17.1.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 10/17


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/58

tal-14 ta’ Jannar 2022

li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti b’vina parallela rrumblati ċatt ta’ azzar elettriku bis-siliċju li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, mill-Ġappun, mir-Repubblika tal-Korea, mill-Federazzjoni Russa u mill-Istati Uniti tal-Amerka wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament Bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(2) tiegħu,

Billi:

1.   PROĊEDURA

1.1.   Investigazzjoni oriġinali u miżuri fis-seħħ

(1)

Permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1953 (2), il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) imponiet dazji anti-dumping fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti b’vina parallela rrumblati ċatt ta’ azzar elettriku bis-siliċju (“GOES”) li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“RPĊ” jew “iċ-Ċina”), mill-Ġappun, mir-Repubblika tal-Korea (“il-Korea”), mill-Federazzjoni Russa (“ir-Russja”) u mill-Istati Uniti tal-Amerka (“l-Istati Uniti”) (“il-miżuri oriġinali”). L-investigazzjoni li wasslet għall-impożizzjoni tal-miżuri oriġinali minn hawn ’il quddiem se ssir referenza għaliha bħala “l-investigazzjoni oriġinali”.

(2)

Abbażi tal-fatti speċifiċi tal-investigazzjoni oriġinali, il-Kummissjoni ddeċidiet li d-dazji varjabbli taħt il-forma ta’ tliet prezzijiet minimi tal-importazzjoni (PMI) għal tliet kategoriji ta’ prodotti differenti ta’ GOES kienu l-aktar forma xierqa ta’ miżuri għar-raġunijiet li ġejjin:

L-ewwel nett, it-tliet PMI jippermettu lill-produtturi tal-Unjoni li jirkupraw mill-effetti tad-dumping dannuż. Huma jkunu xibka ta’ sikurezza sabiex ikunu jistgħu jerġgħu lura għal profittabbiltà sostenibbli u jiġu inċentivati sabiex jagħmlu l-investimenti meħtieġa sabiex jipproduċu proporzjonalment aktar tipi ta’ prodotti tal-prodott simili b’permeabbiltà għolja.

It-tieni, it-tliet PMI għandhom jipprevjenu wkoll kull effett negattiv ta’ żidiet mhux dovuti fil-prezzijiet wara l-perjodu ta’ investigazzjoni li jista’ jkollhom impatt negattiv sinifikanti fuq in-negozju tal-utenti.

It-tielet, għandhom ukoll jindirizzaw it-tħassib tal-utenti li qegħdin jibżgħu li jkun hemm skarsezza tal-GOES, f’tipi partikolari b’telf massimu fil-qalba ta’ 0,90 W/kg u anqas, li dak iż-żmien kienu meħtieġa ħafna sabiex jintlaħqu l-miri għall-effiċjenza tal-grad 1 tar-Regolament dwar l-Ekodisinn. B’mod aktar ġenerali, għandhom jipprevjenu disturbi serji fil-provvista tas-suq tal-Unjoni.

(3)

It-tliet PMI attwalment fis-seħħ ivarjaw bejn EUR 1 536/tunnellata sa EUR 2 043/tunnellata. Dawn japplikaw għall-produtturi esportaturi msemmija individwalment li għalihom ġew stabbiliti marġnijiet tad-dumping individwali mill-pajjiżi kkonċernati kollha, jiġifieri r-RPĊ, il-Ġappun, ir-Repubblika tal-Korea, il-Federazzjoni Russa u l-Istati Uniti tal-Amerka:

Jekk il-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni jkun daqs jew ogħla mill-PMI, ma jitħallas l-ebda dazju.

Meta l-prezz tal-esportazzjoni jkun taħt il-PMI, ir-rata ta’ dazju applikabbli tkun anqas mid-differenza bejn il-PMI applikabbli u l-prezz nett ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju u r-rati ta’ dazju anti-dumping ad valorem. Għaldaqstant, id-dazji individwali japplikaw għal kull produttur esportatur. L-ammont tad-dazju anti-dumping fl-ebda każ ma għandu jkun ogħla mir-rati tad-dazju anti-dumping ad valorem li huma speċifiċi għal kull produttur esportatur individwali ta’ kull pajjiż ikkonċernat.

1.2.   Talba għal rieżami ta’ skadenza

(4)

Wara l-pubblikazzjoni ta’ Notifika ta’ skadenza imminenti (3), il-Kummissjoni rċeviet talba għal rieżami skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku).

(5)

It-talba għal rieżami tressqet fid-29 ta’ Lulju 2020 mill-European Steel Association (“Eurofer” jew “l-applikant”) f’isem il-produtturi li jirrappreżentaw aktar minn 50 %, tal-produzzjoni totali tal-Unjoni tal-GOES. It-talba għal rieżami kienet imsejsa fuq il-bażi li l-iskadenza tal-miżuri x’aktarx twassal għal kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ dumping u ta’ dannu għall-industrija tal-Unjoni.

1.3.   Il-bidu ta’ rieżami ta’ skadenza

(6)

Hekk kif iddeterminat, wara konsultazzjoni mal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku, li kienet teżisti biżżejjed evidenza għall-bidu ta’ rieżami ta’ skadenza, fit-30 ta’ Ottubru 2020, il-Kummissjoni bdiet rieżami ta’ skadenza rigward l-importazzjonijiet tal-GOES li joriġinaw miċ-Ċina, mill-Ġappun, mir-Repubblika tal-Korea, mill-Federazzjoni Russa u mill-Istati Uniti tal-Amerika (“il-pajjiżi kkonċernati”) fuq il-bażi tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku. Din ippubblikat Notifika ta’ Bidu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (4) (“in-Notifika ta’ Bidu”).

1.4.   Il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami u l-perjodu taħt kunsiderazzjoni

(7)

L-investigazzjoni tal-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza tad-dumping kopriet il-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2019 sat-30 ta’ Ġunju 2020 (il-“perjodu ta’ investigazzjoni ta’ rieżami” jew “PIR”). L-eżami tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tal-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza ta’ dannu kopra l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2017 sal-aħħar tal-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami (“il-perjodu taħt kunsiderazzjoni”).

1.5.   Il-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE

(8)

Dan il-każ inbeda fit-30 ta’ Ottubru 2020, jiġifieri matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni miftiehem bejn ir-Renju Unit u l-UE li fih ir-Renju Unit baqa’ soġġett għad-dritt tal-Unjoni. Dak il-perjodu ntemm fil-31 ta’ Diċembru 2020. Konsegwentement, mill-1 ta’ Jannar 2021, il-kumpaniji u l-assoċjazzjonijiet mir-Renju Unit ma baqgħux jikkwalifikaw bħala partijiet interessati f’dan il-proċediment.

(9)

Permezz ta’ nota għall-fajl tal-każ (5) fl-14 ta’ Jannar 2021, il-Kummissjoni stiednet lill-operaturi tar-Renju Unit li kkunsidraw li madankollu xorta waħda jikkwalifikaw bħala partijiet interessati sabiex jikkuntattjawha. Ma wasal l-ebda kumment mingħand l-operaturi tar-Renju Unit.

1.6.   Il-partijiet interessati

(10)

Fin-Notifika ta’ Bidu, il-partijiet interessati ġew mistiedna sabiex jikkuntattjaw lill-Kummissjoni sabiex jieħdu sehem fl-investigazzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni speċifikament informat lill-applikant, lill-produtturi magħrufa tal-Unjoni, lill-produtturi esportaturi magħrufa fil-pajjiżi konċernati, lil importaturi, utenti, negozjanti, kif ukoll assoċjazzjonijiet li kien magħruf li kienu kkonċernati, dwar l-investigazzjoni ta’ rieżami, u stednithom jieħdu sehem.

(11)

Il-partijiet interessati kellhom l-opportunità li jikkummentaw fuq il-bidu tar-rieżami ta’ skadenza u li jitolbu seduta ta’ smigħ mal-Kummissjoni u/jew mal-Uffiċjal tas-Seduta fil-proċedimenti kummerċjali.

(12)

Il-Kummissjoni organizzat seduti ma’ diversi utenti, diversi assoċjazzjonijiet ta’ utenti u produtturi esportaturi matul ir-rieżami ta’ skadenza.

1.7.   Kampjunar

(13)

Fin-Notifika ta’ Bidu, il-Kummissjoni indikat li hija tista’ tuża kampjuni f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

1.7.1.   Il-kampjunar tal-produtturi tal-Unjoni

(14)

Fin-Notifika ta’ Bidu, il-Kummissjoni ħabbret li hi kienet għażlet proviżorjament kampjun tal-produtturi tal-Unjoni li kienu se jiġu investigati. Madankollu, fil-jum tal-pubblikazzjoni tan-Notifika ta’ Bidu, fit-30 ta’ Ottubru 2020, il-Kummissjoni ħarġet nota għall-fajl li ħabbret li minħabba n-numru limitat ta’ produtturi magħrufa fl-Unjoni Ewropea, il-kampjunar tal-produtturi tal-UE ma kienx meqjus neċessarju u stiednet lill-partijiet interessati sabiex jikkummentaw. Ma wasal l-ebda kumment. Għalhekk, l-erba’ produtturi magħrufa kollha tal-Unjoni ntalbu jissottomettu tweġiba dettaljata għall-kwestjonarju kif ukoll li jaqblu dwar verifika tat-tweġibiet għall-kwestjonarju.

1.7.2.   Kampjunar tal-importaturi

(15)

Sabiex tiddeċiedi jekk kienx hemm bżonn li jittieħed kampjun u, jekk iva, sabiex tagħżel kampjun, il-Kummissjoni talbet lill-importaturi mhux relatati sabiex jipprovdu l-informazzjoni speċifikata fin-Notifika ta’ Bidu.

(16)

Importatur mhux relatat wieħed biss ippreżenta ruħu u pprovda l-informazzjoni mitluba. Konsegwentement, il-Kummissjoni ddeċidiet li l-kampjunar ma kienx meħtieġ.

1.7.3.   Kampjunar ta’ produtturi fil-pajjiżi kkonċernati

(17)

Minħabba li jidher li hemm numru kbir ta’ produtturi fil-pajjiżi kkonċernati minn dan ir-rieżami ta’ skadenza, il-kampjunar kien previst fin-Notifika ta’ Bidu.

(18)

Sabiex tiddeċiedi jekk il-kampjunar kienx meħtieġ u, jekk iva, sabiex tagħżel kampjun, il-Kummissjoni talbet lill-produtturi kollha fil-pajjiżi ikkonċernati sabiex jipprovdu l-informazzjoni speċifikata fin-Notifika ta’ Bidu. Barra minn hekk, il-Kummissjoni talbet lill-missjonijiet tal-pajjiżi kkonċernati sabiex jidentifikaw u/jew jikkuntattjaw lil produtturi oħrajn, jekk ikun hemm, li jistgħu jkunu interessati jipparteċipaw fl-investigazzjoni.

(19)

Erba’ produtturi esportaturi jew gruppi ta’ produtturi esportaturi (żewġ kumpaniji fil-Ġappun, kumpanija waħda fir-RPĊ u waħda fir-Russja) ipprovdew l-informazzjoni mitluba u qablu li jiġu inklużi fil-kampjun. L-ebda wieħed mill-produtturi tal-Istati Uniti jew tal-Korea li ġew ikkuntattjati ma ppreżenta ruħu u pprovda l-informazzjoni mitluba. Fid-dawl tan-numru baxx ta’ produtturi esportaturi li kkooperaw, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma kienx meħtieġ kampjun fir-rigward tal-ebda pajjiż ikkonċernat.

1.8.   Tweġibiet għall-kwestjonarju

(20)

Kopji tal-kwestjonarji saru disponibbli fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ (6) meta nbeda l-każ.

(21)

Il-Kummissjoni bagħtet ukoll kwestjonarju dwar l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti fir-RPĊ fis-sens tal-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku lill-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“GTĊ”). Il-GTĊ ma pprovda l-ebda tweġiba għall-kwestjonarju u ġie informat kif xieraq li l-Kummissjoni kienet se tapplika l-fatti disponibbli f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

(22)

Ġew riċevuti tweġibiet għall-kwestjonarji mill-erba’ produtturi magħrufa tal-Unjoni kollha u mill-importatur mhux relatat li kkoopera. Seba’ utenti ppreżentaw ruħhom, u esprimew ir-rieda tagħhom li jipparteċipaw fl-investigazzjoni. Dawn ntalbu jimlew il-kwestjonarju maħsub għall-utenti. Madankollu, erba’ biss minnhom kkooperaw bis-sħiħ f’din l-investigazzjoni billi ppreżentaw tweġibiet għall-kwestjonarju kompluti kemm f’verżjonijiet miftuħa kif ukoll f’dawk sensittivi.

(23)

Grupp wieħed ta’ produtturi esportaturi fir-RPĊ, China Baowu Steel Group Co. Ltd. (“il-Baoshan Group”) magħmul minn żewġ produtturi esportaturi Baoshan Iron & Steel Co., Ltd. (“Baosteel”) u Wuhan Iron & Steel Co., Ltd., (“WISCO”) - u grupp wieħed ta’ produtturi esportaturi fil-Ġappun, Nippon Steel & Sumitomo Metal Corporation, Tokyo, il-Ġappun (“Nippon Steel”), ipprovdew tweġibiet għall-kwestjonarju. Il-produttur Russu, Novolipetsk Steel (“NLMK”), li oriġinarjament kien qabel li jiġi inkluż fil-kampjun, ma pprovdiex tweġiba sħiħa għall-kwestjonarju iżda pprovda, fis-sottomissjoni tiegħu tal-10 ta’ Diċembru 2020, informazzjoni limitata għall-kapaċità u l-produzzjoni speċifiċi tiegħu. Konsegwentement, il-Kummissjoni informat lill-kumpanija u lill-Federazzjoni Russa li hija se tapplika l-fatti disponibbli f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. L-NMLK wieġeb, iżda t-tweġiba ġiet sottomessa barra mill-iskadenza speċifikata, u fi kwalunkwe każ ma kinitx tibdel il-valutazzjoni tal-Kummissjoni.

(24)

Wara d-divulgazzjoni, l-NLMK iddikjarat li l-Kummissjoni ma speċifikat l-ebda skadenza biex tipprovdi kummenti dwar l-applikazzjoni tal-Kummissjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. Barra minn hekk, l-NLMK argumentat li l-Kummissjoni ma kellhiex tapplika l-Artikolu 18 fir-rigward ta’ din il-parti tat-tweġiba tagħha għall-kwestjonarju.

(25)

Il-Kummissjoni tabilħaqq ma speċifikatx skadenza għal tweġiba għall-ittra tagħha li tindika l-intenzjoni tagħha li tapplika l-Artikolu 18. Madankollu, fis-sottomissjoni tagħha tal-10 ta’ Diċembru 2020, l-NLMK kienet diġà indikat li kienet waqfet taħdem fuq it-tweġiba għall-kwestjonarju minħabba ċirkostanzi speċjali u ma kinitx ser tipprovdi tweġiba sħiħa għall-kwestjonarju. Fil-qosor, l-NLMK ipprovdiet biss informazzjoni frammentarja limitata għall-kapaċità ta’ produzzjoni u l-volum ta’ produzzjoni speċifiċi tagħha.

(26)

Konsegwentement, peress li l-NMLK ma pprovdietx informazzjoni affidabbli biżżejjed fir-rigward tal-kapaċità tal-produzzjoni u l-volumi tal-produzzjoni, kif spjegat fil-premessi (241) sa (245), il-Kummissjoni użat l-informazzjoni disponibbli fil-fajl. Fi kwalunkwe każ, kif imsemmi fil-premessa (242), il-Kummissjoni użat l-informazzjoni pprovduta mill-NMLK sa fejn kien possibbli f’dan ir-rigward.

(27)

Il-grupp l-ieħor ta’ produtturi esportaturi fil-Ġappun, JFE Steel Corporation (“JFE Steel”), li oriġinarjament kien qabel li jiġi inkluż fil-kampjun, ipprovda tweġiba mhux kompluta għall-kwestjonarju, li kienet limitata għall-bejgħ mill-esportazzjoni lejn l-UE u lejn il-bqija tad-dinja. Konsegwentement, JFE Steel ġiet informata li l-Kummissjoni se tapplika l-fatti disponibbli f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku fir-rigward tal-informazzjoni nieqsa.

(28)

Ma kien hemm l-ebda kooperazzjoni mill-produtturi fl-Istati Uniti u fil-Korea. Konsegwentement, il-Kummissjoni informat lill-Istati Uniti u lill-Korea li se tapplika l-fatti disponibbli f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

1.9.   Il-verifika

(29)

Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha li qieset neċessarja sabiex tiddetermina l-probabbiltà tal-kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza tad-dumping u tad-dannu, kif ukoll l-interess tal-Unjoni.

(30)

Minħabba t-tifqigħa tal-COVID-19 u l-miżuri ta’ konfinament stabbiliti minn diversi Stati Membri kif ukoll minn diversi pajjiżi terzi, il-Kummissjoni ma setgħetx twettaq żjarat ta’ verifika skont l-Artikolu 16 tar-Regolament bażiku. Minflok, il-Kummissjoni kkontroverifikat mill-bogħod l-informazzjoni kollha meqjusa meħtieġa għad-determinazzjonijiet tagħha f’konformità man-Notifika tagħha dwar il-konsegwenzi tat-tifqigħa tal-COVID-19 fuq l-investigazzjonijiet anti-dumping u antisussidji (7). Il-Kummissjoni wettqet kontroverifiki mill-bogħod (“RCC”) tal-partijiet interessati li ġejjin

Produtturi tal-Unjoni (8):

ThyssenKrupp Electrical Steel UGO SAS, Isbergues, Franza

ThyssenKrupp Electrical Steel GmbH, Gelsenkirchen, il-Ġermanja

Stalprodukt s.a., Bochnia, il-Polonja

Importatur mhux relatat fl-Unjoni:

Metal One Deutschland GmbH, Düsseldorf, il-Ġermanja

Utenti fl-Unjoni:

SGB-Smit Group, Regensburg, il-Ġermanja

Končar - Distribution and Special Transformers, Inc., Zagreb, il-Kroazja

Produtturi esportaturi fil-pajjiżi konċernati:

Baosteel, Shanghai, ir-RPĊ

WISCO Wuhan, ir-RPĊ

Nippon Steel, Tokyo, il-Ġappun

Importaturi/kummerċjanti relatati:

Wisco Europe, il-Ġermanja

Baosteel Germany, il-Ġermanja

Baosteel Italy, l-Italja

1.10.   Żvelar

(31)

Fil-21 ta’ Ottubru 2021, il-Kummissjoni ddivulgat il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom kien beħsiebha żżomm id-dazji anti-dumping fis-seħħ. Il-partijiet kollha ngħataw perjodu li fih setgħu jikkummentaw dwar id-divulgazzjoni. Fit-22 ta’ Novembru 2021, il-Kummissjoni bagħtet divulgazzjoni finali addizzjonali lil Nippon Steel rigward korrezzjoni tal-kalkoli tad-dumping. Ma wasal l-ebda kumment.

(32)

Il-kummenti li għamlu l-partijiet interessati ġew ikkunsidrati mill-Kummissjoni u ttieħdu inkunsiderazzjoni, fejn xieraq. Il-partijiet li talbu dan ingħataw seduta ta’ smigħ.

2.   PRODOTT TAĦT RIEŻAMI U PRODOTT SIMILI

2.1.   Il-prodott taħt rieżami

(33)

Il-prodott taħt rieżami huwa l-istess bħal fl-investigazzjoni oriġinali, jiġifieri prodotti b’vina parallela rrumblati ċatt ta’ azzar elettriku bis-siliċju, bi ħxuna ta’ aktar minn 0,16 mm li joriġinaw mir-RPĊ, mill-Ġappun, mill-Korea, mir-Russja u mill-Istati Uniti, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM ex 7225 11 00 (il-kodiċijiet TARIC 7225110011, 7225110015 u 7225110019) u ex 7226 11 00 (il-kodiċijiet TARIC 7226110012, 7226110014, 7226110016, 7226110092, 7226110094 u 7226110096) (“il-prodott taħt rieżami”).

(34)

GOES huma ffabbrikati minn rollijiet ta’ liga ta’ siliċju tal-azzar irrumblati bis-sħana ta’ ħxuna differenti li minnha l-istruttura tal-vina hija diretta b’mod uniformi sabiex tippermetti l-konduttività manjetika bi grad għoli ta’ effiċjenza. L-ineffiċjenzi fir-rigward tal-konduttività huma msejħin “telf fil-qalba”, li huwa l-indikatur primarju tal-kwalità tal-prodott u li huwa espress f’W/kg. GOES jista’ jiġi prodott bħala GOES b’permeabbiltà għolja u bħala GOES regolari jew konvenzjonali. It-tipi b’permeabbiltà għolja jippermettu li jkun hemm anqas telf fil-qalba f’kull ħxuna partikolari tal-pjanċi. Barra minn hekk, it-tipi b’permeabbiltà għolja jistgħu jiġu prodotti bid-dominju rfinat (“DR”) anke meta jkollhom telf fil-qalba aktar baxx minħabba t-tinqix ta’ linji rqaq fuq il-wiċċ tal-azzar.

(35)

Minkejja d-differenzi fil-permeabbiltà, il-ħxuna u l-wisa’, it-tipi kollha tal-prodott rieżaminat jaqsmu l-istess karatteristiċi fiżiċi bażiċi u għandhom essenzjalment l-istess użu bażiku.

(36)

GOES jintuża l-aktar fit-tagħmir elettriku fejn il-fluss manjetiku jista’ jkun ristrett sabiex jallinja ruħu fid-direzzjoni “orjentata”, bħal meta l-enerġija elettrika tiġi trażmessa fuq distanzi kbar. Għaldaqstant, il-prodott rieżaminat jintuża bħala materjal tal-qalba fit-transformers tal-enerġija u tad-distribuzzjoni.

(37)

GOES jintuża wkoll f’reatturi tax-shunt, li jintużaw f’sistemi tat-trażmissjoni tal-enerġija b’vultaġġ għoli sabiex jistabbilizzaw il-vultaġġ matul il-varjazzjonijiet fit-tagħbija. Il-prodott rieżaminat jista’ jintuża wkoll f’tagħmir li għandu transformers iżgħar, inklużi apparati domestiċi u tagħmir ajruspazjali, ajrunawtiku u elettroniku. GOES jista’ jintuża wkoll f’ġeneraturi kbar ta’ prestazzjoni għolja meta d-disinn jippermetti li l-karatteristiċi manjetiċi direzzjonali jintużaw b’mod effiċjenti.

2.2.   Prodott simili

(38)

Kif stabbilit fl-investigazzjoni oriġinali, din l-investigazzjoni ta’ rieżami ta’ skadenza kkonfermat li l-prodotti li ġejjin għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u tekniċi bażiċi kif ukoll l-istess użi bażiċi:

il-prodott taħt rieżami;

il-prodott manifatturat u mibjugħ fis-suq domestiku tal-pajjiżi ikkonċernati; u

il-prodott manifatturat u mibjugħ fl-Unjoni mill-industrija tal-Unjoni.

(39)

Għalhekk, dawn il-prodotti huma kkunsidrati bħala prodotti simili skont it-tifsira tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

2.3.   Affermazzjonijiet rigward il-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodott

(40)

L-NLMK u l-Gvern Russu argumentaw li l-prezzijiet medji tal-importazzjoni aktar baxxi mill-Federazzjoni Russa huma spjegati minn sehem sinifikanti ta’ esportazzjoni ta’ GOES “tat-tieni” u “tat-tielet għażla” (b’diversi difetti, għadd ta’ truf iwweldjati u anqas ċatti) u li dawn it-tipi tal-aħħar ma jikkompetux ma’ tipi oħrajn tal-prodott taħt rieżami. GOES esportati tat-“tieni” u t-“tielet għażla” jikkostitwixxu prodotti differenti u ma jikkonformawx mal-istandards tekniċi Ewropej. Għalhekk, huma argumentaw li l-materjal “tat-tieni” u “tat-tielet għażla” tagħhom jenħtieġ li jew jiġi eskluż mill-ambitu tal-prodott, jew li jingħata (raba’) livell separat ta’ PMI li jirrifletti l-valur eċċezzjonalment baxx tagħhom fis-suq.

(41)

Il-Kummissjoni ċaħdet it-talbiet ta’ hawn fuq, peress li la l-ambitu tal-prodott u lanqas il-PMI ma jistgħu jinbidlu fil-qafas ta’ rieżami ta’ skadenza.

(42)

Wara d-divulgazzjoni, l-NLMK iddikjarat li awtorità investigattiva imparzjali kellha tibda rieżami interim parzjali b’ħeffa, limitat għad-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodott u/jew il-forma tal-miżuri. Il-Kummissjoni ċaħdet din l-asserzjoni, peress li ma kellhiex biżżejjed evidenza biex tibda investigazzjoni bħal din.

3.   PROBABBILTÀ TA’ KONTINWAZZJONI JEW TA’ RIKORRENZA TAD-DUMPING

(43)

F’konformità mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat jekk huwiex probabbli li l-iskadenza tal-miżuri fis-seħħ twassal għal kontinwazzjoni jew għal rikorrenza ta’ dumping.

3.1.   Rimarki preliminari

(44)

L-ebda produttur mir-Russja, mill-Istati Uniti tal-Amerika u mill-Korea ma kkoopera fl-investigazzjoni.

(45)

Il-Kummissjoni informat lill-awtoritajiet tat-tliet pajjiżi kkonċernati kollha kemm huma li, minħabba n-nuqqas ta’ kooperazzjoni, il-Kummissjoni tista’ tapplika l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku rigward is-sejbiet fir-rigward tar-Russja, tal-Istati Uniti tal-Amerika u tal-Korea. Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda kumment jew talba għal intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta mingħand l-awtoritajiet tat-tliet pajjiżi f’dan ir-rigward.

(46)

Konsegwentement, f’konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament bażiku, is-sejbiet fir-rigward tal-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ dumping fir-rigward tar-Russja, tal-Istati Uniti u tal-Korea kienu bbażati fuq il-fatti disponibbli, b’mod partikolari l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku, bħal siti web uffiċjali ta’ kumpaniji, l-informazzjoni fit-talba għal rieżami u l-informazzjoni miksuba mill-partijiet li kkooperaw matul l-investigazzjoni ta’ rieżami. Il-Kummissjoni użat ukoll statistika varja dwar l-importazzjoni, inklużi l-istatistika tal-Eurostat dwar l-importazzjoni COMEXT u l-Global Trade Atlas (“GTA”).

(47)

Barra minn hekk, fir-rigward tal-Baoshan Group u wara l-RCC, il-Kummissjoni applikat l-Artikolu 18(1) tar-Regolament bażiku f’dak li għandu x’jaqsam mal-kostijiet lavorattivi. Fil-fatt, kif spjegat fil-premessa (207) hawn taħt, il-kumpanija naqset milli tipprovdi evidenza vverifikata u affidabbli fir-rigward tal-kalkolu tas-sigħat ta’ xogħol allokati għall-manifattura tal-GOES.

3.2.   Il-Ġappun

3.2.1.   Rimarki preliminari

(48)

Produttur esportatur Ġappuniż wieħed biss (Nippon Steel) kkoopera bis-sħiħ fl-investigazzjoni attwali. Wara l-bidu, it-tieni produttur esportatur Ġappuniż magħruf (JFE Steel) ippreżenta ruħu u pprovda tweġiba mhux kompluta għall-kwestjonarju limitata għall-bejgħ, il-produzzjoni u l-kapaċità tal-esportazzjoni. Konsegwentement, il-Kummissjoni informat lil JFE Steel u lill-Gvern tal-Ġappun bl-intenzjoni tagħha li tapplika l-fatti disponibbli f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. Ma wasal l-ebda kumment.

(49)

B’riżultat ta’ dan, is-sejbiet f’din it-Taqsima kienu parzjalment ibbażati fuq il-fatti disponibbli f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku f’dak li għandu x’jaqsam mal-bejgħ domestiku. Għal dan il-għan, intużat l-informazzjoni pprovduta minn Nippon Steel, l-informazzjoni pprovduta mill-JFE dwar il-bejgħ għall-esportazzjoni, it-talba għar-rieżami ta’ skadenza, l-istatistika tal-Eurostat u l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku.

(50)

Iż-żewġ produtturi esportaturi Ġappuniżi kienu jirrappreżentaw 100 % tal-esportazzjonijiet mill-Ġappun lejn l-Unjoni matul il-PIR.

3.2.2.   Dumping matul il-perjodu tal-investigazzjoni tar-rieżami

3.2.2.1.   Valur normali

(51)

Il-Kummissjoni stabbiliet il-valur normali għal Nippon Steel fuq il-bażi li ġejja. Il-Kummissjoni l-ewwel eżaminat jekk il-volum totali ta’ bejgħ domestiku ta’ kull produttur esportatur li kkoopera bis-sħiħ kienx rappreżentattiv, f’konformità mal-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku. Il-bejgħ domestiku jkun rappreżentattiv jekk il-volum totali tal-bejgħ domestiku tal-prodott simili lil klijenti indipendenti fis-suq domestiku għal kull produttur esportatur kien jirrappreżenta mill-anqas 5 % tal-volum totali tal-bejgħ għall-esportazzjoni tiegħu tal-prodott taħt rieżami, lejn l-Unjoni, matul il-PIR. Fuq din il-bażi, il-bejgħ totali tal-uniku produttur esportatur li kkoopera, tal-prodott simili fis-suq domestiku, kien rappreżentattiv.

(52)

Imbagħad, il-Kummissjoni identifikat it-tipi ta’ prodotti mibjugħin fuq livell domestiku li kienu identiċi jew paragunabbli għat-tipi ta’ prodotti mibjugħin għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni għall-produttur esportatur b’bejgħ domestiku rappreżentattiv.

(53)

Il-Kummissjoni mbagħad eżaminat jekk il-bejgħ domestiku minn kull produttur esportatur li kkoopera bis-sħiħ fis-suq domestiku tiegħu għal kull tip ta’ prodott li huwa identiku jew komparabbli ma’ tip ta’ prodott mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni kienx rappreżentattiv, f’konformità mal-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku. Il-bejgħ domestiku ta’ tip ta’ prodott huwa rappreżentattiv jekk il-volum totali ta’ bejgħ domestiku ta’ dak it-tip ta’ prodott lil klijenti indipendenti matul il-PIR jirrappreżenta mill-anqas 5 % tal-volum totali ta’ bejgħ għall-esportazzjoni tal-prodott identiku jew komparabbli lejn l-Unjoni. Il-Kummissjoni stabbiliet li dawn it-tipi ta’ prodotti kienu rappreżentattivi.

(54)

Il-Kummissjoni mbagħad iddefiniet il-proporzjon tal-bejgħ profittabbli lil konsumaturi indipendenti fis-suq domestiku għal kull tip ta’ prodott matul il-PIR, għal Nippon Steel kollu kemm hu, sabiex tiddeċiedi jekk tużax il-prezz tal-bejgħ domestiku reali għall-kalkolu tal-valur normali, f’konformità mal-Artikolu 2(4) tar-Regolament bażiku.

(55)

Il-valur normali huwa bbażat fuq il-prezz domestiku reali għal kull tip ta’ prodott, irrispettivament minn jekk dak il-bejgħ huwiex profittabbli jew le, jekk:

(a)

il-volum tal-bejgħ domestiku tat-tip ta’ prodott, mibjugħ bi prezz tal-bejgħ nett daqs jew ogħla mill-kost ikkalkolat tal-produzzjoni, kien jirrappreżenta aktar minn 80 % tal-volum tal-bejgħ totali ta’ dan it-tip ta’ prodott; u

(b)

il-prezz medju ponderat tal-bejgħ ta’ dak it-tip ta’ prodott ikun daqs jew ogħla mill-kost unitarju tal-produzzjoni.

(56)

F’dan il-każ, il-valur normali huwa l-medja ponderata tal-prezzijiet tal-bejgħ domestiku kollu ta’ dak it-tip ta’ prodott matul il-PIR.

(57)

Il-valur normali huwa l-prezz domestiku reali għal kull tip ta’ prodott tal-bejgħ domestiku profittabbli biss tat-tipi ta’ prodotti matul il-PIR, jekk:

(a)

il-volum ta’ bejgħ bi profitt tat-tip ta’ prodott jirrappreżenta 80 % jew anqas mill-volum totali ta’ bejgħ ta’ dan it-tip: jew

(b)

il-prezz medju ponderat ta’ dan it-tip ta’ prodott ikun anqas mill-kost unitarju tal-produzzjoni.

(58)

L-analiżi tal-bejgħ domestiku wriet li aktar minn 90 % tal-bejgħ domestiku ħalla profitt u li l-prezz tal-bejgħ medju ponderat kien ogħla mill-kost tal-produzzjoni. Għaldaqstant, skont it-tip tal-prodott, il-valur normali ġie kkalkolat bħala l-medja ponderata tal-prezzijiet tal-bejgħ domestiku kollu matul il-PIR fis-sitwazzjoni deskritta fil-premessa (56), jew bħala medja ponderata tal-bejgħ bi profitt biss fis-sitwazzjoni deskritta fil-premessa (57).

(59)

Fejn ma kienx hemm biżżejjed bejgħ jew ma kienx hemm bejgħ ta’ tip ta’ prodott tal-prodott simili fil-perkors normali tan-negozju, il-Kummissjoni kkalkolat il-valur normali f’konformità mal-paragrafi (3) u (6) tal-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku.

(60)

Għal dawn it-tipi ta’ prodotti, il-valur normali ġie kkalkolat billi mal-kost medju tal-produzzjoni tal-prodott simili tal-uniku produttur esportatur li kkoopera matul il-PIR ġew miżjuda:

(a)

l-ispejjeż medji ponderati tal-bejgħ, ġenerali u amministrattivi (“SG&A”) imġarrba mill-uniku produttur esportatur li kkoopera, fuq il-bejgħ domestiku tal-prodott simili, fil-perkors normali tan-negozju, matul il-PIR; u

(b)

il-profitt medju ponderat magħmul mill-uniku produttur esportatur li kkoopera, mill-bejgħ domestiku tal-prodott simili, fil-perkors normali tan-negozju, matul il-PIR.

(61)

Għat-tipi tal-prodott mhux mibjugħa fis-suq domestiku, ġew miżjuda l-ispejjeż SG&A medji ponderati u l-profitt tat-tranżazzjonijiet kollha li saru fil-perkors normali tan-negozju fis-suq domestiku.

(62)

Fir-rigward ta’ JFE Steel, fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni, il-Kummissjoni użat il-fatti disponibbli f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku sa fejn kien ikkonċernat il-bejgħ domestiku. Billi ma kinitx disponibbli data affidabbli dwar il-prezzijiet ta’ JFE Steel fis-suq domestiku, il-Kummissjoni stabbiliet valur normali maħdum bl-użu tal-metodoloġija u l-valuri li jinsabu fit-talba għal rieżami ta’ skadenza.

3.2.2.2.   Prezz tal-esportazzjoni

(63)

Nippon Steel esportat lejn l-Unjoni permezz ta’ negozjanti relatati biss. Il-prezz tal-esportazzjoni għalhekk kien stabbilit skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku, jiġifieri fuq il-bażi tal-prezzijiet li bihom inbiegħu mill-ġdid għall-ewwel darba l-prodotti importati lil xerrej indipendenti. L-aġġustamenti tal-prezz saru għall-kostijiet kollha mġarrba bejn l-importazzjoni u l-bejgħ mill-ġdid, inkluż għall-ispejjeż SG&A, u għall-profitti dovuti.

(64)

JFE Steel esportat direttament lejn l-UE u għalhekk, il-prezz tal-esportazzjoni tagħha kien il-prezz effettivament imħallas jew li jista’ jitħallas għall-prodott taħt rieżami meta mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni, f’konformità mal-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku.

3.2.2.3.   Tqabbil

(65)

Il-Kummissjoni qabblet il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni kif stabbiliti hawn fuq, fuq bażi ex-works.

(66)

Fejn iġġustifikat mill-ħtieġa li jiġi żgurat tqabbil ġust, il-Kummissjoni aġġustat il-valur normali u/jew il-prezz tal-esportazzjoni għad-differenzi li jaffettwaw il-prezzijiet u l-komparabbiltà tal-prezzijiet, f’konformità mal-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku. Fejn kien applikabbli u ġustifikat, saru aġġustamenti għall-kostijiet tat-trasport, l-assigurazzjoni, il-ġarr, it-tagħbija u l-kostijiet anċillari, l-ippakkjar, il-kostijiet ta’ kreditu u l-imposti tal-banek mħallsa mill-produttur esportatur li kkoopera.

(67)

Nippon Steel ma kellhiex bejgħ domestiku għal xi wħud mit-tipi ta’ prodotti li esportat lejn l-UE. Fid-dawl tal-volum għoli ta’ bejgħ għall-esportazzjoni li għalih jista’ jsir tqabbil u filwaqt li jitqies li, fil-kuntest ta’ rieżami ta’ skadenza, ma huwiex meħtieġ li jiġi stabbilit l-ammont eżatt ta’ dumping iżda biss jekk id-dumping x’aktarx ikompli jew jerġa’ jseħħ fil-futur, il-Kummissjoni qieset li t-tqabbil, kif stabbilit, kien akkurat.

(68)

Wara d-divulgazzjoni, Nippon Steel sostniet li l-Kummissjoni kellha tikkalkula l-marġni tad-dumping applikabbli għal Nippon Steel abbażi tal-bejgħ kollu għall-esportazzjoni lejn l-UE u rreferiet għall-ġurisprudenza eżistenti (9).

(69)

Il-Kummissjoni fakkret li l-marġni tad-dumping ma kienx ikopri l-bejgħ kollu għall-esportazzjoni lejn l-UE minħabba li, kif spjegat fil-premessa (67) hawn fuq, ma kien hemm l-ebda bejgħ domestiku korrispondenti għal xi tipi ta’ prodotti li l-kumpanija esportat lejn l-UE. Dawn it-tipi ta’ prodotti (li jammontaw għal 38 % tal-kwantità totali esportata) inizjalment ma kinux inklużi fil-kalkoli tad-dumping peress li l-kumpanija ma kinitx ipprovdiet il-kostijiet korrispondenti tal-produzzjoni għalihom. Sabiex jiġi kkalkolat marġni ta’ dumping għal 100 % tal-bejgħ għall-esportazzjoni lejn l-UE u fin-nuqqas ta’ data aktar preċiża mill-kumpanija, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiġbor it-tipi ta’ prodotti abbażi tal-wisa’ tagħhom, li huwa parametru li għandu impatt aktar baxx fuq il-kost tal-produzzjoni u l-prezz tal-bejgħ mit-telf fil-qalba u l-ħxuna. Fuq dik il-bażi hija kkalkulat il-valur normali għat-tipi kollha ta’ prodotti. Il-kalkoli tad-dumping ikkoreġuti ġew divulgati lill-kumpanija u ma wasal l-ebda kumment.

3.2.2.4.   Marġni tad-dumping

(70)

Kemm għal Nippon Steel kif ukoll għal JFE Steel, it-tqabbil bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni wera li l-bejgħ tagħhom lill-UE sar bi prezzijiet oġġett ta’ dumping matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami. Il-marġni tad-dumping li nstab għal Nippon Steel kien ta’ madwar 31 %, filwaqt li għal JFE Steel dan kien ta’ madwar 19 %.

(71)

Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li d-dumping tkompla matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami.

3.2.3.   Il-probabilità ta’ kontinwazzjoni tad-dumping

(72)

Wara li rriżulta dumping matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, il-Kummissjoni analizzat jekk kienx hemm probabbiltà ta’ kontinwazzjoni ta’ dumping jekk il-miżuri fuq importazzjonijiet ta’ GOES mill-Ġappun jitħallew jiskadu. Waqt dan, saret analiżi tal-elementi li ġejjin: il-kapaċità tal-produzzjoni u l-kapaċità ta’ riżerva fil-Ġappun u l-attraenza tas-suq tal-Unjoni.

(a)    Kapaċità ta’ riżerva

(73)

Abbażi tat-tweġibiet għall-kwestjonarju taż-żewġ produtturi esportaturi Ġappuniżi magħrufa, il-Kummissjoni stabbiliet li l-kapaċità tal-produzzjoni Ġappuniża kienet tammonta għal [350 000 sa 410 000] tunnellata matul il-PIR.

(74)

Abbażi tal-istess sett ta’ data, il-Kummissjoni stabbiliet li l-kapaċità ta’ riżerva tal-GOES fil-Ġappun kienet ta’ madwar [50 000 sa 110 000] tunnellata.

(75)

Nippon Steel sostniet li l-kapaċità ta’ riżerva tal-Ġappun kienet sopravalutata peress li l-Kummissjoni ma qisitx il-fatt li l-Ġappun jiffoka fuq l-irqaq tip ta’ gauge tal-GOES li jrendi inqas volum mit-tip ta’ GOES prodott mill-industrija tal-Unjoni u minn pajjiżi oħra kkonċernati.

(76)

L-analiżi tal-mudelli esportati lejn l-Unjoni u lejn il-pajjiżi ewlenin l-oħrajn tal-esportazzjoni, bħall-Indja u l-Messiku, uriet li l-maġġoranza l-kbira tal-mudelli esportati minn Nippon Steel kellhom ħxuna tal-gauge simili jew ogħla mill-prodotti manifatturati mill-industrija tal-Unjoni. Barra minn hekk, is-sehem tat-tip ta’ gauge irqaq tal-GOES esportat lejn l-UE kien sinifikanti u tabilħaqq kien hemm domanda għal dan it-tip ta’ prodott fis-suq tal-Unjoni. Fi kliem ieħor, anki jekk il-kapaċità ta’ riżerva kienet tikkorrispondi esklużivament, quod non, għal prodotti b’gauge irqaq, ikun hemm domanda għal tali prodotti fis-suq tal-Unjoni.

(77)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni bbażat il-valutazzjoni tagħha tal-kapaċità ta’ riżerva fuq l-informazzjoni pprovduta mill-produtturi esportaturi Ġappuniżi. Għalhekk, il-Kummissjoni naqset milli tara kif setgħet stmat iżżejjed il-kapaċità ta’ riżerva meta d-data ħarġet mill-produtturi esportaturi nfushom. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni qieset li l-affermazzjoni relatata mar-rendiment la kienet dettaljata biżżejjed u lanqas issostanzjata, peress li ma kinitx tipprovdi għal differenza korrispondenti fil-kapaċità tal-produzzjoni jew fil-kapaċità ta’ riżerva marbuta mad-differenza allegata fir-rendiment. Barra minn hekk, din l-affermazzjoni tqajmet minn Nippon Steel biss u ma kien fiha l-ebda informazzjoni fir-rigward tal-firxa fil-ħxuna tal-gauge tal-produtturi esportaturi ewlenin l-oħrajn Ġappuniżi. Abbażi ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni ċaħdet din l-affermazzjoni.

(78)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni qieset li l-produtturi esportaturi Ġappuniżi jimmanifatturaw ukoll azzar elettriku mhux orjentat (“NOES”). Kemm il-GOES kif ukoll l-NOES jiġu ffabbrikati bl-użu tal-istess tagħmir. Dan ifisser li huwa teknikament possibbli li l-kapaċità tiġi liberata mill-NOES u li din tinbidel għall-GOES. Tali bidla tista’ sseħħ fil-futur jekk il-produtturi esportaturi Ġappuniżi jkollhom l-inċentiv ekonomiku li jagħmlu dan. B’riżultat ta’ dan, il-kapaċità ta’ riżerva li nstabet tista’ potenzjalment tiżdied saħansitra aktar.

(79)

Wara d-divulgazzjoni, il-Gvern Ġappuniż u Nippon Steel affermaw li l-produtturi Ġappuniżi ma jistgħux jilliberaw il-kapaċità destinata għall-produzzjoni tan-NOES għall-benefiċċju tal-produzzjoni tal-GOES għall-esportazzjoni lejn l-UE peress li Nippon Steel hija marbuta b’kuntratti mal-manifatturi tal-vetturi elettriċi biex tipproduċi NOES. F’dan il-kuntest, huwa argumenta li l-valutazzjoni tal-kapaċità ta’ riżerva jenħtieġ li ma tkunx ibbażata fuq dak l-element.

(80)

Il-Kummissjoni ħadet nota tal-eżistenza ta’ kuntratti vinkolanti mal-manifatturi tal-vetturi elettriċi biex jipproduċu NOES li, per se, ma jippermettux li tiġi lliberata l-kapaċità għall-GOES immedjatament. Madankollu, il-Kummissjoni qieset ukoll li, jekk il-kundizzjonijiet tas-suq fis-suq tal-vetturi elettriċi jiżviluppaw b’mod negattiv, il-produtturi esportaturi Ġappuniżi jistgħu jiddedikaw aktar kapaċità għall-produzzjoni tal-GOES peress li l-produtturi jużaw l-istess tagħmir għall-produzzjoni kemm tal-GOES kif ukoll tan-NOES. Fi kwalunkwe każ, irrispettivament mill-iżvilupp tad-domanda għan-NOES fis-snin li ġejjin, il-Kummissjoni qieset li l-konklużjonijiet tagħha dwar il-valutazzjoni tal-kapaċità ta’ riżerva kif imsemmi fil-premessa (74) baqgħu validi peress li dawn kienu bbażati fuq l-eżistenza ta’ kapaċità ta’ riżerva sinifikanti speċifika għall-GOES biss, li magħha ma ġiet miżjuda l-ebda kapaċità liberatorja addizzjonali, marbuta mal-produzzjoni tan-NOES.

(b)    L-attraenza tas-suq tal-Unjoni

(81)

F’termini ta’ daqs, is-suq tal-Unjoni (aktar minn 265 000 sa 280 000 tunnellata ta’ konsum fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami) huwa fost l-akbar swieq ta’ GOES madwar id-dinja. Fost il-pajjiżi kkonċernati, ir-RPĊ biss għandha suq domestiku akbar mill-UE, filwaqt li l-Istati Uniti, il-Korea, ir-Russja u l-Ġappun għandhom konsum domestiku ferm iżgħar.

(82)

Il-kapaċità ta’ riżerva stabbilita hija ekwivalenti għal [28 sa 31 %] tal-konsum tal-Unjoni matul il-PIR, kif stabbilit fil-premessa (259) hawn taħt. Fl-istess ħin huwa probabbli li l-kapaċità ta’ riżerva se tkun diretta lejn is-suq tal-Unjoni fi kwantitajiet kbar jekk il-miżuri jiskadu. Tabilħaqq, is-suq domestiku Ġappuniż jassorbi madwar kwart tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni Ġappuniżi u tradizzjonalment huwa kważi 100 % sodisfatt bil-produzzjoni domestika.

(83)

Barra minn hekk, l-industrija tal-GOES Ġappuniża hija orjentata lejn l-esportazzjoni peress li aktar minn [70 sa 80] % tal-produzzjoni kollha hija destinata għall-esportazzjonijiet. Fl-aħħar nett, iċ-Ċina u l-Istati Uniti għandhom dazji tad-difiża tal-kummerċ li fil-fatt inaqqsu l-aċċess tal-produtturi esportaturi Ġappuniżi għal dawk is-swieq importanti. B’mod partikolari, l-esportazzjonijiet Ġappuniżi lejn ir-RPĊ naqsu drastikament eżatt wara l-impożizzjoni tal-miżuri minn din tal-aħħar.

(84)

Barra minn hekk, il-produtturi esportaturi Ġappuniżi għandhom sistema ta’ distribuzzjoni stabbilita fl-Unjoni Ewropea u għalhekk jistgħu jżidu malajr il-vjeġġi lejn is-suq tal-Unjoni.

(85)

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, jista’ jkun raġonevolment mistenni li, jekk il-miżuri jitħassru, parti sostanzjali mill-esportazzjonijiet u l-kapaċità ta’ riżerva attwali tal-Ġappun jiġu diretti mill-ġdid lejn l-Unjoni.

(86)

Wara d-divulgazzjoni, il-Gvern Ġappuniż u Nippon Steel affermaw li s-suq tal-Unjoni ma kienx għadu attraenti daqs kemm kien matul l-investigazzjoni oriġinali u li l-produtturi Ġappuniżi għandhom l-intenzjoni li jaqbdu b’mod attiv is-swieq Ażjatiċi li qed jiżdiedu u li l-esportazzjonijiet mill-Ġappun mhux se jifqgħu s-suq tal-Unjoni f’każ li l-miżuri jintemmu.

(87)

Nippon Steel qieset ukoll li l-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar l-attraenza tas-suq tal-Unjoni ma kinitx issostanzjata peress li kienet ibbażata biss fuq id-daqs tiegħu. F’dan ir-rigward, hija indikat elementi speċifiċi oħrajn relatati mal-attraenza tas-suq tal-Unjoni, bħal-livell tal-prezzijiet, il-preżenza ta’ industrija domestika b’saħħitha, id-domanda għal tip speċifiku ta’ prodott, miżuri ta’ difiża kummerċjali u/jew diżinċentivi assoċjati mat-trasport.

(88)

Il-Kummissjoni qieset li l-affermazzjoni relatata mas-suq Ażjatiku ma kinitx issostanzjata b’evidenza ta’ sostenn. Fi kwalunkwe każ, il-produtturi esportaturi Ġappuniżi komplew jesportaw kwantitajiet sinifikanti u żammew is-sehem mis-suq tagħhom fl-Unjoni matul il-perjodu kkunsidrat minkejja l-fatturi kollha msemmija minn Nippon Steel, it-tnaqqis fil-konsum u l-miżuri fis-seħħ.

(89)

Barra minn hekk, is-suq tal-UE kien it-tielet l-akbar suq tal-esportazzjoni għall-produtturi esportaturi Ġappuniżi matul il-PIR (10). Barra minn hekk, analiżi tal-evoluzzjoni tal-bejgħ għall-esportazzjoni miż-żewġ produtturi esportaturi Ġappuniżi żvelat li l-esportazzjonijiet tagħhom lejn pajjiżi mhux tal-UE naqsu ferm aktar matul il-perjodu kkunsidrat (-[25-35] %) mill-esportazzjonijiet lejn l-UE (-[5-15] %) matul l-istess perjodu.

(90)

Minbarra d-daqs tagħha u l-kwantitajiet kbar li l-produtturi esportaturi Ġappuniżi jistgħu jbigħu fis-suq tal-UE, il-Kummissjoni nnotat ukoll li s-suq tal-Unjoni huwa kkaratterizzat minn livelli għoljin ta’ prezzijiet u minn preżenza sinifikanti ta’ importazzjonijiet, li juru l-attraenza tiegħu għall-produtturi ta’ GOES barra mill-UE. Fuq din il-bażi, dawn l-affermazzjonjiet ġew miċħudin.

(c)    Konklużjoni dwar il-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni tad-dumping

(91)

Fuq il-bażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li d-dumping x’aktarx li jkompli fil-futur jekk il-miżuri jitħallew jiskadu. Meta wieħed iqis il-livelli tal-prezzijiet oġġett ta’ dumping tal-GOES lejn l-Unjoni matul il-PIR, il-kapaċità ta’ riżerva fil-Ġappun u l-attraenza tas-suq tal-Unjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet ukoll li kwantitajiet sinifikanti ta’ GOES mill-Ġappun x’aktarx jidħlu fis-suq tal-Unjoni f’livelli ta’ prezzijiet oġġett ta’ dumping jekk il-miżuri jitħallew jiskadu.

3.3.   Ir-Repubblika tal-Korea

3.3.1.   Dumping matul il-perjodu tal-investigazzjoni tar-rieżami

3.3.1.1.   Rimarki preliminari

(92)

Fin-nuqqas ta’ koperazzjoni minn kwalunkwe produttur esportatur Korean, kif indikat fil-premessa (28), il-Kummissjoni bbażat l-analiżi globali tagħha, inkluż il-kalkolu tad-dumping, fuq il-fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

(93)

Konsegwentement, il-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ dumping ġiet ivvalutata bl-użu tal-informazzjoni li tinsab fit-talba għal rieżami ta’ skadenza, flimkien mad-data tal-Eurostat u l-istatistika dwar l-esportazzjoni li tinsab fil-GTA.

3.3.1.2.   Dumping

(a)    Valur normali

(94)

Sabiex jiġi stabbilit il-valur normali, il-Kummissjoni użat l-istess metodoloġija bħal dik applikata mill-applikant fit-talba. Peress li data affidabbli dwar il-prezzijiet fis-suq domestiku tal-Korea ma kinitx disponibbli, il-Kummissjoni stabbiliet valur normali maħdum bl-użu tal-metodoloġija u l-valuri li jinsabu fit-talba għal rieżami ta’ skadenza.

(b)    Prezzijiet tal-esportazzjoni

(95)

Il-prezzijiet tal-esportazzjoni lejn l-Unjoni ġew stabbiliti abbażi tad-data tal-Eurostat.

(c)    Tqabbil

(96)

Il-valur normali u l-prezzijiet tal-esportazzjoni tqabblu fuq bażi ex-works. Għal dan il-għan, il-kostijiet tal-konsenja u tal-assigurazzjoni tnaqqsu abbażi tal-informazzjoni disponibbli fit-talba (EUR 115,82/tunnellata). Għalhekk, il-valur normali ex-works stabbilit kien ta’ EUR 1 893/tunnellata, filwaqt li l-prezz tal-esportazzjoni ex-works kien ta’ EUR 1 880/tunnellata matul il-PIR.

(d)    Dumping

(97)

Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni stabbiliet li l-marġni tad-dumping tal-esportazzjonijiet Koreani lejn l-Unjoni kien fil-livell de minimis, jiġifieri anqas minn 2 %, espress bħala perċentwal tal-prezz tal-esportazzjoni.

3.3.2.   Il-probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ dumping jekk il-miżuri jiġu revokati

(98)

Il-Kummissjoni analizzat jekk id-dumping kienx probabbli li jerġa’ jseħħ jekk il-miżuri anti-dumping attwali jitħallew jiskadu. Meta għamlet dan, hi analizzat l-imġiba tal-esportaturi Koreani fi swieq oħrajn, il-kapaċità tal-produzzjoni u l-kapaċità ta’ riżerva fil-Korea, u l-attraenza tas-suq tal-Unjoni.

(a)    Esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi

(99)

Il-Kummissjoni analizzat il-prezzijiet tal-esportazzjoni mill-Korea lejn swieq terzi oħrajn matul il-PIR, kif irrapportat fl-istatistika uffiċjali tal-esportazzjoni Koreana mill-GTA, u qabblet dawn il-livelli tal-prezzijiet mal-prezzijiet tal-importazzjoni. Din l-analiżi wriet li l-esportazzjonijiet Koreani lejn bosta mis-swieq ewlenin l-oħrajn tal-esportazzjoni tagħha saru bi prezzijiet aktar baxxi mill-prezzijiet tal-esportazzjoni lejn l-UE. Il-prezz medju tal-esportazzjoni lejn swieq terzi ġie stabbilit għal EUR 1 442/tunnellata matul il-PIR, li huwa taħt l-anqas PMI applikabbli fl-UE u ħafna anqas mill-prezz medju ex-works lejn l-UE. It-tqabbil ta’ dawk il-prezzijiet ma’ swieq terzi bil-valur normali maħdum wera differenza fil-prezz ta’ madwar 30 %.

(100)

Għalhekk, tqies probabbli li, kieku l-miżuri attwali kellhom jitħassru, il-produtturi esportaturi Koreani jibdew ibigħu lill-Unjoni f’livelli ta’ dumping.

(b)    Kapaċità ta’ riżerva

(101)

Skont il-fatti disponibbli inklużi fit-talba għal rieżami, il-Korea għandha kapaċità ta’ produzzjoni stmata ta’ 280 000 tunnellata u kapaċità ta’ riżerva stmata ta’ 24 000 tunnellata matul il-PIR. Għalhekk, il-kapaċità ta’ riżerva tal-Korea kkorrispondiet għal madwar [7 - 10]% tal-konsum tal-Unjoni ta’ GOES fil-PIR.

(c)    L-attraenza tas-suq tal-Unjoni

(102)

Il-Kummissjoni stabbiliet li s-suq tal-Unjoni huwa attraenti għall-produtturi Koreani għar-raġunijiet li ġejjin.

(103)

L-ewwel nett, kif indikat fil-premessa (81) hawn fuq, is-suq tal-Unjoni huwa fost l-akbar swieq fid-dinja. It-tieni, il-konsum domestiku tal-Korea huwa fil-biċċa l-kbira sodisfatt mill-produzzjoni domestika, peress li madwar 19 % biss minnu huwa magħmul mill-importazzjonijiet. B’riżultat ta’ dan, il-produtturi esportaturi huma fil-biċċa l-kbira orjentati lejn l-esportazzjoni.

(104)

It-tielet, wara l-impożizzjoni ta’ miżuri anti-dumping fir-RPĊ kontra, fost l-oħrajn, il-Korea, u ż-żieda fil-kapaċità tal-produzzjoni domestika proprja taċ-Ċina, l-esportazzjonijiet Koreani lejn iċ-Ċina naqsu drastikament f’dawn l-aħħar snin. Dan imbagħad jagħmel is-suq tal-Unjoni aktar attraenti, u b’hekk jinħoloq ir-riskju li tista’ sseħħ ċerta devjazzjoni kummerċjali lejn l-Unjoni.

(d)    Konklużjoni dwar il-probabbiltà ta’ rikorrenza tad-dumping

(105)

Fuq il-bażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li d-dumping x’aktarx jirrikorri fil-futur jekk il-miżuri jitħallew jiskadu. Meta titqies il-kapaċità ta’ riżerva fil-Korea, il-livelli baxxi tal-prezzijiet tal-esportazzjonijiet tal-GOES lejn pajjiżi terzi matul il-PIR, li saru bi prezzijiet oġġett ta’ dumping meta mqabbla mal-valur normali, flimkien mal-attraenza tas-suq tal-Unjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet ukoll li kwantitajiet sinifikanti ta’ GOES mill-Korea x’aktarx jidħlu fis-suq tal-Unjoni f’livelli ta’ prezzijiet oġġett ta’ dumping, jekk il-miżuri jitħallew jiskadu.

3.4.   L-Istati Uniti tal-Amerika

3.4.1.   Dumping matul il-perjodu tal-investigazzjoni tar-rieżami

3.4.1.1.   Rimarki preliminari

(106)

Fin-nuqqas ta’ koperazzjoni minn kwalunkwe produttur esportatur tal-Istati Uniti tal-Amerika, kif indikat fil-premessa (28), il-Kummissjoni bbażat l-analiżi globali tagħha, inkluż il-kalkolu tad-dumping, fuq il-fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

(107)

Konsegwentement, il-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ dumping ġiet ivvalutata bl-użu tal-informazzjoni li tinsab fit-talba għal rieżami ta’ skadenza, flimkien ma’ sorsi oħrajn ta’ informazzjoni bħall-Eurostat u l-GTA.

3.4.1.2.   Dumping

(a)    Valur normali

(108)

Sabiex jiġi stabbilit il-valur normali, il-Kummissjoni użat l-istess metodoloġija bħal dik applikata mill-applikant fit-talba. Peress li data affidabbli dwar il-prezzijiet fis-suq domestiku tal-Istati Uniti ma kinitx disponibbli, il-Kummissjoni stabbiliet valur normali maħdum bl-użu tal-metodoloġija u l-valuri li jinsabu fit-talba għal rieżami ta’ skadenza.

(b)    Prezzijiet tal-esportazzjoni

(109)

Il-prezzijiet tal-esportazzjoni lejn l-Unjoni ġew stabbiliti abbażi tad-data tal-Eurostat.

(c)    Tqabbil

(110)

Il-valur normali u l-prezzijiet tal-esportazzjoni tqabblu fuq bażi ex-works. Għal dan il-għan, il-kostijiet tal-konsenja u tal-assigurazzjoni tnaqqsu abbażi tal-informazzjoni disponibbli fit-talba (EUR 166,66/tunnellata). Għalhekk, il-valur normali ex-works ġie stabbilit għal EUR 2 310/tunnellata, filwaqt li l-prezz tal-esportazzjoni kien ta’ EUR 1 880/tunnellata matul il-PIR.

(d)    Dumping

(111)

Fuq il-bażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni stabbiliet marġni tad-dumping ta’ madwar 21 %. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li d-dumping tkompla matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami.

3.4.2.   Il-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni ta’ dumping jekk il-miżuri jiġu revokati

(112)

Il-Kummissjoni analizzat jekk id-dumping huwiex probabbli li jkompli jekk il-miżuri anti-dumping attwali jitħallew jiskadu. Meta għamlet dan, hija eżaminat il-produzzjoni u l-kapaċità ta’ riżerva fl-Istati Uniti u l-attraenza tas-suq tal-Unjoni.

(a)    Kapaċità ta’ riżerva

(113)

Skont l-informazzjoni pprovduta fit-talba għal rieżami ta’ skadenza, l-Istati Uniti kellhom kapaċità ta’ produzzjoni stmata ta’ 265 000 tunnellata u kapaċità ta’ riżerva stmata ta’ 77 000 tunnellata matul il-PIR. Għalhekk, il-kapaċità ta’ riżerva fl-Istati Uniti biss tista’ tissodisfa [bejn 27 u 30] % tal-konsum kollu tal-GOES fl-Unjoni.

(b)    L-attraenza tas-suq tal-Unjoni

(114)

L-investigazzjoni kkonfermat li s-suq tal-Unjoni huwa attraenti għall-produtturi tal-Istati Uniti għar-raġunijiet li ġejjin:

(115)

L-ewwel nett, kif indikat fil-premessa (81) hawn fuq, is-suq tal-Unjoni huwa fost l-akbar swieq fid-dinja.

(116)

It-tieni, il-konsum domestiku tal-Istati Uniti diġà huwa fil-biċċa l-kbira sodisfatt mill-produzzjoni domestika, peress li madwar 15 % biss minnu kien magħmul mill-importazzjonijiet matul il-PIR. B’riżultat ta’ dan, il-produtturi esportaturi huma orjentati lejn l-esportazzjoni.

(c)    Konklużjoni dwar il-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni tad-dumping

(117)

Fuq il-bażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li d-dumping x’aktarx li jkompli fil-futur jekk il-miżuri jitħallew jiskadu. Meta qieset il-livelli tal-prezzijiet oġġett ta’ dumping tal-GOES lejn l-Unjoni matul il-PIR, il-kapaċità ta’ riżerva kbira fl-Istati Uniti u l-attraenza tas-suq tal-Unjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet ukoll li kwantitajiet sinifikanti ta’ GOES mill-Istati Uniti x’aktarx jidħlu fis-suq tal-Unjoni f’livelli ta’ prezzijiet oġġett ta’ dumping jekk il-miżuri jitħallew jiskadu.

3.5.   Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

3.5.1.   Dumping matul il-perjodu tal-investigazzjoni tar-rieżami

3.5.1.1.   Proċedura għad-determinazzjoni tal-valur normali skont l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku

(118)

Skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament bażiku, “il-valur normali normalment għandu jkun ibbażat fuq il-prezzijiet imħallsa jew pagabbli, fil-kors ordinarju tal-kummerċ, minn klijenti indipendenti fil-pajjiż esportatur”.

(119)

Madankollu, skont l-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, “[f]il-każ li jiġi determinat […] li mhuwiex xieraq li jintużaw prezzijiet u kostijiet domestiċi fil-pajjiż esportatur minħabba l-eżistenza f’dak il-pajjiż ta’ distorsjonijiet sinifikanti fis-sens tal-punt (b), il-valur normali għandu jiġi kkalkolat esklużivament abbażi tal-kostijiet tal-produzzjoni u tal-bejgħ li jirriflettu prezzijiet jew valuri ta’ riferiment mingħajr distorsjoni”, u “għandu jinkludi ammont raġonevoli u mingħajr distorsjoni għal kostijiet amministrattivi, tal-bejgħ u ġenerali u għal profitti” (“kostijiet amministrattivi, tal-bejgħ u ġenerali” minn hawn ’il quddiem “SG&A”).

(120)

Fid-dawl tal-evidenza suffiċjenti disponibbli fil-bidu tal-investigazzjoni li indikat l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti skont it-tifsira tal-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku fir-rigward tar-RPĊ, il-Kummissjoni qieset li kien xieraq li tiftaħ l-investigazzjoni fir-rigward tal-produtturi esportaturi minn dan il-pajjiż b’kunsiderazzjoni tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku.

(121)

Konsegwentement, sabiex tiġbor id-data neċessarja għall-applikazzjoni eventwali tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku, fin-Notifika ta’ Bidu, il-Kummissjoni stiednet lill-produtturi tar-RPĊ sabiex jipprovdu informazzjoni dwar l-inputs użati għall-produzzjoni tal-prodott taħt rieżami. Produttur esportatur wieħed ipprovda l-informazzjoni mitluba.

(122)

Sabiex tikseb l-informazzjoni li qieset meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha fir-rigward tal-allegati distorsjonijiet sinifikanti, il-Kummissjoni bagħtet ukoll kwestjonarju lill-GTĊ. Barra minn hekk, fil-punt 5.3.2 tan-Notifika ta’ Bidu, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati kollha jressqu l-fehmiet tagħhom, jippreżentaw informazzjoni u jipprovdu evidenza ta’ sostenn fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni tan-Notifika ta’ Bidu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Ma waslet l-ebda tweġiba għall-kwestjonarju mill-GTĊ u ma waslet l-ebda sottomissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku qabel l-iskadenza.

(123)

Fit-30 ta’ Novembru 2020, il-Kummissjoni ħarġet l-ewwel nota għall-fajl (“l-Ewwel Nota”) fejn talbet il-fehmiet tal-partijiet interessati dwar is-sorsi rilevanti li l-Kummissjoni tista’ tuża sabiex tiddetermina l-valur normali, f’konformità mat-tieni inċiż tal-Artikolu 2(6a)(e) tar-Regolament bażiku. F’dik in-nota, il-Kummissjoni pprovdiet lista tal-fatturi ta’ produzzjoni kollha, bħall-materjali, l-enerġija u l-manodopera użati fil-produzzjoni tal-prodott taħt rieżami mill-produtturi esportaturi. Barra minn hekk, abbażi tal-kriterji li jiggwidaw l-għażla ta’ prezzijiet jew ta’ parametri referenzjarji mingħajr distorsjoni, il-Kummissjoni identifikat żewġ pajjiżi rappreżentattivi possibbli: il-Brażil u r-Russja.

(124)

Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati sabiex iressqu l-kummenti. Waslu kummenti mingħand l-Eurofer u l-Baoshan Group.

(125)

Il-kummenti dwar l-Ewwel Nota ġew indirizzati fit-tieni nota (“it-Tieni Nota”) li l-Kummissjoni ħarġet fl-20 ta’ Lulju 2021 u li biha informat lill-partijiet interessati dwar is-sorsi rilevanti li kienet beħsiebha tuża għad-determinazzjoni tal-valur normali, bil-Brażil bħala l-pajjiż rappreżentattiv. Informat ukoll lill-partijiet interessati li kienet se tistabbilixxi l-kostijiet tal-bejgħ, ġenerali u amministrattivi (“SG&A”) u l-profitti abbażi ta’ Aperam Inox América so Sul S.A. (“Aperam”), produttur fil-pajjiż rappreżentattiv. Waslu kummenti mingħand l-Eurofer u l-Baoshan Group.

3.5.1.2.   In-nuqqas ta’ kooperazzjoni tal-GTĊ

(126)

Mal-bidu tal-investigazzjoni abbażi tal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarju dwar l-eżistenza ta’ distorsjonijiet lill-GTĊ. Madankollu, il-GTĊ ma ppreżenta l-ebda tweġiba. Il-Kummissjoni informat lill-GTĊ b’Note Verbale fl-24 ta’ Settembru 2021 li kellha l-ħsieb li tagħmel użu mill-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku fir-rigward tal-eżistenza possibbli ta’ distorsjonijiet sinifikanti fis-suq domestiku Ċiniż għall-GOES skont it-tifsira tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku. Il-Kummissjoni stiednet lill-GTĊ sabiex jissottometti l-kumment tiegħu dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 18. Ma wasal l-ebda kumment.

3.5.1.3.   L-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti

(127)

F’investigazzjonijiet reċenti dwar is-settur tal-azzar fir-RPĊ (11), il-Kummissjoni sabet li kien hemm distorsjonijiet sinifikanti skont it-tifsira tal-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku. F’din l-investigazzjoni l-Kummissjoni kkonkludiet li, abbażi tal-evidenza disponibbli, l-applikazzjoni tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku kienet xierqa wkoll.

(128)

F’dawk l-investigazzjonijiet, il-Kummissjoni sabet li hemm intervent sostanzjali tal-gvern fir-RPĊ u li dan jirriżulta f’distorsjoni tal-allokazzjoni effettiva tar-riżorsi f’konformità mal-prinċipji tas-suq (12). B’mod partikolari, il-Kummissjoni kkonkludiet li fis-settur tal-azzar, li jappartjeni għalih il-GOES, mhux biss għad hemm grad sostanzjali ta’ sjieda mill-GTĊ fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku (13), iżda l-GTĊ huwa wkoll f’pożizzjoni li jinterferixxi fil-prezzijiet u fil-kostijiet permezz tal-preżenza tal-Istat fid-ditti fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku (14). Il-Kummissjoni sabet ukoll li l-preżenza u l-intervent tal-Istat fis-swieq finanzjarji, kif ukoll fil-provvista tal-materja prima u tal-inputs, iħallu effett ta’ distorsjoni addizzjonali fuq is-suq. Tabilħaqq, b’mod ġenerali, is-sistema tal-ippjanar fir-RPĊ tirriżulta fil-konċentrazzjoni tar-riżorsi f’setturi ddeżinjati bħala strateġiċi jew inkella bħala politikament importanti mill-GTĊ, aktar milli fl-allokazzjoni tagħhom f’konformità mal-forzi tas-suq (15). Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-liġijiet Ċiniżi dwar il-falliment u l-proprjetà ma jaħdmux kif suppost fis-sens tar-raba’ inċiż tal-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku, u b’hekk jiġu ġġenerati distorsjonijiet b’mod partikolari meta jiġu miżmuma ħajjin ditti insolventi u meta jiġu allokati d-drittijiet għall-użu tal-art fir-RPĊ (16). Bl-istess mod, il-Kummissjoni sabet distorsjonijiet tal-kostijiet tal-pagi fis-settur tal-azzar fis-sens tal-ħames inċiż tal-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku (17), kif ukoll distorsjonijiet fis-swieq finanzjarji fis-sens tas-sitt inċiż tal-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku, b’mod partikolari fir-rigward tal-aċċess għall-kapital għall-atturi korporattivi fir-RPĊ (18).

(129)

Bħal fl-investigazzjonijiet preċedenti rigward is-settur tal-azzar fir-RPĊ, f’din l-investigazzjoni l-Kummissjoni eżaminat jekk kienx xieraq jew le li jintużaw il-prezzijiet u l-kostijiet domestiċi fir-RPĊ, minħabba l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti skont it-tifsira tal-punt (b) tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku. Il-Kummissjoni għamlet dan abbażi tal-evidenza disponibbli fil-fajl, inkluża l-evidenza li tinsab fit-talba kif ukoll fir-Rapport, li hija bbażata fuq sorsi pubblikament disponibbli. Dik l-analiżi kopriet l-eżami tal-interventi sostanzjali tal-gvern fl-ekonomija tar-RPĊ b’mod ġenerali, iżda wkoll is-sitwazzjoni speċifika tas-suq fis-settur rilevanti inkluż il-prodott taħt rieżami. Il-Kummissjoni kompliet tissupplimenta dawn l-elementi evidenzjarji bir-riċerka tagħha stess dwar id-diversi kriterji rilevanti sabiex tikkonferma l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti fir-RPĊ, kif misjub ukoll mill-investigazzjonijiet preċedenti tagħha f’dan ir-rigward.

(130)

It-talba kien fiha informazzjoni dwar l-effetti distortivi tat-13-il Pjan ta’ Ħames Snin għall-Azzar fuq l-industrija tal-azzar. Barra minn hekk, it-talba rreferiet għas-sejbiet magħmula mill-Gvern tal-Istati Uniti dwar il-kontroll tal-Istat fuq is-setgħa ta’ kontroll relattivament b’saħħitha fuq is-settur tal-azzar fiċ-Ċina permezz ta’ SASAC u s-setgħa ta’ kontroll assoluta fuq l-elettriku (19). It-talba osservat ukoll li l-GOES, bħall-azzar miksi b’mod organiku, huma prodotti minn kojls illaminati bis-sħana. Għalhekk, l-istess distorsjonijiet osservati mill-Kummissjoni fir-rigward tal-azzar miksi b’materjal organiku fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/687 (20) japplikaw ukoll għall-GOES. It-talba osservat ukoll li ż-żewġ produtturi esportaturi Ċiniżi ewlenin fl-investigazzjoni tal-GOES, Baosteel u WISCO, huma wkoll produtturi esportaturi ta’ prodotti tal-azzar miksija b’materjal organiku koperti mill-miżuri definittivi fuq dak il-prodott. Fi tmiem l-2016, Baosteel u WISCO ingħaqdu sabiex saru l-akbar produttur tal-azzar taċ-Ċina. It-talba rreferiet ukoll għall-proċediment antisussidji rigward prodotti tal-azzar ċatti llaminati bis-sħana (21), li fih il-Kummissjoni sabet numru ta’ sussidji li jindikaw l-eżistenza ta’ distorsjonijiet fis-settur. Fl-aħħar nett, it-talba semmiet l-appoġġ finanzjarju li rċevew Baosteel u produtturi oħrajn, kif muri minn rapport imħejji minn Steel Industry Coalition (22) u s-sejbiet li saru f’diversi investigazzjonijiet tad-dazju kumpensatorju tal-Istati Uniti (23).

(131)

Kif indikat fil-premessa (126), il-GTĊ la kkummenta u lanqas ma pprovda evidenza li tappoġġa jew li tirribatti l-evidenza eżistenti fil-fajl tal-każ, inkluż ir-Rapport u l-evidenza addizzjonali li ġiet ipprovduta mill-ilmentatur, dwar l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti u/jew dwar l-adegwatezza tal-applikazzjoni tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku fil-każ inkwistjoni.

(132)

Speċifikament fis-settur tal-azzar, li jappartjeni għalih GOES, għad hemm grad sostanzjali ta’ sjieda mill-GTĊ. Ħafna mill-akbar produtturi huma proprjetà tal-Istat. Pereżempju, Baosteel, l-esportatur ewlieni tal-GOES, hija intrapriża ewlenija tal-Istat Ċiniż li tinvolvi ruħha fil-manifattura tal-azzar u hija parti miċ-China Baowu Steel Group Co. Ltd., ikkonsolidata reċentement, li qabel kienet Baoshan Iron & Steel Co., Ltd. u Wuhan Iron & Steel. (24) Filwaqt li l-qasma nominali bejn in-numru ta’ SOEs u kumpaniji bi sjieda privata hija stmata li hija kważi ugwali, erba’ mill-ħames produtturi tal-azzar Ċiniżi kklassifikati mal-ewwel għaxra bħala l-akbar produtturi tal-azzar fid-dinja huma SOEs (25). Fl-istess ħin, filwaqt li fl-2016 l-aqwa għaxar produtturi kienu jirrappreżentaw biss madwar 36 % tal-output totali tal-industrija, il-GTĊ stabbilixxa l-mira fl-istess sena li jikkonsolida bejn 60 % u 70 % tal-produzzjoni tal-azzar f’madwar għaxar intrapriżi fuq skala kbira sal-2025 (26). Din l-intenzjoni ġiet ripetuta mill-GTĊ f’April 2019, fejn dan ħabbar il-ħruġ ta’ linji gwida dwar il-konsolidazzjoni tal-industrija tal-azzar (27). Tali konsolidazzjoni tista’ tinvolvi fużjonijiet furzati ta’ kumpaniji privati profittabbli ma’ SOEs bi prestazzjoni batuta (28). Iż-żewġ produtturi tal-GOES fiċ-Ċina, Baosteel u WISCO (it-tnejn parti mill-Baoshan Group) huma proprjetà tal-Istat.

(133)

Fir-rigward tal-GTĊ li jinsab f’pożizzjoni li jinterferixxi mal-prezzijiet u l-kostijiet permezz tal-preżenza tal-Istat f’ditti fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku, l-investigazzjoni stabbiliet l-eżistenza ta’ konnessjonijiet personali bejn il-produtturi tal-prodott taħt rieżami u s-CCP, bħal membri tas-CCP fost il-maniġment superjuri jew membri tal-bord tad-diretturi fil-Baoshan Group.

(134)

Kemm l-intrapriżi pubbliċi kif ukoll dawk privati fis-settur tal-GOES huma soġġetti għal superviżjoni u gwida tal-politika. L-eżempji li ġejjin juru x-xejra msemmija hawn fuq ta’ livell ta’ intervent mill-GTĊ li qiegħed jiżdied fis-settur. Iż-żewġ produtturi tal-GOES jenfasizzaw b’mod espliċitu l-attivitajiet ta’ bini tal-partit fuq is-siti web tagħhom, għandhom membri tal-partit fil-maniġment tal-kumpanija u jissottolinjaw l-affiljazzjoni tagħhom mas-CCP. L-investigazzjoni żvelat attivitajiet ta’ bini tal-partit kemm f’Baosteel kif ukoll f’WISCO. Baosteel tiddeskrivi l-attivitajiet ta’ bini tal-partit kif ġej: “Nieħdu r-responsabbiltà ewlenija ta’ amministrazzjoni tal-partit b’mod strett u komprensiv; Immexxu l-ħidma ideoloġika u politika tal-kumpanija, b’ħidma fi front magħqud, filwaqt li nibnu ċiviltà spiritwali, nibnu kultura korporattiva u ħidma tal-massa bħal trade unions u l-Lega Komunista taż-Żgħażagħ; Immexxu l-kostruzzjoni ta’ stil tal-partit u ta’ gvern onest, insostnu l-kumitati tad-dixxiplina sabiex iwettqu b’mod effettiv ir-responsabbiltajiet superviżorji tagħhom” (29). WISCO tindika fuq is-sit web tagħha li l-ewwel kungress tal-membri tal-Partit Komunista Ċiniż li WISCO Group Co., Ltd. organizza fit-22 ta’ Jannar 2021“iddeċieda li jagħti kontribut sħiħ għar-rwol ta’ tmexxija tal-kumitat tal-partit ta’ ‘direzzjoni, ġestjoni tas-sitwazzjoni ġenerali, u l-iżgurar tal-implimentazzjoni’, li jtejjeb il-pożizzjonijiet politiċi, li jsaħħaħ ir-responsabbiltà, u jippromwovi bis-sħiħ l-implimentazzjoni tal-istrateġija ta’ żvilupp ‘1345’ (30)”.

(135)

Barra minn hekk, fis-settur tal-GOES hemm stabbiliti politiki li jiddiskriminaw favur il-produtturi domestiċi jew li b’xi mod ieħor jinfluwenzaw is-suq fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku.

(136)

Minkejja li l-GOES hija industrija speċjalizzata u l-ebda dokument ta’ politika speċifiku li jiggwida speċifikament l-iżvilupp tal-industrija tal-GOES bħala tali ma seta’ jiġi identifikat matul l-investigazzjoni, l-industrija tal-GOES qiegħda tibbenefika minn gwida u intervent governattivi fir-rigward tal-azzar u tal-materja prima ewlenija għall-manifattura tad-GOES, jiġifieri l-azzar u l-mineral tal-ħadid.

(137)

L-industrija tal-azzar titqies bħala industrija essenzjali mill-GTĊ (31). Dan huwa kkonfermat fil-bosta pjanijiet, direttivi u dokumenti oħrajn iffokati fuq l-azzar, li jinħarġu fil-livell nazzjonali, reġjonali u muniċipali, bħall-“Pjan għall-Aġġustament u t-Titjib tal-Industrija tal-Azzar għas-snin 2016 sal-2020”, li kien validu matul il-perjodu PI. Dan il-Pjan stqarr li l-industrija tal-azzar hija “settur importanti u fundamentali tal-ekonomija Ċiniża, pedament nazzjonali” (32). Il-kompiti u l-objettivi ewlenin stabbiliti f’dan il-Pjan ikopru l-aspetti kollha tal-iżvilupp tal-industrija (33). It-13-il Pjan ta’ Ħames Snin (“FYP”) għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (34), applikabbli matul il-PI, ippreveda appoġġ lill-intrapriżi li jipproduċu tipi ta’ prodotti tal-azzar ta’ livell għoli. Dan jiffoka wkoll fuq il-kisba ta’ kwalità, ta’ durabbiltà u ta’ affidabbiltà tal-prodotti permezz tas-sostenn lill-kumpaniji li jużaw teknoloġiji relatati mal-produzzjoni tal-azzar nadif, l-irrumblar bi preċiżjoni u t-titjib fil-kwalità (35).

(138)

Il-“Katalogu għall-Iggwidar tar-Ristrutturar tal-Industrija (il-Verżjoni tal-2011) (l-Emenda tal-2013)” (36) (“il-Katalogu”) jelenka l-azzar bħala industrija mħeġġa. Materja prima importanti użata għall-produzzjoni tal-GOES hija l-ħadid. Il-mineral tal-ħadid kien kopert mill-Pjan Nazzjonali għar-Riżorsi Minerali bejn l-2016 u l-2020 matul il-perjodu PI. Il-pjan kien jipprevedi, fost l-oħrajn, li “tiġi żgurata l-konċentrazzjoni tal-intrapriżi u jiġu żviluppati minjieri kbar u ta’ daqs medju kompetittivi fis-suq”, li “tiġi żgurata gwida tar-riżorsi lokali sabiex dawn jiġu kkonċentrati fuq gruppi ta’ minjieri ta’ daqs kbir”, li “jitnaqqas il-piż fuq l-intrapriżi tal-minerali tal-ħadid, tiżdied il-kompetittività tal-intrapriżi domestiċi tal-minerali tal-ħadid”, li “jiġi kkontrollat b’mod adegwat l-iżvilupp ta’ minjieri fondi 1 000 metru u ta’ minjieri tal-minerali tal-ħadid fuq skala żgħira”.

(139)

Il-mineral tal-ħadid jissemma wkoll fit-13-il FYP dwar l-Azzar 2016-2020, li kien fis-seħħ matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami. Il-pjan jipprevedi għall-mineral tal-ħadid: “żamma tal-appoġġ tax-xogħlijiet ta’ esplorazzjoni f’żoni tal-minerali ewlenin domestiċi, […], appoġġ għal numru ta’ intrapriżi domestiċi eżistenti u kompetittivi ħafna tal-minerali tal-ħadid, bis-saħħa ta’ żvilupp usa’ u intensifikat, […], u t-tisħiħ tar-rwol tal-bażijiet tar-riżorsi minerali domestiċi fir-rigward tas-sigurtà (tal-provvisti)”.

(140)

Il-mineral tal-ħadid huwa kklassifikat bħala Industrija Strateġika Emerġenti (“SEI”) u, għalhekk, huwa kopert mit-13-il FYP dwar l-SEIs. Il-mineral tal-ħadid, il-ħadid fondut grezz u l-ligi tal-ħadid huma lkoll elenkati wkoll fil-Katalogu ta’ Gwida tal-NRDC għall-Aġġustament tal-Industrija tal-2019. Il-ligi tal-ħadid jissemmew fil-Katalogu ta’ Gwida tal-MIIT tal-2018 għall-Iżvilupp u għat-Trasferiment tal-Industrija.

(141)

Kif jidher mill-eżempji msemmija hawn fuq dwar l-azzar u l-ħadid, il-GTĊ jiggwida wkoll l-iżvilupp tas-settur tal-GOES f’konformità ma’ firxa wiesgħa ta’ għodod ta’ politika u direttivi u jikkontrolla virtwalment kull aspett fl-iżvilupp u fil-funzjonament tas-settur. B’hekk, l-industrija tal-GOES tibbenefika minn gwida u intervent governattivi fir-rigward tal-azzar u tal-materja prima ewlenija għall-manifattura tal-GOES, jiġifieri l-mineral tal-ħadid.

(142)

Minbarra dan ta’ hawn fuq, il-produtturi tal-GOES huma wkoll benefiċjarji ta’ sussidji mill-Istat, li jindika b’mod ċar l-interess tal-istat f’dan is-settur. Matul l-investigazzjoni, il-Kummissjoni stabbiliet li ż-żewġ produtturi tal-GOES, Baosteel (37) u WISCO (38) ibbenefikaw minn sussidji diretti mill-Istat.

(143)

Fil-qosor, l-GTĊ għandu miżuri fis-seħħ sabiex iħeġġeġ lill-operaturi jikkonformaw mal-objettivi tal-ordni pubbliku li jappoġġaw l-industriji mħeġġa, inkluża l-produzzjoni tal-GOES, bħala parti mis-settur tal-azzar u tal-ħadid. Tali miżuri jimpedixxu l-forzi tas-suq milli joperaw b’mod ħieles.

(144)

Din l-investigazzjoni ma żvelat l-ebda evidenza li l-applikazzjoni diskriminatorja jew l-infurzar inadegwat tal-liġijiet dwar il-falliment u l-proprjetà skont ir-raba’ inċiż tal-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku fis-settur tal-GOES imsemmi hawn fuq fil-premessa (128) ma jaffettwawx lill-manifatturi tal-prodott taħt rieżami.

(145)

Is-settur tal-GOES huwa affettwat ukoll mid-distorsjonijiet tal-kostijiet tal-pagi fis-sens tal-ħames inċiż tal-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku, kif imsemmi wkoll hawn fuq fil-premessa (128). Dawk id-distorsjonijiet jaffettwaw lis-settur kemm direttament (waqt il-produzzjoni tal-prodott taħt rieżami jew tal-inputs ewlenin), kif ukoll indirettament (waqt li jkun hemm aċċess għall-kapital jew għall-inputs minn kumpaniji soġġetti għall-istess sistema lavorattiva fir-RPĊ) (39).

(146)

Barra minn hekk, ma tressqet l-ebda evidenza f’din l-investigazzjoni li turi li s-settur tal-GOES ma huwiex affettwat mill-intervent tal-gvern fis-sistema finanzjarja fis-sens tas-sitt inċiż tal-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku, kif imsemmi wkoll hawn fuq fil-premessa (128). Għalhekk, l-intervent sostanzjali tal-gvern fis-sistema finanzjarja jwassal biex il-kundizzjonijiet tas-suq jiġu affettwati b’mod serju fil-livelli kollha.

(147)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tfakkar li sabiex jiġi prodott il-GOES, huma meħtieġa numru ta’ inputs. Meta l-produtturi tal-GOES jixtru/jikkuntrattaw dawn l-inputs, il-prezzijiet li dawn iħallsu (u li jiġu rreġistrati bħala l-kostijiet tagħhom) huma esposti għall-istess distorsjonijiet sistemiċi msemmija qabel. Pereżempju, il-fornituri tal-inputs jimpjegaw manodopera li hija soġġetta għad-distorsjonijiet, jistgħu jissellfu flus li huma soġġetti għad-distorsjonijiet fuq is-settur finanzjarju/l-allokazzjoni tal-kapital u huma soġġetti għas-sistema tal-ippjanar li tapplika fil-livelli kollha tal-gvern u s-setturi.

(148)

B’konsegwenza ta’ dan, mhux biss il-prezzijiet tal-bejgħ domestiku tal-GOES ma humiex xierqa għall-użu fis-sens tal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, iżda l-kostijiet tal-inputs kollha (inklużi l-materja prima, l-enerġija, l-art, il-finanzjament, il-manodopera, eċċ.) huma wkoll affettwati minħabba li l-formazzjoni tal-prezzijiet tagħhom hija affettwata minn intervent sostanzjali min-naħa tal-gvern, kif deskritt fil-Partijiet A u B tar-Rapport. Tabilħaqq, l-interventi mill-gvern deskritti fir-rigward tal-allokazzjoni tal-kapital, tal-art, tal-manodopera, tal-enerġija u tal-materja prima huma preżenti fir-RPĊ kollha. Dan ifisser, pereżempju, li input li minnu nnifsu kien prodott fir-RPĊ permezz tal-kombinament ta’ firxa ta’ fatturi ta’ produzzjoni huwa espost għal distorsjonijiet sinifikanti. L-istess japplika għall-input, lejn l-input u l-bqija.

(149)

Il-GTĊ ma ppreżenta l-ebda evidenza jew argument kuntrarju. Grupp wieħed ta’ produtturi esportaturi, jiġifieri Baosteel u WISCO (“il-Baoshan Group”), ippreżenta sett ta’ kummenti dwar l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti.

(150)

L-ewwel nett, il-Baoshan Group enfasizza li l-allegazzjoni dwar “distorsjonijiet sinifikanti” fiċ-Ċina jenħtieġ li ma ssirx konklużjoni ddeterminata minn qabel. Il-Baoshan Group argumenta li l-Kummissjoni jenħtieġ li ma tiġborx l-informazzjoni meħtieġa għall-kalkolu tal-valur normali abbażi tal-metodoloġija rappreżentattiva tal-pajjiż fil-bidu tal-investigazzjoni, jiġifieri qabel ma jiġu stabbiliti u kkonfermati d-distorsjonijiet sinifikanti f’investigazzjoni partikolari. Skont il-Baoshan Group, tali informazzjoni jenħtieġ li tinġabar biss ladarba l-Kummissjoni tkun ikkonfermat il-fatti meħtieġa sabiex jiġu applikati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku. Hija osservat ukoll li t-talba kienet tiddependi ħafna fuq ir-Rapport dwar iċ-Ċina, li, skont il-Baoshan Group, jonqos milli jissodisfa l-istandards ta’ evidenza imparzjali u oġġettiva, minħabba li ġie abbozzat bl-għan li jiffaċilita l-preżentazzjoni ta’ lmenti għall-industrija Ewropea. Barra minn hekk, il-Baoshan Group argumenta li l-preċiżjoni tal-informazzjoni inkluża fir-rapport tal-Kummissjoni u r-rilevanza għall-proċediment attwali huma dubjużi ħafna, minħabba li r-Rapport ġie ppubblikat fl-2017, bl-inklużjoni tal-kontenut u tar-referenzi tal-2016 u tas-snin ta’ qabel u għalhekk mhux applikabbli għall-PI fl-investigazzjoni attwali. Barra minn hekk, il-Baoshan Group osserva li r-Rapport dwar iċ-Ċina ma jkoprix il-GOES, iżda s-settur tal-azzar biss u li s-sejbiet li saru dwar l-azzar ma humiex neċessarjament rilevanti għall-GOES.

(151)

Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-evidenza elenkata fin-Notifika ta’ Bidu kienet biżżejjed sabiex tiġġustifika l-bidu ta’ investigazzjoni abbażi tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku. Tabilħaqq, il-Kummissjoni ċċarat li filwaqt li d-determinazzjoni dwar l-eżistenza attwali ta’ distorsjonijiet sinifikanti u l-użu konsegwenti tal-metodoloġija preskritta mill-Artikolu 2(6a)(a) isseħħ biss fil-ħin tad-divulgazzjoni provviżorja u/jew definittiva, l-Artikolu 2(6a)(e) jistabbilixxi obbligu li tinġabar id-data meħtieġa għall-applikazzjoni ta’ din il-metodoloġija meta l-investigazzjoni tkun inbdiet fuq din il-bażi. F’dan il-każ, il-Kummissjoni qieset l-evidenza sottomessa mill-applikant dwar id-distorsjonijiet sinifikanti suffiċjenti sabiex tinbeda l-investigazzjoni abbażi ta’ dan. In-Notifika ta’ Bidu speċifikat dan b’mod ċar fil-punt 3 f’konformità mal-obbligu stabbilit fl-Artikolu 2(6a)(e) tar-Regolament bażiku. Għalhekk, il-Kummissjoni ħadet il-passi meħtieġa biex tkun tista’ tapplika l-metodoloġija skont l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku f’każ li l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti tiġi kkonfermata matul l-investigazzjoni.

(152)

Rigward l-affermazzjoni dwar in-nuqqas ta’ imparzjalità tar-Rapport, il-Kummissjoni tinnota li dan ir-rapport huwa dokument komprensiv ibbażat fuq evidenza oġġettiva estensiva, inkluż leġiżlazzjoni, regolamenti u dokumenti uffiċjali oħrajn ta’ politika ppubblikati mill-GTĊ, rapporti ta’ partijiet terzi minn organizzazzjonijiet internazzjonali, studji akkademiċi u artikli minn akkademiċi, u sorsi indipendenti affidabbli oħrajn. Dan sar disponibbli għall-pubbliku f’Diċembru 2017 u għalhekk kwalunkwe parti interessata jkollha biżżejjed opportunità biex tirribatti, tissupplimenta jew tikkummenta dwaru u dwar l-evidenza li huwa bbażat fuqha. Fir-rigward tal-argument li r-Rapport kien skadut, il-Kummissjoni tfakkar li sa issa ma ġiet ipprovduta l-ebda evidenza li turi li r-rapport huwa skadut. Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni nnotat b’mod partikolari li l-evidenza u d-dokumenti ta’ politika ewlenin li jinsabu fir-Rapport, inklużi l-pjanijiet rilevanti ta’ ħames snin u l-leġiżlazzjoni applikabbli għall-prodott taħt rieżami kienu għadhom rilevanti matul il-PIR, u li la l-Baoshan Group u lanqas partijiet oħrajn ma taw prova li dan ma kienx għadu l-każ.

(153)

Fir-rigward tal-argument li r-Rapport tal-Kummissjoni ma jinkludix kapitolu speċifiku dwar il-GOES iżda biss dwar l-azzar b’mod ġenerali, il-Kummissjoni nnotat li l-ewwel nett, it-GOES huwa tip speċjalizzat ta’ azzar, u għalhekk id-dispożizzjonijiet dwar l-azzar huma applikabbli b’mod wiesa’ wkoll għall-GOES. It-tieni, l-eżistenza tad-distorsjonijiet sinifikanti li jagħtu lok għall-applikazzjoni tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku ma hijiex marbuta mal-eżistenza ta’ kapitolu settorjali speċifiku li jkopri l-prodott taħt investigazzjoni. Ir-Rapport jiddeskrivi tipi differenti ta’ distorsjonijiet preżenti fir-RPĊ, li huma trażversali u applikabbli fl-ekonomija Ċiniża kollha u jaffettwaw il-prezzijiet u/jew il-materja prima u l-kostijiet tal-produzzjoni tal-prodott taħt investigazzjoni. Għalhekk, id-dikjarazzjonijiet magħmula mill-Baoshan Group ġew miċħuda.

(154)

Fil-qosor, l-evidenza disponibbli wriet li l-prezzijiet jew il-kostijiet tal-prodott taħt rieżami, inklużi l-kostijiet tal-materja prima, tal-enerġija u tal-manodopera, ma humiex ir-riżultat tal-forzi tas-suq ħieles minħabba li dawn huma affettwati minn intervent sostanzjali min-naħa tal-gvern fis-sens tal-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku kif muri mill-impatt attwali jew potenzjali ta’ wieħed jew aktar mill-elementi rilevanti elenkati fih. Abbażi ta’ dan, u fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kooperazzjoni mill-GTĊ, il-Kummissjoni kkonkludiet li ma huwiex xieraq li jintużaw prezzijiet u kostijiet domestiċi sabiex jiġi stabbilit il-valur normali f’dan il-każ. Konsegwentement, il-Kummissjoni pproċediet sabiex tibni l-valur normali esklużivament abbażi tal-kostijiet tal-produzzjoni u l-bejgħ li jirriflettu prezzijiet jew valuri referenzjarji mingħajr distorsjoni, jiġifieri, f’dan il-każ, abbażi tal-kostijiet korrispondenti tal-produzzjoni u l-bejgħ f’pajjiż rappreżentattiv xieraq, f’konformità mal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, kif diskuss fit-taqsima li ġejja.

3.5.1.4.   Pajjiż rappreżentattiv

(a)    Kummenti ġenerali

(155)

L-għażla tal-pajjiż rappreżentattiv kienet ibbażata fuq il-kriterji li ġejjin, skont l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku:

Livell ta’ żvilupp ekonomiku simili għaċ-Ċina. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni użat pajjiżi b’introjtu nazzjonali gross per capita simili għaċ-Ċina abbażi tal-bażi tad-data tal-Bank Dinji (40);

Il-produzzjoni tal-prodott taħt rieżami f’dak il-pajjiż (41);

Id-disponibbiltà tad-data pubblika rilevanti fil-pajjiż rappreżentattiv.

F’każ li jkun hemm aktar minn pajjiż rappreżentattiv wieħed possibbli, jenħtieġ li tingħata preferenza, meta jkun xieraq, lill-pajjiż li jkollu livell xieraq ta’ protezzjoni soċjali u ambjentali.

(156)

Kif spjegat fil-premessi (123) u (125), il-Kummissjoni ppubblikat żewġ noti għall-fajl dwar is-sorsi għad-determinazzjoni tal-valur normali: l-ewwel nota dwar il-fatturi ta’ produzzjoni tat-30 ta’ Novembru 2020 (l-“Ewwel Nota”) u t-tieni nota dwar il-fatturi ta’ produzzjoni tal-20 ta’ Lulju 2021 (it-“Tieni Nota”). Dawn in-noti ddeskrivew il-fatti u l-evidenza li fuqhom huma bbażati l-kriterji rilevanti u indirizzaw il-kummenti li waslu mill-partijiet dwar dawk l-elementi u dwar is-sorsi rilevanti. Fit-Tieni Nota, il-Kummissjoni informat lill-partijiet interessati bl-intenzjoni tagħha li tqis lill-Brażil bħala pajjiż rappreżentattiv xieraq f’dan il-każ jekk l-eżistenza tad-distorsjonijiet sinifikanti skont l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku tiġi kkonfermata.

(b)    Livell ta’ żvilupp ekonomiku simili għar-RPĊ

(157)

Fl-Ewwel Nota, il-Kummissjoni identifikat il-Brażil u r-Russja bħala pajjiżi b’livell simili ta’ żvilupp ekonomiku bħaċ-Ċina skont il-Bank Dinji, jiġifieri t-tnejn huma kklassifikati mill-Bank Dinji bħala pajjiżi “b’introjtu medju superjuri” fuq bażi tal-introjtu nazzjonali gross fejn kien magħruf li jiġi manifatturat l-prodott taħt rieżami. L-industrija tal-Unjoni kienet ipproponiet ukoll lill-Korea t’Isfel bħala pajjiż rappreżentattiv allegatament xieraq. Madankollu, fid-dawl tal-livell ta’ żvilupp ekonomiku tal-Korea t’Isfel, kif ikklassifikat mill-Bank Dinji, dan il-pajjiż ma setax jitqies.

(158)

Fir-rigward tal-Ewwel Nota, l-industrija tal-Unjoni sostniet li l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku ta diskrezzjoni wiesgħa lill-Kummissjoni fid-determinazzjoni ta’ liema pajjiż rappreżentattiv jista’ jkun xieraq u ma llimitax il-kunċett ta’ livell simili ta’ żvilupp ekonomiku lil pajjiżi kklassifikati fl-istess grupp ta’ introjtu nazzjonali gross mill-Bank Dinji. B’mod partikolari, hija sostniet li filwaqt li r-raggruppamenti tal-introjtu nazzjonali gross tal-Bank Dinji jistgħu jagħmlu sens f’ħafna każijiet, dawn ma jagħmlux sens fir-rigward tal-industrija tal-GOES li hija soġġetta għal dan ir-rieżami. Ir-raġuni hija li l-GOES huwa prodott uniku tal-azzar b’teknoloġija avvanzata u l-fabbriki tal-GOES tal-produttur esportatur Ċiniż huma magħmulin skont l-ogħla standards internazzjonali filwaqt li jesportaw prinċipalment il-GOES bi gradi ta’ permeabbiltà għolja (primjum) (“HGO”) lejn l-Unjoni Ewropea. L-industrija tal-Unjoni argumentat ukoll li l-produttur fil-Brażil ma kienx kapaċi jikseb livelli simili ta’ kwalità filwaqt li l-produttur esportatur Ċiniż kien fl-istess livell ta’ żvilupp ekonomiku u teknoloġiku bħall-fabbrika Koreana POSCO u għalhekk, fl-opinjoni tagħha, il-Korea kienet l-aktar pajjiż rappreżentattiv xieraq.

(159)

Fir-rigward tal-użu tal-klassifikazzjoni tal-Bank Dinji, meta jkun qiegħed jinħadem il-valur normali f’każ ta’ pajjiżi b’distorsjonijiet sinifikanti, l-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku jistabbilixxi li l-Kummissjoni tista’ tuża pajjiż rappreżentattiv b’livell simili ta’ żvilupp ekonomiku bħala l-pajjiż esportatur. Sabiex jiġi definit liema pajjiżi huma f’livell simili ta’ żvilupp ekonomiku bħall-pajjiż esportatur f’kull każ, il-Kummissjoni tuża pajjiżi kklassifikati fl-istess kategorija ta’ introjtu mill-Bank Dinji. Il-Kummissjoni tagħmel dan billi teżerċita d-diskrezzjoni tagħha fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tar-Regolament bażiku kif ikkonfermat ripetutament mill-Qorti tal-Ġustizzja f’ċirkostanzi fejn jitħalla f’idejn il-Kummissjoni sabiex tagħmel dan. Il-Kummissjoni tqis li din il-bażi tad-data tippermetti li jkun hemm numru suffiċjenti ta’ pajjiżi potenzjalment xierqa b’livell simili ta’ żvilupp sabiex jintgħażel pajjiż rappreżentattiv xieraq skont l-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku.

(160)

F’dan il-każ, il-kategorija rilevanti tal-Bank Dinji, fejn ir-RPĊ hija kklassifikata, kienet dik tal-pajjiżi b’introjtu medju superjuri. Għalhekk, il-Korea ma kellhiex livell simili ta’ żvilupp ekonomiku bħar-RPĊ u tqieset li ma tissodisfax il-kriterju stabbilit fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku.

(161)

Fir-rigward tat-Tieni Nota, l-Eurofer sostniet li l-valutazzjoni tal-Kummissjoni bbażata fuq il-livell nazzjonali ta’ żvilupp ekonomiku u referenza għall-klassifikazzjoni tal-Bank Dinji ma kinitx tagħmel sens u jenħtieġ li tintegra l-iżvilupp ekonomiku tal-industrija tal-GOES Ċiniża. F’dan il-kuntest, l-Eurofer argumentat li l-industriji tal-GOES tal-Korea u tal-Ġappun kellhom livell simili ta’ żvilupp ekonomiku bħal dik Ċiniża. Fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni mill-produtturi esportaturi Koreani, l-Eurofer saħqet li l-Kummissjoni tista’ tuża lill-Ġappun bħala pajjiż rappreżentattiv għaċ-Ċina u l-informazzjoni pprovduta minn Nippon Steel sabiex tiddetermina l-valur normali.

(162)

Il-Kummissjoni qieset li l-formulazzjoni tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku ma tippermettix qari daqshekk ristrett peress li ma tirreferix għal approċċ speċifiku għas-settur. Barra minn hekk, l-Eurofer ma pprovdiet l-ebda sors indipendenti li fuqu l-Kummissjoni setgħet tiddependi sabiex tistabbilixxi li l-industriji tal-GOES Koreani u Ġappuniżi kellhom livell simili ta’ żvilupp ekonomiku. Fuq din il-bażi, din l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(c)    Disponibbiltà tad-data pubblika rilevanti fil-pajjiż rappreżentattiv

(163)

Fl-Ewwel Nota, il-Kummissjoni indikat li, għall-pajjiżi identifikati bħala pajjiżi fejn kien qiegħed jiġi prodott il-prodott taħt rieżami, jiġifieri l-Brażil u r-Russja, id-disponibbiltà tad-data pubblika kienet limitata għal produttur wieħed tal-prodott taħt rieżami li jinsab fil-Brażil; jiġifieri Aperam Inox América do Sul S.A. (“Aperam”) għas-sena kalendarja 2019. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati sabiex jikkummentaw, u, jekk jitqies xieraq, jipproponu produtturi oħrajn tal-prodott taħt investigazzjoni f’pajjiż rappreżentattiv tal-għażla tagħhom li jissodisfa l-kriterji tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, fejn id-dikjarazzjonijiet finanzjarji li jkun fihom id-data rilevanti jkunu disponibbli faċilment.

(164)

Fir-rigward tal-Ewwel Nota, l-ebda parti interessata ma ppreżentat kummenti rigward Aperam jew ippreżentat data finanzjarja pubblika rilevanti ta’ produttur tal-GOES f’pajjiż rappreżentattiv potenzjali.

(165)

Fir-rigward tat-Tieni Nota, l-Eurofer qablet li l-Brażil kien aktar adattat mir-Russja. Madankollu, hija sostniet li Aperam teknikament ma kinitx kapaċi tipproduċi l-prodotti ta’ grad għoli esportati mill-Baoshan Group lejn l-UE bħala riżultat tan-nuqqas ta’ investiment tagħha fit-teknoloġija, fil-proċessi u fl-għarfien meħtieġ għal dawn il-gradi. B’mod partikolari, l-Eurofer irreferiet għal-livell ta’ deprezzament, li allegatament kien baxx wisq u jenħtieġ li jiġi aġġustat f’konformità mal-livell tal-produtturi tal-Unjoni jew tal-Korea.

(166)

Kif spjegat fil-premessa (180), il-Kummissjoni ma qagħditx fuq il-livell ta’ deprezzament ta’ Aperam sabiex tibni l-valur normali. Tabilħaqq, id-data tal-Aperam użata sabiex jinbena l-valur normali kienet relatata biss mal-SG&A u l-perċentwali tal-profitt. F’dak li għandu x’jaqsam mad-deprezzament u mal-ispejjeż ġenerali oħrajn, il-Kummissjoni qagħdet fuq l-ispejjeż ġenerali tal-Baoshan Group espressi bħala perċentwal tal-kost ta’ kostijiet oħrajn tal-manifattura u applikat dan il-perċentwal għall-kost “ikkalkolat mill-ġdid” tal-manifattura. Fuq din il-bażi, din l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(167)

Fir-rigward tat-Tieni Nota, l-Eurofer iddikjarat ukoll li l-Kummissjoni jenħtieġ li tintegra d-data finanzjarja ta’ Aperam għas-sena kalendarja 2020 fil-kalkolu tagħha tal-SG&A u l-profitt għall-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami.

(168)

Il-Kummissjoni aċċettat din l-asserzjoni iżda eventwalment qagħdet biss fuq id-data tal-2020 minħabba li, kif imsemmi fil-premessa (203), ir-rapporti finanzjarji tal-2019 ma wrewx profitt meta eskludew l-ispejjeż mhux operatorji.

(169)

Fl-Ewwel Nota, il-Kummissjoni pprovdiet lista tal-fatturi kollha tal-produzzjoni, bħall-materja prima, il-manodopera u l-enerġija użati fil-produzzjoni tal-GOES. Fl-istess Nota, il-Kummissjoni qieset li kien hemm restrizzjonijiet kummerċjali fuq ċerti fatturi ta’ produzzjoni bbażati fuq l-Inventarju tal-OECD dwar ir-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni tal-Materja Prima Industrijali (42) u b’mod partikolari l-lista ta’ restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni tal-materja prima industrijali għall-Brażil (HS 7225 11 u 7226 11) u r-Russja (HS 7204 10 sa 7204 50). Barra minn hekk, fir-rigward tar-Russja, id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar distorsjonijiet sinifikanti fl-ekonomija tal-Federazzjoni Russa għall-finijiet tal-investigazzjonijiet tad-difiża tal-kummerċ (SWD(2020) 242) kien identifika wkoll distorsjonijiet sinifikanti fil-gass naturali (43) u fl-elettriku (44), livelli għoljin ta’ intervent mill-Istat u livelli għoljin ta’ konċentrazzjoni u integrazzjoni vertikali f’setturi ewlenin tal-materja prima, fl-industrija tal-azzar u fit-trasport (45), u l-eżistenza ta’ dazji tal-importazzjoni fuq il-GOES (HS 7225 11 u 7226 11). Fid-dawl ta’ dawn ir-restrizzjonijiet kummerċjali u distorsjonijiet sinifikanti, f’dan l-istadju, il-Kummissjoni kienet qieset li l-Brażil ikun il-pajjiż rappreżentattiv xieraq u stiednet lill-partijiet sabiex jikkummentaw dwar l-adegwatezza tal-pajjiżi rappreżentattivi possibbli.

(170)

Fir-rigward tal-Ewwel Nota, l-industrija tal-Unjoni pprovdiet argumenti addizzjonali għal dawk stabbiliti fl-Ewwel Nota dwar għaliex ir-Russja kienet pajjiż rappreżentattiv anqas xieraq mill-Brażil.

(171)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni nnotat li l-ebda parti ma kkontestat is-sejbiet tagħha fit-Taqsima 2 tal-Ewwel Nota dwar in-nuqqasijiet identifikati għar-Russja bħala pajjiż rappreżentattiv. Konsegwentement, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Brażil kien pajjiż xieraq peress li ssodisfa l-kriterji kollha, jiġifieri jinsab f’livell komparabbli ta’ żvilupp bħaċ-Ċina, għandu produttur tal-GOES u d-data ta’ dan il-produttur hija disponibbli faċilment għall-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami.

(d)    Livell ta’ protezzjoni soċjali u ambjentali

(172)

Wara li ġie stabbilit li l-Brażil kien il-pajjiż rappreżentattiv xieraq, abbażi tal-elementi kollha msemmija hawn fuq, ma kienx hemm bżonn li titwettaq valutazzjoni tal-livell ta’ protezzjoni soċjali u ambjentali f’konformità mal-aħħar sentenza tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku.

(e)    Konklużjoni

(173)

Fid-dawl tal-analiżi ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni ddeċidiet li tikkunsidra lill-Brażil bħala l-pajjiż rappreżentattiv xieraq għall-fini tal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku.

3.5.1.5.   Kostijiet u valuri referenzjarji mingħajr distorsjoni

(a)    Is-sorsi użati sabiex jiġu stabbiliti l-kostijiet mingħajr distorsjoni

(174)

Fl-Ewwel Nota, il-Kummissjoni elenkat il-fatturi ta’ produzzjoni, bħall-materjali, l-enerġija u l-manodopera, użati fil-produzzjoni tal-prodott taħt rieżami mill-produttur esportatur u stiednet lill-partijiet interessati jikkummentaw u jipproponu informazzjoni disponibbli għall-pubbliku dwar il-valuri mingħajr distorsjoni għal kull wieħed mill-fatturi ta’ produzzjoni msemmija f’dik in-nota.

(175)

F’konformità mal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni identifikat ukoll sorsi li għandhom jintużaw sabiex jiġu stabbiliti prezzijiet u valuri referenzjarji mingħajr distorsjoni. Is-sors ewlieni li l-Kummissjoni pproponiet li jintuża kien il-Global Trade Atlas (il-“GTA”). Fl-aħħar nett, fuq l-istess nota, il-Kummissjoni identifikat il-kodiċijiet tas-Sistema Armonizzata (SA), jew il-kodiċijiet tal-merkanzija użati, inter alia, fl-UE, fil-Kanada jew fil-Brażil, ta’ fatturi ta’ produzzjoni li abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-partijiet interessati, inizjalment tqiesu li ntużaw għall-analiżi tal-GTA.

(176)

Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati jikkummentaw u jipproponu informazzjoni pubblikament disponibbli dwar valuri mingħajr distorsjoni għal kull wieħed mill-fatturi ta’ produzzjoni msemmija f’dik in-Nota.

(177)

Abbażi tal-proposta li jintuża l-Brażil bħala l-pajjiż rappreżentattiv, il-Kummissjoni informat lill-partijiet interessati fit-Tieni Nota li kienet se tuża l-GTA sabiex tistabbilixxi l-kostijiet mingħajr distorsjoni tal-biċċa l-kbira tal-materja prima.

(b)    Id-data li ntużat sabiex inħadem il-valur normali

(178)

Il-Kummissjoni stabbiliet lista ta’ fatturi ta’ produzzjoni u ta’ sorsi intenzjonati sabiex jintużaw għall-fatturi ta’ produzzjoni kollha, bħall-materjali, l-enerġija u l-manodopera użati fil-produzzjoni tal-prodott taħt rieżami mill-produtturi esportaturi. Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda kumment dwar il-lista ta’ fatturi tal-produzzjoni.

(179)

Meta titqies l-informazzjoni kollha ppreżentata mill-partijiet interessati u miġbura matul l-RCCs, il-fatturi ta’ produzzjoni li ġejjin u s-sorsi tagħhom ġew identifikati sabiex jiġi ddeterminat il-valur normali f’konformità mal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku:

Tabella 1

Fatturi ta’ produzzjoni tal-GOES

Fattur ta’ Produzzjoni

Kodiċi tal-Merkanzija

Valur mingħajr distorsjoni

Unità ta’ kejl

Materja prima

Mineral tal-ħadid

2601 11

729,85

Tunnellata

Sinterizzati

2601 12 10 , 2601 12 90

945,20

Tunnellata

Mineral tal-ħadid

Gagazza tal-ħadid

2619

712,97

Tunnellata

Faħam tal-kokk

2701 12

1 076,38

Tunnellata

Ruttam tal-azzar

7204 10

865,57

Tunnellata

Ferrosiliċju

7202 21

12 766,44

Tunnellata

Ferronijobju

7202 93

155 625,46

Tunnellata

Aluminju

7601 10

14 547,25

Tunnellata

Ferrokromu

7202 41

9 107,45

Tunnellata

Ram

7402

42 514,89

Tunnellata

Ġebla tal-ġir

2521

98,65

Tunnellata

Ġir verġni

2522 10

1 091,01

Tunnellata

Landa

8001 10

586 967,35

Tunnellata

Ferrofosfru

7202 99 10

33 143,39

Tunnellata

Manganiż

8111 00 10 , 8111 00 20 , 8111 00 90

16 138,58

Tunnellata

Ossidu tal-manjeżju (MgO)

2519 90 10 , 2519 90 90 (Franza)

44 837,45

Tunnellata

Oġġetti tal-konsum

Manodopera

Manodopera

 

84,59

kull siegħa ta’ xogħol

Enerġija

Elettriku

2716

8 251,91

KWH

Gass naturali

2711 11

3,42 sa 3,72

m3

Żejt

2710 19 11 , 2710 19 19 , 2710 19 21 , 2710 19 22 , 2710 19 29 , 2710 19 31 , 2710 19 32 , 2710 19 91 , 2710 19 92 , 2710 19 93 , 2710 19 94 , 2710 19 99

2,29

1 000 m3

Kokk

2704 00 11 , 2704 00 12 ,

1 878,96

Tunnellata

2704 00 90

Faħam

2701 11

768,01

Tunnellata

Gass mill-faħam

2705

0,59

1 000 m3

Idroġenu

2804 10 (Il-Kanada)

2,74

m3

(180)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni inkludiet valur għall-ispejjeż ġenerali tal-manifattura sabiex tkopri l-kostijiet mhux inklużi fil-fatturi tal-produzzjoni msemmija hawn fuq, bħad-deprezzament u spejjeż fissi oħrajn li ma jistgħux jiġu kkwantifikati. Minħabba n-nuqqas ta’ data rilevanti fid-data finanzjarja disponibbli għall-pubbliku ta’ Aperam sabiex jiġi stabbilit l-ammont relatat mal-ispejjeż ġenerali, minflok intużat id-data speċifika għall-kumpanija tal-produttur esportatur u ġiet applikata fuq il-kost “ikkalkolat mill-ġdid” tal-manifattura. Il-metodoloġija hija spjegata kif xieraq fit-Taqsima 3.5.1.6.

(181)

Fir-rigward tat-Tieni Nota għall-fajl, l-Eurofer talbet lill-Kummissjoni sabiex tikkalkola l-valur normali direttament f’EUR sabiex tevita distorsjonijiet ikkawżati mir-rati tal-kambju tas-CNY. Sa fejn il-munita użata għall-kalkolu tad-dumping, l-Eurofer ma pprovdiet l-ebda evidenza ta’ distorsjoni. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni wettqet il-kalkolu tad-dumping f’konformità mal-prattika standard tagħha, jiġifieri billi użat il-munita tal-pajjiż esportatur.

(c)    Materja prima

(182)

Sabiex jiġi stabbilit il-prezz mingħajr distorsjoni ta’ materja prima kif ikkonsenjata sax-xatba tal-fabbrika ta’ produttur rappreżentattiv tal-pajjiż, il-Kummissjoni użat bħala bażi l-prezz medju ponderat ta’ importazzjoni fil-pajjiż rappreżentattiv kif irrappurtat fil-GTA li miegħu żdiedu d-dazji fuq l-importazzjoni u l-kostijiet tat-trasport. Prezz tal-importazzjoni fil-pajjiż rappreżentattiv ġie ddeterminat bħala medja ponderata tal-prezzijiet ta’ unità tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi terzi kollha bl-esklużjoni tar-RPĊ u l-pajjiżi li ma humiex membri tad-WTO elenkati fl-Anness 1 tar-Regolament (UE) 2015/755 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (46). Il-Kummissjoni ddeċidiet li teskludi l-importazzjonijiet mir-RPĊ lejn il-pajjiż rappreżentattiv peress li fil-premessa (154) din ikkonkludiet li ma huwiex xieraq li jintużaw prezzijiet u kostijiet domestiċi fir-RPĊ minħabba l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti f’konformità mal-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku. Minħabba li ma hemm l-ebda evidenza li turi li l-istess distorsjonijiet ma jaffettwawx bl-istess mod il-prodotti maħsuba għall-esportazzjoni, il-Kummissjoni qieset li l-istess distorsjonijiet affettwaw il-prezzijiet tal-esportazzjoni. Wara li ġew esklużi l-importazzjonijiet mir-RPĊ lejn il-pajjiż rappreżentattiv, il-volum tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħrajn baqa’ rappreżentattiv (bħala medja aktar minn 90 %).

(183)

Għal numru ta’ fatturi ta’ produzzjoni, il-kostijiet effettivi mġarrba mill-produtturi esportaturi li kkooperaw kienu jirrappreżentaw sehem negliġibbli tal-kostijiet totali tal-materja prima fil-perjodu ta’ investigazzjoni taħt rieżami. Billi l-valur użat għal dawn ma kellu l-ebda impatt apprezzabbli fuq il-kalkoli tal-marġni tad-dumping, irrispettivament mis-sors użat, il-Kummissjoni ddeċidiet li tinkludi dawk il-kostijiet f’oġġetti tal-konsum kif spjegat fil-premessa (209).

(184)

Il-Kummissjoni esprimiet il-kost tat-trasport imġarrab mill-produttur esportatur li kkoopera għall-provvista ta’ materja prima bħala perċentwal tal-kost attwali ta’ materja prima bħal din u mbagħad applikat l-istess perċentwal għall-kost mingħajr distorsjoni tal-istess materja prima sabiex jinkiseb il-kost mingħajr distorsjoni tat-trasport. Il-Kummissjoni kkunsidrat li, fil-kuntest ta’ din l-investigazzjoni, il-proporzjon bejn il-materja prima tal-produttur esportatur u l-kostijiet tat-trasport irrapportati jista’ jintuża b’mod raġonevoli bħala indikazzjoni biex jiġu stmati l-kostijiet mingħajr distorsjoni tat-trasport tal-materja prima meta tiġi kkonsenjata lill-fabbrika tal-kumpanija.

(185)

Fir-rigward tal-Ewwel Nota, il-Baoshan Group afferma li għal ċerta materja prima (l-idroġenu, in-nitroġenu, l-ossiġenu u l-landa) il-prezzijiet fil-Brażil kienu ħafna ogħla milli fir-Russja, l-aktar minħabba livell baxx ħafna ta’ importazzjonijiet fil-Brażil. F’dan il-kuntest, huwa stieden lill-Kummissjoni tuża sorsi alternattivi bbażati fuq l-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku bħall-prezzijiet internazzjonali jew il-kostijiet domestiċi fiċ-Ċina.

(186)

Il-Kummissjoni qieset li l-ossiġenu, in-nitroġenu u l-landa ġew importati fi kwantitajiet rappreżentattivi fil-Brażil. Konsegwentement, l-asserzjoni relatata ma’ din il-materja prima ġiet għall-ewwel miċħuda. Madankollu, f’dak li għandu x’jaqsam mal-idroġenu, il-Kummissjoni osservat li l-livelli tal-importazzjonijiet u d-differenzi fil-prezzijiet kienu tabilħaqq sinifikanti. Għalhekk, il-Kummissjoni qieset li l-użu tad-data tal-akbar esportatur tal-idroġenu fid-dinja; jiġifieri l-Kanada, kienet l-aktar xierqa. Fin-nuqqas ta’ differenzi sinifikanti fil-livelli tal-importazzjonijiet u l-prezzijiet tal-landa, il-Kummissjoni qagħdet fuq l-importazzjonijiet lejn il-Brażil fit-totalità.

(187)

Fir-rigward tat-Tieni Nota, il-Baoshan Group saħaq li l-prezzijiet tal-importazzjoni kkalkolati għan-nitroġenu u l-ossiġenu fil-Brażil kienu neqsin peress li kien hemm differenzi sinifikanti fil-prezz tal-unità skont il-pajjiż tal-oriġini. Dan iddikjara li l-prezz tal-importazzjoni tan-nitroġenu u l-ossiġenu li joriġinaw fil-Paragwaj kien, rispettivament, 11-il darba u 8 darbiet anqas mill-prezz medju tal-importazzjoni, u b’hekk jindika differenzi sinifikanti fil-prezzijiet tal-importazzjoni skont il-pajjiż tal-oriġini. Barra minn hekk, huwa argumenta li l-Paragwaj kien jirrappreżenta rispettivament aktar minn 98 % u 70 % tal-volum tal-importazzjoni għan-nitroġenu u l-ossiġenu. Barra minn hekk, il-Baoshan Group argumenta li l-kost unitarju għal din il-materja prima kien ferm aktar baxx mill-prezz medju tal-importazzjoni. Fuq din il-bażi u meta wieħed iqis is-sehem ta’ dawn iż-żewġ materji primi, il-Baoshan Group ippropona li n-nitroġenu u l-ossiġenu jiġu ttrattati bħala oġġetti ta’ konsum jew li wieħed joqgħod fuq il-prezz tal-importazzjoni tan-nitroġenu u l-ossiġenu li joriġinaw fil-Paragwaj biss.

(188)

Fid-dawl tas-sehem tal-kost tan-nitroġenu u tal-ossiġenu fil-kost tal-manifattura u d-differenzi fil-prezzijiet osservati, il-Kummissjoni qieset li kien xieraq li dawn il-materji primi jitqiesu bħala oġġetti ta’ konsum.

(189)

Fir-rigward tal-Ewwel Nota, l-industrija tal-Unjoni ddikjarat li kien meħtieġ grad partikolarment għoli ta’ minerali tal-ħadid u ossidu tal-manjeżju fil-manifattura tal-GOES u li l-istatistika dwar l-importazzjoni, ibbażata fuq il-kodiċijiet tas-SA jew tal-pajjiż rappreżentattiv, li normalment jinkludu l-gradi kollha, ma rriflettietx dan.

(190)

Il-Kummissjoni qieset li din l-affermazzjoni kienet iġġustifikata peress li l-GOES huwa tabilħaqq prodott sofistikat ħafna, ħafna aktar għali minn tipi regolari ta’ azzar u jeħtieġ riċetti speċjali u materja prima ta’ kwalità għolja ħafna/ta’ grad għoli anke fil-livell upstream tal-produzzjoni tal-ħadid. Peress li d-data pprovduta mill-produttur esportatur ma ppermettietx lill-Kummissjoni li tagħżel il-gradi tal-mineral tal-ħadid użati speċifikament fil-manifattura tal-GOES, il-Kummissjoni qieset li l-prezz tal-mineral tal-ħadid 66 % konċentrat tal-Fe kif irrapportat minn Fastmarkets (47) kien l-aktar valur referenzjarju xieraq.

(191)

Il-Kummissjoni qieset li l-ossidu tal-manjeżju (“MgO”) użat fil-manifattura tal-GOES huwa ta’ kwalità ferm ogħla minn dak importat lejn il-Brażil. Il-kodiċijiet doganali tal-pajjiż rappreżentattiv għall-MgO jinkludu aktar gradi ta’ MgO minn dak speċifiku ħafna użat fil-manifattura tal-GOES. Barra minn hekk, tali MgO huwa manifatturat minn ftit produtturi, li jinsabu fi ftit pajjiżi, li wieħed minnhom huwa Franza. Tabilħaqq, it-tip ta’ MgO użat għall-GOES irrapportat mill-produttur esportatur Ċiniż u mill-industrija tal-Unjoni huwa ħafna drabi aktar għali mill-MgO importat fil-Brażil. Għalhekk, l-MgO importat fil-Brażil ma huwiex parametru referenzjarju adegwat għall-MgO għall-manifattura tal-GOES. B’riżultat ta’ dan, il-Kummissjoni qieset li l-esportazzjonijiet, kif iddikjarati fil-Comext, minn Franza bħala produttur prinċipali tal-MgO għall-GOES lejn il-pajjiżi fejn jiġi prodott il-GOES (48), bl-esklużjoni ta’ dawk li jmorru lejn ir-RPĊ u dawk li jibqgħu fl-Unjoni, kienet parametru referenzjarju xieraq li jirrifletti l-prezzijiet internazzjonali barra mill-Unjoni u ċ-Ċina.

(192)

Il-Kummissjoni qieset li l-prezzijiet tal-importazzjoni fil-Brażil kif irrapportati mill-Global Trade Atlas (“GTA”) ma kinux rappreżentattivi għall-Faħam tal-Kokk u għall-Arja Kkompressata. Barra minn hekk, dawn il-prezzijiet qajmu kwistjonijiet serji ta’ konverżjoni.

(193)

Fin-nuqqas ta’ informazzjoni speċifika dwar il-gradi tal-faħam tal-kokk użati mill-produttur esportatur Ċiniż, il-Kummissjoni qieset li l-prezz tal-faħam tal-kokk iebes primjum - li għandu l-ogħla kwalità - kif irrapportat minn Fastmarkets kien xieraq. Tabilħaqq, l-investigazzjoni żvelat li l-prezz ta’ referenza tal-ogħla grad tal-faħam tal-kokk kien għadu aktar baxx mill-prezz irrapportat mill-produttur esportatur għax-xiri tiegħu tal-faħam tal-kokk. Din hija indikazzjoni oħra li l-produttur esportatur uża faħam tal-kokk ta’ kwalità għolja ħafna fil-proċess tal-produzzjoni tiegħu.

(194)

Fir-rigward tal-arja kkompressata, il-produttur esportatur irrapporta l-konsum tiegħu f’metri kubiċi, filwaqt li l-importazzjonijiet fil-Brażil huma rrapportati biss f’kg u l-Kummissjoni ma setgħetx issib fattur ta’ konverżjoni xieraq. Fi kwalunkwe każ, l-arja kkompressata kienet tirrappreżenta parti negliġibbli mill-kost totali tal-manifattura tal-produttur esportatur. Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni ttrattat dan il-fattur ta’ produzzjoni bħala prodott għall-konsum.

(195)

Ma kien hemm l-ebda importazzjoni ta’ Ferronijobju (“Fe-Nb”) irrapportata fil-Brażil fil-perjodu ta’ investigazzjoni. Għalhekk, għall-Fe-Nb, il-Kummissjoni użat ukoll id-data tal-akbar esportatur fid-dinja, jiġifieri l-Brażil, bl-istess approċċ kif imsemmi fil-premessa (186) għall-idroġenu.

(196)

Fir-rigward tal-gass tal-faħam, il-produttur esportatur irrapporta l-konsum tiegħu f’metri kubiċi, filwaqt li l-importazzjonijiet fil-Brażil huma rrapportati biss f’kg u l-Kummissjoni ma setgħetx issib fattur ta’ konverżjoni għall-gass tal-faħam. Barra minn hekk, l-importazzjonijiet fil-Brażil tal-gass tal-faħam kienu biss ta’ 58 kg. Għalhekk, il-Kummissjoni kkalkolat il-prezz referenzjarju tal-gass tal-faħam abbażi tal-prezz tal-gass naturali fil-pajjiż rappreżentattiv, filwaqt li kkontrollat il-valur tas-sħana taż-żewġ gassijiet.

(197)

Fir-rigward tat-Tieni Nota, l-Eurofer issottomettiet kummenti relatati ma’ ċerta materja prima u oġġetti tal-konsum użati fil-manifattura tal-GOES. Huwa talab ukoll lill-Kummissjoni sabiex tqis it-trasport domestiku lejn il-produttur esportatur Ċiniż.

(198)

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni qieset li l-informazzjoni pprovduta mill-Baoshan Group kienet tirrifletti l-fatturi rilevanti kollha tal-produzzjoni anke jekk il-proċess tal-manifattura kien differenti. Barra minn hekk, il-kalkolu tal-Kummissjoni jqis it-trasport domestiku kif spjegat fil-premessa (184).

(d)    Manodopera

(199)

Fit-Tieni Nota, il-Kummissjoni pproponiet li tuża l-kost tal-manodopera tal-produttur tal-GOES fil-pajjiż rappreżentattiv, APERAM, sabiex tistabbilixxi l-valur mingħajr distorsjoni għall-kost tal-manodopera. L-ebda parti interessata ma ressqet kummenti f’dan ir-rigward. Hekk kif saret disponibbli d-data finanzjarja tal-2020, il-Kummissjoni kkalkolat mill-ġdid il-kost tal-manodopera bħala medja tad-data tal-2019 u tal-2020 sabiex tirrifletti l-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami.

(e)    Elettriku

(200)

Fit-Tieni Nota, il-Kummissjoni pproponiet li tuża t-tariffa tal-prezz tal-elettriku rrapportata mis-CEMIG - il-fornitur tal-elettriku fl-istat Brażiljan ta’ Minais Gerais, fejn jinsab l-uniku manifattur tal-GOES Brażiljan (49), sabiex tistabbilixxi l-valur mingħajr distorsjoni għall-kost tal-elettriku. L-ebda parti interessata ma ressqet kummenti f’dan ir-rigward.

(f)    Gass naturali

(201)

Fit-Tieni Nota, il-Kummissjoni pproponiet li tuża l-prezz tal-gass naturali għall-utenti industrijali rrapportat mill-GASMIG – fornitur fl-istat Brażiljan ta’ Minais Gerais fejn jinsab il-manifattur tal-GOES (50). Il-Kummissjoni użat id-data tal-prezzijiet tal-gass industrijali fil-limiti ta’ konsum korrispondenti. Il-Kummissjoni kkalkolat il-prezz referenzjarju abbażi tat-tariffi tal-GASMIG applikabbli fil-perjodu ta’ investigazzjoni. Il-prezz referenzjarju jinkludi t-taxxi (Tarifa com impostos). L-ebda parti interessata ma ressqet kummenti f’dan ir-rigward.

(g)    Spejjeż ġenerali tal-manifattura, SG&A, profitti u deprezzament

(202)

Skont l-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, “il-valur normali maħdum għandu jinkludi ammont raġonevoli u mingħajr distorsjoni għal kostijiet amministrattivi, tal-bejgħ u ġenerali u għal profitti”. Barra minn hekk, kien jeħtieġ li jiġi stabbilit valur għall-ispejjeż ġenerali tal-manifattura sabiex ikopri l-kostijiet mhux inklużi fil-fatturi ta’ produzzjoni msemmija hawn fuq.

(203)

Fl-Ewwel u fit-Tieni Nota tagħha, il-Kummissjoni indikat li kienet se tuża d-data finanzjarja ta’ Aperam u għamlet id-data finanzjarja ta’ Aperam għall-2019 disponibbli f’dan ir-rigward. Madankollu, wara analiżi ulterjuri u l-esklużjoni tal-ispejjeż u d-dħul mhux operatorji, deher li fl-2019 Aperam kienet qiegħda tagħmel telf. Għalhekk, id-data tagħha għall-2019 ma setgħetx tintuża.

(204)

Id-data finanzjarja ta’ Aperam għas-sena kalendarja 2020 saret disponibbli għall-Kummissjoni matul il-proċediment. Wara l-esklużjoni tal-ispejjeż u d-dħul mhux operatorji, Aperam irrapportat profitt. F’konformità mat-talba tal-Eurofer li tuża r-rapporti finanzjarji tal-2020, il-Kummissjoni kkalkolat il-perċentwali tas-SG&A u l-profitt abbażi tar-rapporti finanzjarji ta’ Aperam għal dik is-sena. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qieset li f’dan il-każ kien aktar xieraq li tintuża d-data konsolidata ta’ Aperam milli toqgħod fuq ir-rapporti finanzjarji għall-entitajiet relatati li hija kienet tikkontrolla. Tabilħaqq, l-approċċ konsolidat jipprovdi stampa aktar preċiża tal-operazzjonijiet ta’ Aperam u jnaqqas il-profitti interkorporattivi, li ma humiex identifikabbli fil-kontijiet individwali, mir-riżultati finanzjarji tagħha. Barra minn hekk, kemm il-kontijiet konsolidati kif ukoll dawk individwali ta’ Aperam ma jirrigwardjawx esklużivament il-produzzjoni tal-GOES. Għalhekk, l-użu tad-data konsolidata ma jagħmilx id-data anqas preċiża. Konsegwentement, l-SG&A mingħajr distorsjoni u l-profitt kienu bbażati fuq ir-rapporti finanzjarji tal-2020 ta’ Aperam.

(205)

Il-kostijiet indiretti tal-manifattura mġarrba mill-produtturi esportaturi li kkooperaw ġew espressi bħala sehem mill-kostijiet tal-manifattura effettivament imġarrba mill-produtturi esportaturi. Dan il-perċentwal ġie applikat għall-kostijiet tal-manifattura mingħajr distorsjoni.

3.5.1.6.   Il-kalkolu

(206)

Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni ħadmet il-valur normali għal kull tip ta’ prodott fuq bażi ex-works, f’konformità mal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku.

(207)

L-ewwel, il-Kummissjoni stabbiliet il-kostijiet mingħajr distorsjoni tal-manifattura. Il-Kummissjoni applikat il-kostijiet unitarji mingħajr distorsjoni għall-konsum effettiv tal-fatturi individwali tal-produzzjoni tal-produttur esportatur li kkoopera. Dawn il-proporzjonijiet ta’ konsum ipprovduti mill-Baoshan Group ġew ivverifikati matul l-RCC. Kif indikat fil-premessa (47) hawn fuq, wara l-RCC, il-Kummissjoni bagħtet ittra (“l-ittra tal-Artikolu 18”) lill-Baoshan Group fejn tindika l-intenzjoni tagħha li terġa’ lura għall-fatti disponibbli u li tapplika l-Artikolu 18(1) tar-Regolament bażiku fir-rigward tal-kalkolu tas-sigħat ta’ xogħol allokati għall-manifattura tal-GOES. Dwar is-sustanza, il-Kummissjoni qieset li l-allokazzjoni tal-manodopera tal-Baoshan Group ma kinitx appoġġjata minn evidenza vverifikata u affidabbli. Fil-kummenti tiegħu għall-ittra tal-Artikolu 18, il-Baoshan Group ipprovda l-istess evidenza ta’ sostenn li pprovda matul l-RCC. Billi dawk id-dokumenti ma wrewx kemm sigħat kull impjegat kien ħadem kuljum, il-Kummissjoni kkonfermat l-intenzjoni tagħha u applikat il-fatti disponibbli fir-rigward tal-allokazzjoni ta’ sigħat ta’ xogħol għall-manifattura tal-GOES. Meta għamlet dan, il-Kummissjoni kkalkolat mill-ġdid in-numru ta’ sigħat ta’ xogħol allokati għall-manifattura tal-GOES billi qasmet il-kost tal-manodopera totali ta’ Baosteel u WISCO bil-kost rispettiv fis-siegħa kkalkolat għal kull ħaddiem għad-dipartiment tal-azzar tas-siliċju taż-żewġ kumpaniji. Konsegwentement, is-sigħat ta’ xogħol ikkalkolati u rrapportati minn Baosteel u WISCO ġew sostitwiti bil-valuri rispettivi kkalkolati mill-ġdid mill-Kummissjoni.

(208)

Il-Kummissjoni mmultiplikat il-proporzjonijiet tal-konsum bil-kostijiet mhux distorti għal kull unità osservati fil-pajjiż rappreżentattiv, il-Brażil, kif deskritt fit-Taqsima 3.5.1.5.

(209)

It-tieni, sabiex tasal għal kostijiet totali mingħajr distorsjoni tal-manifattura, il-Kummissjoni żiedet l-ispejjeż ġenerali tal-manifattura. L-ispejjeż ġenerali tal-manifattura mġarrba mill-produtturi esportaturi li kkooperaw żdiedu bil-kostijiet tal-materja prima u l-oġġetti konsumabbli msemmija fil-premessa (187) u sussegwentement espressi bħala sehem tal-kostijiet tal-manifattura li fil-fatt ġew imġarrba minn kull wieħed mill-produtturi esportaturi. Dan il-perċentwal ġie applikat għall-kostijiet tal-manifattura mingħajr distorsjoni.

(210)

Għall-kostijiet tal-produzzjoni stabbiliti kif deskritt fil-premessa preċedenti, il-Kummissjoni applikat l-SG&A u l-profitt ta’ Aperam. L-SG&A espressi bħala perċentwal tal-kost tal-prodotti mibjugħa (“COGS”) u applikati għall-kost totali mingħajr distorsjoni tal-manifattura, kienu jammontaw għal 13,5 %. Il-profitt, espress bħala perċentwal tas-COGS u applikat għall-kostijiet tal-produzzjoni mingħajr distorsjoni, ammonta għal 7,6 %.

(211)

Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni bniet il-valur normali għal kull tip ta’ prodott fuq bażi ex-works f’konformità mal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku.

(212)

Fir-rigward tat-Tieni Nota, l-Eurofer issuġġeriet li l-valur normali jiġi kkalkolat abbażi tal-prezzijiet tal-esportazzjoni Ċiniżi lejn l-Istati Uniti skont l-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku.

(213)

Kif imsemmi fil-premessa (154), il-Kummissjoni kkonkludiet li, f’dan il-każ, ma kienx xieraq li jintużaw prezzijiet u kostijiet domestiċi sabiex jiġi stabbilit il-valur normali. Konsegwentement, il-Kummissjoni kellha taħdem valur normali f’konformità mal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, li ma jipprevedix l-użu tal-prezzijiet tal-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi.

3.5.1.7.   Prezz tal-esportazzjoni

(214)

Peress li l-Baoshan Group esporta l-prodott taħt rieżami lejn l-Unjoni permezz ta’ diversi kumpaniji relatati li aġixxew bħala importatur, il-prezz tal-esportazzjoni ġie stabbilit abbażi tal-prezz li bih il-prodott importat reġa’ nbiegħ għall-ewwel darba lil klijenti indipendenti fl-Unjoni, f’konformità mal-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku. F’dan il-każ, l-aġġustamenti tal-prezz saru għall-kostijiet kollha mġarrba bejn l-importazzjoni u l-bejgħ mill-ġdid, inkluż għall-ispejjeż SG&A, u għall-profitti dovuti.

3.5.1.8.   Tqabbil

(215)

Il-Kummissjoni qabblet il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni tal-Baoshan Group fuq bażi ex-works.

(216)

Fejn iġġustifikat mill-ħtieġa li jiġi żgurat tqabbil ġust, il-Kummissjoni aġġustat il-valur normali u/jew il-prezz tal-esportazzjoni għad-differenzi li jaffettwaw il-prezzijiet u l-komparabbiltà tal-prezzijiet, f’konformità mal-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku. Saru aġġustamenti għall-kostijiet tat-trasport tal-merkanzija bil-baħar, tal-assigurazzjoni u tal-kreditu.

3.5.1.9.   Marġnijiet tad-dumping

(217)

Għall-Baoshan Group, l-uniku produttur esportatur li kkoopera, il-Kummissjoni qabblet il-valur normali medju ponderat ta’ kull tip tal-prodott simili mal-prezz tal-esportazzjoni medju ponderat tat-tip korrispondenti tal-prodott taħt rieżami, f’konformità mal-Artikolu 2(11) u (12) tar-Regolament bażiku.

(218)

It-tqabbil kif deskritt hawn fuq ma wera l-ebda dumping.

3.5.2.   Il-probabbiltà ta’ rikorrenza tad-dumping

(219)

Il-Kummissjoni investigat, f’konformità mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, il-probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ dumping, jekk il-miżuri jiġu revokati. Ġew analizzati l-elementi li ġejjin: l-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi, il-kapaċità tal-produzzjoni u l-kapaċità ta’ riżerva fiċ-Ċina u l-attraenza tas-suq tal-Unjoni.

(a)    Esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi

(220)

Il-Kummissjoni sabet li matul il-PIR, il-Baoshan Group esporta kwantitajiet sinifikanti ħafna tal-bejgħ totali tal-esportazzjoni tiegħu lejn swieq terzi għajr l-UE, fejn il-prezzijiet minimi tal-importazzjoni ma japplikawx.

(221)

Meta jitqabbel il-valur normali maħdum stabbilit f’konformità mal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku mal-prezzijiet tal-esportazzjoni għall-akbar swieq tal-bejgħ tal-esportazzjoni għall-grupp – l-Indja u l-Messiku – li jammontaw għal madwar [35 sa 70 %] tal-bejgħ kollu tal-esportazzjoni, il-Kummissjoni stabbiliet li l-prezzijiet tal-esportazzjoni kienu 20 % anqas mill-valur normali stabbilit għall-Baoshan Group.

(222)

Fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni minn produtturi esportaturi Ċiniżi oħrajn, il-Kummissjoni kellha tiddependi fuq il-fatti disponibbli. F’dan ir-rigward, hija użat l-istatistika Ċiniża dwar l-esportazzjoni kif irrapportata fil-GTA sabiex tivvaluta l-prezzijiet tal-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi. Fuq din il-bażi, l-istatistika Ċiniża dwar l-esportazzjoni rrapportat prezz medju tal-esportazzjoni miċ-Ċina li kien taħt l-anqas PMI applikabbli fl-UE fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami u għalhekk taħt il-prezz tal-esportazzjoni tal-Baoshan Group.

(223)

Għalhekk, tqies probabbli li, kieku l-miżuri attwali kellhom jitħassru, il-produtturi esportaturi Ċiniżi jibdew jbigħu lill-Unjoni f’livelli ta’ dumping.

(b)    Kapaċità ta’ produzzjoni u kapaċità ta’ riżerva fiċ-Ċina

(224)

Minbarra l-Baoshan Group, li huwa l-uniku esportatur lejn l-UE, hemm mill-anqas tmien produtturi esportaturi oħrajn tal-GOES fiċ-Ċina. Skont l-istatistika Ċiniża dwar l-esportazzjoni kif irrapportata fil-GTA, il-produtturi esportaturi Ċiniżi l-oħrajn esportaw ukoll lejn il-bqija tad-dinja (51).

(225)

L-istimi tal-Eurofer ipprovduti fit-talba għal rieżami ta’ skadenza fir-rigward tal-kapaċità tal-produzzjoni tal-Baoshan Group kienu qrib ħafna tad-data attwali tal-Baoshan Group. Fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni minn produtturi esportaturi oħrajn fiċ-Ċina, il-Kummissjoni kellha tibbaża s-sejbiet tagħha fuq il-fatti disponibbli sabiex tivvaluta l-kapaċità tal-produtturi esportaturi l-oħrajn, u qagħdet fuq l-informazzjoni li tinsab fit-talba għal rieżami ta’ skadenza.

(226)

L-informazzjoni li tinsab fit-talba għal rieżami ta’ skadenza stmat il-kapaċità Ċiniża totali għal 1 810 000 tunnellata, filwaqt li l-produzzjoni kienet stmata għal 1 220 000 tunnellata. Il-konsum Ċiniż kien stmat għal 1 020 000 tunnellata. Abbażi ta’ dan, il-kapaċità ta’ riżerva fiċ-Ċina kienet stmata għal 600 000 tunnellata, li taqbeż b’mod sinifikanti l-konsum totali tal-UE (265 000 sa 280 000) fil-PIR. Barra minn hekk, xi swieq ewlenin bħall-Istati Uniti huma protetti minn tariffi għoljin ta’ 25 %, li jnaqqas l-aċċess tal-produtturi esportaturi Ċiniżi.

(227)

Fuq din il-bażi, huwa probabbli li l-produtturi Ċiniżi jidderieġu l-kapaċitajiet ta’ riżerva tagħhom lejn is-suq tal-Unjoni fi kwantitajiet kbar jekk il-miżuri jiskadu u jibdew ibigħu bi prezzijiet oġġett ta’ dumping.

(c)    L-attraenza tas-suq tal-Unjoni

(228)

Kif diġà nstab fil-premessa (82) hawn fuq, is-suq tal-Unjoni huwa fost l-akbar swieq tal-GOES madwar id-dinja.

(229)

Il-livelli tal-prezzijiet fl-Unjoni huma ġeneralment ogħla b’mod sinifikanti mill-prezzijiet tal-esportazzjoni tal-produtturi Ċiniżi lejn pajjiżi terzi.

(230)

Id-daqs tas-suq tal-Unjoni u d-differenzi fil-prezzijiet urew l-attraenza tas-suq tal-Unjoni.

(d)    Konklużjoni

(231)

Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, ġie konkluż li kien hemm probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ dumping jekk il-miżuri jitħallew jiskadu.

3.6.   Il-Federazzjoni Russa

3.6.1.   Dumping matul il-perjodu tal-investigazzjoni tar-rieżami

3.6.1.1.   Rimarki preliminari

(232)

Fin-nuqqas ta’ koperazzjoni minn kwalunkwe produttur esportatur Russu, kif indikat fil-premessa (23), il-Kummissjoni bbażat l-analiżi tagħha, inkluż il-kalkolu tad-dumping, fuq il-fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

(233)

Konsegwentement, il-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ dumping ġiet ivvalutata bl-użu tal-informazzjoni li tinsab fit-talba għal rieżami ta’ skadenza, flimkien ma’ sorsi oħrajn ta’ informazzjoni bħall-Eurostat u l-GTA.

3.6.1.2.   Dumping

(a)    Valur normali

(234)

Billi data affidabbli dwar il-prezzijiet fis-suq domestiku Russu ma kinitx disponibbli, il-Kummissjoni stabbiliet valur normali maħdum bl-użu tal-metodoloġija u l-valuri li jinsabu fit-talba għal rieżami ta’ skadenza.

(b)    Prezz tal-esportazzjoni

(235)

Il-prezz tal-esportazzjoni lejn l-Unjoni ġie stabbilit abbażi tad-data tal-Eurostat matul il-PIR.

(c)    Tqabbil

(236)

Il-valur normali u l-prezzijiet tal-esportazzjoni tqabblu fuq bażi ex-works. Għal dan il-għan, il-kostijiet tal-konsenja u tal-assigurazzjoni tnaqqsu abbażi tal-informazzjoni disponibbli fit-talba (EUR 202,67/tunnellata). Għalhekk, il-valur normali ex-works stabbilit b’dan il-mod kien ta’ EUR 1 642/tunnellata, filwaqt li l-prezz tal-esportazzjoni ex-works kien ta’ EUR 797,5/tunnellata matul il-PIR.

(d)    Dumping

(237)

Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni stabbiliet differenza fil-prezz ta’ madwar 80 % u kkonkludiet li d-dumping kompla matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami.

(238)

Wara d-divulgazzjoni, il-Gvern Russu saħaq li l-livell tal-marġni tad-dumping li nstab kien dubjuż fid-dawl tal-livell għoli tiegħu u li l-Kummissjoni kellha tivverifika l-informazzjoni dwar il-valur normali pprovduta fit-talba għal rieżami ta’ skadenza b’ċirkospezzjoni speċjali. Huwa żied ukoll li, meta tintuża informazzjoni sekondarja, il-Kummissjoni jenħtieġ li tkun ivverifikat tali informazzjoni kontra sorsi indipendenti oħrajn f’konformità mal-paragrafu 7 tal-Anness II “L-aħjar informazzjoni disponibbli f’termini tal-paragrafu 8 tal-Artikolu 6” tal-Ftehim dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ 1994 (“ADA”).

(239)

Il-Kummissjoni qieset li l-informazzjoni pprovduta fit-talba għal rieżami ta’ skadenza dwar il-valur normali għall-produtturi esportaturi Russi kienet akkurata u adegwata biżżejjed. Barra minn hekk, l-ebda parti interessata ma pprovdiet kummenti dwar l-informazzjoni pprovduta fit-talba għal rieżami ta’ skadenza. Fl-aħħar nett, l-ebda produttur esportatur Russu ma pprovda data rilevanti relatata mal-istabbiliment tal-valur normali. Barra minn hekk, ma ġie pprovdut l-ebda sors indipendenti ieħor mill-Gvern Russu jew minn kwalunkwe parti interessata. F’dawn iċ-ċirkostanzi, u fin-nuqqas ta’ kwalunkwe sors ieħor ta’ data, il-Kummissjoni qieset li kienet ibbażat fuq l-aħjar informazzjoni disponibbli għaliha rigward il-valur normali. Fl-aħħar nett, il-paragrafu 7 tal-Anness II tal-ADA jipprevedi wkoll li jekk parti interessata ma tikkoperax u b’hekk l-informazzjoni rilevanti tkun qed tinżamm mill-awtoritajiet, tali sitwazzjoni tista’ twassal għal riżultat li jkun inqas favorevoli milli kieku l-parti kienet ikkoperat bis-sħiħ. Fuq din il-bażi, din l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

3.6.2.   Il-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni ta’ dumping jekk il-miżuri jiġu revokati

(240)

Il-Kummissjoni analizzat jekk id-dumping kienx probabbli li jkompli jekk il-miżuri anti-dumping attwali jitħallew jiskadu. Meta għamlet dan, hija eżaminat il-produzzjoni u l-kapaċità ta’ riżerva fir-Russja u l-attraenza tas-suq tal-Unjoni. Fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni mill-produtturi Russi, il-Kummissjoni kellha tiddependi fuq il-fatti disponibbli.

(a)    Kapaċità ta’ riżerva

(241)

Skont il-fatti disponibbli inklużi fit-talba għal rieżami, ir-Russja għandha kapaċità ta’ produzzjoni stmata ta’ madwar 332 000 tunnellata. Il-Kummissjoni stmat il-produzzjoni Russa għal 274 000 tunnellata. Għalhekk, il-kapaċità ta’ produzzjoni ta’ riżerva ġiet stabbilita għal madwar 58 000 tunnellata, li jirrappreżentaw aktar minn [16 sa 22] % tal-konsum tal-GOES tal-Unjoni.

(242)

Anke jekk il-Kummissjoni użat l-informazzjoni sottomessa mill-NLMK fis-sottomissjoni tagħha tal-11 ta’ Diċembru 2020, il-kapaċità ta’ produzzjoni ta’ riżerva xorta tammonta għal [20 000 sa 50 000] tunnellata u tirrappreżenta madwar [7 sa 19] % tal-konsum tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, l-NLMK ma pprovdietx evidenza ta’ sostenn dwar il-kapaċità tal-produzzjoni tagħha. Barra minn hekk, għal xi snin li għaddew, il-produzzjoni kienet ogħla mill-kapaċità li tqajjem dubji fuq il-kapaċità tal-produzzjoni attwali rrapportata mill-NLMK fis-sottomissjoni tagħha.

(243)

Wara d-divulgazzjoni, l-NLMK issottomettiet li l-Kummissjoni kellha tivverifika u toqgħod fuq l-informazzjoni li kienet issottomettiet fiż-żmien dovut rigward il-kapaċità, il-produzzjoni u l-użu tal-kapaċità Russi u li tali verifika kienet tippermetti lill-Kummissjoni tiċċara d-dubji mqajma fil-premessa (242).

(244)

Kif imsemmi fil-premessa (23), l-NLMK stess kienet indikat, fis-sottomissjoni tagħha tal-10 ta’ Diċembru 2020, li kienet obbligata tieqaf taħdem fuq it-tweġiba għall-kwestjonarju u ma pprovditx tweġiba sħiħa għall-kwestjonarju sal-iskadenza estiża, iżda biss informazzjoni frammentarja limitata għall-kapaċità u l-produzzjoni speċifiċi tagħha.

(245)

F’dan il-każ, il-Kummissjoni qieset li l-informazzjoni pprovduta mill-NLMK kienet wisq frammentarja biex wieħed jasal għal konklużjonijiet sinifikanti. Fi kwalunkwe każ, kif imsemmi fil-premessa (242), il-Kummissjoni qieset l-informazzjoni pprovduta mill-NLMK f’dan ir-rigward u waslet għal konklużjoni simili f’dak li għandu x’jaqsam mal-eżistenza tal-kapaċità ta’ riżerva. Fuq din il-bażi, din l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(b)    L-attraenza tas-suq tal-Unjoni

(246)

L-investigazzjoni kkonfermat li s-suq tal-Unjoni huwa attraenti għall-produtturi Russi għar-raġunijiet li ġejjin:

(247)

L-ewwel nett, is-suq tal-Unjoni huwa fost l-akbar fid-dinja.

(248)

It-tieni, f’termini ta’ prezzijiet, kif muri fil-premessa (271) hawn taħt, il-livell medju tal-prezzijiet tal-importazzjonijiet Russi fis-suq tal-Unjoni huwa anqas minn dak tal-produtturi tal-Unjoni, u għalhekk l-esportazzjonijiet x’aktarx li jkomplu jiżdiedu jekk il-miżuri jiġu revokati.

(249)

It-tielet, parti kbira mill-produzzjoni fir-Russja hija diretta għall-esportazzjonijiet (aktar minn 86 % tal-produzzjoni hija destinata għall-esportazzjonijiet), filwaqt li l-konsum domestiku huwa kważi kompletament sodisfatt mill-produtturi fir-Russja.

(250)

Fis-sottomissjoni tagħha tal-11 ta’ Diċembru 2020, l-NLMK sostniet li l-UE ma hijiex suq ta’ prijorità peress li l-importazzjonijiet naqsu b’mod sinifikanti mill-investigazzjoni oriġinali. Il-Kummissjoni nnotat li, anke jekk l-esportazzjonijiet tal-NLMK lejn l-UE naqsu mill-investigazzjoni oriġinali, xorta waħda jammontaw għal sehem sinifikanti tal-konsum tal-UE u żdiedu matul il-perjodu kkunsidrat kif jista’ jiġi osservat fit-Tabella 3 ta’ hawn taħt. Għalhekk, għall-kuntrarju tad-dikjarazzjoni magħmula mill-NLMK, is-suq tal-Unjoni jibqa’ suq ta’ destinazzjoni importanti għall-esportazzjonijiet mir-Russja.

(251)

Wara d-divulgazzjoni, l-NLMK allegat li s-suppożizzjoni tal-Kummissjoni li ċertu suq huwa attraenti sempliċiment minħabba d-daqs kbir tiegħu hija żbaljata. F’dan ir-rigward, l-NLMK irreferiet ukoll għall-fatt li s-suq tal-Unjoni ma attira l-ebda importazzjoni żejda sostanzjali minn pajjiżi terzi mhux fil-mira, minkejja li dawk il-pajjiżi kellhom aċċess għas-suq favorevoli meta mqabbla mal-esportaturi mill-pajjiżi kkonċernati. Hija allegat ukoll li l-argument dwar il-livell baxx tal-prezzijiet tal-importazzjonijiet Russi huwa żbaljat għaliex il-prezzijiet medji tal-produtturi Russi u tal-Unjoni ma humiex komparabbli minħabba l-fatt li t-tipi ta’ prodotti mibjugħin mill-partijiet rispettivi ma humiex f’kompetizzjoni diretta ma’ xulxin. Barra minn hekk, wara d-divulgazzjoni, il-Gvern Russu ddikjara li ma kienx jaqbel mal-Kummissjoni li s-suq tal-Unjoni huwa suq attraenti għall-produtturi esportaturi Russi għar-raġunijiet li ġejjin: il-produtturi esportaturi Russi qed jiffukaw fuq is-suq domestiku tagħhom, u l-esportazzjonijiet tagħhom kienu prinċipalment orjentati mill-ġdid lejn il-pajjiżi Ażjatiċi. Barra minn hekk, huma affermaw li l-eżistenza ta’ miżuri anti-dumping fixklu l-valutazzjoni tal-prezzijiet tal-importazzjoni lejn l-Unjoni.

(252)

Il-Kummissjoni ma qablitx ma’ dawn l-asserzjonijiet. Id-daqs ta’ suq huwa aspett tanġibbli meta tiġi vvalutata l-attraenza tiegħu peress li jistgħu jinbiegħu volumi kbar u jistgħu jsiru ekonomiji ta’ skala f’termini ta’ spejjeż relatati mal-produzzjoni, mal-kummerċjalizzazzjoni u mal-bejgħ. Barra minn hekk, l-importazzjonijiet li joriġinaw mir-Russja żdiedu kemm fil-volumi kif ukoll fis-sehem mis-suq matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, irrispettivament minn jekk il-fokus tal-produtturi esportaturi Russi huwiex orjentat mill-ġdid lejn is-swieq domestiċi Russi u/jew Ażjatiċi. Dan wera li s-suq tal-Unjoni kompla jkun attraenti ħafna għall-produtturi esportaturi Russi. Barra minn hekk, kif imsemmi fil-premessa (277), it-tnaqqis fl-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra kien prinċipalment dovut għall-fatt li l-uniku produttur tal-GOES fir-Renju Unit għalaq l-operazzjonijiet tiegħu b’mod permanenti f’Novembru 2019.

(253)

Barra minn hekk, l-allegazzjoni tal-NLMK li l-argument tal-Kummissjoni dwar il-livelli baxxi tal-prezzijiet huwa żbaljat ma ġietx aċċettata għar-raġunijiet deskritti fil-premessa preċedenti. Barra minn hekk, kif spjegat fil-premessa (272) hawn taħt, l-importazzjonijiet mir-Russja bħala medja saru bi prezzijiet li kienu madwar 30 % inqas mill-PMI applikabbli (EUR 1 536/tunnellata) u madwar 23 % inqas mill-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni fil-PIR għal tipi ta’ prodotti komparabbli. F’dan ir-rigward, anki b’kunsiderazzjoni tal-eżistenza tal-miżuri anti-dumping, il-prezzijiet tal-importazzjoni Russi jagħtu indikazzjoni tajba tal-imġiba tal-prezz tal-esportazzjoni tal-produtturi esportaturi Russi lejn l-Unjoni u tal-livell tal-prezz probabbli tagħhom fin-nuqqas ta’ miżuri.

(c)    Konklużjoni dwar il-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni tad-dumping

(254)

Fuq il-bażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li d-dumping x’aktarx li jkompli fil-futur jekk il-miżuri jitħallew jiskadu. Meta titqies il-kapaċità ta’ riżerva kbira fir-Russja, il-livelli tal-prezzijiet oġġett ta’ dumping tal-GOES lejn l-Unjoni matul il-PIR, flimkien mal-attraenza tas-suq tal-Unjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet li kwantitajiet sinifikanti ta’ GOES mir-Russja x’aktarx ikomplu jidħlu fis-suq tal-Unjoni f’livelli ta’ prezzijiet oġġett ta’ dumping jekk il-miżuri jitħallew jiskadu.

4.   DANNU

4.1.   Definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni u tal-produzzjoni tal-Unjoni

(255)

Fl-Unjoni, erba’ kumpaniji jipproduċu l-prodott taħt rieżami. Abbażi tal-informazzjoni disponibbli mit-talba, ma hemm l-ebda produttur ieħor fl-Unjoni li jipproduċi l-prodott taħt rieżami fl-Unjoni. Għalhekk, huma jikkostitwixxu l-“industrija tal-Unjoni” skont it-tifsira tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament bażiku.

(256)

Il-produzzjoni totali tal-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami kienet stabbilita għal madwar 249 000 tunnellata. Il-Kummissjoni stabbiliet din iċ-ċifra fuq il-bażi tal-informazzjoni dwar l-industrija tal-Unjoni mill-produtturi kollha magħrufa fl-Unjoni.

4.2.   L-erba’ produtturi magħrufin tal-Unjoni jirrappreżentaw 100 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni tal-prodott simili. Konsum tal-Unjoni

(257)

Il-Kummissjoni stabbiliet il-konsum tal-Unjoni abbażi tal-bejgħ fis-suq tal-Unjoni tal-produtturi magħrufa kollha fl-Unjoni u l-importazzjonijiet mill-pajjiżi terzi kollha kif irrapportat mill-Eurostat (il-bażi tad-data tal-Comext).

(258)

Fir-rigward tal-Ġappun, porzjon tal-importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami fin-Netherlands inżammu kunfidenzjali matul il-perjodu kkunsidrat. (52) Għal din ir-raġuni, il-meded huma pprovduti fit-tabella ta’ hawn taħt dwar il-konsum tal-Unjoni u fit-tabelli rilevanti l-oħrajn li huma relatati mal-volumi u l-valuri tal-importazzjoni.

(259)

Il-konsum tal-Unjoni żviluppa kif ġej:

Tabella 2

Konsum tal-Unjoni (tunnellati)

 

2017

2018

2019

Perjodu ta’ Investigazzjoni tar-Rieżami

Konsum totali tal-Unjoni

300 000 sa 315 000

277 000 sa 292 000

298 000 sa 313 000

265 000 sa 280 000

Indiċi

100

93

99

89

Sors: Tweġibiet għall-kwestjonarju verifikati, informazzjoni li tinsab fit-talba, l-Eurostat u mill-Eurofer.

(260)

Il-konsum tal-Unjoni ċċaqlaq matul il-perjodu kkunsidrat, u varja bejn 265 000 sa 280 000 tunnellata matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami u 300 000 sa 315 000 tunnellata fl-2017. B’mod ġenerali, il-konsum tal-Unjoni naqas bi 11 % bejn l-2017 u l-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami għalkemm kien hemm quċċata temporanja fl-2019. It-tnaqqis fil-konsum huwa dovut għal taħlita ta’ fatturi bħal anqas importazzjonijiet u anqas bejgħ mill-produtturi tal-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami minħabba domanda aktar baxxa ta’ GOES.

(261)

Wara d-divulgazzjoni, l-applikant għamel referenza għall-użu estensiv ta’ skemi ta’ pproċessar attiv mill-importaturi tal-Unjoni u ż-żieda fl-importazzjonijiet tal-laminazzjonijiet u n-nuklei tal-azzar mit-Turkija, li t-tnejn li huma għandhom tendenza li jissottovalutaw il-GOES attwali prodott barra li qed jiġi kkunsmat fl-Unjoni. Il-Kummissjoni kkonfermat li, minn naħa waħda, il-GOES kollha li ġew importati permezz ta’ skemi ta’ pproċessar attiv tqiesu għall-kalkolu tad-data dwar il-konsum. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni nnotat li l-laminazzjonijiet u l-qalba tal-azzar jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri anti-dumping u għalhekk ma kinux investigati.

4.3.   Importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati

4.3.1.   Il-volum u s-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati

(262)

Il-Kummissjoni stabbiliet il-volum tal-importazzjonijiet abbażi tal-Eurostat (il-bażi tad-data tal-Comext). Is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet kien stabbilit abbażi tal-konsum tal-Unjoni, kif stabbilit fil-premessa (257) hawn fuq.

(263)

L-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati u s-sehem mis-suq tagħhom żviluppaw kif ġej:

Tabella 3

Il-volum tal-importazzjonijiet (tunnellati) u s-sehem mis-suq

 

2017

2018

2019

Perjodu ta’ Investigazzjoni tar-Rieżami

Il-volum tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati

86 000 sa 101 000

64 000 sa 79 000

76 000 sa 91 000

70 000 sa 85 000

Indiċi

100

80

90

83

Is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati (%)

27,5 sa 34,2

22,7 sa 29,7

24,1 sa 31,3

26,5 sa 34,0

Indiċi

100

87

93

97

Sors: Eurostat

(264)

Il-miżuri ġew imposti fl-2015. L-importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami mill-pajjiżi kkonċernati naqas bi 17 % matul il-perjodu kkunsidrat. Madankollu, is-sehem mis-suq tagħhom naqas biss bi ftit (minn 27,5 % sa 34,2 % fl-2017 għal 26,5 % sa 34,0 % fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami) minħabba t-tnaqqis parallel fil-konsum fis-suq tal-Unjoni.

(265)

Mill-pajjiżi kkonċernati, l-importazzjonijiet mir-Repubblika tal-Korea u mill-Federazzjoni Russa biss żdiedu bejn l-2017 u l-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami u kisbu punt perċentwali wieħed u żewġ punti perċentwali tas-sehem mis-suq rispettivament.

4.3.2.   Il-prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati

4.3.2.1.   Il-prezzijiet

(266)

Il-Kummissjoni stabbiliet il-prezzijiet medji tal-importazzjonijiet abbażi tal-istatistika tal-Eurostat.

(267)

Il-prezz medju ponderat tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati żviluppa kif ġej:

Tabella 4

Il-prezzijiet tal-importazzjoni (EUR/tunnellata)

 

2017

2018

2019

Perjodu ta’ Investigazzjoni tar-Rieżami

RPĊ

2 081

1 994 Fax

2 036 Fax

1 985 Fax

Indiċi

100

96

98

95

Il-Ġappun

2 167

2 184 Fax

2 168 Fax

2 140 Fax

Indiċi

100

100

100

99

Il-Korea

2 032

2 051 Fax

2 022 Fax

1 996 Fax

Indiċi

100

101

100

98

Ir-Russja

1 119 Fax

1 205 Fax

1 074 Fax

1 000 Fax

Indiċi

100

108

96

89

L-Istati Uniti

2 080

2 057 Fax

2 047 Fax

2 047 Fax

Indiċi

100

99

98

98

Prezz medju tal-importazzjonijiet (għal kull tunnellata)

1 865 Fax

1 871 Fax

1 742 Fax

1 718 Fax

Indiċi

100

100

93

92

Sors: Eurostat u produtturi esportaturi li kkooperaw

(268)

Ġie osservat tnaqqis fil-prezz medju bejn l-2017 u l-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami għall-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati għat-tipi kollha ta’ GOES, kemm jekk prodotti konvenzjonali kif ukoll dawk b’permeabbiltà għolja. L-importazzjonijiet mill-Federazzjoni Russa kienu jikkonċernaw tipi konvenzjonali ta’ GOES, filwaqt li l-importazzjonijiet mill-erba’ pajjiżi l-oħrajn huma importazzjonijiet ta’ GOES b’permeabbiltà għolja.

(269)

Il-prezzijiet medji tal-importazzjonijiet naqsu minn EUR 1 865/tunnellata fl-2017 għal EUR 1 718/tunnellata matul il-perjodu ta’ investigazzjoni ta’ rieżami. Matul il-perjodu kkunsidrat, it-tnaqqis fil-prezz medju tal-importazzjonijiet kien ta’ madwar 7,6 %.

4.3.2.2.   Twaqqigħ tal-prezz

(270)

Ma kien hemm l-ebda kooperazzjoni minn xi produttur fir-Repubblika tal-Korea, fil-Federazzjoni Russa u fl-Istati Uniti, filwaqt li kien hemm kooperazzjoni minn produttur esportatur Ċiniż wieħed u produttur esportatur Ġappuniż wieħed.

(271)

Għall-importazzjonijiet kollha mill-pajjiżi kkonċernati minbarra r-Russja, il-prezzijiet tal-importazzjoni lejn l-Unjoni kienu affettwati b’mod sinifikanti mill-istabbiliment tal-miżuri fil-forma tat-tliet PIMs għar-raġunijiet spjegati fil-premessa (2). Kif imsemmi fil-premessa (3), ma jitħallas l-ebda dazju, jekk il-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni jkun daqs jew ogħla mill-PMI. Il-prezzijiet tal-importazzjoni mill-pajjiżi kkonċernati, minbarra r-Russja, kienu kważi fil-każijiet kollha daqs jew ftit ogħla mill-PMI matul il-perjodu kkunsidrat u ħafna ogħla mill-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni fil-PIR. Ma nstab l-ebda twaqqigħ tal-prezz fir-rigward tal-pajjiżi kkonċernati minbarra r-Russja.

(272)

Għar-Russja, minħabba n-nuqqas ta’ kooperazzjoni minn kwalunkwe produttur esportatur Russu, il-Kummissjoni qabblet il-prezzijiet CIF medji tal-importazzjoni mir-Russja, abbażi tal-Eurostat, aġġustati għall-kostijiet ta’ wara l-importazzjoni (EUR 65/tunnellata) mal-prezzijiet medji tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni għal tipi ta’ prodotti komparabbli. L-importazzjonijiet mir-Russja bħala medja saru bi prezzijiet li kienu madwar 30 % anqas mill-PMI applikabbli (EUR 1 536/tunnellata) u madwar 23 % anqas mill-prezzijiet applikabbli tal-industrija tal-Unjoni fil-PIR.

(273)

Wara d-divulgazzjoni, Nippon Steel sostniet li l-Kummissjoni jenħtieġ li tikkalkula mill-ġdid il-marġni tat-twaqqigħ tal-prezz u tal-bejgħ taħt il-prezz għar-raġunijiet li ġejjin: L-ewwel nett, dawn il-marġnijiet, li kienu jinkludu aġġustament skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku, saru fl-investigazzjoni oriġinali bi ksur tal-Artikoli 3(1), 3(2), 3(3) u 3(6) tar-Regolament bażiku. It-tieni, dawn il-marġnijiet ma ġewx ikkalkolati f’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-UE.

(274)

Il-Kummissjoni ċaħdet din l-affermazzjoni. Il-Kummissjoni ma sabet l-ebda twaqqigħ tal-prezz fir-rigward tal-Ġappun matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami (ara prmessa (271)). Għalhekk, it-talba ta’ Nippon Steel biex jiġi kkalkolat mill-ġdid il-marġni tat-twaqqigħ tal-prezz kif stabbilit fl-investigazzjoni oriġinali kienet mingħajr skop. Barra minn hekk, peress li rieżami ta’ skadenza ma jbiddilx il-livell tad-dazji, reviżjoni tal-marġni ta’ dannu stabbilit oriġinarjament kienet ukoll mingħajr skop. Barra minn hekk, għall-analiżi tal-effetti fuq il-prezzijiet, jekk il-miżuri jitħallew jiskadu kif stabbilit fil-premessa (336), il-Kummissjoni ddeterminat il-livelli tal-prezzijiet futuri probabbli tal-importazzjonijiet lejn l-Unjoni abbażi tal-prezzijiet tal-esportazzjoni Ġappuniżi lejn pajjiżi terzi li għalihom ma sar, jew ma seta’ jsir, l-ebda aġġustament skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku.

4.4.   Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħrajn

(275)

Matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħrajn ammontaw għal [19 000 sa 25 000] jew [7 % sa 10,5 %] tal-konsum tal-Unjoni. L-importazzjonijiet ewlenin tal-GOES, minn pajjiżi oħrajn għajr il-pajjiżi kkonċernati, ġew mill-Brażil u mir-Renju Unit.

(276)

Il-volum tal-importazzjonijiet, kif ukoll is-sehem mis-suq u x-xejriet tal-prezzijiet għall-importazzjonijiet tal-GOES minn pajjiżi terzi oħrajn żviluppaw kif ġej:

Tabella 5

Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi (tunnellati)

Total tal-pajjiżi terzi kollha ħlief il-pajjiżi kkonċernati

 

2017

2018

2019

Perjodu ta’ Investigazzjoni tar-Rieżami

 

Volum (tunnellati)

30 000 sa 36 000

30 000 sa 36 000

34 000 sa 40 000

19 000 sa 25 000

 

Indiċi

100

101

117

62

 

Is-sehem mis-suq (%)

10,2 sa 13,5

10,5 sa 13,8

12,7 sa 16,0

7,0 sa 10,5

 

Prezz medju (EUR/tunnellata)

1 409 Fax

1 217 Fax

1 260 Fax

1 294 Fax

 

Indiċi

100

86

89

92

Sors: Eurostat

(277)

L-importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami mir-Renju Unit naqsu bin-nofs bejn l-2017 u l-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, minn madwar 25 000 sa 35 000 tunnellata għal 10 000 sa 20 000 tunnellata. Dan it-tnaqqis kien dovut għall-fatt li l-uniku produttur tal-GOES fir-Renju Unit għalaq l-operazzjonijiet tiegħu b’mod permanenti f’Novembru tal-2019.

(278)

Min-naħa l-oħra, l-importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami mill-Brażil żdiedu b’mod sostanzjali matul il-perjodu kkunsidrat. Madankollu, is-sehem tas-suq Brażiljan baqa’ baxx, jiġifieri 2 %, matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami.

(279)

L-importazzjonijiet totali minn pajjiżi terzi ħlief il-pajjiżi kkonċernati, żdiedu bi 38 % bejn l-2017 u l-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami sabiex jilħqu s-sehem mis-suq ta’ 7,0 % sa 10,5 % fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami meta mqabbel ma’ 10,2 % sa 13,5 % fl-2017.

(280)

F’dak li għandu x’jaqsam mal-livelli tal-prezzijiet, is-sitwazzjoni hija differenti minn pajjiż għall-ieħor, skont jekk il-prodotti konvenzjonali jew b’permeabbiltà għolja jinbigħux fis-suq tal-Unjoni.

(281)

Madankollu, il-prezzijiet medji tal-bejgħ tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi naqsu matul il-perjodu kkunsidrat. Din ix-xejra hija konsistenti max-xejra osservata għall-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati fit-Tabella 5 ta’ hawn fuq u x-xejra tal-prezz osservata għall-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni fit-Tabella 9 ta’ hawn taħt.

4.5.   Is-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni

4.5.1.   Kummenti ġenerali

(282)

F’konformità mal-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku, l-eżami tal-impatt tal-importazzjonijiet fuq l-industrija tal-Unjoni kien jinkludi evalwazzjoni tal-indikaturi ekonomiċi kollha li kellhom effett fuq l-istat tal-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni.

(283)

Sabiex tiddetermina d-dannu, il-Kummissjoni ma għamlitx distinzjoni bejn l-indikaturi tad-dannu makroekonomiċi u mikroekonomiċi minħabba li l-erba’ produtturi magħrufa tal-Unjoni kollha kemm huma jikkostitwixxu l-“industrija tal-Unjoni” skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament bażiku. Il-Kummissjoni evalwat l-indikaturi tad-dannu abbażi tad-data fit-tweġibiet għall-kwestjonarju mill-produtturi tal-Unjoni li kkooperaw.

(284)

L-erba’ produtturi tal-Unjoni li kkooperaw jappartjenu għal żewġ gruppi korporattivi. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni qieset jekk kienx hemm il-ħtieġa li tiġi pprovduta l-informazzjoni sottomessa f’firxiet bl-għan li ma tiġix żvelata informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali, iżda kkonkludiet li d-data aggregata ma kinitx tali li tiżvela informazzjoni kunfidenzjali. Għalhekk, ma ġiet ipprovduta l-ebda firxa fir-rigward tal-indikaturi tad-dannu.

4.5.2.   Il-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni u l-użu tal-kapaċità

(285)

Il-produzzjoni totali tal-Unjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni u l-użu tal-kapaċità żviluppaw kif ġej matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni:

Tabella 6

Il-produzzjoni, il-kapaċità ta’ produzzjoni u l-użu tal-kapaċità

 

2017

2018

2019

Perjodu ta’ Investigazzjoni tar-Rieżami

Il-volum tal-produzzjoni (tunnellati)

294 301

280 685 Fax

279 625 Fax

248 865 Fax

Indiċi

100

95

95

85

Il-kapaċità tal-produzzjoni (tunnellati)

351 000

351 000 Fax

331 000 Fax

331 000 Fax

Indiċi

100

100

94

94

Użu tal-kapaċità (%)

84

80

84

75

Indiċi

100

95

101

90

Sors: Tweġibiet ivverifikati għall-kwestjonarju

(286)

Matul il-perjodu kkunsidrat, il-volum tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni naqas bi 15 %. Minbarra d-domanda aktar baxxa matul il-perjodu kkunsidrat, kif spjegat fil-premessa (260), it-tnaqqis sinifikanti tal-volum tal-produzzjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami kien ukoll ir-riżultat ta’:

Waqfa tal-produzzjoni fis-sit tal-produzzjoni ta’ produttur tal-Unjoni bejn Diċembru tal-2019 u Frar tal-2020, u;

L-effett tal-COVID-19, li rriżulta f’anqas produzzjoni, b’mod partikolari matul it-tieni trimestru tal-2020.

(287)

Iċ-ċifri tal-kapaċità rrapportati jirreferu għall-kapaċità teknika, li jimplika li l-aġġustamenti, meqjusa bħala standards mill-industrija, għall-ħin ta’ twaqqif, għall-manutenzjoni, għall-ostakoli u għal perjodi normali oħrajn ta’ waqfien ġew ikkunsidrati. Il-kapaċità żdiedet ftit matul il-perjodu kkunsidrat. Matul il-perjodu kunsidrat tnejn mill-erba’ produtturi tal-Unjoni investew sabiex jimmodernizzaw it-tagħmir tal-produzzjoni eżistenti tagħhom bil-għan li jipproduċu proporzjon ogħla ta’ tipi b’permeabbiltà għolja milli t-tipi konvenzjonali. B’riżultat ta’ dawn l-investimenti, il-produtturi tal-Unjoni setgħu, prinċipalment mill-2019 ’il quddiem, jipproduċu proporzjonalment aktar tipi ta’ GOES b’permeabbiltà għolja li huma kkaratterizzati minn ħxuna aktar baxxa, u dan irriżulta f’kapaċità ta’ produzzjoni aktar baxxa f’tunnellaġġ matul il-perjodu kkunsidrat.

(288)

It-tnaqqis fir-rata tal-użu tal-kapaċità matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami minkejja tnaqqis fil-kapaċità tal-produzzjoni kien dovut għat-tnaqqis qawwi fil-volum tal-produzzjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, kif spjegat fil-premessa (286) hawn fuq. It-tnaqqis kien ta’ kważi 10 punti perċentwali matul il-perjodu kkunsidrat.

4.5.3.   Il-volum ta’ bejgħ u s-sehem mis-suq

(289)

Il-volum tal-bejgħ u s-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni żviluppaw kif ġej matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni:

Tabella 7

Il-volum ta’ bejgħ u s-sehem mis-suq

 

2017

2018

2019

Perjodu ta’ Investigazzjoni tar-Rieżami

Volum ta’ bejgħ totali fis-suq tal-Unjoni lil klijenti mhux relatati (tunnellati)

175 000 sa 190 000

174 000 sa 191 000

176 000 sa 191 000

170 000 sa 185 000

Indiċi

100

98

101

96

Is-sehem mis-suq (%)

55,9 sa 62,6

60,0 sa 66,5

56,9 sa 63,5

61,0 sa 66,8

Indiċi

100

106

102

108

Sors: Ir-risposti vverifikati tal-kwestjonarju u l-Eurostat.

(290)

Il-volumi tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni lil klijenti mhux relatati fl-Unjoni baqgħu stabbli matul il-perjodu mill-2017 sal-2019, iżda naqsu kemxejn fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami. It-tnaqqis fil-volumi tal-bejgħ segwa x-xejra ta’ tnaqqis tal-volum tal-produzzjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami għall-istess raġunijiet kif spjegat fil-premessa (286). Il-volum tal-produzzjoni naqas għalkemm b’mod aktar sinifikanti - 15-il punt perċentwali bejn l-2017 u l-perjodu tal-investigazzjoni tar-rieżami - mit-tnaqqis fil-volumi tal-bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni.

(291)

Madankollu, matul il-perjodu kkunsidrat, is-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni żdied bi ftit minn 55,9 % sa 62,6 % għal 61,0 % sa 66,8 % bħala riżultat tal-fatt li t-tnaqqis fil-konsum qabeż it-tnaqqis fil-volum tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni.

(292)

Raġuni oħra għal din iż-żieda fis-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni hija l-miżuri fis-seħħ, flimkien mat-tfixkil tal-ktajjen internazzjonali tal-kummerċ u tal-provvista fl-ewwel nofs tal-2020 bħala riżultat tal-impatt tal-pandemija tal-COVID-19.

4.5.4.   It-tkabbir

(293)

Matul il-perjodu kkunsidrat, il-konsum tal-Unjoni naqas bi 11 %, filwaqt li l-volum tal-bejgħ lil klijenti mhux relatati fl-Unjoni naqas b’4 %. Konsegwentement, minkejja ż-żieda fis-sehem mis-suq, ma kien hemm l-ebda tkabbir għall-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu kkunsidrat.

4.5.5.   L-impjiegi u l-produttività

(294)

L-impjiegi u l-produttività żviluppaw kif ġej matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni:

Tabella 8

L-impjiegi u l-produttività

 

2017

2018

2019

Perjodu ta’ Investigazzjoni tar-Rieżami

L-għadd ta’ impjegati

2 273

2 309 Fax

2 302 Fax

2 256 Fax

Indiċi

100

102

101

99

Produttività (tunnellati/impjegat)

129,48

121,56

121,47

110,31

Indiċi

100

94

94

85

Sors: Tweġibiet ivverifikati għall-kwestjonarju

(295)

In-numru ta’ impjegati tal-industrija tal-Unjoni involuti fil-produzzjoni tal-prodott taħt rieżami baqa’ stabbli matul il-perjodu mill-2017 sal-2019, iżda naqas bi ftit matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami.

(296)

Il-produttività tal-forza tax-xogħol tal-industrija tal-Unjoni, imkejla bħala output (tunnellati) għal kull impjegat, naqset b’mod sinifikanti matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami. Dan jista’ jiġi spjegat bħala l-effett ikkombinat ta’:

Waqfa tal-produzzjoni fis-sit tal-produzzjoni ta’ produttur ewlieni wieħed tal-Unjoni, li wasslet għal produzzjoni aktar baxxa minn Diċembru tal-2019 sa Frar tal-2020, u;

Anqas produzzjoni mill-erba’ produtturi tal-Unjoni matul it-tieni trimestru tal-2020, bħala riżultat tal-pandemija tal-COVID-19.

4.5.6.   Il-kobor tal-marġni tad-dumping u l-irkupru minn dumping fil-passat

(297)

Kif spjegat fil-premessa (44), ma kien hemm l-ebda kooperazzjoni mill-produtturi esportaturi mir-Russja, mill-Korea, u mill-Istati Uniti. Produttur esportatur wieħed Ċiniż u wieħed Ġappuniż biss ikkooperaw bis-sħiħ matul dan il-proċediment.

(298)

Madankollu, minkejja l-fatt li l-prezzijiet tal-importazzjoni lejn l-Unjoni kienu affettwati b’mod sinifikanti mill-istabbiliment attwali tal-miżuri fil-forma tat-tliet PMI, instab dumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet mill-Ġappun (ara l-premessa (70)), mill-Istati Uniti (ara l-premessa (111)) u mir-Russja (ara l-premessa (237)) matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami. Ma nstab l-ebda dumping għall-importazzjonijiet miċ-Ċina u mill-Korea.

(299)

L-indikaturi tad-dannu juru li, minkejja l-miżuri anti-dumping fis-seħħ mill-2015, li rriżultaw f’xi serħan u fi prestazzjoni mtejba inizjalment, is-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni baqgħet fraġli u dannuża. Għalhekk, ma seta’ jiġi stabbilit l-ebda rkupru mid-dumping tal-passat.

4.5.7.   Il-prezzijiet u l-fatturi li jaffettwaw il-prezzijiet

(300)

Il-prezzijiet medji ponderati tal-bejgħ ta’ unità tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun lil klijenti mhux relatati fl-Unjoni żviluppaw kif ġej matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni:

Tabella 9

Il-prezzijiet tal-bejgħ fl-Unjoni

 

2017

2018

2019

Perjodu ta’ Investigazzjoni tar-Rieżami

Prezz unitarju medju tal-bejgħ fl-Unjoni fis-suq totali (EUR/tunnellata)

1 452 Fax

1 492 Fax

1 501 Fax

1 427 Fax

Indiċi

100

103

103

98

Kost unitarju tal-produzzjoni (EUR/tunnellata)

1 468 Fax

1 617 Fax

1 647 Fax

1 714 Fax

Indiċi

100

110

112

117

Sors: Tweġibiet ivverifikati għall-kwestjonarju

(301)

It-tabella ta’ hawn fuq turi li l-prezzijiet tal-bejgħ ta’ unità tal-Unjoni naqsu bi ftit matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, meta mqabbla mas-snin preċedenti. Dan kien prinċipalment l-effett ikkombinat ta’:

Il-pressjoni fuq il-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni, kif muri wkoll mit-tnaqqis fil-prezzijiet tal-importazzjoni tal-prodott taħt rieżami, li naqsu wkoll matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, b’mod partikolari fir-rigward tal-GOES importati mir-Russja, li huma kkaratterizzati minn telf fil-qalba relattivament għoli;

Provi sostanzjali tal-produzzjoni minn produttur ewlieni wieħed tal-Unjoni matul il-perjodu tal-investigazzjoni tar-rieżami sabiex jittejjeb il-proċess tal-produzzjoni tiegħu, fejn ġie prodott porzjon kbir ta’ tipi ta’ GOES, li kellhom jinbiegħu bi prezzijiet unitarji medji aktar baxxi.

(302)

It-tabella ta’ hawn fuq turi wkoll l-evoluzzjoni tal-kost tal-produzzjoni. Il-waqfien tal-produzzjoni ta’ produttur ewlieni wieħed tal-Unjoni u anqas produzzjoni (ara l-premessa (296)) wasslu għal żieda fil-kost fiss għal kull tunnellata prodotta tal-prodott taħt rieżami matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami. Il-kombinazzjoni taż-żieda fil-kost tal-produzzjoni u t-tnaqqis żgħir fil-prezzijiet tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni wasslu għal telf sinifikanti għall-produtturi tal-Unjoni.

4.5.8.   Il-kostijiet lavorattivi

(303)

Il-kostijiet lavorattivi medji tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun żviluppaw kif ġej matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni:

Tabella 10

Kostijiet lavorattivi medji għal kull impjegat

 

2017

2018

2019

Perjodu ta’ Investigazzjoni tar-Rieżami

Il-kostijiet lavorattivi medji għal kull impjegat (EUR)

42 375

43 384 Fax

47 219 Fax

46 362 Fax

Indiċi

100

102

111

109

Sors: Tweġibiet ivverifikati għall-kwestjonarju

(304)

Bejn l-2016 u l-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, il-kost lavorattiv medju għal kull impjegat naqas bi 8,5 %. L-impatt ta’ din il-varjazzjoni huwa pjuttost żgħir minħabba li l-kost lavorattiv jirrappreżenta biss madwar 15 % tal-kost totali tal-manifattura matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami.

4.5.9.   L-inventarji

(305)

Il-livelli tal-istokk tal-produtturi tal-Unjoni żviluppaw kif ġej matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni:

Tabella 11

L-inventarji

 

2017

2018

2019

Perjodu ta’ Investigazzjoni tar-Rieżami

L-istokkijiet tal-għeluq (tunnellati)

21 803

19 308 Fax

24 768 Fax

16 370 Fax

Indiċi

100

89

114

75

L-istokkijiet tal-għeluq bħala perċentwal tal-produzzjoni (%)

7,5

6,9

9

6,6

Indiċi

100

88

125

88

Sors: Tweġibiet ivverifikati għall-kwestjonarju

(306)

Matul il-perjodu kkunsidrat, il-livell tal-istokkijiet tal-għeluq oxxilla iżda b’mod ġenerali naqas bħala perċentwal tal-produzzjoni. Il-maġġoranza tat-tipi ta’ prodott simili huma prodotti mill-industrija tal-Unjoni skont ordnijiet speċifiċi tal-utenti. Għalhekk, l-istokks ma jistgħux jitqiesu bħala indikatur importanti tad-dannu għall-industrija.

4.5.10.   Il-profittabbiltà, il-fluss tal-flus, l-investimenti, ir-redditu fuq l-investimenti u l-kapaċità li jiġi ġġenerat kapital

(307)

Matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, il-profittabbiltà, il-fluss tal-flus, l-investimenti u r-redditu fuq l-investimenti tal-produtturi tal-Unjoni żviluppaw kif ġej:

Tabella 12

Il-profittabbiltà, il-fluss tal-flus, l-investimenti u r-redditu fuq l-investimenti

 

2017

2018

2019

Perjodu ta’ Investigazzjoni tar-Rieżami

Il-profittabbiltà (it-Telf) tal-bejgħ fl-Unjoni lil klijenti mhux relatati (% tal-fatturat mill-bejgħ)

-2,1

-8,4

-11,7

-18,6

Indiċi

- 100

- 395

- 548

- 874

Il-fluss tal-flus (EUR)

26 938 994

-9 640 666

22 630 604

27 476 286

Indiċi

100

-36

84

102

Investimenti (EUR)

21 144 151

24 000 854

38 265 803

27 991 903

Indiċi

100

114

181

132

Redditu fuq l-investimenti (%)

-1,7

-3,1

-10,2

-14,4

Indiċi

- 100

- 183

- 607

- 860

Sors: Tweġibiet ivverifikati għall-kwestjonarju

(308)

Il-Kummissjoni stabbiliet il-profittabbiltà tal-produtturi tal-Unjoni billi esprimiet it-telf nett qabel it-taxxa tal-bejgħ tal-prodott simili lil klijenti mhux relatati fl-Unjoni bħala perċentwal tal-fatturat ta’ dak il-bejgħ.

(309)

L-impożizzjoni tal-miżuri fl-2015 kellha effett pożittiv fuq il-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni, b’mod partikolari fis-sena 2017 meta l-industrija tal-Unjoni bdiet tirkupra. It-telf imġarrab fl-2017 mill-produtturi tal-Unjoni xorta kien relattivament modest, jiġifieri 2,1 %. It-telf imġarrab, rispettivament, matul l-2013 u l-perjodu ta’ investigazzjoni tal-investigazzjoni inizjali, li kopra l-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2013 sat-30 ta’ Ġunju 2014, iż-żewġ perjodi eżatt qabel l-impożizzjoni tal-miżuri inizjali fl-2015, ammonta għal -26,6 % u -22,3 %. Dawn kienu ħafna ogħla mit-telf imġarrab fl-2017 (-2,1 %). Madankollu, is-sitwazzjoni ekonomika bdiet tiddeterjora aktar minn hemm ’il quddiem (53), sal-punt li t-telf laħaq -18,6 % fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami.

(310)

Il-fluss tal-flus nett huwa l-kapaċità tal-produtturi tal-Unjoni li jiffinanzjaw l-attivitajiet tagħhom stess. Ix-xejra fil-fluss tal-flus nett ma segwitx xejra simili ta’ tnaqqis bħall-profittabbiltà u kienet pożittiva. Dan il-fluss ta’ flus pożittiv jista’ jiġi spjegat prinċipalment mill-eżistenza ta’ żewġ kuntratti importanti li kienu fis-seħħ għand produttur wieħed tal-Unjoni, li kien qiegħed iġarrab telf:

Ftehim dwar it-trasferiment ta’ profitt/telf konkluż mal-kumpanija omm tiegħu, li jfisser li t-telf imġarrab minnu ġie assorbit mill-kumpanija omm tiegħu, u;

Ftehim ta’ fatturament konkluż ma’ fornitur estern tas-servizzi, li jwassal sabiex jinġabru aktar malajr ir-riċevibbli pendenti tiegħu bi ħlas ta’ tariffa ta’ fatturament pagabbli kull sena.

(311)

Minkejja t-telf imġarrab matul il-perjodu kkunsidrat, l-investimenti baqgħu ’l fuq minn EUR 21 miljun fis-snin kollha tal-perjodu kkunsidrat. Dawn l-investimenti kienu l-aktar relatati mal-aġġornament tal-makkinarju għall-produzzjoni ta’ tipi b’permeabbiltà għolja tal-prodott taħt rieżami.

(312)

Ir-redditu fuq l-investimenti huwa fil-prinċipju l-profitt f’perċentwal tal-valur kontabilistiku nett tal-investimenti. Minħabba t-telf imġarrab, ir-redditu fuq l-investimenti baqa’ negattiv matul il-perjodu kkunsidrat. Fil-fatt, segwa l-istess xejra ’l isfel bħall-profittabbiltà.

(313)

Il-ħila li jiżdied il-kapital hija l-ħila li jiżdiedu l-flus sabiex isiru investimenti, espansjonijiet jew riformi. Filwaqt li jitqies it-telf imġarrab matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, il-finanzjament tad-dejn jew tal-ekwità huwa essenzjali għall-produtturi tal-Unjoni sabiex ikunu jistgħu jkomplu jinvestu. Pereżempju, kif stabbilit fil-premessa (310), produttur tal-Unjoni kkonkluda ftehim ta’ trasferiment ta’ profitt/telf mal-kumpanija omm tiegħu, li jfisser li t-telf imġarrab tiegħu ġie assorbit mill-kumpanija omm tiegħu, u dan ippermetta lill-kumpanija tagħmel aktar l-investimenti meħtieġa, l-aktar fil-makkinarju sabiex tipproduċi tipi b’permeabbiltà għolja tal-prodott taħt rieżami.

4.6.   Konklużjoni dwar id-dannu

(314)

Kif stabbilit fil-premessa (309), l-impożizzjoni tal-miżuri fl-2015 inizjalment kellha effett pożittiv fuq is-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni, b’mod partikolari fl-2017 meta l-industrija tal-Unjoni bdiet tirkupra.

(315)

Madankollu, is-sitwazzjoni ekonomika bdiet tiddeterjora b’mod kostanti għal darb’oħra minn hemm ’il quddiem, sal-punt li t-telf laħaq -18,6 % fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami.

(316)

Il-volumi tal-bejgħ fis-suq tal-Unjoni naqsu b’4 %, flimkien ma’ tnaqqis żgħir fil-prezzijiet tal-unità tal-bejgħ bi 2 %. Il-produzzjoni naqset bi 15 %, u l-użu tal-kapaċità tal-produzzjoni naqas b’10 %. Fl-isfond ta’ kost dejjem akbar tal-produzzjoni, it-telf laħaq livell li ma huwiex sostenibbli.

(317)

Minħabba t-telf imġarrab matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni b’riżultat tal-fatturi deskritti hawn fuq, l-indikaturi l-oħrajn bħar-redditu fuq l-investiment segwew l-istess xejriet ’l isfel bħall-indikatur tal-profittabbiltà.

(318)

Wara d-divulgazzjoni, l-NLMK allegat li s-sitwazzjoni dannuża tal-industrija tal-Unjoni kienet dovuta għal problemi strutturali u ma kellha xejn x’taqsam mal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati. L-NLMK irreferiet għall-korrelazzjoni bejn il-livell tat-telf u ż-żieda fil-kostijiet tal-produzzjoni, u għall-prestazzjoni li qed tiddeterjora tal-produtturi tal-Unjoni, inkluża l-waqfa ta’ produttur ewlieni wieħed tal-Unjoni li wasslet għal żieda fil-kost fiss għal kull unità ta’ prodott. Barra minn hekk, wara d-divulgazzjoni, il-Gvern Russu allega li t-tnaqqis fil-konsum kien il-problema ewlenija għall-industrija tal-Unjoni, li, skont il-Gvern Russu, kienet f’sitwazzjoni stabbli, kif indikat mill-għadd ta’ impjegati tagħha u ż-żieda fl-investimenti.

(319)

Wara d-divulgazzjoni, Nippon Steel ikkummentat li kull indikatur tad-dannu jista’ jiġi spjegat b’raġunijiet għajr l-importazzjonijiet tal-GOES mill-pajjiżi kkonċernati. Pereżempju, hija allegat li t-telf ta’ – 18,6 % jista’ jiġi spjegat miż-żieda ta’ 32 % fin-nefqa fuq l-investiment, filwaqt li t-tnaqqis ta’ 4 % fil-volum tal-bejgħ jista’ jkun ir-riżultat tat-tnaqqis ta’ 11 % fil-konsum tal-Unjoni kif ukoll tat-tnaqqis fil-produzzjoni tal-Unjoni.

(320)

Il-Kummissjoni ċaħdet dawn il-kummenti tal-NLMK u ta’ Nippon Steel għar-raġunijiet li ġejjin. L-ewwel nett, il-Kummissjoni ma argumentatx li s-sitwazzjoni dannuża fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami kienet ikkawżata, jew kienet ikkawżata biss, minn importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati. Kif stabbilit fil-premessi (330) u (331), il-Kummissjoni qieset ukoll fatturi oħrajn li potenzjalment ikkawżaw dannu kif identifikat mill-partijiet ikkonċernati, iżda kkonkludiet li dawn il-fatturi l-oħrajn kienu ta’ natura temporanja. It-tieni, kif deskritt b’mod ġenerali fit-taqsima 5 hawn taħt u b’mod partikolari fil-premessa (361), minħabba s-sitwazzjoni dannuża tal-passat u dik attwali tal-industrija tal-Unjoni, in-nuqqas ta’ miżuri x’aktarx li jirriżulta f’żieda sinifikanti ta’ importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mill-pajjiżi kkonċernati bi prezzijiet dannużi, li twassal għal telf saħansitra ogħla għall-produtturi tal-Unjoni. It-tielet, fl-analiżi tas-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni tqiesu l-indikaturi kollha tad-dannu, li abbażi tagħhom il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li l-industrija tal-Unjoni ġarrbet dannu materjali, kif stabbilit fil-premessa (321). Ir-raba’ nett, dawn il-kummenti ma kinux sostanzjati biżżejjed. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni mhux biss għamlet analiżi komprensiva tad-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni (it-Taqsima 4), iżda wkoll analiżi komprensiva ta’ kawżi oħra ta’ dannu u ta’ dak li jseħħ fin-nuqqas ta’ kwalunkwe miżura (it-Taqsima 5). Kif spjegat fil-premessa (361), il-Kummissjoni kkonkludiet li fid-dawl tas-sitwazzjoni dannuża tal-passat u dik attwali tal-industrija tal-Unjoni, in-nuqqas ta’ miżuri x’aktarx jirriżulta f’żieda sinifikanti ta’ importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mill-pajjiżi kkonċernati bi prezzijiet dannużi, li twassal għal telf saħansitra ogħla għall-produtturi tal-Unjoni.

(321)

Abbażi ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-industrija tal-Unjoni ġarrbet dannu materjali, kif muri mill-indikaturi ewlenin kollha tad-dannu, skont it-tifsira tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku.

5.   IL-PROBABBILTÀ TA’ KONTINWAZZJONI U/JEW RIKORRENZA TA’ DANNU JEKK IL-MIŻURI JIĠU REVOKATI

(322)

Kif imsemmi fil-premessa (271), il-prezzijiet tal-importazzjoni lejn l-Unjoni kienu affettwati b’mod sinifikanti mill-istabbiliment tal-miżuri fil-forma tat-tliet PMI. B’mod ġenerali, il-GOES miċ-Ċina, mill-Ġappun, mill-Korea u mill-Istati Uniti ġie importat bi prezzijiet ugwali għal jew ftit ogħla mill-PMI u konsiderevolment ogħla mill-prezz tal-bejgħ u mill-kost tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni u għalhekk bi prezzijiet mhux dannużi. Min-naħa l-oħra, l-importazzjonijiet mir-Russja bħala medja saru bi prezzijiet ferm aktar baxxi mill-prezz tal-bejgħ u mill-kost tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni u għalhekk f’livell ta’ prezz dannuż. Tabilħaqq, il-prezz medju tal-importazzjoni mir-Russja nstab li kien aktar minn 20 % taħt il-prezzijiet medji tal-industrija tal-Unjoni għal prodotti komparabbli matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami.

(323)

Wara d-divulgazzjoni, l-NLMK argumentat li t-tipi ta’ GOES li joriġinaw mir-Russja ma kinux f’kompetizzjoni diretta mat-tipi ta’ prodotti prinċipalment manifatturati fl-UE u li l-prezzijiet baxxi tal-importazzjonijiet Russi kienu jirriflettu l-kwalità aktar baxxa tagħhom u l-applikazzjonijiet limitati tagħhom. Hija argumentat li l-volumi tal-importazzjoni miżmuma tat-tipi ta’ GOES li joriġinaw mir-Russja sempliċiment jirrispondu għal domanda li għadha teżisti iżda li qed tonqos għal tipi ta’ GOES ta’ kwalità aktar baxxa.

(324)

L-allegazzjoni li t-tipi ta’ GOES importati mir-Russja ma kinux f’kompetizzjoni diretta mat-tipi ta’ prodotti prinċipalment manifatturati fl-UE, madankollu, ma kinitx appoġġata mill-fatti tal-investigazzjoni. L-ewwel nett, fil-PI kien għad hemm kompetizzjoni bejn l-importazzjonijiet mir-Russja u t-tipi prodotti mill-produtturi tal-Unjoni, b’mod partikolari minn tnejn mill-erba’ produtturi tal-Unjoni, li pproduċew ukoll tipi ta’ GOES ta’ kwalità aktar baxxa. It-tieni, il-Kummissjoni tfakkar li stabbiliet it-tliet PMI għal tliet kategoriji ta’ prodotti differenti, abbażi tat-telf fil-qalba massimu, li huwa kriterju oġġettiv mhux diskriminatorju li jkopri t-tipi ta’ prodotti differenti kollha ta’ GOES, inklużi dawk importati mir-Russja. It-tielet, it-tipi ta’ GOES importati mir-Russja huma parti mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodott, ġew mibjugħa u xorta jistgħu jintużaw fis-suq tal-Unjoni, minkejja li huwa probabbli li d-dħul fis-seħħ tal-Grad 2 se jwassal għal żieda fid-domanda tat-tipi ta’ permeabbiltà għolja tal-prodott taħt rieżami (ara l-premessa (401)) u għal tnaqqis fid-domanda tat-tipi prodotti mill-produtturi esportaturi Russi.

(325)

Fir-rigward ta’ dawn il-fatturi l-oħrajn, il-pandemija tal-COVID-19 wasslet għal dewmien fl-ordnijiet u kkawżat tnaqqis fid-domanda fl-Unjoni matul il-perjodu kkunsidrat, segwit minn tnaqqis fil-prezzijiet tal-bejgħ. Għalhekk, anke l-pandemija tal-COVID-19 kellha impatt negattiv fuq is-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni.

(326)

Barra minn hekk, ir-reċessjoni globali fl-industrija tal-azzar ikkawżat tnaqqis fid-domanda tal-azzar u fil-konsum tal-azzar fl-Unjoni matul il-perjodu kkunsidrat, segwita minn tnaqqis fil-prezzijiet tal-bejgħ.

(327)

Barra minn hekk, il-bejgħ għall-esportazzjoni (f’volum) tal-produtturi tal-Unjoni lil klijenti mhux relatati naqas b’35 % sa 38 % matul il-perjodu kkunsidrat, minn 100 000 sa 115 000 tunnellata fl-2017 għal 60 000 sa 75 000 tunnellata matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami. Madankollu, il-produtturi tal-Unjoni saru aktar selettivi u setgħu jżidu ftit il-prezz tal-esportazzjoni tagħhom matul il-perjodu kkunsidrat.

(328)

Il-partijiet interessati allegaw li l-produtturi tal-Unjoni ma kinux effiċjenti biżżejjed minħabba ż-żieda fil-kostijiet u fl-investimenti. Parti interessata minnhom argumentat ukoll li l-produtturi tal-Unjoni ma setgħux ilestu ċerti pjanijiet ta’ ristrutturar, b’mod partikolari minħabba li l-Kummissjoni pprojbiet l-fużjoni bejn Tata Steel u ThyssenKrupp. Madankollu, dawn l-allegazzjonijiet ma kinux sostanzjati. Barra minn hekk, jekk l-industrija tal-Unjoni ma kinitx tkun kapaċi tagħmel dawn l-investimenti, l-industrija tal-Unjoni ma kinitx tkun tista’ tkompli tikkompeti mal-produtturi esportaturi tal-pajjiżi kkonċernati, li prinċipalment qegħdin jimportaw tipi ta’ GOES b’permeabbiltà għolja lejn l-Unjoni. Dan kien iwassal għal sitwazzjoni mhux sostenibbli, li tpoġġi f’dubju s-sopravivenza tal-erba’ produtturi tal-Unjoni. Għaldaqstant, iż-żieda fil-kostijiet tal-investiment kienet meħtieġa sabiex l-industrija tal-Unjoni tibqa’ kompetittiva, u vijabbli.

(329)

Il-partijiet interessati allegaw ukoll li l-volum tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħrajn kien qiegħed jikkontribwixxi wkoll għad-dannu materjali mġarrab mill-industrija tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, Il-Kummissjoni rreferiet għall-premessi (275) sa (281) ta’ dan ir-Regolament u fakkret li l-importazzjonijiet totali minn pajjiżi terzi għajr il-pajjiżi kkonċernati naqsu bi 38 % bejn l-2017 u l-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami sabiex jilħqu sehem mis-suq ta’ 7 % sa 10,5 % fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami meta mqabbla ma’ 10,2 % sa 13,5 % fl-2017. Għalhekk, ma hemm l-ebda indikazzjoni li tissuġġerixxi li importazzjonijiet oħrajn kkawżaw dannu lill-industrija tal-Unjoni.

(330)

Il-fatturi l-oħrajn, kif stabbilit hawn fuq, jitqiesu li huma ta’ natura temporanja u s-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni kienet diġà qiegħda terġa’ tidher aktar promettenti fi tmiem il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, fid-dawl tad-domanda ogħla mistennija għall-GOES fil-futur qrib kif ukoll tal-kapaċità tal-industrija tal-Unjoni li tipproduċi dejjem aktar tipi ta’ prodotti b’permeabbiltà għolja tal-prodott taħt rieżami.

(331)

F’dan l-isfond, il-Kummissjoni vvalutat, f’konformità mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, jekk ikunx hemm probabbiltà ta’ kontinwazzjoni ta’ dannu kkawżat mill-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping kontinwi mir-Russja u probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ dannu kkawżat mill-importazzjonijiet mill-pajjiżi l-oħrajn kkonċernati jekk il-miżuri jitħallew jiskadu fin-nuqqas ta’ dawk iċ-ċirkostanzi temporanji u eċċezzjonali. Il-Kummissjoni qieset l-elementi li ġejjin: (1) il-kapaċità ta’ riżerva fil-pajjiżi kkonċernati u l-attraenza tas-suq tal-Unjoni; u (2) l-impatt tal-importazzjonijiet potenzjali u l-livelli tal-prezzijiet ta’ dawn l-importazzjonijiet minn dawn il-pajjiżi fuq is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni jekk il-miżuri jitħallew jiskadu.

5.1.   Il-kapaċità ta’ riżerva fil-pajjiżi kkonċernati u l-attraenza tas-suq tal-Unjoni

(332)

Kif diġà deskritt fil-premessi (82), (101), (113), (226) u (241), il-kwantitajiet li jistgħu jiġu esportati mill-produtturi esportaturi mill-pajjiżi kkonċernati huma sinifikanti meta mqabbla mad-daqs tas-suq tal-Unjoni. Tabilħaqq, il-kapaċitajiet żejda jirrappreżentaw aktar minn tliet darbiet il-konsum totali tal-Unjoni (54) matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami. Barra minn hekk, il-produtturi esportaturi fiċ-Ċina, fir-Russja u fil-Ġappun għandhom sehem mis-suq domestiku ta’ 97 % sa 100 %, filwaqt li l-Istati Uniti u l-produtturi esportaturi Koreani għandhom sehem mis-suq domestiku ta’ 83 % sa 86 %. B’riżultat ta’ dan, kwalunkwe kapaċità ta’ riżerva disponibbli tal-produtturi esportaturi ma tistax tiġi assorbita aktar fis-swieq domestiċi rispettivi tagħhom peress li dawn is-swieq diġà huma fil-biċċa l-kbira sodisfatti mill-produzzjoni domestika tal-produtturi esportaturi. Barra minn hekk, is-swieq Ċiniżi u tal-Istati Uniti huma protetti minn miżuri kummerċjali.

(333)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, huwa probabbli li l-produtturi esportaturi mill-pajjiżi kkonċernati kollha jerġgħu jibdew ibigħu volumi għoljin fis-suq tal-Unjoni jekk il-miżuri jiskadu.

5.2.   Il-livelli tal-prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati jekk il-miżuri jiskadu

(334)

Kif imsemmi fil-premessi (271) u (322), l-importazzjonijiet miċ-Ċina, mill-Ġappun, mill-Korea u mill-Istati Uniti saru f’livell ta’ prezz ugwali għal, jew ogħla mill-PMI rilevanti, u ogħla mill-prezz tal-bejgħ u mill-kost tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni. L-importazzjonijiet mir-Russja li saru bi prezzijiet ferm anqas mill-PMI rilevanti (EUR 1 536/tunnellata) u għalhekk dehru li fil-biċċa l-kbira ma kinux affettwati minnu, kif ukoll bi prezzijiet taħt il-prezz tal-bejgħ u l-kost tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni qieset li l-PMI kellu impatt sinifikanti fuq l-imġiba tal-ipprezzar tal-produtturi esportaturi mill-erba’ pajjiżi preċedenti u li l-prezzijiet tal-importazzjoni attwali tagħhom ma setgħux jintużaw bħala indikatur affidabbli għall-prezzijiet futuri probabbli jekk il-miżuri jitħallew jiskadu.

(335)

F’dawn iċ-ċirkostanzi, għall-GOES minn dawn l-erba’ pajjiżi (iċ-Ċina, il-Ġappun, il-Korea u l-Istati Uniti) (55), il-Kummissjoni eżaminat ukoll l-imġiba attwali tal-ipprezzar tal-produtturi esportaturi tagħhom fis-swieq tal-esportazzjoni ta’ pajjiżi terzi tagħhom sabiex tivvaluta l-livelli probabbli tal-prezzijiet tal-importazzjonijiet lejn l-Unjoni, jekk il-miżuri jiskadu.

(336)

Għal dan il-għan, għall-produtturi li kkooperaw fiċ-Ċina u fil-Ġappun, il-Kummissjoni ddeterminat il-livelli probabbli tal-prezzijiet tal-importazzjonijiet lejn l-Unjoni billi qabblet, għat-tipi ta’ prodotti b’telf fil-qalba massimu mhux akbar minn 0,9 W/kg:

Il-PMI (EUR 2 043/tunnellata); u

Il-prezzijiet medji ponderati korrispondenti tal-bejgħ għall-istess kategorija ta’ prodotti manifatturati minn dawn il-produtturi li kkooperaw fiċ-Ċina u fil-Ġappun, u mibjugħa lill-bqija tad-dinja stabbilit fuq bażi CIF, b’aġġustamenti xierqa għal kwalunkwe differenza fil-kost tat-trasport għall-bejgħ għall-esportazzjoni mill-Ġappun lejn l-Unjoni minn naħa, u mill-Ġappun lejn il-pajjiżi terzi. Il-Kummissjoni użat it-tabelli li jkopru l-bejgħ għall-esportazzjoni lil klijenti mhux relatati f’pajjiżi terzi li ġew sottomessi miż-żewġ produtturi esportaturi Ġappuniżi u miż-żewġ negozjanti relatati tagħha, u mill-uniku produttur esportatur Ċiniż li kkoopera biex jiġu kkalkolati l-prezzijiet medji ponderati tal-bejgħ lill-klijenti mhux relatati tagħhom mibjugħa fil-bqija tad-dinja. Sabiex titqies kwalunkwe differenza possibbli fil-kost tat-trasport fl-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi meta mqabbla mal-esportazzjoni lejn l-Unjoni, il-Kummissjoni żiedet EUR 65/tunnellata mal-prezzijiet medji ponderati korrispondenti tal-bejgħ għall-istess kategorija ta’ prodotti manifatturati minn dawn il-produtturi li kkooperaw fiċ-Ċina u fil-Ġappun. Din iż-żieda ta’ EUR 65/tunnellata hija meqjusa konservattiva, peress li s-swieq terzi ewlenin tal-produtturi esportaturi Ġappuniżi u Ċiniżi (bħall-Indja, it-Tajlandja u t-Tajwan) ġeneralment jinsabu eqreb tal-Ġappun milli tal-Unjoni.

(337)

Abbażi ta’ dan, ġie stabbilit li l-produtturi esportaturi Ġappuniżi u Ċiniżi esportaw lejn is-swieq tal-esportazzjoni ewlenin tagħhom ta’ pajjiżi terzi bi prezzijiet li kienu madwar 10 % aktar baxxi meta mqabbla mal-PMI korrispondenti.

(338)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni qabblet il-prezzijiet medji ponderati tal-bejgħ tal-Unjoni għat-tipi ta’ GOES tal-ogħla kwalità (tipi ta’ GOES b’telf fil-qalba massimu mhux ogħla minn 0,9 W/kg, li jirrappreżentaw il-maġġoranza tal-importazzjonijiet – meta mqabbla maż-żewġ kategoriji l-oħrajn ta’ prodotti differenti ta’ GOES, kif spjegat fil-premessa (2) - mill-produtturi esportaturi Ċiniżi u Ġappuniżi li kkooperaw fis-suq tal-Unjoni) mal-prezzijiet medji ponderati korrispondenti tal-bejgħ għall-istess kategorija ta’ prodotti manifatturati minn dawn il-produtturi li kkooperaw fiċ-Ċina u fil-Ġappun, u mibjugħa lill-bqija tad-dinja, stabbiliti fuq bażi CIF, b’aġġustamenti xierqa għad-dazji doganali u għall-kostijiet ta’ wara l-importazzjoni.

(339)

Ġie stabbilit li l-produtturi esportaturi Ċiniżi u Ġappuniżi esportaw lejn is-swieq tal-esportazzjoni ewlenin tagħhom ta’ pajjiżi terzi bi prezzijiet li kienu madwar 3 % ogħla meta mqabbla mal-prezzijiet tal-bejgħ korrispondenti mill-produtturi tal-Unjoni.

(340)

F’dan il-kuntest, madankollu jenħtieġ li jiġi mfakkar li l-produtturi tal-Unjoni diġà biegħu taħt il-kost tal-produzzjoni tagħhom matul il-perjodu kollu kkunsidrat (ara t-Tabella 9, il-premessa (300)), li wassal għal telf sinifikanti u għal sitwazzjoni diġà dannuża matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami. Jekk il-miżuri jiskadu, prezzijiet simili mill-produtturi esportaturi Ġappuniżi u Ċiniżi fis-suq tal-Unjoni, hekk kif japplikaw għas-swieq terzi tagħhom għall-ogħla tipi ta’ GOES ta’ kwalità tagħhom, ikomplu jaggravaw is-sitwazzjoni dannuża tal-industrija tal-Unjoni.

(341)

Wara d-divulgazzjoni, Nippon Steel allegat li l-analiżi tal-Kummissjoni tal-livelli tal-prezzijiet probabbli għall-importazzjonijiet ta’ GOES mill-Ġappun fin-nuqqas ta’ miżuri ma kinitx issostanzjata. L-ewwel nett, il-prezz tal-importazzjoni mill-Ġappun kien konsistentement u b’mod sinifikanti ogħla mill-ogħla PMI u għalhekk, il-Kummissjoni kellha tissostanzja r-raġunijiet għaliex il-prezzijiet attwali tal-importazzjoni tal-Ġappun ma jistgħux jintużaw biex jiġu ddeterminati l-prezzijiet probabbli li jitlob il-Ġappun, jekk il-miżuri jiskadu. Hija talbet ukoll lill-Kummissjoni biex tissostanzja t-tqabbil tagħha tal-prezzijiet tal-esportazzjoni tal-Ġappun lejn swieq ta’ pajjiżi terzi mal-PMI rispettivi tagħhom u mal-prezzijiet tal-esportazzjoni tal-prezzijiet tal-Unjoni. Fl-aħħar nett, Nippon Steel allegat li l-prezzijiet tal-bejgħ tagħha lill-Indja kienu ogħla milli fl-Unjoni, meta qabblet il-bejgħ tagħha ta’ tipi ta’ prodotti li jaqblu lill-Indja u lill-Unjoni rispettivament.

(342)

Il-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-prezzijiet tal-importazzjoni lejn l-Unjoni mill-Ġappun kienu konsistentement ogħla mill-ogħla PMI matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, kif muri fit-Tabella 4, il-premessa (267).

(343)

Madankollu, il-Kummissjoni ċaħdet l-affermazzjoni ta’ Nippon Steel li kellha tuża l-prezzijiet attwali tal-importazzjonijiet tal-Ġappun lejn l-Unjoni biex tiddetermina l-prezzijiet probabbli li jitlob il-Ġappun, jekk il-miżuri jiskadu. Kif spjegat fil-premessa (334), il-PMI kellu impatt sinifikanti fuq l-imġiba tal-ipprezzar tal-produtturi esportaturi minn erba’ pajjiżi kkonċernati, inkluż il-Ġappun, li kienu prinċipalment qed jesportaw tipi ta’ GOES ta’ kwalità għolja u għalhekk il-prezzijiet tal-importazzjoni tagħhom lejn l-Unjoni ma setgħux jintużaw bħala indikatur affidabbli għall-prezzijiet futuri probabbli jekk il-miżuri jitħallew jiskadu. Fil-każ tal-Ġappun, dan intwera mill-fatt li, bħala medja, il-prezzijiet tal-esportazzjoni tagħhom lejn pajjiżi terzi kienu ferm aktar baxxi minn dawk lejn l-Unjoni.

(344)

Fir-rigward tas-sostanzjar tat-tqabbil tagħha tal-prezzijiet tal-esportazzjoni tal-Ġappun lejn swieq ta’ pajjiżi terzi bil-PMI rispettivi tagħhom u l-prezzijiet tal-esportazzjoni tagħhom lejn l-Unjoni, il-Kummissjoni spjegat l-approċċ tagħha u r-raġunijiet għalih fil-premessa (336) hawn fuq. Barra minn hekk, l-asserzjoni li l-prezzijiet tal-bejgħ ta’ Nippon Steel kienu ogħla fl-Indja minn dawk lejn l-Unjoni kienet żbaljata peress li d-data dwar il-bejgħ kienet ibbażata fuq tranżazzjonijiet bejn Nippon Steel u n-negozjanti relatati tagħha fl-Indja u fl-Ewropa, li ma kienx meqjus bħala bażi affidabbli għal kwalunkwe tqabbil biex wieħed jasal għal konklużjonijiet dwar il-livelli tal-prezzijiet finali lill-ewwel klijenti indipendenti tagħhom. Barra minn hekk, ta’ min jinnota, għaż-żewġ produtturi esportaturi Ġappuniżi, li t-tqabbil tal-PMI u l-prezzijiet medji tal-bejgħ Ġappuniżi lil pajjiżi terzi, kif deskritt fil-premessa (336), kien ibbażat fuq informazzjoni pprovduta miż-żewġ produtturi esportaturi Ġappuniżi u kopra l-bejgħ tal-esportazzjoni mhux relatat tagħhom kollu lill-pajjiżi terzi kollha tagħhom.

(345)

Peress li ma kien hemm l-ebda kooperazzjoni mill-produtturi Koreani u tal-Istati Uniti, il-livell tal-prezz tal-esportazzjoni probabbli lejn l-Unjoni ġie stmat billi tqabblu l-prezzijiet tal-esportazzjoni attwali Koreani u tal-Istati Uniti lejn pajjiżi terzi, abbażi tal-istatistika rilevanti tal-importazzjoni tal-GTA speċifika għall-pajjiż, mal-PMI medju.

(346)

Ġie stabbilit li, għall-produtturi Koreani u tal-Istati Uniti li ma kkooperawx, il-prezzijiet tal-esportazzjoni tagħhom lejn pajjiżi terzi kienu rispettivament 20 % u 15 % aktar baxxi meta mqabbla mal-PMI medju. F’każ li dawn il-prezzijiet tal-esportazzjoni tal-Istati Uniti u tal-Korea jitqabblu mal-ogħla livell tal-PMI, li possibbilment ikun aktar preċiż peress li l-maġġoranza tal-esportazzjonijiet ta’ dawk il-pajjiżi jikkonsistu fi prodotti GOES b’permeabbiltà għolja, dawn il-perċentwali jkunu saħansitra ogħla b’mod sinifikanti.

(347)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni qabblet il-prezzijiet medji ponderati tal-bejgħ tal-Unjoni għat-tipi ta’ GOES b’telf fil-qalba massimu mhux ogħla minn 0,9 W/kg mal-prezzijiet korrispondenti tal-esportazzjoni Koreani u tal-Istati Uniti lejn pajjiżi terzi, abbażi tal-istatistika rilevanti dwar l-importazzjoni tal-GTA, speċifika għall-pajjiż, u abbażi tas-suppożizzjoni li l-maġġoranza tal-importazzjonijiet tal-Korea u tal-Istati Uniti jikkonsistu fi prodotti GOES b’permeabbiltà għolja.

(348)

Ġie stabbilit li l-prezzijiet tal-esportazzjoni Koreani u tal-Istati Uniti lejn pajjiżi terzi kienu rispettivament 22 % u 14 % anqas meta mqabbla mal-prezzijiet tal-bejgħ mill-produtturi tal-Unjoni. Kif diġà ssemma fil-premessa (340), peress li l-produtturi tal-Unjoni diġà biegħu taħt il-kost tal-produzzjoni tagħhom, jekk il-miżuri jiskadu, prezzijiet simili mill-produtturi esportaturi Koreani u mill-Istati Uniti jkomplu jaggravaw is-sitwazzjoni dannuża tal-industrija tal-Unjoni.

(349)

Għalhekk, filwaqt li qieset dawn il-livelli tal-prezzijiet tal-esportazzjonijiet mill-erba’ pajjiżi kkonċernati lejn pajjiżi terzi u s-sitwazzjoni dannuża attwali tal-industrija tal-Unjoni, il-Kummissjoni qieset li, fin-nuqqas ta’ miżuri anti-dumping, huwa probabbli li l-produtturi esportaturi tal-erba’ pajjiżi kkonċernati jibdew jesportaw lejn l-Unjoni f’livelli simili ta’ prezzijiet li japplikaw għas-swieq terzi tagħhom u tal-anqas bi prezzijiet taħt il-livelli applikabbli tal-PMI, jiġifieri f’livelli ta’ prezzijiet dannużi.

(350)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li, jekk il-miżuri jiskadu, l-importazzjonijiet lejn l-Unjoni mill-pajjiżi kollha kkonċernati jsiru f’livelli ta’ prezzijiet dannużi. Dawn l-importazzjonijiet ikomplu jikkawżaw dannu fil-każ tar-Russja, u jirriżultaw f’rikorrenza ta’ dannu fil-każ tal-pajjiżi l-oħrajn kkonċernati.

5.3.   L-impatt tal-importazzjonijiet potenzjali mill-pajjiżi kkonċernati fuq is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni jekk il-miżuri jiskadu.

(351)

Il-Kummissjoni vvalutat l-impatt possibbli tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tal-industrija tal-Unjoni billi mmudellat żewġ xenarji possibbli jekk il-miżuri jitħallew jiskadu, jiġifieri

l-pajjiżi kkonċernati jesportaw lejn l-Unjoni l-istess kwantitajiet bħal qabel l-impożizzjoni tal-miżuri (jiġifieri l-esportazzjonijiet li jvarjaw bejn 139 000 tunnellata u 154 000 tunnellata (56) matul il-perjodu ta’ investigazzjoni inizjali mill-1 ta’ Lulju 2013 sat-30 ta’ Ġunju 2014), u li l-konsum tal-Unjoni jibqa’ l-istess bħal matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami (jiġifieri 265 000 sa 280 000 tunnellata) (l-ewwel xenarju);

tnaqqis fil-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni ta’ 5 % u 10 % rispettivament minħabba ż-żieda fil-kompetizzjoni, filwaqt li kull ħaġa oħra tibqa’ l-istess (it-tieni xenarju).

(352)

Fl-ewwel xenarju, il-Kummissjoni assumiet ukoll li 100 % tal-importazzjonijiet totali mill-pajjiżi kkonċernati jaffettwaw l-industrija tal-Unjoni u ma jaffettwawx l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħrajn peress li s-sehem mis-suq ta’ dawn il-pajjiżi tal-aħħar huwa insinifikanti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni assumiet li l-industrija tal-Unjoni żżomm l-istess prezzijiet tal-bejgħ bħal matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami peress li diġà qiegħda tagħmel telf.

(353)

Ir-riżultat ta’ din is-simulazzjoni fl-ewwel xenarju juri li ż-żieda fl-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati tkun għad-detriment tal-industrija tal-Unjoni. Din tal-aħħar titlef il-volum tal-bejgħ u s-sehem mis-suq fis-suq tal-Unjoni, u dan iwassal għal tnaqqis ulterjuri fil-produzzjoni tagħha u kost fiss ogħla għal kull tunnellata manifatturata tal-prodott taħt rieżami. Dan ikollu impatt fuq il-profittabbiltà ġenerali tal-industrija. B’riżultat ta’ dan, it-telf imġarrab mill-industrija tal-Unjoni jkompli jiżdied minn -18,6 % għal livell saħansitra aktar insostenibbli ta’ -22,6 %.

(354)

Fit-tieni xenarju, l-effett ta’ tnaqqis ta’ 5 % fil-prezz instab li kien potenzjalment ta’ dannu akbar. F’każ ta’ tnaqqis fil-prezzijiet tal-Unjoni ta’ 5 % (EUR 1 356/tunnellata) minħabba ż-żieda fil-pressjoni fuq il-prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati, it-telf saħansitra jkompli jonqos għal -29 %. F’każ ta’ tnaqqis fil-prezzijiet tal-Unjoni ta’ 10 %, jiġifieri minn 1 427 EUR/tunnellata għal 1 285 EUR/tunnellata, it-telf jilħaq -37 %.

(355)

Fir-realtà, jekk il-miżuri jitħallew jiskadu, huwa probabbli ħafna li fis-suq isseħħ kombinazzjoni tal-ewwel u tat-tieni xenarju. Dan jirriżulta f’telf mhux sostenibbli saħansitra ogħla għall-industrija tal-Unjoni.

(356)

Wara d-divulgazzjoni, il-Gvern Ġappuniż argumenta wkoll li l-Ġappun jenħtieġ li jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri anti-dumping peress li l-prodotti Ġappuniżi ma jikkawżaw l-ebda dannu u lanqas ma huma ta’ theddida għall-industrija tal-Unjoni għar-raġunijiet li ġejjin. L-ewwel nett, dawn jipproduċu tipi partikolari ta’ kwalità eċċezzjonali, li tintuża minn u ssir dejjem aktar importanti għal utenti partikolari fl-Unjoni. It-tieni, il-fatt li l-prezzijiet tal-esportazzjoni Ġappuniżi lejn l-Unjoni huma ogħla b’mod sinifikanti mill-PMI, juri li l-fatt li jekk il-miżuri anti-dumping eżistenti jitħallew jiskadu fir-rigward tal-Ġappun, dan ma jwassalx għal prezzijiet tal-importazzjoni mnaqqsa.

(357)

Wara d-divulgazzjoni, u b’mod simili għad-dikjarazzjoni tal-Gvern Ġappuniż, Nippon Steel reġgħet argumentat li l-miżuri anti-dumping jenħtieġ li ma jinżammux fir-rigward tal-Ġappun minħabba li hija ċ-Ċina li hija theddida sinifikanti għall-industrija tal-Unjoni, mhux il-Ġappun, fid-dawl tal-kapaċità ta’ riżerva relattivament baxxa tiegħu meta mqabbla maċ-Ċina. Il-prezzijiet li l-produtturi esportaturi Ġappuniżi jitolbu fis-suq tal-Unjoni huma l-ogħla fid-dinja, u ogħla mill-ogħla PMI. It-tielet, il-prezzijiet tal-esportazzjoni Ġappuniżi jikkompetu ma’ produtturi oħrajn, inkluża l-industrija tal-Unjoni, bi prezzijiet ġusti.

(358)

Il-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-produtturi esportaturi Ġappuniżi jipproduċu tipi ta’ prodotti ta’ kwalità għolja, kif imsemmi fil-premessa (381). Min-naħa l-oħra, kif imsemmi fil-premessa (337), ġie stabbilit li l-produtturi esportaturi Ġappuniżi esportaw lejn is-swieq tal-esportazzjoni ewlenin tagħhom ta’ pajjiżi terzi bi prezzijiet li kienu madwar 10 % aktar baxxi meta mqabbla mal-PMI korrispondenti għal dawn it-tipi partikolari ta’ kwalità għolja. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni sostniet li huwa probabbli li jkun hemm żieda sinifikanti fl-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mill-pajjiżi kollha kkonċernati, inkluż il-Ġappun, bi prezzijiet dannużi aktar baxxi fin-nuqqas ta’ miżuri. Għalhekk, il-Kummissjoni qieset li ma kien hemm l-ebda bażi biex il-Ġappun jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-investigazzjoni.

(359)

Barra minn hekk, kif spjegat fit-taqsimiet rispettivi ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni stabbiliet - minkejja l-kapaċità ta’ riżerva ddeterminata għaċ-Ċina - li:

il-produtturi esportaturi Ġappuniżi esportaw GOES lejn l-UE bi prezzijiet oġġett ta’ dumping (il-premessa (71) hawn fuq);

hemm kapaċità ta’ riżerva sinifikanti għall-GOES fil-Ġappun (il-premessa (74) hawn fuq); u

is-suq tal-UE huwa attraenti għall-produtturi esportaturi Ġappuniżi (il-premessi (81) sa (90) hawn fuq).

(360)

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni ċaħdet ukoll din l-affermazzjoni ta’ Nippon Steel.

5.4.   Konklużjoni dwar il-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni u/jew rikorrenza tad-dannu

(361)

Fuq din il-bażi, u filwaqt li titqies is-sitwazzjoni dannuża tal-passat u dik attwali tal-industrija tal-Unjoni, in-nuqqas ta’ miżuri x’aktarx jirriżulta f’żieda sinifikanti ta’ importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mill-pajjiżi kkonċernati bi prezzijiet dannużi, li twassal għal telf saħansitra ogħla għall-produtturi tal-Unjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li, jekk kienx hemm kawżalità suffiċjenti fir-rigward tal-importazzjonijiet Russi matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami jew le, id-dannu kif stabbilit oriġinarjament jerġa’ jseħħ fir-rigward tal-pajjiżi kkonċernati.

6.   INTERESS TAL-UNJONI

(362)

F’konformità mal-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat jekk iż-żamma tal-miżuri anti-dumping eżistenti tmurx kontra l-interess tal-Unjoni b’mod ġenerali. Id-determinazzjoni tal-interess tal-Unjoni kienet ibbażata fuq l-apprezzament tal-interessi differenti kollha involuti, inklużi dawk tal-industrija tal-Unjoni, tal-importaturi, tal-utenti u tal-interessi tal-ordni pubbliku fir-rigward tal-prodott taħt rieżami kif inkorporat fid-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (57) (“id-Direttiva dwar l-Ekodisinn”) u r-Regolamenti speċifiċi għall-prodott tagħha. F’konformità mat-tielet sentenza tal-Artikolu 21(1) tar-Regolament bażiku, ingħatat kunsiderazzjoni speċjali għall-ħtieġa li l-industrija tiġi protetta mill-effetti negattivi ta’ dumping dannuż.

(363)

Il-partijiet interessati kollha ngħataw l-opportunità li jesprimu l-fehmiet tagħhom skont l-Artikolu 21(2) tar-Regolament bażiku.

6.1.   L-interess tal-industrija tal-Unjoni

(364)

L-industrija tal-Unjoni tinsab f’erba’ Stati Membri (Franza, il-Ġermanja, iċ-Ċekja u l-Polonja), u timpjega direttament madwar 2 200 impjegat fir-rigward tal-prodott taħt rieżami.

(365)

Xi partijiet interessati affermaw li l-miżuri jenħtieġ li jitħallew jiskadu peress li l-produtturi tal-Unjoni ma għadhomx jiffaċċjaw sitwazzjoni dannuża. Pereżempju, huma allegaw li l-produtturi tal-Unjoni żiedu l-bejgħ tagħhom tal-prodott taħt rieżami fis-suq tal-Unjoni, u setgħu jespandu s-sehem mis-suq tagħhom fis-suq tal-Unjoni bi 3 % mill-2017. Ġie affermat ukoll li l-industrija tal-Unjoni żammet livelli stabbli ta’ produzzjoni, kapaċità ta’ produzzjoni, użu tal-kapaċità, u impjiegi mill-2017. L-industrija tal-Unjoni setgħet tinvesti wkoll ammonti sinifikanti, li allegatament huwa indikazzjoni ta’ industrija li hija kunfidenti dwar il-futur tas-suq tagħha.

(366)

Kif stabbilit fil-premessi (315) u wara, il-produtturi tal-Unjoni kienu qegħdin iġarrbu telf li jammonta għal -18,6 % matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami. Barra minn hekk, il-volumi tal-bejgħ fis-suq tal-Unjoni naqsu b’4 %, matul il-perjodu kkunsidrat, flimkien ma’ tnaqqis żgħir fil-prezzijiet unitarji tal-bejgħ ta’ 2 %. Barra minn hekk, il-produzzjoni naqset bi 15 %, u l-użu tal-kapaċità tal-produzzjoni naqas b’10 %. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet fil-premessa (321) li l-industrija tal-Unjoni ġarrbet dannu materjali.

(367)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni stabbiliet li hemm probabbiltà kbira ta’ kontinwazzjoni ta’ dannu kkawżat oriġinarjament mill-importazzjonijiet minn dawn il-pajjiżi jekk il-miżuri jiskadu. L-influss ta’ volumi sostanzjali ta’ importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mill-pajjiżi kkonċernati jwassal għal żieda fil-kompetizzjoni inġusta għall-industrija tal-Unjoni u jikkawża aktar dannu lill-industrija tal-Unjoni. Dan jaggrava s-sitwazzjoni ekonomika diġà dannuża u fraġli ħafna tal-industrija tal-Unjoni u jhedded il-vijabbiltà tagħha.

(368)

Il-Kummissjoni b’hekk ikkonkludiet li l-kontinwazzjoni tal-miżuri tkun fl-interess tal-industrija tal-Unjoni.

6.2.   L-interess ta’ importaturi mhux relatati

(369)

Il-Kummissjoni kkuntattjat lill-importaturi mhux relatati magħrufa kollha. Importatur mhux relatat wieħed biss ippreżenta ruħu u kkoopera f’din l-investigazzjoni billi ppreżenta tweġiba għall-kwestjonarju.

(370)

Għalhekk, il-Kummissjoni ma għandhiex biżżejjed informazzjoni għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tikkonkludi li l-kontinwazzjoni tal-miżuri tkun ta’ detriment għall-interess tal-importaturi. Pjuttost il-kuntrarju, peress li l-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati qatt ma waqfu bħala riżultat tal-miżuri iżda komplew f’volumi sinifikanti.

6.3.   Interess tal-utenti

6.3.1.   Introduzzjoni

(371)

Seba’ utenti ppreżentaw ruħhom, u esprimew ir-rieda tagħhom li jipparteċipaw fl-investigazzjoni. Madankollu, erba’ biss minnhom kkooperaw bis-sħiħ f’din l-investigazzjoni billi ppreżentaw tweġibiet għall-kwestjonarju kompluti kemm f’verżjonijiet miftuħa kif ukoll f’dawk sensittivi.

(372)

L-erba’ utenti li kkooperaw bis-sħiħ kienu jinkludu wieħed mill-akbar utenti fis-suq tal-Unjoni, filwaqt li t-tliet utenti l-oħrajn kienu relattivament żgħar f’termini ta’ impjiegi u fatturat.

(373)

It-tliet assoċjazzjonijiet tal-utenti li ġejjin ippreżentaw ruħhom ukoll u pprovdew lill-Kummissjoni b’informazzjoni dwar l-interess tal-Unjoni:

L-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Industrija tat-Tagħmir u s-Servizzi tat-Trażmissjoni u d-Distribuzzjoni tal-Elettriku (“T&D Europe”). Din tirrappreżenta l-interess tal-produtturi Ewropej tat-tagħmir u tas-servizzi tat-trażmissjoni u d-distribuzzjoni tal-elettriku;

Zvei, l-Assoċjazzjoni Ġermaniża tal-Produtturi Elettriċi u Elettroniċi, ukoll membru ta’ T&D Europe, u li tirrappreżenta l-interessi tal-membri Ġermaniżi tagħha, prinċipalment il-produtturi tat-transformers;

WindEurope, l-assoċjazzjoni tal-industrija għall-enerġija mir-riħ fl-Ewropa, li tirrappreżenta aktar minn 400 organizzazzjoni membru. Minbarra l-produtturi tat-turbini eoliċi, is-sħubija tagħha tinkludi fornituri ta’ komponenti, istituti ta’ riċerka, assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-enerġija mir-riħ u tal-enerġija rinnovabbli, żviluppaturi, kuntratturi, fornituri tal-elettriku, kumpaniji tal-finanzi u tal-assigurazzjoni, u konsulenti.

(374)

Il-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-industrija tat-transformers hija industrija importanti fis-suq tal-Unjoni. T&D Europe iddikjarat li l-fatturat tas-suq tal-Unjoni għat-transformers huwa ta’ madwar EUR 3,7 biljun, li madwar 10 % minn dan huwa magħmul mill-importazzjonijiet. Il-produzzjoni tat-transformers tal-UE tiswa madwar EUR 4,7 biljun, u b’hekk l-UE hija esportatur nett tat-transformers. T&D Europe iddikjarat ukoll li l-industrija tat-transformers tal-UE hija magħmula minn mijiet ta’ impriżi u timpjega aktar minn 30 000 persuna fl-UE, minbarra sottokuntratturi u industriji oħrajn li jibbenefikaw mill-industrija tat-transformers tal-UE. Fir-rigward tal-industrija downstream, WindEurope ddikjarat li l-industrija Ewropea tal-enerġija mir-riħ ipprovdiet aktar minn 160 000 impjieg dirett u appoġġat 140 000 impjieg indirett addizzjonali fl-2019. Il-produttur Russu (“NLMK”) ipprovda, fis-sottomissjoni tiegħu tal-11 ta’ Diċembru 2020, kummenti simili, filwaqt li sostna li, minħabba l-importanza tal-industrija tat-transformers, jenħtieġ li jipprevali l-interess tal-utenti.

(375)

Il-prodott taħt rieżami jintuża l-aktar bħala materjal tal-qalba fil-manifattura tat-transformers tal-enerġija u tad-distribuzzjoni. Il-produtturi tat-transformers fl-Ewropa jikkostitwixxu industrija li ilha stabbilita, li tradizzjonalment tforni produtturi kbar tal-enerġija. L-industrija tat-transformers, b’mod ġenerali, tagħmel parti minn gruppi industrijali kbar, li għandhom preżenza madwar id-dinja kollha. Ċerti kumpaniji indipendenti iżgħar, madankollu, joperaw ukoll fis-suq u wħud minnhom qegħdin joperaw f’xi swieq niċċa speċifiċi bħat-tħaffir.

(376)

Il-prodott taħt rieżami jitqies bħal element ta’ kost sinifikanti għall-utenti. Zvei allegat li l-kost tal-qalba tat-transformer (GOES) jammonta għal bejn 20 % u 40 % tal-kost totali tal-produzzjoni ta’ transformer. Madankollu, abbażi tad-data miġbura mill-kwestjonarji tal-utenti, il-prodott taħt rieżami bħala materjal ta’ input jammonta bħala medja għal madwar 7 % sa 17 % tal-kost totali tal-produzzjoni tat-transformers. Dan jista’ jkun ogħla f’ċerti każijiet eċċezzjonali, b’mod partikolari għal numru limitat ta’ kumpaniji intermedjarji li jinsabu bejn il-produtturi tal-prodott taħt rieżami u l-manifatturi tat-transformers. L-attivitajiet ta’ dawn il-kumpaniji intermedjarji huma limitati għall-qtugħ lonġitudinali għall-wisa’ u l-qtugħ tal-laminazzjonijiet skont l-ispeċifikazzjonijiet tal-produtturi tat-transformers tal-kojls u/jew l-assemblaġġ tal-qlub għat-transformers.

(377)

L-utenti affermaw li l-prodotti mill-produtturi esportaturi huma kwalitattivament aħjar f’termini ta’ telf fil-qalba. Huma affermaw ukoll li, wara l-impożizzjoni tal-miżuri matul ħames snin konsekuttivi, l-industrija tal-Unjoni xorta ma għandhiex biżżejjed kapaċità sabiex tforni lill-industrija tal-utenti b’mod partikolari b’tipi ta’ permeabbiltà għolja. T&D Europe allegat li l-industrija tat-transformers hija partikolarment dipendenti fuq l-importazzjonijiet ta’ tipi rfinati ta’ GOES b’dominju b’permeabbiltà għolja u li l-produtturi tal-UE ma humiex kapaċi jimmanifatturaw tipi raffinati ta’ GOES b’dominju b’permeabbiltà għolja fil-kwantità u l-kwalità li huma meħtieġa fis-suq tal-Unjoni. Hija allegat ukoll li, għall-futur prevedibbli, il-produtturi tal-Unjoni jistgħu biss jipprovdu sehem żgħir mid-domanda tal-UE. Konsegwentement, huma allegaw li għad hemm u se jkun hemm nuqqas fis-suq tal-Unjoni, b’mod partikolari għat-tipi b’permeabbiltà għolja.

(378)

L-assoċjazzjonijiet tal-utenti argumentaw li ż-żamma tal-miżuri eżistenti tnaqqas il-kompetittività tal-produtturi tat-transformers Ewropej vis-à-vis il-produtturi tat-transformers li jinsabu barra mill-Unjoni. Jekk il-miżuri jitkomplew fil-forma tat-tliet PMI, dan jirriżulta fi prezz tas-suq distort u għoli wisq li jkollu impatt materjali fuq il-kost tat-transformers u tal-elettriku madwar l-Ewropa. T&D Europe u Zvei sostnew ukoll li fis-swieq tal-GOES mingħajr miżuri ta’ importazzjoni artifiċjali (bħall-Indja) il-prezz tal-GOES naqas għal livelli ta’ prezzijiet storikament baxxi fl-ewwel kwart tal-2020. Fl-aħħar nett, huma allegaw li l-PMI iżidu l-kostijiet għall-produtturi tat-transformers tal-UE u fil-biċċa l-kbira jibbenefikaw fabbriki mhux tal-UE li jbigħu fl-UE bi prezzijiet ogħla. Zvei żiedet li dan jista’ jwassal għal rilokazzjoni tal-produtturi tat-transformers Ewropej barra mis-suq tal-Unjoni.

(379)

Bħala sommarju ta’ dak li ntqal hawn fuq, iż-żewġ argumenti ewlenin kontra l-kontinwazzjoni tal-miżuri eżistenti kienu dawn li ġejjin:

Dan iwassal għal nuqqasijiet fil-provvista (58) u differenzi fil-kwalità jekk il-miżuri jitkomplew;

Il-kompetittività tal-utenti tal-Unjoni tal-prodott taħt rieżami se tiddgħajjef vis-à-vis l-utenti li jinsabu barra mill-Unjoni minħabba l-prezz ogħla li jridu jħallsu fis-suq tal-Unjoni.

Sabiex tivvaluta dawn iż-żewġ argumenti ewlenin, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-istruttura tas-suq li ġejja. In-numru ta’ produtturi tal-prodott taħt rieżami madwar id-dinja huwa limitat għal anqas minn 20 produttur sinifikanti. L-Unjoni hija, wara s-suq Ċiniż, is-suq bl-ogħla numru ta’ produtturi. Deher li mhux il-produtturi kollha jistgħu jfornu ċerti tipi ta’ permeabbiltà għolja tal-prodott taħt rieżami. Il-produtturi tat-tipi b’permeabbiltà għolja tal-prodott taħt rieżami jinsabu fl-Unjoni, fl-Istati Uniti tal-Amerka, fil-Ġappun, fil-Korea u fiċ-Ċina.

6.3.2.   Nuqqasijiet fil-provvista u differenzi fil-kwalità

(380)

Il-Kummissjoni qieset, sabiex tibda, li l-objettiv tad-dazji anti-dumping ma huwiex li jingħalaq is-suq tal-Unjoni minn kwalunkwe importazzjoni. Tabilħaqq, l-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati naqsu iżda ma ntemmux bejn l-2015 u l-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, iżda komplew f’volumi sinifikanti. Għalhekk, l-importazzjonijiet ma humiex mistennija li jintemmu jekk il-miżuri jinżammu, iżda minflok ikomplu.

(381)

Fir-rigward tal-kwalità tal-prodott taħt rieżami, huwa rikonoxxut fis-suq li l-importazzjonijiet minn, b’mod partikolari, r-RPĊ, il-Korea, l-Istati Uniti u l-Ġappun ġeneralment jikkonċernaw tipi tal-prodott taħt rieżami b’permeabbiltà għolja. Madankollu, żewġ produtturi tal-Unjoni huma kapaċi jipproduċu ċerti tipi ta’ kwalità b’telf fil-qalba baxx tal-prodott taħt rieżami wkoll. L-akbar utent li kkoopera ddikjara li tnejn mill-erba’ produtturi tal-Unjoni tal-GOES żiedu b’mod konsiderevoli l-isforzi tagħhom sabiex jipproduċu tipi ta’ kwalità ta’ GOES b’permeabbiltà għolja bejn l-2015 u l-2020 u tejbu l-portafoll tal-prodotti tagħhom b’mod konsiderevoli f’termini ta’ telf fil-qalba matul l-istess perjodu.

(382)

Id-data tal-produzzjoni li nġabret mill-industrija tal-Unjoni, diviża għal kull kategorija PMI ta’ prodotti, tabilħaqq ikkonfermat li l-produtturi tal-GOES tal-Unjoni żiedu b’mod konsiderevoli l-isforzi tagħhom sabiex jipproduċu prodotti b’telf fil-qalba massimu mhux ogħla minn 0,9 W/kg. Filwaqt li l-produzzjoni totali naqset b’mod sinifikanti fil-perjodu kkunsidrat, il-produtturi tal-Unjoni setgħu jipproduċu proporzjonalment aktar prodotti b’telf fil-qalba massimu mhux ogħla minn 0,9 W/kg matul l-istess perjodu, li rriżulta f’żieda ta’ 36 %, jiġifieri aktar minn 20 000 tunnellata.

(383)

Fin-nuqqas ta’ miżuri, isir inċert jekk l-industrija tal-Unjoni tkunx tista’ tkompli tiżviluppa t-tipi ta’ GOES b’permeabbiltà għolja tagħha, filwaqt li titqies is-sitwazzjoni ekonomika diffiċli tagħha.

(384)

Meta titqies il-kapaċità tal-produzzjoni disponibbli tal-produtturi tal-Unjoni u l-istrateġija kontinwa tagħhom li jipproduċu proporzjonalment aktar tipi b’permeabbiltà għolja fil-futur qrib, l-industrija tal-Unjoni tista’ tipprovdi dejjem aktar lill-industrija tal-utenti, inklużi t-tipi b’permeabbiltà għolja. Il-produtturi tal-Unjoni stmaw li se jkunu jistgħu jżidu aktar il-livelli ta’ produzzjoni ta’ tipi b’permeabbiltà għolja, mis-sena 2021.

(385)

Anke b’żieda ulterjuri fil-livelli tal-produzzjoni ta’ tipi b’permeabbiltà għolja, l-akbar utent li kkoopera stima li l--produzzjoni tal-GOES tal-Unjoni xorta se tonqos milli tforni d-domanda fis-suq tal-Unjoni li tikkonċerna tipi b’permeabbiltà għolja tal-prodott taħt rieżami.

(386)

It-test tal-interess tal-Unjoni, madankollu, ma jeħtieġx li d-domanda tal-Unjoni tkun koperta kollha mill-produzzjoni tal-Unjoni. L-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati huma mistennija li jkomplu jfornu lis-suq tal-Unjoni. Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li ma huwiex probabbli li l-kontinwazzjoni tal-miżuri eżistenti twassal għal nuqqas fil-provvista ta’ tipi ta’ GOES b’permeabbiltà għolja fis-suq tal-Unjoni.

6.3.3.   Il-kompetittività tal-utenti tal-Unjoni tal-prodott taħt rieżami

(387)

Abbażi tad-data miġbura, il-Kummissjoni qieset li l-kontinwazzjoni tal-miżuri se jkollha biss impatt limitat fuq il-prezzijiet tat-transformers u fuq l-impjiegi fl-industrija tal-utent. L-effett probabbli jkun li l-kost tal-materjal tal-input, li jammonta għal madwar 7 % sa 17 %, jibqa’ mingħajr ma jinbidel fl-istess livelli mill-impożizzjoni tal-miżuri fil-forma tat-tliet PMI fl-2015.

(388)

Il-Kummissjoni qieset ukoll li, anke jekk wieħed jassumi differenza fil-prezz bejn il-prezzijiet ogħla tal-Unjoni u dawk internazzjonali aktar baxxi b’madwar 20 %, kwalunkwe impatt fuq l-industrija tal-utenti jkun minuri kif ġej: Jekk il-miżuri kellhom jiskadu fis-suq tal-Unjoni u jekk il-prezzijiet tal-Unjoni jonqsu b’20 %, il-kostijiet tal-GOES għall-utenti bħala medja jitnaqqsu b’anqas minn 2,5 % (59).

(389)

Barra minn hekk, fir-rigward tas-sitwazzjoni ekonomika tal-utenti li kkooperaw, tnejn kienu qegħdin jagħmlu profitt u tnejn kienu qegħdin jagħmlu telf. Sadanittant, wieħed mill-utenti li għamel telf ġie nnazzjonalizzat. L-utent l-ieħor, jiġifieri l-akbar utent f’termini ta’ fatturat u impjegati, iddikjara li t-telf tiegħu mġarrab matul l-2019 u matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami ma kienx attribwibbli għall-attivitajiet operazzjonali tiegħu, iżda pjuttost ir-riżultat ta’ żewġ avvenimenti eċċezzjonali. Kieku dawn l-avvenimenti eċċezzjonali ma seħħewx, din il-kumpanija wkoll kienet tagħmel profitt. Għaldaqstant, b’mod ġenerali, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-utenti li kkooperaw kienu ekonomikament f’pożizzjoni aħjar mill-produtturi tal-GOES.

(390)

Fl-aħħar nett, l-utenti kisbu kwantità sinifikanti ta’ GOES, inklużi t-tipi b’permeabbiltà għolja, mill-industrija tal-Unjoni. Jekk il-miżuri eżistenti jiskadu, ma jistax jiġi eskluż li l-utenti jibdew jiddependu esklużivament fuq l-importazzjonijiet, b’mod partikolari għat-tipi b’permeabbiltà għolja, li ċertament ikun ta’ detriment ukoll, fis-sens li jaffettwa d-diversità tal-provvista tagħhom. Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li kontinwazzjoni tal-miżuri ma jkollha l-ebda effett negattiv sproporzjonat fuq il-kompetittività tal-industrija tal-utenti.

(391)

Wara d-divulgazzjoni, l-applikant argumenta li l-Kummissjoni kkonkludiet b’mod korrett li jekk il-miżuri eżistenti jiskadu, ma jistax jiġi eskluż li l-utenti jistgħu jsiru esklużivament dipendenti fuq l-importazzjonijiet, li ċertament ikun ukoll ta’ detriment għalihom fis-sens li dan jaffettwa d-diversità tal-provvista tagħhom. L-applikant żied li ma hijiex biss kwistjoni ta’ diversità tal-provvista iżda wkoll kwistjoni ta’ sigurtà tal-provvista. Huwa argumenta li, bħala komponent meħtieġ għall-produzzjoni tal-qalba tat-transformers, il-GOES huwa pereżempju kruċjali għaż-żamma u għall-espansjoni tal-grilja elettrika tal-Unjoni, li ma tistax tiddependi fuq il-provvista minn kumpaniji barranin fl-Ażja, fir-Russja jew fl-Istati Uniti.

(392)

Il-Kummissjoni tenniet li l-objettiv tad-dazji anti-dumping ma huwiex li jingħalaq is-suq tal-Unjoni mill-importazzjonijiet kollha (ara l-premessa (380)). Bl-estensjoni tal-miżuri fil-forma ta’ PMI iżda mingħajr l-għeluq tas-suq tal-Unjoni, tista’ tinkiseb provvista sigura u diversa minn sorsi differenti, inkluż minn produtturi esportaturi u produtturi tal-Unjoni.

(393)

Wara d-divulgazzjoni, l-NLMK argumentat li l-kontinwazzjoni tal-miżuri, sa fejn hija kkonċernata r-Russja, ma hijiex fl-interess tal-Unjoni, u li tali kontinwazzjoni ma tindirizzax il-problemi strutturali tal-industrija tal-Unjoni filwaqt li tagħmel ħsara lill-utenti.

(394)

Fir-rigward ta’ dawn l-allegazzjonijiet tal-NLMK, il-Kummissjoni rreferiet għall-premessa (388) li fiha ġie spjegat li l-kontinwazzjoni tal-miżuri jkollha biss impatt żgħir fuq il-kostijiet tal-utenti. It-tieni, fir-rigward tal-allegazzjoni li l-industrija tal-Unjoni għandha problemi strutturali, il-Kummissjoni tirreferi għall-kunsiderazzjonijiet tagħha fil-premessa (320).

6.3.4.   Konklużjoni dwar l-interessi tal-utenti

(395)

Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, ġie konkluż li, fil-bilanċ, il-kontinwazzjoni tal-miżuri tmur kontra l-interessi tal-utenti. Madankollu, il-Kummissjoni ma setgħetx taċċetta d-dikjarazzjoni li l-kontinwazzjoni tal-miżuri twassal għal nuqqas ta’ provvista ta’ GOES b’permeabbiltà għolja. Hija kkonkludiet ukoll li l-kompetittività tal-industrija tal-utenti possibbilment tkun affettwata b’mod negattiv mill-kontinwazzjoni tal-miżuri, għalkemm b’impatt iżgħar fuq il-kostijiet milli allegat.

6.4.   Fatturi oħrajn

(396)

Id-Direttiva dwar l-Ekodisinn tistabbilixxi qafas għar-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-prodotti relatati mal-enerġija billi tistabbilixxi rekwiżiti obbligatorji minimi għall-effiċjenza enerġetika ta’ dawn il-prodotti. Din għandha l-għan li tnaqqas il-konsum tal-enerġija fl-Unjoni billi ttejjeb l-effiċjenza tal-apparati domestiċi elettriċi.

(397)

Id-Direttiva dwar l-Ekodisinn hija implimentata permezz ta’ Regolamenti speċifiċi għall-prodotti li japplikaw direttament fil-pajjiżi kollha tal-UE. Ir-Regolament dwar l-Ekodisinn (60) ikopri r-rekwiżiti l-ġodda dwar l-Ekodisinn fir-rigward ta’ transformers tal-elettriku ta’ qawwa żgħira, medja u għolja. L-Artikolu 1 tar-Regolament dwar l-Ekodisinn jiddefinixxi l-kamp tal-applikazzjoni tiegħu (applikabbli għat-tqegħid fis-suq jew għat-tħaddim ta’ transformers tal-elettriku bi klassifikazzjoni ta’ qawwa minima ta’ 1 kVA li jintużaw f’netwerks tat-trażmissjoni u d-distribuzzjoni tal-elettriku ta’ 50 Hz, jew għal applikazzjonijiet industrijali). Ir-Regolament dwar l-Ekodisinn japplika biss għal transformers mixtrijin wara d-dħul fis-seħħ tiegħu.

(398)

Il-Grad 1 tar-Regolament dwar l-Ekodisinn daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2015, u l-Grad 2 (61) fl-1 ta’ Lulju 2021. Ir-rekwiżiti tal-Grad 2 huma aktar stretti minn dawk tal-Grad 1.

(399)

Numru ta’ partijiet interessati indikaw id-dħul fis-seħħ tal-Grad 2 tar-Regolament dwar l-Ekodisinn. T&D Europe affermaw li t-tipi ta’ GOES tal-ogħla kwalità, li huma prodotti fi kwantitajiet limitati biss mill-industrija tal-Unjoni, huma meħtieġa sabiex it-transformers tal-Grad 2 jiġu ddiżinjati u mmanifatturati b’mod kosteffiċjenti u fi ħdan il-limitazzjonijiet tal-ispazju meħtieġa. Zvei ddikjarat li, minħabba l-Patt Ekoloġiku tal-Kummissjoni tal-UE, l-elettrifikazzjoni dejjem akbar tal-partijiet kollha tal-ekonomija u t-trasformazzjoni diġitali tal-industrija totali tal-UE se jwasslu għal domanda akbar għal transformers (effiċjenti ħafna). WindEurope ddikjarat li d-domanda għat-transformers li jinkorporaw tipi ta’ GOES b’permeabbiltà għolja se tkompli tiżdied minħabba sensibilizzazzjoni dejjem akbar dwar it-telf tal-enerġija tul iċ-ċiklu tal-ħajja tat-transformers, kif ukoll b’riżultat tal-miżuri tal-UE sabiex jitnaqqsu l-kostijiet tal-enerġija u tittejjeb il-prestazzjoni ambjentali tat-transformers, speċjalment fid-dawl tal-implimentazzjoni tal-Grad 2 tad-Direttiva tal-UE dwar l-Ekodisinn għat-transformers.

(400)

L-akbar utenti li kkooperaw iddikjaraw li r-rekwiżiti aktar stretti tal-Grad 2 jistgħu jiġu sodisfatti b’żewġ modi:

Jew billi jintużaw l-istess tipi ta’ GOES bħal qabel. Madankollu, dan iwassal għal żieda fid-dimensjonijiet u fil-piż, u kost ogħla f’termini ta’ materjal ta’ input, jew;

Billi jintużaw tipi ta’ GOES b’telf fil-qalba aktar baxx. Dan iwassal għal transformer relattivament iżgħar f’termini ta’ dimensjonijiet u piż. Din is-soluzzjoni fil-biċċa l-kbira tal-każijiet se tkun ippreferuta mill-utenti finali peress li ma taqbiżx ir-rekwiżiti tal-ispazju eżistenti.

B’riżultat ta’ dan, dan l-utent kien tal-fehma wkoll li se sseħħ bidla ulterjuri fit-tipi ta’ GOES tal-ogħla kwalità bħala riżultat tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament dwar l-Ekodisinn tal-Grad 2.

(401)

Il-Kummissjoni qieset li, abbażi tal-argumenti ta’ hawn fuq, huwa probabbli ħafna li d-dħul fis-seħħ tal-Grad 2 se jwassal għal żieda fid-domanda tat-tipi b’permeabbiltà għolja tal-prodott taħt rieżami. Madankollu, id-domanda u l-produzzjoni ta’ transformers li jużaw tipi konvenzjonali tal-prodott taħt rieżami se jkomplu jeżistu wkoll.

(402)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha l-għan li tagħti spinta lill-kapaċità tat-teknoloġija eolika lil hinn mill-kosta permezz tal-Istrateġija tal-UE dwar l-Enerġija Rinnovabbli Offshore (62) sabiex tilħaq l-għan tal-UE tan-newtralità klimatika sal-2050 (63). L-Istrateġija tal-UE dwar l-Enerġija Rinnovabbli Offshore stmat żieda fil-kapaċità tal-Ewropa tat-teknoloġija eolika lil hinn mill-kosta mil-livell attwali tagħha ta’ 12 GW għal mill-anqas 60 GW sal-2030 u għal 300 GW sal-2050. Din l-istrateġija se tikkontribwixxi wkoll għal żieda fid-domanda għal tipi b’permeabbiltà għolja tal-prodott taħt rieżami. WindEurope stqarret li l-industrija Ewropea tal-enerġija eolika tuża transformers f’diversi applikazzjonijiet: fi ħdan il-gondola, fis-substazzjonijiet lil hinn mill-kosta, u fil-punti ta’ konnessjoni tal-grilja fuq l-art. B’mod partikolari, WindEurope ddikjarat li tipi tal-prodott taħt rieżami b’permeabbiltà għolja huma partikolarment essenzjali għat-transformers fil-gondola, peress li l-ispazju huwa fi primjum u l-massa trid tiġi mminimizzata.

(403)

Għalhekk, standards differenti legalment vinkolanti tal-prodott stabbilew l-objettiv li tiġi żgurata provvista suffiċjenti, irrispettivament mill-oriġini tagħha, ta’ GOES ta’ kwalità għolja għall-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tat-transformers fl-Ewropa. Filwaqt li hemm ċertezza li d-domanda għat-tipi b’permeabbiltà għolja se tiżdied, id-daqs fil-futur ta’ din id-domanda, madankollu, ma huwiex ċar fil-preżent għaliex il-partijiet interessati għadhom ma taw l-ebda projezzjoni rilevanti sostnuta b’evidenza dwar il-kwistjoni. Madankollu, kif stabbilit hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li ma hemm l-ebda evidenza fil-fajl li turi li l-kontinwazzjoni tal-miżuri twassal għal nuqqas ta’ provvista ta’ tipi ta’ GOES b’permeabbiltà għolja b’tali mod li jimmina l-ilħuq tal-objettivi kif stipulat fil-Grad 2 tar-Regolament tal-UE dwar l-Ekodisinn. Fid-dawl tan-numru limitat ta’ produtturi ta’ GOES madwar id-dinja, il-kontinwazzjoni tal-miżuri pjuttost tikkontribwixxi għal diversità ta’ provvista, anke ta’ tipi ta’ GOES b’permeabbiltà għolja, li ssir dejjem aktar importanti fid-dawl ta’ dawn l-objettivi.

6.5.   Konklużjoni dwar l-interess tal-Unjoni

(404)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni qieset li l-kontinwazzjoni tal-miżuri eżistenti tippermetti lill-industrija tal-Unjoni terġa’ lura gradwalment għall-profittabbiltà u tagħmel aktar investimenti meħtieġa għall-manifattura u l-iżvilupp tal-gradi ta’ kwalità meħtieġa sabiex tiġi sodisfatta d-domanda akbar ta’ prodotti tal-GOES b’permeabbiltà għolja.

(405)

Jekk il-miżuri kellhom jiskadu, huwa improbabbli li l-industrija tal-Unjoni tkun tista’ tkompli tiżviluppa t-tipi ta’ GOES b’permeabbiltà għolja tagħha u li tkun kapaċi tibqa’ ħajja, meta titqies is-sitwazzjoni ekonomika diffiċli tagħha. Għalhekk, kontinwazzjoni tal-miżuri hija b’mod ċar fl-interess tal-industrija tal-Unjoni.

(406)

Fir-rigward tal-interess tal-utenti, iż-żamma tal-miżuri eżistenti għandha biss impatt limitat fuq il-prezzijiet tat-transformers u fuq l-impjiegi fl-industrija tal-utent.

(407)

Fir-rigward tal-objettiv stipulat fir-Regolament dwar l-Ekodisinn li tiġi żgurata provvista suffiċjenti ta’ tipi ta’ GOES b’permeabbiltà għolja fis-suq tal-Unjoni għal raġunijiet ta’ effiċjenza fl-enerġija, ma ġiex stabbilit li dan l-objettivi ikun imminat mill-impożizzjoni tal-miżuri.

(408)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, kollox ma’ kollox u meta jitqies li l-miżuri fil-forma tal-PMI tfasslu sabiex jakkomodaw it-tħassib tal-industrija tal-utenti fir-rigward tal-ħtieġa kontinwa ta’ importazzjonijiet ta’ prodotti tal-GOES b’permeabbiltà għolja, il-Kummissjoni kkonkludiet li ma kien hemm l-ebda raġuni konvinċenti ta’ interess għall-Unjoni kontra l-kontinwazzjoni tal-miżuri eżistenti fuq l-importazzjonijiet ta’ GOES li joriġinaw mill-pajjiżi kkonċernati. Jekk il-miżuri eżistenti jiskadu, dan jista’ jwassal għal tnaqqis fil-prezz fit-tipi kollha ta’ GOES, u l-industrija tal-Unjoni jkollha bżonn tnaqqas aktar il-prezzijiet tal-bejgħ tagħha sabiex tibqa’ attraenti. F’ċirkostanzi bħal dawn, is-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni tkompli tmur għall-agħar u tipperikola l-vijabbiltà u s-sopravivenza tagħha.

(409)

Wara d-divulgazzjoni, Nippon Steel argumentat li ż-żamma tal-miżuri ma tkunx fl-interess tal-Unjoni peress li dawn kienu ineffettivi filwaqt li kellhom impatt negattiv bla bżonn fuq l-utenti. Barra minn hekk, Nippon Steel argumentat li l-Kummissjoni ma qisitx il-fatt li ċerti utenti fis-settur tal-enerġija mir-riħ diġà qed ibatu l-konsegwenzi negattivi tal-miżuri ta’ difiża kummerċjali reċenti fuq l-inputs, bħad-dazji fuq il-materjali tal-fibra tal-ħġieġ u l-faxex tal-fibra tal-ħġieġ.

(410)

Il-Kummissjoni ma laqgħetx dawn l-allegazzjonijiet għar-raġunijiet li ġejjin. L-ewwel nett, kif stabbilit fil-premessa (309), l-impożizzjoni tal-miżuri fl-2015 inizjalment kellha effett pożittiv fuq is-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni, b’mod partikolari fl-2017 meta l-industrija tal-Unjoni bdiet tirkupra. It-tieni, il-Kummissjoni rreferiet għall-premessa (388) li tispjega li l-kontinwazzjoni tal-miżuri jkollha biss impatt żgħir fuq il-kostijiet tal-utenti. It-tielet, l-għan ewlieni tal-impożizzjoni ta’ miżuri għad-difiża tal-kummerċ huwa li jerġa’ jkun hemm kundizzjonijiet ekwi fost il-produtturi differenti. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni nnotat li WindEurope, l-assoċjazzjoni tal-industrija għall-enerġija mir-riħ fl-Ewropa, li tirrappreżenta lil aktar minn 400 organizzazzjoni membru, ma sostnietx li l-membri tagħha kienu diġà qed isofru l-konsegwenzi negattivi ta’ miżuri reċenti ta’ difiża kummerċjali fuq l-inputs. Għalhekk, din l-affermazzjoni ta’ Nippon Steel ma hijiex sostanzjata.

7.   MIŻURI ANTIDUMPING

(411)

Abbażi tal-konklużjonijiet milħuqa dwar il-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni u rikorrenza ta’ dumping u dannu kkawżat mill-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati, u fid-dawl tal-interess tal-Unjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet li jenħtieġ li jinżammu l-miżuri anti-dumping fuq l-importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami li joriġinaw miċ-Ċina, mill-Ġappun, mir-Repubblika tal-Korea, mill-Federazzjoni Russa u mill-Istati Uniti tal-Amerika.

(412)

Parti interessata waħda talbet li, jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li huwa essenzjali li tinżamm xi protezzjoni tal-industrija tal-Unjoni minkejja n-nuqqas ovvju tal-miżura anti-dumping tagħha li tindirizza l-problemi strutturali tagħha tal-produtturi tal-Unjoni, il-miżuri jinżammu għal perjodu limitat ta’ sena jew sentejn.

(413)

Il-Kummissjoni ċaħdet din it-talba abbażi tad-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni, li ma jiġġustifikax l-impożizzjoni ta’ miżuri għal perjodu iqsar minn ħames snin.

(414)

Ir-rati tad-dazju anti-dumping tal-kumpaniji individwali speċifikati f’dan ir-Regolament japplikaw biss għall-importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami li joriġinaw mill-pajjiżi ikkonċernati u manifatturat mill-entitajiet legali msemmijin. L-importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami manifatturat minn kwalunkwe kumpanija oħra mhux imsemmija b’mod speċifiku fil-parti operattiva ta’ dan ir-Regolament, inklużi l-entitajiet relatati ma’ dawk speċifikament imsemmija, jenħtieġ li jkunu soġġetti għar-rata ta’ dazju applikabbli għall-“kumpaniji l-oħrajn kollha”. Dawn jenħtieġ li ma jiġu soġġetti għal ebda rata individwali ta’ dazju anti-dumping.

(415)

Sabiex jitnaqqsu r-riskji ta’ ċirkumvenzjoni, qiegħed jitqies li jinħtieġu miżuri speċjali f’dan il-każ sabiex jiżguraw l-applikazzjoni xierqa tal-miżuri anti-dumping. Dawn il-miżuri speċjali jinkludu dan li ġej: il-preżentazzjoni lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri ta’ fattura kummerċjali valida u ċertifikat validu tal-fabbrika, li għandu jikkonforma mar-rekwiżiti mniżżla fl-Artikoli ta’ dan ir-Regolament. L-importazzjonijiet li ma jkunux akkumpanjati b’tali fattura u ċertifikat tal-fabbrika għandhom ikunu soġġetti għal rata ta’ dazju ad valorem applikabbli għall-kumpaniji l-oħra kollha mingħajr referenza għall-prezzijiet minimi ta’ importazzjoni.

(416)

Il-kumpanija tista’ titlob l-applikazzjoni ta’ dawn ir-rati individwali ta’ dazju anti-dumping jekk sussegwentement tbiddel l-isem tal-entità tagħha. It-talba trid tkun indirizzata lill-Kummissjoni (64). It-talba jrid ikun fiha l-informazzjoni rilevanti kollha li turi li l-bidla tal-isem ma taffettwax id-dritt tal-kumpanija li tibbenefika mir-rata tad-dazju li tapplika għaliha. Jekk il-bidla fl-isem tal-kumpanija ma taffettwax id-dritt tagħha li tibbenefika mir-rata tad-dazju li tapplika għaliha, jiġi ppubblikat Regolament dwar il-bidla tal-isem f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(417)

Fid-dawl tal-Artikolu 109 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (65), meta ammont ikun irid jiġi rrimborżat wara sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-imgħax li jrid jitħallas jenħtieġ li jkun ir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament ewlenin tiegħu, kif ippubblikat fis-serje C ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fl-ewwel jum kalendarju ta’ kull xahar.

(418)

Il-Kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Bażiku ma tax opinjoni.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Dazju definittiv anti-dumping huwa impost fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti b’vina parallela rrumblati ċatt ta’ azzar elettriku bis-siliċju, li għandhom ħxuna ta’ iżjed minn 0,16 mm, li attwalment jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM ex 7225 11 00 (il-kodiċijiet TARIC 7225110011, 7225110015 u 7225110019) u ex 7226 11 00 (il-kodiċijiet TARIC 7226110012, 7226110014, 7226110016, 7226110092, 7226110094 u 7226110096) u li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, mill-Ġappun, mir-Repubblika tal-Korea, mill-Federazzjoni Russa u mill-Istati Uniti tal-Amerka.

2.   L-ammont ta’ dazju anti-dumping definittiv applikabbli għall-prodott deskritt fil-paragrafu 1 u manifatturat mill-kumpaniji msemmija individwalment kif stipulat fil-paragrafu 4 għandu jkun id-differenza bejn il-prezz minimu ta’ importazzjoni ffissat fil-paragrafu 3 u l-prezz nett fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, jekk dan tal-aħħar huwa aktar baxx minn dak ta’ qabel. M’għandu jinġabar ebda dazju fejn il-prezz nett fil-fruntiera tal-Unjoni huwa ugwali jew ogħla mill-prezz minimu tal-importazzjoni korrispondenti ffissat fil-paragrafu 3. L-ammont tad-dazju fl-ebda każ ma għandu jkun ogħla mir-rati ta’ dazju ad valorem stabbiliti fil-paragrafu 4.

3.   Għall-iskopijiet tal-paragrafu 2, għandu japplika l-prezz minimu tal-importazzjoni stabbilit fit-tabella ta’ hawn taħt. Fejn jinstab, wara verifika li sseħħ wara l-importazzjoni, li l-prezz nett ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, attwalment imħallas mill-ewwel klijent indipendenti fl-Unjoni (il-prezz ta’ wara l-importazzjoni) huwa anqas mill-prezz nett, ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, kif irriżulta mid-dikjarazzjoni doganali u l-prezz ta’ wara l-importazzjoni huwa anqas mill-prezz minimu tal-importazzjoni, għandu japplika ammont ta’ dazju ekwivalenti għad-differenza bejn il-prezz minimu tal-importazzjoni stabbilit fit-tabella ta’ hawn taħt u l-prezz ta’ wara l-importazzjoni, sakemm l-applikazzjoni tad-dazju ad valorem stabbilita fil-paragrafu 4 flimkien mal-prezz ta’ wara l-importazzjoni ma twassalx għal ammont (il-prezz attwalment imħallas flimkien mad-dazju ad valorem) li jibqa’ anqas mill-prezz minimu tal-importazzjoni stabbilit fit-tabella ta’ hawn taħt.

Pajjiżi kkonċernati

Firxa tal-prodotti

Prezzijiet Minimi tal-Importazzjoni

(EUR/Tunnellata ta’ piż nett tal-prodott)

Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, il-Ġappun, l-Istati Uniti tal-Amerika, il-Federazzjoni Russa, ir-Repubblika tal-Korea

Prodotti b’massimu tat-telf fil-qalba mhux ogħla minn 0,9 W/kg

2 043

 

Prodotti b’massimu tat-telf fil-qalba għola minn 0,9 W/kg imma mhux ogħla minn 1,05 W/kg

1 873

 

Prodotti b’massimu tat-telf fil-qalba ogħla minn 1,05 W/kg

1 536

4.   Għall-iskopijiet tal-paragrafu 2, għandhom japplikaw ir-rati tad-dazju ad valorem stabbiliti fit-tabella hawn taħt.

Kumpanija

Dazju ad valorem

Kodiċi addizzjonali TARIC

Baoshan Iron & Steel Co., Ltd., Shanghai; RPĊ

21,5  %

C039

Wuhan Iron & Steel Co., Ltd., Wuhan, PRC

36,6  %

C056

JFE Steel Corporation, Tokyo, il-Ġappun

39,0  %

C040

Nippon Steel & Sumitomo Metal Corporation, Tokyo, il-Ġappun

35,9  %

C041

POSCO, Seoul, ir-Repubblika tal-Korea

22,5  %

C042

OJSC Novolipetsk Steel, Lipetsk;VIZ Steel, Ekaterinburg, il-Federazzjoni Russa

21,6  %

C043

AK Steel Corporation, Ohio, l-Istati Uniti tal-Amerika

22,0  %

C044

5.   Ir-rata tad-dazju anti-dumping definittiv applikabbli għall-prodotti deskritti fil-paragrafu 1 u manifatturat minn kwalunkwe kumpanija oħra mhux speċifikament imsemmija fil-paragrafu 4 għandu jkun id-dazju ad valorem kif stabbilit fit-tabella hawn taħt.

Kumpanija

Dazju ad valorem

Kodiċi addizzjonali TARIC

Il-kumpaniji Ċiniżi l-oħrajn kollha

36,6  %

C999

Il-kumpaniji Ġappuniżi l-oħrajn kollha

39,0  %

C999

Il-kumpaniji Koreani l-oħrajn kollha

22,5  %

C999

Il-kumpaniji Russi l-oħrajn kollha

21,6  %

C999

Il-kumpaniji Amerikani l-oħrajn kollha

22,0  %

C999

6.   L-applikazzjoni tal-miżuri għall-kumpaniji msemmija fil-paragrafu 4 għandha tkun kondizzjonali għall-preżentazzjoni lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri ta’ fattura kummerċjali valida u ta’ ċertifikat tal-fabbrika, li għandhom ikunu konformi mar-rekwiżiti stipulati fl-Annessi I u II, rispettivament. Jekk la ċ-ċertifikat tal-fabbrika u lanqas il-fattura ma jiġu ppreżentati, għandha tapplika r-rata tad-dazju applikabbli għall-kumpaniji l-oħrajn kollha. Dan iċ-ċertifikat tal-fabbrika għandu jelenka t-telf massimu fil-qalba għal kull koljatura f’Watts għal kull kilogramm bi frekwenza ta’ 50 Hz u induzzjoni manjetika ta’ 1,7 Tesla.

7.   Għall-produtturi msemmija individwalment u fil-każijiet fejn il-merkanzija tkun saritilha l-ħsara qabel tidħol fiċ-ċirkolazzjoni libera u, għaldaqstant, il-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas jiġi mqassam sabiex jiġi ddeterminat il-valur doganali skont l-Artikolu 131(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 (66), il-prezz minimu tal-importazzjoni stipulat hawn fuq għandu jitnaqqas b’perċentwal li jikkorrispondi għat-tqassim tal-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas. Id-dazju pagabbli mbagħad għandu jkun id-differenza bejn il-prezz minimu mnaqqas ta’ importazzjoni u l-prezz nett imnaqqas, ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel l-approvazzjoni doganali.

8.   Għall-kumpaniji l-oħrajn kollha u f’każijiet fejn il-merkanzija saritilha ħsara qabel ma daħlet fiċ-ċirkolazzjoni libera u, għalhekk, il-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas huwa mqassam għad-determinazzjoni tal-valur doganali skont l-Artikolu 131(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447, l-ammont tad-dazju anti-dumping, maħdum abbażi tal-paragrafu 2 hawn fuq, għandu jitnaqqas b’perċentwal li jikkorrispondi mat-tqassim tal-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas.

9.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Jannar 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1953 tad-29 ta’ Ottubru 2015 li jimponi dazju definittiv tal-anti-dumping fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti bi grani orjentati irrumblati ċatti ta’ azzar manjetiku tas-silikon li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, il-Ġappun, ir-Repubblika tal-Korea, il-Federazzjoni Russa u l-Istati Uniti tal-Amerka (ĠU L 284, 30.10.2015, p. 109).

(3)  Notifika dwar l-iskadenza imminenti ta’ ċerti miżuri anti-dumping (ĠU C 40, 6.2.2020, p. 34).

(4)  In-Notifika ta’ bidu ta’ rieżami ta’ skadenza tal-miżuri anti-dumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ prodotti b’vina parallela rrumblati ċatt ta’ azzar elettriku bis-siliċju li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (RPĊ), mill-Ġappun, mir-Repubblika tal-Korea, mill-Federazzjoni Russa u mill-Istati Uniti tal-Amerika (USA) (ĠU C 366, 30.10.2020, p. 25).

(5)  Nota għall-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati, datata l-14 ta’ Jannar 2021, referenza t21.000455.

(6)  Disponibbli mil-link: http://trade.ec.europa.eu/tdi/case_details.cfm?ref=ong&id=2492&sta=1&en=20&page=1&c_order=date&c_order_dir=Down

(7)  Avviż dwar il-konsegwenzi tat-tifqigħa tal-COVID-19 fuq investigazzjonijiet anti-dumping u antisussidji (ĠU C 86, 16.3.2020, p. 6).

(8)  Għar-raba’ produttur tal-Unjoni, twettqet analiżi bbażata fuq id-dokumentazzjoni abbażi tat-tweġiba tiegħu għall-kwestjonarju u t-tweġiba tiegħu għall-ittra ta’ defiċjenza.

(9)  Kawża C-376/15 P, Changshu City Standard Parts Factory u Ningbo Jinding Fastener vs il-Kunsill, ECLI:EU:C:2017:269, il-paragrafu 65.

(10)  Sors: tweġibiet għall-kwestjonarju tal-produtturi esportaturi Ġappuniżi.

(11)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/635 tas-16 ta’ April 2021 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi wweldjati tal-ħadid jew tal-azzar bil-karbonju li joriġinaw mill-Belarussja, mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mir-Russja wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 132, 19.4.2021, p. 145) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/508 tas-7 ta’ April 2020 li jimponi dazju anti-dumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti pjanċi u kojls tal-azzar inossidabbli llaminati bis-sħana li joriġinaw mill-Indoneżja, mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mit-Tajwan (ĠU L 110, 8.4.2020, p. 3).

(12)  Ara l-premessi 149-150 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/635 u l-premessi 158-159 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/508.

(13)  Ara l-premessi 115-118 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/635 u l-premessi 122-127 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/508.

(14)  Ara l-premessi 119-122 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/635 u l-premessi 128-132 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/508: Filwaqt li d-dritt għall-ħatra u għat-tneħħija ta’ persunal kruċjali tal-maniġment fl-SOEs mill-awtoritajiet rilevanti tal-Istat, kif previst fil-leġiżlazzjoni Ċiniża, jista’ jitqies li jirrifletti d-drittijiet ta’ sjieda korrispondenti, iċ-ċelloli tas-CCP fl-intrapriżi, kemm dawk tal-Istat kif ukoll dawk privati, jirrappreżentaw mezz importanti ieħor li permezz tiegħu l-Istat jista’ jinterferixxi fid-deċiżjonijiet tan-negozju. Skont il-liġi tal-kumpaniji tar-RPĊ, f’kull kumpanija għandha tiġi stabbilita organizzazzjoni tas-CCP (li jkollha mill-anqas tliet membri tas-CCP kif speċifikat fil-Kostituzzjoni tas-CCP) u l-kumpanija għandha tipprovdi l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-attivitajiet tal-organizzazzjoni tal-partit. Fil-passat, dan ir-rekwiżit jidher li mhux dejjem ġie segwit jew infurzat b’mod strett. Madankollu, minn tal-anqas l-2016, is-CCP saħħaħ il-pretensjonijiet tiegħu ta’ kontroll fuq id-deċiżjonijiet kummerċjali fl-SOEs bħala kwistjoni ta’ prinċipju politiku. Huwa rrapportat ukoll li s-CCP jeżerċita pressjoni fuq il-kumpaniji privati sabiex ipoġġu l-“patrijottiżmu” l-ewwel u qabel kollox u sabiex isegwu d-dixxiplina tal-partit. Fl-2017, ġie rrapportat li kienu jeżistu ċelloli tal-partiti f’70 % ta’ madwar 1,86 miljun kumpanija privata, li rriżulta fi pressjoni dejjem akbar sabiex l-organizzazzjonijiet tas-CCP ikollhom l-aħħar kelma fuq id-deċiżjonijiet kummerċjali fil-kumpaniji rispettivi tagħhom. Dawn ir-regoli għandhom applikazzjoni ġenerali fl-ekonomija Ċiniża kollha, fis-setturi kollha, inkluż għall-produtturi tal-GOES u għall-fornituri tal-inputs tagħhom.

(15)  Ara l-premessi 123-129 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/635 u l-premessi 133-138 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/508.

(16)  Ara l-premessi 130-133 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/635 u l-premessi 139-142 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/508.

(17)  Ara l-premessi 134-135 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/635 u l-premessi 143-144 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/508.

(18)  Ara l-premessi 136-145 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/635 u l-premessi 145-154 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/508.

(19)  Id-Dipartiment tal-Kummerċ tal-Istati Uniti, “China’s Status as a non-market economy”, A-570053, 26 ta’ Ottubru 2017, p. 57.

(20)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/687 tat-2 ta’ Mejju 2019 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-azzar miksija b’materjal organiku li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 116, 3.5.2019, p. 5).

(21)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/969 tat-8 ta’ Ġunju 2017 li jimponi dazji kumpensatorji definittivi fuq importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti ċatti b’laminazzjoni termali tal-ħadid, azzar mhux illigat jew liga oħra tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/649 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti ċatti b’laminazzjoni termali tal-ħadid, azzar mhux illigat jew liga oħra tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 146, 9.6.2017, p. 17).

(22)  Steel Industry Coalition, Report on Market Research into the Peoples Republic of China Steel Industry (it-30 ta’ Ġunju 2016).

(23)  Non-Oriented Electrical Steel from the People’s Republic of China: Final Results of the Expedited First Sunset Review of the Countervailing Duty Order, 85 Fed. Reg. 11339 (is-27 ta’ Frar 2020); Countervailing Duty Investigation of Certain Corrosion-Resistant Steel Products from the People’s Republic of China: Final Affirmative Determination, 81 Fed. Reg. 35308 (it-2 ta’ Ġunju 2016).

(24)  Baowu, “Il-profil tal-kumpanija”, http://www.baowugroup.com/en/contents/5273/102759.html (ikkonsultat l-aħħar fis-6 ta’ Mejju 2021)

(25)  Rapport – Kapitolu 14, p. 358: 51 % kumpaniji privati u 49 % SOEs f’termini ta’ produzzjoni u 44 % SOEs u 56 % kumpaniji privati f’termini ta’ kapaċità.

(26)  Disponibbli fuq:

www.gov.cn/zhengce/content/2016-02/04/content_5039353.htm (ikkonsultat l-aħħar fis-6 ta’ Mejju 2021); https://policycn.com/policy_ticker/higher-expectations-for-large-scale-steel-enterprise/?iframe=1&secret=c8uthafuthefra4e (ikkonsultat l-aħħar fis-6 ta’ Mejju 2021), u

www.xinhuanet.com/english/2019-04/23/c_138001574.htm (ikkonsultat l-aħħar fis-6 ta’ Mejju 2021).

(27)  Disponibbli fuq http://www.xinhuanet.com/english/2019-04/23/c_138001574.htm (ikkonsultat l-aħħar fis-6 ta’ Mejju 2021) u http://www.jjckb.cn/2019-04/23/c_137999653.htm (ikkonsultat l-aħħar fis-6 ta’ Mejju 2021).

(28)  Kif kien il-każ tal-fużjoni bejn il-kumpanija privata Rizhao u l-SOE Shandong Iron and Steel fl-2009. Ara r-rapport ta’ Beijing steel, p. 58, u s-sehem ta’ maġġoranza akkwistat ta’ China Baowu Steel Group f’Magang Steel f’Ġunju 2019, ara https://www.ft.com/content/a7c93fae-85bc-11e9-a028-86cea8523dc2 (ikkonsultat l-aħħar fis-6 ta’ Mejju 2021)

(29)  Ara l-Istatut ta’ Assoċjazzjoni ta’ Baoshan, l-Istatut 133.4: http://static.sse.com.cn//disclosure/listedinfo/announcement/c/2021-01-08/600019_20210108_8.pdf (ikkonsultat l-aħħar fis-6 ta’ Mejju 2021).

(30)  http://www.wuganggroup.cn/zzjs/index.jhtml, ikkonsultat fid-9 ta’ Settembru 2021.

(31)  Ir-Rapport, il-Kapitolu 14.

(32)  Introduzzjoni għall-Pjan għall-Aġġustament u t-Titjib tal-Industrija tal-Azzar.

(33)  Ir-Rapport, il-Kapitolu 14, p. 347.

(34)  It-13-il Pjan ta’ Ħames Snin għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (2016-2020), disponibbli fuq

https://en.ndrc.gov.cn/newsrelease_8232/201612/P020191101481868235378.pdf (ikkonsultat l-aħħar fis-6 ta’ Mejju 2021)

(35)  Ir-Rapport – Il-Kapitolu 14, p. 352.

(36)  Il-Katalogu għall-Iggwidar tar-Ristrutturar tal-Industrija (il-Verżjoni tal-2011) (l-Emenda tal-2013) maħruġ bl-Ordni Nru 9 tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Iżvilupp u għar-Riforma fis-27 ta’ Marzu 2011, u emendat f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Iżvilupp u għar-Riforma dwar l-Emendar tal-Klawżoli Rilevanti tal-Katalogu għall-Iggwidar tar-Ristrutturar tal-Industrija (il-Verżjoni tal-2011) maħruġa bl-Ordni Nru 21 tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Iżvilupp u għar-Riforma fis-16 ta’ Frar 2013.

(37)  Ara r-rapport annwali tal-2019, il-paġni 181 u 187: http://static.cninfo.com.cn/finalpage/2020-04-29/1207654234.PDF

(38)  Ara r-rapport annwali ta’ Baowu Steel tal-2019: https://www.shclearing.com/xxpl/cwbg/nb/202005/t20200529_691577.html, paġna 210.

(39)  Ara l-premessi 134-135 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/635 u l-premessi 143-144 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/508.

(40)  Data Miftuħa tal-Bank Dinji – Introjtu Medju Superjuri, https://data.worldbank.org/income-level/upper-middle-income.

(41)  Jekk ma jkun hemm l-ebda produzzjoni tal-prodott taħt rieżami fi kwalunkwe pajjiż li jkollu livell simili ta’ żvilupp, tista’ titqies il-produzzjoni ta’ prodott fl-istess kategorija u/jew settur ġenerali tal-prodott taħt rieżami.

(42)  http://qdd.oecd.org/subject.aspx?Subject=ExportRestrictions_IndustrialRawMaterials

(43)  Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar distorsjonijiet sinifikanti fl-ekonomija tal-Federazzjoni Russa għall-finijiet tal-investigazzjonijiet tad-difiża tal-kummerċ SWD(2020) 242 final, il-Kapitolu 10, b’mod partikolari l-paġni 267, 269 u 293

(44)  Idem, p. 225, 291-293

(45)  Idem, b’mod partikolari l-Kapitoli 11, 12 u 14.

(46)  Ir-Regolament (UE) 2015/755 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2015 dwar regoli komuni għall-importazzjonijiet minn ċerti pajjiżi terzi (ĠU L 123, 19.5.2015, p. 33). L-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku jqis li l-prezzijiet domestiċi f’dawk il-pajjiżi ma jistgħux jintużaw għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-valur normali u, fi kwalunkwe każ, din id-data dwar l-importazzjoni kienet negliġibbli.

(47)  www.fastmarkets.com

(48)  Il-Federazzjoni Russa, l-Istati Uniti, il-Korea, il-Ġappun u l-Indja, u b’hekk jiġu esklużi ċ-Ċina u l-Istati Membri tal-UE.

(49)  https://novoportal.cemig.com.br/atendimento/valores-de-tarifas-e-servicos/ ikkonsultat l-aħħar fil-21 ta’ Settembru 2021.

(50)  http://www.gasmig.com.br/Institucional/Paginas/Hist%C3%B3rico%20de%20tarifas.aspx ikkonsultat l-aħħar fil-21 ta’ Settembru 2021.

(51)  L-istatistika Ċiniża dwar l-esportazzjoni tirrapporta bejgħ għall-esportazzjoni ta’ 244 097, filwaqt li l-Baoshan Group irrapporta bejgħ għall-esportazzjoni ta’ 203 450 fil-PI.

(52)  Dan kien ir-riżultat ta’ talba speċjali minn kumpanija Olandiża sabiex id-data tagħha tinżamm kunfidenzjali.

(53)  It-telf imġarrab fl-2018 u fl-2019 (rispettivament -8,4 % u -11,7 %) reġa’ kien madwar 4 u 5 darbiet ogħla mit-telf fl-2017 (-2,1 %).

(54)  Il-kapaċità ta’ riżerva (kapaċità - produzzjoni attwali) fir-RPĊ hija aktar mid-doppju tal-konsum totali tal-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami filwaqt li l-uniku produttur esportatur Russu li kkoopera għandu kapaċità ta’ produzzjoni nominali li tixbah il-konsum totali tal-Unjoni.

(55)  Kif deskritt fil-premessi (99) u (222), il-Kummissjoni fakkret li hija eżaminat l-imġiba attwali tal-ipprezzar tal-produtturi esportaturi mill-Korea u miċ-Ċina billi qabblet il-prezzijiet tagħhom fis-suq domestiku mal-prezzijiet tal-bejgħ tagħhom lil pajjiżi terzi. Pereżempju, matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, il-Kummissjoni nnotat li l-prezzijiet medji tal-esportazzjoni ex-works tagħhom lejn pajjiżi terzi kienu aktar baxxi mill-PMI l-aktar baxx applikabbli fl-UE fl-istess perjodu (il-Korea u ċ-Ċina).

(56)  Matul il-perjodu kkunsidrat tal-investigazzjoni inizjali, porzjon kbir tal-importazzjonijiet tal-prodott Ġappuniż ikkonċernat fin-Netherlands ġew irrapportati taħt Kodiċi NM kunfidenzjali. Għal din ir-raġuni, ġew ipprovduti meded fir-rigward tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati fir-Regolament inizjali.

(57)  Id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għall-iffissar ta’ rekwiżiti għall-Ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija (ĠU L 285, 31.10.2009, p. 10). Id-Direttiva dwar l-Ekodisinn hija implimentata permezz ta’ Regolamenti speċifiċi għall-prodotti li japplikaw direttament fil-pajjiżi kollha tal-UE. Ir-Regolament dwar l-Ekodisinn ikopri r-rekwiżiti l-ġodda dwar l-Ekodisinn fir-rigward ta’ transformers tal-elettriku ta’ qawwa żgħira, medja u għolja. Il-Grad 1 tar-Regolament dwar l-Ekodisinn daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2015, u l-Grad 2 fl-1 ta’ Lulju 2021. Ir-rekwiżiti tal-Grad 2 huma aktar stretti minn dawk tal-Grad 1. Għalkemm l-effetti sħaħ għadhom ma jistgħux jiġu vvalutati fuq perjodu ta’ żmien daqshekk qasir mid-dħul fis-seħħ tal-Grad 2, huwa ġeneralment mifhum li dawn ir-rekwiżiti tal-Grad 2 se jeħtieġu t-tipi tal-ogħla kwalità ta’ GOES għad-disinn u l-manifattura tat-transformers b’mod kosteffiċjenti u fi ħdan il-limitazzjonijiet tal-ispazju meħtieġa.

(58)  Il-produttur esportatur Ġappuniż JFE ikkummenta wkoll li l-kontinwazzjoni tal-miżuri kienet se tagħmel ħsara sproporzjonata lill-utenti billi tillimita l-kanali tal-importazzjoni tagħhom, filwaqt li l-industrija tal-Unjoni ma tistax tissodisfa d-domanda tal-utenti (ara l-kummenti inizjali fis-sottomissjoni ta’ JFE Steel, datata l-10 ta’ Diċembru 2020).

(59)  Ikkalkolat bħala 20 % anqas kostijiet fuq il-materjal tal-input tal-GOES għall-utenti mmultiplikat bi 12 %, li huwa l-medja ta’ 7 % u 17 %.

(60)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 548/2014 tal-21 ta’ Mejju 2014 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ transformers tal-elettriku ta’ qawwa żgħira, medja u għolja (ĠU L 152, 22.5.2014, p. 1).

(61)  F’Ottubru tal-2019, ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2019/1783 tal-1 ta’ Ottubru 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 548/2014 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ transformers tal-elettriku ta’ qawwa żgħira, medja u għolja (ĠU L 272, 25.10.2019, p. 107) aġġusta s-suġġett u l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Ekodisinn fid-dawl tal-implimentazzjoni futura tar-rekwiżiti tal-Grad 2 fir-rigward tat-transformers tal-enerġija mill-1 ta’ Lulju 2021.

(62)  https://ec.europa.eu/energy/topics/renewable-energy/eu-strategy-offshore-renewable-energy_mt

(63)  https://ec.europa.eu/clima/eu-action/climate-strategies-targets/2050-long-term-strategy_en

(64)  Il-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ, id-Direttorat G, Rue de la Loi 170, 1040 Brussell, il-Belġju.

(65)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).

(66)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558).


ANNESS I

Dikjarazzjoni ffirmata minn uffiċjal tal-entità li qed toħroġ il-fattura kummerċjali, fil-format li ġej, trid tidher fuq il-fattura kummerċjali valida msemmija fl-Artikolu 1(6):

L-isem u l-kariga tal-uffiċjal tal-entità li tkun qed toħroġ il-fattura kummerċjali.

Id-dikjarazzjoni li ġejja:

“Jiena, hawn taħt iffirmat, niċċertifika li l-(volum) u t-(telf fil-qalba) tal-azzar elettriku b’vina parallela mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni Ewropea kopert minn din il-fattura, kien immanifatturat minn (isem il-kumpanija u indirizz) (Kodiċi TARIC addizzjonali) fi (il-pajjiż ikkonċernat). Niddikjara li l-informazzjoni pprovduta f’din il-fattura hija sħiħa u korretta.”

Data u firma


ANNESS II

Trid tidher dikjarazzjoni ffirmata mill-uffiċjal tal-entità li toħroġ iċ-ċertifikat tal-fabbrika, fil-format li ġej, fuq iċ-ċertifikat tal-fabbrika validu msemmi fl-Artikolu 1(6):

L-isem u l-funzjoni tal-uffiċjal tal-entità li toħroġ iċ-ċertifikat tal-fabbrika.

Id-dikjarazzjoni li ġejja:

“Jiena, hawn taħt iffirmat, niċċertifika li l-azzar elettriku b’vina parallela mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni Ewropea kopert miċ-ċertifikat tal-fabbrika, li juri l-kejl tat-telf massimu fil-qalba f’Watts għal kull kilogramma bi frekwenza ta’ 50 Hz u induzzjoni manjetika ta’ 1,7 Tesla, u d-daqs f’mm, kien immanifatturat minn (isem u indirizz tal-kumpanija) (kodiċi addizzjonali TARIC) fi (pajjiż ikkonċernat). Niddikjara li l-informazzjoni pprovduta f’dan iċ-ċertifikat tal-fabbrika hija sħiħa u korretta.”

Data u firma