24.2.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 43/57


DIRETTIVA DELEGATA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/284

tas-16 ta’ Diċembru 2021

li temenda, għall-finijiet ta’ adattament għall-progress xjentifiku u tekniku, l-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ eżenzjoni għall-użu tal-merkurju fil-lampi fluworexxenti lineari b’żewġ kapep għal finijiet ta’ tidwil ġenerali

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta’ ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(1)(b) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2011/65/UE tirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li t-tagħmir elettriku u elettroniku mqiegħed fis-suq ma jkunx fih is-sustanzi perikolużi elenkati fl-Anness II ta’ dik id-Direttiva. Dik ir-restrizzjoni ma tapplikax għal ċerti applikazzjonijiet eżentati li huma elenkati fl-Anness III tad-Direttiva.

(2)

Il-kategoriji tat-tagħmir elettriku u elettroniku li għalihom tapplika d-Direttiva 2011/65/UE huma elenkati fl-Anness I ta’ dik id-Direttiva.

(3)

Il-merkurju hu sustanza ristretta elenkata fl-Anness II tad-Direttiva 2011/65/UE.

(4)

Permezz tad-Deċiżjoni 2010/571/UE (2), il-Kummissjoni tat, fost affarijiet oħra, eżenzjoni għall-użu tal-merkurju fil-lampi fluworexxenti lineari b’żewġ kapep għal finijiet ta’ tidwil ġenerali (“l-eżenzjoni”), li issa hija elenkata bħala l-eżenzjoni 2(a)(1), 2(a)(2), 2(a)(3), 2(a)(4) u 2(a)(5) fl-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE. L-eżenzjoni kellha tiskadi fil-21 ta’ Lulju 2016, f’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(2)(a) ta’ dik id-Direttiva.

(5)

Il-merkurju jintuża fil-lampi fluworexxenti lineari b’żewġ kapep għal finijiet ta’ tidwil ġenerali sabiex jiġi prodott dawl ultravjola, li mbagħad jiġi kkonvertit f’dawl viżibbli mill-kisi fluworexxenti fuq il-lampa.

(6)

Fid-19 ta’ Diċembru 2014 u fil-15 ta’ Jannar 2015, il-Kummissjoni rċeviet żewġ applikazzjonijiet għat-tiġdid tal-eżenzjoni (“l-applikazzjonijiet għat-tiġdid”), jiġifieri fil-limitu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2011/65/UE, u waħda minnhom ġiet aġġornata b’applikazzjoni mġedda fl-20 ta’ Jannar 2020. F’konformità mat-tieni subparagrafu, tal-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2011/65/UE, l-eżenzjoni tibqa’ valida sa meta tittieħed deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għat-tiġdid.

(7)

L-evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet għat-tiġdid, li qieset id-disponibbiltà tas-sostituti u l-impatt soċjoekonomiku tas-sostituzzjoni, ikkonkludiet li s-sostituti ħielsa mill-merkurju li huma affidabbli biżżejjed għat-tipi ta’ lampi koperti mill-eżenzjoni saru disponibbli u li s-sostituzzjoni tal-merkurju f’dawn il-lampi hija prattikabbli xjentifikament u teknikament. Barra minn hekk, dik l-evalwazzjoni kkonkludiet li huwa ċar li l-benefiċċji tas-sostituzzjoni jikkumpensaw għal kwalunkwe impatt negattiv.

(8)

L-evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet għat-tiġdid kienet tinkludi konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati f’konformità mal-Artikolu 5(7) tad-Direttiva 2011/65/UE. Il-kummenti li waslu matul dawk il-konsultazzjonijiet saru disponibbli għall-pubbliku fuq sit web apposta.

(9)

Ladarba l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt (a) tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2011/65/UE ma għadhomx issodisfati iktar, l-applikazzjoni għat-tiġdid jenħtieġ li tiġi rrifjutata. Id-dati tal-iskadenza għall-eżenzjoni jenħtieġ li jiġu stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 5(6) ta’ dik id-Direttiva.

(10)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Direttiva 2011/65/UE tiġi emendata skont dan,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE huwa emendat kif stabbilit fl-Anness ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux iktar tard mit-30 ta’ Settembru 2022 il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Ottubru 2022.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu kif issir dik ir-referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Diċembru 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 174, 1.7.2011, p. 88.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/571/UE tal-24 ta’ Settembru 2010 li temenda, għal skopijiet ta’ adattament għall-progress xjentifiku u tekniku, l-Anness għad-Direttiva 2002/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ eżenzjonijiet għal applikazzjonijiet li jkun fihom iċ-ċomb, il-merkurju, il-kadmju, il-kromju eżavalenti, il-bifenili polibrominati u l-eteri tad-difenil polibrominati (ĠU L 251, 25.9.2010, p. 28).


ANNESS

Fl-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE, l-entrati 2(a), 2(a)(1), 2(a)(2), 2(a)(3), 2(a)(4) u 2(a)(5) huma sostitwiti b’dan li ġej:

Eżenzjoni

Kamp ta’ applikazzjoni u dati tal-applikabbiltà

“2(a)

Il-merkurju f’lampi fluworexxenti lineari b’żewġ kapep għal finijiet ta’ tidwil ġenerali li ma jaqbiżx (għal kull lampa):

 

2(a)(1)

Fosforu li jiffluworixxi fi tliet frekwenzi b’tul tal-ħajja normali u b’dijametru tat-tubu ta’ < 9 mm (eż. T2): 4 mg

Tiskadi fl-24 ta’ Frar 2023

2(a)(2)

Sustanza li tifluworexxi fi tliet frekwenzi b’tul tal-ħajja normali u dijametru tat-tubu ≥ 9 mm u ≤ 17 mm (eż. T5): 3 mg

Tiskadi fl-24 ta’ Awwissu 2023

2(a)(3)

Sustanza li tifluworexxi fi tliet frekwenzi b’tul tal-ħajja normali u dijametru tat-tubu > 17 mm u ≤ 28 mm (eż. T8): 3,5 mg

Tiskadi fl-24 ta’ Awwissu 2023

2(a)(4)

Fosforu li jiffluworixxi fi tliet frekwenzi b’tul tal-ħajja normali u b’dijametru tat-tubu ta’ > 28 mm (eż. T12): 3,5 mg

Tiskadi fl-24 ta’ Frar 2023

2(a)(5)

Fosforu li jiffluworixxi fi tliet frekwenzi b’tul tal-ħajja twil (≥ 25 000 h): 5 mg.

Tiskadi fl-24 ta’ Frar 2023”