9.12.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 317/64


DIRETTIVA DELEGATA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/2407

tal-20 ta’ Settembru 2022

li temenda l-Annessi tad-Direttiva 2008/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill sabiex jitqies il-progress xjentifiku u tekniku li jkun sar

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2008/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar it-trasport intern ta’ oġġetti perikolużi (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(1) tagħha,

Billi:

(1)

It-Taqsima I.1 tal-Anness I, it-Taqsima II.1 tal-Anness II u t-Taqsima III.1 tal-Anness III tad-Direttiva 2008/68/KE jirreferu għal dispożizzjonijiet stabbiliti fi ftehimiet internazzjonali dwar it-trasport intern ta’ oġġetti perikolużi bit-triq, bil-ferrovija u minn passaġġi fuq l-ilma interni.

(2)

Id-dispożizzjonijiet ta’ dawk il-ftehimiet internazzjonali jiġu aġġornati kull sentejn. L-aħħar verżjonijiet emendati tagħhom japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2023, b’perjodu tranżizzjonali sat-30 ta’ Ġunju 2023.

(3)

F’konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta’ Settembru 2011 tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta’ spjegazzjoni, l-Istati Membri impenjaw ruħhom li f’każijiet ġustifikati, iżidu dokument wieħed jew iktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta’ Direttiva u l-partijiet korrispondenti ta’ strumenti nazzjonali ta’ traspożizzjoni man-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom.

(4)

Għalhekk jenħtieġ li t-Taqsima I.1 tal-Anness I, it-Taqsima II.1 tal-Anness II u t-Taqsima III.1 tal-Anness III tad-Direttiva 2008/68/KE jiġu emendati skont dan,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi għad-Direttiva 2008/68/KE

Id-Direttiva 2008/68/KE hija emendata kif ġej:

1.

fl-Anness I, it-Taqsima I.1 hija sostitwita b’dan li ġej:

“I.1.

ADR

Fl-Annessi A u B tal-ADR, kif applikabbli b’effett mill-1 ta’ Jannar 2023, huwa mifhum li l-frażi ‘parti kontraenti’ hija sostitwita bil-frażi ‘Stat Membru’ kif xieraq.”;

2.

fl-Anness II, it-Taqsima II.1 hija sostitwita b’dan li ġej:

“II.1.

RID

Fl-Annessi tal-RID, kif applikabbli b’effett mill-1 ta’ Jannar 2023, huwa mifhum li l-frażi ‘Stat Kontraenti tal-RID’ hija sostitwita bil-frażi ‘Stat Membru’ kif xieraq.”;

3.

fl-Anness III, it-Taqsima III.1 hija sostitwita b’dan li ġej:

“III.1.

ADN

Fir-Regolamenti annessi tal-ADN, kif applikabbli b’effett mill-1 ta’ Jannar 2023, kif ukoll l-Artikoli 3(f), 3(h), 8(1) u 8(3) tal-ADN, huwa mifhum li l-frażi ‘parti kontraenti’ hija sostitwita bil-frażi ‘Stat Membru’ kif xieraq.”.

Artikolu 2

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikun hemm konformità ma’ din id-Direttiva sa mhux iktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2023. Għandhom jikkomunikaw it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni minnufih.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew ikollhom referenza bħalha meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif trid issir dik ir-referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Settembru 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 260, 30.9.2008, p. 13.