29.7.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 200/148


DIRETTIVA DELEGATA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1326

tat-18 ta’ Marzu 2022

li temenda l-Anness tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/757/ĠAI rigward l-inklużjoni ta’ sustanzi psikoattivi ġodda fid-definizzjoni ta’ “droga”

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/757/ĠAI tal-25 ta' Ottubru 2004 li tistabbilixxi dispożizzjonijiet minimi dwar l-elementi kostitwenti ta' atti kriminali u ta' pieni fil-qasam tat-traffikar illeċitu ta' drogi (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 1a u 8a tagħha,

Billi:

(1)

Ir-rapporti ta’ valutazzjoni tar-riskju dwar is-sustanzi psikoattivi ġodda 2- (metilammin)-1-(3-metilfenil) propan-1-on (3-metilmekatinon, 3-MMC) u 1-(3-klorofenil)-2-(metilammino)propan-1-on (3-klorometkatinon, 3-CMC) tfasslu f’konformità mal-Artikolu 5c tar-Regolament (KE) Nru 1920/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) mill-Kumitat Xjentifiku taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (EMCDDA; iċ-Ċentru), li ġie estiż wara l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 5c(4) tal-istess Regolament, fit-18 u d-19 ta’ Novembru 2021. Iċ-Ċentru ppreżenta r-rapporti ta’ valutazzjoni tar-riskju lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri fil-25 ta’ Novembru 2021.

(2)

3-MMC u 3-CMC huma katinoni sintetiċi b’effetti psikostimulanti. Dawn huma derivattivi tal-katinon, u relatati mill-qrib ma’ u għandhom effetti psikostimulanti simili bħal metkatinon (efedron) u mefedron (4-metilmetkatinon; 4-MMC) u, rispettivament, bħal metkatinon u 4-klorometkatinon (4-CMC; klefredon). Il-katinon, il-metkatinon, il-mefedron, u 4-CMC huma kkontrollati skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1971 dwar is-Sustanzi Psikotropiċi.

(3)

3-MMC ilha disponibbli fl-Unjoni Ewropea mill-inqas mill-2012 u ġiet identifikata fi 23 Stat Membru. Wara tnaqqis fis-sekwestri fl-Ewropa bejn l-2016 u l-2018, 3-MMC tidher li reġgħet feġġet b’madwar 740 kilogramma minnha f’forma ta’ trab maqbuda fl-2020 u b’importazzjoni, distribuzzjoni u użu kontinwi fl-2021, inkluż qbid wieħed fuq skala kbira ta’ ftit aktar minn 120 kilogramma ta’ trab fi fruntiera esterna tal-Unjoni.

(4)

L-informazzjoni pprovduta minn sekwestri u kampjuni miġbura turi li 3-MMC hija tipikament disponibbli fis-suq tad-drogi bħala trab. Ġew irrappurtati wkoll forom fiżiċi oħra, bħal pilloli u kapsuli, iżda fuq skala ħafna iżgħar. Xi drabi ġew irrapportati wkoll likwidi, materjal erbali, u blotters li fihom 3-MMC.

(5)

Total ta’ 27 mewta b’esponiment ikkonfermat għal 3-MMC ġew irrapportati minn ħames Stati Membri. Erbatax-il avvelenament akut mhux fatali bi skopertura kkonfermata għal 3-MMC ġew irrappurtati wkoll minn erba’ Stati Membri.

(6)

3-CMC ilha disponibbli fl-Unjoni Ewropea mill-inqas mill-2014 u ġiet identifikata fi 23 Stat Membru. Matul l-2020 u l-2021, inqabdu madwar 2 500 kilogramma ta’ 3-CMC fil-forma ta’ trab, li jirrappreżentaw aktar minn 90 % tal-kwantità totali ta’ trabijiet ta’ 3-CMC maqbuda minn meta beda l-monitoraġġ tas-sustanza fl-Ewropa.

(7)

L-informazzjoni pprovduta minn sekwestri u kampjuni miġbura turi li 3-CMC hija tipikament disponibbli fis-suq tad-drogi bħala trab. Ġew irrappurtati wkoll forom fiżiċi oħra, bħal pilloli u kapsuli, iżda fuq skala ħafna iżgħar. Xi drabi ġew irrapportati wkoll likwidi, materjal erbali, u blotters li fihom 3-CMC.

(8)

Total ta’ 10 imwiet b’esponiment ikkonfermat għal 3-CMC ġew irrapportati minn żewġ Stati Membri. Avvelenament wieħed akut mhux fatali bi skopertura kkonfermata għal 3-CMC ġew irrappurtati wkoll minn Stat Membru wieħed.

(9)

L-informazzjoni disponibbli tissuġġerixxi li filwaqt li 3-MMC u 3-CMC huma tipikament mibjugħa u mfittxija bħala drogi stimulanti għalihom infushom, mill-inqas parzjalment jidher li dawn is-sustanzi qed jiġu mmanifatturati, importati, distribwiti, mibjugħa, u użati bħala sostitut “legali” għal stimulanti kkontrollati, inklużi l-amfetamina, il-kokaina, u l-MDMA. Barra minn hekk, tista’ wkoll tinbiegħ b’mod qarrieqi bħala drogi oħra.

(10)

Hemm informazzjoni limitata dwar l-involviment tal-kriminalità organizzata fil-manifattura, it-traffikar, id-distribuzzjoni ta’ 3-MMC u 3-CMC fl-Unjoni. Madankollu, hemm informazzjoni li tissuġġerixxi atti kriminali, bħat-traffikar, il-produzzjoni illeċita, u r-reati tal-provvista, li jinvolvu ż-żewġ sustanzi.

(11)

L-informazzjoni disponibbli tissuġġerixxi li 3-MMC u 3-CMC huma mmanifatturati minn kumpaniji kimiċi barra mill-Unjoni u importati fiha fuq skala industrijali. Barra minn hekk, informazzjoni limitata tindika li xi produzzjoni seħħet f’laboratorji illeċiti fl-Ewropa.

(12)

3-MMC u 3-CMC ma għandhom ebda użu mediku għall-bniedem jew użu mediku veterinarju rikonoxxut la fl-Unjoni u lanqas apparentement x’imkien ieħor. Ma hemm l-ebda indikazzjoni li s-sustanzi jistgħu jintużaw għal xi skop ieħor minbarra bħala standard analitiku ta’ referenza u fir-riċerka xjentifika.

(13)

Ir-riskji għas-saħħa u dawk soċjali assoċjati ma’ 3-MMC u 3-CMC x’aktarx li jikkondividu xi similaritajiet ma’ katinoni sintetiċi u psikostimulanti oħra relatati mill-qrib taħt kontroll internazzjonali. L-evidenza u l-informazzjoni disponibbli dwar ir-riskji għas-saħħa u dawk soċjali li joħolqu s-sustanzi jipprovdu raġuni suffiċjenti għall-inklużjoni ta’ 3-MMC u 3-CMC fid-definizzjoni ta’ “droga”. Madanakollu, ir-rapporti dwar il-valutazzjoni tar-riskju juru li ħafna mill-mistoqsijiet relatati ma’ 3-MMC u 3-CMC li jqumu minħabba n-nuqqas ta' data dwar ir-riskji għas-saħħa tal-individwu, ir-riskji għas-saħħa pubblika, u r-riskji soċjali, jista' jkollhom risposta permezz ta' riċerka ulterjuri.

(14)

3-MMC u 3-CMC mhumiex elenkati għall-kontroll skont il-Konvenzjoni Unika tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drogi Narkotiċi tal-1961, kif emendata mill-Protokoll tal-1972, jew skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1971 dwar is-Sustanzi Psikotropiċi. 3-CMC għadha ma ġietx ivvalutata skont is-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti filwaqt li 3-MMC kienet soġġetta għal rieżami kritiku mhux konklużiv mill-Kumitat ta’ Esperti tad-WHO dwar id-Dipendenza fuq id-Droga f’Novembru 2016. Il-Kumitat ma setax jilħaq kunsens, u minflok iddifferixxa opinjoni, u talab lis-Segretarjat biex jorganizza rieżami kritiku ieħor ta’ 3- MMC f’laqgħa sussegwenti tal-Kumitat ta’ Esperti. Għadha ma saritx reviżjoni oħra tal-ECDD ta’ 3-MMC. Minn mindu saret din ir-reviżjoni kritika fl-2016, ġiet irrappurtata informazzjoni ġdida sinifikanti mill-Istati Membri li tissuġġerixxi li 3-MMC tista’ toħloq theddid għas-saħħa u għas-soċjetà fil-livell tal-Unjoni u għalhekk jeħtieġ li tiżdied fid-definizzjoni ta’ “droga” fil-liġi tal-Unjoni.

(15)

Informazzjoni minn sekwestri tal-infurzar tal-liġi li seħħew fl-2020 u fl-2021 tindika li d-disponibbiltà u l-potenzjal tagħha għal diffużjoni fl-Unjoni kemm ta’ 3-MMC kif ukoll ta’ 3-CMC dan l-aħħar żdiedu u jistgħu jkunu sinifikanti. L-informazzjoni disponibbli tissuġġerixxi li l-konsum ta’ 3-MMC u ta’ 3-CMC jikkawża dannu għas-saħħa assoċjat mat-tossiċità akuta tagħhom u fil-każ ta’ 3-MMC, għall-potenzjal tagħha li twassal għar-riskju tal-abbuż jew għad-dipendenza. Minħabba nuqqas ta’ studji, hemm inċertezza dwar il-potenzjal tad-dipendenza u r-responsabbiltà tal-abbuż ta’ 3-CMC. Din il-ħsara għas-saħħa titqies bħala theddida għall-ħajja minħabba li tista’ tikkawża mewt jew korriment letali, mard serju, indeboliment fiżiku jew mentali serju jew tixrid ta’ mard, inkluż it-trażmissjoni ta’ viruses li jinġarru mid-demm, bħall-epatite C u l-HIV. Dawn l-effetti huma komparabbli ma’ katinoni sintetiċi u psikostimulanti oħra relatati mill-qrib taħt kontroll internazzjonali, għalkemm dan jeħtieġ aktar studju.

(16)

L-informazzjoni disponibbli tissuġġerixxi wkoll li l-konsum ta’ 3-MMC u ta’ 3-CMC jista’ jikkawża riskji soċjali u jista’ jirriżulta f’marġinalizzazzjoni u vulnerabbiltà akbar. Barra minn hekk, għandhom ukoll potenzjal għal riskju usa’ għas-sikurezza pubblika, b’mod partikolari fil-każ ta’ sewqan taħt l-influwenza ta’ dawn is-sustanzi.

(17)

Ħmistax-il Stat Membru jikkontrollaw is-sustanza 3-MMC permezz tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-kontroll tad-drogi u sitt Stati Membri jikkontrollawha permezz ta’ leġiżlazzjoni ġdida dwar is-sustanzi psikoattivi filwaqt li Stat Membru wieħed jikkontrollaha permezz ta’ leġiżlazzjoni oħra. Tlettax-il Stat Membru jikkontrollaw is-sustanza 3-CMC permezz tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-kontroll tad-drogi u seba’ Stati Membri jikkontrollawha permezz ta’ leġiżlazzjoni ġdida dwar is-sustanzi psikoattivi filwaqt li Stat Membru wieħed jikkontrollaha permezz ta’ leġiżlazzjoni oħra. Peress li dawn il-miżuri nazzjonali ta’ kontroll diġà jinsabu fis-seħħ, il-fatt li 3-MMC u 3-CMC jiġu inklużi fid-definizzjoni ta’ “droga”, u b’hekk isiru soġġetti għad-dispożizzjonijiet dwar ir-reati u s-sanzjonijiet kriminali kif definiti fid-Deċiżjoni Kwadru 2004/757/ĠAI, jista’ jgħin biex jiġi evitat li jinħolqu ostakli fl-infurzar tal-liġi u l-kooperazzjoni ġudizzjarja fil-livell transfruntier, u jgħin fil-protezzjoni mir-riskji li d-disponibbiltà u l-użu tagħhom jistgħu joħolqu.

(18)

L-Artikolu 1a tad-Deċiżjoni Kwadru 2004/757/ĠAI jikkonferixxi setgħat fuq il-Kummissjoni li tadotta atti delegati bil-ħsieb li jkun hemm reazzjoni rapida u bbażata fuq kompetenza esperta fil-livell tal-Unjoni fil-każ li jfiġġu sustanzi psikoattivi ġodda individwati u rrappurtati mill-Istati Membri, billi temenda l-Anness ta’ dik id-Deċiżjoni Kwadru biex tinkludi dawn is-sustanzi fid-definizzjoni ta’ “droga”.

(19)

Peress li l-kundizzjonijiet u l-proċedura għall-attivazzjoni tat-tħaddim tas-setgħat ta’ adozzjoni huma ssodisfati, jenħtieġ li tiġi adottata direttiva delegata sabiex 3-MMC u 3-CMC jiġu inklużi fl-Anness tad-Deċiżjoni Kwadru 2004/757/ĠAI.

(20)

L-Irlanda hija marbuta bid-Deċiżjoni Kwadru 2004/757/ĠAI kif emendata bid-Direttiva (UE) 2017/2103 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u għalhekk qed tieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

(21)

Id-Danimarka hija marbuta bid-Deċiżjoni Kwadru 2004/757/ĠAI kif applikabbli sal-21 ta’ Novembru 2018, iżda mhix marbuta bid-Direttiva (UE) 2017/2103. Għaldaqstant, mhux se tieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(22)

F'konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta' Settembru 2011 tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta' spjegazzjoni (4), l-Istati Membri impenjaw ruħhom li jżidu man-notifika tal-miżuri ta' traspożizzjoni tagħhom, f'każijiet ġustifikati, dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta' direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti nazzjonali ta' traspożizzjoni.

(23)

Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Deċiżjoni Kwadru 2004/757/ĠAI tiġi emendata skont dan,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emenda għad-Deċiżjoni Kwadru 2004/757/ĠAI

Fl-Anness tad-Deċiżjoni Kwadru 2004/757/ĠAI, jiżdiedu l-punti 20 u 21 segwenti:

“20.

2-(metilamin)-1-(3-metilfenil)propan-1-on (3-MMC) (*1).

21.

1-(3-klorofenil)-2-(metilammin)propan-1-on (3-CMC) (*1).

Artikolu 2

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa mhux aktar tard mit-18 ta’ Frar 2023. Għandhom jikkomunikaw it-test ta’ dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni minnufih.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati mit-tali referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir it-tali referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri f’konformità mat-Trattati.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Marzu 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 335, 11.11.2004, p. 8.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 1920/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar iċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (ĠU L 376, 27.12.2006, p. 1).

(3)  Id-Direttiva (UE) 2017/2103 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Novembru 2017 li temenda d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/757/ĠAI sabiex id-definizzjoni ta' “droga” tinkludi sustanzi psikoattivi ġodda u li tħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/387/ĠAI, (ĠU L 305, 21.11.2017, p. 12).

(4)   ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.