2.5.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 128/102


Kodiċi ta’ Kondotta għall-Membri u l-Membri preċedenti tal-Qorti

IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI (“il-Qorti”),

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 285, 286 u 339 tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti, u b’mod partikolari l-Artikoli 3 u 34(1) tagħhom, u r-Regoli għall-Implimentazzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti, b’mod partikolari l-Artikolu 81(4) tagħhom,

Billi l-Membri tal-Qorti huma meħtieġa, fl-interess ġenerali tal-Unjoni, li jkunu kompletament indipendenti fl-eżekuzzjoni ta’ dmirijiethom, li ma jiħdux u lanqas jirċievu struzzjonijiet minn kwalunkwe gvern jew kwalunkwe korp ieħor, u li joqogħdu lura milli jwettqu xi azzjoni li mhijiex kompatibbli ma’ dmirijiethom,

Billi, fil-bidu tal-kariga tagħhom, il-Membri tal-Qorti jintrabtu solennement li, kemm matul kif ukoll wara li tintemm il-kariga tagħhom, jirrispettaw l-obbligazzjonijiet li jiġu minn din il-kariga,

Billi l-Membri għandhom responsabbiltà speċjali fi kwistjonijiet etiċi peress li, permezz tal-eżempju tagħhom, għandhom influwenza sinifikanti fuq il-kultura tal-organizzazzjoni u fuq l-iffaċilitar ta’ ambjent tax-xogħol tajjeb,

Billi dan il-Kodiċi ta’ Kondotta jirrifletti l-valuri u l-prinċipji etiċi fundamentali stipulati, pereżempju, fil-Kodiċi ta’ Etika tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar (ISSAI 130), bħall-integrità, l-indipendenza u l-oġġettività, il-kompetenza, l-imġiba professjonali, il-kunfidenzjalità u t-trasparenza,

Billi l-Kodiċi ta’ Kondotta għall-Membri tal-Qorti tat-8 ta’ Frar 2012 jeħtieġ li jiġi rivedut sabiex jittieħed kont tal-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni tiegħu u biex il-Qorti tiżgura l-ogħla standards etiċi, kif mistenni mill-Membri tal-Qorti, u biex jittieħed kont tal-konklużjonijiet tar-rapport ta’ evalwazzjoni bejn il-pari dwar il-qafas etiku tal-Qorti kkompletat fl-2019 mill-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar tal-Kroazja u tal-Polonja,

Billi, sabiex jiġu żgurati trasparenza u konsistenza akbar, jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet rilevanti kollha rigward l-obbligi etiċi tal-Membri jiġu fużi f’dan il-Kodiċi ta’ Kondotta, li jifforma parti integrali mir-Regoli għall-Implimentazzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti,

Billi l-Qorti adottat politika għaż-żamma ta’ ambjent sodisfaċenti tax-xogħol u l-ġlieda kontra l-fastidju psikoloġiku u sesswali,

Billi jenħtieġ li ċerti obbligi li jirriżultaw minn dan il-Kodiċi ta’ Kondotta b’rabta mal-Membri tal-Qorti japplikaw ukoll għall-Membri preċedenti sabiex ikunu kompletament effettivi,

Iddeċidiet li tadotta l-Kodiċi ta’ Kondotta għall-Membri u l-Membri preċedenti tal-Qorti li ġej:

L-Artikolu 1

Kamp ta’ applikazzjoni

Dan il-Kodiċi ta’ Kondotta għandu japplika għall-Membri tal-Qorti u, fejn jiġi speċifikat b’mod espliċitu, għall-Membri preċedenti tal-Qorti.

I.   VALURI U PRINĊIPJI

L-Artikolu 2

Dispożizzjonijiet ġenerali

1.   Il-Membri għandhom josservaw l-ogħla standards ta’ kondotta etika u, permezz tal-azzjonijiet tagħhom, ikunu ta’ xempju ta’ etika.

2.   Il-Membri għandhom josservaw il-valuri u l-prinċipji etiċi li ġejjin: l-integrità, l-indipendenza, l-oġġettività, il-kompetenza, l-imġiba professjonali, il-kunfidenzjalità u t-trasparenza, id-dinjità, l-impenn u l-lealtà, id-diskrezzjoni u l-kolleġġjalità.

L-Artikolu 3

Integrità

1.   Il-Membri għandhom jaġixxu b’mod onest, affidabbli, in bona fide u unikament fl-interess pubbliku.

2.   Il-Membri għandhom joqogħdu lura milli jaċċettaw kwalunkwe rigal jew benefiċċju simili b’valur ta’ aktar minn EUR 150. Il-Membri għandhom joqogħdu lura wkoll milli jaċċettaw il-pagament mingħand partijiet terzi ta’ spejjeż għas-sussistenza jew tal-ivvjaġġar manifestament sproporzjonati.

3.   Il-Membri ma jistgħux jaċċettaw pagament għal kwalunkwe tip ta’ attività esterna li jkunu wettqu jew xogħol li jkunu ppubblikaw matul il-kariga tagħhom.

4.   Il-Membri għandhom jużaw l-infrastruttura u r-riżorsi mqiegħda għad-dispożizzjoni tagħhom f’konformità sħiħa mar-regoli ġenerali u speċifiċi stabbiliti għal dak l-iskop, u b’mod partikolari d-deċiżjonijiet tal-Qorti fis-seħħ li jikkonċernaw il-proċedura għar-reklutaġġ ta’ persunal għal kabinetti tal-Membri, l-ispejjeż tar-rappreżentazzjoni u tar-riċevimenti, u l-użu tal-karozzi uffiċjali tal-Qorti.

5.   Il-Membri tal-Qorti għandhom jagħżlu l-membri tal-kabinetti tagħhom b’kont meħud tan-natura eżiġenti tal-funzjoni, il-profili professjonali meħtieġa u l-ħtieġa li jistabbilixxu relazzjoni bbażata fuq fiduċja reċiproka bejniethom u l-membri tal-kabinetti tagħhom. Il-konjuġi, is-sħab u l-membri tal-familja fil-linja diretta ma għandhomx jiffurmaw parti mill-kabinetti tal-Membri tal-Qorti.

L-Artikolu 4

Indipendenza

1.   Il-Membri għandhom ikunu ħielsa minn ċirkustanzi jew influwenzi li jikkompromettu, jew li jistgħu jidhru li qegħdin jikkompromettu, il-ġudizzju professjonali tagħhom.

2.   Il-Membri la għandhom ifittxu u lanqas jieħdu struzzjonijiet minn kwalunkwe istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija tal-Unjoni, jew mingħand xi gvern jew entità pubblika jew privata oħra.

3.   Il-Membri għandhom jibqgħu indipendenti mill-influwenza politika. B’mod partikolari, huma ma jistgħu jwettqu l-ebda kariga politika.

4.   Ir-relazzjonijiet tal-Membri ma’ gruppi ta’ interess għandhom ikunu kompatibbli mal-ħtieġa li tiġi ppreservata l-indipendenza tagħhom.

L-Artikolu 5

Oġġettività

1.   Il-Membri għandhom jaġixxu b’mod imparzjali u mingħajr preġudizzju.

2.   Il-Membri għandhom jevitaw kwalunkwe sitwazzjoni li tista’ tirriżulta f’kunflitt ta’ interess, jew li b’mod oġġettiv tista’ tiġi pperċepita bħala tali. Kunflitt ta’ interess jirriżulta meta jkun hemm interess personali li jista’ jinfluwenza t-twettiq indipendenti tad-dmirijiet ta’ Membru. L-interessi personali jinkludu, iżda mhumiex limitati għal, kwalunkwe benefiċċju jew vantaġġ potenzjali għall-Membri infushom, il-konjuġi, is-sħab jew il-membri tal-familja tagħhom fil-linja diretta.

L-Artikolu 6

Kompetenza

Il-Membri għandhom jiżviluppaw u jżommu għarfien u ħiliet rilevanti għal dmirijiethom, għandhom jaġixxu skont l-istandards applikabbli u bid-diliġenza dovuta.

L-Artikolu 7

Imġiba professjonali

1.   Il-Membri għandhom jikkonformaw mar-regoli applikabbli stabbiliti fit-Trattati u fil-leġiżlazzjoni sekondarja, u dawk stabbiliti mill-Qorti. Huma għandhom jevitaw kwalunkwe mġiba li tista’ tiskredita lill-Qorti.

2.   Il-Membri tal-Qorti għandhom ikunu konxji mill-importanza tad-dmirijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom; huma għandhom, billi jmexxu bl-eżempju, jieħdu inkunsiderazzjoni n-natura pubblika ta’ dmirijiethom u għandhom iġibu ruħhom b’mod li jżomm u jippromwovi l-fiduċja tal-pubbliku fil-Qorti.

L-Artikolu 8

Kunfidenzjalità u trasparenza

1.   Il-Membri għandhom jirrispettaw in-natura kunfidenzjali tax-xogħol tal-Qorti. Huma ma jistgħux jiddivulgaw informazzjoni kunfidenzjali tat-tip kopert mill-obbligu tas-segretezza professjonali, kif speċifikat fl-Artikolu 339 TFUE.

2.   Il-Membri għandhom ikunu responsabbli għat-trattament xieraq ta’ kwalunkwe dokument ikklassifikat, kunfidenzjali jew sensittiv u informazzjoni li jkunu ltaqgħu magħhom huma stess jew il-kabinett tagħhom fil-qadi ta’ dmirijiethom.

3.   Il-Membri ma jistgħux jużaw għal skopijiet personali, kemm jekk għalihom jew f’isem ħaddieħor, kwalunkwe informazzjoni li għandhom aċċess għaliha bis-saħħa tal-pożizzjoni uffiċjali tagħhom u li mhijiex disponibbli għall-pubbliku ġenerali.

4.   Il-Membri għandhom ikunu konxji mill-fatt li l-kariga pubblika tagħhom tirrikjedi trasparenza u obbligu ta’ rendikont imsaħħa lejn il-pubbliku. Huma għandhom iżommu bilanċ bejn il-ħtieġa għat-trasparenza u l-kunfidenzjalità.

L-Artikolu 9

Dinjità

1.   Il-Membri għandhom jirrispettaw id-dinjità tal-kariga tagħhom u ma għandhomx jesprimu ruħhom, ikun xi jkun il-mezz, b’mod li jaffettwa b’mod avvers il-perċezzjoni pubblika tal-kariga tagħhom.

2.   Il-Membri għandhom iġibu ruħhom b’mod kordjali u rispettuż. Huma għandhom jistabbilixxu u jżommu ambjent tax-xogħol fejn tiġi skoraġġuta kwalunkwe mġiba li tista’ ddgħajjef id-dinjità ta’ individwu.

L-Artikolu 10

Impenn u lealtà

1.   Il-Membri tal-Qorti għandhom jiddedikaw lilhom infushom għall-qadi tal-mandat tagħhom. Huma għandhom jirrisjedu fil-post fejn il-Qorti għandha s-sede tagħha.

2.   Huma għandhom jattendu għal-laqgħat tal-Qorti, tal-Awli u tal-Kumitati li jagħmlu parti minnhom, skont l-Artikolu 6 tar-Regoli għall-Implimentazzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti.

3.   Fl-ispirtu tal-lealtà, huma għandhom jipprovdu l-appoġġ kostanti tagħhom lill-Qorti fit-twettiq tal-prerogattivi tagħha.

L-Artikolu 11

Diskrezzjoni u kolleġġjalità

1.   Il-Membri għandhom jaġixxu u jesprimu ruħhom, kemm fi ħdan kif ukoll ’il barra mill-istituzzjoni, bit-trażżin meħtieġ mill-kariga tagħhom.

2.   Fiċ-ċirkustanzi kollha, il-Membri għandhom jirrispettaw in-natura kolleġġjali tal-organizzazzjoni tal-Qorti, u jkunu fidili lejn, u jieħdu responsabbiltà kollettiva għal, kwalunkwe deċiżjoni adottata mill-Qorti. Madankollu, il-Membri jistgħu jirrikorru għall-istrumenti ġudizzjarji previsti taħt il-liġi tal-Unjoni Ewropea jekk huma jqisu li dawk id-deċiżjonijiet ikkaġunawlhom ħsara.

3.   Mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà tal-President għar-relazzjonijiet esterni, il-Membri għandhom l-awtorità ’l barra mill-Qorti biex jikkomunikaw u jikkummentaw fuq kwalunkwe rapport, opinjoni jew informazzjoni li l-Qorti tkun iddeċidiet li tippubblika, suġġett għall-kundizzjonijiet fil-paragrafu 4 ta’ hawn taħt.

4.   Il-Membri għandhom joqogħdu lura milli jagħmlu kwalunkwe kumment ’il barra mill-Qorti li:

(a)

ikun jixħet dubju fuq deċiżjoni meħuda mill-Qorti;

(b)

jista’ jikkawża dannu għar-reputazzjoni tal-Qorti;

(c)

jista’ jiġi interpretat bħala dikjarazzjoni tal-pożizzjoni tal-Qorti fuq kwistjonijiet li ma jaqgħux fi ħdan il-kompetenza istituzzjonali tagħha jew li dwarhom il-Qorti ma ħaditx pożizzjoni; jew

(d)

jista’ jinvolvi lill-Qorti fi kwalunkwe kontroversja, anke wara li tkun intemmet il-kariga tagħhom.

L-Artikolu 12

Attivitajiet Esterni

1.   Il-Membri ma għandhom jinvolvu ruħhom fl-ebda attività professjonali ’l barra mill-Qorti, jew fl-ebda attività esterna oħra, kemm jekk bi qligħ kif ukoll mingħajr, li mhijiex kompatibbli ma’ dmirijiethom, kif speċifikat fl-Artikolu 286(3) u (4) TFUE.

2.   Skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu, il-Membri jistgħu jkunu awtorizzati jassumu dmirijiet mhux imħallsa f’fondazzjonijiet jew korpi simili fl-isferi legali, xjentifiċi, kulturali, artistiċi, soċjali, sportivi jew tal-karità jew fi stabbilimenti tal-edukazzjoni. Tali dmirijiet ma jistgħux jinkludu rwol maniġerjali, setgħa deċiżjonali, jew responsabbiltà għal, jew kontroll fuq, l-operazzjonijiet tal-korp inkwistjoni, iżda biss rwol rappreżentattiv jew konsultattiv. “Fondazzjoni jew korp simili” tfisser kwalunkwe organizzazzjoni jew assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ li tkun involuta f’attivitajiet fl-interess pubbliku fl-oqsma msemmija qabel. Il-Membri għandhom jevitaw kwalunkwe kunflitt ta’ interess li jista’ jirriżulta, jew li jista’ b’mod oġġettiv jiġi pperċepit li jirriżulta, minn dawn il-karigi, b’mod partikolari meta l-korp inkwistjoni jirċievi kwalunkwe tip ta’ finanzjament mill-baġit tal-UE.

3.   Il-Membri jistgħu jinvolvu ruħhom ukoll fl-attivitajiet esterni li ġejjin, dment li josservaw l-Artikoli 2 u 10:

(a)

jagħtu korsijiet fl-interessi tal-integrazzjoni Ewropea, l-istat tad-dritt jew l-etika, jew jagħmlu diskorsi, jew jieħdu sehem f’konferenzi dment li jew ma jsir l-ebda pagament jew, jekk isir xi pagament, li dan jitħallas direttament mill-organizzatur lil karità tal-għażla tal-Membru;

(b)

jippubblikaw ktieb jew jiktbu artiklu, dment li kwalunkwe royalty minn xogħlijiet ippubblikati b’rabta mal-funzjonijiet ta’ Membru jitħallsu direttament mill-pubblikatur lil karità tal-għażla tal-Membru;

4.   L-attivitajiet esterni ma għandhomx

(a)

idgħajfu l-imparzjalità tal-Qorti;

(b)

joħolqu kunflitt ta’ interess, jew b’mod oġġettiv jiġu pperċepiti li joħolqu kunflitt ta’ interess;

(c)

jieħdu ammont ta’ żmien eċċessiv, b’kont meħud tal-impatt kumulattiv tal-attivitajiet esterni totali ta’ Membru;

(d)

jipprovdu kwalunkwe qligħ pekunjarju lill-Membru.

L-Artikolu 13

Obbligi tal-Membri wara li tintemm il-kariga tagħhom

1.   Wara li jkunu temmew il-kariga tagħhom, il-Membri preċedenti għandhom jirrispettaw dawk l-obbligi li jirriżultaw minn dmirijiethom li jkomplu japplikaw wara tmiem il-kariga, b’mod partikolari d-dmir li jġibu ruħhom b’integrità u diskrezzjoni fir-rigward tal-aċċettazzjoni ta’ ċertu ħatriet jew benefiċċji f’konformità mal-Artikolu 286(4) TFUE, u l-obbligi speċifikati f’dan il-Kodiċi ta’ Kondotta.

2.   Huma għandhom jibqgħu marbuta bid-dmirijiet tad-diskrezzjoni u tal-kolleġġjalità, kif stabbilit fl-Artikolu 11, fir-rigward tal-attivitajiet imwettqa matul il-kariga tagħhom. Skont l-Artikolu 339 TFUE, wara li l-Membri jkunu temmew il-kariga tagħhom, l-obbligu tas-segretezza professjonali għandu jibqa’ japplika.

II.   IR-REGOLI TA’ PROĊEDURA

L-Artikolu 14

Dikjarazzjoni ta’ Interessi

1.   Il-Membri għandhom jippreżentaw Dikjarazzjoni ta’ Interessi:

(a)

fi żmien massimu ta’ xahar minn meta jieħdu l-kariga;

(b)

fuq bażi annwali fil-31 ta’ Jannar;

(c)

fi kwalunkwe żmien, f’każ ta’ tibdil sinifikanti fl-informazzjoni li trid tiġi ddikjarata (inklużi l-attivitajiet esterni l-ġodda koperti mill-paragrafu 10); u

(d)

meta jispiċċaw il-kariga tagħhom.

2.   Dawn id-Dikjarazzjonijiet ta’ Interessi għandhom jiġu ppreżentati lill-President permezz tal-formola fl-Anness I ta’ dan il-Kodiċi ta’ Kondotta.

3.   Id-Dikjarazzjoni ta’ Interessi għandu jkollha l-elementi msemmija fil-paragrafi 4 sa 11 ta’ dan l-Artikolu.

4.   Il-Membri tal-Qorti għandhom jiddikjaraw kwalunkwe interess, assi jew obbligazzjoni li jistgħu joħolqu jew b’mod oġġettiv jiġu pperċepiti li joħolqu kunflitt ta’ interess fit-twettiq ta’ dmirijiethom.

5.   Dawn jinkludu holdings individwali f’kapital ta’ kumpanija, b’mod partikolari ishma, u forom oħra ta’ holdings bħalma huma bonds konvertibbli jew ċertifikati ta’ investiment. Unitajiet f’fiduċjarji ta’ unitajiet, li ma jikkostitwux interess dirett f’kapital ta’ kumpanija, ma hemmx għalfejn jiġu ddikjarati.

6.   Għandha tiġi ddikjarata kwalunkwe proprjetà li tkun taħt sjieda diretta jew sjieda permezz ta’ kumpanija immobbiljarja, u għandhom jiġu identifikati l-lok approssimattiv fejn tinsab u n-natura tagħha, bl-eċċezzjoni ta’ djar riżervati għall-użu esklussiv tas-sid u tal-familja tiegħu. Dan ma għandux jinkludi l-assi mobbli.

7.   Dawn l-obbligi japplikaw għall-interessi finanzjarji tal-konjuġi, is-sħab (1) u l-ulied minorenni, meta dawk l-interessi jistgħu jitqiesu kapaċi b’mod oġġettiv li jirriżultaw f’kunflitt ta’ interess.

8.   Malli jieħdu l-kariga fil-bidu, il-Membri għandhom jiddikjaraw kull attività, professjonali u onorarja, li involvew ruħhom fiha matul it-tliet snin ta’ qabel.

9.   Sabiex jeliminaw kwalunkwe riskju potenzjali ta’ kunflitt ta’ interessi, il-Membri għandhom jiddikjaraw kwalunkwe attività professjonali tal-konjuġi jew tas-sħab tagħhom (2).

10.   Il-Membri għandhom jiddikjaraw l-attivitajiet esterni attwali kollha tagħhom, minbarra li jiddikjarawhom ukoll skont il-proċedura speċifika stabbilita fl-Artikolu 16(1). Dan għandu jeskludi l-attivitajiet esterni li jaqgħu taħt l-Artikolu 12(3).

11.   Il-Membri għandhom jiddikjaraw kwalunkwe dekorazzjoni għall-mertu, premju jew unur mogħtija lilhom.

12.   Il-Membri huma responsabbli għad-dikjarazzjonijiet tagħhom stess.

13.   Il-President tal-Qorti għandu jeżamina d-dikjarazzjonijiet minn perspettiva formali, bl-appoġġ tas-Servizz Legali. Id-Dikjarazzjoni ta’ Interessi li ssir mill-President għandha tiġi eżaminata mill-Membru li jmiss wara l-President skont l-ordni ta’ preċedenza, skont l-Artikolu 5 tar-Regoli ta’ Proċedura.

14.   Wara dan l-eżaminar u b’kunsiderazzjoni tal-protezzjoni tad-data personali, dawn id-Dikjarazzjonijiet ta’ Interessi għandhom jiġu ppubblikati fuq is-sit web tal-Qorti.

15.   Il-President għandu jieħu kont tad-dikjarazzjonijiet meta jipproponi l-assenjar tal-Membru lil Awla jew Kumitat tal-Qorti, sabiex jiġi evitat kwalunkwe kunflitt ta’ interessi possibbli.

16.   Jekk il-Membri jiffaċċjaw sitwazzjoni li taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Dikjarazzjoni ta’ Interessi, li tista’ tirriżulta f’kunflitt ta’ interess, huma għandhom jinfurmaw lill-President tal-Qorti. Wara li tiġi eżaminata mill-Kumitat tal-Etika, il-kwistjoni għandha tiġi ppreżentata lill-Qorti, li għandha tieħu kwalunkwe miżura li hija tqis xierqa.

L-Artikolu 14a

L-obbligi tal-Membri rigward ċerti relazzjonijiet kuntrattwali

1.   Kwalunkwe relazzjoni kuntrattwali fuq terminu twil bejn il-Membri u l-persunal tal-Qorti, sew jekk tinvolvi ħlas u sew jekk le, għandha tiġi ddikjarata lill-Kumitat tal-Etika, li huwa responsabbli għall-eżaminar tagħha.

2.   Il-Membri ma għandhomx jidħlu fi ftehimiet b’terminu twil ta’ kiri, ta’ sullokazzjoni jew ta’ self mal-persunal tal-Qorti.

L-Artikolu 15

Aċċettazzjoni ta’ rigali u benefiċċji simili

1.   Jekk, bis-saħħa tad-drawwa tad-diplomazija u tal-korteżija, il-Membri jirċievu rigali jew benefiċċji simili b’valur ta’ aktar minn EUR 150, huma għandhom jagħtuhom lis-Segretarju Ġenerali. F’każ ta’ dubju, huma għandhom jiddikjaraw kwalunkwe rigal li jirċievu waqt il-qadi ta’ dmirijiethom lis-Segretarju Ġenerali u jitolbu stima tal-valur tiegħu.

2.   Is-Segretarjat tal-Qorti għandu jżomm reġistru ta’ rigali u benefiċċji simili b’valur ta’ aktar minn EUR 150, li jidentifika d-donaturi, u li għandu jkun disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit web tal-Qorti.

3.   Dan l-Artikolu ma għandux japplika għall-missjonijiet uffiċjali awtorizzati li jinvolvu l-parteċipazzjoni ta’ Membru f’avveniment fejn l-organizzatur iġarrab ċerti spejjeż (pereżempju, l-ispejjeż tal-ivvjaġġar jew tal-lukandi).

L-Artikolu 16

Obbligi tal-Membri fir-rigward tal-attivitajiet esterni

1.   Mingħajr dewmien, il-Membri għandhom jiddikjaraw lill-President tal-Qorti l-attivitajiet esterni kollha jew it-tibdil kollu għal attività ddikjarata, billi jużaw il-formola fl-Anness II. Il-Membri għandhom jiddeskrivu l-attivitajiet esterni bl-aktar mod preċiż possibbli skont kull wieħed mill-kriterji elenkati fil-paragrafu 3.

2.   Il-President għandu jgħaddi kwalunkwe tali dikjarazzjoni li tikkonċerna attivitajiet esterni lill-Kumitat tal-Etika, li huwa responsabbli għall-eżaminar tagħha.

3.   Għal dan il-fini, il-Kumitat tal-Etika għandu jeżamina kwalunkwe attività esterna, eżistenti jew mitluba, fid-dawl tal-kriterji ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 12(4).

4.   Bħala eċċezzjoni, l-attivitajiet esterni skont l-Artikolu 12(3)(a) u (b) għandhom jiġu ddikjarati lill-President bl-użu tal-formola fl-Anness II u jintbagħtu għal skopijiet ta’ informazzjoni lill-Kumitat tal-Etika, li ma għandux joħroġ opinjoni dment li ma jqisx li din tkun meħtieġa.

5.   L-attivitajiet li jaqgħu fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Qorti dwar l-ispejjeż tal-missjonijiet tal-Membri tal-Qorti ma jistgħux jikkostitwixxu “attivitajiet esterni” fi ħdan it-tifsira tal-Artikoli 12 u 16 ta’ dan il-Kodiċi. Il-Membri jibqgħu ħielsa li jipprovdu kwalunkwe tali informazzjoni li jqisu xierqa lill-Kumitat tal-Etika, purament għall-informazzjoni tiegħu. Għall-kuntrarju, attività esterna ddikjarata taħt dan il-Kodiċi ma tistax tibbenefika minn rimborż taħt id-Deċiżjoni tal-Qorti dwar l-ispejjeż tal-missjonijiet tal-Membri tal-Qorti.

L-Artikolu 17

Impjiegi tal-Membri wara li tintemm il-kariga tagħhom

1.   Kull meta l-Membri jew il-Membri preċedenti tal-Qorti jkollhom l-intenzjoni li jassumu impjieg matul is-sentejn ta’ wara t-tmiem tal-kariga tagħhom, huma għandhom jiddikjarawh lill-President tal-Qorti billi jużaw il-formola fl-Anness III malli jsiru jafu bil-kwistjoni, u jekk possibbli b’avviż ta’ mill-inqas xahrejn minn qabel.

2.   Għall-iskopijiet ta’ dan il-Kodiċi, “impjieg” ifisser kwalunkwe attività professjonali, kemm jekk bi qligħ kif ukoll mingħajr. Huwa jeskludi:

(a)

karigi onorarji u mhux imħallsa f’fondazzjonijiet jew organizzazzjonijiet simili, bl-ebda rabta mal-attivitajiet tal-Unjoni Ewropea, fl-isferi politiċi, legali, xjentifiċi, kulturali, artistiċi, soċjali, sportivi jew tal-karità jew fi stabbilimenti ta’ edukazzjoni;

(b)

is-sempliċi ġestjoni ta’ assi jew ta’ holdings jew fortuna personali jew familjari, f’kapaċità privata; u

(c)

attivitajiet kumparabbli.

3.   Il-President għandu jgħaddi dawn id-dikjarazzjonijiet biex jiġu eżaminati mill-Kumitat tal-Etika. Il-Kumitat tal-Etika għandu jeżamina jekk in-natura tal-impjieg ippjanat hijiex kompatibbli mal-Artikolu 286(4) TFUE u mal-Kodiċi preżenti, jekk hija ddgħajjifx l-imparzjalità tal-Qorti, u jekk hemmx kunflitt ta’ interess.

4.   Fejn ikun meħtieġ, il-Kumitat tal-Etika għandu, fit-twettiq ta’ dan l-eżaminar skont il-paragrafu 3, jidentifika u jivvaluta jekk hemmx kwalunkwe riskju speċifiku u sostanzjat għall-kriterji fil-paragrafu 3 li jirriżultaw minn rapporti li fihom il-Membru kkonċernat kien aġixxa bħal l-Membru Relatur fl-aħħar sentejn tal-mandat tiegħu. Il-Kumitat għandu jqis ukoll l-Artikolu 15 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE dwar il-Libertà professjonali u d-dritt għax-xogħol.

5.   Jekk il-Kumitat tal-Etika jqis li l-impjieg ikun inkompatibbli mal-Artikolu 286(4) TFUE u l-Kodiċi preżenti, il-President għandu jinforma lill-Membru preċedenti, li għandu joqgħod lura milli jinvolvi ruħu f’dik l-attività.

6.   Bħala eċċezzjoni, fejn il-Membru preċedenti biħsiebu jassumi kariga pubblika, fil-prinċipju mhux mistenni li jkun hemm kunflitt ta’ interess.

III.   QAFAS ORGANIZZATIV

L-Artikolu 18

Il-Kumitat tal-Etika

1.   Il-Qorti b’dan tistabbilixxi Kumitat tal-Etika, li għandu jqis kwalunkwe kwistjoni ta’ natura etika li huwa jqis rilevanti għall-istandards stabbiliti f’dan il-Kodiċi u għar-reputazzjoni tal-Qorti, inkluż it-titjib ulterjuri tagħhom.

2.   Il-kompożizzjoni tal-Kumitat hija stabbilita fl-Artikolu 33 tar-Regoli għall-Implimentazzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti.

3.   Il-Kumitat għandu jeleġġi president minn fost il-membri tiegħu.

4.   Il-Kumitat għandu jsejjaħ laqgħa fuq talba tal-president tiegħu jew wara talba għal opinjoni ppreżentata lilu mill-President jew minn Membru tal-Qorti. Id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat għandhom ikunu kunfidenzjali.

5.   Il-Kumitat għandu joħroġ l-opinjoni tiegħu fi żmien 30 jum minn meta jiġi kkonsultat. Fuq proposta tal-president tiegħu, il-Kumitat jista’ joħroġ opinjoni permezz ta’ proċedura bil-miktub. Bħala eċċezzjoni, meta jiġi kkonsultat taħt l-Artikolu 17, huwa għandu joħroġ opinjoni mill-aktar fis possibbli.

6.   Il-Kumitat għandu jadotta l-opinjonijiet tiegħu b’vot ta’ maġġoranza. L-opinjonijiet tiegħu għandhom ikunu raġunati b’referenza għal kwalunkwe fehma kuntrarja. Dawn l-opinjonijiet għandhom jiġu kkomunikati immedjatament lil kwalunkwe Membru jew Membru preċedenti li jista’ jkun ikkonċernat mill-opinjoni tal-Kumitat u mgħoddija lill-President u lill-Qorti għall-informazzjoni tagħhom.

7.   Fejn il-Kumitat irid iqis dikjarazzjoni ta’ interessi jew dikjarazzjoni li tikkonċerna attività esterna ta’ Membru tal-Kumitat, dak il-Membru għandu jiġi sostitwit minn Membru supplenti tal-Kumitat u ma għandux jieħu sehem fil-ħidma tal-Kumitat dwar dik il-kwistjoni.

8.   Il-Kumitat tal-Etika għandu jaqdi r-rwol assenjat lilu fid-Deċiżjoni li tistabbilixxi l-politika tal-Qorti għaż-żamma ta’ ambjent sodisfaċenti tax-xogħol u l-ġlieda kontra l-fastidju psikoloġiku u sesswali.

9.   Is-Servizz Legali għandu jassisti lill-Kumitat tal-Etika fil-kompiti tiegħu u jipprovdi appoġġ segretarjali.

10.   Għandu jiġi ffirmat kuntratt bejn il-Qorti u l-Membru estern tal-Kumitat li jistabbilixxi d-drittijiet u l-obbligi tagħhom fir-rigward tal-mandat tagħhom, inkluż l-ammont tat-tariffi.

L-Artikolu 19

Interazzjoni bejn il-Membri, il-Kumitat tal-Etika u l-Qorti

1.   Il-President, il-Membri u l-Membri preċedenti tal-Qorti jistgħu jitolbu l-parir tal-Kumitat dwar kwalunkwe kwistjoni etika, b’mod partikolari rigward l-interpretazzjoni ta’ dan il-Kodiċi ta’ Kondotta.

2.   Il-Membri għandhom immedjatament jirrappurtaw bil-miktub lill-President u lid-Dekan rilevanti kwalunkwe influwenza indebita pperċepita fuq, jew theddida lil, l-indipendenza tagħhom mingħand xi entità ’l barra mill-Qorti.

3.   Il-Membri u l-Membri preċedenti tal-Qorti għandhom jikkooperaw bis-sħiħ mal-Kumitat, b’mod partikolari fir-rigward tal-għoti ta’ kwalunkwe informazzjoni u dokumenti ta’ sostenn li dan ikun talab. Huma għandhom id-dritt li jinstemgħu.

4.   Membru fil-kariga jew Membru preċedenti li ma jaqbilx ma’ opinjoni tal-Kumitat tal-Etika li taffettwah b’mod avvers għandu, fi żmien ħamest jiem tax-xogħol mid-data tal-wasla tal-opinjoni, jagħti raġunijiet bil-miktub għal tali nuqqas ta’ qbil lill-President, li mingħajr dewmien għandu jirreferi l-kwistjoni lill-Qorti għall-kunsiderazzjoni u d-deċiżjoni finali tagħha. Fejn ir-riferiment jikkonċerna impjieg previst taħt l-Artikolu 17, il-Qorti għandha tittratta l-kwistjoni mingħajr dewmien.

5.   L-effetti tal-opinjoni tal-Kumitat hekk referita lill-Qorti għandhom jiġu sospiżi. Sakemm tadotta d-deċiżjoni finali tagħha, il-Qorti għandha tagħti kwalunkwe struzzjoni proviżorja dwar il-kwistjoni rreferita skont kif jidhrilha xieraq. Il-Membru fil-kariga jew il-Membru preċedenti kkonċernat għandu mingħajr dewmien jikkonforma ma’ tali struzzjoni u deċiżjoni finali tal-Qorti.

6.   Il-President tal-Qorti għandu jiżgura li tittieħed azzjoni rigward l-opinjonijiet tal-Kumitat u rigward kwalunkwe struzzjoni u deċiżjoni tal-Qorti li tirriżulta.

7.   Kull sena, il-Qorti għandha tadotta rapport dwar l-applikazzjoni ta’ dan il-Kodiċi ta’ Kondotta, inkluż ix-xogħol tal-Kumitat tal-Etika. Dan għandu jiġi ppubblikat fuq is-sit web tal-Qorti.

L-Artikolu 20

Kooperazzjoni mal-UPPE u l-OLAF

Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet, u t-testi rilevanti għall-applikazzjoni tagħhom, b’mod partikolari l-garanziji proċedurali stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 (3) u r-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), il-Membri tal-Qorti għandhom jikkooperaw bis-sħiħ mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u mal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi fil-kuntest tal-inkjesti u l-investigazzjonijiet imwettqa minnhom.

IV.   DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI U FINALI

L-Artikolu 21

Applikazzjoni tal-Kodiċi ta’ Kondotta

1.   Il-President u l-Membri tal-Qorti għandhom jiżguraw illi dan il-Kodiċi ta’ Kondotta jiġi osservat u li jiġi applikat in bona fide b’kunsiderazzjoni xierqa tal-prinċipju tal-proporzjonalità. Il-kontrolli interni tal-Qorti u dawk esterni li hemm eżistenti japplikaw għall-attivitajiet taħt dan il-Kodiċi.

2.   Fl-interpretazzjoni ta’ dan il-Kodiċi, u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tiegħu, li fihom sett komplet ta’ drittijiet u obbligi, jenħtieġ li jittieħed kont ta’ kwalunkwe prattika u standard Ewropej u internazzjonali rilevanti.

L-Artikolu 22

Dispożizzjonijiet Finali

1.   Dan il-Kodiċi ta’ Kondotta jifforma parti mir-Regoli għall-Implimentazzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti, li magħhom għandu jiġi mehmuż.

2.   Huwa jħassar u jissostitwixxi l-Kodiċi ta’ Kondotta għall-Membri tal-Qorti tal-10 ta’ Frar 2022.

3.   Il-Kodiċi għandu jidħol fis-seħħ b’effett immedjat.

4.   L-Artikolu 14(8) tal-Kodiċi ta’ Kondotta rivedut ma għandux japplika għall-Membri li l-kariga tagħhom tkun diġà tinsab għaddejja fi żmien l-adozzjoni tal-Kodiċi preżenti.

5.   Dan il-Kodiċi ta’ Kondotta għandu jiġi nnotifikat lill-Membri preċedenti, mibgħut għall-informazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, u ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fil-Lussemburgu, is-7 ta’ April 2022.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Klaus-Heiner LEHNE

Il-President


(1)  Sieħeb stabbli, mhux miżżewweġ, kif iddefinit fl-Artikolu 1(2)(c) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal.

(2)   Ibid.

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (l-UPPE) (ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).


ANNESS I

DIKJARAZZJONI TA’ INTERESSI

(skont l-Artikolu 14)

Isem sħiħ:

I.

Interessi finanzjarji, assi u obbligazzjonijiet (l-Artikolu 14(4) u (5) tal-Kodiċi ta’ Kondotta)

Indika kwalunkwe tali element li jista’ joħloq jew li b’mod oġġettiv jista’ jiġi pperċepit li joħloq kunflitt ta’ interess fit-twettiq ta’ dmirijietek.

Għal kull interess indika:

It-tip ta’ interess (eż. ishma, bonds, self, interessi jew obbligazzjonijiet oħra)

L-entità kkonċernata (eż. kumpanija, bank, fond)

Id-daqs tal-interess (eż. l-għadd ta’ ishma)

 

 

 

II.

Interessi finanzjarji tal-konjuġi, tas-sieħeb jew tal-ulied minorenni li jistgħu b’mod oġġettiv jitqiesu kapaċi li jirriżultaw f’kunflitt ta’ interess (l-Artikolu 14(7) tal-Kodiċi ta’ Kondotta)

Speċifika l-ismijiet tal-konjuġi, tas-sieħeb jew tal-ulied minorenni kkonċernati, flimkien mal-istess informazzjoni bħal dik mitluba taħt il-Punt I.

III.

Proprjetà immobbli (l-Artikolu 14(6) tal-Kodiċi ta’ Kondotta)

Kwalunkwe proprjetà li tkun taħt sjieda diretta jew sjieda permezz ta’ kumpanija immobbljarja, b’identifikazzjoni tal-lok approssimattiv fejn tinsab u n-natura tagħha  (1) . Mhuwiex meqjus meħtieġ li l-valur tal-proprjetajiet jiġi stipulat.

IV.

Attivitajiet preċedenti (l-Artikolu 14(8) tal-Kodiċi ta’ Kondotta) (2)

Jekk jogħġbok indika n-natura tal-kariga/i, l-isem tal-korp u l-objettiv/attività li jwettaq.

V.

Attivitajiet esterni attwali (l-Artikolu 14(10) tal-Kodiċi ta’ Kondotta) (3) (4)

Jekk jogħġbok indika t-titolu ta’ kull attività u ddeskrivi n-natura u l-objettiv tagħha.

VI.

Attivitajiet professjonali tal-konjuġi jew tas-sieħeb (l-Artikolu 14(9) tal-Kodiċi ta’ Kondotta)

VII.

Dekorazzjonijiet għall-mertu, premji, unuri u informazzjoni rilevanti addizzjonali (l-Artikolu 14(11) tal-Kodiċi ta’ Kondotta)

Jien b’dan niddikjara li l-informazzjoni li tajt hawn fuq hija vera.

Data:

Firma:

Din id-dikjarazzjoni tiġi ppubblikata skont l-Artikolu 14(14) tal-Kodiċi.


(1)  Kif inhu stabbilit fl-Artikolu 14(6), dan ma għandux jinkludi “djar riżervati għall-użu esklussiv tas-sid u tal-familja tiegħu”.

(2)  Jenħtieġ li d-dikjarazzjoni taħt dan il-paragrafu ssir mill-Membri l-ġodda malli jibdew l-ewwel mandat tagħhom. Jenħtieġ li, hekk kif u meta tiġi aġġornata d-dikjarazzjoni tagħhom, din il-parti tiġi kkuppjata mingħajr modifika. Il-Membri li jibdew mandat ieħor (it-tieni jew it-tielet) ta’ sitt snin, fejn ma hemmx interruzzjoni bejn il-mandati, huma eżentati milli jagħmlu d-dikjarazzjoni taħt dan il-paragrafu.

(3)  L-attivitajiet esterni elenkati fl-Artikolu 12(3)(a) u (b) ma jiġux iddikjarati hawnhekk iżda minflok jiġu ttrattati skont l-Artikolu 16(4).

(4)  Jekk għadek kif bdejt l-ewwel mandat tiegħek u waħda jew aktar mill-attivitajiet esterni tiegħek għadhom qegħdin jiġu eżaminati wara d-dikjarazzjoni tiegħek taħt l-Artikolu 16, madankollu trid telenkahom kollha u żżid in-nota li ġejja f’qiegħ il-paġna: “Din l-attività esterna attwalment qiegħda tiġi eżaminata mill-Kumitat tal-Etika tal-Qorti”. Ladarba tiġi kkompletata l-proċedura taħt l-Artikolu 16(3), jekk jogħġbok ippreżenta Dikjarazzjoni ta’ Interessi aġġornata li tirrifletti l-konsegwenzi tal-proċedura.


ANNESS II

DIKJARAZZJONI TA’ ATTIVITÀ ESTERNA

(skont l-Artikoli 12 u 16)

Isem sħiħ:

Titolu tal-attività esterna:

Deskrizzjoni:

Jekk jogħġbok iddeskrivi l-attività bl-aktar mod preċiż possibbli, u ehmeż kwalunkwe dokumentazzjoni rilevanti.

Informazzjoni:

Jekk jogħġbok ipprovdi informazzjoni li turi, għall-iskopijiet ta’ evalwazzjoni, jekk l-attività:

(a)

idgħajjifx l-imparzjalità tal-Qorti;

(b)

toħloqx kunflitt ta’ interess;

(c)

tiħux ammont ta’ żmien eċċessiv (kemm separatament u b’kunsiderazzjoni tal-attivitajiet esterni akkumulati tiegħek);

(d)

tipprovdilekx kwalunkwe qligħ pekunjarju.

Data intenzjonata tal-attività esterna:

Elenka kwalunkwe spiża tal-ivvjaġġar jew tas-sussistenza koperta minn partijiet terzi:

Jien b’dan niddikjara li l-informazzjoni li tajt hawn fuq hija vera.

Data:

Firma:


ANNESS III

DIKJARAZZJONI TA’ IMPJIEG

(Skont l-Artikolu 17 (1))

Isem sħiħ:

Impjieg intenzjonat:

Deskrizzjoni:

Jekk jogħġbok iddeskrivi l-impjieg bl-aktar mod sħiħ u preċiż possibbli, u ehmeż kwalunkwe dokumentazzjoni rilevanti bħala annessi:

Informazzjoni:

Jekk jogħġbok agħti informazzjoni li turi, għall-iskopijiet ta’ evalwazzjoni, jekk l-impjieg:

(a)

idgħajjifx l-imparzjalità tal-Qorti;

(b)

joħloqx kunflitt ta’ interess.

Data intenzjonata għall-bidu tal-impjieg:

Jien b’dan niddikjara li l-informazzjoni li tajt hawn fuq hija vera.

Data:

Firma:


(1)  Jekk jogħġbok innota li l-attivitajiet li jaqgħu taħt l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 17(2)(a), (b) jew (c) ma hemmx għalfejn jiġu ddikjarati.