31.5.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 149/1


REGOLI TA’ PROĊEDURA U KODIĊI TA’ KONDOTTA GĦALL-MEMBRI TAL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

(MEJJU 2022)

PREAMBOLU

1.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (“il-Kumitat”), li twaqqaf mit-Trattati ta’ Ruma tal-1957, huwa korp konsultattiv tal-Unjoni Ewropea.

2.

Abbażi tal-Artikolu 300 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Kumitat huwa magħmul minn rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem, tal-ħaddiema, u ta’ partijiet oħra li jirrappreżentaw is-soċjetà ċivili, b’mod partikolari fl-oqsma soċjoekonomiċi, ċiviċi, professjonali u kulturali.

Il-membri tal-Kumitat mhuma marbuta bl-ebda mandat obbligatorju. Dawn jaqdu dmirijiethom f’indipendenza sħiħa, fl-interess ġenerali tal-Unjoni.

Il-Kumitat iwettaq il-ħidma tiegħu fi tliet gruppi: il-grupp ta’ min iħaddem, il-grupp tal-ħaddiema, u l-grupp tal-partijiet l-oħra tas-soċjetà ċivili.

3.

Fl-isfond tal-istruttura istituzzjonali Ewropea, il-Kumitat jaqdi rwol speċifiku: dan huwa l-lok ewlieni li fih il-fehmiet tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentati mill-membri, jiġu rappreżentati u diskussi, u huwa wkoll il-korp ideali sabiex jagħmilha ta’ medjatur bejn is-soċjetà ċivili organizzata u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea.

Ir-rwol konsultattiv tal-Kumitat jippermetti lis-soċjetà ċivili Ewropea tipparteċipa fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Unjoni Ewropea.

4.

Id-diskussjonijiet tal-Kumitat spiss jirrikjedu negozjati li jinvolvu l-partijiet kollha tas-soċjetà ċivili: min iħaddem (Grupp I), il-ħaddiema (Grupp II), u partijiet oħra tas-soċjetà ċivili (Grupp III).

5.

Dan l-għarfien espert u l-isforz li tinstab konverġenza permezz ta’ dawn id-diskussjonijiet u negozjati jtejbu l-kwalità u l-kredibbiltà tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Unjoni Ewropea, b’tali mod li dan il-proċess jinftiehem u jsir aċċettat aktar miċ-ċittadini Ewropej, kif ukoll tiżdied it-trasparenza li tant hija meħtieġa għad-demokrazija.

6.

Il-Kumitat, bħala forum ta’ dibattitu u lok fejn jitħejjew l-opinjonijiet, jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kredenzjali demokratiċi tal-proċess tal-iżvilupp tal-Unjoni Ewropea, inkluża l-promozzjoni tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-gruppi soċjoekonomiċi f’pajjiżi terzi.

Permezz ta’ dan, huwa jgħin fil-promozzjoni ta’ identifikazzjoni Ewropea ġenwina.

7.

Wara li skada t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar (KEFA), il-Kummissjoni Ewropea inkarigat lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew bil-kompiti relatati mal-acquis u bir-riżorsi tal-kumitat konsultattiv tal-KEFA. Dan huwa l-mod kif inħolqot il-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI) u llum għadha tagħmel parti mill-Kumitat.

8.

Sabiex iwettaq il-missjoni tiegħu b’suċċess, il-Kumitat jadotta r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, b’konformità mal-Artikolu 303, it-tieni paragrafu tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

L-EWWEL PARTI

ORGANIZZAZZJONI TAL-KUMITAT

TITOLU I

MEMBRI TAL-KUMITAT

Artikolu 1 – Membri tal-Kumitat

1.

Il-Kumitat huwa magħmul minn rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem, tal-ħaddiema, u ta’ partijiet oħra li jirrappreżentaw is-soċjetà ċivili, speċjalment fl-oqsma soċjoekonomiċi, ċiviċi, professjonali u kulturali.

2.

Il-membri tal-Kumitat jinħatru għal ħames snin. Il-mandat tagħhom jista’ jiġġedded.

3.

Il-membri tal-Kumitat mhuma marbuta bl-ebda struzzjonijiet obbligatorji. Dawn jaqdu dmirijiethom f’indipendenza sħiħa, fl-interess ġenerali tal-Unjoni.

4.

Il-membri tal-Kumitat huma intitolati għall-indennizzi u għar-rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tas-sussistenza meħtieġa għall-qadi ta’ dmirijiethom, skont id-deċiżjonijiet rilevanti tal-Kunsill tal-UE u tal-Bureau.

Il-Kunsill jiffissa l-indennizzi tal-membri tal-Kumitat.

5.

Il-Kumitat għandu jħabrek biex jiżgura r-rispett tal-prinċipju tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u tal-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni, kif definiti mil-liġi tal-Unjoni Ewropea, u biex jiżgura li dawn il-prinċipji jiġu applikati fil-korpi kollha tal-Kumitat.

Il-Bureau għandu jivvaluta l-iżviluppi rigward il-bilanċ bejn il-ġeneri fil-korpi differenti tal-Kumitat u, jekk meħtieġ, jadotta rakkomandazzjonijiet speċifiċi.

Fuq bażi regolari, jitressaq quddiem il-Bureau rapport, imfassal bl-għajnuna tal-amministrazzjoni, biex jivvaluta dawn l-iżviluppi. Abbażi ta’ tali rapport, il-Bureau għandu jiddeċiedi dwar miżuri konkreti sabiex jittejjeb il-bilanċ bejn il-ġeneri.

Artikolu 2 – Statut tal-Membri

1.

Il-membri tal-Kumitat għandu jkollhom it-titlu ta’ “membru tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew”.

2.

Waqt il-qadi ta’ dmirijiethom u matul il-vjaġġi tagħhom lejn u mill-post tal-laqgħa, il-membri jgawdu mill-privileġġi, l-immunitajiet u l-faċilitajiet kif definiti mill-Artikolu 10 tal-“Protokoll (Nru 7) dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea” anness mat-Trattati.

3.

“L-Istatut tal-Membri tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew” (“l-Istatut tal-Membri”) għandu jiddefinixxi d-drittijiet u l-obbligi tagħhom kif ukoll ir-regoli relatati mal-attività tagħhom u r-relazzjonijiet tagħhom mal-Kumitat u s-servizzi tiegħu.

Artikolu 3 – Kodiċi ta’ Kondotta

1.

Il-membri huma meħtieġa jżommu l-istandards minquxa fil-Kodiċi ta’ Kondotta għall-Membri tal-KESE (il-“Kodiċi ta’ Kondotta”).

2.

Il-Kodiċi ta’ Kondotta, mehmuż bħala appendiċi, li għandu l-istess valur legali bħal dawn ir-Regoli ta’ Proċedura, jistabbilixxi l-istandards u l-prinċipji ta’ kondotta applikabbli għall-membri tal-Kumitat, għad-delegati tas-CCMI, għas-sostituti u għall-konsulenti.

3.

Il-Kodiċi ta’ Kondotta jistabbilixxi Kumitat tal-Etika.

Jistabbilixxi wkoll il-proċedura u l-miżuri li għandhom jiġu applikati f’każ ta’ ksur tal-istandards u tal-prinċipji.

4.

Nuqqas ta’ konformità mal-istandards u l-prinċipji stabbiliti fil-Kodiċi ta’ Kondotta jista’ jwassal għall-applikazzjoni tal-miżuri stabbiliti fl-istess Kodiċi.

Artikolu 4 – Tmiem il-mandat tal-membri

1.

Il-mandat tal-membri tal-Kumitat jiskadi meta jintemm il-perjodu ta’ ħames snin stabbilit mill-Kunsill meta jiġġedded il-Kumitat.

2.

Il-mandat ta’ membru tal-Kumitat jista’ b’eċċezzjoni jintemm ukoll minħabba mewt, riżenja, tneħħija mill-kariga, f’każ ta’ ċirkostanzi mhux previsti jew inkompatibbilità tal-funzjonijiet attribwiti, jew minbħabba tkeċċija.

3.

Ir-riżenji għandhom isiru bil-miktub u jkunu indirizzati lill-President tal-Kumitat.

F’każijiet ta’ riżenja għajr il-każijiet previsti fil-paragrafu 8 ta’ dan l-Artikolu, il-membru li jirriżenja:

għandu jibqa’ fil-kariga sad-data li fiha tidħol fis-seħħ il-ħatra ta’ min se jieħu postu, sakemm dak il-membru li jirriżenja ma jindikax mod ieħor; u

jista’ jirtira r-riżenja sakemm tkun għadha ma ntbagħtitx lill-Kunsill, b’konformità mal-paragrafu 9 ta’ dan l-Artikolu.

4.

It-tneħħija mill-kariga sseħħ skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 93(2) ta’ dawn ir-Regoli ta’ Proċedura.

5.

Ikun hemm ċirkostanzi mhux previsti fil-każijiet meta membru tal-Kumitat, għal raġunijiet mediċi jew raġunijiet oħra, ma jkunx jista’ jeżerċita l-mandat tiegħu għal perjodu ta’ aktar minn tnax-il xahar.

6.

L-inkompatibbiltà tal-funzjonijiet sseħħ fil-każijiet fejn membru tal-Kumitat jinħatar jew jiġi elett membru ta’ gvern jew ta’ parlament, viċi ministru b’responsabbiltajiet politiċi, membru ta’ istituzzjoni jew ta’ korp tal-Unjoni Ewropea, jew jilħaq uffiċjal jew aġent ieħor tal-Unjoni f’impjieg attiv.

7.

It-tkeċċija sseħħ skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 14(3) u 16 tal-Kodiċi ta’ Kondotta.

8.

Fil-każ ta’ tneħħija mill-kariga, ċirkostanzi mhux previsti jew inkompatibbiltà tal-funzjonijiet attribwiti, il-membru għandu jirriżenja.

In-nuqqas ta’ sottomissjoni ta’ riżenja f’wieħed minn dawn il-każijiet jista’ jwassal għall-applikazzjoni tal-Artikoli 14(3) u 16 tal-Kodiċi ta’ Kondotta.

9.

Fil-każijiet kollha straordinarji ta’ tmiem il-mandat, il-President tal-Kumitat għandu jinnotifika lill-Kunsill, sabiex il-Kunsill jivverifika l-post vakanti u jniedi l-proċedura ta’ sostituzzjoni.

Il-membru l-ġdid jinħatar għall-bqija tal-mandat.

TITOLU II

KORPI TAL-KUMITAT

Kapitolu I

Informazzjoni ġenerali

Artikolu 5 – Korpi eżekuttivi, kompożizzjonijiet u struttura

1.

Il-President u l-Bureau huma l-korpi eżekuttivi tal-Kumitat.

2.

Il-Kumitat jaħdem permezz ta’ sessjonijiet plenarji – sessjonijiet plenarji tal-assemblea – jew sessjonijiet iżgħar – laqgħat tas-sezzjonijiet u ta’ korpi oħra tal-Kumitat.

Is-Segretarjat għandu jżomm aġġornata u jippubblika fuq l-intranet il-lista tal-korpi tal-Kumitat.

3.

Il-Kumitat huwa strutturat fi tliet gruppi, li l-kompożizzjoni u r-rwol tagħhom huma stabbiliti fl-Artikolu 6.

Kapitolu II

Il-gruppi

Artikolu 6 – Kompożizzjoni u rwol tal-gruppi

1.

Fis-sessjoni tal-mandat ġdid tal-Kumitat, għandhom jiġu kostitwiti tliet gruppi ta’ membri, li jirrappreżentaw rispettivament lil min iħaddem, lill-ħaddiema u lil komponenti oħra tas-soċjetà ċivili organizzata.

2.

Fil-funzjonament tagħhom, il-gruppi għandhom joperaw b’mod demokratiku, trasparenti u awtonomu, skont il-prinċipji u l-prattika interna tagħhom u skont dawn ir-Regoli ta’ Proċedura.

3.

Il-membri jistgħu jingħaqdu ma’ wieħed mill-gruppi fuq bażi volontarja, bil-kundizzjoni li l-eliġibbiltà tagħhom tkun approvata mill-membri ta’ dak il-grupp.

L-ebda membru ma jista’ jissieħeb f’aktar minn grupp wieħed fl-istess ħin.

4.

Il-gruppi għandhom jieħdu sehem fit-tħejjija, l-organizzazzjoni u l-koordinazzjoni tal-ħidma tal-Kumitat u l-korpi tiegħu.

Huma għandhom jagħmlu ħilithom biex jilħqu kunsens mal-gruppi l-oħrajn.

Huma għandhom iressqu proposti għall-elezzjoni u l-ħatra ta’ karigi u għall-kompożizzjoni tal-korpi tal-Kumitat, b’konformità ma’ dawn ir-Regoli ta’ Proċedura.

5.

Kull grupp għandu jkollu segretarjat għad-dispożizzjoni tiegħu.

Artikolu 7 – Il-presidenti tal-gruppi

1.

Kull grupp għandu jeleġġi fil-livell intern il-president u, jekk meħtieġ, il-viċi president tiegħu.

2.

Il-presidenti tal-gruppi għandhom ikunu membri ex officio tal-Bureau tal-Kumitat.

3.

Il-presidenti tal-gruppi għandu jkollhom rwol konsultattiv fit-tfassil tal-politiki tal-Kumitat fir-rigward tal-Presidenza u l-Bureau.

4.

Il-presidenti tal-gruppi għandhom jiltaqgħu regolarment mal-Presidenza tal-Kumitat bħala presidenza estiża sabiex jikkontribwixxu għat-tħejjija tal-ħidma tal-Bureau u l-assemblea, b’konformità mal-Artikolu 20(3).

Artikolu 8 – Membri mhux affiljati

1.

Is-sħubija fil-gruppi hija volontarja, għalhekk il-membri jistgħu ma jingħaqdux ma’ grupp.

2.

Il-membri li ma jagħmlux parti minn grupp m’għandux ikollhom vantaġġi jew żvantaġġi sinifikanti fuq il-membri li jagħmlu parti minn grupp.

3.

Fir-rigward tal-parteċipazzjoni fil-ħidma tal-Kumitat, il-membri mhux affiljati għandu jkollhom l-istess drittijiet u obbligi bħal dawk li ssieħbu fi grupp.

Il-membri li ma jkunux imsieħba f’wieħed mill-gruppi għandu jkollhom l-għajnuna materjali u teknika meħtieġa għall-qadi ta’ dmirijiethom.

Din l-assistenza għandha tingħata mis-segretarjat ġenerali.

4.

L-arranġamenti dettaljati għall-parteċipazzjoni ta’ membri mhux affiljati fil-ħidma tal-Kumitat għandhom jiġu stabbiliti mill-Bureau.

L-arranġamenti dettaljati għall-assistenza materjali mis-segretarjat għandhom jiġu stabbiliti mill-Bureau fuq proposta tas-Segretarju Ġenerali.

5.

Il-parteċipazzjoni ta’ membri mhux affiljati fil-gruppi ta’ studju, kif ukoll il-ħatra tagħhom bħala relaturi, għandha ssir fuq deċiżjoni tal-President tal-Kumitat wara konsultazzjoni mal-gruppi.

6.

Fid-dibattiti plenarji, l-allokazzjoni tal-ħin għad-diskorsi għandha tqis li jkun hemm membri mhux affiljati fi grupp.

7.

Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi garantit id-dritt tal-membri mhux affiljati għal aċċess għall-informazzjoni kollha pprovduta lill-membri tal-gruppi.

Kapitolu III

L-assemblea

Artikolu 9 – Kompożizzjoni tal-assemblea

1.

L-assemblea hija magħmula mill-membri kollha tal-Kumitat maħturin mill-Kunsill u li jiltaqgħu f’sessjoni plenarja.

2.

Id-delegati tas-CCMI, is-sostituti u l-konsulenti mhumiex membri tal-Kumitat u ma jiffurmawx parti mill-assemblea.

Artikolu 10 – Setgħat tal-assemblea

1.

L-assemblea teżerċita s-setgħat kollha mogħtija lill-Kumitat mit-Trattati u minn strumenti legali oħra.

Madankollu, din tista’ tikkonferixxi setgħatha lil korp ieħor tal-Kumitat fir-Regoli ta’ Proċedura, il-Kodiċi ta’ Kondotta jew l-Istatut tal-Membri, b’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dawn ir-Regoli ta’ Proċedura.

Tista’ wkoll tiddelega b’mod espliċitu setgħatha fil-każijiet previsti f’dawn ir-Regoli ta’ Proċedura.

2.

L-assemblea għandha setgħat residwi: tappartjeni għaliha kull setgħa mhux attribwita lil korp ieħor permezz tar-Regoli ta’ Proċedura, il-Kodiċi ta’ kondotta jew l-Istatut tal-Membri.

3.

L-assemblea għandha tadotta l-opinjonijiet u l-atti l-oħra li l-Kumitat ifassal fil-qafas tar-rwol konsultattiv mogħti lilu mit-Trattati.

4.

L-assemblea għandha tadotta r-Regoli ta’ Proċedura, il-Kodiċi ta’ Kondotta u l-Istatut tal-Membri.

5.

L-assemblea għandha tiddetermina n-numru ta’ membri tal-Bureau b’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dawn ir-Regoli ta’ Proċedura.

Din għandha tiddetermina wkoll l-għadd u r-responsabbiltajiet tas-sezzjonijiet, kif ukoll in-numru ta’ membri li jipparteċipaw f’kull sezzjoni u fis-CCMI, fuq proposta tal-gruppi.

6.

L-assemblea għandha taħtar il-President u l-Viċi Presidenti tal-Kumitat, il-presidenti tas-sezzjonijiet u tas-CCMI, kif ukoll il-bqija tal-membri tal-Bureau, bl-eċċezzjoni tat-tliet presidenti tal-gruppi, li għandhom jiġu eletti direttament mill-gruppi rispettivi tagħhom.

Din għandha taħtar ukoll, fuq proposta tal-gruppi, il-membri tas-sezzjonijiet u l-membri u d-delegati tas-CCMI kif ukoll il-membri tal-bureaux tagħhom, il-membri tas-sottokumitati, tal-osservatorji, tad-delegazzjonijiet, tal-Kumitat tal-Etika, il-kwesturi u l-membri tal-kummissjoni tar-Regoli ta’ Proċedura.

7.

L-assemblea għandu jkollha s-setgħa li, fuq appell, tirrevedi ċerti deċiżjonijiet tal-Bureau b’konformità mal-Artikolu 12(8).

8.

Is-setgħat stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 7 ta’ dan l-Artikolu ma għandhomx jiġu ddelegati jew assenjati lil xi korp ieħor.

Kapitolu IV

Il-Bureau tal-kumitat

Artikolu 11 – Kompożizzjoni tal-Bureau

Il-Bureau tal-Kumitat jinkludi:

a)

il-President tal-Kumitat;

b)

iż-żewġ Viċi Presidenti tal-Kumitat;

c)

il-presidenti tat-tliet gruppi eletti b’konformità mal-Artikolu 37(2)(a), it-2 inċiż;

d)

il-presidenti tas-sezzjonijiet u tas-CCMI; u

e)

għadd varjabbli ta’ membri, li ma jaqbiżx l-għadd ta’ Stati Membri.

Artikolu 12 – Kompetenzi tal-Bureau

1.

Il-Bureau għandu jieħu r-responsabbiltà politika tat-tmexxija tal-Kumitat.

B’mod partikolari, huwa għandu jiżgura li l-attivitajiet tal-Kumitat, il-korpi u l-persunal tiegħu jkunu konformi mar-rwol istituzzjonali tiegħu.

2.

Il-Bureau għandu jiddetermina l-objettivi, l-istrateġiji u l-prijoritajiet tal-Kumitat fl-oqsma kollha.

Huwa għandu jiddefinixxi l-programm ta’ ħidma tal-Kumitat u jevalwa l-implimentazzjoni ta’ tali programm.

Huwa għandu jadotta l-programm ta’ ħidma tal-Kumitat wara li jikkonsulta l-presidenza estiża.

3.

Il-Bureau għandu jeżerċita s-setgħat baġitarji u finanzjarji previsti fir-Regolament dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament Finanzjarju”) u f’dawn ir-Regoli ta’ Proċedura.

4.

B’mod partikolari, il-Bureau għandu:

iwettaq l-obbligi ta’ uffiċjal awtorizzanti assenjati lill-Kumitat b’konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju. Huwa għandu jiddelega dawn is-setgħat lis-Segretarju Ġenerali, bħala uffiċjal awtorizzanti b’delega, u jindika l-firxa tas-setgħat delegati u jekk is-Segretarju Ġenerali jistax jissottodelega setgħatu;

jiddetermina d-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni marbuta mal-indennizzi u mar-rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tas-sussistenza tal-membri, tad-delegati tas-CCMI, tas-sostituti u tal-konsulenti, skont il-proċeduri baġitarji u finanzjarji applikabbli;

b’konformità mal-proċeduri baġitarji u finanzjarji applikabbli, jistabbilixxi regoli dwar:

l-assistenza li għandha tingħata lill-membri, lid-delegati tas-CCMI, lis-sostituti u lill-konsulenti b’diżabilità;

il-kofinanzjament tal-ispejjeż tat-taħriġ, tal-IT, u tat-telekomunikazzjoni, u l-ispejjeż relatati mat-tagħmir tal-uffiċċju mġarrba mill-membri u d-delegati tas-CCMI;

il-ħlas jew rimborż ta’ spejjeż ta’ akkoljenza u rappreżentazzjoni mġarrba mill-membri u d-delegati tas-CCMI;

jawtorizza attivitajiet b’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13.

5.

Il-Bureau għandu r-responsabbiltà jiżgura li l-Kumitat juża tajjeb ir-riżorsi umani, finanzjarji u tekniċi tiegħu.

Huwa għandu jkun responsabbli għall-organizzazzjoni u l-proċeduri ta’ ħidma tal-Kumitat u jadotta l-organigramma fuq proposta tas-Segretarju Ġenerali.

6.

Il-Bureau għandu jadotta d-Dispożizzjonijiet ta’ Implimentazzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura wara li jikkonsulta lill-gruppi b’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dawn ir-Regoli ta’ Proċedura.

7.

Il-Bureau jista’ jistabbilixxi fi ħdanu gruppi ad hoc sabiex jindirizzaw kull kwistjoni fil-kompetenza tiegħu. Jista’ wkoll jistabbilixxi gruppi permanenti kif previst fl-Artikolu 35.

8.

Il-Bureau għandu jiċċara l-interpretazzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura u d-Dispożizzjonijiet ta’ Implimentazzjoni marbuta magħhom fuq talba ta’ membru tal-Kumitat jew tas-Segretarju Ġenerali.

Madankollu, hija l-assemblea li għandha l-kompetenza tinterpreta r-Regoli ta’ Proċedura fir-rigward tal-prerogattivi tal-Bureau.

Id-deċiżjonijiet interpretattivi tal-Bureau jistgħu jiġu kkontestati b’appell quddiem l-assemblea b’konformità mal-proċedura stabbilita fid-Dispożizzjonijiet ta’ Implimentazzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura.

Id-deċiżjoni tal-assemblea għandha tkun finali.

9.

Kull sitt xhur il-Bureau għandu jeżamina l-passi li ttieħdu dwar l-opinjonijiet maħruġa mill-Kumitat, fuq il-bażi ta’ rapport imħejji għal dan il-għan.

10.

Il-Bureau għandu jikkunsidra s-suġġerimenti u r-rakkomandazzjonijiet tal-korpi esterni ta’ kontroll jew ta’ investigazzjoni f’ħin opportun.

11.

Il-Bureau għandu jistabbilixxi r-regoli proċedurali tiegħu.

Artikolu 13 – Awtorizzazzjoni tal-attivitajiet

Il-Bureau jista’ jawtorizza attivitajiet marbuta direttament jew indirettament mal-funzjoni konsultattiva tal-Kumitat b’deċiżjonijiet fuq bażi ta’ każ b’każ. Dan japplika, b’mod partikolari, għal dan li ġej:

l-istabbiliment, il-kompożizzjoni u l-ġestjoni min-naħa tal-Kumitat ta’ forums, pjattaformi jew strutturi oħra ta’ konsultazzjoni tematika, kif ukoll il-modi ta’ parteċipazzjoni tal-Kumitat fl-istrutturi ta’ konsultazzjoni stabbiliti mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea jew fl-istrutturi li jieħdu sehem fihom dawn tal-aħħar;

il-parteċipazzjoni tal-membri fl-istrutturi esterni li għandha tkun soġġetta għal monitoraġġ u evalwazzjoni regolari. Ir-rappreżentanza tal-membri fl-istrutturi esterni għandha tkun ibbilanċjata u bbażata fuq sistema ta’ rotazzjoni;

it-tħejjija jew l-ikkummissjonar ta’ studji u l-pubblikazzjoni tagħhom;

l-organizzazzjoni ta’ żjarat ta’ ħidma u avvenimenti barra mis-sede;

Artikolu 14 – Evalwazzjoni tal-politiki

1.

Meta jkun meħtieġ, il-Bureau għandu jawtorizza l-evalwazzjoni tal-politiki.

2.

“Evalwazzjoni tal-politiki” għandha tfisser evalwazzjonijiet ex post, li jirrigwardaw politiki jew strumenti legali tal-Unjoni Ewropea li jkunu diġà qed jiġu implimentati.

L-evalwazzjonijiet ex-post għandhom ikunu kwalitattivi u mmirati.

L-eżerċizzju tal-evalwazzjoni tal-politiki għandu jqis l-impatti ekonomiċi, soċjali u ambjentali.

3.

L-evalwazzjonijiet tal-politiki jistgħu jsiru fil-forma ta’ opinjonijiet jew rapporti ta’ evalwazzjoni skont it-tifsira ta’ dawn ir-Regoli ta’ Proċedura:

meta dawn jintalbu direttament mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea jew jiġu deċiżi fuq inizjattiva proprja bl-għan li jesprimu l-perspettivi, il-valutazzjonijiet u t-talbiet tas-soċjetà ċivili organizzata dwar l-impatt tal-politiki tal-Unjoni, l-evalwazzjonijiet tal-politiki jiġu adottati fil-forma ta’ opinjonijiet;

meta jintalbu direttament mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea bl-għan li jippreżentaw informazzjoni fattwali b’konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet, l-evalwazzjonijiet tal-politiki għandhom jiġu adottati fil-forma ta’ rapporti ta’ evalwazzjoni.

Artikolu 15 – Funzjonament tal-Bureau tal-Kumitat

1.

Il-Bureau għandu jkun ippresedut mill-President tal-Kumitat jew, fin-nuqqas tal-President, minn wieħed mill-Viċi Presidenti.

Dan għandu jiltaqa’ f’sessjoni ordinarja qabel is-sessjonijiet tal-assemblea u, jekk ikun meħtieġ, f’sessjoni straordinarja.

2.

Il-President għandu jsejjaħ il-laqgħat tal-Bureau, u jaġixxi f’kapaċità ex officio, jew fuq it-talba ta’ għaxar membri tal-Bureau.

3.

Għandhom jittieħdu l-minuti għal kull laqgħa tal-Bureau.

Dawn il-minuti għandhom jitressqu quddiem il-Bureau għall-approvazzjoni tiegħu matul il-laqgħa sussegwenti.

4.

Il-Bureau jista’ wkoll jaħdem bi proċedura bil-miktub.

Il-proċedura bil-miktub għandha tiġi deċiża mill-Bureau skont ir-regoli ta’ proċedura tiegħu.

5.

Waqt it-tiġdid ta’ kull ħames snin, il-Bureau li jkun temm il-kariga tiegħu jkun inkarigat mill-ħidma attwali sakemm il-Kumitat il-ġdid jiltaqa’ għall-ewwel darba.

6.

“Ħidma attwali” tfisser ħidma li hija essenzjali għall-kontinwità tas-servizzi u l-funzjonament normali tal-Kumitat matul il-perjodu bejn tmiem il-mandat tal-membri tal-Kumitat u l-bidu tal-mandat tal-Kumitat il-ġdid (“perjodu intergovernattiv”), b’mod partikolari ħidma bħal:

kwistjonijiet ta’ ġestjoni ta’ kuljum li jkun jeħtieġ issir u ma tinvolvix deċiżjonijiet ġodda li jirrikjedu l-impenn fit-tul tal-Kumitat;

kwistjonijiet pendenti, li kienu diġà ttieħdu deċiżjonijiet fir-rigward tagħhom u li jinsabu fi stat avvanzat tal-proċedimenti u għalhekk jaqbel li jiġu konklużi;

kwistjonijiet urġenti fejn dewmien fis-soluzzjoni tagħhom ikun ta’ detriment għall-Kumitat. F’dan il-każ, il-Bureau jista’ jiddelega, esklużivament lil membru li l-mandat tiegħu jkun iġġedded, is-setgħa li jkompli ċerti attivitajiet speċifiċi matul il-“perijodu intergovernattiv”.

Artikolu 16 – Mandati fil-qafas ta’ kooperazzjoni esterna jew interistituzzjonali

1.

Il-Bureau jista’ jagħti mandat lill-President tal-Kumitat jinnegozja jew jikkonkludi ftehimiet ta’ kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet u l-korpi l-oħra tal-Unjoni Ewropea jew ma’ korpi jew organizzazzjonijiet esterni.

2.

Il-Bureau jista’ wkoll jagħti mandat lis-Segretarju Ġenerali jew lil direttur tal-Kumitat biex jinnegozja u jikkonkludi ftehimiet ta’ natura purament amministrattiva mal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni Ewropea jew ma’ korpi jew organizzazzjonijiet esterni. Jista’ wkoll jiddelegalhom dawn is-setgħat.

3.

Il-mandati u d-delegi ta’ setgħat mogħtija b’dan il-mod għandhom jistabbilixxu l-qasam, il-kamp ta’ applikazzjoni u l-limiti tagħhom, u jistabbilixxu l-proċedura li għandha tiġi segwita għan-negozjar u l-konklużjoni ta’ tali ftehimiet f’isem il-Kumitat.

Artikolu 17 – Kummissjoni għall-Affarijiet Finanzjarji u Baġitarji (CAF)

1.

Għandha tiġi stabbilita Kummissjoni għall-Affarijiet Finanzjarji u Baġitarji (CAF), li għandu jkollha tnax-il membru: president li għandu jkun wieħed miż-żewġ Viċi Presidenti tal-Kumitat, u ħdax-il membru maħtura mill-Bureau fuq proposta tal-gruppi.

2.

Il-Kummissjoni għall-Affarijiet Finanzjarji u Baġitarji għandha l-kompiti li ġejjin:

a)

din għandha tirċievi l-abbozz preliminari tal-estimi ta’ dħul u nfiq għas-sena finanzjarja ta’ wara, li jitressaq quddiemha mis-Segretarju Ġenerali; din għandha tanalizzah, tiddiskutih mas-Segretarju Ġenerali u tressqu quddiem il-Bureau, flimkien mal-kummenti u l-emendi proposti tagħha, għall-approvazzjoni;

b)

hija għandha tkun inkarigata biex tħejji kull abbozz ta’ deċiżjoni tal-Bureau fil-qasam finanzjarju u baġitarju jew organizzattiv jekk ikollu impatt finanzjarju jew baġitarju.

c)

Għandha tagħti pariri lill-Bureau dwar:

kwalunkwe kwistjoni ta’ importanza li tista’ tikkomprometti l-ġestjoni tajba tal-approprjazzjonijiet jew timpedixxi li jintlaħqu l-għanijiet previsti, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-previżjoni dwar l-użu tal-approprjazzjonijiet;

l-implimentazzjoni tal-baġit attwali, it-trasferimenti ta’ approprjazzjonijiet, l-implikazzjonijiet baġitarji relatati mal-organigrammi, l-approprjazzjonijiet amministrattivi u l-operazzjonijiet relatati ma’ proġetti ta’ bini. Hija għandha, b’mod partikolari, tipprovdi valutazzjoni tas-sitwazzjoni attwali u tissuġġerixxi azzjonijiet futuri;

il-proċess ta’ kwittanza, bil-kooperazzjoni mill-qrib tas-Segretarju Ġenerali u tar-rapporteur tal-Parlament Ewropew.

3.

Il-Bureau jista’ jassenja setgħat oħra lill-Kummissjoni għall-Affarijiet Finanzjarji u Baġitarji.

4.

Il-Kummissjoni għall-Affarijiet Finanzjarji u Baġitarji għandha tressaq quddiem il-Bureau abbozz tar-regoli ta’ proċedura tagħha, għall-approvazzjoni.

5.

Il-Kummissjoni għall-Affarijiet Finanzjarji u Baġitarji għandha tressaq rendikont tal-attivitajiet tagħha quddiem il-Bureau fil-laqgħat ordinarji.

6.

Il-president tal-Kummissjoni għall-Affarijiet Finanzjarji u Baġitarji jirrappreżenta ’l-Kumitat fir-rigward tal-awtoritajiet baġitarji tal-Unjoni Ewropea u jħejji rapport dwar dan għall-Bureau.

Artikolu 18 – Kummissjoni tal-Komunikazzjoni (COCOM)

1.

Għandha tiġi stabbilita Kummissjoni tal-Komunikazzjoni (COCOM), li għandu jkollha tnax-il membru: president li għandu jkun xi ħadd miż-żewġ Viċi Presidenti tal-Kumitat, u ħdax-il membru maħtura mill-Bureau fuq proposta tal-gruppi.

2.

Il-Kummissjoni tal-Komunikazzjoni għandha l-kompiti li ġejjin:

a)

Din għandha l-inkarigu li tipprovdi gwida u tissorvelja l-istrateġija ta’ komunikazzjoni tal-Kumitat.

b)

Għandha taqdi rwol ta’ konsulenza lill-Bureau u lill-President tal-Kumitat dwar kwistjonijiet ta’ komunikazzjoni.

c)

Għandha tikkoordina l-attivitajiet tal-istrutturi responsabbli għall-komunikazzjoni, għar-relazzjonijiet mal-istampa u l-mezzi tax-xandir, u għall-kultura, u tiżgura li dawn l-attivitajiet jikkonformaw mal-istrateġija u l-programmi approvati tal-Kumitat.

3.

Il-Kummissjoni tal-Komunikazzjoni għandha tressaq quddiem il-Bureau abbozz tar-regoli ta’ proċedura tagħha, għall-approvazzjoni.

4.

Il-Kummissjoni tal-Komunikazzjoni għandha tressaq rapport tal-attivitajiet tagħha quddiem il-Bureau fil-laqgħat ordinarji.

Kapitolu V

Il-Presidenza

Artikolu 19 – Il-President tal-Kumitat

1.

Il-President jirrappreżenta lill-Kumitat.

Il-President jista’ jiddelega din is-setgħa ta’ rappreżentanza lil xi ħadd mill-Viċi Presidenti jew, jekk ikun hemm bżonn, lil xi ħadd mill-membri.

2.

L-attivitajiet tal-Kumitat u tal-korpi interni tiegħu għandom isiru taħt it-tmexxija tal-President, b’konformità mat-Trattati, l-istrumenti legali fis-seħħ u dawn ir-Regoli ta’ Proċedura.

3.

Il-President tal-Kumitat għandu jsejjaħ u jippresiedi l-laqgħat tal-assemblea, kif ukoll dawk tal-Bureau u tal-presidenza estiża.

Il-President għandu jkollu f’idejh is-setgħat kollha meħtieġa biex jippresiedi d-diskussjonijiet ta’ dawn il-korpi u biex jiżgura li dawn jitmexxew kif imiss.

4.

Il-President għandu jinvolvi b’mod permanenti l-Viċi Presidenti fl-attivitajiet tiegħu; huwa għandu l-jedd jinkarigahom b’kompiti speċifiċi jew responsabbiltajiet speċifiċi li huma fil-kompetenza tiegħu.

Il-Viċi Presidenti għandhom jagħtu rendikont lilu dwar din id-delega.

5.

Il-President għandu jagħti lill-assemblea rendikont tal-passi u l-miżuri li jittieħdu għan-nom tal-Kumitat fil-perjodu bejn is-sessjonijiet plenarji.

Dawn ir-rapporti jistgħu jiġu segwiti minn dibattitu.

6.

Il-President għandu l-jedd jagħti kompiti speċifiċi lis-Segretarju Ġenerali għal perjodu limitat. Is-Segretarju Ġenerali għandu jirrapporta lill-President dwar dan.

7.

Il-Kumitat, bħala l-kontrollur tal-ipproċessar tad-data personali, għandu jkun rappreżentat mill-President tiegħu.

Il-President għandu jeżerċita f’isem il-Kumitat il-funzjonijiet u r-responsabbiltajiet assenjati lilu bħala korp tal-Unjoni Ewropea, skont il-leġiżlazzjoni applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data personali.

Il-President jista’ jiddelega din l-awtorità lis-Segretarju Ġenerali.

8.

Wara li jiġi elett, il-President għandu jippreżenta quddiem l-assemblea programm ta’ ħidma għall-perjodu tal-kariga tiegħu.

Fl-aħħar tal-mandat tiegħu, il-President għandu jippreżenta quddiem l-assemblea rendikont ta’ dak li jkun inkiseb.

Dawn iż-żewġ preżentazzjonijiet għandhom jiġu diskussi fl-assemblea.

Artikolu 20 – Il-Presidenza

1.

Il-Presidenza tal-Kumitat għandha tkun magħmula mill-President u ż-żewġ Viċi Presidenti.

2.

Iż-żewġ Viċi Presidenti huma rispettivament il-president tal-Kummissjoni għall-Affarijiet Finanzjarji u Baġitarji u l-president tal-Kummissjoni tal-Komunikazzjoni u jwettqu dawn il-kompiti taħt l-awtorità tal-President tal-Kumitat.

3.

Il-Presidenza tal-Kumitat għandha tiltaqa’ mal-presidenti tal-gruppi bħala presidenza estiża bil-għan li titħejja ħidmet il-Bureau u l-assemblea.

Il-presidenti tas-sezzjonijiet jistgħu jkunu mistiedna jattendu l-laqgħat.

4.

Il-Presidenza tal-Kumitat għandha tiltaqa’ tal-inqas darbtejn fis-sena mal-presidenti tal-gruppi, tas-sezzjonijiet u tas-CCMI bil-għan li jiġi definit il-programm ta’ ħidma tal-Kumitat u sabiex issir evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tiegħu u, fejn meħtieġ, tressaq proposti quddiem il-Bureau.

Artikolu 21 – Il-presidenza estiża

1.

Il-presidenza estiża għandha tkun magħmula mill-Presidenza u l-presidenti tal-gruppi.

2.

Ir-rwol tal-presidenza estiża għandu jkun li:

a)

tħejji u tiffaċilita l-ħidma tal-Bureau u l-assemblea;

b)

tiffaċilita d-deċiżjonijiet meħtieġa f’każ ta’ emerġenza jew f’ċirkostanzi straordinarji;

c)

toffri konsulenza lill-Bureau fit-tfassil tal-politiki tal-Kumitat;

d)

torganizza diskussjonijiet f’każ ta’ kunflitt fid-determinazzjoni tad-daqs ta’ grupp ta’ studju jew b’rabta mal-attivitajiet tiegħu;

e)

tipproponi lill-Bureau l-aġenda tal-assemblea;

f)

toffri konsulenza, fejn meħtieġ, dwar il-ħatra ta’ uffiċjali u r-reklutaġġ ta’ aġenti oħra, kif previst f’dawn ir-Regoli ta’ Proċedura.

3.

Il-presidenza estiża għandha tiltaqa’ biex tħejji l-ħidma tal-Bureau u tal-assemblea, jew jekk ikun meħtieġ.

Għandha tiltaqa’ tal-inqas darbtejn fis-sena mal-presidenti tas-sezzjonijiet u tas-CCMI biex iħejju l-programm ta’ ħidma tal-Kumitat u jevalwaw l-implimentazzjoni tiegħu u, fejn meħtieġ, tressaq proposti quddiem il-Bureau.

Jistgħu jiġu mistiedna persuni oħra għal-laqgħat tal-presidenza estiża skont kif ikun meħtieġ.

Kapitolu VI

Is-sezzjonijiet

Artikolu 22 – Kompożizzjoni tas-sezzjonijiet

1.

Il-ħidma konsultattiva tal-Kumitat għandha tiġi organizzata f’sezzjonijiet tematiċi, sakemm dawn ir-Regoli ta’ Proċedura ma jipprevedux mod ieħor.

2.

Il-Kumitat għandu jistabbilixxi s-sezzjonijiet wara kull tiġdid ta’ mandat ta’ ħames snin, matul is-sessjoni tal-bidu tal-mandat.

Is-sezzjonijiet għandhom jiġu stabbiliti mill-assemblea fl-oqsma li għalihom it-Trattati jagħtu kompetenza lill-Kumitat.

3.

Il-lista tas-sezzjonijiet u l-oqsma tal-kompetenzi tagħhom jistgħu jerġgħu jiġu eżaminati matul kull tiġdid ta’ mandat ta’ ħames snin.

Artikolu 23 – Membri tas-sezzjonijiet

1.

L-għadd ta’ membri tas-sezzjonijiet għandu jiġi deċiż mill-assemblea.

2.

Il-membri tas-sezzjonijiet għandhom jinħatru mill-assemblea, fuq proposti tal-gruppi. Il-ħatriet għandhom ikunu għal sentejn u nofs u għandhom ikunu jistgħu jiġġeddu.

3.

Kull membru tal-Kumitat minbarra l-President għandu jkun imsieħeb f’tal-anqas waħda mis-sezzjonijiet.

L-ebda membru ma jista’ jkun imsieħeb f’aktar minn żewġ sezzjonijiet, ħlief jekk ikun ġej minn Stat Membru b’disa’ membri jew inqas tal-Kumitat.

L-ebda membru ma jista’ jappartjeni għal aktar minn tliet sezzjonijiet.

4.

Il-proċedura għall-ħatra tal-membri tas-sezzjonijiet għandha tintuża wkoll meta dawn il-membri jiġu sostitwiti.

Il-membru li jieħu post il-membru sostitwit mhux bilfors irid jagħmel parti mill-grupp tal-membru sostitwit.

Artikolu 24 – Presidenza u bureaux tas-sezzjonijiet

1.

Il-bureaux tas-sezzjonijiet, eletti għal perjodu ta’ sentejn u nofs, huma magħmulin minn tnax-il membru, li wieħed minnhom huwa l-president u tlieta minnhom viċi presidenti.

2.

Il-membri tal-bureaux tas-sezzjonijiet għandhom jinħatru mill-assemblea fuq proposta tal-gruppi.

Il-presidenti tas-sezzjonijiet u l-membri l-oħra tal-bureaux tas-sezzjonijiet jistgħu jiġu eletti mill-ġdid.

3.

Il-presidenza tas-sezzjonijiet għandha tinbidel permezz ta’ rotazzjoni bejn il-gruppi taħt il-kundizzjonijiet li ġejjin:

il-presidenza ta’ nofs is-sezzjonijiet għandha tinbidel permezz ta’ rotazzjoni bejn il-gruppi fil-bidu tal-mandat ta’ ħames snin;

il-presidenza tan-nofs l-ieħor tas-sezzjonijiet għandha tinbidel permezz ta’ rotazzjoni bejn il-gruppi wara sentejn u nofs fl-okkażjoni tat-tiġdid f’nofs it-terminu;

l-istess grupp ma jistax jokkupa l-presidenza ta’ sezzjoni għal aktar minn żewġ mandati konsekuttivi ta’ sentejn u nofs kull wieħed.

Artikolu 25 – Kompiti tas-sezzjonijiet

1.

Huwa l-kompitu tas-sezzjonijiet li jadottaw abbozzi ta’ opinjonijiet li jkunu riferuti lilhom.

2.

Huma jistgħu jingħataw ukoll il-kompitu li jadottaw abbozzi ta’ rapporti ta’ evalwazzjoni u abbozzi ta’ rapporti ta’ informazzjoni.

3.

Kull sezzjoni għandu jkollha segretarjat biex twettaq il-kompiti assenjati lilha.

Kapitolu VII

Sottokomittivi u osservatorji

Artikolu 26 – Sottokumitati

1.

Fuq l-inizjattiva tal-Bureau, f’każijiet ta’ eċċezzjoni, l-assemblea tista’ tistabbilixxi sottokumitati bl-għan li jfasslu abbozzi ta’ opinjonijiet dwar kwistjonijiet strettament orizzontali ta’ natura ġenerali.

L-abbozzi għandhom jiġu ppreżentati lill-Bureau u jitressqu quddiem l-assemblea għall-approvazzjoni.

Il-membri tas-sottokumitati għandhom jinħatru mill-assemblea fuq proposti tal-gruppi.

2.

Il-Bureau jista’ wkoll iwaqqaf sottokumitati matul il-perjodi ta’ bejn is-sessjonijiet plenarji.

Jista’ wkoll jaħtar il-membri tagħhom, fuq proposti tal-gruppi.

F’dan il-każ, id-deċiżjoni li jitwaqqaf sottokumitat u l-ħatra tal-membri tiegħu għandhom ikunu bil-kundizzjoni li l-assemblea tirratifikahom aktar ’il quddiem.

3.

L-ebda sottokumitat ma jista’ jiġi stabbilit għal aktar minn suġġett wieħed.

Dan ixolji hekk kif l-assemblea tkun ivvotat fuq l-abbozz ta’ opinjoni li jkun ħejja.

4.

Meta kwistjoni tiddependi mill-kompetenzi ta’ diversi korpi, is-sottokumitat għandu jkun magħmul minn membri tal-korpi kkonċernati.

5.

Id-dispożizzjonijiet relatati mas-sezzjonijiet għandhom japplikaw bl-istess mod għas-sottokumitati.

Artikolu 27 – Osservatorji

1.

Il-Kumitat jista’ jistabbilixxi osservatorji kull meta n-natura, il-firxa u l-kumplessità tas-suġġett indirizzat jitolbu strateġija partikolari fil-metodi ta’ ħidma, proċeduri u strumenti li jiġu applikati.

2.

L-osservatorji jiġu stabbiliti fuq deċiżjoni tal-assemblea, li tirratifika, jekk ikun hemm bżonn, id-deċiżjoni li tkun ittieħdet minn qabel mill-Bureau fuq il-proposta ta’ grupp jew ta’ sezzjoni.

3.

Id-deċiżjoni tal-assemblea li jiġi stabbilit osservatorju għandha tistabbilixxi l-għan, l-istruttura, il-kompożizzjoni u l-perjodu ta’ ħidma tiegħu.

Sussegwentement, tista’ tiġi revokata jew modifikata mill-assemblea, fuq proposta tal-Bureau.

4.

Il-membri tal-osservatorji għandhom jinħatru mill-assemblea fuq proposti tal-gruppi.

5.

Mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tas-sezzjonijiet u tas-CCMI, osservatorju jista’ jfassal dokumenti ta’ informazzjoni u jwettaq studji dwar l-effetti tal-istrumenti legali tal-UE jew in-nuqqas tagħhom fl-oqsma ta’ kompetenza tiegħu.

Fuq deċiżjoni tal-assemblea, dawn id-dokumenti ta’ informazzjoni u studji jistgħu jintbagħtu lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni jew lil kwalunkwe istituzzjoni jew korp ieħor tal-Unjoni Ewropea.

6.

Kull osservatorju jaħdem taħt il-patroċinju ta’ sezzjoni.

7.

Il-Bureau jista’ jawtorizza waħda mis-sezzjonijiet sabiex tassenja lill-osservatorju marbut magħha t-tħejjija ta’ abbozz ta’ opinjoni.

L-abbozz ta’ opinjoni mħejji mill-osservatorju għandu jitressaq quddiem is-sezzjoni għall-adozzjoni.

Jekk jiġi adottat mis-sezzjoni, hija s-sezzjoni li għandha tressqu quddiem l-assemblea għall-adozzjoni.

Kapitolu VIII

Kummissjonijiet konsultattivi

Artikolu 28 – Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI)

1.

Il-Kumitat għandu jistabbilixxi l-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI) fi żmien tliet xhur mid-data tat-tiġdid ta’ kull ħames snin tal-Kumitat, matul sessjoni plenarja tal-assemblea.

2.

Is-CCMI għandha tkun magħmula minn membri tal-Kumitat u minn delegati minn organizzazzjonijiet rappreżentattivi tas-setturi ekonomiċi u soċjali, kif ukoll mis-soċjetà ċivili, li għandhom interess partikolari fil-bidliet industrijali. L-għadd tal-membri u d-delegati għandu jkun deċiż mill-assemblea fuq proposta tal-Bureau.

Il-mandat tal-membri tas-CCMI għandu jkun ta’ sentejn u nofs. Għad-delegati tas-CCMI dan għandu jkun ta’ ħames snin. Fiż-żewġ każijiet il-mandat għandu jkun jista’ jiġġedded.

3.

Il-membri tal-Kumitat li jissieħbu fis-CCMI għandhom jinħatru mill-assemblea fuq proposti tal-gruppi.

4.

Id-delegati tas-CCMI għandhom jinħatru mill-assemblea fuq proposta tal-Bureau, abbażi tar-rakkomandazzjonijiet tal-gruppi.

Ir-rakkomandazzjonijiet għall-ħatra tad-delegati għandhom jiġu deċiżi minn kull grupp skont ir-regoli interni tiegħu.

5.

Il-president tas-CCMI għandu jkun membru tal-Bureau tal-Kumitat li lilu jirrapporta kull sentejn u nofs dwar l-attivitajiet ta’ din il-kummissjoni konsultattiva.

6.

Id-delegati huma soġġetti għall-istess regoli bħall-membri tal-Kumitat f’dak li jirrigwarda l-indennizzi u r-rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tas-sussistenza.

Id-delegati tas-CCMI ma jistgħux jaħtru sostituti għal-laqgħat tas-CCMI u għall-ħidma preparatorja.

7.

Is-CCMI għandu jkollha segretarjat.

Artikolu 29 – Twaqqif ta’ kummissjonijiet konsultattivi oħrajn

1.

Il-Kumitat jista’ jistabbilixxi kummissjonijiet konsultattivi oħra jekk dan jirriżulta li jkun meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti assenjati lill-Kumitat mit-Trattati jew minn strumenti legali oħra.

Dawn għandhom ikunu magħmulin minn membri tal-Kumitat u minn delegati li ġejjin mill-oqsma tas-soċjetà ċivili organizzata li l-Kumitat ikun jixtieq jinvolvi f’ħidmietu.

2.

Biex jiġu stabbiliti kummissjonijiet konsultattivi ġodda, għandha tinkiseb awtorizzazzjoni minn qabel espliċita mill-awtoritajiet baġitarji tal-Unjoni.

3.

Il-kummissjonijiet konsultattivi għandhom jiġu stabbiliti skont deċiżjoni meħuda mill-assemblea li għandha tikkonferma deċiżjoni adottata mill-Bureau.

Id-deċiżjoni tal-assemblea li toħloq kummissjoni konsultattiva tiddefinixxi l-għan, l-istruttura, il-kompożizzjoni, it-tul ta’ żmien tagħha, kif ukoll il-kundizzjonijiet applikabbli għall-ħatra ta’ delegati fil-kummissjoni.

Kapitolu IX

Djalogu mal-organizzazzjonijiet ekonomiċi u soċjali fl-unjoni ewropea u fi stati mhux tal-UE

Artikolu 30 – Relazzjonijiet ma’ organizzazzjonijiet esterni

1.

Il-Kumitat, fuq inizjattiva tal-Bureau, jista’ jkollu relazzjonijiet strutturati mal-kunsilli ekonomiċi u soċjali u istituzzjonijiet simili u mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili ta’ natura ekonomika u soċjali tal-Unjoni Ewropea u pajjiżi mhux tal-UE.

2.

Bl-istess mod, huwa jista’ jwettaq azzjonijiet li jippromovu l-ħolqien ta’ kunsilli ekonomiċi u soċjali jew istituzzjonijiet simili fil-pajjiżi fejn għadhom ma jeżistux.

Artikolu 31 – Delegazzjonijiet u kumitati konsultattivi konġunti

1.

L-assemblea, fuq proposta tal-Bureau, tista’ taħtar għadd ta’ delegazzjonijiet sabiex jibnu relazzjonijiet mad-diversi komponenti ekonomiċi u soċjali tas-soċjetà ċivili organizzata fl-istati jew assoċjazzjonijiet ta’ stati li mhumiex imsieħba fl-Unjoni Ewropea.

2.

Il-kooperazzjoni bejn il-Kumitat u l-imsieħba tas-soċjetà ċivili organizzata fil-pajjiżi kandidati għandha tieħu l-għamla ta’ kumitati konsultattivi konġunti, f’każ li dawn ikunu ġew iffurmati mill-Kunsilli ta’ Assoċjazzjoni.

F’każijiet oħra, din issir permezz ta’ gruppi ta’ kuntatt.

Il-membri tal-kumitati konsultattivi konġunti u tal-gruppi ta’ kuntatt għandhom jinħatru mill-Bureau fuq proposti tal-gruppi.

3.

Il-kumitati konsultattivi konġunti u l-gruppi ta’ kuntatt għandhom iħejju rapporti u dikjarazzjonijiet li jistgħu jintbagħtu mill-Kumitat lill-istituzzjonijiet kompetenti u lill-partijiet ikkonċernati.

Kapitolu X

Korpi oħrajn

Artikolu 32 – Grupp tal-Kwesturi

1.

Fuq proposta tal-Bureau, l-assemblea għandha, għal perjodu ta’ sentejn u nofs, teleġġi tliet membri tal-Kumitat sabiex jiffurmaw il-Grupp tal-Kwesturi.

2.

Il-pożizzjoni tal-kwesturi hija inkompatibbli ma’ dik ta’ membru tal-korpi li ġejjin:

il-Bureau tal-Kumitat;

il-Kummissjoni għall-Affarijiet Finanzjarji u Baġitarji (CAF);

il-Kumitat tal-Etika; u

il-Kumitat tal-Awditjar.

3.

Il-kwesturi għandu jkollhom il-funzjonijiet li ġejjin:

a)

jissorveljaw l-implimentazzjoni u jiżguraw l-eżekuzzjoni kif imiss tal-Istatut tal-Membri;

b)

ifasslu proposti immirati lejn l-irfinar u t-titjib tal-Istatut tal-Membri;

c)

jieħdu l-inizjattivi adatti biex isolvu kull każ dubjuż jew kunflitt fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Istatut tal-Membri;

d)

jiżguraw ir-relazzjonijiet bejn il-membri tal-Kumitat u s-segretarjat ġenerali f’dak li jikkonċerna l-applikazzjoni tal-Istatut tal-Membri.

Artikolu 33 – Kumitat tal-Etika

1.

Fuq proposta tal-Bureau, l-assemblea għandha teleġġi, għal kull perjodu ta’ sentejn u nofs, tnax-il membru tal-Kumitat, b’parità bejn il-ġeneri, sitt membri u sitt membri ta’ riżerva, li għandhom jikkostitwixxu l-Kumitat tal-Etika.

Id-dispożizzjonijiet għal din l-elezzjoni huma stabbiliti fl-Artikolu 10 tal-Kodiċi ta’ Kondotta.

2.

Il-pożizzjoni tal-membri tal-Kumitat tal-Etika hija inkompatibbli ma’ dik tal-membri tal-korpi li ġejjin:

il-Bureau tal-Kumitat;

il-Grupp tal-Kwesturi; u

il-Kumitat tal-Awditjar.

3.

Kull wieħed mit-tliet gruppi tal-Kumitat għandu jaħtar wieħed mill-membri tiegħu biex iservi bħala president tal-Kumitat tal-Etika għal sentejn u nofs fuq bażi ta’ rotazzjoni.

Artikolu 34 – Kumitat tal-Awditjar

1.

Għandu jiġi stabbilit Kumitat tal-Awditjar bil-kompitu li jipprovdi konsulenza lill-President u lill-Bureau dwar l-awditjar.

2.

Il-Kumitat tal-Awditjar għandu jwettaq il-funzjonijiet assenjati lill-kumitat tal-progress tal-awditjar intern b’konformità mal-Artikolu 123 tar-Regolament Finanzjarju.

B’mod partikolari, il-Kumitat tal-Awditjar għandu l-kompitu li jiżgura l-indipendenza tal-awditur intern, li jimmonitorja l-kwalità tax-xogħol tal-awditjar intern u li jiżgura li r-rakkomandazzjonijiet tal-awditjar intern u estern jitqiesu kif dovut u jiġu segwiti mis-servizzi tal-Kumitat.

3.

Il-Kumitat tal-Awditjar għandu jirrapporta lill-Bureau.

4.

Il-Bureau għandu jiddeċiedi dwar l-istruttura, il-kompożizzjoni, il-kompiti u r-regoli ta’ funzjonament tal-Kumitat tal-Awditjar, u għandhom jitqiesu l-awtonomija organizzattiva tal-Kumitat u l-importanza tal-pariri minn esperti indipendenti.

5.

Il-membri tal-kumitat tal-awditjar għandhom jinħatru mill-Bureau fuq proposta tal-gruppi.

Kull wieħed mit-tliet gruppi tal-Kumitat għandu jaħtar president tal-Kumitat tal-Awditjar għal sentejn u nofs fuq bażi ta’ rotazzjoni.

6.

Il-pożizzjoni ta’ membru tal-Kumitat tal-Awditjar hija inkompatibbli ma’ dik ta’ membru ta’ wieħed mill-korpi li ġejjin:

il-Bureau tal-Kumitat;

il-Kummissjoni għall-Affarijiet Finanzjarji u Baġitarji (CAF);

il-Grupp tal-Kwesturi; u

il-Kumitat tal-Etika.

7.

Il-Kumitat tal-Awditjar għandu jadotta l-abbozz ta’ Karta tal-Awditur Intern b’konformità mar-Regolament Finanzjarju u skont l-istandards internazzjonali rilevanti dwar l-awditjar intern, u għandu jressqu quddiem il-Bureau għall-adozzjoni.

Artikolu 35 – Gruppi permanenti

1.

Il-Kumitat jista’ jwaqqaf gruppi permanenti meta n-natura tas-suġġett inkwistjoni tirrikjedi monitoraġġ partikolarment profond tas-suġġett, u tkun parti mill-politika tal-UE ta’ importanza kbira għas-soċjetà ċivili.

2.

Grupp permanenti għandu jiġi stabbilit fuq deċiżjoni tal-Bureau, fuq proposta ta’ sezzjoni jew ta’ grupp.

3.

Id-deċiżjoni tal-Bureau li jiġi stabbilit grupp permanenti għandha tistabbilixxi l-għan, l-istruttura, il-kompożizzjoni u t-tul ta’ żmien tiegħu. Id-durata ta’ grupp permanenti ma tistax tkun itwal miż-żmien meta jintemm il-mandat attwali.

4.

Il-membri tal-gruppi permanenti għandhom jinħatru mill-Bureau fuq proposti tal-gruppi.

5.

Kull grupp permanenti jaħdem taħt il-patroċinju ta’ sezzjoni.

Kapitolu XI

Kategoriji

Artikolu 36 – Kategoriji

1.

Il-membri tal-Kumitat jistgħu, fuq bażi volontarja, jiffurmaw kategoriji rappreżentattivi tad-diversi interessi ekonomiċi u soċjali tas-soċjetà ċivili organizzata fl-Unjoni Ewropea.

2.

Kategorija għandha tkun magħmula minn mhux inqas minn għaxar membri.

F’każ ta’ kunflitt dwar l-eliġibbiltà ta’ membru, il-Bureau għandu jieħu deċiżjoni wara li jkun ikkonsulta lill-membri tal-kategorija.

L-ebda membru ma jista’ jissieħeb f’aktar minn kategorija waħda fl-istess ħin.

3.

Il-ħolqien ta’ kategorija għandu jkun soġġett għall-approvazzjoni tal-Bureau, li għandu jinforma lill-assemblea.

4.

Id-deċiżjoni tal-Bureau li tapprova l-ħolqien ta’ kategorija għandha tistabbilixxi l-għan, l-istruttura, il-kompożizzjoni, it-tul ta’ żmien u r-regoli ta’ ħidma.

Din id-deċiżjoni tista’ tiġi sussegwentement emendata jew revokata mill-Bureau.

IT-TIENI PARTI

PROĊEDURI

TITOLU I

PROĊEDURI GĦALL-BIDU TAL-KARIGA TAL-KUMITAT U GĦALL-ELEZZJONI U L-ĦATRA

Kapitolu I

Proċedura għall-bidu tal-kariga tal-kumitat

Artikolu 37 – L-ewwel laqgħa tal-assemblea u bidu tal-kariga tal-Kumitat

1.

L-ewwel laqgħa tal-assemblea wara t-tiġdid ta’ mandat ta’ ħames snin għandha tkun iddedikata għall-bidu tal-kariga tal-Kumitat.

Din għandha titlaqqa’ u tiġi ppreseduta mill-aktar membru anzjan fl-età, u għandha ssir mhux aktar tard minn 40 jum kalendarju wara d-data tad-deċiżjoni tal-Kunsill li taħtar il-membri tal-Kumitat, dment li mill-inqas nofs il-membri jkunu nħatru mill-Kunsill.

Fil-każ li mhux il-membri kollha tal-Kumitat jinħatru bl-istess deċiżjoni tal-Kunsill, id-data li minnha tibda l-iskadenza msemmija hawn fuq għandha tkun id-data tad-deċiżjoni mill-Kunsill li taħtar il-maġġoranza tal-membri.

2.

Matul is-sessjoni tal-bidu tal-kariga, jiġu segwiti l-passi li ġejjin:

a)

Twaqqif tal-gruppi

Il-membri tal-Kumitat għandhom jiddikjaraw il-grupp li fih jixtiequ jissieħbu u t-tliet gruppi jiġu kostitwiti.

Kull grupp għandu jirtira u jeleġġi l-president u l-viċi presidenti tiegħu, fejn meħtieġ, f’laqgħa speċifika għall-membri ta’ dak il-grupp.

L-ismijiet tat-tliet presidenti tal-gruppi għandhom jiġu kkomunikati lill-assemblea.

b)

Twaqqif tas-sezzjonijiet

L-assemblea għandha tistabbilixxi l-għadd u l-oqsma ta’ kompetenza tas-sezzjonijiet.

Il-membri tal-Kumitat għandhom jiddikjaraw liema sezzjonijiet jixtiequ jissieħbu fihom.

L-assemblea għandha taħtar il-membri tas-sezzjonijiet u twaqqaf is-sezzjonijiet.

c)

Twaqqif tal-Bureau tal-Kumitat

L-għadd tal-membri tal-Bureau għandu jkun deċiż mill-assemblea.

L-assemblea għandha teleġġi l-membri tal-Bureau minbarra l-presidenti tal-gruppi għal sentejn u nofs mid-data tal-bidu tal-kariga tal-Kumitat b’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dawn ir-Regoli ta’ Proċedura.

d)

Il-ħatra ta’ membri għal karigi oħra ta’ responsabbiltà fi ħdan il-Kumitat għandha ssir b’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dawn ir-Regoli ta’ Proċedura.

3.

Huma biss il-kwistjonijiet relatati ma’ dawn il-passi li jistgħu jiġu diskussi meta jkun qed jippresiedi l-aktar membru anzjan fl-età.

Artikolu 38 – Laqgħa tat-tiġdid f’nofs il-mandat

1.

Il-mandat għall-karigi ta’ responsabbiltà fi ħdan il-Kumitat għandu jiġġedded f’nofs il-perjodu ta’ ħames snin, jiġifieri sentejn u nofs mid-data meta tinbeda l-kariga tal-Kumitat.

2.

Il-laqgħa tal-assemblea li matulha jiġu eletti jew maħturin il-membri fil-karigi li jissemmew fil-punt preċedenti għall-aħħar sentejn u nofs tal-mandat ta’ ħames snin għandha tissejjaħ mill-President tal-Kumitat li jkun għadu kif intemm il-mandat tiegħu.

3.

Din għandha ssir fil-bidu tas-sessjoni tax-xahar li fih jiskadi l-mandat tal-ewwel Bureau. Il-presidenza għandha tkun f’idejn il-President tal-Kumitat li jkun għadu kif intemm il-mandat tiegħu.

Kapitolu II

Proċeduri tal-elezzjonijiet u l-ħatriet

Taqsima 1 – Proċedura għall-elezzjoni tal-membri tal-Bureau

Artikolu 39 – Kummissjoni preparatorja u listi tal-kandidati għall-elezzjoni tal-membri tal-Bureau

1.

L-assemblea għandha tistabbilixxi kummissjoni preparatorja li tinkludi rappreżentazzjoni bilanċjata ta’ membri tat-tliet gruppi, b’nazzjonal wieħed minn kull Stat Membru.

Il-membri tal-kummissjoni preparatorja ma għandhomx jikkontestaw għal kariga fil-Bureau.

2.

Il-kummissjoni preparatorja għandha l-inkarigu li tirċievi lista (jew listi) ta’ kandidati għall-Bureau, li tivverifika l-legalità tal-kandidaturi skont il-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu, u li tressaq il-lista (jew il-listi) tal-kandidati quddiem l-assemblea għall-elezzjoni fil-Bureau.

3.

Il-gruppi, rappreżentati mill-presidenti tagħhom, għandhom jieħdu sehem fin-negozjar u l-formulazzjoni ta’ proposta għall-kompożizzjoni tal-Bureau, liema proposta tkun fil-forma ta’ lista komuni li għandha titressaq quddiem il-kummissjoni preparatorja.

4.

Jistgħu jitressqu wkoll listi alternattivi kompleti ta’ membri quddiem il-kummissjoni preparatorja minn mhux inqas minn ħamsa u għoxrin membru.

5.

Il-kummissjoni preparatorja għandha l-ewwel tressaq quddiem l-assemblea l-lista komuni mressqa mill-gruppi għall-votazzjoni. Jekk ikun hemm bżonn, hija għandha tressaq ukoll il-listi alternattivi.

6.

Sabiex jiġu ammessi għall-votazzjoni fl-assemblea, il-listi kollha jenħtieġ ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 1(5) u 41 u jkunu akkumpanjati minn dikjarazzjoni ta’ aċċettazzjoni minn kull kandidat b’indikazzjoni tal-kariga li jixtieq jokkupa.

Artikolu 40 – Elezzjoni tal-membri tal-Bureau

Il-proċedura għall-elezzjoni tal-membri tal-Bureau għandha ssir fi stadji, fejn meħtieġ permezz ta’ votazzjoni u ċikli ta’ votazzjoni suċċessivi u fl-ordni li ġej:

1.

Fl-ewwel stadju, l-assemblea għandha tiddeċiedi dwar il-lista jew listi ta’ kandidati għall-Bureau.

a)

L-ewwel għandha ssir votazzjoni fuq il-lista komuni mressqa mill-gruppi.

Jekk aktar minn żewġ terzi tal-membri tal-Kumitat jivvotaw favur, il-membri tal-Bureau jiġu eletti.

b)

Jekk il-lista komuni ma tiksibx il-maġġoranza meħtieġa, għandha ssir votazzjoni dwar il-lista/i alternattiva/i, jekk ikun meħtieġ, fl-ordni deċiż mill-kummissjoni preparatorja.

Jekk aktar minn żewġ terzi tal-membri tal-Kumitat jivvotaw favur, il-membri tal-Bureau jiġu eletti.

c)

Jekk l-ebda waħda mil-listi mressqa quddiem l-assemblea ma tikseb il-maġġoranza meħtieġa, għandu jsir it-tieni ċiklu ta’ votazzjoni b’konformità mal-proċedura stabbilita fil-punti (a) u (b) preċedenti.

F’dan il-każ, il-maġġoranza meħtieġa hija aktar minn nofs il-membri tal-Kumitat.

d)

Jekk l-ebda waħda mil-listi ma tikseb il-maġġoranza l-ġdida meħtieġa fit-tieni ċiklu ta’ votazzjoni, il-laqgħa għandha tiġi sospiża u posposta għal ħin ieħor.

Meta terġa’ tkompli l-laqgħa, għandu jsir it-tielet ċiklu ta’ votazzjoni b’konformità mal-proċedura stabbilita fil-punti (a) u (b) preċedenti.

F’dan il-każ, il-maġġoranza meħtieġa hija aktar minn nofs il-membri preżenti jew rappreżentati.

2.

Fit-tieni stadju, ladarba l-lista tal-membri tal-Bureau tkun ġiet adottata, l-assemblea għandha taħtar il-membri għall-karigi tal-Bureau li mhumiex presidenti tal-gruppi permezz ta’ votazzjoni waħda jew aktar skont il-ħtieġa, taħt il-kundizzjonijiet li ġejjin:

a)

Jistgħu jiġu eletti biss dawk il-membri tal-Bureau li jinsabu fil-lista adottata minn qabel mill-assemblea.

b)

Il-votazzjonijiet isiru fl-ordni li ġej:

i.

elezzjoni tal-President tal-Kumitat;

ii.

elezzjoni taż-żewġ Viċi Presidenti tal-Kumitat;

iii.

elezzjoni tal-presidenti tas-sezzjonijiet;

iv.

elezzjoni tal-president tas-CCMI.

c)

Il-maġġoranza tintlaħaq b’vot favur minn aktar minn nofs il-membri preżenti jew rappreżentati.

d)

Jekk l-ebda wieħed mill-kandidati ma jikseb il-maġġoranza meħtieġa bil-voti, għandha ssir it-tieni votazzjoni, iżda biss bejn iż-żewġ kandidati li rċevew l-aktar voti fl-ewwel ċiklu ta’ votazzjoni.

Għandu jinħatar il-kandidat li jikseb l-akbar numru ta’ voti fit-tieni votazzjoni.

Artikolu 41 – Kundizzjonijiet għall-elezzjoni tal-membri tal-Bureau

L-elezzjoni tal-membri tal-Bureau għandha tkun konformi mal-kundizzjonijiet li ġejjin u, fin-nuqqas ta’ dan, l-elezzjoni għandha titqies bħala mhux valida:

1.

Il-kompożizzjoni tal-Bureau għandha tkun konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1(5) u tirrifletti l-bilanċ globali ġeografiku bejn il-gruppi, b’mhux inqas minn nazzjonal wieħed minn kull Stat Membru u b’mhux aktar minn tlieta.

2.

Għal kull mandat ta’ sentejn u nofs, il-President tal-Kumitat huwa magħżul minn fost it-tliet gruppi permezz ta’ rotazzjoni.

3.

Iż-żewġ Viċi Presidenti għandhom jappartjenu għal gruppi differenti u għandhom jintgħażlu minn fost il-membri tal-gruppi li l-President tal-Kumitat ma jkunx imsieħeb fihom.

4.

Il-President u l-Viċi Presidenti tal-Kumitat ma għandhomx jerġgħu jiġu eletti.

5.

Sentejn u nofs immedjatament wara li jintemm il-mandat tiegħu, il-President tal-Kumitat ma għandux ikun membru tal-Bureau bħala Viċi President tal-Kumitat, president ta’ grupp, ta’ sezzjoni jew tas-CCMI.

Artikolu 42 – Sostituzzjoni ta’ membru tal-Bureau

1.

F’każ li membru tal-Bureau jkun f’waħda mis-sitwazzjonijiet fost dawk previsti fl-Artikolu 4(2), għandu jiġi sostitwit b’konformità mal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 41 għat-tul tal-mandat li jkun fadal.

2.

L-assemblea għandha tivvota fuq din is-sostituzzjoni fuq il-bażi ta’ proposta tal-grupp li jappartjeni għalih il-membru li jkun qed jiġi sostitwit. Jekk dak il-membru ma jappartjenix għal grupp, il-gruppi għandhom ifasslu proposta għas-sostituzzjoni.

Il-maġġoranza għandha tintlaħaq b’vot favur minn aktar minn nofs il-membri preżenti jew rappreżentati.

Jekk il-kandidat propost mill-grupp ikkonċernat ma jiksibx il-maġġoranza meħtieġa, il-grupp għandu jagħmel proposti ġodda sakemm jinħatar membru.

Taqsima 2 – Proċedura għall-elezzjoni ta’ karigi oħra ta’ responsabbiltà

Artikolu 43 – Proċedura għall-elezzjoni ta’ karigi oħra ta’ responsabbiltà mill-assemblea

1.

Matul l-ewwel laqgħa, ladarba l-membri tal-Bureau jkunu ġew eletti u l-karigi fil-Bureau jkunu ġew allokati, l-assemblea għandha teleġġi l-membri għall-karigi li ġejjin:

a)

it-tliet membri tal-Grupp tal-Kwesturi;

b)

is-sitt membri u s-sitt membri ta’ riżerva tal-Kumitat tal-Etika;

c)

il-membri tal-bureaux tas-sezzjonijiet minbarra l-presidenti.

2.

Id-Dispożizzjonijiet ta’ Implimentazzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura għandhom jistabbilixxu l-proċedura għall-elezzjoni b’rabta ma’ dawn il-karigi.

Artikolu 44 – Proċedura għall-ħatra tar-relaturi u l-membri tal-gruppi ta’ studju

Il-kriterji u l-proċedura għall-ħatra tar-relaturi u l-membri tal-gruppi ta’ studju huma stabbiliti fl-Artikolu 55 ta’ dawn ir-Regoli ta’ Proċedura.

Taqsima 3 – Parteċipazzjoni tal-gruppi fil-proċeduri ta’ elezzjoni u ta’ ħatra

Artikolu 45 – Proposti tal-gruppi

1.

Il-gruppi għandhom jagħmlu proposti għall-elezzjoni ta’ membri tal-Bureau u għall-ħatra ta’ membri tal-korpi tal-Kumitat, skont il-prinċipji tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u tan-nondiskriminazzjoni, kif definiti mid-dritt tal-Unjoni.

2.

Fl-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu, il-gruppi għandhom ifittxu bilanċ u għandhom iqisu l-ħiliet u l-għarfien espert tal-membri proposti.

Fejn meħtieġ, huma għandhom iqisu wkoll li jista’ jkun hemm membri mhux affiljati.

TITOLU II

IL-PROĊEDURA KONSULTATTIVA

Kapitolu I

Informazzjoni ġenerali

Artikolu 46 – Twettiq tal-funzjonijiet konsultattivi

Il-Kumitat għandu jitlaqqa’ mill-President tiegħu fuq talba tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill jew tal-Kummissjoni.

Jista’ jitlaqqa’ wkoll fuq inizjattiva tiegħu stess.

Huwa għandu jeżerċita l-funzjonijiet konsultattivi tiegħu billi jfassal opinjonijiet, rapporti ta’ evalwazzjoni, rapporti ta’ informazzjoni jew riżoluzzjonijiet dwar suġġetti topiċi.

Artikolu 47 – Opinjonijiet tal-Kumitat

L-opinjoni hija l-istrument legali previst fit-Trattati biex il-Kumitat jesprimi l-fehmiet tas-soċjetà ċivili organizzata.

L-opinjonijiet tal-Kumitat għandhom jiġu kklassifikati, b’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 53, fit-tliet kategoriji li ġejjin:

1.

Opinjonijiet tal-Kategorija A

Din il-kategorija tinkludi l-opinjonijiet li jirriżultaw minn:

konsultazzjonijiet obbligatorji jew fakultattivi mitluba mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni dwar suġġetti li l-Kumitat iqis bħala prijoritarji;

kull talba għal opinjoni esploratorja mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni;

kull proposta għal opinjoni fuq inizjattiva proprja adottata.

Dawn l-opinjonijiet għandhom jiġu ttrattati minn gruppi ta’ studju ta’ daqs varjabbli (bejn 6 u 24 membru) li jibbenefikaw mill-mezzi adatti.

2.

Opinjonijiet tal-Kategorija B

Din il-kategorija tinkludi opinjonijiet ibbażati fuq konsultazzjonijiet obbligatorji jew fakultattivi ta’ natura urġenti jew li jkopru suġġetti ta’ interess sekondarju għall-Kumitat.

Dawn l-opinjonijiet għandhom jiġu ttrattati minn relatur uniku jew relatur ġenerali, ħlief fil-każijiet previsti f’dawn ir-Regoli ta’ Proċedura.

Il-Bureau jista’ jiddeċiedi, f’każijiet iġġustifikati kif dovut, li opinjoni tal-Kategorija B għandha tiġi ttrattata fi ħdan grupp ta’ abbozzar ta’ tliet membri (Kategorija “B +”).

3.

Opinjonijiet tal-Kategorija Ċ

Din il-kategorija tinkludi opinjonijiet li jirriżultaw minn konsultazzjonijiet obbligatorji jew fakultattivi ta’ natura purament teknika li għalihom l-intervent ta’ relatur jew grupp ta’ studju ma jitqisx li huwa neċessarju.

Dawn l-opinjonijiet għandhom jiġu ttrattati permezz tat-tħejjija ta’ opinjoni standard li l-Bureau jressaq direttament quddiem l-assemblea.

Din il-proċedura la timplika l-ħatra ta’ relatur u lanqas l-analiżi minn sezzjoni, iżda timplika biss l-adozzjoni jew iċ-ċaħda tal-opinjoni standard waqt l-assemblea.

Meta dawn it-testi jiġu ttrattati f’sessjoni plenarja, l-assemblea l-ewwel tistabbilixxi jekk hix favur jew kontra t-trattament tal-konsultazzjoni skont il-proċedura msemmija hawn fuq, u mbagħad din għandha tivvota, skont kif ikun meħtieġ, favur jew kontra l-adozzjoni tal-opinjoni standard.

Artikolu 48 – Rapporti ta’ evalwazzjoni

1.

Rapport ta’ evalwazzjoni huwa dokument tal-Kumitat maħsub biex jevalwa l-politika tal-UE skont l-Artikolu 14.

Ir-rapport għandu jintalab minn istituzzjoni Ewropea.

2.

Ir-rapport ta’ evalwazzjoni għandu jitħejja minn grupp ta’ studju li jaħdem ma’ relatur.

3.

Dan għandu jitressaq, flimkien mal-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet u, jekk meħtieġ, flimkien mal-appendiċijiet tiegħu, quddiem is-sezzjoni kompetenti jew is-CCMI għall-adozzjoni. Matul il-laqgħa tas-sezzjoni, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet dwar l-emendi kif imsemmija fl-Artikolu 60(1).

4.

Ir-rapport adottat mis-sezzjoni jew mis-CCMI għandu jitressaq quddiem l-assemblea mir-relatur.

Il-Bureau għandu jibgħat lura lis-sezzjoni jew lis-CCMI rapport ta’ evalwazzjoni li ma jikkonformax mad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu

L-emendi għal rapport ta’ evalwazzjoni jistgħu jitressqu mill-membri u mill-gruppi biex l-assemblea tivvota fuqhom, bil-kundizzjoni li l-emendi jkunu konformi mad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

L-assemblea għandha tivvota fuq ir-rapport u, fejn meħtieġ, dwar it-trażmissjoni tad-dokument lill-istituzzjonijiet Ewropej l-oħrajn.

5.

Ir-rapporti ta’ evalwazzjoni ma għandhomx jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, iżda jistgħu jiġu trażmessi lill-istituzzjonijiet l-oħrajn jekk l-assemblea tiddeċiedi hekk.

Artikolu 49 – Rapporti ta’ informazzjoni

1.

Rapport ta’ informazzjoni huwa dokument tal-Kumitat maħsub biex jeżamina kwistjoni relatata mal-politiki tal-Unjoni Ewropea jew l-iżviluppi potenzjali tagħhom, li jkun fih biss informazzjoni fattwali u, possibbilment, sommarji ta’ informazzjoni mingħajr rakkomandazzjonijiet.

2.

L-abbozz ta’ rapport ta’ informazzjoni għandu jitħejja minn grupp ta’ studju li jaħdem ma’ relatur.

3.

Dan għandu jitressaq, flimkien ma’ kwalunkwe sommarju ta’ informazzjoni u l-appendiċijiet, quddiem is-sezzjoni kompetenti jew is-CCMI għall-adozzjoni. Matul il-laqgħa tas-sezzjoni, għandhom japplikaw l-istess dispożizzjonijiet dwar l-emendi kif imsemmija fl-Artikolu 60(1).

4.

Ir-rapport adottat mis-sezzjoni jew mis-CCMI għandu jitressaq quddiem l-assemblea mir-relatur.

Il-Bureau għandu jibgħat lura lis-sezzjoni jew lis-CCMI rapport ta’ informazzjoni li ma jikkonformax mad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

L-assemblea għandha tivvota fuq ir-rapport u, fejn meħtieġ, fuq it-trażmissjoni tad-dokument lill-istituzzjonijiet Ewropej l-oħrajn.

5.

Ir-rapporti ta’ informazzjoni ma għandhomx jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, iżda jistgħu jiġu trażmessi lill-istituzzjonijiet l-oħrajn jekk l-assemblea tiddeċiedi hekk.

6.

Rapport ta’ informazzjoni jista’ jservi bħala bażi għat-tfassil ta’ opinjoni fuq inizjattiva proprja.

Artikolu 50 – Riżoluzzjonijiet dwar temi attwali

1.

Il-Kumitat jista’ jħejji riżoluzzjonijiet dwar temi attwali.

2.

Il-proposta għandha tiġi ffirmata mill-President tal-Kumitat, mill-president ta’ sezzjoni, mill-president ta’ grupp, jew mill-inqas minn 25 membru tal-Kumitat.

Din għandha tinkludi l-abbozz ta’ riżoluzzjoni u għandha, kull meta possibbli, titressaq quddiem is-segretarjat tal-Bureau 48 siegħa qabel il-ftuħ tal-laqgħa tal-assemblea.

3.

Kull meta possibbli, l-abbozzi ta’ riżoluzzjoni għandhom jingħataw prijorità fl-aġenda tas-sessjoni plenarja.

Ir-riżoluzzjonijiet dwar temi attwali għandhom jiġu diskussi u ssir votazzjoni fuqhom u, jekk ikun meħtieġ, jiġu adottati mill-assemblea.

Kapitolu II

Tnedija tal-proċedura konsultattiva

Artikolu 51 – Tnedija tal-proċedura ta’ konsultazzjoni mitluba mill-istituzzjonijiet

1.

Il-Kumitat jiġi kkonsultat mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni bil-għan li jfassal opinjonijiet li jintalbu fil-każijiet previsti fit-Trattati.

2.

Il-Kumitat jista’ jiġi kkonsultat ukoll minn dawn l-istituzzjonijiet kull meta jqisu li jkun meħtieġ. Jista’ jintalab ukoll iħejji rapporti ta’ evalwazzjoni tal-politika.

3.

L-istituzzjoni tista’, jekk tqis li jkun meħtieġ, tistabbilixxi limitu ta’ żmien għall-Kumitat biex iressaq l-opinjoni tiegħu.

Meta jagħlaq iż-żmien stabbilit, in-nuqqas ta’ opinjoni m’għandux jimpedixxi azzjoni ulterjuri.

4.

Il-konsultazzjonijiet mitlubin mill-istituzzjonijiet għandhom jintbagħtu lill-President tal-Kumitat.

Il-President, f’konsultazzjoni mal-Bureau, għandu jorganizza l-ħidma tal-Kumitat, u jqis il-limiti ta’ żmien stabbiliti fit-talba għal konsultazzjoni.

Artikolu 52 – Tnedija tal-proċedura ta’ inizjattiva proprja tal-Kumitat

1.

Il-Kumitat jista’ joħroġ opinjoni fuq inizjattiva proprja meta jqis li jkun meħtieġ jagħmel hekk.

2.

Fuq proposta tal-Bureau, adottata b’maġġoranza tal-membri tiegħu, l-assemblea tista’ tiddeċiedi li jinħarġu opinjonijiet fuq inizjattiva proprja dwar kull suġġett marbut mal-Unjoni Ewropea, il-politiki tagħha u l-iżviluppi possibbli.

3.

Fuq proposta tal-Bureau, l-assemblea tista’ tiddeċiedi li tħejji rapporti ta’ informazzjoni biex teżamina kwalunkwe kwistjoni relatata mal-politiki tal-Unjoni Ewropea u l-iżviluppi potenzjali tagħhom.

4.

Fuq proposta tal-President tal-Kumitat, ta’ sezzjoni, ta’ wieħed mill-gruppi jew ta’ mill-inqas 25 membru, l-assemblea tista’ tiddeċiedi li tħejji riżoluzzjoni dwar tema attwali.

Kapitolu III

Ħidmet is-sezzjonijiet

Taqsima 1 – Tħejjija ta’ ħidmet is-sezzjonijiet

Artikolu 53 – Twaqqif tas-sezzjonijiet u allokazzjoni tal-opinjonijiet

1.

Sabiex titħejja opinjoni, rapport ta’ evalwazzjoni jew rapport ta’ informazzjoni, il-Bureau tal-Kumitat għandu jaħtar is-sezzjoni responsabbli għat-tħejjija tal-ħidma involuta.

Meta s-suġġett li jkun ser jiġi ttrattat ikun b’mod ċar fl-ambitu ta’ sezzjoni partikolari, il-President tal-Kumitat għandu jallokah lil din is-sezzjoni u jgħarraf lill-Bureau bid-deċiżjoni tiegħu.

Il-Bureau għandu, meta jkun meħtieġ, japprova l-allokazzjoni magħmula mill-President tal-Kumitat fil-laqgħa tiegħu li jmiss.

2.

Il-presidenti tas-sezzjonijiet għandhom iħejju proposta għall-allokazzjoni tal-opinjonijiet fost it-tliet kategoriji msemmija fl-Artikolu 47.

Il-proposta għandha titressaq quddiem il-Bureau, li jistabbilixxi l-ordni ta’ prijorità għall-analiżi tal-opinjonijiet billi jaqsamhom f’kategoriji.

Il-kategorija ta’ opinjoni għandha tiddetermina jekk titħejjiex minn relatur uniku jew minn relatur assistit minn grupp ta’ studju.

3.

Is-sezzjonijiet għandhom jagħtu indikazzjoni proviżorja tad-daqs tal-grupp ta’ studju għal kull opinjoni, rapport ta’ evalwazzjoni jew rapport ta’ informazzjoni.

F’każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn is-sezzjonijiet, il-kwistjoni għandha titressaq quddiem il-presidenza estiża għad-diskussjoni.

Il-proposta finali għandha titressaq quddiem il-Bureau għal deċiżjoni.

4.

F’każijiet ġustifikati kif dovut, il-presidenti tal-gruppi jistgħu jipproponu li jinbidel id-daqs tal-grupp ta’ studju wara d-deċiżjoni tal-Bureau.

Fil-laqgħa segwenti, il-Bureau jikkonferma, jekk ikun meħtieġ, din il-proposta ġdida u jistabbilixxi d-daqs definittiv tal-grupp ta’ studju.

Meta jkun hemm bżonn ta’ proċedura urġenti sabiex ma jinqabżux l-iskadenzi istituzzjonali, is-sezzjonijiet jiġu infurmati dwar il-bidliet fl-istess ħin li jiġu kkomunikati n-nomini, u s-sezzjonijiet jistgħu jitolbu l-approvazzjoni tal-Bureau tal-Kumitat permezz ta’ proċedura bil-miktub.

Artikolu 54 – Ħidma preparatorja tas-sezzjonijiet

Il-ħidma preparatorja tas-sezzjonijiet għandha titwettaq fil-qafas ta’ grupp ta’ studju, flimkien ma’ relatur.

F’każijiet ta’ eċċezzjoni, din il-ħidma tista’ titwettaq ukoll:

mir-relatur f’kooperazzjoni ma’ korelatur wieħed jew tnejn, jew żewġ jew tliet relaturi fuq l-istess livell fi ħdan grupp ta’ studju, jew

minn relatur uniku jew, jekk meħtieġ, ma’ grupp ta’ abbozzar.

Artikolu 55 – Gruppi ta’ studju

1.

Il-gruppi ta’ studju jvarjaw fid-daqs, u jista’ jkollhom minn 6 sa 24 membru.

Grupp ta’ abbozzar huwa grupp ta’ studju bi 3 membri.

2.

Fuq il-bażi tal-proposti li jkun intlaħaq qbil dwarhom mill-presidenti tal-gruppi, il-presidenti tas-sezzjonijiet għandhom jaħtru r-relatur – u, jekk ikun meħtieġ, il-korelaturi – kif ukoll il-membri tal-gruppi ta’ studju.

3.

Sabiex il-gruppi ta’ studju jkunu jistgħu jibdew ħidmithom malajr, speċjalment f’każijiet urġenti, bi ftehim bejn il-presidenti tat-tliet gruppi dwar il-proposta għall-ħatra tar-relaturi u, fejn meħtieġ, tal-korelaturi, kif ukoll dwar il-kompożizzjoni tal-gruppi ta’ studju jew ta’ abbozzar, il-presidenti tas-sezzjonijiet jistgħu jieħdu l-miżuri meħtieġa biex tibda l-ħidma.

F’dawn il-każijiet, id-deċiżjoni ta’ president ta’ sezzjoni partikolari dwar il-ħatra tar-relatur – u, jekk ikun meħtieġ, tal-korelaturi – kif ukoll dwar il-ħatra tal-membri tal-gruppi ta’ studju, tirrikjedi ftehim bejn il-presidenti tat-tliet gruppi.

4.

Ladarba jinħatar, ir-relatur – u, jekk ikun meħtieġ, il-korelaturi – megħjuna mill-konsulenti tagħhom, għandhom janalizzaw il-kwistjoni mressqa, jikkunsidraw il-fehmiet espressi mill-membri tal-grupp ta’ studju u, abbażi ta’ dan, iħejju l-abbozz ta’ opinjoni, li jintbagħat lill-president tas-sezzjoni.

M’għandux ikun hemm votazzjoni fil-laqgħat tal-grupp ta’ studju.

5.

Il-gruppi ta’ studju ma jistgħux isiru korpi permanenti.

F’każijiet ta’ eċċezzjoni, huma jistgħu jiġu awtorizzati minn qabel mill-Bureau biex jissoktaw bl-attivitajiet tagħhom għal perjodu li fl-ebda ċirkostanza ma jista’ jmur lill hinn minn tmiem il-mandat ta’ sentejn u nofs.

Artikolu 56 – Opinjonijiet komplementari

1.

Jekk is-sezzjoni li tkun inħatret biex tħejji opinjoni tkun tixtieq tisma’ l-fehma tas-CCMI, jew fil-każijiet meta s-CCMI tkun tixtieq tesprimi fehmietha dwar opinjoni allokata lil sezzjoni, il-Bureau tal-Kumitat jista’ jawtorizza t-tħejjija ta’ opinjoni komplementari jew il-preżentazzjoni ta’ kummenti addizzjonali dwar punt jew għadd ta’ punti diskussi fl-opinjoni prinċipali mitluba.

Il-Bureau jista’ wkoll jieħu din id-deċiżjoni minn rajh.

2.

Il-President tal-Kumitat għandu jgħarraf lill-president tas-CCMI bid-deċiżjoni u d-data sa meta għandha titlesta l-ħidma tas-sezzjoni. Il-president tas-sezzjoni kkonċernata għandu jiġi infurmat ukoll.

3.

Il-President tal-Kumitat għandu jinforma lill-membri tal-Kumitat dwar il-konsultazzjoni tas-CCMI kif ukoll dwar id-data meta s-suġġett ikun ser jiġi diskuss fis-sessjoni plenarja.

4.

Il-Bureau għandu jorganizza l-ħidma b’tali mod li s-CCMI tkun tista’ tħejji l-opinjoni komplementari tagħha fil-ħin biex titqies mis-sezzjoni.

5.

Is-sezzjoni biss għandha l-kompetenza li tressaq rapport quddiem l-assemblea.

Madankollu, mal-opinjoni tagħha hija għandha tehmeż l-opinjoni komplementari mħejjija mis-CCMI.

Taqsima 2 – Tħejjija tal-laqgħat tas-sezzjonijiet

Artikolu 57 – Laqgħat tas-sezzjonijiet

1.

Il-laqgħat ta’ kull waħda mis-sezzjonijiet għandhom jitħejjew mill-president tas-sezzjoni inkwistjoni, wara li jikkonsulta l-bureau tas-sezzjoni, sakemm dawn ir-Regoli ta’ Proċedura ma jipprevedux mod ieħor.

Dawn għandhom jitlaqqgħu mill-presidenti tagħhom.

2.

Il-laqgħat ta’ kull waħda mis-sezzjonijiet għandhom jiġu ppreseduti mill-presidenti tas-sezzjonijiet jew, fl-assenza tagħhom, minn wieħed mill-viċi presidenti tas-sezzjoni inkwistjoni.

3.

Għandhom jitħejjew il-minuti fil-qosor, inkluża l-lista tal-preżenza, ta’ kull laqgħa ta’ sezzjoni partikolari u jitressqu quddiem is-sezzjoni għall-approvazzjoni fil-laqgħa segwenti. Dawn il-minuti għandhom jiġu ppubblikati fis-sit web tal-KESE.

Artikolu 58 – Laqgħat konġunti

Il-President tal-Kumitat, bi qbil mal-Bureau, jista’ jawtorizza lil waħda mis-sezzjonijiet torganizza laqgħa konġunta ma’ sezzjoni oħra, is-CCMI, kumitat tal-Parlament Ewropew jew kummissjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni.

Artikolu 59 – Kworum tas-sezzjonijiet

1.

Għandu jitqies li ntlaħaq kworum fil-laqgħat tas-sezzjonijiet jekk aktar minn nofs il-membri jkunu preżenti jew rappreżentati, sakemm dawn ir-Regoli ta’ Proċedura ma jipprevedux mod ieħor.

2.

Jekk il-kworum ma jintlaħaqx, il-president għandu jagħlaq is-seduta u jsejjaħ seduta oħra f’ħin li jikkunsidra adatt, iżda matul l-istess ġurnata. Din il-laqgħa ssir irrispettivament min-numru ta’ membri preżenti jew rappreżentati.

Artikolu 60 – Opinjonijiet tas-sezzjonijiet

1.

Is-sezzjonijiet għandhom jiddiskutu t-test propost b’referenza għall-abbozz ta’ opinjoni mressaq mir-relatur jew, jekk meħtieġ, mill-korelaturi.

Fis-sezzjoni jistgħu jitressqu emendi għall-abbozzi ta’ opinjoni.

Is-sezzjoni għandha tivvota fuq l-opinjoni tas-sezzjoni u, fejn meħtieġ, tadottaha.

2.

L-opinjonijiet imressqa minn sezzjoni partikolari għandhom jinkludu t-testi adottati minnha.

It-test tal-emendi miċħuda, flimkien mar-riżultat tal-votazzjoni, għandu jinhemeż mal-opinjoni jekk l-emenda tkun kisbet tal-inqas kwart tal-voti mixħuta.

Taqsima 3 – Proċeduri wara li jintemmu l-laqgħat tas-sezzjonijiet

Artikolu 61 – Trażmissjoni tal-opinjonijiet tas-sezzjonijiet lill-assemblea

1.

L-opinjonijiet tas-sezzjonijiet, inklużi l-appendiċijiet tagħhom, għandhom jintbagħtu mill-president tas-sezzjoni lill-Bureau tal-Kumitat, li għandu jressaqhom quddiem l-assemblea mill-aktar fis possibbli.

2.

Dawn id-dokumenti għandhom jitpoġġew għad-dispożizzjoni tal-membri tal-Kumitat fi żmien adegwat.

Artikolu 62 – Rieżami tal-opinjonijiet tas-sezzjonijiet

Il-President tal-Kumitat, bi qbil mal-Bureau jew mal-assemblea, skont l-istadju li tkun waslet fih il-proċedura, jista’ jitlob lil waħda mis-sezzjonijiet terġa’ teżamina opinjoni jekk il-proċedura marbuta mat-tħejjija tal-opinjonijiet stabbilita f’dawn ir-Regoli ta’ Proċedura ma tkunx ġiet rispettata jew jekk jitqies li tinħtieġ analiżi addizzjonali.

Kapitolu IV

Ħidmet l-assemblea

Taqsima 1 – Tħejjija ta’ ħidmet l-assemblea

Artikolu 63 – Tħejjija tas-sessjonijiet plenarji

1.

L-assemblea għandha tiltaqa’ f’sessjoni plenarja biex tadotta l-opinjonijiet, ir-rapporti ta’ evalwazzjoni, ir-rapporti ta’ informazzjoni u riżoluzzjonijiet tal-Kumitat dwar temi attwali.

2.

Is-sessjonijiet għandhom jitħejjew mill-President tal-Kumitat, f’konsultazzjoni mal-Bureau.

3.

Il-Bureau għandu jiltaqa’ qabel kull sessjoni u, fejn meħtieġ, matul is-sessjoni, sabiex jorganizza l-ħidma.

Artikolu 64 – Tħejjija tal-aġenda

1.

L-abbozz ta’ aġenda tal-assemblea għandu jitħejja mill-Bureau fuq proposta tal-presidenza estiża.

2.

F’każ li tkun tressqet mozzjoni ta’ sfiduċja b’konformità mal-Artikolu 92, din il-mozzjoni għandha dejjem titniżżel bħala l-ewwel punt fuq l-aġenda tas-sessjoni plenarja li jkun imiss.

3.

L-abbozzi ta’ riżoluzzjoni għandhom jingħataw prijorità fl-aġenda tas-sessjoni plenarja.

4.

Jekk test jiġi adottat fis-sezzjoni b’inqas minn ħames voti kontra, il-Bureau jista’ jinkludih fl-aġenda tal-assemblea mal-punti li dwarhom għandha ssir votazzjoni mingħajr dibattitu.

5.

Il-Bureau jista’ jistabbilixxi limitu ta’ ħin għad-diskussjoni ġenerali ta’ kull opinjoni matul is-sessjoni.

6.

Minn tal-inqas ħmistax-il jum kalendarju qabel il-ftuħ tas-sessjoni rilevanti, il-President tal-Kumitat għandu jibgħat l-abbozz ta’ aġenda lill-membri kollha tal-Kumitat kif ukoll lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

7.

Id-dokumenti neċessarji għad-diskussjonijiet tal-Kumitat għandhom jitpoġġew għad-dispożizzjoni tal-membri fi żmien adegwat qabel il-ftuħ tas-sessjoni.

Artikolu 65 – Tressiq tal-emendi

1.

Sabiex il-ħidma tal-assemblea tiġi organizzata sew, il-Bureau għandu jistabbilixxi l-proċeduri għat-tressiq tal-proposti għal emendi.

2.

Il-membri tal-Kumitat u tal-gruppi biss jistgħu jressqu emendi għall-opinjonijiet, ir-rapporti ta’ evalwazzjoni u r-rapporti ta’ informazzjoni tal-Kumitat.

3.

Il-proposti għal emendi għandhom isiru bil-miktub, ikunu ffirmati minn min jiktibhom u jintbagħtu lis-segretarjat qabel il-ftuħ tas-sessjoni rilevanti.

Madankollu, l-assemblea għandha taċċetta l-proposti għal emendi li jitressqu sa nofsinhar qabel il-ftuħ tas-seduta rilevanti, jekk dawn ikunu tressqu minn grupp jew jekk dawn ikollhom il-firma ta’ mill-anqas ħamsa u għoxrin membru.

4.

Il-proposti għal emendi għandhom jindikaw għal liema parti tat-test qed jirreferu u għandhom jinkludu raġuni konċiża għaliex qed jitressqu.

5.

L-emendi kollha għandhom jitqassmu lill-membri qabel il-bidu tas-sessjoni plenarja jew, fil-każ previst fit-tieni sentenza tal-paragrafu 3, qabel il-bidu tas-seduta.

Taqsima 2 – Tmexxija tas-sessjonijiet plenarji

Artikolu 66 – Ftuħ tas-seduta u verifika tal-kworum

1.

Il-President tal-Kumitat jiftaħ is-seduta, imexxi d-dibattiti u jara li jiġu osservati dawn ir-Regoli ta’ Proċedura.

Il-President għandu jiġi assistit mill-Viċi Presidenti tal-Kumitat.

2.

F’każ ta’ assenza, wieħed mill-Viċi Presidenti jissostitwixxi lill-President tal-Kumitat.

F’każ li l-Viċi Presidenti jkunu assenti wkoll, is-sostituzzjoni ssir mill-aktar membru anzjan fl-età tal-Bureau.

3.

Il-President tal-Kumitat għandu jivverifika l-kworum fil-bidu ta’ kull seduta.

Għandu jitqies li ntlaħaq kworum fis-seduti tal-assemblea jekk aktar minn nofs il-membri tiegħu jkunu preżenti jew rappreżentati.

4.

Jekk il-kworum ma jintlaħaqx, il-President tal-Kumitat għandu jagħlaq is-seduta u jsejjaħ seduta oħra tal-assemblea f’ħin li jikkunsidra adatt, iżda matul l-istess sessjoni. Din is-seduta ssir irrispettivament min-numru ta’ membri preżenti jew rappreżentati.

Artikolu 67 – Adozzjoni tal-aġenda

1.

L-abbozz ta’ aġenda għandu jintbagħat għall-approvazzjoni tal-assemblea mal-ftuħ ta’ kull sessjoni.

2.

Meta l-aġenda titressaq għall-adozzjoni, l-inklużjoni ta’ kwalunkwe suġġett ta’ attwalità għandha titħabbar, fejn meħtieġ, mill-President tal-Kumitat.

3.

L-assemblea tista’ temenda l-abbozz ta’ aġenda bil-għan li jiġu eżaminati l-abbozzi ta’ riżoluzzjoni li jitressqu b’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 50.

4.

Jekk il-Bureau jkun daħħal dokument fl-aġenda tal-assemblea flimkien mal-punti soġġetti għal votazzjoni mingħajr dibattitu, xorta jsir dibattitu:

jekk dan jintalab minn mill-inqas ħamsa u għoxrin membru;

jekk jitressqu emendi sabiex jiġu analizzati fis-sessjoni plenarja; jew

jekk is-sezzjoni kkonċernata titlob li d-dokument jiġi diskuss waqt sessjoni plenarja.

5.

Ladarba l-aġenda tiġi adottata, il-punti għandhom jiġu eżaminati matul is-seduta li jiġu skedati fiha, skont l-ordni li jkun ġie stabbilit.

Artikolu 68 – Dibattiti u votazzjonijiet

1.

L-assemblea għandha tibbaża d-dibattiti tagħha fuq ħidmet is-sezzjoni kompetenti.

2.

L-assemblea tiddeċiedi b’maġġoranza tal-voti mixħuta, sakemm dawn ir-Regoli ta’ Proċedura ma jipprevedux mod ieħor.

3.

Il-proċedura ta’ votazzjoni li ġejja għandha tapplika għall-opinjonijiet, ir-rapporti ta’ evalwazzjoni u r-rapporti ta’ informazzjoni tal-Kumitat:

a)

l-ewwel għandha ssir votazzjoni fuq l-emendi għall-abbozz ta’ dokument;

b)

ladarba ssir votazzjoni fuq l-emendi, għandha ssir votazzjoni fuq id-dokument kollu, kif ikun ġie emendat.

Artikolu 69 – Ħin għad-diskorsi

1.

Il-President tal-Kumitat jista’, minn rajh, jew fuq talba ta’ wieħed mill-membri, jistieden lill-assemblea f’każijiet ta’ eċċezzjoni biex tieħu deċiżjoni dwar limitu fuq il-ħin li wieħed jista’ jdum jitkellem jew dwar l-għadd tal-kelliema, dwar is-sospensjoni ta’ seduta jew dwar l-għeluq tad-dibattiti.

2.

Wara li jingħalqu d-dibattiti, l-ebda membru ma jista’ jitkellem ħlief biex jispjega l-vot tiegħu; dan jista’ jsir wara li tingħalaq il-votazzjoni u fil-limitu tal-ħin stabbilit mill-President tal-Kumitat.

3.

Kwalunkwe membru jista’ f’kull mument jitlob u jingħata prijorità biex jitkellem matul dibattitu bil-għan li jressaq mozzjoni ta’ proċedura.

Artikolu 70 – Emendi

1.

L-assemblea taħdem fuq il-bażi ta’ lista ta’ emendi.

2.

Fost l-emendi mressqa għall-abbozz ta’ opinjoni tiegħu, ir-relatur jista’ jindika liema emendi jirrakkomanda li jiġu adottati.

L-aċċettazzjoni mir-relatur ta’ emenda m’għandhiex tikkostitwixxi raġuni biex ma ssirx votazzjoni fuq dik l-emenda.

3.

L-emendi b’kontenut jew forma ripetittiva għandhom jiġu eżaminati flimkien u ttrattati b’mod konsistenti.

4.

Għal kull emenda, l-assemblea għandha tisma’ lill-membri li jitkellmu favur u dawk li jitkellmu kontra l-emenda proposta, skont il-prinċipju ta’ trattament ugwali. Ir-relatur għandu jkollu d-dritt li jintervjeni jekk jixtieq jagħmel dan.

Jekk il-President tal-Kumitat jiddeċiedi li jillimita l-ħin għad-diskorsi, il-limitu għandu japplika għall-parteċipanti kollha b’mod ugwali, f’konformità mal-prinċipju ta’ trattament ugwali.

5.

Jekk in-numru ta’ kelliema fid-dibattitu dwar kwalunkwe dokument li tkun saret votazzjoni dwaru mill-assemblea jkun limitat skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 69(1), l-istess numru ta’ membri li jitkellmu favur u kontra l-emendi għandu jkollhom id-dritt li jitkellmu, u r-relatur għandu jkollu d-dritt li jkun fost dawn il-kelliema bħala l-aħħar kelliem.

6.

Waqt l-analiżi ta’ proposta għal emenda, ir-relatur jista’ jippreżenta, preferibbilment bil-miktub, proposta ta’ kompromess, bil-kunsens ta’ min ikun kiteb l-emenda inkwistjoni.

F’dan il-każ, l-assemblea tivvota biss fuq dawn il-proposti ta’ kompromess.

7.

Għandha ssir votazzjoni fuq l-emendi skont l-ordni tat-test li jirreferu għalih u skont il-prijorità li ġejja:

l-ewwel, l-emendi ta’ kompromess;

wara l-emendi tar-relatur; u

fl-aħħar, l-emendi l-oħrajn.

8.

Jekk żewġ emendi jew aktar li jeskludu lil xulxin jirreferu għall-istess parti ta’ xi test, fuq proposta mis-sezzjonijiet il-President jista’ jiddeċiedi li l-ewwel għandha ssir votazzjoni fuq l-emenda li titbiegħed l-aktar mit-test oriġinali.

9.

Qabel ma ssir il-votazzjoni għandu jingħad mill-President tal-Kumitat jekk l-adozzjoni ta’ emenda hux ser twaqqa’ emenda waħda jew għadd ta’ emendi oħra, jew għax dawn l-emendi jkunu jeskludu lil xulxin billi jkunu jirreferu għall-istess parti tat-test, jew għax ikunu kontradittorji.

Emenda għandha titqies li waqgħet jekk tkun inkonsistenti ma’ votazzjoni preċedenti fuq l-istess opinjoni.

10.

Jekk it-test sħiħ ma jirċevix il-maġġoranza tal-voti waqt il-votazzjoni finali, l-assemblea tista’ tieħu wieħed mill-passi li ġejjin:

a)

tibgħat id-dokument lis-sezzjoni kompetenti biex terġa’ tanalizzah, b’konformità mal-Artikolu 62;

b)

taħtar relatur ġenerali li jressaq abbozz ta’ test ġdid quddiem l-assemblea matul l-istess sessjoni jew matul sessjoni oħra; jew

c)

tabbanduna l-opinjoni.

F’dan l-aħħar każ, il-President tal-Kumitat jinforma b’dan lill-istituzzjoni li ressqet it-talba.

11.

Jekk il-koerenza tat-test finali tiġi affettwata wara l-votazzjoni fuq l-emendi, huwa l-President tal-Kumitat, wara li jikkonsulta lill-president tas-sezzjoni kompetenti, lir-relatur u lill-awturi tal-emendi kkonċernati, li għandu d-dritt jipproponi lill-assemblea li l-emendi jiġu ttrattati b’tali mod li tinżamm il-koerenza tat-test finali.

L-assemblea għandha tivvota fuq il-proposta tal-President tal-Kumitat.

Artikolu 71 – Kontropinjonijiet

1.

L-emenda jew l-emendi kollha li jesprimu pożizzjoni globalment differenti mill-opinjoni mressqa minn sezzjoni jew mis-CCMI għandhom jitqiesu bħala kontropinjoni.

2.

Il-Bureau għandu l-kompetenza li jikkwalifika emenda waħda jew aktar bħala kontropinjoni.

Kull grupp jista’ jressaq talba bħal din quddiem il-Bureau.

Il-Bureau għandu jieħu d-deċiżjoni tiegħu wara li jikkonsulta mal-presidenti tal-gruppi u mal-president tas-sezzjoni kkonċernata jew tas-CCMI.

3.

Wara li jkun ikkwalifika emenda waħda jew aktar bħala kontropinjoni, il-Bureau jista’ jiddeċiedi li jibgħat lura lis-sezzjoni jew lis-CCMI l-abbozz ta’ opinjoni, flimkien mal-kontropinjoni, sabiex jerġgħu jiġu analizzati, bil-kundizzjoni li l-limitu ta’ żmien għall-adozzjoni tal-opinjoni jippermetti dan.

Jekk il-Bureau jiddeċiedi li ma jibagħtux lura, l-abbozz ta’ opinjoni għandu, meta jkun possibbli, jiddaħħal fl-aġenda tal-aħħar jum tas-sessjoni plenarja.

4.

Meta emenda ma tkunx tressqet fil-ħin biex il-Bureau jkun jista’ jieħu deċiżjoni dwar jekk għandhiex tiġi kwalifikata bħala kontropinjoni, din id-deċiżjoni, kif ukoll kwalunkwe deċiżjoni dwar il-possibbiltà ta’ rinviju lill-korp ikkonċernat, għandhom jiġu adottati mill-assemblea fuq proposta tal-President u wara konsultazzjoni tal-president tal-korp ikkonċernat u tal-awtur tal-kontropinjoni.

5.

Jekk it-test propost ma jitqiesx bħala kontropinjoni mill-Bureau, jew jekk jitqies li hu iżda l-abbozz ta’ opinjoni ma jiġix riferut lura lill-korp ikkonċernat, l-assemblea għandha tivvota fuq l-emendi proposti, bl-istess mod kif isir għal kwalunkwe emenda oħra.

6.

Jekk il-kontropinjoni tikseb il-maġġoranza tal-voti fil-plenarja, tiġi adottata. Sabiex jiġi deċiż jekk it-test oriġinali għandux jiġi mehmuż mal-opinjoni adottata, għandu jerġa’ jkun hemm votazzjoni. It-test oriġinali għandu jiġi mehmuż mat-test il-ġdid jekk jikseb mill-inqas kwart tal-voti mixħuta.

7.

Jekk il-kontropinjoni ma tiksibx il-maġġoranza iżda tal-inqas kwart tal-voti mixħuta, din għandha tinhemeż mal-opinjoni oriġinali.

Artikolu 72 – Minuti tas-sessjoni plenarja

1.

Għandhom jittieħdu l-minuti ta’ kull sessjoni plenarja u jitressqu quddiem l-assemblea għall-approvazzjoni fis-sessjoni li jkun imiss.

2.

Il-minuti f’forma definittiva għandhom jiġu ffirmati mill-President u mis-Segretarju Ġenerali tal-Kumitat.

Artikolu 73 – Għeluq tas-sessjoni plenarja

Qabel l-għeluq tas-sessjoni plenarja, il-President għandu jħabbar il-post u d-data tas-sessjoni li jkun imiss.

Jekk meħtieġ, għandu jikkomunika wkoll kwalunkwe punt fuq l-aġenda li jkun diġà magħruf.

Taqsima 3 – Proċeduri wara li tintemm is-sessjoni plenarja

Artikolu 74 – Kontenut tal-opinjonijiet tal-Kumitat mibgħuta lill-istituzzjonijiet

1.

Minbarra l-bażi legali, l-opinjonijiet tal-Kumitat għandhom jinkludu r-raġunijiet u l-fehmiet tal-Kumitat dwar il-kwistjoni kollha kemm hi.

Dawn għandhom jinkludu parti sostantiva u parti proċedurali.

2.

Ir-riżultat tal-votazzjoni fuq it-test kollu tal-opinjoni għandu jidher fil-parti proċedurali tal-opinjoni.

Meta l-votazzjoni ssir b’sejħa tal-ismijiet, għandhom jingħataw l-ismijiet tal-votanti.

3.

It-test u r-raġunijiet tal-emendi miċħuda fis-sessjoni plenarja, flimkien mar-riżultat tal-votazzjoni, għandhom jinhemżu mal-opinjoni bħala appendiċi, jekk l-emendi jkunu kisbu tal-inqas kwart tal-voti mixħuta.

Dan ir-rekwiżit għandu japplika wkoll għall-kontropinjonijiet.

4.

It-test tal-opinjoni tas-sezzjoni li jiġi miċħud favur l-emendi adottati mill-assemblea għandu jinhemeż ukoll, flimkien mal-voti mixħuta, mal-opinjoni tal-Kumitat bħala appendiċi, sakemm tal-inqas kwart tal-voti mixħuta kienu favur li jinżamm it-test.

5.

Kull meta wieħed mit-tliet gruppi tal-Kumitat, jew waħda mill-kategoriji tal-ħajja ekonomika u soċjali li jissemmew fl-Artikolu 36, jadottaw pożizzjoni diverġenti iżda uniformi dwar suġġett li jkun tressaq għall-analiżi quddiem l-assemblea, il-grupp jew kategorija tista’ tiddeċiedi li din il-pożizzjoni titniżżel fil-qosor, wara votazzjoni b’sejħa tal-ismijiet meta d-dibattitu dwar is-suġġett jingħalaq, fi stqarrija fil-qosor li tinhemeż mal-opinjoni.

Artikolu 75 – Trażmissjoni tal-opinjonijiet

1.

L-opinjonijiet adottati mill-Kumitat u l-minuti tas-sessjonijiet tal-assemblea għandhom jintbagħtu lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

2.

L-opinjonijiet adottati mill-Kumitat jistgħu jiġu trażmessi lil kwalunkwe istituzzjoni jew entità oħra kkonċernata.

Kapitolu V

Dispożizzjonijiet komuni

Taqsima 1 – Votazzjoni

Artikolu 76 – Votazzjoni

1.

Il-voti validi huma dawk mixħuta favur jew kontra u l-astensjonijiet.

2.

Sakemm ma jiġix previst mod ieħor f’dawn ir-Regoli ta’ Proċedura, it-testi u d-deċiżjonijiet tal-Kumitat u tal-korpi tiegħu għandhom jiġu adottati b’maġġoranza tal-voti meta jitqiesu l-voti favur u kontra.

3.

Il-votazzjoni għandha ssir jew permezz ta’ vot pubbliku jew permezz ta’ vot sigriet jew b’vot b’sejħa tal-ismijiet. F’dan l-aħħar każ, l-ismijiet u l-voti jitniżżlu fil-minuti tal-laqgħa.

4.

Il-votazzjoni fuq riżoluzzjoni, emenda, kontropinjoni, opinjoni jew kwalunkwe test ieħor għandha ssir b’sejħa tal-ismijiet jekk kwart tal-membri preżenti jew rappreżentati jitolbu dan.

5.

L-elezzjoni għall-karigi rappreżentattivi differenti għandha dejjem issir b’votazzjoni permezz ta’ vot sigriet.

Fil-każijiet l-oħra, il-votazzjoni ssir permezz ta’ vot sigriet jekk il-maġġoranza tal-membri preżenti jew rappreżentati jitolbu dan.

6.

Jekk in-numru ta’ voti favur ikun daqs in-numru ta’ voti kontra, il-vot tal-president tas-seduta jkun deċiżiv.

Taqsima 2 – Relaturi

Artikolu 77 – Dmirijiet tar-relaturi

1.

Il-kompitu tar-relatur għandu jkun li jfassal abbozz ta’ opinjoni, ta’ rapport ta’ evalwazzjoni jew ta’ rapport ta’ informazzjoni u jiżgura li jintegra l-kontributi differenti tal-membri tal-grupp ta’ studju.

Huwa għandu jressaq it-test li jkun ħejja quddiem il-korp ikkonċernat.

Jekk it-test jiġi adottat, huwa għandu jressaq l-abbozz quddiem l-assemblea.

2.

Ir-relatur għandu jiġi inkarigat, jekk ikun hemm bżonn bl-għajnuna tal-konsulent tiegħu, mis-segwitu tal-opinjoni wara li din tkun ġiet adottata fis-sessjoni plenarja.

Ir-relatur jiġi megħjun iwettaq dan il-kompitu mis-segretarjat tas-sezzjoni kkonċernata, li tiġi informata b’dan is-segwitu.

3.

Jekk il-korp ikkonċernat jadotta emendi li jibdlu s-sustanza tat-test li jkun ħejja r-relatur, dan tal-aħħar jista’ jinforma bil-miktub lill-president tal-korp li huwa jirriżenja mid-dmirijiet tiegħu. Jista’ jitlob ukoll li ismu jitneħħa mill-opinjoni fi tmiem il-proċedura.

Wara tali riżenja, il-korp li jkun ħatar ir-relatur li jirriżenja jista’ jaħtar relatur ġdid wara konsultazzjoni mal-gruppi.

Artikolu 78 – Relatur uniku

Ir-relatur uniku għandu jħejji waħdu, mingħajr grupp ta’ studju, l-abbozz ta’ opinjoni tiegħu, li għandu jressaq quddiem is-sezzjoni jew is-CCMI. Kull meta jkun meħtieġ, huwa jista’ jiġi appoġġjat minn żewġ membri oħra, li jiffurmaw grupp ta’ abbozzar.

Artikolu 79 – Relatur ġenerali

1.

Ir-relatur ġenerali jħejji waħdu l-abbozz ta’ opinjoni tiegħu, mingħajr grupp ta’ studju jew grupp ta’ abbozzar, u jressqu quddiem l-assemblea u mingħajr ma jgħaddi mis-sezzjoni jew mis-CCMI.

2.

Ir-relatur ġenerali għandu jinħatar:

mill-assemblea, jew

mill-President tal-Kumitat, f’każijiet urġenti.

Din il-ħatra għandha ssir mill-President tal-Kumitat u għandha tiġi ratifikata mill-assemblea qabel l-analiżi tal-abbozz ta’ opinjoni kkonċernat.

3.

Rigward l-aspetti l-oħra, ir-relatur ġenerali għandu l-istess kompiti u obbligi bħal kull relatur ieħor.

Taqsima 3 – Seduti

Artikolu 80 – Seduti

Jekk l-importanza ta’ kwistjoni fuq suġġett partikolari tiġġustifika dan, id-diversi korpi u strutturi tal-Kumitat jistgħu jistiednu kelliema esterni għal waħda mis-seduti b’rabta mat-tħejjija tal-ħidma tagħhom. It-tliet gruppi kollha għandhom ikunu involuti b’mod ugwali fit-tħejjija tas-seduti.

Taqsima 4 – Konsulenti

Artikolu 81 – Konsulenti

1.

F’każ ta’ bżonn u biex jgħinu fit-tħejjija ta’ ċerti kompiti, il-Kumitat jista’ jaħtar konsulenti, biex jassistu lir-relaturi jew lill-gruppi.

2.

Il-konsulenti ma jirrappreżentawx il-Kumitat u m’għandhomx ikunu awtorizzati jitkellmu f’ismu.

3.

Il-membri tal-Kumitat ma jistgħux jinħatru bħala konsulenti.

Is-sostituti jistgħu jinħatru, bil-kundizzjoni li l-mandat tagħhom ta’ sostitut ikun sospiż temporanjament.

4.

Il-konsulenti għandhom jieħdu sehem fil-ħidma skont l-istess regoli li japplikaw għall-membri tal-Kumitat fir-rigward tal-indennizzi u r-rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tas-sussistenza.

5.

Kull referenza li ssir għar-relaturi fil-kuntest ta’ dan l-Artikolu għandha tiġi interpretata bħala li tirreferi, mutatis mutandis, għall-korelaturi wkoll.

Artikolu 82 – Konsulenti għar-relaturi

1.

F’każ ta’ bżonn, ir-relaturi jistgħu jipproponu li jinħatru konsulenti.

2.

Dawn il-konsulenti għandhom jinħatru mill-presidenti tas-sezzjonijiet, fuq proposta tar-relaturi, biex jgħinu lir-relaturi fit-tħejjija tad-dokumenti relatati mal-ħidma konsultattiva tal-Kumitat kif stipulat fl-Artikolu 46 ta’ dawn ir-Regoli ta’ Proċedura.

3.

Il-konsulenti għar-relaturi jistgħu, fuq proposta tar-relatur, jattendu ċerti laqgħat meta l-preżenza tagħhom tkun utli u ġustifikata fil-kuntest tal-analiżi tad-dokumenti li kienu nħatru għat-tħejjija tagħhom.

F’dawn iċ-ċirkostanzi, huma jistgħu jipparteċipaw fil-laqgħat li ġejjin:

il-laqgħat tal-gruppi ta’ studju;

il-laqgħat tas-sezzjonijiet;

il-laqgħat tas-CCMI;

il-laqgħat tas-sottokumitati;

il-laqgħat tal-gruppi ad hoc.

Huma jistgħu jipparteċipaw ukoll f’laqgħa preparatorja waħda mar-relatur.

Il-parteċipazzjoni f’laqgħat oħra, inklużi laqgħat ma’ rappreżentanti ta’ istituzzjonijiet oħra u ma’ partijiet interessati oħra, jeħtieġ li tiġi awtorizzata minn qabel mill-president tas-sezzjoni.

4.

Il-konsulenti għar-relaturi jistgħu jattendu għas-sessjonijiet plenarji f’każijiet ta’ eċċezzjoni u dment li jiġu ssodisfati b’mod kumulattiv iż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:

i.

id-dokument li jaħdmu fuqu jkun fuq l-aġenda tal-assemblea għad-dibattitu; u

ii.

huma jiġu awtorizzati minn qabel mill-president tas-sezzjoni.

5.

Il-konsulenti tar-relaturi ġenerali jistgħu jattendu s-sessjonijiet plenarji.

Artikolu 83 – Konsulenti għall-gruppi

1.

Il-presidenti tal-gruppi jistgħu jaħtru konsulenti għall-gruppi.

2.

Il-konsulenti għall-gruppi jistgħu jattendu l-laqgħat tal-gruppi ta’ studju.

3.

Il-konsulenti għall-gruppi jistgħu jattendu l-laqgħat preparatorji, il-laqgħat tas-sezzjonijiet u s-sessjonijiet plenarji f’każijiet ta’ eċċezzjoni biss, u dment li jiġu ssodisfati b’mod kumulattiv iż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:

i.

id-dokument inkwistjoni jkun fuq l-aġenda tal-laqgħa jew tas-sessjoni plenarja għad-dibattitu; u

ii.

huma jiġu awtorizzati minn qabel mill-president tal-grupp ikkonċernat.

4.

Il-konsulenti tal-gruppi jistgħu wkoll jipprovdu assistenza għat-tħejjija ta’ dokumenti jew rapporti oħra għall-gruppi dwar il-ħidma konsultattiva u politika tal-Kumitat, kif awtorizzat mill-Bureau. Sabiex iwettqu dawn id-dmirijiet, il-konsulenti tal-gruppi jitħallew jipparteċipaw f’massimu ta’ żewġ laqgħat preparatorji mal-membri tal-gruppi. Il-konsulenti tal-gruppi jistgħu jipparteċipaw f’laqgħat addizzjonali biss jekk ikunu awtorizzati minn qabel mill-president tal-grupp ikkonċernat.

5.

Il-kriterji u l-proċeduri għall-ħatra ta’ konsulenti għall-gruppi għandhom jiġu deċiżi minn kull grupp.

Taqsima 5 – Assenzi u rappreżentazzjoni

Artikolu 84 – Delega tad-dritt tal-vot

1.

Kull membru tal-Kumitat li ma jkunx jista’ jattendi laqgħa tas-sessjoni plenarja jista’ jiddelega d-dritt tal-vot tiegħu lil membru ieħor tal-Kumitat.

Kull membru tal-Kumitat li ma jkunx jista’ jattendi laqgħa tas-sezzjoni jista’ jiddelega d-dritt tal-vot tiegħu lil membru ieħor tas-sezzjoni.

2.

Il-membri li ma jkunux jistgħu jattendu għandhom jinfurmaw lis-segretarjat tal-grupp tagħhom bil-miktub, li min-naħa tiegħu għandu jinforma lill-president tal-korp ikkonċernat.

Il-membri mhux affiljati għandhom jinfurmaw direttament lill-president tal-korp ikkonċernat.

3.

L-ebda membru ma jista’ jkollu aktar minn delega tal-vot waħda f’sessjoni plenarja tal-assemblea jew f’laqgħa ta’ sezzjoni.

4.

Għall-kalkolu tal-kworums u l-maġġoranzi, membru li jiddelega d-drittijiet tal-vot tiegħu jitqies bħala membru rappreżentat.

Artikolu 85 – Rappreżentazzjoni

1.

Kull membru li ma jkunx jista’ jattendi laqgħa li għaliha jkun ġie mistieden jista’ jiġi rappreżentat minn membru ieħor tal-Kumitat fil-laqgħa rilevanti billi jagħtih prokura.

2.

Il-membri li ma jkunux jistgħu jattendu għandhom jinfurmaw lis-segretarjat tal-grupp tagħhom bil-miktub, li min-naħa tiegħu għandu jinforma lill-president tal-korp ikkonċernat.

Il-membri mhux affiljati għandhom jinfurmaw direttament lill-president tal-korp ikkonċernat.

3.

Il-prokura hija valida esklużivament għal-laqgħa li għaliha tkun inħarġet.

Il-prokura timplika delega tad-drittijiet tal-vot, b’konformità mal-Artikolu 84, lill-membru rappreżentant, ħlief fil-każ ta’ indikazzjoni kuntrarja fl-istess prokura.

4.

Ir-rappreżentazzjoni skont it-tifsira ta’ dan l-Artikolu m’għandhiex tapplika għal-laqgħat:

tal-Bureau tal-Kumitat;

tal-Kummissjoni għall-Affarijiet Finanzjarji u Baġitarji (CAF);

tal-Grupp tal-Kwesturi;

tal-Kumitat tal-Etika;

il-Kumitat tal-Awditjar.

Artikolu 86 – Sostituzzjoni fi ħdan grupp ta’ studju

1.

Meta jkun ser jiġi stabbilit grupp ta’ studju, kull membru ta’ dan il-grupp jista’ jitlob lis-sezzjoni biex jiġi sostitwit minn membru ieħor tal-Kumitat.

2.

Din is-sostituzzjoni hija valida fir-rigward ta’ kwistjoni speċifika u sakemm tintemm ħidmet is-sezzjoni fuq il-kwistjoni.

Artikolu 87 – Sostituti

1.

Il-membri tal-Kumitat jistgħu jinnominaw sostituti għall-ħidma preparatorja. Is-sostituti jinħatru mill-Bureau.

Id-delegati tas-CCMI ma jistgħux jaħtru sostituti.

2.

Il-laqgħat li ġejjin għandhom jitqiesu bħala ħidma preparatorju skont it-tifsira ta’ dan l-Artikolu, dment li jsiru fi Brussell, għat-tħejjija ta’ opinjoni, rapport ta’ evalwazzjoni jew rapport ta’ informazzjoni:

il-laqgħat tal-gruppi ta’ studju;

il-laqgħat tas-sezzjonijiet;

il-laqgħat tas-CCMI;

il-laqgħat tal-osservatorji;

il-laqgħat tas-sottokumitati.

3.

Is-sostituti għandhom ikunu persuni esterni għall-Kumitat.

Il-membri tal-Kumitat u d-delegati tas-CCMI ma jistgħux jeżerċitaw id-dmirijiet ta’ sostitut.

4.

Is-sostituti jridu jkunu ġejjin mill-istess qasam, jew jirrappreżentaw l-istess kategorija, tas-soċjetà ċivili bħall-membri li f’isimhom ikunu qed jeżerċitaw id-dmirijiet.

L-isem u t-titlu tas-sostitut magħżul għandhom jingħataw lill-Bureau tal-Kumitat għall-approvazzjoni tiegħu.

5.

Sostitut jista’ jeżerċita dmirijiet f’isem membru wieħed biss kull darba.

6.

Is-sostitut għandu jaqdi l-istess dmirijiet tal-membru, bl-eċċezzjonijiet li ġejjin:

is-sostituti ma jkollhomx id-dritt tal-vot;

jekk il-membru jixtieq jeżerċita d-dritt tal-vot tiegħu, huwa għandu jibgħat delega tal-vot bil-miktub lil membru ieħor tal-Kumitat, b’konformità mal-Artikolu 84 ta’ dawn ir-Regoli ta’ Proċedura.

waqt li membru jkun qed jeżerċita l-kariga ta’ president ta’ sezzjoni, ta’ membru tal-bureau ta’ sezzjoni jew ta’ president ta’ grupp ta’ studju, is-sostitut tiegħu ma jistax jeżerċita dawn id-dmirijiet;

is-sostitut ma jistax jeżerċita d-dmirijiet ta’ relatur jew korelatur.

7.

Fir-rigward tal-indennizzi u l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tas-sussistenza, is-sostituti għandhom ikunu soġġetti għad-deċiżjonijiet rilevanti tal-Kunsill u tal-Bureau.

8.

Is-sostituti jistgħu jinħatru bħala konsulent.

F’dan il-każ, l-istatus ta’ sostitut għandu jkun sospiż de facto għad-durata kollha tal-mandat tiegħu bħala konsulent.

9.

Membru jista’, fi kwalunkwe ħin, itemm il-mandat tas-sostitut tiegħu, billi jinforma lill-Bureau.

Fi kwalunkwe każ, il-mandat tas-sostitut għandu jiskadi fl-istess żmien bħal dak tal-membru.

Fil-każ tar-riżenja tal-membru, id-dmirijiet tas-sostitut tiegħu għandhom jintemmu fil-jum li fih jiskadi effettivament il-mandat tal-membru tal-Kumitat.

10.

Il-kriterji u l-proċedura għall-ħatra tas-sostituti għandhom jiġu stabbiliti f’deċiżjoni tal-Bureau, wara konsultazzjoni mal-gruppi.

Taqsima 6 – Funzjonament tas-CCMI

Artikolu 88 – Karatteristiċi speċifiċi tas-CCMI

1.

Is-CCMI tfassal opinjonijiet komplementari.

Il-Bureau jista’ jagħti struzzjonijiet lis-CCMI biex tfassal abbozzi ta’ opinjonijiet ordinarji, inklużi opinjonijiet fuq inizjattiva proprja, abbozzi ta’ rapporti ta’ evalwazzjoni u abbozzi ta’ rapporti ta’ informazzjoni.

2.

Id-dispożizzjonijiet applikabbli għas-sezzjonijiet għandhom japplikaw, mutatis mutandis, għas-CCMI, bil-karatteristiċi speċifiċi li ġejjin:

Il-membri tal-Kumitat biss jistgħu jinħatru bħala relaturi. Id-delegati jistgħu jinħatru biss bħala korelaturi.

Meta abbozz ta’ opinjoni, ta’ rapport ta’ evalwazzjoni jew ta’ rapport ta’ informazzjoni jiġi adottat fis-CCMI, il-president tagħha għandu l-ewwel jistieden biss lid-delegati biex jesprimu ruħhom permezz ta’ vot mhux vinkolanti, li r-riżultat tiegħu għandu jitħabbar mill-president.

Imbagħad, il-president għandu jiftaħ il-votazzjoni għall-membri tal-Kumitat.

Il-voti tal-membri tal-Kumitat biss jiġu kkunsidrati għall-adozzjoni tal-abbozz ta’ opinjoni, ta’ rapport ta’ evalwazzjoni jew ta’ rapport ta’ informazzjoni.

Għandha tiġi segwita l-istess proċedura fil-każ ta’ votazzjoni dwar proposti għal emendi.

Id-delegati jistgħu jressqu emendi għal abbozzi ta’ opinjoni, ta’ rapport ta’ evalwazzjoni jew ta’ rapport ta’ informazzjoni biex issir votazzjoni dwarhom fis-CCMI. Huma ma jistgħux iressqu emendi għall-votazzjoni fl-assemblea.

TITOLU III

PROĊEDURI OĦRA

Kapitolu I

Proċeduri ta’ urġenza

Artikolu 89 – Urġenza fil-livell ta’ assemblea

1.

Jekk l-urġenza tirriżulta minn limitu ta’ żmien impost fuq il-Kumitat, sabiex iressaq l-opinjoni tiegħu, mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni, l-applikazzjoni tal-proċedura ta’ urġenza tista’ tiġi deċiża jekk il-President tal-Kumitat iqis li jkun meħtieġ biex il-Kumitat ikun jista’ jadotta l-opinjoni tiegħu fil-ħin.

Il-proċedura ta’ urġenza fil-livell ta’ assemblea tista’ tiġi applikata wkoll għall-adozzjoni ta’ rapporti ta’ evalwazzjoni, rapporti ta’ informazzjoni jew riżoluzzjonijiet dwar suġġetti attwali jekk il-President tal-Kumitat iqis li jkun meħtieġ li ma jistenniex sas-sessjoni plenarja li jkun imiss.

2.

Il-proċedura ta’ urġenza fil-livell ta’ assemblea tippermetti li l-President tal-Kumitat, b’mod immedjat u wara li jinforma bil-miktub lill-presidenza estiża, jadotta l-passi kollha meħtieġa biex il-Kumitat ikun jista’ jwettaq ħidmietu b’mod adatt.

Il-President tal-Kumitat għandu jinforma minnufih lill-membri tal-Bureau dwar il-passi li jkunu ttieħdu.

3.

Il-miżuri li jadotta l-President tal-Kumitat għandhom jiġu ratifikati mill-assemblea matul is-sessjoni segwenti tagħha.

Artikolu 90 – Urġenza fil-livell tal-Bureau

1.

Fil-każijiet meta l-Bureau jkollu bilfors jadotta deċiżjoni f’limitu ta’ żmien li ma jkunx jista’ jistenna sal-laqgħa li jmiss tiegħu u meta l-użu tal-proċedura bil-miktub ma jkunx possibbli, il-President tal-Kumitat jista’ jadotta minnufih il-miżuri kollha meħtieġa biex jiżgura l-funzjonament tajjeb tal-Kumitat.

Huwa għandu jinforma lill-membri tal-Bureau dwar il-passi li jieħu.

2.

Il-miżuri adottati mill-President tal-Kumitat għandhom jiġu ratifikati mill-Bureau matul il-laqgħa li jkun imiss tiegħu.

Artikolu 91 – Urġenza fil-livell tas-sezzjonijiet

1.

Jekk l-urġenza tirriżulta minn limitu ta’ żmien impost fuq waħda mis-sezzjonijiet biex tressaq l-opinjoni tagħha, il-president tas-sezzjoni jista’, bi qbil mal-presidenti tat-tliet gruppi, jorganizza l-ħidma b’mod differenti mid-dispożizzjonijiet ta’ dawn ir-Regoli ta’ Proċedura relatati mal-organizzazzjoni tal-ħidma tas-sezzjonijiet.

Il-proċedura ta’ urġenza fil-livell tas-sezzjoni tista’ tiġi applikata wkoll biex jiġu adottati rapporti ta’ evalwazzjoni, rapporti ta’ informazzjoni jew riżoluzzjonijiet dwar suġġetti attwali jekk il-president tas-sezzjoni jqis li jkun meħtieġ li ma jistenniex sal-laqgħa li jkun imiss.

Il-president tas-sezzjoni għandu jinforma lill-membri tal-bureau tas-sezzjoni dwar il-passi li jkunu ttieħdu.

2.

Il-miżuri li jadotta l-president tas-sezzjoni kkonċernata b’rabta mal-proċedura ta’ urġenza għandhom jiġu ratifikati mis-sezzjoni matul is-sessjoni segwenti tagħha.

Il-president tas-sezzjoni jista’ jiddeċiedi li l-konferma tal-proposta tiegħu ssir bil-miktub qabel il-laqgħa segwenti tas-sezzjoni. F’dak il-każ, għandu jistabbilixxi data tal-għeluq għat-tweġiba. Għandhom japplikaw il-maġġoranzi tas-soltu għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet fi ħdan is-sezzjoni.

3.

Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu huma applikabbli wkoll għas-CCMI.

Kapitolu II

Proċeduri relatati mal-membri

Artikolu 92 – Mozzjoni ta’ sfiduċja

1.

Fuq proposta tal-Bureau adottata minn tal-inqas minn tliet kwarti tal-membri tiegħu, jew fuq talba ta’ aktar minn nofs il-membri tal-Kumitat, tista’ titressaq mozzjoni ta’ sfiduċja quddiem l-assemblea fir-rigward tal-President tal-Kumitat.

F’dan il-każ, din il-mozzjoni għandha titniżżel bħala l-ewwel punt fuq l-aġenda tas-sessjoni plenarja li jkun imiss.

Sabiex jiġi ttrattat il-punt tal-mozzjoni ta’ sfiduċja, l-assemblea għandha tkun ippreseduta mill-viċi president responsabbli għall-CAF.

2.

L-assemblea għandha tiddeċiedi permezz ta’ vot sigriet u mingħajr il-possibbiltà ta’ delega tal-voti, wara li tkun semgħet, fl-ordni segwenti, membru minn kull grupp segwiti mill-membri tal-presidenza li jixtiequ jitkellmu, rappreżentant tal-membri li jkunu talbu l-mozzjoni ta’ sfiduċja, fejn meħtieġ u, fl-aħħar nett, il-President tal-Kumitat.

L-assemblea għandha tieħu deċiżjoni dwar dik il-proposta b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-voti mixħuta, li jikkostitwixxu maġġoranza tal-membri kollha tagħha.

F’każ kuntrarju, il-mozzjoni għandha titqies miċħuda.

3.

L-assemblea għandha minnufih tipproċedi għas-sostituzzjoni tal-President tal-Kumitat minn membru tal-istess grupp tal-President tal-Kumitat li l-kariga tiegħu tkun se tintemm.

4.

L-assemblea tivvota għall-kandidat propost mill-grupp ikkonċernat. Jekk il-kandidat ma jiġix aċċettat, il-proċedimenti għandhom jiġu sospiżi sabiex il-grupp ikkonċernat ikun jista’ jipproponi membri oħra ta’ dak il-grupp sakemm jiġi elett kandidat bħala President tal-Kumitat.

L-assemblea terġa’ tissejjaħ, possibbilment fl-istess ġurnata, mill-president temporanju.

5.

Il-President il-ġdid tal-Kumitat għandu jiġi elett għall-bqija tal-mandat attwali.

Artikolu 93 – Tneħħija mill-kariga

1.

Kull membru tal-Kumitat li ma jkunx jista’ jattendi laqgħa li għaliha jkun ġie mistieden, għandu javża minn qabel lis-segretarjat tal-grupp tiegħu, li min-naħa tiegħu għandu jinforma lill-president tal-korp ikkonċernat.

Il-membri mhux affiljati għandhom jinfurmaw direttament lill-president tal-korp ikkonċernat.

2.

Jekk membru tal-Kumitat ikun assenti għal aktar minn ħames sessjonijiet plenarji tal-assemblea konsekuttivi mingħajr ma jiddelega d-drittijiet tal-vot tiegħu lil membru ieħor skont l-Artikolu 84, u mingħajr raġuni rikonoxxuta bħala valida, il-President tal-Kumitat jista’, wara li jikkonsulta mal-Bureau u jistieden lill-membru kkonċernat jispjega l-assenza tiegħu, jitlob ir-riżenja tal-membru b’konformità mal-Artikolu 4(8) u, jekk meħtieġ, jitlob lill-Kunsill itemm il-mandat tiegħu, b’konformità mal-Artikolu 4(9) ta’ dawn ir-Regoli ta’ Proċedura.

3.

Jekk membru ta’ sezzjoni jew tas-CCMI ikun assenti għal aktar minn ħames laqgħat konsekuttivi ta’ dak il-korp mingħajr ma jiddelega d-drittijiet tal-vot tiegħu lil membru ieħor skont l-Artikolu 84, mingħajr ma jagħmel arranġamenti biex jirrappreżentah membru ieħor skont l-Artikolu 85, u lanqas ma jagħti raġuni rikonoxxuta bħala valida, il-president ta’ dak il-korp jista’, wara li jistieden lill-membru kkonċernat jispjega l-assenza tiegħu, jitlob li jħalli s-sezzjoni jew is-CCMI.

Il-president tas-sezzjoni għandu jinforma lill-Bureau tal-Kumitat b’dan u l-proċedura ta’ sostituzzjoni għandha tinbeda b’konformità mal-Artikolu 23(4) ta’ dawn ir-Regoli ta’ Proċedura.

Artikolu 94 – Proċedura dixxiplinari

Fil-każ ta’ ksur tal-istandards etiċi, tar-regoli, tal-prinċipji jew tal-istandards ta’ kondotta jew ta’ ksur tad-dmirijiet u tal-obbligi stabbiliti f’dawn ir-Regoli ta’ Proċedura, fil-Kodiċi ta’ Kondotta jew fir-Regolamenti tal-Persunal minn membru tal-Kumitat, minn delegat, minn sostitut jew minn konsulent, għandha tapplika l-proċedura dixxiplinari stabbilita fil-Parti III tal-Kodiċi ta’ Kondotta.

Artikolu 95 – Tneħħija tal-immunità

Kull talba lill-President tal-Kumitat minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru għat-tneħħija tal-immunità ta’ membru tal-Kumitat għandha tiġi ttrattata b’konformità mal-proċedura stabbilita fil-Kapitolu IV tal-Istatut tal-Membri.

Artikolu 96 – Assistenza

1.

Il-membri tal-Kumitat jistgħu jingħataw l-assistenza li l-Unjoni tipprevedi għall-uffiċjali skont ir-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2) (“ir-Regolamenti tal-Persunal”), fil-każijiet u skont il-kundizzjonijiet imsemmija fihom.

2.

Il-Bureau għandu jkun responsabbli biex jiddeċiedi, fuq proposta tal-President tal-Kumitat, dwar talba għal assistenza minn membru.

Il-Bureau għandu jadotta d-deċiżjoni tiegħu wara li jisma’ lill-membru kkonċernat.

3.

Jekk il-membru li jitlob l-għajnuna jkun membru tal-Bureau, huwa ma jistax jattendi għall-punt tal-laqgħa tal-Bureau fejn tiġi deċiża din il-kwistjoni.

Barra minn hekk, jekk ikun il-president tal-Kumitat li jitlob l-assistenza, il-Bureau għandu jaġixxi fuq proposta tal-viċi president inkarigat mill-CAF.

Kapitolu III

Pubblikazzjoni u distribuzzjoni tad-dokumenti

Artikolu 97 – Pubblikazzjoni

1.

Il-Kumitat għandu jippubblika l-opinjonijiet tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.

L-ismijiet tal-membri tal-assemblea, tal-Bureau u tas-sezzjonijiet tiegħu kif ukoll il-bidliet kollha tagħhom għandhom jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fis-sit web tal-Kumitat.

Artikolu 98 – Trasparenza, aċċess miftuħ u dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-Kumitat

1.

Il-Kumitat għandu jiggarantixxi t-trasparenza tad-deċiżjonijiet tiegħu bl-aktar mod miftuħ possibbli, abbażi tal-prinċipju tal-aċċess miftuħ.

2.

B’konformità mal-Artikolu 24, ir-raba’ paragrafu tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, kull ċittadin tal-Unjoni Ewropea jista’ jikteb lill-Kumitat b’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jirċievi tweġiba miktuba bl-istess lingwa.

3.

Kull ċittadin tal-Unjoni u kull persuna fiżika jew ġuridika li tirrisjedi jew li jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha fi Stat Membru għandha d-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-Kumitat, ikun xi jkun il-format tagħhom, b’konformità mal-Artikolu 15 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Tali aċċess għad-dokumenti tal-Kumitat huwa soġġett għall-prinċipji, il-kundizzjonijiet u l-limiti stabbiliti fir-regolamenti Ewropej u fid-deċiżjonijiet interni tal-Kumitat kif ukoll b’konformità mar-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data.

4.

Il-Kumitat għandu jistabbilixxi reġistru tad-dokumenti tiegħu.

Il-Bureau għandu jadotta r-regoli interni dwar l-aċċess għal dan ir-reġistru u jistabbilixxi l-lista ta’ dokumenti li huma direttament aċċessibbli.

L-għan tiegħu huwa li jiżgura li d-dokumenti kollha tal-Kumitat jiġu rreġistrati, b’mod partikolari d-deċiżjonijiet tal-assemblea, tal-Bureau u tal-President tal-Kumitat.

5.

Is-Segretarju Ġenerali għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiggarantixxi d-dritt li l-pubbliku jkollu aċċess għad-dokumenti korrispondenti, wara li jikkonsulta l-presidenza estiża u s-Servizz Legali.

Artikolu 99 – Aċċess pubbliku għal-laqgħat tal-Kumitat

1.

Is-sessjonijiet plenarji tal-assemblea u l-laqgħat tas-sezzjonijiet u tas-CCMI għandhom ikunu miftuħa għall-pubbliku.

2.

Madankollu, ċerti dibattiti ta’ dawn il-korpi li ma jikkonċernawx il-ħidma konsultattiva jistgħu jiġu ddikjarati kunfidenzjali mill-assemblea.

L-istituzzjoni jew korp ikkonċernat, kif ukoll il-Bureau jistgħu jitolbu lill-assemblea biex id-dibattitu jsir bil-bibien magħluqin.

3.

Il-laqgħat l-oħra m’għandhomx ikunu miftuħa għall-pubbliku.

Madankollu, f’każijiet li fil-fehma tal-president tas-seduta jkunu ġġustifikati, persuni oħra jistgħu jattendu bħala osservaturi għal-laqgħat mhux pubbliċi.

4.

Il-membri tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, kif ukoll kull parti interessata oħra skont kif meħtieġ, jistgħu jiġu mistiedna mill-president tal-laqgħa biex jattendu, jindirizzaw jew iwieġbu mistoqsijiet fil-laqgħat tal-assemblea, tal-Bureau, tas-sezzjonijiet u tas-CCMI, u ta’ korpi oħra tal-Kumitat.

IT-TIELET PARTI

AMMINISTRAZZJONI TAL-KUMITAT

Kapitolu I

Segretarjat Ġenerali

Artikolu 100 – Segretarjat ġenerali

1.

Il-Kumitat għandu jiġi megħjun minn segretarjat ġenerali taħt it-tmexxija ta’ Segretarju Ġenerali.

2.

Il-Bureau, fuq proposta tas-Segretarju Ġenerali, għandu jfassal tabella tal-persunal tas-segretarjat ġenerali u jadotta l-organigramma tal-Kumitat b’tali mod li jiżgura l-funzjonament effiċjenti tal-Kumitat u tal-korpi kostitwenti tiegħu, u jgħin lill-membri fil-qadi ta’ dmirijiethom, notevolment fl-organizzazzjoni tal-laqgħat u t-tħejjija tal-opinjonijiet.

Artikolu 101 – Segretarju Ġenerali

1.

Is-Segretarju Ġenerali għandu jaqdi dmirijietu taħt id-direzzjoni tal-President tal-Kumitat, li jirrappreżenta ’l-Bureau.

2.

Is-Segretarju Ġenerali għandu jipparteċipa f’kapaċità konsultattiva fil-laqgħat tal-Bureau, u jieħu l-minuti.

3.

Għandu jieħu impenn solenni quddiem il-Bureau li jaqdi dmirijietu b’kuxjenza u b’imparzjalità sħiħa.

4.

Is-Segretarju Ġenerali għandu jiżgura l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet meħuda mill-assemblea, il-Bureau u l-President tal-Kumitat, skont dawn ir-Regoli ta’ Proċedura.

Fir-rigward tal-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet adottati minn dawn il-korpi, għandu jirrapporta bil-miktub kull tliet xhur lill-President tal-Kumitat dwar il-kriterji u d-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni adottati jew previsti fir-rigward ta’ kwistjonijiet amministrattivi jew organizzattivi u kwistjonijiet relatati mal-persunal.

Il-President tal-Kumitat għandu jgħaddi din l-informazzjoni minnufih lill-Bureau.

5.

Is-setgħat mogħtija lis-Segretarju Ġenerali b’konformità mad-delega tas-setgħat tal-Bureau jew tal-President tal-Kumitat għandhom jintemmu mhux aktar tard minn 21 jum kalendarju wara d-data tal-elezzjoni ta’ bureau ġdid jew il-ħatra ta’ President ġdid tal-Kumitat.

Is-Segretarju Ġenerali jista’ jissottodelega s-setgħat mogħtija lilu mill-Bureau jew mill-President tal-Kumitat fi ħdan il-limiti stabbiliti mill-awtorità li tiddelega.

6.

Is-Segretarju Ġenerali jista’ jiddelega l-kompetenzi tiegħu billi jindika, skont ir-regoli amministrattivi interni, lil liema persunal ikun qed jiddelega dawn il-kompiti, l-ambitu li jkopru l-kompetenzi delegati, u jekk il-benefiċjarji ta’ tali delega jistgħux min-naħa tagħhom jissottodelegaw il-kompetenzi tagħhom.

Kapitolu II

Uffiċjali u membri oħra tal-persunal

Artikolu 102 – Setgħat tal-awtorità tal-ħatra

Is-setgħat kollha li r-Regolamenti tal-Persunal jagħtu lill-awtorità tal-ħatra għandhom jiġu eżerċitati kif ġej:

1.

fir-rigward ta’ uffiċjali li jinħatru bħala segretarju ġenerali: mill-Bureau;

2.

fir-rigward ta’ uffiċjali li jinħatru bħala deputat segretarju ġenerali jew direttur:

fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikoli 29, 30, 31, 40, 41, 49, 50, 51, 78 u 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal: mill-Bureau, li jaġixxi fuq proposta tas-Segretarju Ġenerali;

fir-rigward tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet l-oħra tar-Regolamenti tal-Persunal, inkluż l-Artikolu 90(1): mill-President tal-Kumitat, li jaġixxi fuq proposta tas-Segretarju Ġenerali;

3.

fir-rigward tal-uffiċjali li jinħatru bħala deputat direttur jew kap tal-unità: mill-President tal-Kumitat, li jaġixxi fuq proposta tas-Segretarju Ġenerali.

Il-presidenza estiża għandha tirċievi informazzjoni komprensiva u tiġi kkonsultata fir-rigward tal-ħatra ta’ dawn l-uffiċjali;

4.

fil-każ tal-uffiċjali tal-grupp ta’ funzjonijiet AD li ma jwettqux funzjoni ta’ ġestjoni fil-livell ta’ kap ta’ unità jew ogħla u fil-każ tal-uffiċjali tal-grupp ta’ funzjonijiet AST u AST/SC: mis-Segretarju Ġenerali.

Artikolu 103 – Setgħat tal-awtorità bis-setgħa li tikkonkludi l-kuntratti ta’ impjieg

Is-setgħat kollha li s-CEOS (Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea) jagħtu lill-awtorità bis-setgħa li tikkonkludi l-kuntratti ta’ impjieg għandhom jiġu eżerċitati:

1.

fir-rigward ta’ membri temporanji tal-persunal li jinħatru bħala segretarju ġenerali: mill-Bureau;

2.

fir-rigward ta’ membri temporanji tal-persunal li jinħatru bħala deputat segretarju ġenerali jew direttur:

fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikoli 11, 17, 33 u 48 tas-CEOS: mill-Bureau, fuq proposta tas-Segretarju Ġenerali;

fir-rigward tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet l-oħra tas-CEOS: mill-President tal-Kumitat, li jaġixxi fuq proposta tas-Segretarju Ġenerali;

3.

fir-rigward tal-membri temporanji tal-persunal li jinħatru bħala deputat direttur jew kap tal-unità: mill-President tal-Kumitat, li jaġixxi fuq proposta tas-Segretarju Ġenerali.

Il-presidenza estiża għandha tirċievi informazzjoni komprensiva u tiġi kkonsultata fir-rigward tal-ħatra ta’ dawn il-membri tal-persunal;

4.

fir-rigward tal-membri temporanji tal-persunal fil-grupp ta’ funzjonijiet AD li ma jwettqux funzjoni ta’ ġestjoni fil-livell ta’ kap ta’ unità jew ogħla u l-aġenti temporanji tal-gruppi ta’ funzjonijiet AST u AST/SC: mis-Segretarju Ġenerali;

5.

fil-każ tal-konsulenti speċjali: mis-Segretarju Ġenerali;

6.

fil-każ tal-membri tal-persunal bil-kuntratt: mis-Segretarju Ġenerali.

Artikolu 104 – Dispożizzjonijiet oħra tar-Regolamenti tal-Persunal

1.

Is-setgħat mogħtija lill-Kumitat permezz tal-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal bil-għan li jiġu implimentati d-dispożizzjonijiet ġenerali għall-applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal u tar-regoli adottati bi ftehim komuni bejn l-istituzzjonijiet għandhom jiġu eżerċitati mill-President tal-Kumitat.

Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ natura ġenerali, dawn is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati mis-Segretarju Ġenerali.

2.

Fil-każijiet l-oħra kollha li mhumiex previsti f’dawn ir-Regoli ta’ Proċedura, is-setgħat mogħtija lill-Kumitat mir-Regolamenti tal-Persunal jew mis-CEOS għandhom jiġu eżerċitati mis-Segretarju Ġenerali.

3.

Il-Bureau, il-President tal-Kumitat u s-Segretarju Ġenerali jistgħu jiddelegaw is-setgħat mogħtija lilhom skont l-Artikoli 102, 103 u 104 ta’ dawn ir-Regoli ta’ Proċedura.

Id-deċiżjonijiet ta’ delega li jispeċifikaw l-uffiċjali jew il-membri tal-persunal li lilhom jiġu delegati dawn is-setgħat għandhom jistabbilixxu l-ambitu tas-setgħat mogħtija kif ukoll il-limiti u l-iskadenzi tagħhom, u għandhom jiddeterminaw jekk jistgħux jiġu sottodelegati.

Artikolu 105 – Selezzjoni tas-Segretarju Ġenerali

Il-proċedura applikabbli biex jinħatar Segretarju Ġenerali ġdid jew biex tingħata l-kariga għandha tkun kif ġej:

A.

Il-Bureau għandu (l-ewwel stadju):

i.

Jieħu deċiżjoni dwar l-istatus tal-post tas-segretarju ġenerali (uffiċjal jew membru temporanju tal-persunal).

ii.

Jaħtar kumitat ta’ abbozzar magħmul minn tliet membri tal-Kumitat, bl-inkarigu li jfassal abbozz tal-avviż ta’ post vakanti bl-għajnuna tad-dipartimenti rilevanti tas-segretarjat ġenerali, u jistabbilixxi limitu ta’ żmien sa meta l-kumitat imsemmi għandu jressaq l-abbozz quddiemu.

iii.

Ifassal il-kontenut tal-avviż ta’ post vakanti abbażi tal-abbozz imressaq mill-kumitat ta’ abbozzar.

iv.

Jaħtar kumitat ta’ preselezzjoni magħmul minn sitt membri tal-Kumitat, u jistabbilixxi l-limiti ta’ żmien sa meta dan il-kumitat għandu jippreżenta r-riżultati ta’ ħidmietu lill-Bureau.

B.

Il-kumitat ta’ preselezzjoni:

i.

Għandu l-kariga:

li jeżamina l-applikazzjonijiet,

li jagħmel l-intervisti,

li jfassal rapport bil-miktub u motivat li jkun jinkludi klassifika tal-kandidati fl-ordni ta’ preferenza, skont il-kompetenzi tagħhom, u b’konformità mal-proċeduri u l-kriterji stabbiliti fl-avviż ta’ post vakanti, u

li jipproponi lista tal-kandidati għall-kariga.

Dment li jkun wasal għadd suffiċjenti ta’ applikazzjonijiet, li jissodisfaw ir-rekwiżiti ppreżentati fl-avviż ta’ post vakanti, il-lista għandu jkun fiha mill-inqas tliet kandidati għall-kariga u għandha tirrispetta, fil-każijiet meta l-kandidati jkunu ta’ mertu ugwali, il-prinċipju tal-bilanċ bejn il-ġeneri.

Fil-każ ta’ pożizzjoni ta’ uffiċjal, il-kumitat ta’ preselezzjoni għandu jikklassifika lill-kandidati b’konformità mal-ordni stabbilit fl-Artikolu 29 tar-Regolamenti tal-Persunal.

ii.

Jaħdem b’indipendenza sħiħa, imparzjalità u kunfidenzjalità, abbażi tal-kriterji definiti fl-avviż ta’ post vakanti adottat mill-Bureau.

Dan għandu jiġi megħjun mis-servizzi kompetenti tas-segretarjat ġenerali tal-Kumitat u, jekk ikun meħtieġ, jista’ jitlob għal għarfien espert minn barra l-Kumitat jew għal testi magħmula minn “ċentru ta’ evalwazzjoni”.

C.

Il-Bureau għandu (it-tieni stadju):

i.

Jeżamina r-rapport u d-dokumenti li fuqhom huwa bbażat, kif ukoll il-lista ta’ kandidati, ippreżentati mill-kumitat ta’ preselezzjoni.

ii.

Jintervista lill-kandidati proposti mill-kumitat ta’ preselezzjoni.

iii.

Jieħu d-deċiżjoni finali permezz ta’ votazzjoni bil-bibien magħluqin, u għal diversi ċikli, jekk meħtieġ.

Il-kandidat li, fl-ewwel ċiklu tal-votazzjoni, jirċievi vot favur mingħand aktar minn nofs in-numru tal-membri tal-Bureau għandu jinħatar mingħajr il-ħtieġa tat-tieni ċiklu.

Jekk l-ebda kandidat ma jikseb din il-maġġoranza fl-ewwel ċiklu, il-Bureau għandu jgħaddi għat-tieni ċiklu ta’ votazzjoni għaż-żewġ kandidati li jkunu ġabu l-akbar numru ta’ voti favur; għandu jinħatar il-kandidat li jkun kiseb numru ta’ voti ta’ aktar minn nofs il-membri tal-Bureau.

Fil-każ li jkun hemm voti ndaqs li jagħmilha impossibbli li jintgħażlu żewġ kandidati biss wara l-ewwel ċiklu jew li jinħatar segretarju ġenerali fl-aħħar tat-tieni ċiklu, għandha tissejjaħ laqgħa oħra tal-Bureau għal dan il-għan f’data possibbli.

F’din it-tieni laqgħa, il-Bureau jerġa’ jagħmel intervisti mal-kandidati proposti mill-kumitat ta’ preselezzjoni.

Jekk il-Bureau fl-aħħar mill-aħħar ma jagħżel l-ebda kandidat, il-proċedura tas-selezzjoni għandha tingħalaq mingħajr ħatra, u l-Bureau għandu jniedi proċedura tas-selezzjoni ġdida.

Artikolu 106 – Selezzjoni ta’ postijiet oħra fil-ġerarkija

1.

Mingħajr preġudizzju għall-possibbiltajiet li jimtlew postijiet permezz ta’ trasferiment jew promozzjoni fi ħdan l-istituzzjoni, liema possibbiltajiet għandhom jiġu eżaminati l-ewwel, għall-ħatra ta’ uffiċjali u r-reklutaġġ ta’ membri tal-persunal għall-karigi ta’ deputat segretarju ġenerali, direttur, deputat direttur jew kap ta’ unità ta’ ħidma konsultattiva, għandha tapplika l-proċedura li ġejja:

a)

L-awtorità tal-ħatra jew l-awtorità bis-setgħa li tikkonkludi l-kuntratti ta’ impjieg għandha tieħu deċiżjoni dwar jekk tippubblikax il-kariga internament biss jew anke fil-livell interistituzzjonali.

Fil-każ ta’ postijiet ta’ deputat segretarju ġenerali u direttur, il-pubblikazzjoni tista’ ssir ukoll b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regolamenti tal-Persunal.

b)

Qabel jiġu eżaminati l-applikazzjonijiet, is-Segretarju Ġenerali għandu jħejji skeda ta’ evalwazzjoni biex issir il-preselezzjoni fuq il-bażi tal-avviż ta’ post vakanti.

c)

Meta jiġu eżaminati d-diversi applikazzjonijiet, is-Segretarju Ġenerali għandu jkun assistit minn uffiċjali tas-segretarjat ġenerali li jkollhom mill-inqas l-istess grad u funzjoni bħal dawk tal-pożizzjoni li għandha timtela. Għall-kariga ta’ Deputat Segretarju Ġenerali, l-uffiċjali għandu jkollhom mill-inqas funzjoni ta’ direttur.

Fil-ħidma tal-kumitat ta’ preselezzjoni għandhom jipparteċipaw ukoll tliet membri maħtura mill-Bureau.

d)

Fi tmiem il-proċedura, is-Segretarju Ġenerali għandu jressaq il-proposta tiegħu għall-ħatra jew reklutaġġ, filwaqt li jqis, fil-każ ta’ post ta’ uffiċjal, l-ordni stabbilita fl-Artikolu 29 tar-Regolamenti tal-Persunal.

e)

Is-Segretarju Ġenerali għandu jressaq il-proposta tiegħu:

fil-każ ta’ ħatra jew reklutaġġ tad-Deputat Segretarju Ġenerali jew ta’ direttur: quddiem il-Bureau, li għandu jiddeċiedi fuq din il-bażi;

fil-każ tal-ħatra jew reklutaġġ ta’ deputat direttur jew kap tal-unità tal-ħidma konsultattiva: quddiem il-President tal-Kumitat, li jiddeċiedi fuq din il-bażi. Il-presidenza estiża għandha tirċievi informazzjoni komprensiva u tiġi kkonsultata qabel tali ħatra jew reklutaġġ.

2.

Is-Segretarju Ġenerali jista’ jadotta deċiżjoni dwar id-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu.

Kapitolu III

Segretarjati

Artikolu 107 – Segretarjat tal-President tal-Kumitat

1.

Il-President tal-Kumitat għandu jkollu segretarjat.

2.

Dan is-segretarjat għandu jikkonsisti minn uffiċjali assenjati lis-segretarjat tal-President tal-Kumitat u/jew persunal ingaġġat taħt il-baġit bħala persunal temporanju.

Fiż-żewġ każijiet, is-setgħat mogħtija lill-awtorità tal-ħatra jew lill-awtorità bis-setgħa li tikkonkludi l-kuntratti ta’ impjieg jiġu eżerċitati mill-President tal-Kumitat.

Artikolu 108 – Segretarjat tas-sezzjonijiet

Is-sezzjonijiet u s-CCMI għandhom segretarjat kull wieħed, li huwa pprovdut mis-servizzi tas-segretarjat ġenerali taħt id-direzzjoni ta’ kap ta’ unità.

Artikolu 109 – Segretarjat tal-gruppi

1.

Il-gruppi għandu jkollhom segretarjat kull wieħed. Il-kap tas-segretarjat tal-grupp jirrapporta direttament lill-president tal-grupp ikkonċernat.

2.

Is-setgħat tal-awtorità tal-ħatra għandhom jiġu eżerċitati, fir-rigward tal-uffiċjali li jagħmlu parti mill-gruppi skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 37(a) tar-Regolamenti tal-Persunal, fuq proposta tal-president tal-grupp ikkonċernat, rigward l-applikazzjoni tal-Artikolu 38 tar-Regolamenti tal-Persunal, inklużi d-deċiżjonijiet dwar l-iżvilupp tal-karriera tagħhom fi ħdan il-grupp.

Meta uffiċjal sekondat fi ħdan grupp jidħol mill-ġdid fis-segretarjat tal-Kumitat, hu għandu jitqiegħed fil-grad li għalih kien ikun intitolat bħala uffiċjal.

3.

Is-setgħat tal-awtorità bis-setgħa li tikkonkludi l-kuntratti ta’ impjieg għandhom jiġu eżerċitati, fir-rigward tal-aġenti temporanji li jagħmlu parti mill-gruppi b’konformità mal-Artikolu 2(c) tas-CEOS, fuq proposta tal-president tal-grupp ikkonċernat, rigward l-applikazzjoni tal-Artikolu 8 it-tielet paragrafu, l-Artikolu 9 u l-Artikolu 10(3) tas-CEOS.

Kapitolu IV

Baġit

Artikolu 110 – Tħejjija tal-baġit tal-Kumitat

1.

Fl-ewwel erba’ xhur ta’ kull sena, is-Segretarju Ġenerali għandu jibgħat lill-Kummissjoni għall-Affarijiet Finanzjarji u Baġitarji l-abbozz preliminari tal-estimi tal-infiq u d-dħul tal-Kumitat li jitressaq quddiem il-Bureau għas-sena finanzjarja ta’ wara.

2.

Il-CAF għandha teżamina l-abbozz, tiddiskutih mas-Segretarju Ġenerali, u tressqu quddiem il-Bureau u, jekk ikun meħtieġ, tagħmel kummenti jew tipproponi emendi.

3.

Il-Bureau għandu jfassal l-estimi tal-infiq u d-dħul tal-Kumitat.

Għandu jgħaddihom lill-awtorità tal-baġit b’konformità mal-kundizzjonijiet u fil-limiti ta’ żmien stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju.

4.

B’konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju, il-President għandu jimplimenta, jew jagħmel l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tad-dikjarazzjoni tal-infiq u tad-dħul.

Kapitolu V

Punti oħra

Artikolu 111 – Korrispondenza

Il-korrispondenza indirizzata lill-Kumitat għandha tintbagħat lill-President tal-Kumitat jew lis-Segretarju Ġenerali.

Artikolu 112 – Prinċipji għall-organizzazzjoni tal-laqgħat

1.

Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tal-Kumitat, il-laqgħat tal-Kumitat għandhom isiru b’attendenza fiżika. Il-laqgħat jistgħu jsiru wkoll f’forma ibrida.

2.

Il-Bureau, wara konsultazzjoni mal-gruppi u l-presidenza estiża, għandu jadotta dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-organizzazzjoni u ż-żamma ta’ laqgħat ibridi, il-parteċipazzjoni possibbli tal-membri, id-delegati tas-CCMI, is-sostituti u l-konsulenti f’dawn il-laqgħat.

IR-RABA’ PARTI

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 113 – Ġeneru u terminoloġija

It-termini użati għall-funzjonijiet u għall-karigi f’dawn ir-Regoli ta’ Proċedura ma jirreferux għal ġeneru speċifiku, iżda jħaddnu l-ġeneri kollha.

Artikolu 114 – Simboli tal-Kumitat

1.

Il-Kumitat jagħraf u jadotta s-simboli tal-Unjoni Ewropea li ġejjin:

a)

il-bandiera b’ċirku ta’ tnax-il stilla tad-deheb fuq sfond blu;

b)

l-innu meħud minn “Odi lill-Hena” mid-Disa’ Sinfonija ta’ Ludwig van Beethoven;

c)

il-motto “Magħquda fid-diversità”.

2.

Il-Kumitat jiċċelebra Jum l-Ewropa fid-9 ta’ Mejju.

3.

Il-bandiera għandha tidher fil-bini tal-Kumitat u fl-avvenimenti uffiċjali.

4.

L-innu għandu jindaqq f’kull ċerimonja inawgurali fil-bidu tal-mandat u f’okkażjonijiet formali oħra, b’mod speċjali sabiex tingħata merħba lill-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern, jew sabiex jintlaqgħu l-membri l-ġodda wara t-tkabbir.

Artikolu 115 – Reviżjoni tar-Regoli ta’ Proċedura

1.

L-assemblea tiddeċiedi, b’maġġoranza assoluta tal-membri tagħha, jekk hemmx bżonn li jiġu riveduti r-Regoli ta’ Proċedura.

2.

Jekk tittieħed deċiżjoni bħal din, l-assemblea għandha tistabbilixxi korp magħruf bħala l-kummissjoni tar-Regoli ta’ Proċedura.

L-assemblea għandha taħtar relatur ġenerali responsabbli biex ifassal abbozz ta’ test tar-Regoli ta’ Proċedura l-ġodda. Il-kummissjoni u r-relatur ġenerali għandhom jagħmlu ħilithom biex jilħqu kunsens dwar il-kwistjonijiet kruċjali kollha. Jekk dan ma jkunx possibbli, il-proposti alternattivi appoġġjati minn tal-anqas nofs il-membri tal-kummissjoni għandhom jiżdiedu mal-abbozz prodott mir-relatur ġenerali.

3.

L-abbozz għandu jitressaq quddiem l-assemblea u jistgħu jitressqu emendi.

4.

L-assemblea għandha tadotta r-regoli ta’ proċedura l-ġodda, fejn meħtieġ, jekk aktar minn nofs il-membri tagħha jivvotaw favur.

Artikolu 116 – Adozzjoni tad-Dispożizzjonijiet ta’ Implimentazzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura

1.

Wara li r-Regoli ta’ Proċedura jiġu adottati, l-assemblea għandha ġġedded il-mandat tal-kummissjoni tar-Regoli ta’ Proċedura għal massimu ta’ disgħin jum tax-xogħol sabiex din tħejji, jekk meħtieġ, proposta għal emenda tad-Dispożizzjonijiet ta’ Implimentazzjoni.

2.

Il-proposta għandha titressaq quddiem il-Bureau, li għandu jadottaha wara li jkun irċieva l-fehmiet tal-gruppi, dment li aktar minn nofs il-membri tiegħu jivvotaw favur.

3.

Fil-każ ta’ reviżjoni tar-Regoli ta’ Proċedura mingħajr ebda emenda sussegwenti tad-Dispożizzjonijiet ta’ Implimentazzjoni, dawn tal-aħħar għandhom ikomplu japplikaw.

Huma għandhom dejjem jiġu interpretati b’tali mod li jiżguraw l-osservanza tad-dispożizzjonijiet tar-Regoli ta’ Proċedura fis-seħħ.

4.

Id-Dispożizzjonijiet ta’ Implimentazzjoni jistgħu jiġu emendati wkoll jekk il-Bureau jqis li tkun meħtieġa reviżjoni.

F’każijiet bħal dawn, il-Bureau għandu jitlob lill-assemblea biex twaqqaf kummissjoni dwar ir-reviżjoni tad-Dispożizzjonijiet ta’ Implimentazzjoni, u l-proċedura stabbilita fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu għandha tiġi segwita, mutatis mutandis.

5.

Id-Dispożizzjonijiet ta’ Implimentazzjoni għandhom jidħlu fis-seħħ fid-data ta’ wara dik tal-pubblikazzjoni tagħhom fl-intranet tal-Kumitat.

Artikolu 117 – Dħul fis-seħħ tar-Regoli ta’ Proċedura

Dawn ir-Regoli ta’ Proċedura għandhom jidħlu fis-seħħ fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tagħhom f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.


(1)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1023/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta' Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 15). Verżjoni konsolidata: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/?uri=CELEX%3A01962R0031-20220101


ANNESS

KODIĊI TA’ KONDOTTA GĦALL-MEMBRI TAL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

PARTI I – STANDARDS U PRINĊIPJI

Artikolu 1

Prinċipji ġenerali

1.   Il-Kodiċi ta’ Kondotta għandu japplika għall-membri tal-Kumitat. Kif ġie deċiż mill-Bureau tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ta’ Ottubru 2020, ir-reviżjoni ta’ dan il-kodiċi se tirriżulta fl-adattament tat-testi rilevanti kollha, bħall-Istatut tal-Membri, ir-Regoli ta’ Proċedura tal-KESE u kwalunkwe test ieħor kif meħtieġ.

Dan għandu japplika wkoll, mutatis mutandis, għad-delegati tal-kummissjonijiet konsultattivi, is-sostituti u l-esperti, ħlief għall-Artikoli 1(2), 7(3) u 10 ta’ dan il-Kodiċi li huma applikabbli biss għall-membri tal-Kumitat.

2.   Il-membri tal-Kumitat mhuma marbuta bl-ebda mandat obbligatorju.

Dawn jaqdu dmirijiethom f’indipendenza sħiħa, fl-interess ġenerali tal-Unjoni.

3.   Il-membri għandhom iġibu ruħhom skont it-Trattati u l-liġi li tirriżulta minnhom. Ir-relazzjonijiet tagħhom ma’ organizzazzjonijiet jew gruppi ta’ interess għandhom ikunu kompatibbli mal-ħtieġa li tiġi ppreservata l-indipendenza tagħhom.

4.   Il-membri għandhom josservaw u jimxu mal-prinċipji ta’ kondotta ġenerali li ġejjin: integrità, trasparenza, diliġenza, onestà, responsabilità u rispett għall-oħrajn u għar-reputazzjoni tal-Kumitat.

5.   F’konformità mal-Artikoli 2 u 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, kif ukoll mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, il-membri, fil-qadi ta’ dmirijiethom, għandhom jiżguraw il-promozzjoni, il-protezzjoni effettiva u r-rispett ta’ drittijiet u valuri fundamentali, bħad-dinjità tal-bniedem, in-nondiskriminazzjoni, it-tolleranza, il-libertà, is-solidarjetà, il-prinċipju tal-istat tad-dritt u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri.

6.   Fit-twettiq tal-kompiti tagħhom, il-membri għandhom jimpenjaw ruħhom li jibnu l-aħjar kunsens possibbli fi spirtu ta’ rispett reċiproku.

7.   Fil-qadi ta’ dmirijiethom, il-membri għandhom jaġixxu biss fl-interess ġenerali u għandhom joqogħdu lura milli jiksbu jew ifittxu li jiksbu xi benefiċċju finanzjarju dirett jew indirett jew kumpens ieħor.

8.   Fi kwalunkwe każ fejn il-membri, kemm jekk intenzjonalment jew b’negliġenza, jonqsu milli jikkonformaw mal-obbligi tagħhom jew li jiksbu, jew li jfittxu li jiksbu, fil-qadi ta’ dmirijiethom bħala membri, kwalunkwe benefiċċju finanzjarju dirett jew indirett jew kumpens ieħor, dawn għandhom ikunu soġġett għall-miżuri previsti f’dan il-Kodiċi.

Artikolu 2

Prinċipji ta’ kondotta

1.   Il-kondotta tal-membri għandha tkun ikkaratterizzata minn rispett reċiproku u għandha tkun ibbażata fuq il-valuri u l-prinċipji stabbiliti fit-Trattati, u b’mod partikolari fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

2.   Il-membri għandhom jimpenjaw ruħhom li jirrispettaw il-Kumitat, kif ukoll id-dinjità tal-membri u tal-persunal, u li jippreservaw ir-reputazzjoni tiegħu.

3.   Il-membri m’għandhomx jikkompromettu t-twettiq bla xkiel tal-ħidma tal-Kumitat u m’għandhomx jikkompromettu ż-żamma tas-sigurtà u tal-ordni fil-bini tal-Kumitat jew il-funzjonament tat-tagħmir tiegħu.

4.   Il-membri m’għandhomx ifixklu l-ordni tajba tas-sessjonijiet u l-laqgħat u għandhom joqogħdu lura minn imġiba mhux adatta.

Dawn ma għandhomx jirrikorru għal lingwaġġ jew imġiba li jkunu malafamanti, razzisti, sessisti, omofobiċi, ksenofobiċi jew offensivi.

5.   L-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu ma għandhiex bi kwalunkwe mod ieħor tnaqqas mill-vivaċità tad-dibattiti, u lanqas ma għandha tippreġudika l-libertà tal-kelma tal-membri.

6.   Wara tmiem il-kariga tagħhom, l-ex membri għandhom jibqgħu marbutin bi standards etiċi ta’ integrità u diskrezzjoni. L-eks membri ma għandhomx jagħmlu lobbying mal-membri jew mal-persunal f’isem in-negozju tagħhom stess, dak tal-impjegatur jew tal-klijent tagħhom, dwar kwistjonijiet li għalihom ikollhom pożizzjonijiet importanti jew jiktbu rapporti għal perjodu ta’ sentejn wara tmiem il-kariga tagħhom.

Artikolu 3

Żvelar ta’ informazzjoni

1.   Il-membri għandhom joqogħdu lura minn kwalunkwe żvelar mhux awtorizzat ta’ informazzjoni sensittiva definita bħala tali, riċevuta fil-qadi ta’ dmirijiethom, sakemm dik l-informazzjoni ma tkunx diġà saret pubblika jew aċċessibbli għall-pubbliku.

2.   Dawn għandhom jibqgħu jkunu marbutin b’dan l-obbligu anke wara li jħallu l-Kumitat.

Artikolu 4

Imġiba adatta

1.   Fil-qadi ta’ dmirijiethom, il-membri għandhom iġibu ruħhom skont ir-regoli u l-obbligi stabbiliti f’dan il-Kodiċi ta’ Kondotta, b’dinjità u rispett u mingħajr preġudizzju jew diskriminazzjoni.

2.   Il-membri għandhom iġibu ruħhom b’mod professjonali u għandhom iżommu lura, fir-relazzjonijiet tagħhom ma’ membri oħra kif ukoll mal-persunal, minn imġiba degradanti jew ta’ insult, jużaw lingwaġġ offensiv jew diskriminatorju jew kwalunkwe azzjoni oħra li ma tkunx etika, jew li tkun umiljanti jew illegali.

3.   Il-membri ma għandhomx jinċitaw jew jinkoraġġixxu membri oħrajn jew persunal biex jiksru, jevitaw jew jinjoraw il-leġiżlazzjoni fis-seħħ, ir-regoli interni tal-Kumitat jew dan il-Kodiċi, jew jaċċettaw imġiba bħal din mill-persunal taħt ir-responsabbiltà tagħhom.

4.   Bil-għan li jiġi żgurat li l-Kumitat jiffunzjona b’mod effettiv, il-membri għandhom ifittxu li jiżguraw, filwaqt li jeżerċitaw diskrezzjoni adatta, li kwalunkwe nuqqas ta’ qbil jew kunflitt li jinvolvi membri oħrajn jew persunal taħt ir-responsabbiltà tagħhom jiġi indirizzat minnufih, b’mod ġust u effettiv.

Artikolu 5

Prevenzjoni tal-fastidju

1.   Il-membri għandhom joqogħdu lura minn kwalunkwe forma ta’ fastidju psikoloġiku jew sesswali (1).

2.   Fejn meħtieġ, il-membri għandhom jikkooperaw minnufih u bis-sħiħ mal-proċeduri fis-seħħ għall-ġestjoni ta’ sitwazzjonijiet ta’ kunflitt jew fastidju (psikoloġiku, fiżiku jew sesswali), inkluż ir-rispons minnufih għal kwalunkwe allegazzjoni ta’ fastidju.

3.   Il-membri għandhom jiġu offruti u mħeġġa jieħdu sehem f’taħriġ speċjalizzat organizzat għalihom dwar il-prevenzjoni tal-kunflitti u l-fastidju fuq il-post tax-xogħol u dwar il-prevenzjoni ta’ kwalunkwe mġiba ħażina jew imġiba li tmur kontra l-valuri Ewropej.

Artikolu 6

Integrità u trasparenza finanzjarja

1.   Il-membri huma intitolati għal indennizzi kif stabbilit mill-Kunsill, iżda ma jirċievu l-ebda remunerazzjoni mill-Kumitat.

2.   Missjonijiet jew attivitajiet li jiġu parzjalment jew totalment rimborżati minn parti terza ma għandhomx ikunu soġġetti għal rimborż doppju mill-Kumitat.

Jekk missjoni jew attività tiġi rimborżata parzjalment jew totalment minn parti terza wara li tkun ġiet rimborżata mill-Kumitat, il-membri għandhom jinformaw minnufih lis-segretarjat ġenerali u jirritornaw ir-rimborż lill-Kumitat, sal-ammont riċevut mingħand il-parti terza.

3.   Fil-qadi ta’ dmirijiethom, il-membri għandhom joqogħdu lura milli jaċċettaw kwalunkwe rigal jew benefiċċju b’valur ta’ aktar minn EUR 150.

Meta, skont l-użu diplomatiku u ta’ korteżija, jirċievu rigali li jiswew aktar minn dan l-ammont, dawn għandhom jgħadduhom lis-segretarjat ġenerali meta jattendu l-laqgħa li jkun imiss tal-Kumitat wara li jkunu rċevewhom.

Id-deċiżjoni dwar jekk dawn ir-rigali, kif ukoll rigali tal-istess valur mogħtija direttament lill-president, għandhomx isiru proprjetà tal-Kumitat jew għandhomx jingħataw lil organizzazzjoni tal-karità adatta, issir mill-President.

Is-segretarjat ġenerali għandu jżomm reġistru ta’ rigali b’valur ogħla minn EUR 150, li għandu jkun disponibbli għall-pubbliku jekk jintalab.

4.   Il-membri għandhom jikkonformaw mar-regoli finanzjarji kollha tal-Kumitat li huma applikabbli għalihom.

Artikolu 7

Dikjarazzjoni tal-interessi finanzjarji

1.   Il-membri, f’konformità mal-prinċipju tat-trasparenza, għandhom jippreżentaw dikjarazzjoni tal-interessi finanzjarji tagħhom lill-President malli jibdew jaqdu dmirijiethom.

Id-dikjarazzjonijiet għandhom jiġu ppreżentati mill-ġdid fuq bażi annwali fl-1 ta’ Jannar u, f’każ ta’ bidla fl-informazzjoni li għandha tiġi ddikjarata matul il-mandat tal-membri, għandha tiġi ppreżentata dikjarazzjoni ġdida mal-ewwel opportunità u mhux aktar tard minn xahrejn mill-bidla inkwistjoni.

2.   Id-dikjarazzjoni tal-interessi finanzjarji għandha tinkludi l-informazzjoni elenkata fl-Artikolu 5a tal-Istatut tal-Membri.

3.   Il-membri tal-Kumitat ma jistgħux jiġu eletti bħala uffiċjali tal-Kumitat jew ta’ wieħed mill-korpi tiegħu, jinħatru bħala relatur jew jipparteċipaw f’missjonijiet jew attivitajiet jekk ma jkunux ippreżentaw jew aġġornaw id-dikjarazzjoni tal-interessi finanzjarji tagħhom.

4.   Id-delegati tal-kummissjonijiet konsultattivi, is-sostituti u l-esperti ma għandhomx ikunu intitolati li jirċievu kwalunkwe indennizz mill-Kumitat qabel ma jippreżentaw jew jaġġornaw id-dikjarazzjoni tal-interessi finanzjarji tagħhom.

5.   Jekk tasal informazzjoni quddiem il-President li twasslu biex jemmen li d-dikjarazzjoni tal-interessi finanzjarji ta’ membri tkun sostanzjalment żbaljata jew skaduta, jew tista’ twassal b’mod raġonevoli għal inkompatibbiltà mal-obbligi tal-membri kif stabbiliti f’dan il-Kodiċi ta’ Kondotta, il-Kumitat tal-Etika jista’ jiġi kkonsultat mill-President.

Fejn meħtieġ, il-membri għandhom jintalbu mill-President biex jikkoreġu d-dikjarazzjoni tagħhom fi żmien 10 ijiem tax-xogħol.

6.   Il-Bureau, wara li jkun irċieva l-opinjoni tal-Kumitat tal-Etika bil-miktub, għandu, mhux qabel jgħaddu 14-il jum, jisma’ lill-membri kkonċernati, assistiti jekk mixtieq minn persuna oħra, u jista’ jadotta deċiżjoni li tapplika l-paragrafu 3 jew 4, kif applikabbli, għall-membri li ma jikkonformawx mat-talba tal-President għal korrezzjoni.

Il-Bureau għandu jisma’ lill-membri kkonċernati, bil-fomm jew bil-miktub, qabel ma jadotta d-deċiżjoni, li għandha tkun motivata.

Artikolu 8

Kunflitti ta’ interess

1.   Il-membri għandhom jevitaw kwalunkwe sitwazzjoni li tista’ twassal għal kunflitt ta’ interess jew li tista’ tiġi perċepita oġġettivament bħala kunflitt ta’ interess.

2.   Kunflitt ta’ interess ikun jeżisti meta membri jkollhom interess personali li jista’ jkun f’kunflitt mal-interessi tal-Unjoni jew jista’ jinfluwenza b’mod mhux adatt il-qadi ta’ dmirijiethom bħala membri.

Kunflitt ta’ interess ma jkunx jeżisti meta xi ħadd mill-membri jibbenefika biss bħala membru tal-pubbliku ġenerali jew ta’ kategorija wiesgħa ta’ persuni.

3.   Għall-finijiet tal-paragrafu 2, kunflitt ta’ interess jinħoloq meta interess personali jista’ jinfluwenza l-qadi indipendenti ta’ dmirijiethom. L-interessi personali jinkludu, iżda mhumiex limitati għal, kwalunkwe benefiċċju jew vantaġġ potenzjali għall-membri nfushom, il-konjugi, il-partners jew il-membri diretti tal-familja tagħhom.

4.   F’każijiet ta’ ambigwità, il-membri jistgħu jitolbu parir b’mod kunfidenzjali mill-Kumitat tal-Etika, skont l-Artikolu 9(2)(a).

5.   Membri li jqisu li għandhom kunflitt ta’ interess, jew jinsabu f’sitwazzjoni li tkun tista’ tiġi perċepita b’mod oġġettiv bħala tali, għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa minnufih biex jindirizzaw dan, skont il-prinċipji u d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kodiċi.

Jekk il-membri ma jkunux jistgħu jsolvu l-kunflitt ta’ interess, jew is-sitwazzjoni li tista’ tiġi perċepita bħala kunflitt ta’ interess, dawn għandhom iwaqqfu kull attività dwar il-kwistjoni u għandhom jirrapportaw dan lill-President bil-miktub.

6.   Wara konsultazzjoni mal-Kumitat tal-Etika, għandha tittieħed deċiżjoni mill-President dwar jekk il-membri għandhomx iwaqqfu b’mod definittiv kull attività dwar il-kwistjoni.

7.   Il-membri li ma jikkonformawx mal-obbligi tagħhom li jiżvelaw jew jiddikjaraw kunflitt ta’ interess jew sitwazzjoni li tista’ oġġettivament tiġi perċepita bħala kunflitt ta’ interess, li ma jindirizzawhx jew, jekk ma jkunux jistgħu jsolvuh, ma jwaqqfux kull attività dwar il-kwistjoni, jistgħu jkunu soġġetti għall-miżuri ta’ dan il-Kodiċi.

PARTI II – KUMITAT TAL-ETIKA

Artikolu 9

Kumitat tal-etika

1.   B’dan qed ikun stabbilit Kumitat tal-Etika.

2.   Il-funzjonijiet tal-Kumitat tal-Etika huma dawn li ġejjin:

a)

Il-membri jistgħu jikkonsultaw mal-Kumitat tal-Etika dwar kwistjonijiet b’rabta ma’ dan il-Kodiċi; min-naħa l-oħra, il-Kumitat tal-Etika jista’ jfittex parir mingħand is-Servizz Legali tal-Kumitat. Fuq talba personali minn xi ħadd mill-membri, il-Kumitat tal-Etika għandu jagħti lill-membru, b’mod kunfidenzjali u fi żmien 30 jum kalendarju, gwida dwar l-interpretazzjoni u l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kodiċi.

b)

Wara li jitressaq ilment skont l-Artikolu 11(1), il-Kumitat tal-Etika għandu jivvaluta wkoll l-allegat ksur tal-istandards etiċi stabbiliti f’dan il-Kodiċi u jagħti parir lill-President dwar il-passi possibbli li għandhom jittieħdu.

c)

Il-Kumitat tal-Etika għandu jagħti pariri lill-President u lill-Bureau, fuq talba, dwar l-interpretazzjoni u l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kodiċi.

3.   Il-Kumitat tal-Etika jista’, wara konsultazzjoni mal-President, sakemm ma jkollux kunflitt ta’ interess, jitlob parir mingħand l-esperti.

4.   Il-Kumitat tal-Etika għandu jippubblika rapport annwali ta’ ħidmietu, debitament anonimizzat.

5.   Il-Kumitat tal-Etika għandu jipproponi r-regoli ta’ proċedura tiegħu stess, li jiġu adottati mill-Bureau.

Artikolu 10

Membri tal-Kumitat tal-Etika

1.   Fuq proposta tal-Bureau, l-assemblea għandha teleġġi, għal kull perjodu ta’ sentejn u nofs, sitt membri tal-Kumitat, żewġ membri (ta’ ġeneri differenti) minn kull wieħed mit-tliet gruppi, bħala membri tal-Kumitat tal-Etika.

2.   Fuq proposta tal-Bureau, l-assemblea għandha taħtar ukoll, għall-istess perjodu, sitt membri tal-Kumitat, żewġ membri (ta’ ġeneri differenti) minn kull wieħed mit-tliet gruppi, bħala membri ta’ riżerva għall-Kumitat tal-Etika. Il-membri ta’ riżerva għandhom jissostitwixxu membru fil-ħidma tal-Kumitat tal-Etika jekk din il-persuna ma tkunx tista’ tattendi jew jekk tkun involuta f’każ ta’ kunflitt ta’ interess.

3.   Il-mandat tal-membri u tal-membri ta’ riżerva tal-Kumitat tal-Etika jista’ jiġġedded.

4.   Il-pożizzjoni tal-membri tal-Kumitat tal-Etika hija inkompatibbli ma’ dik tal-membri tal-korpi li ġejjin:

il-Bureau tal-Kumitat;

il-Kumitat tal-Awditjar;

il-Grupp tal-Kwesturi.

5.   Kull grupp tal-Kumitat tal-Etika għandu jservi bħala president għal sentejn u nofs fuq bażi ta’ rotazzjoni fost it-tliet gruppi.

Jekk il-voti jirriżultaw indaqs, il-vot deċiżiv ikun tal-president.

6.   Kwalunkwe membru tal-Kumitat tal-Etika għandu jastjeni milli jipparteċipa fi proċedura jekk ikollu kunflitt ta’ interess jew jinsab f’sitwazzjoni li tista’ tiġi perċepita oġġettivament bħala kunflitt ta’ interess minn parti terza.

Jekk, fi proċedura, xi ħadd mill-membri tal-Kumitat tal-Etika jiġi kkontestat minn membru ieħor tal-Kumitat tal-Etika, il-parteċipazzjoni tal-membru kkonċernat fil-proċedura tista’ tiġi rifjutata b’vot ta’ maġġoranza tal-Kumitat tal-Etika.

Il-membri kkontestati m’għandhomx ikunu preżenti waqt il-votazzjoni.

7.   Fil-każ ta’ allegat ksur tal-istandards etiċi minn membru jew membru ta’ riżerva tal-Kumitat tal-Etika, il-persuna kkonċernata għandha toqgħod lura milli tieħu sehem fil-proċedimenti relatati mal-allegat ksur u tiġi sostitwita immedjatament minn membru ta’ riżerva.

Jekk, fi tmiem il-proċedura, il-konklużjoni tal-President tkun li l-persuna kkonċernata kisret l-istandards etiċi u s-sanzjoni adottata ma tkunx twissija bil-miktub, il-persuna m’għandhiex tibqa’ membru jew membru ta’ riżerva tal-Kumitat tal-Etika.

F’każ bħal dan, għandha tinħatar persuna bħala membru sostitut mill-President għall-perjodu li jkun fadal tal-mandat ta’ sentejn u nofs. Il-ħatra għandha tiġi kkonfermata mill-assemblea fis-sessjoni ta’ wara.

8.   Il-membri tal-Kumitat tal-Etika għandhom dmir ta’ kunfidenzjalità.

9.   Il-membri tal-Kumitat tal-Etika għandhom jiġu pprovduti, fil-bidu tal-mandat tagħhom, b’taħriġ adatt u obbligatorju.

PARTI III – PROĊEDURA FIL-KAŻ TA’ KSUR POSSIBBLI TAL-ISTANDARDS ETIĊI

Artikolu 11

Ftuħ tal-proċedura

1.   Kwalunkwe persuna, membru jew impjegat, jista’ jressaq ilment quddiem il-Kumitat tal-Etika dwar l-imġiba ta’ membru.

L-allegazzjonijiet għandhom ikunu sostnuti minn biżżejjed evidenza prima facie li tiġġustifika t-tnedija ta’ investigazzjoni.

2.   Il-Kumitat tal-Etika għandu jinforma lill-President tal-Kumitat dwar il-fatt li jkun irċieva l-ilment, ħlief meta l-President stess ikun is-suġġett tal-ilment.

3.   Il-President għandu jibgħat lill-OLAF, mingħajr dewmien, kwalunkwe informazzjoni jew evidenza relatati mal-membri li jiġu għall-attenzjoni tal-President u li jridu jintbagħtu lill-OLAF skont l-arranġamenti amministrattivi ffirmati mal-uffiċċju.

4.   L-informaturi rikonoxxuti bħala tali għandu jkollhom id-drittijiet għall-kunfidenzjalità, il-protezzjoni, il-projbizzjoni tar-ritaljazzjoni u l-miżuri ta’ appoġġ previsti mid-dritt tal-UE, inklużi r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea (2), il-liġi nazzjonali u r-regoli interni tal-KESE, kif applikabbli.

Artikolu 12

L-investigazzjoni

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 17, meta l-Kumitat tal-Etika jqis li hemm raġuni li tagħti x’wieħed jaħseb li xi ħadd mill-membri seta’ kiser l-istandards etiċi stabbiliti f’dan il-Kodiċi, il-Kumitat tal-Etika għandu jiftaħ investigazzjoni. Il-Kumitat tal-Etika għandu jinforma minnufih lill-President u lill-membri kkonċernati li tkun infetħet investigazzjoni, sakemm dan ma jkunx ta’ ħsara għall-investigazzjoni jew għall-evidenza potenzjali.

2.   Il-Kumitat tal-Etika għandu jeżamina ċ-ċirkostanzi tal-ksur allegat u għandu jisma’ lill-membri kkonċernati, bil-fomm jew bil-miktub.

Il-membri kkonċernati jistgħu jiġu megħjuna minn avukat jew persuna magħżula minnhom.

3.   Il-Kumitat tal-Etika għandu jkollu setgħat investigattivi u għandu jsejjaħ xhieda (membri, persunal jew partijiet terzi) li jista’ jqis li jkun meħtieġ jew utli li jisma’ fil-qafas tal-investigazzjoni.

Il-Kumitat tal-Etika għandu jiġi pprovdut bl-evidenza eżistenti kollha, inkluża l-korrispondenza, u għandu jirċievi kwalunkwe informazzjoni li jqis meħtieġa jew utli.

4.   Il-membri u l-eks membri għandhom jikkooperaw minnufih u bis-sħiħ mal-Kumitat tal-Etika billi jipprovdu l-informazzjoni addizzjonali rilevanti kollha meħtieġa.

Il-membri m’għandhomx jagħmlu lobbying mal-Kumitat tal-Etika, mal-President jew mal-Bureau b’mod ikkalkulat li jinfluwenza l-mod kif dawn jikkunsidraw il-kwistjoni.

5.   Abbażi tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Kumitat tal-Etika għandu jfassal rapport motivat għall-President li jkun fih rakkomandazzjonijiet dwar deċiżjoni possibbli li tista’ tinkludi penali fejn dan ikun adatt. Ir-rapport jintbagħat lill-membri kkonċernati fl-istess ħin.

Artikolu 13

Deċiżjoni motivata

1.   Wara li jkun innotifika lill-membri kkonċernati dwar l-evidenza kollha fil-fajl u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat tal-Etika, u wara li jkunu nstemgħu l-membri kkonċernati, bil-fomm jew bil-miktub, akkumpanjati mill-konsulent legali tagħhom jekk hekk jintalab minnhom, għandha tiġi adottata deċiżjoni motivata mill-President abbażi tar-rapport tal-Kumitat tal-Etika.

2.   Fid-deċiżjoni motivata, id-deċiżjonijiet tal-President jistgħu jkunu dawn li ġejjin:

a)

li ma nfetaħ l-ebda każ kontra l-membri kkonċernati; jew

b)

jekk il-konklużjoni tal-President tkun li l-membri kkonċernati kisru l-istandards etiċi stabbiliti f’dan il-Kodiċi, tiġi adottata deċiżjoni mill-President li timponi penali skont l-Artikolu 14.

3.   Il-membri kkonċernati għandhom jiġu nnotifikati minnufih mill-President dwar id-deċiżjoni motivata.

4.   Fil-każ ta’ allegat ksur tal-istandards etiċi mill-President tal-Kumitat, il-persuna kkonċernata m’għandhiex tieħu sehem fil-proċedimenti u għandha tiġi sostitwita mill-viċi president li jippresiedi l-Kummissjoni għall-Affarijiet Finanzjarji u Baġitarji, liema persuna għandha tassumi l-funzjonijiet tal-president għal dik il-proċedura speċifika.

Artikolu 14

Penali

1.   Meta tiġi vvalutata l-imġiba osservata, is-severità tal-penali imposti għandha tkun proporzjonata mas-serjetà tal-imġiba ħażina u mal-pożizzjoni ġerarkika tal-membru.

Sabiex tiġi determinata s-serjetà tal-imġiba ħażina u sabiex jiġu deċiżi l-penali li għandhom jiġu imposti, għandhom jiġu kkunsidrati b’mod partikolari:

a)

it-tip ta’ mġiba ħażina u f’liema ċirkostanzi seħħet;

b)

kemm l-imġiba ħażina taffettwa b’mod negattiv l-integrità fiżika u/jew morali tal-membri u/jew tal-persunal, ir-reputazzjoni u/jew l-interessi tal-Kumitat jew tal-Unjoni Ewropea;

c)

sa liema punt l-imġiba ħażina tinvolvi azzjonijiet intenzjonali jew negliġenza, kif ukoll il-grad tar-responsabbiltà ġerarkika tal-membru;

d)

il-livell tad-dmirijiet u r-responsabbiltajiet tal-membru, kif ukoll il-pożizzjoni ġerarkika tal-membru fuq il-vittmi tal-imġiba ħażina;

e)

il-livell ta’ ħsara kkawżata lill-integrità fiżika jew morali tal-vittma jew tal-vittmi; u

f)

jekk l-imġiba ħażina tinvolvix azzjoni jew imġiba ripetuta.

2.   Skont il-grad ta’ severità tal-imġiba tal-membru, il-penali jistgħu jikkonsistu f’waħda jew aktar mill-miżuri li ġejjin:

a)

twissija bil-miktub (li tista’ tiġi ppubblikata);

b)

twissija (li tista’ tiġi ppubblikata);

c)

it-telf temporanju tad-dritt għall-indennizz tas-sussistenza ta’ kuljum għal perjodu ta’ bejn żewġ ġranet u tletin ġurnata ta’ laqgħa, skont il-gravità tal-imġiba ħażina;

d)

mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-vot fil-plenarja, sospensjoni temporanja mill-parteċipazzjoni fl-attivitajiet kollha jew uħud mill-attivitajiet tal-KESE jew tal-korpi tiegħu, f’missjonijiet jew f’attivitajiet għal perjodu ta’ bejn żewġ ġranet u tletin ġurnata ta’ laqgħa;

e)

projbizzjoni ta’ rappreżentanza tal-KESE fi kwalunkwe forum nazzjonali, interistituzzjonali jew internazzjonali, għal perjodu massimu ta’ sena;

f)

fil-każ ta’ ksur tal-kunfidenzjalità, limitazzjoni tad-drittijiet ta’ aċċess għal informazzjoni kunfidenzjali jew klassifikata għal perjodu massimu ta’ sena.

3.   Barra minn hekk, skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 16, tista’ titressaq proposta mill-President quddiem il-Bureau:

g)

għas-sospensjoni temporanja tal-membru minn kariga, waħda jew aktar, okkupati mill-membru fil-Kumitat, għal perjodu massimu ta’ sena;

h)

għat-tneħħija tal-membru minn kariga, waħda jew aktar, okkupati mill-membru fil-Kumitat; jew

i)

biex il-Kunsill jintalab ineħħi lill-membru mill-Kumitat.

4.   Il-perjodu ta’ żmien tal-miżuri stabbiliti fil-punti c) sa f) u l-punt g) tal-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu jista’ jiġi rduppjat fil-każ ta’ ksur ripetut, jew jekk il-persuna konċernata tirrifjuta li tikkonforma ma’ waħda mill-miżuri anċillari stabbiliti fil-paragrafu 5.

5.   Minbarra l-penali stabbiliti fil-paragrafi 2 u 3, jistgħu jiġu applikati l-miżuri anċillari li ġejjin:

i.

il-persuna kkonċernata tintalab tieħu azzjoni biex tirregolarizza l-pożizzjoni tagħha;

ii.

il-persuna kkonċernata tintalab tagħmel dikjarazzjoni personali ta’ apoloġija (privata, lil persuna speċifika, jew pubblikament, fil-plenarja);

iii.

il-persuna kkonċernata tintalab issewwi kwalunkwe ħsara.

Artikolu 15

Proċedura ta’ appell intern

1.   Jista’ jitressaq appell intern quddiem il-Bureau mill-membru kkonċernat fi żmien ġimagħtejn min-notifika tal-penali imposta mill-President bis-saħħa tal-Artikolu 14(2), (4) u (5).

L-appell għandu jkollu l-effett immedjat li jissospendi l-applikazzjoni tal-penali.

2.   Il-Bureau għandu jisma’ lill-membru kkonċernat, bil-fomm jew bil-miktub, qabel ma jadotta deċiżjoni.

Il-Bureau jista’, mhux aktar tard minn erba’ ġimgħat wara li jkun ġie ppreżentat l-appell jew, jekk ma jiltaqax f’dak il-perjodu, fil-laqgħa tiegħu li jkun imiss, jannulla, jikkonferma jew jimmodifika l-penali imposti.

3.   Jista’ jitressaq rikors għal annullament mill-membru kkonċernat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fi żmien xahrejn min-notifika tad-deċiżjoni finali jew fi żmien xahrejn mid-data li fiha l-Bureau kellu jieħu d-deċiżjoni tiegħu, skont l-Artikolu 263 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 16

Tmiem ta’ kariga qabel iż-żmien

1.   Skont id-deċiżjoni motivata tal-President, tista’ titressaq proposta quddiem il-Bureau mill-President skont l-Artikolu 14(3).

2.   Il-Bureau, li jaġixxi b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-voti mixħuta, jista’ jipproponi lill-assemblea li tissospendi jew ittemm il-mandat tal-President, ta’ viċi president, ta’ president ta’ grupp, ta’ membru tal-Bureau, ta’ kwestur, ta’ president jew ta’ viċi president ta’ sezzjoni jew ta’ kwalunkwe detentur ieħor ta’ kariga elett fi ħdan il-Kumitat, meta jqis li l-membri inkwistjoni jkunu ħatja ta’ mġiba ħażina serja.

Eċċezzjonalment, il-Bureau jista’ jipproponi lill-assemblea li l-membri kkonċernati jitkeċċew mill-Kumitat.

Il-Bureau għandu jisma’ lill-membri kkonċernati, bil-fomm jew bil-miktub, qabel ma jressaq proposta quddiem l-assemblea skont dan l-Artikolu.

3.   L-assemblea għandha tieħu deċiżjoni dwar il-proposta b’maġġoranza ta’ żewg terzi tal-voti mixħuta, li jikkostitwixxu maġġoranza tal-membri kollha tagħha.

L-assemblea għandha tisma’ r-rapport motivat tal-President tal-Kumitat, imbagħad lill-membri kkonċernati, bil-fomm jew bil-miktub, qabel ma tiġi adottata d-deċiżjoni.

Jekk tiġi adottata deċiżjoni ta’ tkeċċija, din għandha tiġi nnotifikata lill-Kunsill, sabiex dan jibda l-proċedura ta’ sostituzzjoni.

4.   Il-membri kkonċernati jistgħu jressqu rikors għal annullament quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fi żmien xahrejn min-notifika tad-deċiżjoni finali jew fi żmien xahrejn mid-data li fiha l-Bureau kellu jieħu d-deċiżjoni tiegħu, skont l-Artikolu 263 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

PARTI IV – DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 17

Investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF)

1.   Għandhom japplikaw ir-regoli komuni stabbiliti fil-ftehim interistituzzjonali (3) dwar l-investigazzjonijiet interni mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF), li jinkludi l-miżuri li huma meħtieġa għall-investigazzjonijiet bla xkiel immexxija mill-OLAF.

2.   F’każ li l-Kumitat ikun jaf dwar każijiet possibbli ta’ frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra ta’ detriment għall-interessi tal-Unjoni Ewropea u l-OLAF jew ikun għadu ma ġiex infurmat jew ikun għadu ma ħax deċiżjoni dwar jekk jiftaħx investigazzjoni jew le, il-Kumitat tal-Etika ma għandux jiftaħ investigazzjoni dwar l-istess fatti, sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor mal-OLAF.

Il-Kumitat tal-Etika jissospendi kwalunkwe proċedura relatata mal-każ u jevita li jwettaq kwalunkwe attività li tista’ tikkomprometti l-evidenza potenzjali u l-investigazzjoni tal-OLAF.

Artikolu 18

Applikazzjoni tal-Kodiċi

Ir-responsabbiltà għall-applikazzjoni sħiħa u korretta ta’ dan il-Kodiċi għandha tkun tal-President.

Fil-qafas tal-applikazzjoni ta’ dan il-Kodiċi, il-Kumitat tal-Etika jista’ jiġi kkonsultat fi kwalunkwe mument għal parir dwar kwalunkwe kwistjoni mill-President.


(1)  Ir-Regolament Nru 31 (KEE), 11 (KEEA), li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Ħaddiema Oħra tal-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU P 45, 14.6.1962, p. 1385), https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/?uri=CELEX%3A01962R0031-20220101&qid=1653325709293

(2)  Verżjoni konsolidata: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/?uri=CELEX:31968R0259

(3)  Arranġamenti Amministrattivi bejn il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi tat-13 ta’ Jannar 2016.