dwar id-destinazzjoni finali ta’ kull wieħed mill-prodotti kkonċernati, fil-forma ta’ ċertifikat ta’ akkwiżizzjoni jew ta’ dokument ekwivalenti, li jiċċertifikaw li l-prodotti rtirati ġew akkwistati minn parti terza bl-għan li jiġu distribwiti bla ħlas. |
L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li r-riċevituri ma jkollhomx għalfejn iżommu rekords kif imsemmi fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, jekk jirċievu kwantitajiet taħt livell massimu li għandu jiġi determinat minnhom abbażi ta’ analiżi tar-riskju ddokumentata.
2. Ir-riċevituri tal-prodotti rtirati għal destinazzjonijiet għajr id-distribuzzjoni bla ħlas għandhom jintrabtu li:
(a) |
jikkonformaw mar-regoli dwar l-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1308/2013; |
(b) |
iżommu rekords tal-ħażniet u kontijiet finanzjarji separati għall-operazzjonijiet inkwistjoni jekk l-Istat Membru jqis li dan huwa meħtieġ minkejja l-fatt li l-prodott ikun ġie denaturat qabel il-kunsinna; |
(c) |
jaċċettaw il-verifiki previsti fil-liġi tal-Unjoni u fil-liġi nazzjonali; |
(d) |
ma jitolbux għajnuna addizzjonali għall-alkoħol magħmul mill-prodotti kkonċernati fil-każ ta’ prodotti rtirati maħsuba għad-distillazzjoni. |
Artikolu 29
Standard tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti rtirati
1. Prodott irtirat mis-suq għal destinazzjonijiet għajr id-distribuzzjoni bla ħlas, fis-setturi msemmija fl-Artikoli 42, il-punti (a), (e) u (f), tar-Regolament (UE) 2021/2115, għandu jikkonforma mal-istandard u r-regoli rilevanti għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ dak il-prodott kif imsemmi fir-Regolament (UE) Nru 1308/2013, ħlief ir-regoli dwar il-preżentazzjoni u l-immarkar tal-prodotti.
Meta l-frott u l-ħxejjex jiġu rtirati fi kwantitajiet kbar, għandu jkun hemm konformità mar-rekwiżiti minimi għall-klassi II kif definit fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2011 (12).
Madankollu, il-prodotti ta’ daqs żgħir mis-settur tal-frott u l-ħxejjex, kif definiti fl-istandard rilevanti, għandhom jikkonformaw mal-istandard tal-kummerċjalizzazzjoni applikabbli, inklużi d-dispożizzjonijiet dwar il-preżentazzjoni u l-immarkar tal-prodotti.
2. Jekk ma jkunx stipulat standard speċifiku ta’ kummerċjalizzazzjoni għal prodott partikolari ta’ frott jew ħxejjex, għandhom jiġu ssodisfati r-rekwiżiti minimi stabbiliti fl-Anness VI. L-Istati Membri jistgħu jistipulaw regoli addizzjonali li jissupplimentaw dawk ir-rekwiżiti minimi.
Artikolu 30
Valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata għal organizzazzjonijiet jew gruppi rikonoxxuti reċentement
Meta, matul it-tliet snin wara r-rikonoxximent tagħha, data storika dwar il-produzzjoni kkummerċjalizzata għal organizzazzjoni tal-produtturi, assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, organizzazzjoni transnazzjonali tal-produtturi, assoċjazzjoni transnazzjonali ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, jew grupp ta’ produtturi fis-setturi msemmija fl-Artikolu 42, il-punti (a), (e) u (f), tar-Regolament (UE) 2021/2115 ma tkunx disponibbli fit-tliet snin ta’ qabel, l-Istati Membri għandhom jaċċettaw il-valur tal-produzzjoni kummerċjalizzata jew kummerċjabbli matul perjodu ta’ 12-il xahar konsekuttivi komunikata mill-organizzazzjoni tal-produtturi, l-assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, l-organizzazzjoni transnazzjonali tal-produtturi, l-assoċjazzjoni transnazzjonali ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, jew il-grupp ta’ produtturi li għalihom l-organizzazzjoni kkonċernata jew il-grupp ta’ produtturi jistgħu juru għas-sodisfazzjon tal-Istat Membru li għandhom il-kapaċità reali biex jikkummerċjalizzawha f’isem il-membri produtturi tagħhom.
Madankollu, jekk l-organizzazzjoni tal-produtturi, l-assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, l-organizzazzjoni transnazzjonali tal-produtturi, l-assoċjazzjoni transnazzjonali ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi jew grupp ta’ produtturi ikunu kkomunikaw il-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata għall-fini tar-rikonoxximent tagħha, dan il-valur biss għandu jiġi aċċettat mill-Istat Membru.
Artikolu 31
Bażi għall-kalkolu tal-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata
1. Il-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata għal organizzazzjoni tal-produtturi, organizzazzjoni transnazzjonali tal-produtturi jew grupp ta’ produtturi fis-setturi msemmija fl-Artikolu 42, il-punti (a), (e) u (f), tar-Regolament (UE) 2021/2115 għandu jiġi kkalkulat abbażi tal-produzzjoni tal-organizzazzjoni tal-produtturi, l-organizzazzjoni transnazzjonali tal-produtturi jew grupp ta’ produtturi nnifisha/nnifsu u l-membri produtturi tagħha/tiegħu, li tkun tqiegħdet fis-suq minn din l-organizzazzjoni jew grupp, u għandha biss tinkludi l-produzzjoni ta’ dawk il-prodotti li għalihom l-organizzazzjoni tal-produtturi, l-organizzazzjoni transnazzjonali tal-produtturi jew grupp ta’ produtturi ikunu rikonoxxuti. Il-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata jista’ jinkludi prodotti li ma humiex meħtieġa li jikkonformaw mal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni, fejn dawk l-istandards ma japplikawx.
Il-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata għal assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi jew assoċjazzjoni transnazzjonali ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi għandu jiġi kkalkulat abbażi tal-produzzjoni kkummerċjalizzata mill-assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi jew assoċjazzjoni transnazzjonali ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi nnifisha u mill-organizzazzjonijiet tal-produtturi membri tagħha, u għandu jinkludi biss il-produzzjoni ta’ dawk il-prodotti li għalihom hija rikonoxxuta l-assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi jew l-assoċjazzjoni transnazzjonali ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi. Madankollu, meta jiġu approvati programmi operazzjonali għal assoċjazzjoni ta’ organizzazzjoni tal-produtturi jew assoċjazzjoni transnazzjonali ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi u separatament għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi membri tagħha, il-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata magħdud għall-programmi operazzjonali tal-membri ma għandux jitqies għall-kalkolu tal-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata tal-assoċjazzjoni.
Barra minn hekk, għas-setturi elenkati fl-Artikolu 42, il-punti (e) u (f), tar-Regolament (UE) 2021/2115, il-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata jista’ wkoll jinkludi l-valur tal-produzzjoni koperta minn kuntratti nnegozjati mill-organizzazzjoni tal-produtturi, mill-organizzazzjoni transnazzjonali tal-produtturi, mill-assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, mill-assoċjazzjoni transnazzjonali ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi jew mill-grupp ta’ produtturi f’isem il-membri tagħhom.
2. Il-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata għandu jiġi kkalkulat fi stadju frisk jew fl-ewwel stadju tal-ipproċessar li fih il-prodott normalment jiġi kkummerċjalizzat, bl-ingrossa fejn il-prodotti jitħallew jiġu kkummerċjalizzati bl-ingrossa, u ma għandux jinkludi l-kost ta’ pproċessar ulterjuri jew ta’ kundizzjonament ulterjuri jew il-valur tal-prodotti pproċessati finali. Fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom, l-Istati Membri għandhom jindikaw kif jiġi kkalkulat il-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata għal kull settur.
Il-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata tal-frott u tal-ħxejjex maħsuba għall-ipproċessar, li ġew trasformati f’wieħed mill-prodotti tal-frott u tal-ħxejjex ipproċessati elenkati fl-Anness I, Parti X, tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jew fi kwalunkwe prodott ipproċessat ieħor imsemmi f’dan il-paragrafu, minn organizzazzjoni tal-produtturi, minn assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi jew mill-membri produtturi jew mis-sussidjarji tagħhom li jikkonformaw mal-paragrafu 7 ta’ dan l-Artikolu, jew minnhom infushom jew permezz ta’ esternalizzazzjoni, għandu jiġi kkalkulat bħala rata fissa f’perċentwal applikata għall-valur fatturat ta’ dawk il-prodotti pproċessati. Dik ir-rata fissa għandha tkun:
(a) |
53 % għall-meraq tal-frott; |
(b) |
73 % għall-meraq ikkonċentrat; |
(c) |
77 % għall-konċentrat tat-tadam; |
(d) |
62 % għall-frott u għall-ħxejjex iffriżati; |
(e) |
48 % għall-frott u għall-ħxejjex tal-bott; |
(f) |
70 % għall-faqqiegħ tal-bott tal-Agaricus bisporus u faqqiegħ ieħor ikkultivat li huwa ppreservat fis-salmura; |
(g) |
81 % għall-frott ippreservat b’mod provviżorju fis-salmura; |
(h) |
81 % għall-frott imnixxef; |
(i) |
27 % għall-frott u għall-ħxejjex ipproċessati għajr dawk imsemmija fil-punti (a) sa (h); |
(j) |
12 % għall-ħxejjex aromatiċi pproċessati; |
(k) |
41 % għat-trab tal-paprika. |
3. L-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-benefiċjarju jinkludi l-valur tal-prodotti sekondarji fil-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata.
4. Il-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata għandu jinkludi l-valur tal-irtirar mis-suq għad-distribuzzjoni bla ħlas. Il-valur tal-irtirar għad-distribuzzjoni bla ħlas għandu jiġi kkalkulat abbażi tal-prezz medju ta’ dawk il-prodotti kkummerċjalizzati mill-organizzazzjoni tal-produtturi, mill-assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, mill-organizzazzjoni transnazzjonali tal-produtturi, mill-assoċjazzjoni transnazzjonali ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi jew mill-grupp ta’ produtturi fil-perjodu kkonċernat.
5. Il-produzzjoni tal-organizzazzjoni tal-produtturi, tal-assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, tal-organizzazzjoni transnazzjonali tal-produtturi, tal-assoċjazzjoni transnazzjonali ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, tal-grupp ta’ produtturi, jew tal-membri produtturi tiegħu li hija kkummerċjalizzata minn dik l-organizzazzjoni tal-produtturi, l-assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, l-organizzazzjoni transnazzjonali tal-produtturi, l-assoċjazzjoni transnazzjonali ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi jew dak il-grupp ta’ produtturi għandha tingħadd fil-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata.
Il-produzzjoni tal-membri produtturi tal-organizzazzjoni tal-produtturi, tal-assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, tal-organizzazzjoni transnazzjonali tal-produtturi, tal-assoċjazzjoni transnazzjonali ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi jew tal-grupp ta’ produtturi kkummerċjalizzata minn organizzazzjoni tal-produtturi, assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, organizzazzjoni transnazzjonali tal-produtturi, assoċjazzjoni transnazzjonali ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi oħra jew grupp ta’ produtturi ieħor deżinjat mill-organizzazzjoni tagħhom stess għandha tingħadd fil-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata tal-organizzazzjoni, tal-assoċjazzjoni jew tal-grupp li kkummerċjalizza(t) l-produzzjoni. L-għadd doppju għandu jkun ipprojbit.
6. Ħlief fejn japplika l-paragrafu 7, il-produzzjoni kkummerċjalizzata tal-organizzazzjoni tal-produtturi, tal-assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, tal-organizzazzjoni transnazzjonali tal-produtturi, tal-assoċjazzjoni transnazzjonali ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi jew tal-grupp ta’ produtturi għandha tiġi fatturata fl-istadju “ex organizzazzjoni tal-produtturi, assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, organizzazzjoni transnazzjonali tal-produtturi, assoċjazzjoni transnazzjonali ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi jew grupp ta’ produtturi” lesta għall-kummerċjalizzazzjoni, ħlief:
(a) |
il-VAT; |
(b) |
il-kostijiet tat-trasport intern għall-organizzazzjoni tal-produtturi, għall-assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, għall-organizzazzjoni transnazzjonali tal-produtturi, għall-assoċjazzjoni transnazzjonali ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi jew għall-grupp ta’ produtturi. |
7. Madankollu, il-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata jista’ jiġi kkalkulat ukoll fl-istadju ta’ “ex sussidjarja”, fuq il-bażi stabbilita fil-paragrafu 6, dment li mill-inqas 90 % tal-ishma jew tal-kapital tal-kumpanija sussidjarja jkun proprjetà:
(a) |
ta’ organizzazzjoni tal-produtturi jew assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, organizzazzjoni transnazzjonali tal-produtturi, assoċjazzjoni transnazzjonali ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi jew grupp ta’ produtturi; jew |
(b) |
ikun soġġett għall-approvazzjoni tal-Istati Membri, mill-membri produtturi tal-organizzazzjoni tal-produtturi, mill-assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, mill-organizzazzjoni transnazzjonali tal-produtturi, mill-assoċjazzjoni transnazzjonali ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi jew mill-grupp ta’ produtturi, jekk dan jikkontribwixxi għall-objettivi elenkati fl-Artikolu 152(1)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013. |
8. Fil-każ ta’ esternalizzazzjoni, il-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata għandu jiġi kkalkulat fl-istadju “ex organizzazzjoni tal-produtturi, assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, organizzazzjoni transnazzjonali tal-produtturi, assoċjazzjoni transnazzjonali ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi jew grupp ta’ produtturi” u għandu jinkludi l-valur ekonomiku miżjud tal-attività li tkun ġiet esternalizzata mill-organizzazzjoni tal-produtturi, mill-assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, mill-organizzazzjoni transnazzjonali tal-produtturi, mill-assoċjazzjoni transnazzjonali ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi jew mill-grupp ta’ produtturi lill-membri tiegħu, lill-partijiet terzi jew lil sussidjarja għajr dik imsemmija fil-paragrafu 7.
9. Meta jseħħ tnaqqis fil-produzzjoni minħabba diżastru naturali, avveniment klimatiku, mard tal-pjanti jew tal-annimali jew infestazzjoni ta’ organiżmi ta’ ħsara, kull indennifikazzjoni tal-assigurazzjoni li tingħata fir-rigward tal-azzjonijiet tal-assigurazzjoni tal-ħsad jew tal-produzzjoni msemmija fl-Artikolu 18, jew azzjonijiet ekwivalenti ġestiti mill-organizzazzjoni tal-produtturi, mill-assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, mill-organizzazzjoni transnazzjonali tal-produtturi, mill-assoċjazzjoni transnazzjonali ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi jew mill-grupp ta’ produtturi, jew mill-membri produtturi tagħhom, minħabba dawk il-kawżi, tista’ tiġi inkluża fil-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata tal-perjodu ta’ referenza ta’ 12-il xahar li fih fil-fatt titħallas.
Artikolu 32
Perjodu ta’ referenza u limitu massimu fuq l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni
1. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw għal kull organizzazzjoni tal-produtturi, assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, organizzazzjoni transnazzjonali tal-produtturi, assoċjazzjoni transnazzjonali ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi jew grupp ta’ produtturi perjodu ta’ referenza ta’ 12-il xahar, li ma għandux jibda qabel l-1 ta’ Jannar tas-sena li hija tliet snin qabel is-sena li għaliha tintalab l-għajnuna u li jintemm mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ qabel is-sena li għaliha tintalab l-għajnuna.
Il-perjodu ta’ referenza ta’ 12-il xahar għandu jkun il-perjodu kontabilistiku tal-organizzazzjoni tal-produtturi, tal-assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, tal-organizzazzjoni transnazzjonali tal-produtturi, tal-assoċjazzjoni transnazzjonali ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi jew tal-grupp ta’ produtturi kkonċernat.
Il-metodoloġija li biha jiġi stabbilit il-perjodu ta’ referenza ma għandhiex tvarja matul programm għajr f’sitwazzjonijiet debitament ġustifikati.
2. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu jekk il-limitu massimu għall-assistenza finanzjarja tal-Unjoni għall-fond operazzjonali jiġix ikkalkulat kull sena, jew:
(a) |
abbażi tal-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata fil-perjodu ta’ referenza tal-produtturi li huma membri tal-organizzazzjoni tal-produtturi, tal-assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, tal-organizzazzjoni transnazzjonali tal-produtturi, tal-assoċjazzjoni transnazzjonali ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi jew tal-grupp ta’ produtturi fl-1 ta’ Jannar tas-sena li għaliha tkun qed tintalab l-għajnuna; jew |
(b) |
abbażi tal-valur reali tal-produzzjoni kkummerċjalizzata fil-perjodu ta’ referenza kkonċernat tal-organizzazzjoni tal-produtturi, tal-assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, tal-organizzazzjoni transnazzjonali tal-produtturi, tal-assoċjazzjoni transnazzjonali ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi jew tal-grupp ta’ produtturi kkonċernat. F’dak il-każ, ir-regola għandha tapplika għall-benefiċjarji mhux transnazzjonali kollha f’dak l-Istat Membru. |
3. Fejn għal prodott ikun hemm tnaqqis ta’ mill-inqas 35 % fil-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata għal sena partikolari fir-rigward tal-medja ta’ tliet perjodi ta’ referenza preċedenti ta’ 12-il xahar, għandu japplika dan li ġej:
(a) |
jekk it-tnaqqis seħħ minħabba raġunijiet li ma jaqgħux taħt ir-responsabbiltà u l-kontroll tal-organizzazzjoni tal-produtturi, tal-assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, tal-organizzazzjoni transnazzjonali tal-produtturi, tal-assoċjazzjoni transnazzjonali ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi jew tal-grupp ta’ produtturi, il-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata ta’ dak il-prodott għandu jitqies li jirrappreżenta 65 % tal-valur medju fit-tliet perjodi ta’ referenza preċedenti ta’ 12-il xahar; |
(b) |
jekk it-tnaqqis seħħ minħabba diżastri naturali, eventi klimatiċi, mard tal-pjanti jew infestazzjonijiet ta’ pesti li ma jaqgħux taħt ir-responsabbiltà u l-kontroll tal-organizzazzjoni tal-produtturi, tal-assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, tal-organizzazzjoni transnazzjonali tal-produtturi, tal-assoċjazzjoni transnazzjonali ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi jew tal-grupp ta’ produtturi, il-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata ta’ dak il-prodott għandu jitqies li jirrappreżenta 85 % tal-valur medju fit-tliet perjodi ta’ referenza preċedenti ta’ 12-il xahar. |
Fiż-żewġ każijiet, l-organizzazzjoni tal-produtturi, l-assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, l-organizzazzjoni transnazzjonali tal-produtturi, l-assoċjazzjoni transnazzjonali ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi jew il-grupp ta’ produtturi għandhom jagħtu prova lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat li dawk ir-raġunijiet ma kinux jaqgħu taħt ir-responsabbiltà u l-kontroll tiegħu.
Meta l-organizzazzjoni tal-produtturi, l-assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, l-organizzazzjoni transnazzjonali tal-produtturi, l-assoċjazzjoni transnazzjonali ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi jew il-grupp ta’ produtturi jagħtu prova lill-Istat Membru kkonċernat li dawk ir-raġunijiet ma kinux jaqgħu taħt ir-responsabbiltà u l-kontroll tiegħu u li ħadu l-miżuri preventivi meħtieġa, il-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata ta’ dak il-prodott għandu jitqies li jirrappreżenta 100 % tal-valur medju totali tiegħu fit-tliet perjodi ta’ referenza preċedenti ta’ 12-il xahar.
KAPITOLU III
Settur tal-frott u l-ħxejjex
Artikolu 33
Kostijiet tal-kundizzjonament għad-distribuzzjoni bla ħlas
Il-pagamenti tan-nefqa lill-organizzazzjoni tal-produtturi, lill-assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, lill-organizzazzjoni transnazzjonali tal-produtturi, lill-assoċjazzjoni transnazzjonali ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi relatata mal-kostijiet tal-kundizzjonament tal-frott u l-ħxejjex irtirati mis-suq għad-distribuzzjoni bla ħlas taħt il-programmi operazzjonali huma stabbiliti fl-Anness VII.
Artikolu 34
Kalkolu tal-grad ta’ organizzazzjoni tal-produtturi għall-finijiet tal-assistenza finanzjarja nazzjonali
1. Meta jiġi ddeterminat il-livell tal-assistenza finanzjarja nazzjonali fis-settur tal-frott u l-ħxejjex f’konformità mal-Artikolu 53 tar-Regolament (UE) 2021/2115, il-grad ta’ organizzazzjoni f’reġjun ta’ Stat Membru għandu jiġi kkalkulat abbażi tal-valur tal-frott u l-ħxejjex prodotti fir-reġjun ikkonċernat u kkummerċjalizzati mill-organizzazzjonijiet u għandu biss jinkludi dawk il-prodotti li għalihom dawk l-organizzazzjonijiet huma rikonoxxuti. L-Artikolu 31 ta’ dan ir-Regolament għandu japplika mutatis mutandis.
2. Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu għandhom jitqiesu biss il-frott u l-ħxejjex prodotti fir-reġjun imsemmi fil-paragrafu 3.
3. L-Istati Membri għandhom jiddefinixxu r-reġjuni bħala parti distinta mit-territorju nazzjonali tagħhom f’konformità ma’ kriterji oġġettivi u nondiskriminatorji, bħall-karatteristiċi agronomiċi u ekonomiċi tagħhom u l-potenzjal agrikolu jew tal-frott u l-ħxejjex reġjonali tagħhom, jew l-istruttura istituzzjonali jew amministrattiva tagħhom u li għalihom hemm data disponibbli sabiex jiġi kkalkulat il-grad ta’ organizzazzjoni msemmi fil-paragrafu 1.
Il-lista ta’ reġjuni stabbilita minn Stat Membru ma għandhiex tiġi emendata għal mill-inqas ħames snin sakemm tali emenda ma tkunx oġġettivament ġustifikata, b’mod partikolari għal raġunijiet li mhumiex relatati mal-kalkolu tal-grad ta’ organizzazzjoni tal-produtturi fir-reġjun jew fir-reġjuni kkonċernati.
4. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Jannar ta’ kull sena bil-lista tar-reġjuni li jissodisfaw il-kriterji msemmija fl-Artikolu 53(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2021/2115, u bl-ammont ta’ assistenza finanzjarja nazzjonali mogħtija lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi f’dawk ir-reġjuni.
L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe emenda fil-lista tar-reġjuni.
5. Organizzazzjoni tal-produtturi li tixtieq tapplika għall-assistenza finanzjarja nazzjonali għandha, jekk ikun meħtieġ, temenda l-programm operazzjonali tagħha.
Artikolu 35
Medja ta’ tliet snin għall-irtirar mis-suq għad-distribuzzjoni bla ħlas
1. Il-limitu ta’ 5 % tal-volum tal-produzzjoni kkummerċjalizzata msemmi fl-Artikolu 52(6), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2021/2115 għandu jkun ikkalkulat fuq il-bażi tal-medja tal-volumi globali ta’ prodotti li għalihom tkun rikonoxxuta l-organizzazzjoni tal-produtturi u li jkunu kkummerċjalizzati permezz tal-organizzazzjoni tal-produtturi matul it-tliet snin preċedenti.
2. Għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi li jkunu ġew rikonoxxuti reċentement, id-data għas-snin tal-kummerċjalizzazzjoni qabel ir-rikonoxximent għandha tkun:
(a) |
f’każ li l-organizzazzjoni kienet grupp tal-produtturi, id-data ekwivalenti għal dak il-grupp tal-produtturi; jew |
(b) |
il-volum applikabbli għall-applikazzjoni għar-rikonoxximent. |
KAPITOLU IV
Settur tal-apikultura
Artikolu 36
Definizzjoni ta’ doqqajs
Għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu, it-terminu “doqqajs” ifisser l-unità li jkun fiha l-kolonja tan-naħal tal-għasel użata għall-produzzjoni tal-għasel u prodotti oħrajn tal-apikultura jew materjal għat-trobbija tan-naħal tal-għasel, u l-elementi kollha meħtieġa għas-sopravivenza tagħha.
Artikolu 37
Metodu għall-kalkolu tal-għadd ta’ doqqajs
L-għadd ta’ doqqajs lesti għax-xitwa fit-territorju tal-Istati Membri bejn l-1 ta’ Settembru u l-31 ta’ Diċembru għandu jiġi kkalkulat kull sena skont metodu affidabbli stabbilit fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK.
Artikolu 38
Notifika tal-għadd ta’ doqqajs
In-notifika annwali tal-għadd ta’ doqqajs imsemmi fl-Artikolu 55(7) tar-Regolament (UE) 2021/2115 kif ikkalkulat f’konformità mal-Artikolu 37 ta’ dan ir-Regolament, għandha ssir sal-15 ta’ Ġunju ta’ kull sena, mill-2023 ’il quddiem.
Artikolu 39
Kontribuzzjoni minima tal-Unjoni
Il-kontribuzzjoni minima tal-Unjoni għan-nefqa relatata mal-implimentazzjoni tat-tipi ta’ intervent fis-settur tal-apikultura msemmija fl-Artikolu 55 tar-Regolament (UE) 2021/2115 u speċifikata mill-Istati Membri fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom għandha tkun ta’ 30 %.
KAPITOLU V
Settur tal-inbid
Artikolu 40
Benefiċjarji
1. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu liema operaturi jistgħu jibbenefikaw minn interventi fis-settur tal-inbid speċifikati fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom. Dawk l-operaturi għandhom jinkludu l-benefiċjarji kif imsemmi fil-paragrafi 2, 3 u 4 kif ukoll l-organizzazzjonijiet professjonali, l-organizzazzjoni tal-produtturi tal-inbid, l-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi tal-inbid, l-assoċjazzjonijiet temporanji jew permanenti ta’ żewġ produtturi tal-inbid jew aktar u l-organizzazzjonijiet interprofessjonali.
2. L-Istati Membri għandhom jipprovdu li dawk li jkabbru d-dwieli jkunu l-uniċi benefiċjarji tat-tipi ta’ intervent “ristrutturar u konverżjoni tal-vinji”, “ħsad bikri” u “assigurazzjoni tal-ħsad” imsemmija fl-Artikolu 58(1), l-ewwel subparagrafu, il-punti (a), (c) u (d), tar-Regolament (UE) 2021/2115, rispettivament.
3. Korp irregolat mil-liġi pubblika ma jistax jibbenefika minn appoġġ taħt it-tipi ta’ intervent fis-settur tal-inbid. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jippermettu li korp irregolat mil-liġi pubblika jibbenefika mill-appoġġ:
(a) |
għall-azzjonijiet implimentati minn organizzazzjonijiet interprofessjonali kif imsemmi fl-Artikolu 58(1), l-ewwel subparagrafu, il-punti (i) u (j), tar-Regolament (UE) 2021/2115; |
(b) |
għal azzjonijiet ta’ informazzjoni u għall-promozzjoni u l-komunikazzjoni mwettqa f’pajjiżi terzi kif imsemmi fl-Artikolu 58(1), l-ewwel subparagrafu, il-punti (h) u (k), tar-Regolament (UE) 2021/2115, dment li ma jkunx l-uniku benefiċjarju tal-appoġġ mogħti fir-rigward ta’ dawk l-interventi. |
4. Il-kumpaniji privati jistgħu jkunu benefiċjarji għall-promozzjoni u l-komunikazzjoni mwettqa f’pajjiżi terzi kif imsemmi fl-Artikolu 58(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt (k), tar-Regolament (UE) 2021/2115.
5. Ma għandu jingħata l-ebda appoġġ lill-produtturi li jkabbru taħwil illegali u żoni mħawlin b’vinji mingħajr awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 71 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.
Artikolu 41
Tħawwil mill-ġdid tal-vinji għal raġunijiet ta’ saħħa jew fitosanitarji
In-nefqa annwali mħallsa mill-Istati Membri għall-appoġġ lill-interventi speċifikati fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom b’rabta mat-tħawwil mill-ġdid tal-vinji wara l-qlugħ obbligatorju ma għandhiex taqbeż il-15 % tan-nefqa annwali totali fuq ir-ristrutturar u l-konverżjoni tal-vinji skont l-Artikolu 58(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2021/2115 imħallsa mill-Istat Membru kkonċernat matul kwalunkwe sena finanzjarja partikolari.
Il-kostijiet tal-qlugħ u l-kumpens tal-introjtu mitluf ma għandhomx jikkostitwixxu nefqa eliġibbli taħt dan it-tip ta’ intervent.
Artikolu 42
Żona mħawla
1. Għall-finijiet tal-punti (a) u (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 58(1) tar-Regolament (UE) 2021/2115, żona mħawla bi dwieli hija definita mill-perimetru estern tal-istokkijiet tad-dwieli biż-żieda ta’ lqugħ li l-wisa’ tiegħu tikkorrispondi għal nofs id-distanza bejn ir-ringieli.
2. Meta Stat Membru jiddeċiedi li jivverifika l-kostijiet eliġibbli tal-operazzjonijiet għar-ristrutturar u għall-konverżjoni tal-vinji u l-ħsad bikri esklużivament abbażi ta’ skali standard ta’ kostijiet unitarji bbażati fuq unitajiet ta’ kejl differenti mill-wiċċ jew ta’ dokumenti ta’ sostenn li jridu jiġu ppreżentati mill-benefiċjarji, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiddeċiedu li ma jkejlux iż-żona mħawla kif stabbilit fil-paragrafu 1.
KAPITOLU VI
Settur tal-ħops
Artikolu 43
Assistenza finanzjarja tal-Unjoni
L-assistenza finanzjarja massima tal-Unjoni li għandha tiġi allokata lil kull organizzazzjoni jew assoċjazzjoni tal-produtturi, kif imsemmi fl-Artikolu 62(1) tar-Regolament (UE) 2021/2115, għandha tiġi kkalkulata pro rata abbażi taż-żoni eliġibbli tal-ħops tal-membri produtturi tagħha. Sabiex ikunu eliġibbli, iż-żoni tal-ħops għandhom ikunu ġew miżrugħa b’densità uniformi ta’ mill-inqas 1 500 pjanta għal kull ettaru fil-każ ta’ trabbit doppju għax-xeblik, jew mill-inqas 2 000 pjanta għal kull ettaru fil-każ ta’ trabbit singolu għax-xeblik.
Iż-żoni għandhom jinkludu biss iż-żoni delimitati minn linja li tgħaqqad il-wajers ta’ barra li jżomm l-arbli. Fejn fuq dik il-linja jkun hemm il-pjanti tal-ħops, tista’ tiżdied ma’ kull naħa ta’ dik iż-żona strippa addizzjonali b’wisa’ li tikkorrispondi mal-wisa’ medja ta’ passaġġ f’dik ir-roqgħa. L-istrippa addizzjonali ma għandhiex tagħmel parti minn passaġġ bi dritt pubbliku ta’ aċċess. Iż-żewġ strixxi tat-truf tar-ringieli tal-ħops li huma meħtieġa għall-manuvrar ta’ makkinarju agrikolu jistgħu jiġu inklużi fiż-żona, sakemm it-tul tal-ebda strixxa ma jkun aktar minn tmien metri twil u sakemm dawn jingħaddu darba biss, u li ma jifformawx parti minn passaġġ bi dritt pubbliku ta’ aċċess.
Iż-żoni ma għandhomx jinkludu żoni mħawla bi pjanti tal-ħops żgħar imkabbra prinċipalment bħala prodotti tal-kultivazzjoni.
KAPITOLU VII
Settur tal-bhejjem
Artikolu 44
Ripopolazzjoni bil-bhejjem wara qtil obbligatorju għal raġunijiet tas-saħħa jew minħabba telf li jirriżulta minn diżastri naturali
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tip ta’ intervent “ripopolazzjoni bil-bhejjem wara qtil obbligatorju għal raġunijiet tas-saħħa jew minħabba telf li jirriżulta minn diżastri naturali” kif imsemmi fl-Artikolu 47(2), il-punt (e), tar-Regolament (UE) 2021/2115, jiġi implimentat biss meta jkunu ttieħdu miżuri ta’ kontroll f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13).
2. In-nefqa għar-ripopolazzjoni tal-bhejjem ma għandhiex taqbeż l-20 % tan-nefqa totali fl-ambitu tal-programmi operazzjonali.
TITOLU IV
REKWIŻITI ADDIZZJONALI GĦAL ĊERTI TIPI TA’ INTERVENT FL-IŻVILUPP RURALI
Artikolu 45
Konservazzjoni, użu sostenibbli u żvilupp tar-riżorsi ġenetiċi fl-agrikoltura u fil-forestrija
1. L-Istati Membri li, fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom jinkludu interventi relatati mal-konservazzjoni, l-użu sostenibbli u l-iżvilupp tar-riżorsi ġenetiċi fl-agrikoltura u fil-forestrija kif imsemmi fl-Artikolu 70 tar-Regolament (UE) 2021/2115 jistgħu jipprovdu appoġġ biss bħala:
(a) |
impenji agroambjentali klimatiċi għall-preservazzjoni tar-razez fil-periklu fl-azjendi agrikoli u tal-varjetajiet ta’ pjanti mhedda minn erożjoni ġenetika; jew |
(b) |
appoġġ għal attivitajiet rigward il-konservazzjoni, l-użu sostenibbli u l-iżvilupp tar-riżorsi ġenetiċi fl-agrikoltura u fil-forestrija. |
L-attivitajiet koperti mit-tip ta’ impenji agroambjentali klimatiċi msemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu ma għandhomx ikunu eliġibbli għall-appoġġ skont il-punt (b) ta’ dak is-subparagrafu.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impenji agroambjentali klimatiċi għall-preservazzjoni tar-razez fil-periklu fl-azjendi agrikoli u varjetajiet ta’ pjanti mhedda minn erożjoni ġenetika, imsemmija fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, il-punt (a), għandhom jeħtieġu:
(a) |
li jrabbu annimali tar-razzett ta’ razez lokali, rikonoxxuti minn Stat Membru li huma fil-periklu, ġenetikament addattati għal ambjent jew sistema ta’ produzzjoni tradizzjonali wieħed/waħda jew aktar f’dak l-Istat Membru, fejn l-istatus fil-periklu jkun xjentifikament stabbilit minn korp li jkollu l-ħiliet u l-għarfien meħtieġa fil-qasam tar-razez fil-periklu, kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (24), tar-Regolament (UE) 2016/1012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14); jew |
(b) |
li jiġu ppreservati r-riżorsi ġenetiċi tal-pjanti adattati b’mod naturali għall-kundizzjonijiet lokali u reġjonali u li jinsabu taħt theddida ta’ erożjoni ġenetika. |
3. L-ispeċijiet li ġejjin ta’ annimali tar-razzett ta’ razez lokali msemmija fil-paragrafu 2, il-punt (a), jistgħu jkunu eliġibbli għall-appoġġ:
(a) |
frat; |
(b) |
nagħaġ; |
(c) |
mogħoż; |
(d) |
ekwidi (Equus caballus u Equus asinus); |
(e) |
qżieqeż; |
(f) |
għasafar; |
(g) |
fniek; |
(h) |
naħal. |
4. L-Istati Membri għandhom iqisu biss bħala eliġibbli għall-appoġġ ir-razez lokali msemmija fil-paragrafu 2, il-punt (a), jekk ikun hemm konformità mar-rekwiżiti li ġejjin:
(a) |
fil-livell nazzjonali jiġi ddikjarat l-għadd ta’ nisa għat-tnissil ikkonċernat; |
(b) |
soċjetà tat-tnissil rilevanti debitament rikonoxxut tirreġistra u żżomm aġġornat il-ktieb tal-merħla jew tal-qatgħa għat-tgħammir għar-razza. |
5. L-Istati Membri għandhom iqisu r-riżorsi ġenetiċi tal-pjanti msemmija fil-paragrafu 2, il-punt (b), bħala li qegħdin fil-periklu ta’ erożjoni ġenetika bil-kundizzjoni li tiġi pprovduta biżżejjed evidenza ta’ erożjoni ġenetika, ibbażata fuq riżultati xjentifiċi jew indikaturi għat-tnaqqis tar-razez lokali jew tal-varjetajiet lokali primittivi, id-diversità fil-popolazzjonijiet tagħhom u, fejn rilevanti, għat-tibdil fil-prattiċi agrikoli prevalenti fuq livell lokali.
6. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-operazzjonijiet għall-konservazzjoni, għall-użu sostenibbli u għall-iżvilupp ta’ riżorsi ġenetiċi fl-agrikoltura u fil-forestrija, imsemmija fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, il-punt (b), jinkludu dan li ġej:
(a) |
azzjonijiet immirati li jippromwovu l-konservazzjoni, il-karatterizzazzjoni, il-ġbir u l-użu in situ u ex situ ta’ riżorsi ġenetiċi fl-agrikoltura u fil-forestrija, inklużi inventarji bbażati fuq l-web ta’ riżorsi ġenetiċi attwalment ikkonservati in situ, inkluż il-konservazzjoni fl-azjenda agrikola jew fl-azjenda tal-foresta, u kollezzjonijiet u bażijiet tad-data ex situ; |
(b) |
azzjonijiet miftiehma li jippromwovu l-iskambju ta’ informazzjoni għall-konservazzjoni, għall-karatterizzazzjoni, għall-ġbir u għall-użu ta’ riżorsi ġenetiċi fl-agrikoltura jew fil-forestrija tal-Unjoni bejn l-organizzazzjonijiet kompetenti tal-Istati Membri; |
(c) |
azzjoni ta’ akkumpanjament: informazzjoni, disseminazzjoni, pariri, taħriġ, u tħejjija ta’ rapporti tekniċi, li jinvolvu organizzazzjoni nongovernattivi u partijiet ikkonċernati oħrajn. |
7. Għall-finijiet tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(a) |
“konservazzjoni in situ” fl-agrikoltura tfisser il-konservazzjoni ta’ materjal ġenetiku fl-ekosistemi u l-ħabitats naturali u ż-żamma u l-irkupru ta’ popolazzjoni vijabbli ta’ speċijiet jew razez selvaġġi fl-ambjent naturali tagħhom u, fil-każ ta’ razez tal-annimali domestikati jew speċijiet ta’ pjanti kkultivati, fl-ambjent tat-trobbija fejn ikunu żviluppaw il-proprjetajiet distinti tagħhom; |
(b) |
“konservazzjoni in situ” fil-forestrija tfisser il-konservazzjoni ta’ materjal ġenetiku fl-ekosistemi u l-ħabitats naturali u ż-żamma u l-irkupru ta’ popolazzjoni vijabbli ta’ speċijiet fl-ambjent naturali tagħhom; |
(c) |
“konservazzjoni fl-azjenda agrikola jew fl-azjenda tal-foresta” tfisser il-konservazzjoni u l-iżvilupp in situ fil-livell tal-azjenda agrikola jew tal-azjenda tal-foresta; |
(d) |
“konservazzjoni ex situ” tfisser il-konservazzjoni ta’ materjal ġenetiku għall-agrikoltura jew il-forestrija barra mill-ħabitat naturali tiegħu; |
(e) |
“ġbir ex situ” tfisser il-ġbir ta’ materjal ġenetiku għall-agrikoltura jew għall-forestrija miżmum barra mill-ħabitat naturali tiegħu. |
Artikolu 46
Trattament xieraq tal-annimali
L-Istati Membri li, fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom jinkludu interventi relatati ma’ impenji għat-trattament xieraq tal-annimali imsemmija fl-Artikolu 70 tar-Regolament (UE) 2021/2115 għandhom jiżguraw li l-impenji għat-trattament xieraq tal-annimali jipprovdu standards aġġornati tal-metodi ta’ produzzjoni f’mill-inqas wieħed mill-oqsma li ġejjin:
(a) |
l-ilma, l-għalf u l-kura tal-annimali f’konformità mal-ħtiġijiet naturali tal-annimali; |
(b) |
il-kundizzjonijiet tal-akkomodazzjoni li jtejbu l-kumdità tal-annimali u l-libertà ta’ moviment tagħhom, bħal żieda fil-konċessjonijiet ta’ spazju, superfiċi tal-art, dawl naturali, kontroll tal-mikroklima, kif ukoll kundizzjonijiet tal-akkomodazzjoni bħall-ħlas fil-miftuħ jew l-akkomodazzjoni fi gruppi, skont il-ħtiġijiet naturali tal-annimali; |
(c) |
il-kundizzjonijiet li jippermettu espressjoni ta’ mġiba naturali, bħall-arrikkiment tal-ambjent tal-għajxien jew il-ftim tard; |
(d) |
aċċess u ragħa fil-beraħ; |
(e) |
prattiki li jżidu r-robustezza u t-tul tal-ħajja tal-annimali, inklużi razez li jikbru aktar bil-mod; |
(f) |
prattiki biex tiġi evitata l-mutilazzjoni jew il-kastrazzjoni tal-annimali. F’każijiet speċifiċi meta l-mutilazzjoni jew il-kastrazzjoni tal-annimali titqies meħtieġa, għandhom jintużaw anestetiċi, analġeżija u medikazzjoni antiinfjammatorja jew immunokastrazzjoni; |
(g) |
miżuri sanitarji, li jipprevjenu l-mard mhux trażmissibbli, li ma jeħtiġux l-użu ta’ sustanzi mediċi bħal vaċċini, insettiċidi jew mediċini kontra l-parassiti. |
Artikolu 47
Skemi tal-kwalità
L-Istati Membri, li fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom jinkludu interventi relatati ma’ skemi tal-kwalità, imsemmija fl-Artikolu 77(1), il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2021/2115, għandhom jiżguraw li l-iskemi tal-kwalità nazzjonali rikonoxxuti jkopru:
(a) |
skemi ta’ kwalità, inklużi skemi ta’ ċertifikazzjoni tal-azjendi agrikoli, għal prodotti agrikoli, il-qoton jew oġġetti tal-ikel, rikonoxxuti mill-Istati Membri bħala li jikkonformaw mal-kriterji li ġejjin:
|
(b) |
l-iskemi ta’ ċertifikazzjoni volontarji għall-prodotti agrikoli rikonoxxuti mill-Istati Membri bħala li jissodisfaw il-linji gwida tal-aqwa prattiki tal-Unjoni għat-tħaddim ta’ skemi ta’ ċertifikazzjoni volontarji msemmija fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Diċembru 2010 bit-titlu “Linji gwida tal-aqwa prattiki tal-UE għat-tħaddim ta’ skemi ta’ ċertifikazzjoni volontarji għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel” (15) relatati ma’ prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel. |
TITOLU V
REGOLI DWAR il-PROPORZJON GĦALL-ISTANDARD 1 TAL-KAAT
Artikolu 48
Regoli dwar il-proporzjon għall-istandard 1 tal-KAAT
1. Għaż-żamma ta’ bwar permanenti b’rabta mal-istandard 1 tal-KAAT kif elenkat fl-Anness III tar-Regolament (UE) 2021/2115, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proporzjon ta’ bwar permanenti b’rabta maż-żona agrikola ma jonqosx b’aktar minn 5 % meta mqabbel ma’ proporzjon ta’ referenza li jrid jiġi stabbilit minn kull Stat Membru fil-Pjan Strateġiku tal-PAK tiegħu permezz tad-diviżjoni tal-erja ta’ bwar permanenti bl-erja agrikola totali.
Bl-għan li jiġi stabbilit il-proporzjon ta’ referenza msemmi fil-ewwel subparagrafu:
(a) |
“erja ta’ bwar permanenti” tfisser bwar permanenti ddikjarati fl-2018 f’konformità mal-Artikolu 72(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt (a) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16) minn bdiewa li jirċievu pagamenti diretti, u determinata kif imsemmi fl-Artikolu 2(1), it-tieni subparagrafu, il-punt (23) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 640/2014 (17), aġġustata fejn meħtieġ mill-Istati Membri biex tqis l-impatt ta’ bidla possibbli, b’mod partikolari fid-definizzjoni ta’ bwar permanenti li trid tiġi stabbilita mill-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 4(3), il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2021/2115; |
(b) |
“erja agrikola totali” tfisser l-erja agrikola ddikjarata fl-2018 f’konformità mal-Artikolu 72(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt (a) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 minn bdiewa li jirċievu pagamenti diretti, u determinata kif imsemmi fl-Artikolu 2(1), it-tieni subparagrafu, il-punt (23) tar-Regolament Delegat (UE) Nru 640/2014, aġġustata fejn meħtieġ mill-Istati Membri, b’mod partikolari biex tqis l-impatt ta’ bidla possibbli fid-definizzjoni ta’ erjas agrikoli li trid tiġi stabbilita mill-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 4(3), tar-Regolament (UE) 2021/2115. |
2. Il-proporzjon ta’ bwar permanenti għandu jiġi stabbilit kull sena abbażi tal-erjas iddikjarati għal dik is-sena mill-benefiċjarji li jirċievu pagamenti diretti skont it-Titolu III, il-Kapitolu II, tar-Regolament (UE) 2021/2115 jew il-pagamenti annwali skont l-Artikoli 70, 71 u 72 ta’ dak ir-Regolament skont l-Artikolu 67(1) tar-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18).
L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu l-proporzjon ta’ bwar permanenti u l-proporzjon ta’ referenza fil-livell nazzjonali, reġjonali, sottoreġjonali, ta’ grupp ta’ azjendi agrikoli jew ta’ azjenda agrikola.
3. Fejn jiġi stabbilit li l-proporzjon imsemmi fil-paragrafu 2 naqas b’aktar minn 5 % fil-livell li fih jiġi implimentat l-istandard 1 tal-KAAT, l-Istat Membru kkonċernat għandu jimponi obbligi fil-livell tal-azjenda agrikola biex l-art terġa’ tiġi kkonvertita fi bwar permanenti jew tiġi stabbilita erja ta’ bwar permanenti għal xi wħud mill-bdiewa jew għall-bdiewa kollha li għandhom art għad-dispożizzjoni tagħhom li ġiet ikkonvertita minn bwar permanenti f’art għal użi oħrajn matul perjodu fl-imgħoddi.
Madankollu, meta l-erja ta’ bwar permanenti f’sena partikolari tinżamm f’termini assoluti fi ħdan 0,5 % tal-erjas ta’ bwar permanenti stabbiliti f’konformità mal-paragrafu 1, it-tieni subparagrafu, il-punt (a), l-obbligu stabbilit fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, għandu jitqies li jkun ġie rispettat.
4. Il-paragrafu 3, l-ewwel subparagrafu, ma għandux japplika meta t-tnaqqis taħt il-livell limitu ta’ 5 % ikun ir-riżultat ta’ impenji meħuda jew obbligi, kif imsemmi fl-Artikolu 4(4), il-punti (b) u (c), tar-Regolament (UE) 2021/2115 li minħabba fihom attività agrikola ma tkunx għadha titwettaq fiż-żoni inkwistjoni, u li ma jinkludux pjantaġġuni tas-siġar tal-Milied jew kultivazzjoni ta’ għelejjel jew siġar għall-produzzjoni tal-enerġija.
5. Għall-fini tal-kalkolu tal-proporzjon imsemmi fil-paragrafu 2, iż-żoni konvertiti mill-ġdid fi bwar permanenti jew stabbiliti bħala bwar permanenti f’konformità mal-paragrafu 3, jew stabbiliti bħala bwar permanenti bħala parti mill-implimentazzjoni mill-Istati Membri tal-istandard 1 tal-KAAT, għandhom jitqiesu bħala bwar permanenti mill-ewwel jum tal-konverżjoni mill-ġdid jew tal-istabbiliment. Dawk iż-żoni għandhom jintużaw għat-tkabbir ta’ ħxejjex jew foraġġ erbaċew ieħor f’konformità mad-definizzjoni prevista fl-Artikolu 4(3), il-punt (c) tar-Regolament (UE) 2021/2115, mill-inqas ta’ ħames snin konsekuttivi wara l-konverżjoni mill-ġdid jew l-istabbiliment, jew għal żoni diġà użati għat-tkabbir ta’ ħxejjex jew foraġġ erbaċew ieħor, għan-numru ta’ snin li jifdal biex jilħqu l-ħames snin konsekuttivi.
TITOLU VI
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 49
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Diċembru 2021.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(2) Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671).
(3) https://www.unodc.org/unodc/en/treaties/single-convention.html
(4) Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/53/KE tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-varjetajiet komuni ta’ katalgi ta’ speċijiet ta’ pjanti agrikoli (ĠU L 193, 20.7.2002, p. 1).
(5) Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/57/KE tat-13 ta’ Ġunju 2002 fuq il-marketing taż-żerriegħa ta’ pjanti taż-żejt u tal-fibra (ĠU L 193, 20.7.2002, p. 74).
(6) Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2008/62/KE tal-20 ta’ Ġunju 2008 li tipprevedi ċerti derogi għall-approvazzjoni ta’ landraces (tipi partikolari) u varjetajiet agrikoli li huma adattati b’mod naturali għall-kundizzjonijiet lokali u reġjonali u mhedda minn tagħwir ġenetiku, u t-tqegħid fis-suq ta’ żerriegħa u patata taż-żerriegħa ta’ dawk il-landraces u varjetajiet (ĠU L 162, 21.6.2008, p. 13).
(7) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta’ intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36).
(8) Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1).
(9) Ir-Regolament (UE) 2020/741 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 2020 dwar ir-rekwiżiti minimi għall-użu mill-ġdid tal-ilma (ĠU L 177, 5.6.2020, p. 32).
(10) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 821/2014 tat-28 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-arranġamenti dettaljati għat-trasferiment u l-immaniġġar ta’ kontribuzzjonijiet tal-Programm, ir-rappurtar dwar strumenti finanzjarji, il-karatteristiċi tekniċi tal-miżuri ta’ informazzjoni u ta’ komunikazzjoni għal operazzjonijiet u s-sistema biex tiġi rreġistrata u tinħażen id-data (ĠU L 223, 29.7.2014, p. 7).
(11) Ir-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar il-miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 228/2013, (UE) Nru 652/2014 u (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 69/464/KEE, 74/647/KEE, 93/85/KEE, 98/57/KE, 2000/29/KE, 2006/91/KE u 2007/33/KE (ĠU L 317, 23.11.2016, p. 4).
(12) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2011 tas-7 ta’ Ġunju 2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 għas-setturi tal-frott u l-ħaxix u tal-frott u l-ħaxix ipproċessat (ĠU L 157, 15.6.2011, p. 1).
(13) Ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali) (ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1).
(14) Ir-Regolament (UE) 2016/1012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-kondizzjonijiet żootekniċi u ġenealoġiċi għat-tnissil, kummerċ u dħul fl-Unjoni ta’ annimali ta’ razza pura għat-tnissil, ħnieżer tat-tnissil ibridi u tal-prodotti ġerminali tagħhom u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 652/2014, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE u 90/425/KEE u jħassar ċerti atti fil-qasam tat-tnissil tal-annimali (“ir-Regolament dwar it-Tnissil tal-Annimali”) (ĠU L 171, 29.6.2016, p. 66).
(15) ĠU C 341, 16.12.2010, p. 5.
(16) Ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549).
(17) Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 640/2014 tal-11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll u l-kundizzjonijiet għar-rifjut jew l-irtirar ta’ pagamenti u penali amministrattivi applikabbli għall-pagamenti diretti, l-appoġġ għall-iżvilupp rurali u l-kundizzjonalità (ĠU L 181, 20.6.2014, p. 48).
(18) Ir-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 dwar il-ġestjoni finanzjarja u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 (ĠU L 435, 6.12.2021, p. 187).
ANNESS I
Metodu tal-Unjoni għall-verifika tal-varjetajiet tal-qanneb u għad-determinazzjoni kwantitattiva tal-kontenut ta’ Δ9-tetraidrokannabinol fil-varjetajiet tal-qanneb imsemmija fl-Artikolu 3
1. Kamp ta’ applikazzjoni
Il-metodu stabbilit f’dan l-Anness ifittex li jiddetermina l-kontenut ta’ Δ9-tetraidrokannabinol (minn hawn ’il quddiem “il-kontenut ta’ THC”) tal-varjetajiet tal-qanneb (Cannabis sativa L.). Kif xieraq, il-metodu jinvolvi l-applikazzjoni tal-proċedura A jew B kif deskritt f’dan l-Anness.
Il-metodu huwa bbażat fuq id-determinazzjoni kwantitattiva tat-THC permezz tal-kromatografija b’fażi gassuża (GC) wara l-estrazzjoni b’solvent xieraq.
1.1. Proċedura A
Il-Proċedura A għandha tintuża għall-verifiki fuq il-produzzjoni tal-qanneb, fejn il-kampjun ta’ kontroll għall-verifiki fuq il-post imwettqa kull sena jkopri mill-inqas 30 % taż-żoni ddikjarati għall-produzzjoni tal-qanneb f’konformità mal-Artikolu 4(4), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2021/2115.
1.2. Proċedura B
Il-Proċedura B għandha tintuża meta Stat Membru jintroduċi sistema ta’ approvazzjoni minn qabel għall-kultivazzjoni tal-qanneb, u l-livell minimu għall-verifiki fuq il-post ikopri mill-inqas 20 % taż-żoni ddikjarati għall-produzzjoni tal-qanneb f’konformità mal-Artikolu 4(4), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2021/2115.
2. Kampjunar
2.1. Kundizzjonijiet għat-teħid tal-kampjuni
Il-kampjuni għandhom jittieħdu matul il-jum skont mudell sistematiku biex jiġi żgurat li l-kampjun ikun rappreżentattiv tal-għalqa, iżda esklużi t-trufijiet tal-għalla.
2.1.1. Proċedura A:
minn wiċċ tar-raba’ mhux maħsud ta’ varjetà partikolari tal-qanneb, għandha tittieħed biċċa twila 30 cm li jkun fiha tal-inqas inflorexxenza femminili waħda għal kull pjanta magħżula. Il-kampjunar għandu jitwettaq matul il-perjodu li jibda minn 20 jum wara l-bidu tal-fjoritura sa għaxart ijiem wara t-tmiem tal-fjoritura.
L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw il-kampjunar li għandu jitwettaq matul il-perjodu mill-bidu tal-fjoritura sa 20 jum wara l-bidu tal-fjoritura diment li, għal kull varjetà mkabbra, jittieħdu kampjuni rappreżentattivi oħrajn f’konformità mal-ewwel paragrafu matul il-perjodu minn 20 jum wara l-bidu tal-fjoritura sa għaxart ijiem wara t-tmiem tal-fjoritura.
Għall-qanneb ikkultivat bħala għalla tat-titwiq, fin-nuqqas ta’ inflorexxenzi femminili, għandhom jittieħdu t-30 cm ta’ fuq taz-zokk tal-pjanta. F’dak il-każ, il-kampjunar għandu jitwettaq eżatt qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ veġetazzjoni, ladarba l-weraq jibda jisfar, madankollu mhux aktar tard mill-bidu ta’ perjodu previst ta’ ġlata.
2.1.2. Proċedura B:
minn wiċċ tar-raba’ mhux maħsud ta’ varjetà partikolari tal-qanneb, għandu jittieħed it-terz ta’ fuq ta’ kull pjanta magħżula. Il-kampjunar għandu jitwettaq matul l-għaxart ijiem wara t-tmiem tal-fjoritura jew, għall-qanneb ikkultivat bħala għalla tat-titwiq, fin-nuqqas ta’ inflorexxenzi femminili, eżatt qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ veġetazzjoni, ladarba l-weraq jibda jisfar, iżda mhux aktar tard mill-bidu ta’ perjodu previst ta’ ġlata. Fil-każ ta’ varjetajiet dijoiċi, għandhom jittieħdu biss pjanti femminili.
2.2. Daqs tal-kampjun
Proċedura A: il-kampjun għandu jinkludi partijiet ta’ 50 pjanta għal kull għalqa.
Proċedura B: il-kampjun għandu jinkludi partijiet ta’ 200 pjanta għal kull għalqa.
Kull kampjun għandu jitpoġġa f’borża tad-drapp jew tal-karti, mingħajr ma jitgħaffeġ, u jintbagħat il-laboratorju għall-analiżi.
L-Istat Membru jista’ jipprevedi li jinġabar kampjun ieħor għall-kontroanaliżi, jekk ikun meħtieġ, li jinżamm jew mill-produttur jew mill-korp responsabbli għall-analiżi.
2.3. Tnixxif u ħżin tal-kampjun
It-tnixxif tal-kampjuni għandu jibda mill-aktar fis possibbli u, fi kwalunkwe każ, fi żmien 48 siegħa bl-użu ta’ kwalunkwe metodu taħt 70 °C.
Il-kampjuni għandhom jitnixxfu sa piż kostanti u sa kontenut ta’ ndewwa ta’ bejn 8 % u 13 %.
Wara t-tnixxif, il-kampjuni għandhom jinħażnu mingħajr ma jitgħaffġu f’temperatura ta’ inqas minn 25 °C f’post mudlam.
3. Determinazzjoni tal-kontenut ta’ THC
3.1. Preparazzjoni tal-kampjun tat-test
Iz-zkuk u ż-żrieragħ b’daqs ta’ aktar minn 2 mm għandhom jitneħħew mill-kampjuni mnixxfa.
Il-kampjuni mnixxfa għandhom jiġu mitħuna biex jinkiseb trab semifin (li jgħaddi minn passatur b’xibka ta’ 1 mm).
It-trab jista’ jinħażen għal 10 ġimgħat f’temperatura ta’ inqas minn 25 °C f’post mudlam u niexef.
3.2. Reaġenti u soluzzjoni ta’ estrazzjoni
— |
Δ9-tetraidrokannabinol, pur għal skopijiet kromatografiċi, |
— |
skwalan, pur għal skopijiet kromatografiċi, bħala standard intern. |
— |
35 mg ta’ skwalan għal kull 100 ml ta’ eżan. |
3.3. Estrazzjoni tat-THC
għandhom jintiżnu 100 mg tal-kampjun tat-test f’forma ta’ trab, jitpoġġew f’tubu ċentrifugali u għandhom jiżdiedu 5 ml ta’ soluzzjoni ta’ estrazzjoni li jkun fiha l-istandard intern.
Il-kampjun għandu jitpoġġa f’banju ultrasoniku u jitħalla għal 20 minuta. Dan għandu jiġi ċċentrifugat għal ħames minuti f’3 000 r.p.m u mbagħad is-soluzzjoni tat-THC supernatanti għandha titneħħa. Is-soluzzjoni għandha tiġi injettata fil-kromatografu u għandha titwettaq analiżi kwantitattiva.
3.4. Kromatografija b’fażi gassuża
(a) |
Apparat
|
(b) |
Firxiet ta’ kalibrazzjoni Mill-inqas tliet punti għall-proċedura A u ħames punti għall-proċedura B, inklużi l-punti 0,04 u 0,50 mg/ml ta’ THC fis-soluzzjoni ta’ estrazzjoni. |
(c) |
Kundizzjonijiet sperimentali Il-kundizzjonijiet li ġejjin huma mogħtija bħala eżempju għall-kolonna msemmija fil-punt (a):
|
(d) |
Volum injettat: 1 μl. |
4. Riżultati
Is-sejbiet għandhom jiġu espressi sa żewġ pożizzjonijiet deċimali fi grammi ta’ THC għal kull 100 gramma ta’ kampjun analitiku mnixxef sa piż kostanti. Għandha tapplika tolleranza ta’ 0,03 g għal kull 100 g.
— |
Proċedura A: determinazzjoni waħda għal kull kampjun tat-test. Madankollu, meta r-riżultat miksub ikun ogħla mil-limitu stabbilit fl-Artikolu 4(4), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2021/2115, għandha titwettaq it-tieni determinazzjoni għal kull kampjun ta’ analiżi u l-valur medju taż-żewġ determinazzjonijiet għandu jittieħed bħala riżultat. |
— |
Proċedura B: ir-riżultat għandu jikkorrispondi għall-valur medju ta’ żewġ determinazzjonijiet għal kull kampjun tat-test. |
ANNESS II
Lista ta’ tipi ta’ nefqa mhux eliġibbli msemmija fl-Artikolu 22(2)
PARTI I
Fis-settur tal-frott u l-ħxejjex, is-settur tal-apikultura, is-settur tal-ħops, is-settur taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-mejda u s-setturi l-oħra msemmija fl-Artikolu 42, il-punt (f), tar-Regolament (UE) 2021/2115
1. |
Kostijiet tal-produzzjoni ġenerali u, b’mod partikolari, kostijiet għal miċelju, żrieragħ u pjanti mhux perenni (anki ċċertifikati); prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (inkluż materjal ta’ kontroll integrat); fertilizzanti u inputs oħra; kostijiet ta’ ġbir jew trasport (intern jew estern); kostijiet tal-ħżin; kostijiet tal-imballaġġ (inkluż l-użu u l-ġestjoni tal-imballaġġ), anki bħala parti minn proċessi ġodda; kostijiet operatorji (b’mod partikolari l-elettriku, il-fjuwil u l-manutenzjoni). |
2. |
Rimborż ta’ self meħud għal intervent. |
3. |
Xiri ta’ art mhux mibnija li tiswa aktar minn 10 % tan-nefqa eliġibbli kollha fuq l-operazzjoni kkonċernata. |
4. |
Investiment f’mezzi ta’ trasport li jridu jintużaw mill-benefiċjarju fis-settur tal-apikultura għall-kummerċjalizzazzjoni jew għad-distribuzzjoni mill-organizzazzjoni tal-produtturi. |
5. |
Kostijiet operatorji tal-oġġetti mikrija. |
6. |
Nefqa marbuta ma’ kuntratti ta’ lokazzjoni (taxxi, imgħax, kostijiet ta’ assigurazzjoni, eċċ.) u kostijiet operatorji. |
7. |
Kuntratti ta’ sottokuntrattar jew ta’ esternalizzazzjoni relatati mal-operazzjonijiet jew man-nefqa msemmija bħala mhux eliġibbli f’din il-lista. |
8. |
Kwalunkwe taxxa jew imposta fiskali nazzjonali jew reġjonali. |
9. |
Imgħax fuq id-dejn ħlief fejn il-kontribuzzjoni ssir f’forma li ma hijiex assistenza diretta li ma titħallasx lura. |
10. |
Investimenti f’ishma jew f’kapital ta’ kumpaniji jekk l-investiment jirrappreżenta investiment finanzjarju. |
11. |
Il-kostijiet imġarrba minn partijiet għajr il-benefiċjarju, l-organizzazzjoni tal-produtturi jew il-membri tagħha, l-assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, jew il-membri produtturi tagħhom jew sussidjarja, jew entità f’katina ta’ sussidjarji skont it-tifsira tal-Artikolu 31(7), jew soġġetti għall-approvazzjoni tal-Istat Membru, minn kooperattiva li hija membru ta’ organizzazzjoni tal-produtturi. |
12. |
Interventi li ma jsirux fl-azjendi u/jew il-bini tal-organizzazzjoni tal-produtturi, l-assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, jew il-membri produtturi tagħhom, jew sussidjarja, jew entità f’katina ta’ sussidjarji skont it-tifsira tal-Artikolu 31(7), jew soġġetti għall-approvazzjoni tal-Istat Membru, minn kooperattiva li hija membru ta’ organizzazzjoni tal-produtturi. |
13. |
L-interventi esternalizzati jew implimentati mill-benefiċjarju, l-organizzazzjoni tal-produtturi barra mill-Unjoni, ħlief l-interventi ta’ promozzjoni, komunikazzjoni u kummerċjalizzazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 47(1)(f) tar-Regolament (UE) 2021/2115. |
PARTI II
Fis-settur tal-inbid
1. |
Il-ġestjoni ta’ kuljum ta’ vinja |
2. |
Il-protezzjoni minn ħsara minn kaċċa, għasafar jew silġ. |
3. |
Il-kostruzzjoni ta’ lqugħ kontra r-riħ u ħitan ta’ protezzjoni mir-riħ. |
4. |
Toroq privati u liftijiet. |
5. |
Ix-xiri ta’ tratturi jew ta’ kwalunkwe tip ta’ vetturi tat-trasport. |
6. |
Il-qlugħ ta’ vinji infettati u t-telf ta’ dħul wara l-qlugħ obbligatorju għal raġunijiet ta’ saħħa jew fitosanitarji. |
ANNESS III
Lista ta’ tipi ta’ nefqa eliġibbli msemmija fl-Artikolu 22(3)
1. |
Kostijiet speċifiċi għal:
Il-kostijiet speċifiċi għandhom ifissru l-kostijiet addizzjonali, ikkalkolati bħala d-differenza bejn il-kostijiet konvenzjonali tal-produzzjoni u l-kostijiet effettivament imġarrba, u l-introjtu mitluf li jirriżulta minn azzjoni li teskludi l-iffrankar addizzjonali tal-introjtu u tal-kostijiet. |
2. |
Prodott mediċinali għall-użu veterinarju għat-trattament ta’ organiżmi invażivi tad-doqqajs u tal-mard li jaffettwa n-naħal. |
3. |
Kostijiet assoċjati mar-ripopolazzjoni tad-doqqajs u t-trobbija tan-naħal. |
4. |
Xiri ta’ makkinarju u tagħmir għat-titjib tal-produzzjoni u l-ġbir tal-għasel. |
5. |
Kostijiet amministrattivi u tal-persunal relatati mal-implimentazzjoni ta’ programmi operazzjonali jew mal-interventi rilevanti, inklużi rapporti, studji, kostijiet għaż-żamma tal-kontijiet u l-ġestjoni tal-kontijiet, imposti obbligatorji marbuta mal-pagi u mas-salarji jekk jitħallsu direttament mill-benefiċjarju, mis-sussidjarji, jew minn entità f’katina ta’ sussidjarji skont it-tifsira tal-Artikolu 31(7) jew soġġetti għall-approvazzjoni tal-Istat Membru minn kooperattiva li hija membru ta’ organizzazzjoni tal-produtturi. |
6. |
Xiri ta’ art mhux mibnija fejn ix-xiri jkun meħtieġ biex jitwettaq investiment inkluż fil-programm operazzjonali diment li din tkun tiswa inqas minn 10 % tan-nefqa eliġibbli kollha fuq l-operazzjoni kkonċernata. F’każijiet eċċezzjonali u debitament ġustifikati, jista’ jiġi stabbilit perċentwal ogħla għall-operazzjonijiet li jikkonċernaw il-konservazzjoni ambjentali. |
7. |
Xiri jew lokazzjoni ta’ assi tanġibbli, inkluż assi tanġibbli użat diment li ma jkunux inxtraw b’appoġġ tal-Unjoni jew nazzjonali f’perjodu ta’ ħames snin qabel ix-xiri jew il-lokazzjoni fil-limitu tal-valur tas-suq nett tal-assi tanġibbli. |
8. |
Kiri ta’ assi fiżiċi fejn ikun ekonomikament ġustifikat bħala alternattiva għax-xiri, bl-approvazzjoni tal-Istat Membru. |
9. |
Għas-setturi msemmija fl-Artikolu 42, il-punti (a), (d), (e) u (f), tar-Regolament (UE) 2021/2115, investimenti f’vetturi tat-trasport fejn l-organizzazzjoni tal-produtturi debitament tiġġustifika lill-Istat Membru kkonċernat li l-vettura tat-trasport tintuża għat-trasport ġewwa l-bini tal-organizzazzjoni tal-produtturi; u investimenti f’faċilitajiet addizzjonali ta’ fuq il-vetturi għall-ħżin fil-kesħa jew għat-trasport f’atmosfera kkontrollata. |
10. |
Investimenti f’ishma jew f’kapital ta’ kumpaniji li jikkontribwixxu direttament għall-kisba tal-għanijiet tal-programm operazzjonali. |
ANNESS IV
Dikjarazzjoni għall-imballaġġ tal-prodotti msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 25(3)
— |
Продукт, предназначен за безвъзмездно разпределяне (Делегиран регламент (ЕС) 2022/126) |
— |
Producto destinado a su distribución gratuita [Reglamento Delegado (UE) 2022/126] |
— |
Produkt určený k bezplatné distribuci (nařízení v přenesené pravomoci (EU) 2022/126) |
— |
Produkt til gratis uddeling (delegeret forordning (EU) 2022/126) |
— |
Zur kostenlosen Verteilung bestimmtes Erzeugnis (delegierte Verordnung (EU) 2022/126) |
— |
Tasuta jagamiseks mõeldud tooted [delegeeritud määrus (EL) 2022/126] |
— |
Προϊόν προοριζόμενο για δωρεάν διανομή [κατ’εξουσιοδότηση κανονισμός (ΕΕ) 2022/126] |
— |
Product for free distribution (Delegated Regulation (EU) 2022/126) |
— |
Produit destiné à la distribution gratuite [règlement délégué (UE) 2022/126] |
— |
Proizvod za besplatnu distribuciju (Delegirana uredba (EU) 2022/126) |
— |
Prodotto destinato alla distribuzione gratuita [regolamento delegato (UE) 2022/126] |
— |
Produkts paredzēts bezmaksas izplatīšanai [Deleģētā regula (ES) 2022/126] |
— |
Nemokamai platinamas produktas (Deleguotasis reglamentas (ES) 2022/126) |
— |
Ingyenes szétosztásra szánt termék ((EU) 2022/126 felhatalmazáson alapuló rendelet) |
— |
Prodott għad-distribuzzjoni bla ħlas (Ir-Regolament Delegat (UE) 2022/126) |
— |
Voor gratis uitreiking bestemd product (Gedelegeerde Verordening (EU) 2022/126) |
— |
Produkt przeznaczony do bezpłatnej dystrybucji [Rozporządzenie delegowane (UE) 2022/126] |
— |
Produto destinado a distribuição gratuita [Regulamento Delegado (UE) 2022/126] |
— |
Produs destinat distribuirii gratuite [Regulamentul delegat (UE) 2022/126] |
— |
Výrobok určený na bezplatnú distribúciu [delegované nariadenie (EÚ) 2022/126] |
— |
Proizvod, namenjen za prosto razdelitev (Delegirana uredba (EU) 2022/126) |
— |
Ilmaisjakeluun tarkoitettu tuote (delegoitu asetus (EU) 2022/126) |
— |
Produkt för gratisutdelning (delegerad förordning (EU) 2022/126) |
— |
Táirge lena dháileadh saor in aisce (Rialachán Tarmligthe (AE) 2022/126) |
ANNESS V
Ammonti massimi ta’ appoġġ għall-irtirar mis-suq imsemmija fl-Artikolu 26(1) u (4), l-ewwel subparagrafu
Prodotti |
Appoġġ massimu (EUR/100 kg) |
|
Distribuzzjoni bla ħlas |
Destinazzjonijiet oħrajn |
|
Pastard |
21,05 |
15,79 |
Tadam (irtirat mill-1 ta’ Ġunju sal-31 ta’ Ottubru) |
7,25 |
7,25 |
Tadam (irtirat mill-1 ta’ Novembru sal-31 ta’ Mejju) |
33,96 |
25,48 |
Tuffieħ |
24,16 |
18,11 |
Għeneb |
53,52 |
40,14 |
Berquq |
64,18 |
48,14 |
Nuċiprisk |
37,82 |
28,37 |
Ħawħ |
37,32 |
27,99 |
Lanġas |
33,96 |
25,47 |
Brunġiel |
31,2 |
23,41 |
Bettieħ |
48,1 |
36,07 |
Dulliegħ |
9,76 |
7,31 |
Larinġ |
21,00 |
21,00 |
Mandolin |
25,82 |
19,50 |
Klementini |
32,38 |
24,28 |
Satsumi |
25,56 |
19,50 |
Lumi |
29,98 |
22,48 |
ANNESS VI
Rekwiżiti minimi għall-irtirar tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 29(2)
1.
Il-prodotti għandhom ikunu:
— |
sħaħ, meta tapplika għal prodotti friski mhux ipproċessati, |
— |
f’kundizzjoni tajba; prodotti li qed jitħassru jew jiddeterjoraw b’mod li ma jibqgħux tajjeb għall-konsum għandhom jiġu esklużi, |
— |
nodfa, prattikament ħielsa minn kwalunkwe materjal barrani viżibbli, |
— |
prattikament ħielsa minn pesti u mill-ħsara kkawżata mill-pesti fejn applikabbli, |
— |
ħielsa minn indewwa anormali, |
— |
ħielsa minn kwalunkwe togħma jew riħa barranija. |
2.
Il-prodotti jridu jkunu xierqa għall-kummerċjalizzazzjoni u għall-konsum, żviluppati u mmaturati biżżejjed fejn applikabbli, filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi normali tagħhom.
3.
Il-prodotti jridu jkunu karatteristiċi tal-varjetà jew tat-tip jew tal-kwalità kummerċjali fejn applikabbli.
ANNESS VII
Kostijiet tal-kundizzjonament imsemmija fl-Artikolu 33
Prodott |
Kostijiet għas-separazzjoni u għall-imballaġġ (EUR/t) |
Tuffieħ |
187,70 |
Lanġas |
159,60 |
Larinġ |
240,80 |
Klementini |
296,60 |
Ħawħ |
175,10 |
Nuċiprisk |
205,80 |
Dulliegħ |
167,00 |
Pastard |
169,10 |
Prodotti oħra |
201,10 |