14.1.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 9/29


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/47

tat-13 ta’ Jannar 2022

li jawtorizza t-tqegħid fis-suq tal-polpa taċ-ċirasa mnixxfa minn Coffea arabica L. u/jew Coffea canephora Pierre ex A.Froehner u l-infużjoni tagħha bħala ikel tradizzjonali minn pajjiż terz skont ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar ikel ġdid, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1852/2001 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 15(4) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2015/2283 jipprevedi li huwa biss l-ikel ġdid awtorizzat u inkluż fil-lista tal-Unjoni li jista’ jitqiegħed fis-suq fl-Unjoni. Ikel tradizzjonali minn pajjiż terz huwa ikel ġdid iddefinit fl-Artikolu 3(2)(c) tar-Regolament (UE) 2015/2283.

(2)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2468 (2) jistabbilixxi rekwiżiti amministrattivi u xjentifiċi dwar ikel tradizzjonali minn pajjiżi terzi.

(3)

Skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2015/2283, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470 (3) stabbilixxa lista tal-Unjoni ta’ ikel ġdid awtorizzat.

(4)

Skont l-Artikolu 15(4) tar-Regolament (UE) 2015/2283, il-Kummissjoni jeħtieġ tiddeċiedi dwar l-awtorizzazzjoni u dwar it-tqegħid fis-suq tal-Unjoni ta’ ikel tradizzjonali minn pajjiż terz.

(5)

Fis-6 ta’ Mejju 2020, il-kumpanija Societé de Produits Nestlé SA (“l-applikant”) ippreżentat notifika lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħha li tqiegħed fis-suq tal-Unjoni l-polpa taċ-ċirasa mnixxfa minn Coffea arabica L. u Coffea canephora Pierre ex A.Froehner u l-infużjoni tagħha bħala ikel tradizzjonali minn pajjiż terz f’konformità mal-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2015/2283. L-applikant talbet li l-polpa taċ-ċirasa mnixxfa minn Coffea arabica L. u Coffea canephora Pierre ex A.Froehner u l-infużjoni tagħha tintuża bħala ingredjent għall-infużjonijiet (inkluż ix-xarbiet lesti għax-xorb) u xarbiet bit-togħma maħsuba għall-popolazzjoni ġenerali.

(6)

Fit-13 ta’ Novembru 2020, il-kumpanija Luigi Lavazza SpA (“l-applikant”) ippreżentat notifika lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħha li tqiegħed fis-suq tal-Unjoni l-polpa taċ-ċirasa mnixxfa minn Coffea arabica L. u Coffea canephora Pierre ex A.Froehner u l-infużjoni tagħha bħala ikel tradizzjonali minn pajjiż terz f’konformità mal-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2015/2283. L-applikant talbet li l-polpa taċ-ċirasa mnixxfa minn Coffea arabica L. u Coffea canephora Pierre ex A.Froehner u l-infużjoni tagħha jintużaw bħala ingredjent għall-infużjonijiet u x-xarbiet bit-togħma maħsuba għall-popolazzjoni ġenerali.

(7)

Skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2468, il-Kummissjoni talbet informazzjoni addizzjonali mill-applikanti fir-rigward tal-validità tan-notifika. Societé de Produits Nestlé SA ippreżentat l-informazzjoni mitluba fis-17 ta’ Lulju 2020, fis-17 ta’ Novembru 2020 u fit-23 ta’ Diċembru 2020, filwaqt li Luigi Lavazza SpA ippreżentat l-informazzjoni mitluba fit-2 ta’ April 2021.

(8)

Id-data ppreżentata mill-applikanti turi li l-polpa taċ-ċirasa mnixxfa minn Coffea arabica L. u/jew Coffea canephora Pierre ex A.Froehner u l-infużjoni tagħha għandha rekord ta’ użu sikur fl-ikel fil-Jemen, fl-Etjopja u fil-Bolivja.

(9)

Skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2015/2283, fl-4 ta’ Jannar 2021 u fis-6 ta’ April 2021, il-Kummissjoni bagħtet in-notifiki validi lill-Istati Membri u lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”).

(10)

L-ebda oġġezzjoni debitament motivata b’rabta mat-tqegħid fis-suq fl-Unjoni tal-polpa taċ-ċirasa mnixxfa minn Coffea arabica L. u/jew Coffea canephora Pierre ex A.Froehner u l-infużjoni tagħha ma tressqet lill-Kummissjoni mill-Istati Membri jew mill-Awtorità fil-perjodu ta’ erba’ xhur stabbilit fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament (UE) 2015/2283.

(11)

Fis-27 ta’ Mejju 2021, l-Awtorità ppubblikat “Ir-rapport Tekniku dwar in-notifika tal-polpa taċ-ċirasa tal-kafè minn Coffea arabica L. u Coffea canephora Pierre ex A.Froehner bħala ikel tradizzjonali minn pajjiż terz skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2015/2283” (4), ibbażat fuq in-notifika minn Société de Produits Nestlé SA.

(12)

Fit-2 ta’ Settembru 2021, l-Awtorità ppubblikat “Ir-Rapport Tekniku dwar in-notifika tal-polpa taċ-ċirasa mnixxfa minn Coffea arabica L. u Coffea canephora Pierre ex A.Froehner bħala ikel tradizzjonali minn pajjiż terz skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2015/2283” (5), ibbażat fuq in-notifika minn Luigi Lavazza SpA.

(13)

F’dawk ir-rapporti l-Awtorità kkonkludiet li d-data disponibbli dwar il-kompożizzjoni u r-rekord tal-użu propost tal-polpa taċ-ċirasa mnixxfa minn Coffea arabica L. u Coffea canephora Pierre ex A.Froehner u l-infużjoni tagħha ma tqajjimx tħassib dwar is-sikurezza.

(14)

Għalhekk, il-Kummissjoni jenħtieġ li tawtorizza t-tqegħid fis-suq fl-Unjoni tal-polpa taċ-ċirasa mnixxfa minn Coffea arabica L. u/jew Coffea canephora Pierre ex A.Froehner u l-infużjoni tagħha bħala ikel tradizzjonali minn pajjiż terz u taġġorna skont dan il-lista tal-Unjoni ta’ ikel ġdid awtorizzat.

(15)

Fl-opinjoni tagħha l-Awtorità nnotat li l-konsum tax-xarbiet li fihom il-kafeina mhuwiex rakkomandat għat-tfal jew għan-nisa tqal jew għan-nisa li qed ireddgħu jekk il-kontenut tal-kafeina jaqbeż il-150 mg/l, kif stipulat fir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). Għalhekk, jekk il-prodott li fih l-ikel il-ġdid ikun fih aktar minn 150 mg/l ta’ kafeina, jenħtieġ li jiġi pprovdut tikkettar sabiex il-konsumaturi jiġu infurmati kif xieraq bil-kontenut tal-kafeina u li l-prodott mhuwiex rakkomandat għat-tfal, għan-nisa tqal jew għan-nisa li qed ireddgħu.

(16)

Għall-polpa taċ-ċirasa tal-kafè mqiegħda fis-suq bħala tali għall-preparazzjoni tal-infużjonijiet, jenħtieġ li jiġi pprovdut tikkettar biex il-konsumatur jiġi informat b’mod xieraq dwar il-preparazzjoni tal-prodott.

(17)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 jiġi emendat skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-polpa taċ-ċirasa mnixxfa minn Coffea arabica L. u/jew Coffea canephora Pierre ex A.Froehner u l-infużjoni tagħha kif speċifikat fl-Anness ta’ dan ir-Regolament, għandha tiġi inkluża bħala ikel tradizzjonali minn pajjiż terz fil-lista tal-Unjoni ta’ ikel ġdid awtorizzat stabbilita fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470.

L-entrata fil-lista tal-Unjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi l-kundizzjonijiet tal-użu u r-rekwiżiti tat-tikkettar stabbiliti fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Jannar 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 327, 11.12.2015, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2468 tal-20 ta’ Diċembru 2017 li jistabbilixxi rekwiżiti amministrattivi u xjentifiċi li jikkonċernaw ikel tradizzjonali minn pajjiżi terzi skont ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar ikel ġdid (ĠU L 351, 30.12.2017, p. 55).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470 tal-20 ta’ Diċembru 2017 li jistabbilixxi l-lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid skont ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel ġdid (ĠU L 351, 30.12.2017, p. 72).

(4)  EFSA Supporting publications, https://doi.org/10.2903/sp.efsa.2021.EN-6657

(5)  EFSA Supporting publications, https://doi/10.2903/sp.efsa.2021.EN-6808

(6)  Ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004 (ĠU L 304, 22.11.2011, p. 18).


ANNESS

L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-entrata li ġejja tiddaħħal fit-Tabella 1 (Ikel ġdid awtorizzat):

Ikel ġdid awtorizzat

Kundizzjonijiet li fihom jista’ jintuża l-ikel ġdid

Rekwiżiti tat-tikkettar speċifiċi oħrajn

Rekwiżiti oħrajn

“Polpa taċ-ċirasa mnixxfa minn Coffea arabica L. u/jew Coffea canephora Pierre ex A.Froehner u l-infużjoni tagħha (Ikel tradizzjonali minn pajjiż terz)

Kategorija tal-ikel speċifikat

Livelli massimi

Id-deżinjazzjoni tal-ikel ġdid fuq it-tikkettar tal-oġġetti tal-ikel li fihom dan l-ikel, għandha tkun “polpa taċ-ċirasa tal-kafè” u/jew “kaskara (polpa taċ-ċirasa tal-kafè)”, u/jew “infużjoni tal-polpa taċ-ċirasa tal-kafè” u/jew “infużjoni mnixxfa tal-polpa taċ-ċirasa tal-kafè”.

Jekk il-prodott li fih l-ikel il-ġdid ikun fih aktar minn 150 mg/l ta’ kafeina (bħala tali jew wara rikostituzzjoni), għandu jiġi ttikkettat bl-indikazzjoni li ġejja: “Kontenut għoli ta’ kafeina. Mhux rakkomandat għat-tfal jew għan-nisa tqal jew għan-nisa li qed ireddgħu” fl-istess kamp viżiv tal-isem tal-ikel, segwit bil-kontenut tal-kafeina espress f’mg għal kull 100 ml.

Il-preparazzjonijiet tipiċi tal-infużjonijiet huma ppreparati b’mhux aktar minn 6 g ta’ polpa taċ-ċirasa tal-kafè għal kull 100 ml ta’ ilma jaħraq (> 75 °C). Għall-polpa taċ-ċirasa tal-kafè mqiegħda fis-suq bħala tali għall-preparazzjoni tal-infużjonijiet, l-istruzzjonijiet dwar il-preparazzjoni għandhom jingħataw lill-konsumatur.”

 

Polpa taċ-ċirasa tal-kafè minn Coffea arabica L. u/jew Coffea canephora Pierre ex A.Froehner għall-preparazzjoni tal-infużjonijiet.

 

Kafè, estratti tal-kafè u taċ-ċikwejra, kafè solubbli, tè, infużjonijiet erbali u tal-frott, sostituti tal-kafè, taħlitiet tal-kafè u taħlitiet solubbli għal xarbiet sħan (u l-kontropartijiet tagħhom bit-togħma).

 

Xarbiet lesti għax-xorb mhux alkoħoliċi bit-togħma u mingħajr togħma

 

(2)

L-entrata li ġejja tiddaħħal fit-Tabella 2 (Speċifikazzjonijiet):

Ikel Ġdid Awtorizzat

Speċifikazzjonijiet

“Polpa taċ-ċirasa mnixxfa minn Coffea arabica L. u/jew Coffea canephora Pierre ex A.Froehner u l-infużjoni tagħha (Ikel tradizzjonali minn pajjiż terz)

Deskrizzjoni/Definizzjoni:

L-ikel tradizzjonali jikkonsisti fil-polpa taċ-ċirasa mnixxfa tal-kafè mhux inkaljata minn Coffea arabica L. u/jew Coffea canephora Pierre ex A.Froehner (ġeneru: Coffea familja: Rubiaceae) u l-infużjoni tagħha. L-infużjoni tista’ tintuża bħala tali jew konċentrata jew imnixxfa.

Iċ-ċirasa tal-kafè misjura tinġabar, u wara l-kafeni jitneħħew mekkanikament, qabel jew wara l-proċess ta’ tnixxif, u b’hekk tifdal il-polpa taċ-ċirasa mnixxfa tal-kafè, li tista’ tintaħan fi trab.

Il-polpa taċ-ċirasa tal-kafè hija magħrufa wkoll bħala “kaskara”, mill-kelma Spanjola “cáscara” li tfisser “qoxra”.

Tipikament, l-infużjoni tiġi ppreparata billi jitħalltu sa 6 g ta’ polpa jew qoxra tal-kaskara f’100 ml ta’ ilma jaħraq (> 75 °C) għal ftit minuti u wara jitferra’ f’passatur, jew jintużaw l-ammonti korrispondenti f’infużjonijiet imnixxfa jew solubbli.

Kompożizzjoni tal-polpa taċ-ċirasa mnixxfa tal-kafè:

 

Ilma: < 18 %

 

Attività tal-ilma (aw): ≤ 0,65

 

Irmied: < 10,4 % DM

 

Proteini: < 15 % DM

 

Xaħam: < 5 % DM

 

Karboidrati: < 85 % DM

Kriterji mikrobijoloġiċi:

 

Għadd ta’ kolonji aerobiċi: < 104 CFU/g

 

Ħmira u moffa totali: < 100 CFU/g

 

Enterobacteriaceae: < 50 CFU/g

 

Salmonella: Assenti f’25 g

 

Bacillus cereus: < 100 CFU/g

Mikotossini:

 

Okratossina A: < 5,0 μg/kg

 

Aflatossina B1: < 2,0 μg/kg

 

Aflatossina B1, B2, G1, G2 (bħala somma): < 4,0 μg/kg

Metalli tqal:

 

Kadmju (Cd): < 0,05 mg/kg

 

Ċomb (Pb): < 1,0 mg/kg

 

Ram: ≤ 50 mg/kg

 

Merkurju: ≤ 0,02 mg/kg

 

Arseniku: ≤ 0,2 mg/kg

Impuritajiet:

 

Benżo(a)piren: < 10,0 μg/kg

 

Is-somma ta’ benżo(a)piren, benz(a)antraċen, benżo(b)fluworanten u krisen: < 50,0 μg/kg

Pestiċidi:

Il-livelli ta’ pestiċidi fl-ikel tradizzjonali għandhom jikkonformaw mal-livelli stabbiliti bir-Regolament (KE) Nru 396/2005 għal “0639000” għal “Infużjonijiet erbali minn kull parti oħra tal-pjanta.”

CFU: Unitajiet li jiffurmaw il-kolonji

DM: Materja niexfa”