17.1.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 10/15


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/57

tal-14 ta’ Jannar 2022

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1379 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina kif estiż għall-importazzjonijiet ta’ roti kkunsinjati mill-Indoneżja, mill-Malasja, mis-Sri Lanka, mit-Tuneżija, mill-Kambodja, mill-Pakistan u mill-Filippini, kemm jekk iddikjarati bħala li joriġinaw minn dawn il-pajjiżi kif ukoll jekk le, wara rieżami tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(1) tiegħu,

Billi:

(1)

L-importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina huma soġġetti għal dazju anti-dumping definittiv impost mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1379 (2).

(2)

Oyama Bicycles (Taicang) Co., Ltd (“Oyama”), kodiċi addizzjonali TARIC (3) B773, kumpanija soġġetta għal rata ta’ dazju antidumping individwali ta’ 0 %, infurmat lill-Kummissjoni li wara l-ħtiġijiet tal-iżvilupp tan-negozju tagħha, kienet biddlet isimha għal Oyama Technology (Jiangsu) Co., Ltd u żiedet ambitu kummerċjali addizzjonali għal “Riċerka u żvilupp ta’ mutur u s-sistema ta’ kontroll tiegħu”. Fit-23 ta’ Novembru 2020, il-kumpanija, wara l-bidla f’isimha (4), talbet lill-Kummissjoni biex tikkonferma li l-bidla f’isimha ma taffettwax id-dritt tal-kumpanija li tibbenefika mir-rata tad-dazju anti-dumping individwali applikata għaliha taħt l-isem li kellha qabel.

(3)

Il-Kummissjoni eżaminat l-informazzjoni fil-fajl u kkonkludiet li l-bidla fl-isem ġiet irreġistrata kif suppost fl-3 ta’ Novembru 2020 mal-awtoritajiet rilevanti (l-Uffiċċju għas-Superviżjoni u l-Amministrazzjoni tas-Suq tal-Belt ta’ Taicang) u ma rriżultat fl-ebda relazzjoni ġdida ma’ gruppi oħra ta’ kumpaniji, li ma ġewx investigati mill-Kummissjoni. Għaldaqstant, din il-bidla fl-isem ma taffettwax is-sejbiet tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1379 u b’mod partikolari r-rata tad-dazju anti-dumping applikabbli għaliha.

(4)

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet fil-premessa ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni qieset li kien xieraq li temenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1379 biex jirrifletti l-bidla fl-isem tal-kumpanija li qabel kienet attribwita għall-kodiċi TARIC addizzjonali B773 u li l-bidla fl-isem għandha tieħu effett mid-data tar-reġistrazzjoni, it-3 ta’ Novembru 2020.

(5)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   L-Artikolu 1(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1379 huwa emendat kif ġej:

“Oyama Bicycles (Taicang) Co. Ltd”

B773

sostitwita minn

“Oyama Technology (Jiangsu) Co.,Ltd”

B773

2.   Il-kodiċi addizzjonali TARIC B773 li qabel kien attribwit lil Oyama Bicycles (Taicang) Co. Ltd għandu japplika għal Oyama Technology (Jiangsu) Co., Ltd mit-3 ta’ Novembru 2020.

3.   Kwalunkwe dazju definittiv fuq importazzjonijiet ta’ prodotti manifatturati minn Oyama Technology (Jiangsu) Co., Ltd li jaqbeż id-dazju anti-dumping stabbilit fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1379 fir-rigward ta’ Oyama Bicycles (Taicang) Co. Ltd għandu jitħallas lura jew jitnaqqas skont il-leġiżlazzjoni doganali applikabbli.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Jannar 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1379 tat-28 ta’ Awwissu 2019 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina kif estiż għall-importazzjonijiet ta’ roti kkunsinjati mill-Indoneżja, mill-Malasja, mis-Sri Lanka, mit-Tuneżija, mill-Kambodja, mill-Pakistan u mill-Filippini, kemm jekk iddikjarati bħala li joriġinaw minn dawn il-pajjiżi kif ukoll jekk le, wara rieżami tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 (ĠU L 225, 29.8.2019, p. 1).

(3)  It-Tariffa Integrata tal-Unjoni Ewropea.

(4)  Avviż ta’ Approvazzjoni ta’ Reġistrazzjoni Emendatorju mis-Sorveljanza tas-Suq tal-Belt ta’ Taicang & Amministrazzjoni Bureau, Reġistrazzjoni ta’ Bidla ta’ Kumpanija tal-Investiment Barranija Nru 11030002 tat-3 ta’ Novembru 2020.