6.4.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 107/13


DIRETTIVA TAL-KUNSILL (UE) 2022/543

tal-5 ta’ April 2022

li temenda d-Direttivi 2008/118/KE u (UE) 2020/262 fir-rigward tal-ħwienet ħielsa mit-taxxa li jinsabu fit-terminal Franċiż tal-mina taħt il-Kanal Ingliż

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 113 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Filwaqt li jaġixxi skont il-proċedura leġiżlattiva speċjali,

Billi:

(1)

L-Artikolu 14(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE (3) tippermetti li l-Istati Membri jeżentaw mill-ħlas tad-dazju tas-sisa prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa fornuti minn ħwienet ħielsa mit-taxxa li jinsabu f’ajruporti u f’portijiet tal-Unjoni għall-bejgħ lil vjaġġaturi lejn territorju terz.

(2)

Iċ-Channel Fixed Link hija konnessjoni ferrovjarja b’mina doppja taħt il-Kanal Ingliż bejn Coquelles (Pas-de-Calais, Franza) u Folkestone (Kent, ir-Renju Unit). Hija għandha mina tas-servizzi assoċjata u żoni tat-terminal fiż-żewġ trufijiet għall-kontroll tal-aċċess għall-mini u l-ħruġ minnhom. Minħabba f’dawk l-infrastrutturi, hija għandha l-karatteristiċi ta’ konnessjoni marittima bejn Franza u r-Renju Unit, b’kontrolli tal-fruntieri fiż-żewġ terminals ta’ aċċess. Il-konnessjoni marittima u ċ-Channel Fixed Link jippermettu qsim tal-Kanal Ingliż taħt l-istess kondizzjonijiet.

(3)

Għalhekk, it-terminal Franċiż taċ-Channel Fixed Link f’Coquelles jenħtieġ li jitqies bħala ekwivalenti għal port għall-finijiet tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2008/118/KE.

(4)

Minħabba l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni li wassal għall-ftuħ ta’ ħwienet ħielsa mit-taxxa fil-portijiet ta’ Calais u ta’ Dunkirk u fit-terminal tar-Renju Unit taċ-Channel Fixed Link f’Folkestone, huwa xieraq li jiġi awtorizzat il-ftuħ ta’ ħwienet ħielsa mit-taxxa fit-terminal Franċiż taċ-Channel Fixed Link f’Coquelles.

(5)

Minħabba li l-passiġġieri li jużaw iċ-Channel Fixed Link ma jistgħux joħorġu minnu qabel ma jaslu fid-destinazzjoni, ir-riskju ta’ nuqqas ta’ konformità mad-dazju tas-sisa u l-kwoti tal-importazzjoni ħielsa mit-taxxa u konsegwentement il-piż tal-kontroll għall-awtoritajiet doganali, ser ikunu limitati. Madankollu, biex tiġi evitata kwalunkwe evażjoni, evitar jew abbuż, jenħtieġ li Franza tieħu l-miżuri meħtieġa biex tiżgura l-applikazzjoni xierqa tal-eżenzjoni mit-taxxa fil-ħwienet ħielsa mit-taxxa tat-terminal Franċiż taċ-Channel Fixed Link f’Coquelles.

(6)

Minħabba li d-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/262 (4) tħassar u tissostitwixxi d-Direttiva 2008/118/KE b’effett mit-13 ta’ Frar 2023, id-dispożizzjoni korrispondenti fid-Direttiva (UE) 2020/262 jenħtieġ li tiġi emendata wkoll.

(7)

Għalhekk, id-Direttivi 2008/118/KE u (UE) 2020/262 jenħtieġ li jiġu emendati skont dan,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emenda għad-Direttiva 2008/118/KE

L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2008/118/KE huwa emendat kif ġej:

(1)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“1a.   L-eżenzjoni prevista fil-paragrafu 1 għandha tapplika wkoll għal prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa fornuti minn ħwienet ħielsa mit-taxxa li jinsabu fit-terminal Franċiż tal-mina taħt il-Kanal Ingliż f’Coquelles lil passiġġieri li jkollhom dokumenti tat-trasport li jkunu validi għal vjaġġ lejn ir-Renju Unit permezz taċ-Channel Fixed Link.”;

(2)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-eżenzjonijiet previsti fil-paragrafi 1, 1a u 2 jiġu applikati b’tali mod li tiġi evitata kwalunkwe evażjoni, evitar jew abbuż possibbli.”.

Artikolu 2

Emenda għad-Direttiva (UE) 2020/262

L-Artikolu 13 tad-Direttiva (UE) 2020/262 huwa emendat kif ġej:

(1)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“1a.   L-eżenzjoni prevista fil-paragrafu 1 għandha tapplika wkoll għal prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa fornuti minn ħwienet ħielsa mit-taxxa li jinsabu fit-terminal Franċiż tal-mina taħt il-Kanal Ingliż f’Coquelles lil passiġġieri li jkollhom dokumenti tat-trasport li jkunu validi għal vjaġġ lejn ir-Renju Unit permezz taċ-Channel Fixed Link.”;

(2)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-eżenzjonijiet previsti fil-paragrafi 1, 1a u 2 jiġu applikati b’tali mod li tiġi evitata kwalunkwe evażjoni, evitar jew abbuż possibbli.”.

Artikolu 3

Traspożizzjoni

(1)   Meta Stat Membru jiddeċiedi li japplika l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/118/KE f’konformità mal-Artikolu 1 ta’ din id-Direttiva jew l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva (UE) 2020/262 f’konformità mal-Artikolu 2 ta’ din id-Direttiva, u jadotta l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jagħti effett lil din id-Direttiva, huwa għandu minnufih jgħarrfu lill-Kummissjoni bil-miżuri meħuda skont din id-Direttiva.

(2)   Meta Stat Membru jadotta dawk il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom jinkudu dik ir-referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. Il-metodi ta’ kif issir dik ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

Artikolu 4

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 5

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fil-Lussemburgu, il-5 ta’ April 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

B. LE MAIRE


(1)  Opinjoni tad-9 ta’ Marzu 2022 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Opinjoni tat-23 ta’ Frar 2022 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li jħassar id-Direttiva 92/12/KEE (ĠU L 9, 14.1.2009, p. 12).

(4)  Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/262 tad-19 ta’ Diċembru 2019 li tistabblixxi l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa (ĠU L 58, 27.2.2020, p. 4).