23.12.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 330/46


DIRETTIVA (UE) 2022/2561 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-14 ta’ Diċembru 2022

dwar il-kwalifika inizjali u taħriġ perjodiku ta’ sewwieqa ta’ ċerti vetturi tat-triq għall-ġarr ta’ merkanzija jew passiġġieri (kodifikazzjoni)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2003/59/KE tal-Parlamemt Ewropew u tal-Kunsill (3) ġiet emendata kemm-il darba b’mod sostanzjali (4). Fl-interess taċ-ċarezza u r-razzjonalità, jenħtieġ li dik id-Direttiva tiġi kkodifikata.

(2)

Fil-White Paper tagħha tat-28 ta’ Marzu 2011, bit-titolu “Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b’mod effiċjenti”, il-Kummissjoni tistabbilixxi objettiv ta’ “viżjoni żero” skont liema l-Unjoni toqrob lejn pożizzjoni fejn, sal-2050, il-fatalitajiet fit-trasport stradali jkunu qrib żero.

(3)

Il-Kummissjoni, fil-Komunikazzjoni tagħha dwar l-orjentazzjonijiet ta’ politika dwar is-sikurezza tat-triq għall-2011-2020, bit-titolu “Lejn Żona Ewropea ta’ sikurezza tat-triq: orjentazzjonijiet ta’ politika dwar is-sikurezza tat-triq 2011-2020”, ipproponiet il-mira li l-għadd globali ta’ fatalitajiet fit-toroq fl-Unjoni sal-2020 jerġa’ jitnaqqas bin-nofs, b’bidu fl-2010. Bil-ħsieb li tintlaħaq din il-mira, il-Kummissjoni stabbiliet seba’ objettivi strateġiċi, inklużi t-titjib tal-edukazzjoni u t-taħriġ tal-utenti stradali u l-protezzjoni ta’ utenti stradali vulnerabbli.

(4)

Il-Kunsill Ewropew tat-23 sal-24 ta’ Ottubru 2014 approva mira vinkolanti biex sal-2030 ikun hemm tnaqqis domestiku fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fis-setturi ekonomiċi kollha ta’ mill-inqas 40 % meta mqabbel mal-1990. Din il-mira għat-tnaqqis ta’ emissjonijiet se tgħin biex jiġu ssodisfati l-għanijiet fit-tul tal-Ftehim ta’ Pariġi adottat fl-2015 skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (5), u jenħtieġ li s-setturi kollha tal-ekonomija jikkontribwixxu biex din tinkiseb. Is-settur tat-trasport jeħtieġ approċċ komprensiv għall-promozzjoni tat-tnaqqis tal-emissjonijiet u l-effiċjenza enerġetika. Jenħtieġ li jsir progress lejn mobbilità b’livell baxx ta’ emissjonijiet, fost oħrajn, permezz tar-riċerka u tal-introduzzjoni ta’ avvanzi teknoloġiċi li huma diġà disponibbli. Is-sewwieqa jeħtieġ li jkunu mħarrġa b’mod xieraq biex isuqu bl-aktar mod effiċjenti.

(5)

Sabiex is-sewwieqa jkunu jistgħu ilaħħqu mal-ħtiġijiet relatati mas-suq tat-trasport bit-triq, ir-regoli tal- Unjoni dwar il-livell minimu ta’ taħriġ għas-sewwieqa tat-trasport bit-triq għandhom japplikaw għas-sewwieqa kollha, kemm jekk huma sewwieqa għal rashom jew bħala impjegati, u kemm jekk jaħdmu għal rashom jew għal oħrajn.

(6)

Jenħtieġ li r-regoli tal-Unjoni dwar il-livell minimu ta’ taħriġ għas-sewwieqa tat-trasport bit-triq jimmiraw li jassiguraw li sewwieq, permezz tal-kwalifika tieghu, ikun ta’ livell li bih jista’ jkollu aċċess għas-sewqan u jwettaq xogħol li jinvolvi sewqan.

(7)

B’mod partikolari, l-obbligu ta’ kwalifika inizjali u ta’ taħriġ perjodiku huma maħsuba biex itejbu s-sigurtà fit-toroq u s-sigurtà tas-sewwieq, magħdud ix-xogħol li s-sewwieq jagħmel meta l-vettura tkun wieqfa. Barra minn hekk, in-natura moderna tax-xogħol ta’ sewwieq għandha toħloq interess fost iż-żgħażagħ f’dan ix-xogħol, u tagħti sehemha biex ikunu mpjegati sewwieqa ġodda meta jkun hemm nuqqas tagħhom.

(8)

Biex ma jitħalliex li jkun hemm kundizzjonijiet mhux ugwali ta’ kompetizzjoni, din id-Direttiva għandha tapplika għax-xogħol ta’ sewqan mwettaq kemm minn ċittadini ta’ Stat Membru kif ukoll minn ċittadini ta’ terzi pajjiżi li jkunu mpjegati jew dipendenti ta’ azjenda stabbilita fi Stat Membru.

(9)

Sabiex ikunu rispettati l-prinċipji tal-liġi tal- Unjoni, ikun tajjeb li sewwieqa ta’ vetturi wżati għal trasport li hu meqjus li għandu inqas impatt fuq is-sigurtà fit-triq jew fejn il-ħtiġijiet ta’ din id-Direttiva jimponu piż ekonomiku jew soċjali sproporzjonat, għandhom ikunu eżenti mill-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

(10)

Jenħtieġ li jiġu stipulati ċerti eżenzjonijiet fir-rigward ta’ sitwazzjonijiet fejn is-sewqan ma jkunx l-attività prinċipali tas-sewwieq u meta l-ħtieġa li jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ din id- Direttiva tkun timponi piż sproporzjonat fuq is-sewwieqa. B’mod ġenerali, is-sewqan jitqies li mhux l-attività prinċipali tas-sewwieq meta jkun jokkupa inqas minn 30 % tal-ħin tax-xogħol kontinwu kull xahar.

(11)

Jekk is-sewqan ma jseħħx b’mod frekwenti, isir f’żoni rurali u jitwettaq minn sewwieqa li jkunu qed ifornu lin-negozju tagħhom stess, jenħtieġ li l-japplikaw xi eżenzjonijiet, sakemm is-sikurezza stradali tibqa’ tkun żgurata. Minħabba l-kundizzjonijiet differenti fiż-żoni rurali fl-Unjoni f’termini ta’ ġeografija, klima u densità tal-popolazzjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom is-setgħa diskrezzjonali li jiddeterminaw jekk dak is-sewqan jistax jitqies bħala okkażżjonali u jekk eżenzjoni bħal dikikollhiex impatt fuq is-sikurezza stradali, pereżempju fuq il-bażi tat-tip ta’ triq, il-volum tat-traffiku jew il-preżenza ta’ utenti stradali vulnerabbli.

(12)

Peress li d-distanzi li jridu jkopru waqt ix-xogħol tagħhom il-persuni li jaħdmu fl-agrikoltura, l-ortikultura, il-forestrija, il-biedja u s-sajd, li huma eżenti minn din id-Direttiva, ivarjaw minn pajjiż għal ieħor fl-Unjoni, jenħtieġ li titħalla f’idejn l-Istati Membri li jiddeterminaw, fil-liġi nazzjonali tagħhom, distanzi massimi permessibbli, ikkalkulati mill-bażi tal-impriża, li għalihom japplikaw l-eżenzjonijiet.

(13)

Biex ikun stabbilit li s-sewwieq iħares l-obbligi tiegħu, l-Istati Membri għandhom jagħtu lis-sewwieq ċertifikat ta’ kompetenza professjonali (CPC - certificate of professional competence), li jikkonferma l-kwalifika inizjali tiegħu jew it-taħriġ perjodiku.

(14)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom għażla bejn diversi għażliet sabiex titħaffef l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-kwalifika inizjali.

(15)

Biex iżommu l-kwalifika tagħhom ta’ sewwieq, is-sewwieqa jenħtieġ li jkunu obbligati jagħmlu taħriġ fil-ħiliet meħtieġa għax-xogħol tagħhom.

(16)

Filwaqt li jkomplu jibbenefikaw minn dik l-eżenzjoni, jenħtieġ li dawk is-sewwieqa li kienu eżentati mir-rekwiżit tal-kwalifika inizjali xorta jintalbu jagħmlu taħriġ perjodiku biex jiġi żgurat li l-għarfien tagħhom, li huwa essenzjali għal xogħolhom, jibqa’ jiġi aġġornat.

(17)

Il-kundizzjonijiet minimi għal kwalifika inizjali u taħriġ perjodiku huma dwar regoli ta’ sigurtà li għandhom ikunu osservati waqt is-sewqan u meta vettura tkun wieqfa. L-iżvilupp ta’ sewqan preventiv (perikli prevedibbli u l-ħsieb li ħaddieħor ikun qed juża t-triq), flimkien mal-użu bil-għaqal ta’ karburanti, għandhom iħallu effett pożittiv kemm fuq is-soċjetà kif ukoll fuq is-settur tat-trasport bit-triq innifsu.

(18)

Din id-Direttiva m’għandhiex tkun ta’ ħsara għad-drittijiet miksuba minn sewwieq li kellu l-liċenzja tas-sewqan meħtieġa biex jagħmel xogħol ta’ sewqan minn qabel id-data stabbilita għall-kisba tas-CPC li tikkonferma l-kwalifika inizjali jew perijodi ta’ taħriġ.

(19)

Jentħieġ li biss ċentri ta’ taħriġ li kienu approvati mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ikunu jistgħu jorganizzaw il-korsijiet ta’ taħriġ indikati għall-kwalifika inizjali u t-taħriġ perjodiku. Sabiex tkun żgurata l-kwalità ta’ tali ċentri approvati, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jistabbilixxu kriterji armonizzati għall-approvazzjoni tagħhom, inkluż dak ta’ livell ta’ professjonalità għoli u stabbilit sewwa.

(20)

Mhux biss l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri iżda wkoll kull entità maħtura minnhom jenħtieġ li tkun responsabbli għall-organizzazzjoni tal-eżamijiet indikati b’rabta mal-kwalifika inizjali u t-taħriġ perjodiku. Minħabba l-importanza ta’ din id-Direttiva għas-sigurtà fit-triq u għall-ugwaljanza tal-kondizzjonijiet tal-kompetizzjoni, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jissorveljaw dawn l-eżamijiet.

(21)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jispeċifikaw li l-ewwel kors ta’ taħriġ perjodiku għandha ssir kollha u jenħtieġ li joħorġu s-CPC korrispondenti fi żmien ħames snin mid-data tal-ħruġ ta’ CPC li jikkonferma l-kwalifika inizjali jew mid-data ta’ skadenza taż-żmien mogħti lil ċertu sewwieqa biex jiksbu d-drittijiet akkwiżiti minnhom. Jenħtieġ li jkun possibbli wkoll li dak iż-żmien ikun iqsar jew itwal. Wara l-ewwel kors ta’ taħriġ perjodiku, is-sewwieq għandu jagħmel taħriġ perjodiku kull ħames snin.

(22)

Sabiex sewwieq li hu ċittadin ta’ Stat Membru ikun iċċertifikat li jkollu wieħed mis-CPC msemmija f’din id-Direttiva, u sabiex jitħaffef ir-rikonoxximent reċiproku ta’ CPCs differenti, jenħtieġ li l-Istati Membri jwaħħlu l-kodiċi armonizzat tal- Unjoni magħmul għal dan il-għan, flimkien mad-data tal-iskadenza tal-kodiċi, mal-liċenzja tas-sewqan jew mal-karta ta’ kwalifika tas-sewwieq, biex din tkun rikonoxxuta reċiprokament mill-Istati Membri, skont il-mudell standard muri fl-Anness II ta’ ‘din id-Direttva. Dik il-karta jenħtieġ li tikkonforma mal-ħtiġijiet ta’ sigurtà bħal dawk tal-liċenzja tas-sewqan, minħabba l-importanza tad-drittijiet li tagħti għas-sigurtà fit-triq u għall-ugwaljanza tal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni.

(23)

Jenħtieġ li l-Istati Membri, f’kooperazzjoni mal-Kummissjoni, jaqsmu b’mod elettroniku informazzjoni dwar is-CPC. Jenħtieġ li jiżviluppaw il-pjattaforma elettronika meħtieġa, billi jqisu l-analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji magħmula mill-Kummissjoni, inkluża l-possibbiltà li jiġi estiż in-netwerk tal-liċenzji tas-sewqan tal-UE stabbilit bid-Direttiva 2006/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). Fost benefiċċji oħra, dak jippermetti lill-Istati Membri aċċess faċli għal informazzjoni dwar taħriġ mitmum li ma jkunx dokumentat fuq il-liċenzja tas-sewqan tas-sewwieq. Huwa importanti li l-Istati Membri u l-Kummissjoni jagħmlu sforzi biex jiżviluppaw ulterjorment din il-funzjonalità, b’għan ta’ aċċess f’ħin reali waqt il-kontrolli mal-ġenb tat-triq.

(24)

Filwaqt li jitqiesu l-iżviluppi fit-taħriġ u fl-edukazzjoni, u sabiex tittejjeb il-kontribuzzjoni ta’ din id-Direttiva għas-sikurezza stradali u r-rilevanza tat-taħriġ għas-sewwieqa, jenħtieġ li s-suġġetti relatati mas-sikurezza stradali jiġu indirizzati fil-korsijiet ta’ taħriġ, bħall-perċezzjoni tal-perikli, il-protezzjoni tal-utenti stradali vulnerabbli, b’mod partikolari l-persuni mexjin, iċ-ċiklisti u l-persuni b’mobbiltà limitata, is-sewqan effiċjenti fl-użu tal-fjuwil, sewqan f’kundizzjonijiet estremi tat-temp u l-ġarr ta’ piżijiet mhux tas-soltu. F’ dak il-kuntest, jenħtieġ li l-korsijiet jirreferu wkoll għas-sistemi ta’ trasport intelliġenti u jenħtieġ li jevolvu sabiex ilaħħqu mal-iżviluppi teknoloġiċi.

(25)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jingħataw għażla ċara biex itejbu u jimmodernizzaw il-prattiki ta’ taħriġ bl-użu tal-għodda tat-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT), bħat-tagħlim elettroniku u t-tagħlim imħallat, għal parti mit-taħriġ, filwaqt li tkun żgurata l-kwalità tat-taħriġ. Waqt it-titjib u l-immodernizzar tal-prattiki tat-taħriġ bl-użu ta’ għodod tal-ICT, huwa importanti li jitqies il-fatt li xi temi speċifiċi jirrikjedu taħriġ prattiku u ma jistgħux jiġu indirizzati sew b’tali għodod tat-tagħlim: pereżempju, l-iffittjar tal-ktajjen tal-borra jew l-irbit ta’ piżijiet, jew elementi oħra ta’ taħriġ fejn l-aspett prattiku huwa importanti. It-taħriġ prattiku jista’ jikkonsisti f’sewqan, iżda mhux bilfors. Jenħtieġ li ammont sostanzjali mit-taħriġ mitlub minn din id-Direttiva jsir f’ċentru tat-taħriġ approvat.

(26)

Sabiex tkun żgurata l-konsistenza bejn il-forom differenti ta’ taħriġ mitluba skont il-liġi tal-Unjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom il-possibbiltà li jikkombinaw tipi differenti ta’ taħriġ rilevanti: pereżempju, jenħtieġ li jkunilhom possibbli li jikkombinaw taħriġ dwar il-ġarr ta’ merkanzija perikoluża, dwar is-sensibilizzazzjoni għad-diżabbiltà jew dwar it-trasport tal-annimali, mat-taħriġ previst f’din id- Direttiva.

(27)

Sabiex id-differenzi fil- prattiki bejn l-Istati Membri ma jfixklux ir-rikonoxximent reċiproku u ma jillimitawx id-dritt tas-sewwieqa li jwettqu t-taħriġ perjodiku fl-Istat Membru fejn jaħdmu, jenħtieġ li jekk it-taħriġ mitmum ma jkunx jista’ jiġi mmarkat fuq il-liċenzja tas-sewqan, l-awtoritajiet tal-Istati Membri jkunu obbligati joħorġu karta ta’ kwalifika tas-sewqan, fil-forma preskritta mill-mudell standard muri fl-Anness II ta’ din id-Direttva, li tiżgura rikonoxximent reċiproku għal kull sewwieq li jissodisfa r-rekwiżiti ta’ din id- Direttiva.

(28)

L-użu minn sewwieqa minn pajjiżi terzi tal-attestazzjonijiet tas-sewqan bħala evidenza ta’ konformità mar-rekwiżiti ta’ taħriġ jista’ jkun ta’ xkiel għas-sewwieqa meta t-trasportatur irodd lura l-attestazzjoni lill-awtoritajiet emittenti, speċjalment meta dawk is-sewwieqa jkunu jixtiequ jibdew jaħdmu fi Stat Membru ieħor. Biex jiġu evitati sitwazzjonijiet fejn, f’ċirkostanzi bħal dawn, is-sewwieqa jkollhom jirrepetu t-taħriġ tagħhom meta jibdew impjieg ġdid, jenħtieġ li l-Istati Membri jiġu mħeġġa jikkooperaw u jiskambjaw informazzjoni dwar il-kwalifiki tas-sewwieqa.

(29)

Għandu jkun hemm dispożizzjonijiet ta’ ċertifikazzjoni speċjali għal sewwieqa milquta minn din id-Direttiva li jkunu ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

(30)

Sabiex din id-Direttiva tiġi adattata għall-progress tekniku u xjentifiku, jenħtieġ li s-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea tiġi delegata lill-Kummissjoni biex temenda l-Annessi I u II ta’ din id-Direttiva. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta’ tħejjija, anke fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’ April 2016 (7). B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.

(31)

Minħabba li l-għan ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li jiġi stabbilit standard madwar l-Unjoni kollha ta’ kwalifika inizjali u taħriġ perjodiku għas-sewwieqa ta’ ċerti vetturi tat-triq għall-ġarr ta’ merkanzija jew passiġġieri, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista’, minħabba n-natura transkonfinali tat-trasport stradali u minħabba l-kwistjonijiet li din id-Direttiva hija maħsuba li tindirizza, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan.

(32)

Jenħtieġ li din id-Direttiva tkun mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri marbuta mal-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u d-dati ta’ applikazzjoni tad-Direttivi mniżżla fil-Parti B tal-Anness IV,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Kamp ta’ applikazzjoni

Din id-Direttiva għandha tapplika għal xogħol ta’ sewqan magħmul minn:

(a)

ċittadini ta’ Stat Membru; u

(b)

ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma impjegati jew dipendenti ta’ kumpannija stabbilita fi Stat Membru

(minn hawn ’il quddiem imsejħa “sewwieqa”) li jagħmlu xogħol ta’ trasport stradali fi ħdan l-Unjoni, f’toroq miftuħa għall-pubbliku, billi jużaw:

vetturi li għalihom hija meħtieġa liċenzja tas-sewqan tal-kategorija C1, C1 + E, C jew C + E, kif definit fid-Direttiva 2006/126/KE, jew liċenzja tas-sewqan rikonoxxuta bħala ekwivalenti;

vetturi li għalihom hija meħtieġa liċenzja tas-sewqan tal-kategorija D1, D1 + E, D jew D + E, kif definit fid-Direttiva 2006/126/KE, jew liċenzja tas-sewqan rikonoxxuta bħala ekwivalenti.

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, ir-referenzi għall-kategoriji ta’ liċenzji tas-sewqan li fihom sinjal pożittiv (“+”) għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni stabbilita fl-Anness III ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 2

Eżenzjonijiet

1.   Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal sewwieqa ta’ vetturi:

(a)

b’veloċità massima awtorizzata ta’ mhux iktar minn 45 km fis-siegħa;

(b)

użati mill-forzi armati, id-difiża ċivili, is-servizz tat-tifi tan-nar, il-forzi responsabbli għaż-żamma tal-ordni pubbliku, u s-servizzi ta’ emerġenza bl-ambulanza, jew taħt il-kontroll tagħhom, meta jinstaqu bħala konsegwenza tal-kompiti assenjati lil dawk is-servizzi;

(c)

li jkunu qed isirulhom testijiet stradali għal żvilupp tekniku, tiswija jew manutenzjoni, jew is-sewwieqa ta’ vetturi ġodda jew mibnija mill-ġdid li għadhom ma bdewx jintużaw;

(d)

li għalihom hija meħtieġa liċenzja tas-sewqan tal-kategorija D jew D1 u li huma misjuqa mingħajr passiġġieri minn persunal tal-manutenzjoni lejn ċentru ta’ manutenzjoni, jew minnu, li jkun jinsab fil-viċinanza tal-eqreb bażi ta’ manutenzjoni li tintuża mill-operatur tat-trasport, bil-kundizzjoni li s-sewqan ta’ dik il-vettura ma tikkostitwixxix l-attività prinċipali tas-sewwieq;

(e)

użati waqt stati ta’ emerġenza jew assenjati għal missjonijiet ta’ salvataġġ, inklużi vetturi użati fit-trasport mhux kummerċjali ta’ għajnuna umanitarja;

(f)

użati għall-istruzzjoni fis-sewqan u l-eżami ta’ kwalunkwe persuna li tkun tixtieq tikseb liċenzja tas-sewqan jew Ċertifikat ta’ Kompetenza Professjonali (‘CPC’), f’konformità mal-Artikolu 6 u l-Artikolu 8(1), sakemm ma jkunux qed jintużaw għall-ġarr ta’ merkanzija u passiġġieri bi skop kummerċjali;

(g)

użati għall-ġarr ta’ passiġġieri jew merkanzija mhux bi skop kummerċjali;

(h)

li jkunu qed iġorru materjal, tagħmir jew makkinarju għall-użu mis-sewwieqa waqt il-qadi ta’ dmirijiethom, sakemm is-sewqan tal-vetturi ma jkunx l-attività prinċipali tas-sewwieqa.

Fir-rigward tal-ewwel subparagrafu, il-punt (f), din id-Direttiva ma tapplika għall-ebda persuna li tkun tixtieq tikseb liċenzja tas-sewqan jew CPC, f’konformità mal-Artikolu 6 u l-Artikolu 8(1), meta dik il-persuna tkun qed tirċievi taħriġ addizzjonali fis-sewqan waqt tagħlim ibbażat fuq il-post tax-xogħol, dment li dik il-persuna tkun akkumpanjata minn persuna oħra li hija ċċertifikata b’CPC, jew minn għalliem tas-sewqan, għall-kategorija tal-vettura użata għall-iskop stabbilit f’dak il-punt.

2.   Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika meta jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

is-sewwieqa tal-vetturi joperaw f’żoni rurali biex ifornu lin-negozju tagħhom stess;

(b)

is-sewwieqa ma joffrux servizzi ta’ trasport;

(c)

l-Istati Membri jikkunsidraw li t-trasport ikun okkażżjonali u ma jħallix impatt fuq is-sikurezza stradali.

3.   Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għas-sewwieqa ta’ vetturi jintużaw, jew jiġu mikrija mingħajr sewwieq, minn impriżi agrikoli, ortikulturali, tal-forestrija, tal-biedja jew tas-sajd għall-ġarr ta’ merkanzija bħala parti mill-attività intraprenditorjali proprja tagħhom, ħlief jekk is-sewqan ikun parti mill-attività prinċipali tas-sewwieq jew id-distanza tas-sewqan tkun iktar mid-distanza stabbilita fil-liġi nazzjonali mill-bażi tal-impriża li hija proprejtarja tal-vettura jew li tikrijha jew tillokha.

Artikolu 3

Kwalifika u taħriġ

1.   Is-sewqan, kif imfisser fl-Artikolu 1, għandu jkun soġġett għal kwalifika inizjali obbligatorja u taħriġ perjodiku obbligatorju. Għal dak il-għan, l-Istati Membri għandu jkollhom:

(a)

sistema ta’ kwalifika inizjali

L-Istati Membri jistgħu jagħżlu waħda minn bejn dawn iż-żewġ għażliet:

(i)

sistema li tiġbor fiha kemm attendeza għall-kors kif ukoll eżami

Skont it-Taqsima 2, il-punt 2.1 tal-Anness I, din ix-xorta ta’ kwalifika inizjali tinvolvi attendenza obbligatorja għal kors għal perijodu determinat. Fi tmiem il-kors isir eżami. Wara li jkun sar l-eżami b’suċċess, il-kwalifika għandha tkun konfermata permezz ta’ CPC kif imsemmi fl-Artikolu 6(1), il-punt (a);

(ii)

sistema li tinvolvi eżamijiet biss:

Skont it-Taqsima 2, il-punt 2.2 tal-Anness I, din ix-xorta ta’ kwalifika inizjali ma tkunx tiddependi minn attendenza obbligatorja għal kors, iżda minn eżamijiet biss dwar teorija u prattika. Wara li jkunu saru l-eżamijiet b’suċċess, il-kwalifika għandha tkun ikkonfermata permezz ta’ CPC kif imsemmi fl-Artikolu 6(1), il-punt (b).

Madankollu, Stat Membru jista’ jawtorizza lil sewwieq biex isuq fit-territorju tiegħu qabel ma jingħata CPC, meta huwa jkun qed jattendi kors ta’ taħriġ vokazzjonali nazzjonali ta’ mill-anqas sitt xhur, għal perijodu massimu ta’ tliet snin. Fil-kuntest ta’ dan il-kors ta’ taħriġ vokazzjonali, l-eżamijiet imsemmija fil-punti (i) u (ii) jistgħu jsiru fi stadji;

(b)

sistema ta’ taħriġ perjodiku

Skont it-Taqsima 4 tal-Anness I, taħriġ perjodiku għandu jinvolvi attendenza obbligatorja għall-kors. Dan għandu jiġi konfermat permezz ta’ CPC skont l-Artikolu 8(1).

2.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu wkoll sistema ta’ kwalifika inizjali aċċellerata li permezz tagħha sewwieq ikun jista’ jsuq fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 5(2), il-punti (a)(ii) u l-punt (b), u l-Artikolu 5(3), il-punt (a)(i) u l-punt (b).

Skont it-Taqsima 3 tal-Anness I, il-kwalifika inizali aċċellerata għandha tkun marbuta ma’ attendenza obbligatorja għall-kors. Fi tmiem il-kors għandu jkun hemm eżami. Wara li jkun sar l-eżami b’suċċess, il-kwalifika għandha tiġi konfermata permezz ta’ CPC kif imsemmi fl-Artikolu 6(2).

3.   L-Istati Membri jistgħu jeżentaw sewwieqa li jkunu kisbu ċ-ċertifikat ta’ kompetenza professjonali imsemmi fir-Regolament (KE) Nru 1071/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) milli jagħmlu l-eżamijiet li jissemmew fil-paragrafu 1, il-punt (a)(i) u (ii), u fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu fis-suġġetti li jkun hemm għall-eżami msemmi f’dik id-Regolament u, fejn ikun xieraq, milli jattendu għal parti mill-kors relattiva għal dawk is-suġġetti.

Artikolu 4

Drittijiet akkwiżiti

Is-sewwieqa li ġejjin għandhom ikunu eżenti mill-ħtieġa li jiskbu kwalifika inizjali:

(a)

sewwieqa li jkollhom liċenzja tas-sewqan tal-kategoriji D1, D1 + E, D jew D + E, jew liċenzja tas-sewqan rikonoxxuta bħala ekwivalenti, maħruġa mhux aktar tard mid-9 ta’ Settembru 2008;

(b)

sewwieqa li jkollhom liċenzja tas-sewqan tal-kategorija C1, C1 + E, C jew C + E jew liċenzja tas-sewqan rikonoxxuta bħala ekwivalenti, maħruġa mhux aktar tard mid-9 ta’ Settembru 2009.

Artikolu 5

Kwalifika inizjali

1.   Sabiex jingħata aċċess għal kwalifika inizjali ma għandux ikun meħtieġ li tinkiseb minn qabel liċenzja tas-sewqan relattiva.

2.   Sewwieqa ta’ vettura li ġġorr merkanzija jistgħu jsuqu:

(a)

mill-età ta’ 18-il sena:

(i)

vettura li għaliha hija meħtieġa liċenzja tas-sewqan tal-kategoriji C u C + E, sakemm ikollhom CPC, kif imsemmi fl-Artikolu 6(1);

(ii)

vettura li għaliha hija meħtieġa liċenzja tas-sewqan tal-kategoriji C1 u C1 + E, sakemm ikollhom CPC, kif imsemmi fl-Artikolu 6(2);

(b)

mill-età ta’ 21 sena, vettura li għaliha hija meħtieġa liċenzja tas-sewqan tal-kategoriji C u C + E, sakemm ikollhom CPC, kif imsemmi fl-Artikolu 6(2).

3.   Sewwieqa ta’ vettura li ġġorr il-passiġġieri jistgħu jsuqu:

(a)

mill-età ta’ 21 sena:

(i)

vettura li għaliha hija meħtieġa liċenzja tas-sewqan tal-kategoriji D u D + E għall-ġarr ta’ passiġġieri fuq servizzi regolari fejn ir-rotta ma tkunx itwal minn 50 kilometru, u vettura li għaliha hija meħtieġa liċenzja tas-sewqan tal-kategoriji D1 u D1 + E, sakemm ikollhom CPC kif imsemmi fl-Artikolu 6(2).

Kwalunkwe Stat Membru jista’ jawtorizza lil sewwieqa ta’ vetturi f’waħda minn dawk il-kategoriji biex isuqu dawk il-vetturi fit-territorju tiegħu mill-età ta’ 18-il sena, sakemm ikollhom CPC kif imsemmi fl-Artikolu 6(1);

(ii)

vetturi b’liċenzja tal-kategoriji D u D + E, sakemm ikollhom CPC, kif imsemmi fl-Artikolu 6(1).

Kwalunkwe Stat Membru jista’ jawtorizza lil sewwieqa ta’ vetturi f’waħda minn dawk il-kategoriji biex isuqu dawk il-vetturi fit-territorju tiegħu mill-età ta’ 20 sena, sakemm ikollhom CPC kif imsemmi fl-Artikolu 6(1). Fejn is-sewwieq isuq dawk il-vetturi mingħajr passiġġieri, l-età tista’ titnaqqas għal 18-il sena;

(b)

mill-età ta’ 23 sena, vettura li għaliha hija meħtieġa liċenzja tas-sewqan tal-kategoriji D u D + E, sakemm ikollhom CPC, kif imsemmi fl-Artikolu 6(2).

4.   Mingħajr ħsara għal-limiti t’età imsemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, sewwieqa li jġorru merkanzija u li jkollhom CPC, kif imsemmi fl-Artikolu 6, għal waħda mill-kategoriji msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, għandhom ikunu eżenti milli jiskbu dak is-CPC għal kwalunkwe waħda mill-kategoriji l-oħra ta’ vetturi msemmija f’dak il-paragrafu.

Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom japplikaw bl-istess kondizzjonijiet għal sewwieqa li jġorru passiġġieri fil-kategoriji msemmija fil-paragrafu 3.

5.   Sewwieqa li jġorru merkanzija li jwessgħu jew ibiddlu l-ambitu ta’ xogħolhom biex iġorru passiġġieri, jew bil-kontra, u li għandhom CPC, kif imsemmi fl-Artikolu 6, ma jkunx jeħtiġilhom jerġgħu jagħmlu t-taqsimiet komuni tal-kwalifika inizjali, iżda jagħmlu dawk it-taqsimiet biss li jkollhom x’jaqsmu mal-kwalifika l-ġdida.

Artikolu 6

CPC li jikkonferma l-kwalifika inizjali

1.   CPC jista’ jingħata biex jikkonferma kwalifika inizjali fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)

CPC mogħti fuq bażi ta’ attendenza għal kors u eżami

Skont l-Artikolu 3(1), il-punt (a)(i), l-Istati Membri għandhom jeħtieġu li sewwieqa li jkunu qed jitħarrġu jattendu korsijiet f’ċentru ta’ taħriġ approvat mill-awtoritajiet kompetenti skont it-Taqsima 5 tal-AnnessI (‘ċentru ta’ taħriġ approvat’). Dawk il-korsijiet għandhom ikopru s-suġġetti kollha li jissemmew fit-Taqsima 1 tal-Anness 1. Dak it-taħriġ għandu jintemm meta jsir b’suċċess l-eżami msemmi fit-Taqsima 2, il-punt 2.1 tal-Anness I. Dak l-eżami għandu jkun organizzat mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jew minn entità maħtura minnhom, u għandu jkollu l-għan li jiġi verifikat jekk, għas-suġġetti msemmija fit-Taqsima 1 tal-Anness 1, is-sewwieqa li jkunu qed jitħarrġu ikollhomx il-livell ta’ tagħrif meħtieġ skont dik it-Taqsima. L-imsemmija awtoritajiet jew entitajiet għandhom jissorveljaw l-eżami, u wara li jkun sar b’suċċess, jagħtu lis-sewwieqa CPC li jikkonferma l-kwalifika inizjali.

(b)

CPC mogħti fuq il-bażi ta’ eżamijiet

Skont l-Artikolu 3(1), il-punt (a)(ii), l-Istati Membri għandhom jesiġu li s-sewwieqa li jkunu qed jitħarrġu jgħaddu b’suċċess mill-eżamijiet dwar teorija u prattika msemmija fit-Taqsima 2, il-punt 2.2 tal-Anness I. Dawk l-eżamijiet għandhom ikunu organizzati mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jew minn entità maħtura minnhom u għandhom ikollhom l-għan li jiġi verifikat jekk, għas-suġġetti msemmija fit-Taqsima 1 tal-Anness 1, is-sewwieqa li jkunu qed jitħarrġu ikollhomx il-livell ta’ tagħrif meħtieġ skont dik it-Taqsima. L-imsemmija awtoritajiet jew entitajiet għandhom jissorveljaw l-eżamijiet, u wara li jikunu saru b’suċċess, jagħtu lis-sewwieqa CPC li jikkonferma l-kwalifika inizjali.

2.   CPC jista’ jingħata biex jikkonferma kwalifika inizjali aċċellerata

Skont l-Artikolu 3(2), l-Istati Membri għandhom jeħtieġu li sewwieqa li jkunu qed jitħarrġu jattendu korsijiet f’ċentru ta’ taħriġ approvat. Dawk il-korsijiet għandhom ikopru s-suġġetti kollha msemmija fit-Taqsima 1 tal-Anness I.

Dak it-taħriġ għandu jintemm bl-eżami msemmi fit-Taqsima 3 tal-Anness I. Dak l-eżami għandu jkun organizzat mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jew minn entità maħtura minnhom u għandu jkollu l-għan li jiġi verifikat jekk, għas-suġġetti msemmija fit-Taqsima 1tal-Anness I, is-sewwieqa li jkunu qed jitħarrġu jkollhomx il-livell ta’ tagħrif meħtieġ skont dik it-Taqsima. L-imsemmija awtoritajiet jew entitajiet għandhom jissorveljaw l-eżami, u wara li jkun sar b’suċċess, jagħtu lis-sewwieqa CPC li jikkonferma l-kwalifika inizjali aċċellerata.

Artikolu 7

Taħriġ perjodiku

It-taħriġ perjodiku għandu jikkonsisti f’taħriġ li jippermetti lid-detenturi ta’ CPC li jaġġornaw l-għarfien li huwa essenzjali għal-xogħolhom, b’enfasi speċifika fuq is-sikurezza stradali, is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol, u t-tnaqqis tal-impatt ambjentali tas-sewqan.

Dak it-taħriġ għandu jiġi organizzat minn ċentru ta’ taħriġ approvat, f’konformità mat-Taqsima 5 tal-Anness I. It-taħriġ għandu jikkonsisti f’tagħlim fil-klassi, taħriġ prattiku u, jekk ikun disponibbli, taħriġ permezz ta’ għodod tat-teknoloġija tal-ICT jew bl-użu ta’ simulaturi tal-aqwa kwalità. Jekk sewwieq imur jaħdem ma’ kumpannija oħra, għandu jitqies it-taħriġ perjodiku li jkun għamel.

It-taħriġ perjodiku għandu jkun imfassal biex jespandi fuq uħud mis-suġġetti msemmija fit-Taqsima 1 tal-Anness I u jirrivedihom. Dan għandu jkopri varjetà ta’ suġġetti u għandu dejjem jinkludi mill-inqas suġġett wieħed relatat mas-sikurezza stradali. Is-suġġetti tat-taħriġ għandhom iqisu l-iżviluppi fil-leġislazzjoni u t-teknoloġija rilevanti, u għandhom, kemm jista’ jkun, iqisu l-ħtiġijiet tat-taħriġ speċifiċi tas-sewwieq.

Artikolu 8

CPC li jikkonferma taħriġ perjodiku

1.   Meta sewwieq itemm it-taħriġ perjodiku msemmi fl-Artikolu 7, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jew iċ-ċentru ta’ taħriġ approvat għandhom jagħtuh CPC li jikkonferma li t-taħriġ perjodiku ġie komplut.

2.   Id-detenturi ta’ CPC kif imsemmi fl-Artikolu 6, għandhom jagħmlu l-ewwel kors ta’ taħriġ perjodiku fi żmien ħames snin minn meta jkun inħareġ dak is-CPC.

L-Istati Membri jistgħu inaqqsu jew jestendu l-perijodu ta’ żmien imsemmi fl-ewwel subparagrafu, fost oħrajn, sabiex ikun jaqbel mad-data ta’ skadenza tal-liċenzja tas-sewqan. Madankollu, dak il-perijodu ma jistax ikun iqsar minn tliet snin jew itwal minn seba’ snin.

3.   Sewwieq li jkun temm l-ewwel kors ta’ taħriġ perjodiku kif imsemmi fil-paragrafu 2 jew f’konformità mal-Artikolu 8(2), l-ewwel subparagrafu, il-punt (b), tad-Direttica 2003/59/KE, għandu jattendi għal taħriġ perjodiku kull ħames snin, qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ validità tas-CPC li jikkonferma li t-taħriġ perjodiku ġie komplut.

4.   Id-detenturi ta’ CPC kif imsemmi fl-Artikolu 6 jew is-CPC imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, u s-sewwieqa msemmija fl-Artikolu 4 li waqfu l-eżerċizzju tax-xogħol tagħhom u li ma jissodisfawx il-ħtiġijiet tal-paragrafi 1, 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu, għandhom jagħmlu kors ta’ taħriġ perjodiku qabel jerġgħu jibdew l-eżerċizzju ta’ dak ix-xogħol.

5.   Sewwieqa li jġorru merkanzija jew passiġġieri fit-triq u li jkunu temmew korsijiet ta’ taħriġ perjodiku għal waħda mill-kategoriji ta’ liċenzji tas-sewqan msemmija fl-Artikolu 5(2) u (3) għandhom ikunu eżenti mill-obbligu li jagħmlu aktar taħriġ perjodiku għal kwalunkwe waħda mill-kategoriji oħra msemmija f’dawk il-paragrafi.

Artikolu 9

Post ta’ taħriġ

Is-sewwieqa msemmija fl-Artikolu 1, il-punt (a), ta’ din id-Direttiva għandhom jiksbu l-kwalifika inizjali msemmija fl-Artikolu 5 ta’ din id-Direttiva fl-Istat Membru fejn ikollhom ir-residenza normali tagħhom, kif definit fl-Artikolu 12 tad-Direttiva 2006/126/KE.

Is-sewwieqa msemmija fl-Artikolu 1, il-punt (b), għandhom jiksbu dik il-kwalifika inizjali fl-Istat Membru fejn tkun stabbilita l-impriża jew fl-Istat Membru li jkun ħarġilhom permess tax-xogħol.

Sewwieqa msemmija fl-Artikolu 1, il-punti (a) u (b), għandhom jagħmlu t-taħriġ perjodiku msemmi fl-Artikolu 7 fl-Istat Membru fejn ikunu residenti jew fl-Istat Membru fejn jaħdmu.

Artikolu 10

Kodiċi tal-Unjoni

1.   Fuq il-bażi tas-CPC li jiċċertifika kwalifika inizjali u s-CPC li jiċċertifika taħriġ perjodiku, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom, filwaqt li jqisu l-Artikolu 5(2) u (3) u l-Artikolu 8 ta’ din id-Direttiva, jimmarkaw il-kodiċi armonizzat tal-Unjoni, “95”, previst fl-Anness I tad-Direttiva 2006/126/KE, flimkien mal-kategoriji korrispondenti ta’ liċenzja tas-sewqan:

fuq il-liċenzja tas-sewqan, jew

fuq il-karta ta’ kwalifika tas-sewqan imħejjija f’konformità mal-mudell standard muri fl-Anness II ta’ din id-Direttiva.

Jekk l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn ikun inkiseb is-CPC ma jkunux jistgħu jimmarkaw il-kodiċi armonizzat tal-Unjoni fuq il-liċenzja tas-sewqan, huma għandhom joħorġu karta ta’ kwalifika tas-sewqan lis-sewwieq.

Il-karta ta’ kwalifika ta’ sewwieq maħruġa minn Stat Membru għandha tkun rikonoxxuta reċiprokament. Meta tinħareġ il-karta ta’ kwalifika ta’ sewwieq, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jivverifikaw il-validità tal-liċenzja tas-sewqan għall-kategorija tal-vettura kkonċernata.

2.   Sewwieq imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt (b), ta’ din id-Direttiva li jsuq vetturi użati għall-ġarr ta’ merkanzija fit-triq għandu wkoll jitħalla jipprovdi evidenza li turi li għandu l-kwalifika u t-taħriġ previsti f’din id-Direttiva permezz tal-attestazzjoni tas-sewqan prevista fir-Regolament (KE) Nru 1072/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), sakemm fuqha jkun hemm il-kodiċi tal-Unjoni, “95”. Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, l-Istat Membru emittenti għandu jindika l-kodiċi tal-Unjoni, “95”, fit-taqsima tar-rimarki tal-attestazzjoni jekk is-sewwieq ikkonċernat ikun issodisfa r-rekwiżiti tal-kwalifika u r-rekwiżiti għat-taħriġ previsti f’din id-Direttiva.

3.   L-attestazzjonijiet tas-sewqan li ma jkollhomx il-kodiċi tal-Unjoni, “95”, u maħruġa qabel it-23 ta’ Mejju 2020, f’konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1072/2009, u b’mod partikolari mal-paragrafu 7 tiegħu, għandhom jiġu aċċettati bħala evidenza tal-kwalifika sad-data tal-iskadenza tagħhom, bil-għan li tiġi ċċertifikata l-konformità mar-rekwiżiti tat-taħriġ skont din id-Direttiva.

Artikolu 11

Netwerk ta’ infurzar

1.   Għal skopijiet ta’ infurzar, l-Istati Membri għandhom jiskambjaw l-informazzjoni dwar CPCs li jkunu nħarġu jew irtirati. Għal dak il-għan, l-Istati Membri għandhom, f’koperazzjoni mal-Kummissjoni, jiżviluppaw netwerk elettroniku jew jaħdmu fuq estensjoni ta’ netwerk eżistenti, filwaqt li jqisu l-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-aktar għażla kosteffikaċi.

2.   In-netwerk jista’ jkun fih l-informazzjoni inkluża fis-CPCs kif ukoll informazzjoni dwar il-proċeduri amministrattivi relatati mas-CPCs.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ipproċessar tad-data personali jitwettaq biss għall-finijiet ta’ verifika ta’ konformità ma’ din id-Direttiva, b’mod partikolari fir-rigward tar-rekwiżiti tat-taħriġ stabbiliti f’din id-Direttiva, f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10).

4.   L-aċċess għan-netwerk għandu jkun sigur. L-Istati Membri jistgħu jagħtu aċċess biss lill-awtoritajiet kompetenti responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, u għall-kontroll tal-konformità magħha.

Artikolu 12

Adattament għall-progress xjentifiku u tekniku

Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 13 biex temenda l-Annessi I u II sabiex jiġu adattati għall-progress tekniku u xjentifiku.

Artikolu 13

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’atti delegati msemmija fl-Artikolu 12 għandha tiġi mogħtija lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ ħames snin mis-26 ta’ Lulju 2019. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta’ setgħa mhux iktar tard minn disa’ xhur qabel ma jintemm il-perijodu ta’ ħames snin. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perijodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perijodu.

3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 12 tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. M’għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 12 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 14

Tħassir

Id-Direttiva 2003/59/KE, kif emendata mill-atti elenkati fil-Parti A tal-Anness IV, hija mħassra, mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri marbuta mal-limiti taż-żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u d-dati ta’ applikazzjoni tad-Direttivi mniżżla fil-Parti B tal-Anness IV.

Referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness V.

Artikolu 15

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 16

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, l-14 ta’ Diċembru 2022.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

M. BEK


(1)  ĠU C 155, 30.4.2021, p. 78.

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta’ Novembru 2022 (għada ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Diċembru 2022.

(3)  Id-Direttiva 2003/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2003 dwar il-kwalifika inizjali u taħriġ perjodiku ta’ sewwieqa ta’ ċerti vetturi tat-triq għall-ġarr ta’ merkanzija jew passiġġieri, li temenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85 u d-Direttiva tal-Kunsill 91/439/KEE u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 76/914/KEE (ĠU L 226, 10.9.2003, p. 4).

(4)  Ara l-Anness IV, Parti A.

(5)  ĠU L 282, 19.10.2016, p. 4.

(6)  Id-Direttiva 2006/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 dwar il-liċenzji tas-sewqan (ĠU L 403, 30.12.2006, p. 18).

(7)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(8)  Ir-Regolament (KE) Nru 1071/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kondizzjonijiet li għandhom jiġu rispettati għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 96/26/KE (ĠU L 300, 14.11.2009, p. 51).

(9)  Ir-Regolament (KE) Nru 1072/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tat-trasport bit-triq tal-merkanzija (ĠU L 300, 14.11.2009, p. 72).

(10)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).


ANNESS I

ĦTIĠIJIET MINIMI TA’ KWALIFIKA U TAĦRIĠ

Taqsima 1

Lista ta’ suġġetti

L-għarfien li għandu jitqies mill-Istati Membri meta jistabbilixxu l-kwalifika inizjali ta’ sewwieq u t-taħriġ perjodiku għandhom jinkludu mill-anqas is-suġġetti f’din il-lista. Sewwieqa li jkunu qed jitħarrġu għandhom jiksbu il-livell ta’ għarfien u kompetenza prattika meħtieġa biex isuqu, b’sigurtà sħiħa, vetturi tal-kategorija ta’ liċenzja ta’ sewqan rilevanti.

Il-livell minimu tal-kwalifika għandu jkun komparabbli mill-inqas mal-livell 2 tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki kif previst fl-Anness II tar-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 (1).

1.   Taħriġ avanzat f’sewqan razzjonali imsejjes fuq regolamenti ta’ sigurtà

Il-liċenzji tas-sewqan kollha

1.1.

Għan: biex ikunu magħrufa l-karatteristiċi tas-sistema ta’ trasmissjoni biex kemm jista’ jkun isir l-aħjar użu minnha:

kurvi ta’ torque, qawwa, u konsum speċifiku ta’ magna, żona għall-aħjar użu tar-revolution counter, dijagrammi tal-kopertura tar-rapporti tal-gearbox

1.2.

Objettiv: biex ikunu magħrufa l-karatteristiċi tekniċi u l-operat tal-kontrolli tas-sikurezza, sabiex ikun hemm kontroll tal-vettura, jitnaqqas it-tkagħbir bl-użu, u biex il-vettura ma taħdimx ħażin:

limiti għall-użu tal-brejkijiet u r-retarder, użu kkombinat tal-brejkijiet u r-retarder, kif isir użu aħjar tal-proporzjon bejn il-veloċità u l-gerijiet, kif isir użu tal-inerzja tal-vettura, kif jintużaw modi biex tonqos il-veloċità u kif jintużaw il-brejkijiet fuq il-mogħdijiet għan-niżla, azzjoni fil-każ ta’ falliment, użu tal-apparat elettroniku u mekkaniku bħall-Programm Elettroniku tal-Istabbiltà (ESP), is-Sistema Avvanzata tal-Brejk ta’ Emerġenza (AEBS), is-Sistema Antilokk tal-Ibbrejkjar (ABS), is-Sistemi ta’ Kontroll tat-Trazzjoni (TCS) u s-Sistemi ta’ Monitoraġġ fil-Vettura (IVMS) u oħrajn, approvati għall-użu, apparat ta’ assistenza għas-sewwieq jew awtomatizzazzjoni.

1.3.

Objettiv: kapaċità li jiġi ottimizzat il-konsum tal-fjuwil:

ottimizzazzjoni tal-konsum tal-fjuwil permezz tal-applikazzjoni tal-għarfien fir-rigward tal-punti 1.1 u 1.2, l-importanza li jiġi antiċipat il-fluss tat-traffiku, id-distanza xierqa minn vetturi oħra u l-użu tal-momentum tal-vettura, veloċità stabbli, stil ta’ sewqan kalm u pressjoni tat-tajers adattata, u familjarità mas-sistemi tat-trasport intelliġenti li jtejbu l-effiċjenza fis-sewqan u jassistu fl-ippjanar tar-rotta.

1.4.

Objettiv: kapaċità ta’ antiċipazzjoni, valutazzjoni u adattament għar-riskji tat-traffiku:

li wieħed ikun konxju u jadatta għal kundizzjonijiet differenti tat-triq, it-traffiku u t-temp, u jantiċipa l-avvenimenti futuri; li wieħed jifhem kif iħejji u jippjana vjaġġ f’kundizzjonijiet tat-temp mhux tas-soltu; li wieħed ikun familjari ma’ kif jintuża t-tagħmir ta’ sikurezza relatat u jifhem meta vjaġġ ikun irid jiġi pospost jew ikkanċellat minħabba kundizzjonijiet tat-temp estremi; li wieħed jadatta għar-riskji tat-traffiku, inkluża l-imġiba perikoluża jew distratta waqt is-sewqan (l-użu ta’ apparat elettroniku, l-ikel, ix-xorb, eċċ.); li wieħed jinduna b’sitwazzjonijiet perikolużi u jadatta għalihom, u li wieħed ikun kapaċi jikkontrolla t-tensjoni li tirriżulta minn dawk is-sitwazzjonijiet, b’mod partikolari b’rabta mad-daqs u l-piż tal-vetturi u l-vulnerabbiltà tal-utenti stradali, bħall-persuni mexjin, iċ-ċiklisti u s-sewwieqa tal-muturi;

li wieħed jidentifika s-sitwazzjonijiet possibbilment perikolużi u jinterpreta sew kif dawn jistgħu jirriżultaw f’sitwazzjonijiet fejn wieħed ma jkunx jista’ jevita ħabta, u jagħżel u jimplimenta azzjonijiet li jżidu l-marġni tas-sikurezza sa tali punt li ħabta xorta waħda tista’ tiġi evitata fil-każ li jseħħu s-sitwazzjonijiet possibbilment perikolużi.

Liċenzji tas-sewqan C, C + E, C1, C1 + E

1.5.

Objettiv: kapaċità li l-vettura titgħabba skont ir-regoli tas-sikurezza u l-użu korrett tal-vettura:

forzi li jaffettwaw lill-vetturi mexjin, użu ta’ rapporti tal-gearbox skont it-tagħbija tal-vettura u l-għamla tat-triq, użu ta’ sistemi ta’ trażmissjoni awtomatika, kalkolu tat-tagħbija li tista’ jinġarr minn vettura jew grupp ta’ vetturi, kalkolu tal-volum totali, distribuzzjoni tat-tagħbija, konsegwenzi ta’ tagħbija żejda fuq il-fus, stabbiltà tal-vettura u ċentru tal-gravità, tipi ta’ imballaġġ u paletti;

kategoriji ewlenin ta’ merkanzija li jeħtieġu jkunu stivati, u metodi ta’ rbit bil-klamp u stivar, użu ta’ ċineg għall-istivar, kontroll ta’ tagħmir ta’ stivar, użu ta’ tagħmir ta’ tqandil, tqegħid u tneħħija ta’ inċirajjet.

Liċenzji tas-sewqan D, D + E, D1, D1 + E

1.6.

Objettiv: kapaċità li jkunu assigurati l-kumdità u s-sigurtà tal-passiġġieri:

adattament tal-movimenti trasversali u lonġitudinali, tqassim tat-triq, pożizzjoni fit-triq, użu bil-mod tal-brejks, id-dinamika tal-isporġenti, l-użu ta’ infrastrutturi speċifiċi (żoni pubbliċi, linji tat-triq riżervati), kontroll ta’ konflitt bejn sikurezza fis-sewqan u funzjonijiet oħra tas-sewwieq, interazzjoni mal-passiġġieri, speċifiċitajiet ta’ ċerti gruppi ta’ passiġġieri (persuni b’diżabbiltà, tfal).

1.7.

Objettiv: kapaċità li l-vettura titgħabba skont ir-regoli tas-sikurezza u l-użu korrett tal-vettura:

forzi li jaffettwaw lill-vetturi mexjin, użu ta’ rapporti tal-gearbox skont it-tagħbija tal-vettura u l-għamla tat-triq, użu ta’ sistemi tat-trażmissjoni awtomatika, kalkolu tat-tagħbija li tista’ ġġorr vettura jew grupp ta’ vetturi, distribuzzjoni tat-tagħbija, konsegwenzi ta’ tagħbija żejda fuq il-fus, stabbiltà tal-vettura u ċentru ta’ gravità.

2.   Applikazzjoni tar-regolamenti

Il-liċenzji kollha tas-sewqan

2.1.

Objettiv: għarfien tal-ambjent soċjali tat-trasport stradali u r-regoli li jirregolawh:

perijodi massimi ta’ xogħol speċifiċi għall-industrija tat-trasport; prinċipji, applikazzjoni u konsegwenzi tar-Regolamenti (KE) Nru 561/2006 (2) u (UE) Nru 165/2014 (3) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill; penali għan-nuqqas ta’ użu, użu skorrett u tbagħbis tat-takografu; tagħrif dwar l-ambjent soċjali tat-trasport stradali: drittijiet u dmirijiet tas-sewwieqa fir-rigward tal-kwalifika inizjali u t-taħriġ perjodiku.

Liċenzji tas-sewqan C, C + E, C1, C1 + E

2.2.

Objettiv: għarfien tar-regolamenti li jirregolaw il-ġarr ta’ merkanzija:

liċenzji għal operazzjonijiet ta’ trasport, dokumenti li jridu jinġarru fil-vettura, projbizzjonijiet dwar l-użu ta’ ċerti toroq, tariffi għall-użu tat-toroq, obbligi taħt kuntratti standard għall-ġarr ta’ merkanzija, l-abbozzar ta’ dokumenti li jikkostitwixxu l-kuntratt ta’ trasport, permessi ta’ trasport internazzjonali, obbligi skont il-Konvenzjoni dwar il-Kuntratt għall-Ġarr Internazzjonali ta’ Merkanzija bit-Triq, abbozz tan-nota ta’ kunsinna internazzjonali, qsim ta’ fruntieri, kummissjonarji ta’ trasport, dokumenti partikolari li jakkumpanjaw il-merkanzija.

Liċenzji tas-sewqan D, D + E, D1, D1 + E

2.3.

Għan: li jkunu magħrufa r-regolamenti li jirregolaw il-ġarr ta’ passiggieri:

ġarr ta’ gruppi partikolari ta’ passiggieri, tagħmir ta’ sikurezza fuq karozzi tal-linja, ċinturini ta’ sikurezza, tagħbija tal-vettura.

3.   Saħħa, sigurtà tat-triq u tal-ambjent, servizz u loġistika

Il-liċenzji kollha tas-sewqan

3.1.

Għan: biex is-sewwieqa jifhmu r-riskji tat-triq u l-inċidenti fuq il-post tax-xogħol:

tipi ta’ inċidenti fuq il-post tax-xogħol fis-settur tat-trasport, statistika ta’ inċidenti tat-triq, l-involviment ta’ trakkijiet/coaches, konsegwenzi umani, materjali u finanzjarji.

3.2.

Għan: il-kapaċità ta’ prevenzjoni tal-kriminalità u tat-traffikar ta’ immigranti illegali:

informazzjoni ġenerali, implikazzjonijiet għas-sewwieqa, miżuri ta’ prevenzjoni, lista ta’ verifiki, leġislazzjoni dwar ir-responsabbiltà tal-operatur tat-trasport.

3.3.

Għan: il-kapaċità ta’ prevenzjoni tar-riskji fiżiċi:

prinċipji ergonomiċi, movimenti u qagħda fiżka li joħolqu riskju, forma fiżika, eżerċizzji ta’ mmaniġġjar, protezzjoni personali.

3.4.

Għan: li jkun hemm tagħrif dwar l-importanza ta’ kapaċità fiżika u mentali:

prinċipji ta’ dieta tajba u bilanċjata, l-effetti tal-alkoħol, drogi jew kwalunkwe sustanza oħra li tista’ taffettwa l-imġieba, is-sintomi, l-kawżi u l-effetti ta’ għejja u tensjoni, il-funzjoni ewlenija taċ-ċiklu bażiku xogħol/serħan.

3.5.

Għan: il-kapaċità ta’ valutazzjoni ta’ sitwazzjonijiet ta’ emerġenza:

Imġieba f’sitwazzjoni ta’ emerġenza: eżami tas-sitwazzjoni, l-evitar ta’ kumplikazzjonijiet wara inċident, sejħa ghal għajnuna, għajnuna lill-midrubin u l-għoti tal-ewwel għajnuna, reazzjoni f’każ ta’ ħruq, evakwazzjoni ta’ nies minn karrozza/passiggieri minn karrozza tal-linja, l-iżgurar tas-sikurezza tal-passiggieri kollhaa, reazzjoni f’każ ta’ aggressjoni; prinċipji bażiċi għat-tfassil t’ abbozz ta’ rapport ta’ aċċident.

3.6.

Għan: il-kapaċità ta’ mġieba li tgħin iġġib ’il quddiem il-fama tal-kumpannija:

l-imġieba tas-sewwieq u l-fama tal-kumpannija: l-importanza għall-kumpannija tal-livell ta’ servizz mogħti mis-sewwieq, il-funzjonijiet tas-sewwieq, nies li s-sewwieq ikollu x’jaqsam magħhom, manutenzjoni ta’ vetturi, organizzazzjoni tax-xogħol, effetti kummerċjai u finanzjarji ta’ tilwima.

Liċenzji tas-sewqan C, C + E, C1, C1 + E

3.7.

Objettiv: għarfien tal-ambjent ekonomiku tat-trasport stradali tal-merkanzija u l-organizzazzjoni tas-suq:

trasport stradali b’rabta ma’ metodi oħra ta’ trasport (kompetizzjoni, spedituri), attivitajiet differenti ta’ trasport stradali (trasport għall-kiri jew bi ħlas, f’isem il-persuna, attivitajiet ta’ trasport awżiljari), organizzazzjoni tat-tipi ewlenin ta’ kumpannija tat-trasport u attivitajiet ta’ trasport awżiljari, speċjalizzazzjonijiet differenti ta’ trasport (bawżer, temperatura kkontrollata, merkanzija perikoluża, trasport ta’ annimali, eċċ.), tibdil fl-industrija (diversifikazzjoni ta’ servizzi mogħtija, trasport stradali u ferrovjarju kkombinat, sottokuntrattar, eċċ.).

Liċenzji tas-sewqan D, D + E, D1, D1 + E

3.8.

Objettiv: għarfien tal-ambjent ekonomiku tal-ġarr ta’ passiġġieri bit-triq u l-organizzazzjoni tas-suq:

ġarr ta’ passiġġieri bit-triq b’rabta ma’ metodi oħra ta’ trasport ta’ passiġġieri (ferrovija, karozza privata), attivitajiet differenti li jinvolvu ġarr ta’ passiġġieri bit-triq, sensibilizzazzjoni dwar id-diżabbiltà, qsim ta’ fruntieri (trasport internazzjonali), organizzazzjoni tat-tipi ewlenin ta’ kumpanniji għall-ġarr ta’ passiġġieri bit-triq.

Taqsima 2

Kwalifika inizjali obbligatorja msemmija fl-Artikolu 3(1)(a)

2.1.

Opzjoni li tikkombina kemm l-attendenza għall-kors kif ukoll eżami

Il-kwalifika inizjali trid tinkludi t-tagħlim tas-suġġetti kollha fil-lista tat-Taqsima 1. Din il-kwalifika inizjali għandha tkun twila 280 siegħa.

Kull sewwieq li jkun qed jitħarreġ irid isuq għal mill-anqas 20 siegħa individwalment f’vettura tal-kategorija kkonċernata li tissodisfa mill-anqas ir-rekwiżiti għall-vetturi tat-testijiet kif stabbiliti fid-Direttiva 2006/126/KE.

Waqt li jkun qed isuq individwalment, is-sewwieq li jkun qed jitħarreġ irid ikun akkumpanjat minn għalliem, impjegat minn ċentru tat-taħriġ approvat. Kull sewwieq li jkun qed jitħarreġ jista’ jsuq għal massimu ta’ tmien sigħat mill-20 siegħa li jsuq individwalment fuq art speċjali jew fuq simulatur tal-aqwa kwalità sabiex ikun ivvalutat it-taħriġ fis-sewqan razzjonali bbażat fuq regolamenti tas-sikurezza, b’mod partikolari fir-rigward tal-kontroll tal-vettura f’kundizzjonijiet differenti tat-triq u l-mod ta’ kif dawk il-kundizzjonijiet tat-triq jinbidlu skont kundizzjonijiet atmosferiċi differenti, il-ħin tal-jum jew tal-lejl, u l-kapaċità li jiġi ottimizzat il-konsum tal-fjuwil.

L-Istati Membri jistgħu jippermettu li parti mit-taħriġ tingħata miċ-ċentru tat-taħriġ approvat permezz tal-għodod tal-ICT, bħat-tagħlim elettroniku, filwaqt li jiżguraw li jinżammu l-kwalità għolja u l-effikaċja tat-taħriġ, u billi jagħżlu s-suġġetti fejn l-għodod tal-ICT ikunu jistgħu jintużaw bl-aktar mod effikaċi. B’mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jirrikjedu l-identifikazzjoni affidabbli tal-utent u mezzi ta’ kontroll xierqa. L-Istati Membri jistgħu jgħoddu taħriġ speċifiku meħtieġ skont leġislazzjoni oħra tal-Unjoni bħala parti mit-taħriġ. Dan jinkludi, iżda mhux biss, taħriġ meħtieġ skont id-Direttiva 2008/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) dwar it-trasport ta’ merkanzija perikoluża, taħriġ dwar sensibilizzazzjoni dwar id-diżabbiltà skont ir-Regolament (UE) Nru 181/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) u taħriġ dwar it-trasport tal-annimali skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 (6).

Fir-rigward tas-sewwieqa msemmija fl-Artikolu 5(5) it-tul tal-kwalifika inizjali jrid ikun ta’ 70 siegħa, inklużi ħames sigħat ta’ sewqan individwali.

Fi tmiem dak it-taħriġ, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jew l-entità maħtura minnhom għandhom jagħmlu eżami bil-miktub jew orali lis-sewwieq. L-eżami jrid jinkludi mill-anqas mistoqsija waħda dwar kull wieħed mill-għanijiet li jidhru fil-lista tas-suġġetti fit-Taqsima 1.

2.2.

Opzjoni li tinvolvi eżamijiet

L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jew l-entità maħtura minnhom għandhom jorganizzaw l-eżamijiet dwar teorija u prattika kif imsemmija fl-Artikolu 3(1), il-punt (a)(ii), biex jivverifikaw jekk is-sewwieq li jkun qed jitħarreġ ikunx laħaq il-livell ta’ tagħrif meħtieġ skont it-Taqsima 1 għas-suġġetti u l-għanijiet li jidhru fil-lista hemmhekk.

(a)

l-eżami dwar it-teorija għandu jikkonsisti mill-anqas f’żewġ partijiet:

(i)

mistoqsijiet inklużi mistoqsijiet b’għażliet diversi, mistoqsijiet li jeħtieġu risposta diretta, jew taħlita tat-tnejn;

(ii)

analiżi ta’ każi speċifiċi.

L-eżami tat-teorija għandu jieħu mhux inqas minn erba’ segħat.

(b)

l-eżami prattiku għandu jikkonsisti f’żewġ partijiet:

(i)

eżami ta’ sewqan maħsub biex jivverifika taħriġ razzjonali imsejjes fuq regolamenti tas- sikurezza. L-eżami għandu jsir, meta possibbli, f’toroq lil hinn minn żoni urbani, f’toroq li jippermettu sewqan veloċi u f’awtostradi (jew simili), u fuq kull xorta ta’ toroq ewlenin urbani li jippreżentaw kull xorta ta’ diffikultajiet li sewwieq aktarx jiltaqa’ magħhom. Ikun aħjar jekk l-eżami jsir f’kundizzjonijiet ta’ konċentrazzjoni ta’ traffiku differenti. Il-ħin ta’ sewqan fit-triq għandu jintuża bl-aħjar mod biex il-kandidat ikun eżaminat fiż-żoni kollha tat-traffiku li aktarx ikun fihom. L-eżami għandu jieħu mhux inqas minn 90 minuta;

(ii)

eżami prattiku li jkopri mill-anqas il-punti 1.5, 1.6, 1.7, 3.2, 3.3 u 3.5. L-eżami għandu jieħu mhux inqas minn 30 minuta.

Il-vettura użata għall-eżami prattiku trid tissodisfa mill-anqas ir-rekwiżiti għall-vetturi tat-testijiet stabbiliti fid-Direttiva 2006/126/KE.

Jista’ jsir it-tielet eżami, biex jissuplimenta l-eżami prattiku, fuq art speċjali jew fuq simulatur tal-aħjar kwalità biex ikun verifikat it-taħriġ ta’ sewqan razzjonali imsejjes fuq regolamenti ta’ sikurezza, b’mod partikolari rigward l-immaniġjar tal-vettura f’kundizzjonijiet differenti tat-triq u kif dawk il-kundizzjonijiet tat-triq jinbidlu skont il-kundizzjonijiet atmosferiċi differenti u l-ħin tal-jum jew tal-lejl.

Mhux stabbiliit kemm għandu jieħu ħin dan l-eżami fakultattiv. Jekk is-sewwieq jagħmel dan l-eżami, il-ħin li jieħu jista’ jitnaqqas mid-90 minuta tal-eżami tas-sewqan imsemmi fil-punt (i), iżda l-ħin imnaqqas m’għandux ikun aktar minn 30 minuta.

Għas-sewwieqa msemmija fl-Artikolu 5(5), l-eżami tat-teorija għandu jkun limitat għas-suġġetti, li jissemmew fit-Taqsima 1, li jkunu rilevanti għall-vetturi li għalihom tapplika l-kwalifika inizjali ġdida. Iżda dawk is-sewwieqa għandhom jagħmlu l-eżami kollu tal-prattika.

Taqsima 3

Kwalifika inizjali aċċelerata prevista fl-Artikolu 3(2)

Il-kwalifika inizjali aċċelerata trid tinkludi t-tagħlim tas-suġġetti kollha li jidhru fil-lista fit-Taqsima 1. Għandha tkun twila 140 siegħa.

Kull sewwieq li jkun qed jitħarreġ irid isuq għal mill-anqas 10 sigħat individwalment f’vettura tal-kategorija kkonċernata li tissodisfa mill-anqas ir-rekwiżiti għall-vetturi tat-testijiet stabbiliti fid-Direttiva 2006/126/KE.

Waqt li jkun qed isuq individwalment, is-sewwieq li jkun qed jitħarreġ irid ikun akkumpanjat minn għalliem, impjegat minn ċentru tat-taħriġ approvat. Kull sewwieq li jkun qed jitħarreġ jista’ jsuq għal massimu ta’ erba’ sigħat mill-10 sigħat ta’ sewqan individwali fuq art speċjali jew fuq simulatur tal-aqwa kwalità sabiex ikun ivvalutat it-taħriġ f’sewqan razzjonali bbażat fuq ir-regolamenti tas-sikurezza, b’mod partikolari fir-rigward tal-kontroll tal-vettura f’kundizzjonijiet differenti tat-triq u l-mod kif dawk il-kundizzjonijiet tat-triq jinbidlu skont il-kundizzjonijiet atmosferiċi differenti, il-ħin tal-jum jew tal-lejl, u l-kapaċità li jiġi ottimizzat il-konsum tal-fjuwil.

Id-dispożizzjonijiet tar-raba’ paragrafu tal-punt 2.1 għandhom japplikaw ukoll għall-kwalifika inizjali aċċelerata.

Għas-sewwieqa msemmija fl-Artikolu 5(5), it-tul tal-kwalifika inizjali aċċelerata jrid ikun ta’ 35 siegħa, inklużi sagħtejn u nofs ta’ sewqan individwali.

Fi tmiem dak it-taħriġ, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jew l-entità maħtura minnhom għandhom jagħmlu eżami bil-miktub jew orali lis-sewwieq. L-eżami jrid jinkludi mill-anqas mistoqsija waħda dwar kull wieħed mill-għanijiet li jidhru fil-lista tas-suġġetti fit-Taqsima 1.

Taqsima 4

Taħriġ perjodiku obbligatorju previst fl-Artikolu 3(1)(b)

Il-korsijiet ta’ taħriġ perjodiku obbligatorji għandhom jiġu organizzati minn ċentru approvat tat-taħriġ. Għandhom ikun twal 35 siegħa kull ħames snin, mogħtija f’perijodi ta’ mill-anqas seba’ sigħat, li jistgħu jinqasmu fuq mhux inqas minn jumejn konsekuttivi. Kull meta jintuża t-tagħlim elettroniku, iċ-ċentru tat-taħriġ approvat għandu jiżgura li tinżamm il-kwalità xierqa tat-taħriġ, inkluż billi jagħżel is-suġġetti fejn l-għodod tal-ICT jistgħu jintużaw bl-aktar mod effikaċi. B’mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jirrikjedu l-identifikazzjoni affidabbli tal-utent u mezzi ta’ kontroll xierqa. It-taħriġ permezz tat-tagħlim elettroniku ma għandhux ikun iktar minn 12-il siegħa. Mill-inqas wieħed mill-perijodi tal-kors tat-taħriġ għandu jkopri suġġett marbut mas-sikurezza stradali. Il-kontenut tat-taħriġ għandu jqis il-ħtiġijiet tat-taħriġ speċifiċi għall-operazzjonijiet tat-trasport imwettqa mis-sewwieq u l-iżviluppi legali u teknoloġiċi rilevanti u għandu, kemm jista’ jkun, iqis il-ħtiġijiet tat-taħriġ speċifiċi tas-sewwieq. Fuq medda ta’ 35 siegħa għandha tiġi koperta firxa ta’ suġġetti differenti, inkluż taħriġ ripetut fejn jintwera li s-sewwieq ikun jeħtieġ taħriġ korrettiv speċifiku.

Taħriġ speċifiku mitmum u meħtieġ minn leġislazzjoni oħra tal-Unjoni jista’ jitqies mill-Istati Membri għal massimu ta’ wieħed mill-perijodi stipulati ta’ seba’ sigħat. Dan jinkludi, iżda mhux biss, taħriġ meħtieġ skont id-Direttiva 2008/68/KE dwar it-trasport ta’ merkanzija perikoluża, taħriġ dwar it-trasport tal-annimali skont ir-Regolament (KE) Nru 1/2005, u, għall-ġarr tal-passiġġieri, taħriġ fis-sensibilizzazzjoni dwar id-diżabbiltà skont ir-Regolament (UE) Nru 181/2011. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li t-taħriġ speċifiku mitmum kif meħtieġ mid-Direttiva 2008/68/KE għat-trasport ta’ merkanzija perikoluża jgħodd għal tnejn mill-perijodi ta’ seba’ sigħat, sakemm dak ikun l-uniku taħriġ ieħor meqjus fit-taħriġ perjodiku.

Taqsima 5

Approvazzjoni tal-kwalifika inizjali u taħriġ perjodiku

5.1.

Iċ-ċentri ta’ taħriġ li jieħdu sehem fil-kwalifika inizjali u fit-taħriġ perjodiku għandhom ikunu approvati mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. L-approvazzjoni tista’ tingħata biss wara li ssir applikazzjoni bil-miktub. Ma’ l-applikazzjoni għandu jiġu preżentati dokumenti li jinkludu:

5.1.1.

kwalifika adegwata u programm ta’ taħriġ li jispeċifika s-suġġetti mgħallma u li jistabbilixxi l-pjan propost ta’ implimentazzjoni u l-metodi ta’ tagħlim;

5.1.2.

il-kwalifiki u l-oqsma ta’ attività tal-għalliema;

5.1.3.

informazzjoni dwar il-post fejn isiru l-korsijiet, materjal għat-tagħlim, ir-riżorsi disponibbli għal xogħol prattiku, u l-flotta ta’ vetturi użati;

5.1.4.

il-kondizzjonijiet li għandhom għall-parteċipazzjoni fil-korsijiet (numru ta’ parteċipanti).

5.2.

L-awtorità kompetenti għandha tagħti approvazzjoni bil-miktub soġġetta għall-kondizzjonijiet li ġejjin:

5.2.1.

it-taħriġ għandu jingħata skont id-dokumenti li jiġu preżentati mal-applikazzjoni;

5.2.2.

l-awtorità kompetenti għandha tkun tista’ tibgħat persuni awtorizzati biex jassistu fil-korsijiet ta’ taħriġ taċ-ċentri approvati, u għandha tkun tista’ ssegwi mill-qrib dawk iċ-ċentri, fir-rigward tar-riżorsi użati u t-tmexxija tajba tal-korsijiet ta’ taħriġ u l-eżamijiet;

5.2.3.

l-approvazzjoni tista’ titneħħa jew tiġi sospiża jekk il-kundizzjonijiet ta’ approvazzjoni ma jibqgħux jitħarsu.

Iċ-ċentru approvat għandu jiggarantixxi li l-għalliema jkollhom għarfien tajjeb tar-regolamenti u l-kondizzjonijiet ta’ taħriġ l-iktar riċenti. Bħala parti minn proċedura speċifika ta’ għażla, l-għalliema għandhom jipprovdu ċertifikat li juri l-għarfien tagħhom tas-suġġetti kif ukoll tal-metodi tat-tagħlim. Rigward il-parti prattika tat-taħriġ, l-għalliema għandhom jipprovdu ċertifikat ta’ esperjenza bħala sewwieqa professjonali jew esperjenza ta’ sewqan simili, bħal dik ta’ għalliema tas-sewqan ta’ vetturi kbar.

Il-programm ta’ tagħlim għandu jkun konformi mal-approvazzjoni u għandu jkopri s-suġġetti li jidhru fil-lista fit-Taqsima 1.


(1)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar l-istabbiliment ta’ Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għat-tagħlim tul il-ħajja (ĠU C 111, 6.5.2008, p. 1).

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġislazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 u (KE) Nru 2135/98 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85 (ĠU L 102, 11.4.2006, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 165/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Frar 2014 dwar takografi fit-trasport bit-triq, li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 dwar apparat ta’ reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġislazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq (ĠU L 60, 28.2.2014, p. 1).

(4)  Id-Direttiva 2008/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar it-trasport intern ta’ merkanzija perikoluża (ĠU L 260, 30.9.2008, p. 13).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 181/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 dwar id-drittijiet tal-passiġġieri fit-trasport bix-xarabank u bil-kowċ u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 1).

(6)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 tat-22 ta’ Diċembru 2004 dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport u operazzjonijiet relatati u li jemenda d-Direttivi 64/432/KEE u 93/119/KE u r-Regolament (KE) Nru 1255/97 (ĠU L 3, 5.1.2005, p. 1).


ANNESS II

ARRANĠAMENTI GĦALL-MUDELL TAL-UNJONI EWROPEA GĦAL KARTA TA’ KWALIFIKA TAS- SEWWIEQ

1.   Il-karatteristiċi fiżiċi tal-karta ta’ kwalifika tas-sewwieq

Il-karatteristiċi fiżiċi tal-karta ta’ kwalifika tas-sewwieq għandhom ikunu konformi mal-istandards 7810 u 7816-1 tal-ISO.

Il-metodi għall-verifika tal-karatteristiċi fiżiċi tal-karta ta’ kwalifika tas-sewwieq biex ikun żgurat li jkunu konsistenti mal-is-standards internazzjonali għandhom ikunu skont l-istandard 10373 tal-ISO.

2.   Informazzjoni li tidher fuq il-karta ta’ kwalifika tas-sewwieq

Il-karta ta’ kwalifika tas-sewwieq irid ikollha żewġ naħat:

in-Naħa 1 irid ikun fiha:

(a)

it-titolu ‘karta ta’ kwalifika tas-sewwieq’ stampata b’ittri kbar fil-lingwa jew fil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru li joħroġ il-karta ta’ kwalifika tas-sewwieq;

(b)

l-isem tal-Istat Membru li joħroġ il-karta ta’ kwalifika tas-sewwieq (mhux obbigatorja);

(c)

il-marka li tiddistingwi l-Istat Membru li joħroġ il-karta ta’ kwalifika tas-sewwieq, stampata bħala negattiva f’rettangolu ikħal u mdawra minn 12-il stilla safra; il-marki li jiddistingwu huma kif ġej:

B

:

il-Belġju

BG

:

Il-Bulgarija

CZ

:

iċ-Ċekja

DK

:

id-Danimarka

D

:

il-Ġermanja

EST

:

l-Estonja

IRL

:

l-Irlanda

GR

:

il-Greċja

E

:

Spanja

F

:

Franza

HR

3:

il-Kroazja

I

:

l-Italja

CY

:

Ċipru

LV

:

il-Latvja

LT

:

il-Litwanja

L

:

il-Lussemburgu

H

:

l-Ungerija

M

:

Malta

NL

:

in-Netherlands

A

:

l-Awstrija

PL

:

il-Polonja

P

:

il-Portugall

RO

2:

Ir-Rumanija

SLO

:

is-Slovenja

SK

:

is-Slovakkja

FIN

:

il-Finlandja

S

:

l-Isvezja

(d)

informazzjoni speċifika tal-karta ta’ kwalifika tas-sewwieq, innumerata kif ġej:

1.

kunjom tat-titulari;

2.

isem tat-titulari;

3.

data u post tat-twelid tat-titulari;

4.

(a)

data tal-ħruġ;

(b)

data ta’ skadenza;

(c)

l-isem tal-awtorità emittenti (jista’ jkun stampat fuq in-naħa 2);

(d)

numru differenti min-numru tal-liċenzja tas-sewqan għal finijiet amministrattivi (mhux obbligatorja);

5.

(a)

numru tal-liċenzja tas-sewqan;

(b)

numru tas-serje;

6.

ritratt tat-titulari;

7.

firma tat-titulari;

8.

post ta’ residenza jew indirizz postali tat-titulari (mhux obbligatorja);

9.

il-kategoriji ta’ vetturi li għalihom is-sewwieq jissodisfa r-rekwiżiti tal-kwalifika inizjali u t-taħriġ perjodiku;

(e)

it-titolu “mudell tal-Unjoni Ewropea” fil-lingwa jew lingwi tal-Istat Membru li joħroġ il-karta u l-intestatura “ karta ta’ kwalifika tas- sewwieq ” fil-lingwi uffiċjali l-oħrajn tal-Unjoni, stampati bil-kulur ikħal biex jiffurmaw l-isfond tal- karta ta’ kwalifika tas-sewwieq:

 

tarjeta de cualificación del conductor

 

карта за квалификация на водача

 

osvědčení profesní způsobilosti řidiče

 

chaufføruddannelsesbevis

 

Fahrerqualifizierungsnachweis

 

juhi pädevustunnistus

 

δελτίο επιμόρφωσης οδηγού

 

driver qualification card

 

carte de qualification de conducteur

 

cárta cáilíochta tiománaí

 

kvalifikacijska kartica vozača

 

carta di qualificazione del conducente

 

vadītāja kvalifikācijas apliecība

 

vairuotojo kvalifikacinė kortelė

 

gépjárművezetői képesítési igazolvány

 

karta ta’ kwalifika tas-sewwieq

 

kwalificatiekaart bestuurder

 

karta kwalifikacji kierowcy

 

carta de qualificação de motorista

 

cartelă de pregătire profesională a conducătorului auto

 

kvalifikačná karta vodiča

 

kartica o usposobljenosti voznika

 

kuljettajan ammattipätevyyskortti

 

yrkeskompetensbevis för förare;

(f)

il-kuluri ta’ referenza:

ikħal: Pantone Reflex blue,

isfar: Pantone yellow;

In-Naħa 2 irid ikun fiha:

(a)

9.

il-kategoriji ta’ vetturi li għalihom is-sewwieq jissodisfa r-rekwiżiti tal-kwalifika inizjali u t-taħriġ perjodiku;

10.

il-kodiċi armonizzat tal-Unjoni, “95”, previst fl-Anness I għad-Direttiva 2006/126/KE;

11.

spazju riservat fejn l-Istat Membru li joħroġ il-karta ta’ kwalifika tas-sewwieq ikun jista’ jdaħħal dettalji amministrattivi essenzjali jew dettalji relatati mas- sikurezza fit-triq (mhux obbligatorja). Jekk id-dettalji jkunu relatati ma’ titolu li jidher f’dan l-Anness, dawk id-dettalji għandhom jiġu wara numru tal-intestatura korrispondenti;

(b)

tifsir tad-dettalji numerati li jidhru fuq in-naħat 1 u 2 tal-karta ta’ kwalifika tas-sewwieq (mill-anqas l-intestaturi 1, 2, 3, 4(a), 4(b), 4(c), 5(a), 5(b) u 10).

Jekk xi Stat Membru jkun jixtieq jifformula dawk l-entrati f’lingwa nazzjonali li mhix il-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiz, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ingliż, l-Ispanjol, l-Isvediż, il-Kroat, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, it-Taljan u l-Ungeriż, dan għandu jfassal verżjoni bilingwi tal-karta ta’ kwalifika tas-sewwieq billi juża waħda minn dawk il-lingwi, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet l-oħrajn ta’ dan l-Anness.

3.   Sigurtà, inkluża l-protezzjoni ta’ data

L-għan tad-diversi dettalji li jiffurmaw il-karta ta’ kwalifika tas-sewwieq huwa li jkunu eliminati kull falsifikazzjoni u tbagħbis u li jinkixef kull attentat tagħhom.

L-Istat Membru għandu jisgura li l-livell ta’ sigurtà tal-karta ta’ kwalifika tas-sewwieq ikun jixbaħ mill-inqas il-livell ta’ sigurtà tal-liċenzja tas-sewqan.

4.   Dispożizzjonijiet Partikulari

Wara li jikkonsultaw mal-Kummissjoni, l-Istati Membri jistgħu jżidu kuluri jew marki, bħal bar code, simboli nazzjonali u elementi ta’ sigurtà, mingħajr ħsara għad-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dan l-Anness.

B’konnessjoni mar-rikonixximent reċiproku tal-karti ta’ kwalifika tas-sewwieq, il-bar code tista ma tinkludix informazzjoni ħlief dik li diġà tidher fuq il-karta ta’ kwalifika tas-sewwieq jew li hi essenzjali għall-proċess tal-ħruġ tal-karta.

5.   Dispożizzjonijiet tranżitorji

Il-karti ta’ kwalifika tas-sewwieq maħruġa qabel it-23 ta’ Mejju 2020 għandhom jibqgħu validi sad-data tal-iskadenza tagħhom.

6.   Mudell tal-Unjoni Ewropea għal karta ta’ kwalifika tas-sewwieq

Image 1


ANNESS III

TABELLA TA’ KORRISPONDENZA GĦAR-REFERENZI GĦAL ĊERTI KATEGORIJI TA’ LIĊENZJI TAS-SEWQAN

Referenza f’din id-Direttiva

Referenza fid-Direttiva 2006/126/KE

C + E

CE

C1 + E

C1E

D + E

DE

D1 + E

D1E


ANNESS IV

Parti A

Direttiva mħassra flimkien ma lista bl-emendi suċċessivi tagħhom

(imsemmija fl-Artikolu 14)

Direttiva 2003/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(ĠU L 226, 10.9.2003, p. 4)

 

Id-Direttiva tal-Kunsill 2004/66/KE

(ĠU L 168, 1.5.2004, p. 35)

Il-punt IV.2 tal-Anness biss

Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/103/KE

(ĠU L 363, 20.12.2006, p. 344)

Il-punt A.6 tal-Anness biss

Ir-Regolament (KE) Nru 1137/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(ĠU L 311, 21.11.2008, p. 1)

Il-punt 9.11 tal-Anness biss

Id-Direttiva tal-Kunsill 2013/22/UE

(ĠU L 158, 10.6.2013, p. 356)

Il-punt A.4 tal-Anness biss

Id-Direttiva (UE) 2018/645 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(ĠU L 112, 2.5.2018, p. 29)

L-Artikolu 1 u l-Anness biss

Ir-Regolament (UE) 2019/1243 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(ĠU L 198, 25.7.2019, p. 241)

Il-punt IX.5 tal-Anness biss

Parti B

Il-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u d-dati ta’ applikazzjoni

(imsemmija fl-Artikolu 14)

Direttiva

Limiti taż-żmien għat-traspożizzjoni

Data tal-applikazzjoni

2003/59/KE

fl-10 ta’ Settembru 2006.

mill-10 ta’ Settembru 2008, fir-rigward tal-kwalifika inizjali meħtieġa biex jinstaqu vetturi li għalihom huma meħtieġa liċenzji tas-sewqan tal-kategoriji D1, D1 + E, D u D + E

mill-10 ta’ Settembru 2009, fir-rigward tal-kwalifika inizjali meħtieġa biex jinstaqu vetturi li għalihom huma meħtieġa liċenzji tas-sewqan tal-kategoriji C1, C1 + E, C u C + E

(UE) 2018/645

23 ta’ Mejju 2020, ħlief għall-Artikolu 1, il-punt 6

23 ta’ Mejju 2021 fir-rigward tal-Artikolu 1, il-punt 6

 


ANNESS V

TABELLA TA’ KORRELAZZJONI

Direttiva 2003/59/KE

Din id-Direttiva

Artikoli 1 sa 7

Artikoli 1 sa 7

Artikolu 8(1)

Artikolu 8(1)

Artikolu 8(2), l-ewwel subparagrafu, kliem introduttorju u l-punt (a)

Artikolu 8(2), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 8(2), l-ewwel subparagrafu, punt (b)

Artikolu 8(2), it-tieni subparagrafu

Artikolu 8(2), it-tieni subparagrafu

Artikolu 8(3), (4) u (5)

Artikolu 8(3), (4) u (5)

Artikoli 9 u 10

Artikoli 9 u 10

Artikolu 10a

Artikolu 11

Artikolu 11

Artikolu 12

Artikolu 11a

Artikolu 13

Artikolu 13

Artikolu 14

Artikolu 15

Artikolu 14

Artikolu 16

Artikolu 15

Artikolu 17

Artikolu 16

Anness I

Anness I

Anness II

Anness II

Anness III

Anness III

Anness IV

Anness V