|
11.1.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 6/1 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/25
tat-22 ta’ Settembru 2021
li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2019/2033 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-metodi għall-kejl tal-fatturi-K imsemmija fl-Artikolu 15 ta’ dak ir-Regolament
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/2033 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali tad-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, (UE) Nru 575/2013, (UE) Nru 600/2014 u (UE) Nru 806/2014 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 15(5), it-tielet subparagrafu tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Xi fatturi-K fit-tifsira tal-Artikolu 4(1), il-punt (26), tar-Regolament (UE) 2019/2033 ma jeħtiġux speċifikazzjonijiet ulterjuri peress li dak ir-Regolament jelabora fid-dettall il-metodi għall-kejl tagħhom. Dan huwa l-każ tal-fattur-K tar-“riskju tal-pożizzjoni netta” (K-NPR), li huwa derivat mir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), kif ukoll tal-fattur-K tar-“riskju tal-konċentrazzjoni” (K-CON) u tal-fattur-K tal-“inadempjenza tal-kontroparti tan-negozjar” (K-TCD), li jużaw applikazzjoni simplifikata tar-rekwiżiti korrispondenti skont dak ir-Regolament. Madankollu, f’każijiet oħra bħal “assi mmaniġġjati” (AUM), “flus tal-klijenti miżmuma” (CMH), “ordnijiet tal-klijenti mmaniġġjati” (COH), “assi ssalvagwardjati u amministrati” (ASA) u “fluss tan-negozjar ta’ kuljum” (DTF), il-metodi għall-kejl tal-fatturi tagħhom jistgħu jiġu kjarifikati aktar. |
|
(2) |
L-attività kollha mwettqa minn ditta tal-investiment jenħtieġ li tkun koperta mill-fatturi-K ħalli r-riskji jiġu riflessi b’mod adegwat. Meta jitqies li aġent marbut huwa persuna fiżika jew ġuridika li taġixxi biss f’isem ċerta ditta tal-investiment u taħt ir-responsabbiltà sħiħa u inkondizzjonata ta’ dik id-ditta tal-investiment, hemm bżonn li jiġi żgurat li kwalunkwe attività tal-aġent marbut tkun inkluża fil-fatturi-K tal-AUM, l-ASA, l-CMH u l-COH ta’ ditta tal-investiment. |
|
(3) |
Is-servizz ta’ investiment tal-“konsulenza dwar investimenti” imsemmi fil-punt 5 tat-Taqsima A tal-Anness I tad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) huwa distint minn “konsulenza lill-impriżi dwar l-istruttura tal-kapital, l-istrateġija industrijali u materji relatati u l-konsulenza u s-servizzi li għandhom x’jaqsmu mal-fużjonijiet u x-xiri ta’ impriżi” imsemmi fil-punt 3 tat-Taqsima B tal-Anness I ta’ dik id-Direttiva. F’dan l-isfond u wkoll abbażi tad-definizzjoni tal-“parir dwar l-investiment ta’ natura kontinwa” fl-Artikolu 4(1), il-punt 21, tar-Regolament (UE) 2019/2033, fejn is-servizz anċillari msemmi hawn fuq mhuwiex inkluż, huwa meħtieġ li jiġi speċifikat li kwalunkwe assi mmaniġġjati relatati ma’ dak is-servizz anċillari jenħtieġ li jiġu esklużi għall-finijiet tal-kalkolu tal-K-AUM. |
|
(4) |
Sabiex jiġi żgurat kejl konsistenti tal-AUM u tal-ASA meta jiġi kkalkulat il-K-AUM u l-K-ASA, l-istrumenti finanzjarji jenħtieġ li jiġu vvalutati bil-valur ġust tagħhom skont l-istandards tal-kontabbiltà applikabbli, sabiex ikun jista’ jiġi rifless il-valur tas-suq tal-istrumenti finanzjarji, fejn disponibbli. |
|
(5) |
Peress li l-kalibrazzjoni tal-koeffiċjent CMH fit-Tabella 1 tal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) 2019/2033 diġà tqis ir-riskju għall-klijenti assoċjat mal-ġestjoni tal-flus, jenħtieġ li l-ammonti inklużi fil-kejl tas-CMH ma jiġux inklużi fil-kejl tal-AUM. Barra minn hekk, sabiex jiġi evitat kwalunkwe għadd doppju fil-kalkolu tar-rekwiżiti kapitali, jenħtieġ li l-ammonti diġà kkunsidrati għall-kejl tas-CMH ma jiġux inklużi fil-kejl tal-ASA. |
|
(6) |
Id-definizzjoni tas-CMH fl-Artikolu 4(1), il-punt 28, tar-Regolament (UE) 2019/2033 flimkien mal-premessa (24) ta’ dak ir-Regolament jiċċaraw l-ammonti li jenħtieġ li jiġu kkunsidrati għall-kejl tas-CMH. Għalhekk, huwa biżżejjed li jiġu speċifikati aktar l-aspetti operazzjonali li jifdal tal-metodu għall-kejl tas-CMH bil-ħsieb li tiġi żgurata r-robustezza taċ-ċifri tas-CMH, b’mod partikolari billi tiġi evitata d-dipendenza żejda fuq ir-rappurtar estern u billi ssir enfasi fuq ir-rekords u ċ-ċifri kontabilistiċi interni tad-ditta tal-investiment użati għar-rikonċiljazzjoni interna. |
|
(7) |
Il-metodi għall-kejl tal-ammonti li jridu jiġu inklużi bħala riċeviment u trażmissjoni tal-ordnijiet u l-eżekuzzjoni tal-ordnijiet fis-COH jenħtieġ li jinkludu regoli speċifiċi għall-każ fejn il-prezzijiet tas-suq ma jkunux disponibbli faċilment minħabba li ma jkunux jinsabu fl-ordnijiet. Huwa meħtieġ li jiġu riflessi d-differenzi bejn il-każ ta’ eżekuzzjoni ta’ ordnijiet u l-każ ta’ riċeviment u trasmissjoni, peress li l-prezzijiet u ż-żmien li fih l-ordnijiet jenħtieġ li jiġu rreġistrati għall-kejl tas-COH jistgħu jvarjaw f’kull każ. Barra minn hekk, fil-każ ta’ riċeviment u trażmissjoni ta’ ordnijiet, b’mod partikolari, l-ordnijiet trażmessi huma referenza aħjar għal dan il-għan milli huma l-ordnijiet riċevuti, peress li dawn tal-aħħar jistgħu ma jiġux trażmessi. |
|
(8) |
Peress li s-servizz ta’ investiment tar-“riċezzjoni u t-trażmissjoni tal-ordnijiet b’rabta ma’ strument jew strumenti finanzjarji” imsemmi fil-punt 1 tat-Taqsima A tal-Anness I tad-Direttiva 2014/65/UE huwa distint mill-attivitajiet ta’ investiment tat-“Tħaddim ta’ Faċilitajiet Multilaterali jew Organizzati tan-Negozjar — MTFs, OTFs” imsemmija fil-punti 8 u 9 tagħha, huwa meħtieġ li jiġi ċċarat li l-interessi tax-xiri u l-bejgħ miġburin flimkien f’MTFs u OTFs operati mid-ditta tal-investiment iridu ma jiġux inklużi fil-kalkolu tal-K-COH tan-negoji fi flus jew tad-derivattivi K-COH. |
|
(9) |
Peress li r-rekwiżiti kapitali għad-ditti tal-investiment skont ir-Regolament (UE) 2019/2033 huma bbażati fuq il-fatturi-K li jkopru s-servizzi u l-attivitajiet kollha inklużi fl-Anness I tad-Direttiva 2014/65/UE, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti regoli għall-adattament ta’ dawk il-metodi f’dawk il-każijiet fejn inkella jista’ jseħħ għadd doppju. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, ta’ ċerti servizzi anċillari li jistgħu jitwettqu biss flimkien mas-servizzi u mal-attivitajiet elenkati fl-Anness I, it-Taqsima A, ta’ dik id-Direttiva. Għalhekk, ordnijiet relatati mas-servizz anċillari msemmija fl-Anness I, it-Taqsima B, il-punt 3, tad-Direttiva 2014/65/UE (konsulenza lill-impriżi dwar l-istruttura tal-kapital, l-istrateġija industrijali u materji relatati u l-konsulenza u s-servizzi li għandhom x’jaqsmu mal-fużjonijiet u x-xiri ta’ impriżi), li huma relatati ma’ konsulenza dwar tranżazzjonijiet bejn investituri, fil-każ ta’ finanzjament korporattiv jew tranżazzjonijiet ta’ ekwità privata, iridu ma jiġux inklużi fil-kejl tal-AUM, u lanqas f’dak tas-COH, peress li dawk il-fatturi-K diġà jqisuhom. |
|
(10) |
Ir-Regolament (UE) 2019/2033 jipprevedi żewġ koeffiċjenti differenti għall-kejl tas-COH fit-Tabella 1 tal-Artikolu 15 tiegħu, wieħed għan-negozjar fi flus u wieħed separat għad-derivattivi. Jenħtieġ li jiġu pprovduti aktar kjarifiki dwar kif jiġu allokati n-negozji bejn iż-żewġ klassijiet ta’ strumenti u dwar il-metodu ta’ valutazzjoni li jrid jintuża f’kull każ. B’mod partikolari, jenħtieġ li d-derivattivi jiġu inklużi fil-kejl tal-fatturi-K abbażi tal-valur nozzjonali u tan-negozjar fi flus bil-valur tas-suq minħabba li l-koeffiċjenti tal-fatturi-K huma kkalibrati fuq dik il-bażi. |
|
(11) |
Huwa meħtieġ li jiġi speċifikat il-kalkolu tal-ammont nozzjonali ta’ derivattiv minħabba li r-Regolament (UE) 2019/2033 ma fihx regoli dwar kif jiġi kkalkulat. Minħabba li l-Artikolu 29(3) tar-Regolament (UE) 2019/2033 jistabbilixxi regoli dwar kif jiġi kkalkulat l-ammont nozzjonali tad-derivattivi għall-finijiet tal-kalkolu tat-TCD, u sabiex tiġi żgurata l-konsistenza fil-kejl tat-TCD u tad-DTF, jenħtieġ li dawk ir-regoli għall-kejl tal-ammont nozzjonali ta’ derivattiv japplikaw ukoll għall-kejl tad-DTF. |
|
(12) |
Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji ppreżentat lill-Kummissjoni mill-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA). |
|
(13) |
L-EBA wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet il-parir tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati stabbilit f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). L-EBA kkonsultat ukoll lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq qabel ma ppreżentat l-abbozz tal-istandards tekniċi li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
TAQSIMA 1
METODI GĦALL-KEJL TAL-FATTURI-K TAR-RISKJU GĦALL-KLIJENTI
Artikolu 1
Metodi għall-kejl tal-fatturi-K tar-Riskju Għall-Klijenti fil-każ ta’ servizzi u attivitajiet ta’ investiment imwettqa bl-użu ta’ aġenti marbuta
Għall-finijiet tal-kejl tal-fatturi-K tagħha tar-Riskju Għall-Klijenti (RtC) skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2019/2033, ditta tal-investiment għandha tinkludi f’kull waħda mill-AUM, l-CMH, l-ASA u l-COH imsemmija fl-Artikoli 17, 18, 19 u 20 ta’ dak ir-Regolament, rispettivament, kwalunkwe ammont marbut mas-servizzi u mal-attivitajiet ta’ investiment tad-ditta tal-investiment, imwettqa minn kwalunkwe aġent marbut irreġistrat biex jaġixxi f’isimha.
Artikolu 2
Metodi għall-kejl tal-AUM f’każ ta’ arranġamenti konsultattivi mhux diskrezzjonali ta’ natura kontinwa
1. Għall-fini tal-kejl tal-fatturi-K tal-RtC tagħha skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2019/2033, ditta tal-investiment ma għandha tinkludi fl-AUM tagħha, imsemmi fl-Artikolu 17 ta’ dak ir-Regolament, l-ebda ammont ta’ assi marbut mas-servizzi anċillari msemmija fl-Anness I, it-Taqsima B, il-punt 3, tad-Direttiva 2014/65/UE.
2. Meta ditta tal-investiment tipprovdi arranġamenti konsultattivi mhux diskrezzjonali ta’ natura kontinwa lil entità oħra tas-settur finanzjarju li twettaq ġestjoni diskrezzjonali ta’ portafolji, hija għandha tinkludi fl-AUM tagħha msemmi fl-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2019/2033 kwalunkwe ammont ta’ assi marbuta ma’ dawk l-arranġamenti konsultattivi mhux diskrezzjonali.
Artikolu 3
Metodi għall-kejl tal-AUM fil-każ ta’ ġestjoni diskrezzjonali tal-portafoll
Għall-finijiet tal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2019/2033, il-kejl tal-AUM totali ta’ kull xahar għandu jsir skont dan kollu li ġej:
|
(a) |
il-kalkolu għandu jinkludi l-valur tal-istrumenti finanzjarji kkalkulat fuq il-bażi tal-valur ġust skont l-istandards tal-kontabbiltà applikabbli; |
|
(b) |
strumenti finanzjarji b’valur ġust negattiv għandhom jiġu inklużi b’valur assolut; |
|
(c) |
il-kalkolu għandu jinkludi flus ħlief kwalunkwe ammont kopert fis-CMH f’konformità mal-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament. |
Artikolu 4
Metodi għall-kejl tas-CMH
Għall-finijiet tal-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2019/2033, il-kejl tas-CMH għandu jkun ibbażat fuq dan li ġej:
|
(a) |
il-bilanċi li d-ditta tal-investiment tuża għar-rikonċiljazzjonijiet interni tagħha; |
|
(b) |
il-valuri li jinsabu fir-rekords kontabilistiċi tad-ditta tal-investiment. |
Artikolu 5
Metodi għall-kejl tal-ASA
Għall-finijiet tal-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2019/2033, il-kejl totali tal-ASA ta’ kuljum għandu jinkludi l-valur tal-istrumenti finanzjarji kollha tal-klijenti salvagwardjati u amministrati, ikkalkulat bil-valur ġust skont l-istandards tal-kontabbiltà applikabbli. Dan il-kejl għandu jeskludi s-CMH imsemmi fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 6
Metodi għall-kejl tal-eżekuzzjoni tal-ordnijiet f’COH
1. Għall-finijiet tal-kalkolu ta’ K-COH skont l-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) 2019/2033, ditta tal-investiment għandha tinkludi fil-kalkolu tas-COH tali ordni tal-klijent fil-mument meta jkollha l-konferma li l-eżekuzzjoni tkun seħħet u l-prezz ikun magħruf.
2. Meta ditta tal-investiment teżegwixxi f’isem klijent ordni li tiġi riċevuta minn ditta tal-investiment oħra, il-kalkolu tas-COH mid-ditta tal-investiment li teżegwixxi għandu jinkludi dik l-ordni fit-total tal-ordnijiet tagħha mkejla għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tal-ordnijiet tal-klijenti u għandha teskludiha mit-total tal-ordnijiet tagħha mkejla għall-finijiet tar-riċeviment u tat-trażmissjoni tal-ordnijiet.
Artikolu 7
Metodi għall-kejl tar-riċeviment u t-trażmissjoni tal-ordnijiet f’COH
1. Għall-finijiet tal-kalkolu ta’ K-COH skont l-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) 2019/2033, meta ditta tal-investiment tirċievi u tittrażmetti ordni ta’ klijent, dik l-ordni għandha tiġi inkluża fil-mument meta d-ditta tal-investiment tittrażmetti l-ordni lil ditta tal-investiment oħra jew lil sensar tal-eżekuzzjoni.
2. Ditta tal-investiment ma għandhiex tinkludi ordnijiet riċevuti u trażmessi fil-kejl tas-COH meta tiġbor flimkien żewġ investituri jew aktar biex issir tranżazzjoni bejn dawk l-investituri, bħal fil-każ ta’ tranżazzjonijiet ta’ finanzjament korporattiv jew ta’ ekwità privata.
3. Meta ditta tal-investiment tinkludi fil-kejl tal-ordnijiet COH riċevuti u trażmessi, hija għandha tuża l-prezz li jkun hemm fl-ordnijiet. Meta ma jkunx hemm prezz fl-ordnijiet, inkluż meta dawn ikunu ordnijiet b’limitu, id-ditta tal-investiment għandha tuża l-prezz tas-suq tal-istrument finanzjarju fil-jum tat-trażmissjoni.
4. L-interessi tax-xiri u tal-bejgħ miġburin flimkien minn ditta tal-investiment għall-finijiet tal-operat ta’ Faċilità Multilaterali jew Organizzata tan-Negozjar kif stabbilit fil-punti 22 u 23 tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE ma għandhomx jiġu inklużi fil-kejl tas-COH.
Artikolu 8
Metodi għall-kejl ta’ negozji fi flus għall-finijiet ta’ COH
1. Għall-finijiet tal-kejl tas-COH f’konformità mal-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) 2019/2033, ditta tal-investiment għandha tinkludi bħala negozjar fi flus kwalunkwe tranżazzjoni fejn kontroparti timpenja ruħha li tinnegozja kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:
|
(a) |
titoli trasferibbli, |
|
(b) |
strumenti tas-suq tal-flus, |
|
(c) |
unitajiet f’intraprizi ta’ investiment kollettiv, |
|
(d) |
opzjonijiet innegozjati fil-borża. |
2. Għall-finijiet tal-kejl tas-COH ta’ opzjoni nnegozjata fil-borża, id-ditta tal-investiment għandha tuża l-primjum tal-opzjonijiet użat għall-eżekuzzjoni ta’ dik l-opzjoni.
Artikolu 9
Metodi għall-kejl tad-derivattivi għall-fini ta’ COH
Għall-finijiet tal-kejl ta’ COH f’konformità mal-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) 2019/2033 dwar derivattivi, l-ammont nozzjonali ta’ kuntratt ta’ derivattivi għandu jiġi ddeterminat skont l-Artikolu 29(3) ta’ dak ir-Regolament.
TAQSIMA 2
METODI GĦALL-KEJL TAL-FATTURI-K TAR-RISKJU GĦAD-DITTI
Artikolu 10
Metodi għall-kejl ta’ negozji fi flus għall-finijiet tad-DTF
1. Għall-finijiet tal-kejl ta’ DTF skont l-Artikolu 33 tar-Regolament (UE) 2019/2033 dwar negozji fi flus, ditta tal-investiment għandha tinkludi bħala negozjar fi flus kwalunkwe tranżazzjoni fejn kontroparti tikkommetti li tinnegozja xi waħda minn dawn li ġejjin:
|
(a) |
titoli trasferibbli, |
|
(b) |
strumenti tas-suq tal-flus, |
|
(c) |
unitajiet f’intraprizi ta’ investiment kollettiv, |
|
(d) |
opzjonijiet innegozjati fil-borża. |
2. Għall-finijiet tal-kejl tad-DTF ta’ opzjoni nnegozjata fil-borża, id-ditta tal-investiment għandha tuża l-primjum tal-opzjonijiet użat għall-eżekuzzjoni ta’ dik l-opzjoni.
Artikolu 11
Metodi għall-kejl tad-derivattivi għall-finijiet ta’ DTF
Għall-finijiet tal-kejl ta’ DTF f’konformità mal-Artikolu 33 tar-Regolament (UE) 2019/2033 dwar derivattivi, l-ammont nozzjonali ta’ kuntratt ta’ derivattivi għandu jiġi ddeterminat skont l-Artikolu 29(3) ta’ dak ir-Regolament.
Artikolu 12
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Settembru 2021.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 314, 5.12.2019, p. 1.
(2) Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).
(3) Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).
(4) Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).