3.11.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 283/4


DIRETTIVA DELEGATA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/2100

tad-29 ta’ Ġunju 2022

li temenda d-Direttiva 2014/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-irtirar ta’ ċerti eżenzjonijiet fir-rigward tal-prodotti tat-tabakk imsaħħna

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati u li tħassar id-Direttiva 2001/37/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 7(12) u 11(6) tagħha,

Billi:

(1)

L-Artikoli 7(1) u (7) tad-Direttiva 2014/40/UE jipprojbixxu t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti tat-tabakk b’togħma karatterizzanti jew prodotti tat-tabakk li fihom aromi fi kwalunkwe wieħed mill-komponenti tagħhom bħal filtri, karti, pakketti, kapsuli jew kwalunkwe karatteristika teknika li tippermetti l-modifika tar-riħa jew tat-togħma tal-prodotti tat-tabakk ikkonċernati jew l-intensità ta’ duħħan tagħhom.

(2)

Skont l-Artikolu 7(12) tad-Direttiva 2014/40/UE, il-prodotti tat-tabakk għajr is-sigaretti u t-tabakk tal-brim huma eżentati mill-projbizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 1 u 7.

(3)

L-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2014/40/UE jippermetti lill-Istati Membri li jeżentaw lill-prodotti tat-tabakk għat-tipjip għajr is-sigaretti, it-tabakk tal-brim u t-tabakk tal-pipi tal-ilma mill-obbligu li jintwerew il-messaġġ tal-informazzjoni stabbilit skont l-Artikolu 9(2) u t-twissijiet tas-saħħa kkombinati stipulati fl-Artikolu 10.

(4)

Prodott tat-tabakk imsaħħan huwa prodott tat-tabakk ġdid li jissaħħan biex jipproduċi emissjoni li fiha n-nikotina u sustanzi kimiċi oħra, li mbagħad tinġibed man-nifs mill-utent(i) u li, skont il-karatteristiċi tiegħu, huwa prodott tat-tabakk li ma jdaħħanx jew prodott tat-tabakk għat-tipjip.

(5)

Fir-Rapport dwar l-istabbiliment ta’ bidla sostanzjali taċ-ċirkustanzi għall-prodotti tat-tabakk imsaħħan (2), il-Kummissjoni stabbiliet bidla sostanzjali fiċ-ċirkostanzi rigward il-prodotti tat-tabakk imsaħħan. Ir-rapport jipprovdi informazzjoni u statistika dwar l-iżviluppi tas-suq li juru li kien hemm żieda fil-volumi tal-bejgħ ta’ prodotti tat-tabakk imsaħħna b’mill-anqas 10 % f’mill-inqas ħames Stati Membri u li l-volum tal-bejgħ ta’ prodotti tat-tabakk imsaħħna fil-livell tal-bejgħ bl-imnut qabeż il-2,5 % tal-bejgħ totali tal-prodotti tat-tabakk fil-livell tal-Unjoni.

(6)

Fid-dawl ta’ dik il-bidla sostanzjali fiċ-ċirkostanzi rigward il-prodotti tat-tabakk imsaħħna, l-Artikolu 7(12) tad-Direttiva 2014/40/UE jenħtieġ li jiġi emendat sabiex tiġi estiża l-projbizzjoni tat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti tat-tabakk b’togħma karatterizzanti jew li fihom aromi fi kwalunkwe wieħed mill-komponenti tagħhom bħal filtri, karti, pakketti, kapsuli jew kwalunkwe karatteristika teknika li tippermetti l-modifika tar-riħa jew tat-togħma tal-prodotti tat-tabakk ikkonċernati jew l-intensità tad-duħħan tagħhom, li diġà teżisti għas-sigaretti u u għat-tabakk tal-brim, għall-prodotti tat-tabakk imsaħħna.

(7)

Għall-istess raġunijiet, l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2014/40/UE jenħtieġ li jiġi emendat sabiex tiġi rtirata l-possibbiltà għall-Istati Membri li jagħtu eżenzjonijiet għal prodotti tat-tabakk imsaħħna, sa fejn huma prodotti tat-tabakk għat-tipjip, mill-obbligi li jġorru l-messaġġ ta’ informazzjoni stabbilit fl-Artikolu 9(2) u t-twissijiet tas-saħħa kkombinati stabbiliti fl-Artikolu 10.

(8)

Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Direttiva 2014/40/UE tiġi emendata skont dan,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi għad-Direttiva 2014/40/UE

Id-Direttiva 2014/40/UE hija emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 7(12) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“12.   Il-prodotti tat-tabakk għajr is-sigaretti u t-tabakk tal-brim għandhom ikunu eżentati mill-projbizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 1 u 7. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 27, sabiex tirtira dik l-eżenzjoni għal kategorija partikolari ta’ prodott jekk ikun hemm bidla sostanzjali taċ-ċirkustanzi kif stabbilit f’rapport tal-Kummissjoni.

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, ‘prodott tat-tabakk imsaħħan’ tfisser prodott tat-tabakk ġdid li jissaħħan biex jipproduċi emissjoni li jkun fiha n-nikotina u sustanzi kimiċi oħra, li mbagħad tinġibed man-nifs mill-utent(i), u li, skont il-karatteristiċi tiegħu, huwa prodott tat-tabakk li ma jdaħħanx jew prodott tat-tabakk għat-tipjip.”

(2)

L-Artikolu 11 huwa emendat kif ġej:

(a)

l-intestatura hija sostitwita b’dan li ġej:

“Artikolu 11

It-tikkettar tal-prodotti tat-tabakk għat-tipjip għajr sigaretti, it-tabakk tal-brim, it-tabakk tal-pipi tal-ilma u t-tabakk imsaħħna”;

(b)

fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-Istati Membri jistgħu jeżentaw lill-prodotti tat-tabakk għat-tipjip għajr is-sigaretti, it-tabakk tal-brim, it-tabakk tal-pipi tal-ilma u t-tabakk imsaħħna kif definit fl-Artikolu 7(12), it-tieni subparagrafu mill-obbligi li jintwera l-messaġġ tal-informazzjoni stabbilit skont l-Artikolu 9(2) u t-twissijiet tas-saħħa kkombinati stipulati fl-Artikolu 10. F’dak il-każ, u flimkien mat-twissija ġenerali prevista fl-Artikolu 9(1), kull pakkett individwali u kwalunkwe ppakkjar estern ta’ tali prodotti għandhom juru waħda mill-kitbiet ta’ twissijiet elenkati fl-Anness I. It-twissija ġenerali speċifikata fl-Artikolu 9(1) għandha tinkludi referenza għas-servizzi ta’ waqfien mit-tipjip imsemmija tal-Artikolu 10(1)(b).”

Artikolu 2

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux iktar tard mit-23 ta’ Lulju 2023, il-liġijiet, ir-regolamenti, u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa għall-konformità ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mit-23 ta’ Ottubru 2023.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir it-tali referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Ġunju 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 127, 29.4.2014, p. 1.

(2)  Rapport tal-Kummissjoni dwar l-istabbiliment ta’ bidla sostanzjali taċ-ċirkustanzi għall-prodotti tat-tabakk imsaħħan f’konformità mad-Direttiva 2014/40/UE, COM/2022/279 final.