14.1.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 9/20


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/45

tat-13 ta’ Jannar 2022

li jimplimenta r-Regolament (UE) 2021/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura dwar każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità u każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità serja mar-regoli tal-politika komuni tas-sajd li jistgħu jwasslu għal interruzzjoni ta’ skadenza ta’ pagamenti jew għal sospensjoni ta’ pagamenti koperti minn dak il-fond

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 42(4) u 43(4) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-kisba tal-objettivi tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) li jinsabu fir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), jenħtieġ li ma jiġux imminati mill-Istati Membri li jiksru r-regoli tal-PKS. F’konformità mal-Artikolu 41 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, l-assistenza finanzjarja mill-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura (FEMSA) tingħata bil-kundizzjoni li l-Istati Membri jikkonformaw mar-regoli tal-PKS. In-nuqqas ta’ konformità mill-Istati Membri mar-regoli tal-PKS jista’ jwassal għall-interruzzjoni jew għas-sospensjoni tal-pagamenti jew għall-applikazzjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja għall-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni skont il-PKS.

(2)

L-Artikoli 96 u 97 tar-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) li jistipulaw dispożizzjonijiet komuni li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li jistgħu jwasslu għall-interruzzjoni tal-iskadenza tal-pagament jew is-sospensjoni tal-pagamenti, rispettivament. Dawn iż-żewġ Artikoli jipprevedu li r-regoli speċifiċi għall-fondi għall-FEMSA jistgħu jistabbilixxu bażijiet speċifiċi għall-interruzzjoni u s-sospensjoni marbuta man-nuqqas ta’ konformità mar-regoli applikabbli skont il-PKS.

(3)

Huwa neċessarju li tiġi pprovduta ċ-ċertezza legali għall-Istati Membri li qed jimplimentaw programmi operazzjonali koperti mill-FEMSA, u għalhekk jiġu ddefiniti l-każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità mar-regoli tal-PKS, li jwasslu għall-interruzzjoni tal-iskadenzi tal-pagamenti, u l-każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità serja mar-regoli tal-PKS, li jwasslu għas-sospensjoni tal-pagamenti;

(4)

Jenħtieġ li l-każijiet li jwasslu għall-interruzzjoni tal-iskadenzi tal-pagamenti jkunu dawk ta’ nuqqas ta’ konformità mar-regoli tal-PKS, li huma essenzjali għall-konservazzjoni u s-sostenibbiltà ambjentali tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar;

(5)

Jenħtieġ li l-każijiet li jwasslu għas-sospensjoni tal-pagamenti jkunu dawk fejn, barra min-nuqqas ta’ konformità li jwassal għall-interruzzjoni tal-iskadenzi tal-pagamenti, l-Istat Membru kkonċernat ikun naqas milli jieħu l-azzjoni meħtieġa biex jirrimedja s-sitwazzjoni li tkun waslet għal dak in-nuqqas ta’ konformità.

(6)

L-Artikolu 22(4) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jipprevedi għan-nuqqas li jsir ir-rapport dwar il-bilanċ bejn il-kapaċità tas-sajd tal-flotta u l-opportunitajiet tas-sajd u/jew in-nuqqas ta’ implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni għas-segmenti tal-flotta b’kapaċità żejda sinifikanti identifikata jista’ jirriżulta f’interruzzjoni jew sospensjoni proporzjonata ta’ assistenza finanzjarja tal-Unjoni rilevanti għal dak l-Istat Membru għall-investiment tal-flotta fis-segment jew segmenti tal-flotta kkonċernati,

(7)

L-Artikolu 25(7) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jipprevedi wkoll għal dak in-nuqqas mill-Istat Membru li jiġbor u/jew li jipprovdi data b’mod f’waqtu lil utent finali jista’ jirriżulta f’sospensjoni proporzjonali jew interruzzjoni tal-assistenza finanzjarja tal-Unjoni rilevanti lil dak l-Istat Membru,

(8)

Minħabba l-importanza li jiġi żgurat li jkun hemm mod armonizzat u trattament ugwali tal-operaturi fl-Istati Membri kollha mill-bidu tal-perjodu ta’ programmazzjoni, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

(9)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura;

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità

Il-każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità minn Stat Membru mar-regoli skont il-Politika Komuni tas-Sajd (PKS), li jistgħu jikkawżaw interruzzjoni tal-iskadenza tal-pagament għal applikazzjoni ta’ pagament skont l-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) 2021/1139 huma stabbiliti fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità serja

Il-każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità serja minn Stat Membru mar-regoli applikabbli skont il-Politika Komuni tas-Sajd, li jistgħu jikkawżaw sospensjoni ta’ pagamenti skont l-Artikolu 43 tar-Regolament (UE) 2021/1139 huma l-każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità stabbiliti skont l-Artikolu 1, meta Stat Membru, li huwa soġġett għal interruzzjoni tal-iskadenza ta’ pagament għal applikazzjoni ta’ pagament skont l-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) 2021/1139, jonqos milli jieħu l-azzjoni meħtieġa għall-konformità matul il-perjodu ta’ dik l-interruzzjoni.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Jannar 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  Ir-Regolament (UE) 2021/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2021 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u li jemenda r-Regolament (UE) 2017/1004 (ĠU L 247, 13.7.2021, p. 1).

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 159).


ANNESS

KAŻIJIET TA’ NUQQAS TA’ KONFORMITÀ MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 1

Każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità

Bażi ġuridika

Kategorija 1: Ma ġiex żgurat li l-opportunitajiet tas-sajd allokati lill-Istati Membri skont l-Artikoli 16-17 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013  (1) jiġu rispettati

1.1

Ma ġewx rispettati r-regoli dwar il-liċenzja u l-awtorizzazzjoni tas-sajd.

L-Artikoli 6(2) sa (4), 7(2) u (4) tar-Regolament dwar il-Kontroll (KE) Nru 1224/2009 (2)

1.2

Ma ġiex immonitorjat l-użu tal-opportunitajiet tas-sajd, b’mod partikolari billi ma ġietx irreġistrata d-data kollha fil-ġurnal ta’ abbord tas-sajd, fid-dikjarazzjonijiet tat-trasbord, fid-dikjarazzjonijiet tal-iżbark, fin-noti tal-bejgħ, jew fid-dikjarazzjonijiet ta’ kunsinna, u/jew ma ġiex immonitorjat l-isforz tas-sajd, u billi ma ġiex żgurat li din id-data tkun preċiża, kompluta u ppreżentata fil-ħin.

L-Artikoli 33(1) u 109(2) tar-Regolament dwar il-Kontroll (KE) Nru 1224/2009

1.3

Il-Kummissjoni ma ġietx innotifikata bid-data aggregata dwar il-qabdiet li nħattu u l-isforz tas-sajd.

L-Artikoli 33(2) u (4) tar-Regolament dwar il-Kontroll (KE) Nru 1224/2009

1.4

Is-sajd ma ngħalaqx meta l-kwoti, inklużi dawk skont il-ftehimiet ta’ sħubija dwar is-sajd sostenibbli (SFPAs) u l-organizzazzjonijiet reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd (RFMOs) u/jew l-isforz tas-sajd ġew eżawriti.

L-Artikolu 35 tar-Regolament dwar il-Kontroll (KE) Nru 1224/2009

Kategorija 2: Ma ġewx irrispettati l-miżuri ta’ konservazzjoni u/jew il-protezzjoni ta’ speċi u ħabitats sensittivi bil-għan li jintlaħqu l-attivitajiet tas-sajd u tal-akkwakultura ambjentalment sostenibbli fit-tul kif stabbilit fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013

2.1

Ma ġietx żgurata d-dokumentazzjoni dettaljata u preċiża ta’ kull vjaġġ tas-sajd u l-kapaċità u l-mezzi xierqa sabiex tiġi mmonitorjata l-konformità mal-obbligu ta’ ħatt l-art f’konformità mal-prinċipju tal-effiċjenza u tal-proporzjonalità.

L-Artikolu 15(13) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd

2.2

Ma ġewx implimentati l-projbizzjoni tal-qbid, iż-żamma abbord, it-trasbord jew ħatt l-art ta’ speċijiet ta’ ħut jew frott tal-baħar bil-qoxra msemmija fl-Anness IV għad-Direttiva 92/43/KEE (ħlief meta jingħataw derogi taħt l-Artikolu 16 ta’ dik id-Direttiva).

L-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2019/1241 dwar il-Miżuri Tekniċi (3)

2.3

Ma ġietx implimentata l-projbizzjoni tal-qbid, iż-żamma abbord, it-trasbord jew ħatt l-art ta’ mammiferi tal-baħar jew rettili tal-baħar imsemmija fl-Annessi II u IV għad-Direttiva 92/43/KEE u ta’ speċijiet ta’ għasafar tal-baħar koperti bid-Direttiva 2009/147/KE.

L-Artikolu 11(1) tar-Regolament (UE) 2019/1241 dwar il-Miżuri Tekniċi

2.4

Ma nġabritx data xjentifika dwar il-qabdiet inċidentali ta’ speċijiet sensittivi u ta’ ċerti speċijiet ta’ għasafar tal-baħar.

L-Artikolu 11(4) u l-Anness XIII, il-punt 2 tar-Regolament (UE) 2019/1241 dwar il-Miżuri Tekniċi

2.5

Meta, f’konformità mal-aqwa parir xjentifiku disponibbli, kellha tiġi mmonitorjata u evalwata l-effettività tal-miżuri ta’ mitigazzjoni implimentati, dan ma sarx.

L-Artikolu 11(4) u l-Anness XIII, il-punt 4 tar-Regolament (UE) 2019/1241 dwar il-Miżuri Tekniċi

2.6

Ma ġiex ipprojbit l-użu ta’ rkapti tas-sajd speċifikati fl-Anness II tar-Regolament (UE) 2019/1241 dwar il-Miżuri Tekniċi sabiex jiġu protetti l-ħabitats sensittivi.

L-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2019/1241 dwar il-Miżuri Tekniċi

2.7

Ma ġewx rispettati r-regoli dwar ir-riċerka xjentifika.

L-Artikolu 25(1)(e) tar-Regolament (UE) 2019/1241 dwar il-Miżuri Tekniċi

2.8

Ma ġewx stabbiliti u implimentati l-pjanijiet ta’ ġestjoni tas-sallura.

L-Artikoli 2(1), (3) u (10), 5(2) u 6(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1100/2007 dwar is-sallura Ewropea (4).

2.9

Ma ġewx irrispettati l-miżuri ta’ konservazzjoni dwar is-sallura (it-tnaqqis tal-isforz tas-sajd fejn applikabbli u l-ksib tal-miri).

L-Artikolu 8(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1100/2007 dwar is-sallura Ewropea

2.10

Ma wasal ebda rapport lill-Kummissjoni rigward il-monitoraġġ, l-effikaċja u l-eżitu tal-miżuri ta’ konservazzjoni rigward is-sallura.

L-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1100/2007 dwar is-sallura Ewropea

2.11

Ma ġiex sottomess lill-Kummissjoni rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tar-regoli fir-rigward tat-tneħħija tal-pinen tal-kelb il-baħar.

L-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1185/2003 tas-26 ta’ Ġunju 2003 dwar it-tneħħija tal-pinen ta’ klieb il-baħar abbord bastimenti (5)

Kategorija 3: Ma tmexxewx relazzjonijiet esterni dwar is-sajd f’konformità mal-obbligi internazzjonali kif ukoll mal-objettivi u l-prinċipji politiċi kif stabbiliti fl-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013

3.1

Ma ġiex żgurat li l-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jtajru l-bandiera tal-Istati Membri u joperaw barra mill-ilmijiet tal-Unjoni ikunu f’pożizzjoni li jipprovdu dokumentazzjoni dettaljata u preċiża tal-attivitajiet kollha tas-sajd u tal-ipproċessar.

L-Artikolu 31(8) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd

3.2

Ma ġiex żgurat li l-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni barra l-ilmijiet tal-Unjoni huma awtorizzati f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE) 2017/2403 dwar il-Ġestjoni Sostenibbli ta’ Flotot tas-Sajd Esterni.

L-Artikoli 5(1), 6(2), 6(4), 7(3) sa (7), 11(1), 18(1) u 25(1) tar-Regolament (UE) 2017/2403 dwar il-Ġestjoni Sostenibbli ta’ Flotot tas-Sajd Esterni (SMEFF) (6)

Kategorija 4: Ma ġiex żgurat li l-kapaċità tas-sajd tal-flotot hija f’bilanċ mar-riżorsi naturali kif meħtieġ mill-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013

4.1

Ma ġewx stabbiliti miżuri biex tiġi aġġustata l-kapaċità tas-sajd tal-flotot għall-opportunitajiet tas-sajd huma u jitqiesu x-xejriet u l-aħjar parir xjentifiku, bl-objettiv li jinkiseb bilanċ stabbli u dejjiem bejniethom.

L-Artikolu 22(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd

4.2

Ma tfasslux valutazzjonijiet separati għal flotot fir-reġjuni ultraperiferiċi u għall-bastimenti li joperaw esklużivament barra mill-ilmijiet tal-Unjoni.

L-Artikolu 22(3) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd

4.3

Ma ġiex żgurat li kwalunkwe ħruġ mill-flotta sostnut minn għajnuna pubblika jkun preċedut mill-irtirar tal-liċenzja tas-sajd u tal-awtorizzazzjonijiet rispettivi u li l-kapaċità tas-sajd ma tiġix sostitwita.

L-Artikolu 22(5) u (6) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd

4.4

Ma ġiex żgurat ir-rispett tal-limiti massimi ta’ kapaċità tas-sajd stabbiliti fl-Anness II tar-Regolament tal-PKS (UE) Nru 1380/2013.

L-Artikolu 22(7) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd

4.5

Ma ġietx implimentata l-iskema ta’ dħul/ħruġ b’tali mod li d-dħul fil-flotta ta’ kapaċità ġdida mingħajr għajnuna pubblika jiġi kkumpensat bl-irtirar preċedenti ta’ kapaċità mingħajr għajnuna pubblika b’tal-inqas l-istess ammont.

L-Artikolu 23(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd

4.6

Ma ġietx sottomessa lill-Kummissjoni l-informazzjoni li għandha tiġi rreġistrata fir-reġistru tal-bastimenti tal-Unjoni kif stabbilit fl-Artikolu 24(1) tar-Regolament PKS (UE) Nru 1380/2013 u fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-reġistru tal-flotta tas-sajd tal-Unjoni.

L-Artikolu 24(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd kif ukoll ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/218 tas-6 ta’ Frar 2017 dwar ir-reġistru tal-flotta tas-sajd tal-Unjoni (7)

4.7

Ma ġewx ikkontrollati u mmonitorjati l-kapaċità tas-sajd u l-qawwa tal-magna tal-bastimenti tas-sajd.

L-Artikoli 38, 39(2), 40(1) u 41 tar-Regolament dwar il-Kontroll (KE) Nru 1224/2009

Kategorija 5: Ma kienx hemm kontribut għall-objettiv tal-PKS biex tinġabar data xjentifika kif stabbilit fl-Artikolu 2(4) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013

5.1

Ma nġabritx u lanqas ġiet ġestita data bijoloġika, ambjentali, teknika u soċjoekonomika.

L-Artikolu 25(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd

5.2

Ma ġewx ikkoordinati l-attivitajiet ta’ ġbir ta’ data ma’ Stati Membri oħra fl-istess reġjuni.

L-Artikoli 6(4) u 9(1) tar-Regolament (UE) 2017/1004 dwar il-Qafas għall-ġbir ta’ Data  (8)

5.3

Ma ġietx żgurata l-implimentazzjoni xierqa tal-kompiti tal-korrispondenti nazzjonali.

L-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2017/1004 dwar il-Qafas għall-ġbir ta’ Data

5.4

Ma ġiex sottomess rapport fuq bażi annwali dwar l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ ħidma nazzjonali għall-ġbir ta’ data fis-setturi tas-sajd u tal-akkwakultura.

L-Artikolu 11(1) tar-Regolament (UE) 2017/1004 dwar il-Qafas għall-ġbir ta’ Data

5.5

Ma kienx hemm konformità mar-regoli dwar l-użu tad-data.

L-Artikoli 14, 16, 17, 19 u 20 tar-Regolament (UE) 2017/1004 dwar il-Qafas għall-ġbir ta’ Data

Kategorija 6: Ma ġietx operata sistema effettiva ta’ kontroll sabiex tiġi żgurata l-konformità mar-regoli tal-PKS kif jitlob l-Artikolu 36(3) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013

6.1

Ma sarx kontroll tal-attivitajiet li jsiru minn kwalunkwe persuna naturali jew legali fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Politika Komuni tas-Sajd fit-territorju tagħhom u fl-ilmijiet taħt is-sovranità jew il-ġuriżdizzjoni tagħhom.

L-Artikolu 5(1) tar-Regolament dwar il-Kontroll (KE) Nru 1224/2009.

6.2

Ma sarx kontroll tal-aċċess għall-ilmijiet u r-riżorsi u l-attivitajiet ’il barra mill-ilmijiet tal-Unjoni li jsiru minn bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li qed itajru l-bandiera tagħhom.

L-Artikolu 5(2) tar-Regolament dwar il-Kontroll (KE) Nru 1224/2009.

6.3

Ma ġewx adottati miżuri adatti u jiġu allokati riżorsi finanzjarji, umani u tekniċi adatti għall-kontroll, l-ispezzjoni u l-infurzar.

L-Artikolu 5(3) tar-Regolament dwar il-Kontroll (KE) Nru 1224/2009.

6.4

Ma ġiex żgurat li l-kontroll, l-ispezzjoni u l-infurzar isiru fuq bażi mhux diskriminatorja f’dak li għandu x’jaqsam ma’ setturi, bastimenti jew persuni, u abbażi tal-ġestjoni tar-riskju.

L-Artikolu 5(4) tar-Regolament dwar il-Kontroll (KE) Nru 1224/2009.

6.5

Ma ġietx żgurata l-konformità mar-regoli fir-rigward tal-Programmi ta’ Azzjoni Nazzjonali, u l-programmi ta’ kontroll u ta’ spezzjoni stabbiliti mill-Kummissjoni.

L-Artikoli 46 u 95(4) tar-Regolament dwar il-Kontroll (KE) Nru 1224/2009

6.6

Ma ġietx żgurata l-konformità mar-regoli għall-kummerċjalizzazzjoni, it-traċċabbiltà, l-ewwel bejgħ u l-użin ta’ prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura.

L-Artikoli 56(1), 57(1), 58, 59(1), 60(1) u (2) tar-Regolament dwar il-Kontroll (KE) Nru 1224/2009

6.7

Ma ġewx implimentati l-miżuri deċiżi mill-Kummissjoni biex tiġi żgurata l-konformità mill-Istati Membri mal-objettivi tal-PKS, fir-rigward tal-pjanijiet ta’ azzjoni stabbiliti wara l-verifiki jew spezzjonijiet awtonomi, inklużi l-għeluq tas-sajd, il-verifikazzjoni, l-ispezzjoni awtonoma u r-rapporti tal-awditjar, it-tnaqqis u t-trasferimenti tal-kwoti u tal-isforz tas-sajd u l-miżuri ta’ emerġenza.

L-Artikoli 36, 102, 104, 105, 106, 107 u 108 tar-Regolament dwar il-Kontroll (KE) Nru 1224/2009

6.8

Ma ġewx issodisfati r-rekwiżiti fir-rigward tal-analiżi, il-validazzjoni, l-aċċess, l-iskambju tad-data u tal-informazzjoni.

L-Artikoli 109(1), (3),(4), (6), (8), 110, 111, 114 u 116 tar-Regolament dwar il-Kontroll (KE) Nru 1224/2009

Kategorija 7: Ma ġietx operata sistema effettiva ta’ spezzjoni u ta’ infurzar kif jitlob l-Artikolu 36(3) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013

7.1

Ma twettqux sorveljanza u spezzjonijiet effettivi.

L-Artikoli 71, 72(1) u (2), 74, 78(1), 80, 83(1) u (2), 84(2), 85, 87 tar-Regolament dwar il-Kontroll (KE) Nru 1224/2009

7.2

Ma kienx hemm kooperazzjoni mal-Kummissjoni sabiex jiġi ffaċilitat it-twettiq tal-kompiti tal-uffiċjali tal-Kummissjoni waqt il-missjonijiet tagħhom ta’ verifikazzjoni, spezzjonijiet awtonomi u awditjar.

L-Artikolu 96(2) tar-Regolament dwar il-Kontroll (KE) Nru 1224/2009.

7.3

Ma ġewx stabbiliti l-kriterji biex tiġi ddeterminata l-gravità tal-ksur tar-regoli tal-PKS.

L-Artikoli 3(2) u 42 tar-Regolament IUU (KE) Nru 1005/2008 u l-Artikolu 90(1) tar-Regolament dwar il-Kontroll (KE) Nru 1224/2009

7.4

Ma ġietx żgurata l-adozzjoni sistematika ta’ miżuri xierqa u ta’ sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi u sanzjonijiet komplementari għall-ksur tar-regoli tal-PKS.

L-Artikoli 89(1), (2), (3) u 90 tar-Regolament dwar il-Kontroll (KE) Nru 1224/2009 kif ukoll l-Artikolu 43, 44, 45, 46 u 47 tar-Regolament IUU (KE) Nru 1005/2008

7.5

Ma ġietx applikata s-sistema ta’ punti għal infrazzjonijiet serji għad-detenturi ta’ liċenzji tas-sajd kif ukoll għall-kaptani.

L-Artikolu 92(1), (2) u (6) tar-Regolament dwar il-Kontroll (KE) Nru 1224/2009

7.6

Ma ġiex ġestit ir-reġistru nazzjonali tal-infrazzjonijiet.

L-Artikolu 93(1) tar-Regolament dwar il-Kontroll (KE) Nru 1224/2009.

Kategorija 8: Ma ttieħdet ebda azzjoni kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU) kif previst fl-Artikolu 36(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013

8.1

Ma ttieħdux miżuri biex jiġi żgurat li s-sajd IUU jiġi prevenut, skoraġġut u eliminat f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1005/2008.

L-Artikolu 1(2) tar-Regolament IUU (KE) Nru 1005/2008.

8.2

Ma twettqux verifiki relatati mal-iskema ta’ ċertifikazzjoni tal-qabda.

L-Artikolu 17(3) u 4 tar-Regolament IUU (KE) Nru 1005/2008.

8.3

Ma ġewx rispettati r-regoli relatati mal-Operaturi Ekonomiċi Approvati (AEOPs).

L-Artikoli 10(2), 16(1), 17(1), 20(3), 21(3),(5) u (7), 23(1), 25, 26(2), 27(4), 29(1) u 30(1) tar-Regolament (KE) Nru 1010/2009 (9)

Kategorija 9: Ma ġewx rispettati r-regoli dwar organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura stabbiliti sabiex jikkontribwixxu għall-kisba tal-objettivi tal-PKS kif stabbilit fl-Artikolu 35(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013

9.1

Ma kienx hemm konformità mal-kriterji għar-rikonoxximent tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi u tal-organizzazzjonijiet interprofessjonali.

L-Artikoli 14(1) u 16(1) tar-Regolament (UE) Nru 1379/2013 dwar l-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq (OKS) (10)

9.2

Ma sarux il-kontrolli meħtieġa rigward l-organizzazzjonijiet kollettivi rikonoxxuti.

L-Artikolu 18(1) u (2) tar-Regolament (UE) Nru 1379/2013 dwar l-OKS


(1)  Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 | (ĠU L 343 22.12.2009, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd u l-protezzjoni ta’ ekosistemi tal-baħar permezz ta’ miżuri tekniċi, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006, (KE) Nru 1224/2009 u r-Regolamenti (UE) Nru 1380/2013, (UE) 2016/1139, (UE) 2018/973, (UE) 2019/472 u (UE) 2019/1022 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 894/97, (KE) Nru 850/98, (KE) Nru 2549/2000, (KE) Nru 254/2002, (KE) Nru 812/2004 u (KE) Nru 2187/2005 (ĠU L 198, 25.7.2019, p. 105).

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1100/2007 tat-18 ta’ Settembru 2007 li jistabbilixxi miżuri għall-irkupru tal-istokk tas-sallura Ewropea (ĠU L 248, 22.9.2007, p. 17).

(5)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1185/2003 tas-26 ta’ Ġunju 2003 dwar it-tneħħija tal-pinen ta’ klieb il-baħar abbord bastimenti (ĠU L 167, 4.7.2003, p. 1).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2017/2403 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 dwar il-ġestjoni sostenibbli ta’ flotot tas-sajd esterni, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008 (ĠU L 347, 28.12.2017, p. 81).

(7)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/218 tas-6 ta’ Frar 2017 dwar ir-reġistru tal-flotta tas-sajd tal-Unjoni (ĠU L 34, 9.2.2017; p. 9).

(8)  Ir-Regolament (UE) 2017/1004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2017 dwar l-istabbiliment ta’ qafas tal-Unjoni għall-ġbir, il-ġestjoni u l-użu ta’ data fis-settur tas-sajd u appoġġ għall-parir xjentifiku fir-rigward tal-Politika Komuni dwar is-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 199/2008 (ĠU L 157, 20.6.2017, p. 1).

(9)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1010/2009 tat-22 ta’ Ottubru 2009 li jistipula regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (ĠU L 280, 27.10.2009, p. 5).

(10)  Ir-Regolament (UE) Nru 1379/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1184/2006 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000 (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 1).