9.12.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 317/141


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/2415

tat-2 ta’ Diċembru 2022

dwar il-prinċipji gwida għall-valorizzazzjoni tal-għarfien

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 182(5) u l-ewwel u t-tieni sentenzi tal-Artikolu 292 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fl-10 ta’ April 2008, il-Kummissjoni adottat ir-Rakkomandazzjoni 2008/416/KE (1) dwar il-ġestjoni ta’ proprjetà intellettwali (PI) f’attivitajiet ta’ trasferiment ta’ għarfien u Kodiċi ta’ Prattika għal universitajiet u organizzazzjonijiet pubbliċi ta’ riċerka oħrajn. Il-Kunsill laqa’ u appoġġa dik ir-Rakkomandazzjoni u l-Kodiċi ta’ Prattika fir-Riżoluzzjoni tiegħu tat-30 ta’ Mejju 2008 (2). Flimkien, dik ir-Rakkomandazzjoni u l-Kodiċi ta’ Prattika taw spinta lil ħafna produtturi tal-għarfien iffinanzjati pubblikament. Xi Stati Membri għamlu investimenti strateġiċi fl-infrastrutturi u fis-servizzi tat-trasferiment tal-għarfien, bħall-uffiċċji tat-trasferiment tat-teknoloġija u intermedjarji oħrajn, u xi wħud implimentaw politiki speċifiċi għall-PI. Ġew żviluppati aktar attivitajiet li jippromwovu t-trasferiment tal-għarfien fil-livell tal-Unjoni bħala parti mill-Unjoni ta’ Innovazzjoni (2010).

(2)

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-29 ta’ Mejju 2018 dwar li “Titħaffef iċ-ċirkolazzjoni tal-għarfien fl-UE” qiesu li l-Unjoni jeħtieġ li tagħmel użu sħiħ mill-għarfien xjentifiku u teknoloġiku rilevanti li tipproduċi u jeħtieġ li tiżgura trasferiment aktar effettiv tar-riżultati tal-proġetti tar-riċerka u innovazzjoni (R&I) għas-soċjetà u għall-industrija sabiex jiġi mmassimizzat l-impatt tal-investiment fir-R&I. Il-Kunsill stieden ukoll lill-Istati Membri biex iżidu l-isforzi biex jeżaminaw u jikkondividu l-aħjar prattiki dwar it-trasferiment tal-għarfien u appella lill-Kummissjoni biex tiżviluppa u timplimenta strateġija għat-tixrid u l-isfruttament tar-riżultati tal-proġetti tar-R&I sabiex ikomplu jżidu d-disponibbiltà u l-użu tagħhom u jaċċelleraw l-adozzjoni potenzjali tagħhom.

(3)

Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Marzu 2020 intitolata “Strateġija Industrijali Ġdida għall-Ewropa” u l-aġġornament tagħha għall-2021 issottolinjaw l-importanza tal-ġestjoni tal-PI, b’mod partikolari s-sensibilizzazzjoni tal-komunità tar-riċerka dwar il-PI, u ħabbru strateġija dwar l-istandardizzazzjoni biex jappoġġaw pożizzjoni aktar assertiva fir-rigward tal-interessi tal-Unjoni. Il-prijoritajiet ewlenin tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Unjoni tal-25 ta’ Novembru 2020 dwar il-PI (3) biex jiġu appoġġati l-irkupru u r-reżiljenza tal-Unjoni jinkludu l-promozzjoni tal-użu u l-introduzzjoni effettivi tal-PI u l-iżgurar ta’ aċċess aktar faċli għal assi protetti mill-PI u l-kondiviżjoni tagħhom fi żminijiet ta’ kriżi.

(4)

L-Istrateġija tal-Unjoni dwar l-Istandardizzazzjoni tenfasizza l-importanza tas-sensibilizzazzjoni strateġika dwar l-istandardizzazzjoni fost ir-riċerkaturi u l-innovaturi u li tiġi involuta l-komunità tar-R&I fi stadju bikri fl-istandardizzazzjoni, bħala mod kif jiġu żviluppati l-għarfien espert u l-ħiliet rilevanti. Dik l-Istrateġija tiddikjara wkoll li l-Kummissjoni ser tiżviluppa Kodiċi ta’ Prattika għar-riċerkaturi dwar l-istandardizzazzjoni biex issaħħaħ ir-rabta bejn l-istandardizzazzjoni u r-R&I.

(5)

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-1 ta’ Diċembru 2020 dwar “Iż-Żona Ewropea tar-Riċerka l-Ġdida” irrikonoxxew li huma meħtieġa sforzi addizzjonali biex l-assi intellettwali u xjentifiċi tal-Unjoni jissarrfu fi prodotti u servizzi ġodda li jissodisfaw id-domandi tas-soċjetà. Il-Kunsill laqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tirrieżamina r-Rakkomandazzjoni 2008/416/KE f’konformità mal-Istrateġija Industrijali l-Ġdida għall-Ewropa.

(6)

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-28 ta’ Mejju 2021 dwar “Approfondiment taż-Żona Ewropea tar-Riċerka: Nagħtu lir-riċerkaturi karrieri u kundizzjonijiet tax-xogħol attraenti u sostenibbli u nagħmlu ċ-ċirkolazzjoni tal-imħuħ realtà” enfasizzaw l-importanza li jiġu appoġġati r-riformi fis-sistemi nazzjonali tar-riċerka biex tiġi żgurata l-attraenza tal-karrieri fir-riċerka u tiġi indirizzata d-diverġenza fil-livelli ta’ remunerazzjoni filwaqt li jittejbu s-sistemi ta’ premjazzjoni u valutazzjoni.

(7)

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/2122 (4) dwar “Patt għar-Riċerka u l-Innovazzjoni fl-Ewropa” tidentifika l-valorizzazzjoni tal-għarfien bħala wieħed mill-oqsma ta’ prijorità għal azzjoni konġunta b’appoġġ għaż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER). Dak il-Patt jirrikonoxxi wkoll il-ħolqien tal-valur u l-impatt soċjetali u ekonomiku bħala parti mis-sett komuni ta’ valuri u prinċipji għar-R&I fl-Unjoni li l-Istati Membri jenħtieġ li jqisu fl-iżvilupp tas-sistemi tagħhom tar-R&I.

(8)

L-Aġenda ta’ Politika taż-ŻER għall-2022-2024 annessa mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta’ Novembru 2021 dwar “Il-governanza futura taż-Żona Ewropea tar-Riċerka” tinkludi azzjoni għal “Aġġornament tal-gwida tal-UE għal valorizzazzjoni aħjar tal-għarfien”. L-ewwel eżitu ta’ dik l-azzjoni huwa li “Jiġu żviluppati u approvati prinċipji gwida għall-valorizzazzjoni tal-għarfien”. Dik l-azzjoni tinkludi wkoll l-iżvilupp ta’ Kodiċi ta’ Prattika għall-użu intelliġenti tal-PI u ta’ Kodiċi ta’ Prattika għar-riċerkaturi dwar l-istandardizzazzjoni, li għadhom jipprovdu gwida aktar dettaljata dwar kif għandhom jiġu implimentati ċerti aspetti tal-valorizzazzjoni tal-għarfien.

(9)

Ix-Xjenza Miftuħa, li huwa approċċ għall-proċess xjentifiku bbażat fuq il-kooperazzjoni miftuħa fir-rigward ta’ xogħol, strumenti u tixrid tal-għarfien, kif definit fir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), huwa metodu standard għall-ħidma fl-ambitu tal-programmi qafas tal-Unjoni għar-R&I u huwa identifikat bħala qasam prijoritarju ieħor għal azzjoni konġunta fir-Rakkomandazzjoni (UE) 2021/2122. Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/790 (6) tħeġġeġ lill-Istati Membri jistabbilixxu u jimplimentaw politiki nazzjonali għad-disseminazzjoni u l-aċċess miftuħ għall-pubblikazzjonijiet xjentifiċi u għall-ġestjoni tad-data tar-riċerka, b’mod partikolari permezz tal-Cloud Ewropea tax-Xjenza Miftuħa. Ir-rapport finali tal-Pjattaforma tal-Politika tax-Xjenza Miftuħa (7) jelenka t-tisħiħ tal-għarfien dwar il-valur tal-PI u l-ġestjoni tal-assi tal-PI fost l-elementi li sistema ta’ riċerka kondiviża għall-innovazzjoni jenħtieġ li tinkludi. Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta’ Ġunju 2022 dwar “L-evalwazzjoni tar-riċerka u l-implimentazzjoni tax-Xjenza Miftuħa” jissuġġerixxu li l-evoluzzjoni tas-sistemi ta’ evalwazzjoni tar-riċerka fl-Ewropa jenħtieġ li, fost l-oħrajn, tqis il-valorizzazzjoni tal-għarfien.

(10)

Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Frar 2020 intitolata “Strateġija Ewropea għad-data” tħeġġeġ lis-settur pubbliku u n-negozji jisfruttaw l-opportunità ppreżentata mid-data għall-ġid soċjali u ekonomiku u tqis li l-potenzjal ta’ dik id-data jenħtieġ li jintuża biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tal-individwi u b’hekk jinħoloq valur għall-ekonomija u għas-soċjetà. L-innovazzjoni mmexxija mid-data tista’ toħloq benefiċċji kbar għaċ-ċittadini, fosthom permezz ta’ mediċina personalizzata mtejba, permezz ta’ mobilità ġdida u permezz tal-kontribut tagħha għall-Patt Ekoloġiku Ewropew.

(11)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta’ April 2021 intitolata “Regolamentazzjoni aħjar: Ningħaqdu flimkien biex nagħmlu liġijiet aħjar” tissottolinja li l-evidenza xjentifika hija waħda mill-pedamenti ta’ regolamentazzjoni aħjar, vitali biex tiġi stabbilita deskrizzjoni akkurata tal-problema, fehim reali tal-kawżalità u għalhekk tal-loġika ta’ intervent, u biex jiġi evalwat l-impatt. Ir-riċerka ta’ kwalità għolja ma tistax issir f’tul ta’ żmien qasir ħafna, u għalhekk biex jiġi żgurat li jkun hemm evidenza pertinenti disponibbli meta jkun hemm bżonn jirrikjedi antiċipazzjoni u koordinazzjoni aħjar tal-ħtiġijiet għall-evidenza. Dan ifisser ukoll mobilizzazzjoni u involviment aħjar tal-komunità tar-riċerka fil-proċess regolatorju.

(12)

It-trawwim ta’ ħiliet trażversali bħall-intraprenditorija, il-kreattività, il-ħsieb kritiku u l-involviment ċiviku huma fost l-objettivi tal-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni “dwar il-kisba sal-2025 taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni”, “l-istrateġija Ewropea għall-universitajiet” u “Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza”. Il-qafas strateġiku taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni (ŻEE) jippromwovi l-kollaborazzjoni u t-tagħlim bejn il-pari bejn l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati ewlenin, pereżempju fil-forma ta’ gruppi ta’ ħidma.

(13)

L-ekosistema tar-R&I nbidlet ħafna mir-Rakkomandazzjoni 2008/416/KE, li kienet prinċipalment immirata għall-organizzazzjonijiet pubbliċi tar-riċerka (8). Hemm bżonn ta’ aġġornament, biex jiffoka fuq il-massimizzazzjoni tal-valur tal-assi kollha tal-għarfien iġġenerati minn tipi differenti ta’ atturi f’ekosistema dinamika tar-R&I. Sfidi u żviluppi ġodda jenħtieġ li jiġu indirizzati, bħall-ktajjen tal-valur tal-għarfien dejjem aktar kumplessi, opportunitajiet ġodda tas-suq maħluqa minn teknoloġiji emerġenti, forom ġodda ta’ kollaborazzjoni bejn l-industrija u d-dinja akkademika u bejn is-settur pubbliku u d-dinja akkademika, l-involviment taċ-ċittadini, kif ukoll l-interferenza barranija fir-R&I u r-reċiproċità fil-ġestjoni tal-assi intellettwali fil-kuntest tal-kooperazzjoni internazzjonali fir-R&I.

(14)

Id-diversità tal-kanali u tal-għodod tal-valorizzazzjoni tal-għarfien (9) jenħtieġ li tiġi riflessa biex jiġu indirizzati s-sostenibbiltà, l-isfidi soċjali u prijoritajiet oħra ta’ politika settorjali u biex jiġu mħeġġa kollaborazzjonijiet multidixxiplinari, mhux biss fil-qasam tradizzjoni tat-trasferiment tal-għarfien f’oqsma teknoloġiċi, iżda li jinvolvu wkoll dixxiplini bħax-xjenzi soċjali, l-umanistika u l-arti, fosthom ħarsa lejn l-interkonnessjonijiet bejn il-politiki soċjali, ambjentali u ekonomiċi.

(15)

L-għan tal-prinċipji gwida għall-valorizzazzjoni tal-għarfien jenħtieġ li jkun li tiġi adottata linja komuni dwar miżuri u inizjattivi ta’ politika għat-titjib tal-valorizzazzjoni tal-għarfien fl-Unjoni, b’mod partikolari permezz ta’: (a) it-twessigħ tal-ambitu tal-atturi u l-attivitajiet meta mqabbel mar-Rakkomandazzjoni 2008/416/KE; (b) l-implikazzjoni ta’ enfasi fuq l-ekosistema kollha tar-R&I u l-konnessjonijiet tagħha, fuq il-kokreazzjoni bejn l-atturi u fuq il-ħolqien ta’ valur soċjetali; (c) it-twessigħ tal-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom biex jinkludu l-ġestjoni tal-assi intellettwali u jenfasizzaw l-importanza tal-iżvilupp ta’ kultura, prattiki u ħiliet intraprenditorjali; u (d) enfasi fuq ħtiġijiet ġodda biex jiżdied l-impatt tar-R&I, bħall-indirizzar ta’ sfidi ta’ politika ġodda u persistenti, it-tisħiħ tal-involviment taċ-ċittadini u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki fost diversi atturi tar-R&I.

(16)

Il-kunċetti ewlenin fil-prinċipji gwida għall-valorizzazzjoni tal-għarfien jenħtieġ li jiġu definiti kif ġej:

“Il-valorizzazzjoni tal-għarfien hija l-proċess tal-ħolqien ta’ valur soċjali u ekonomiku mill-għarfien billi oqsma u setturi differenti jiġu marbuta u billi r-riżultati tad-data, tan-know-how u tar-riċerka jiġu ttrasformati f’politiki bbażati fuq prodotti, servizzi, soluzzjonijiet u għarfien sostenibbli li huma ta’ benefiċċju għas-soċjetà. L-enfasi fuq il-valorizzazzjoni tal-għarfien tagħmilha neċessarja li jitwessa’ l-ambitu tar-Rakkomandazzjoni 2008/416/KE, biex tinkludi l-ekosistema kollha tar-R&I u l-firxa dejjem usa’ ta’ atturi tagħha.

Il-valorizzazzjoni tal-għarfien” hija bidla fundamentali, li ġġib magħha aspetti ġodda li ser jimmassimizzaw il-valur tal-assi eżistenti u futuri tar-R&I u l-għarfien, inkluż l-għarfien taċitu, fejn l-għarfien taċitu jkun kwalunkwe għarfien li ma jistax jiġi kkodifikat u trażmess bħala informazzjoni permezz ta’ dokumentazzjoni, dokumenti akkademiċi, lectures, konferenzi jew kanali oħra ta’ komunikazzjoni. Tali għarfien jiġi ttrasferit b’mod aktar effettiv fost individwi b’kuntest soċjali komuni u prossimità fiżika (10). Il-valorizzazzjoni tal-għarfien ser twassal għal benefiċċji għat-tfassil tal-politika u għal modi ġodda ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni tar-R&I permezz tal-iżvilupp ta’ indikaturi u għodod ta’ kejl. Dan ser jaffettwa l-finanzjament tar-R&I u ser iżid il-valur għax-xjenza u r-riċerka u r-riżultati tagħhom. Il-valorizzazzjoni tal-għarfien tirrikjedi l-parteċipazzjoni tal-atturi fl-ekosistema tar-R&I u l-utenti/benefiċjarji tal-għarfien u l-innovazzjoni, b’enfasi partikolari fuq l-użu, u l-użu mill-ġdid u l-arrikkiment reċiproku tal-għarfien fost setturi differenti għall-benefiċċju tas-soċjetà. Bħala tali, huwa kunċett usa’ mit-tixrid, li jinvolvi li l-għarfien u r-riżultati jsiru magħrufa u aċċessibbli. Fl-aħħar nett, il-valorizzazzjoni tal-għarfien mistennija tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti (11) u l-Patt Ekoloġiku Ewropew.

“L-assi intellettwali” huma kkunsidrati li jkopru kwalunkwe riżultat, servizz jew prodott iġġenerat minn kwalunkwe attività tar-R&I, bħal privattivi, drittijiet tal-awtur, trademarks, pubblikazzjonijiet, data, know-how, prototipi, proċessi, prattiki, teknoloġiji, invenzjonijiet, software jew mudelli tan-negozju. It-twessigħ tal-ambitu minn enfasi limitata fuq il-ġestjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-PI ser iwessa’ wkoll l-opportunitajiet għall-ħolqien tal-valur. L-isfruttament tal-valur sħiħ tal-assi intellettwali ġġenerati mill-attivitajiet tar-R&I jirrikjedi li l-organizzazzjonijiet li jwettqu attivitajiet tar-R&I jimmaniġġaw l-assi intellettwali f’sens wiesa’, kemm dawk li jistgħu jiġu protetti legalment, bħal privattivi, drittijiet tal-awtur u trademarks kif ukoll assi intellettwali oħra li jistgħu jintużaw f’attivitajiet ta’ valorizzazzjoni. Dan jirrikjedi l-iżvilupp ta’ strateġiji ta’ ġestjoni u l-promozzjoni ta’ ħiliet speċifiċi u trażversali biex jiġi sfruttat il-valur sħiħ tal-assi intellettwali ġġenerati. Il-ġestjoni effiċjenti tal-assi intellettwali hija kruċjali għall-valorizzazzjoni tal-għarfien.

(17)

Il-ftuħ bħala prinċipju jappoġġa l-ħolqien tal-valur, u l-użu ta’ għodod ta’ ġestjoni tal-assi intellettwali jista’ jwassal għal użu aħjar tar-riżultati, jikkontribwixxi b’mod pożittiv għall-innovazzjoni u jżid il-valur miżjud ġenerali tar-riżultati xjentifiċi (12). Soġġett għar-rispett tar-regoli tal-PI, bil-prinċipju ta’ “kemm jista’ jkun miftuħ, magħluq kemm meħtieġ”, huwa importanti li jiġi rikonoxxut li kemm ix-Xjenza Miftuħa kif ukoll l-Innovazzjoni Miftuħa, li l-premessa bażika ta’ din tal-aħħar tkun li l-proċess ta’ innovazzjoni jinfetaħ għall-atturi attivi kollha sabiex l-għarfien ikun jista’ jiċċirkola b’mod aktar liberu u jiġi ttrasformat fi prodotti u servizzi li joħolqu swieq ġodda biex b’hekk titrawwem kultura aktar b’saħħitha ta’ intraprenditorija (13), jużaw u jisfruttaw l-għodod għall-ġestjoni tal-assi intellettwali. L-użu sensibbli tar-riżultati tar-riċerka biex jinħolqu benefiċċji soċjoekonomiċi ser iżid ukoll mal-valur ġenerali u mal-importanza tar-riċerka xjentifika għas-soċjetà.

(18)

Il-prattiki, il-proċessi, il-kompetenzi u l-ħiliet intraprenditorjali, u dawk li jiffaċilitaw id-djalogu maċ-ċittadini, mas-soċjetà ċivili u ma’ dawk li jfasslu l-politika, huma komponenti meħtieġa ta’ inizjattivi ta’ valorizzazzjoni ta’ suċċess tal-għarfien. It-trasformazzjoni tal-għarfien f’valur ġdid, irrispettivament minn jekk dan jikkonċernax innovazzjonijiet inkrementali jew ta’ tfixkil, it-tfassil tal-politika bbażat fuq l-evidenza, jew il-benesseri taċ-ċittadini, tirrikjedi attitudnijiet, prattiki jew kulturi proattivi/intraprenditorjali u ta’ kokreazzjoni/involviment transsettorjali, flimkien ma’ sforzi intraprenditorjali f’xi stadji tal-proċess ta’ valorizzazzjoni jew matulhom kollha. B’dak il-mod, il-proċess ta’ valorizzazzjoni jista’ jispira aġġustamenti fis-sistemi edukattivi u l-karrieri tar-riċerkaturi sabiex dawn ikunu jistgħu jaqdu aħjar il-ħiliet, il-kompetenzi u l-imġibiet li jwasslu għal kreattività akbar u ħolqien ta’ valur soċjetali. Għalhekk, l-iżvilupp u l-użu ta’ approċċi intraprenditorjali u ta’ approċċi, ta’ diversità u orjentati lejn l-involviment/il-kollaborazzjoni huma kruċjali biex il-valorizzazzjoni tkun effettiva.

(19)

Il-proċessi u l-metodi intraprenditorjalihuma skoperta bbażata fuq l-esperimenti u azzjonijiet b’kokreazzjoni, li jkopru l-konfini organizzazzjonali u li jinvolvu ħafna kompetenzi komplementari. F’dan il-kuntest, il-proċess intraprenditorjali jitqies bħala metodu xprunat mill-iskoperti biex jiġu indirizzati l-isfidi u l-opportunitajiet relatati mas-suq u mas-soċjetà billi jiġu żviluppati u sfruttati b’mod sperimentali assi intellettwali f’valuri (innovazzjonijiet) ġodda u utli għal sett partikolari ta’ partijiet ikkonċernati. Dawn il-proċessi u l-metodi jirrikjedu l-ħiliet u l-kapaċitajiet soċjo-intraprenditorjali meħtieġa biex jiffaċilitaw l-effett konsegwenzjali tal-għarfien soċjali lil hinn mill-kummerċjalizzazzjoni. L-użu tal-metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni ta’ networks, għodod u strumenti mill-ERA u l-qafas strateġiku taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni (EEA) ser jistimula l-valorizzazzjoni tal-għarfien u l-iżvilupp ta’ ħiliet relatati.

(20)

Għalhekk, il-prinċipji gwida jenħtieġ li jkopru l-iżvilupp, l-użu u l-ġestjoni tal-prattiki, tal-proċessi u tal-ħiliet intraprenditorjali fil-livelli kollha tas-soċjetà fis-setturi privati u pubbliċi involuti fil-valorizzazzjoni tal-għarfien. Dak l-ambitu ġdid jirrikjedi li dawk li jfasslu l-politika jallinjaw l-objettivi ta’ politika tagħhom kif xieraq u jistabbilixxu approċċi ġodda meħtieġa għall-valorizzazzjoni tal-għarfien. Dawk il-prinċipji gwida għandhom l-għan li jgħinu lil dawk li jfasslu l-politika fl-Istati Membri biex jiġu ssodisfati tali obbligi.

(21)

Għalhekk, il-prinċipji gwida f’din ir-Rakkomandazzjoni jenħtieġ li jikkonċernaw inizjattivi ta’ politika mmirati lejn il-kategoriji kollha ta’ atturi tal-ekosistema involuti f’attivitajiet tar-R&I, bħal:

id-dinja akkademika, l-universitajiet u istituzzjonijiet oħra tal-edukazzjoni għolja, organizzazzjonijiet tar-riċerka, l-innovazzjoni u t-teknoloġija u organizzazzjonijiet oħra ta’ riċerka pubbliċi, akkademji u soċjetajiet mgħallma, u inizjattivi u networks intergovernattivi, bħall-Eureka;

l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inkluż ċittadini u organizzazzjonijiet mhux governattivi;

investituri privati u organizzazzjonijiet ta’ finanzjament u investiment, inkluż fondazzjonijiet u organizzazzjonijiet tal-karità;

individwi, bħal innovaturi, intraprendituri, riċerkaturi, xjentisti, għalliema u studenti;

l-industrija inkluż l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), in-negozji l-ġodda, l-ispin-offs, in-negozji li qed jespandu u l-intrapriżi soċjali;

intermedjarji, bħal professjonisti fit-trasferiment tal-għarfien u t-teknoloġija, inkubaturi, parks tax-xjenza, ċentri jew raggruppamenti ta’ innovazzjoni tal-Unjoni, nazzjonali u reġjonali„ esperti tal-PI, konsulenti u professjonisti ta’ appoġġ għall-innovazzjoni, timijiet ta’ komunikazzjoni tax-xjenza u involviment tal-politika, għarfien għall-organizzazzjonijiet ta’ konsulenza dwar il-politika/ix-xjenza u professjonisti fil-parteċipazzjoni taċ-ċittadini;

l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali u dawk li jfasslu l-politika;

organizzazzjonijiet ta’ riċerka privati; fornituri ta’ servizzi pubbliċi u privati bħal sptarijiet, fornituri tat-trasport pubbliku u fornituri tal-enerġija;

infrastrutturi tar-riċerka, infrastrutturi tat-teknoloġija u faċilitajiet u networks oħra li jappoġġaw l-attivitajiet tar-R&I;

korpi tal-istandardizzazzjoni.

(22)

Il-prinċipji gwida jenħtieġ li jiġu fformulati biex ikunu applikabbli għall-kategoriji kollha elenkati fl-Inċiż 21, jew għall-biċċa l-kbira minnhom. L-implimentazzjoni tal-prinċipji gwida jenħtieġ li tiġi adattata għall-atturi fil-mira permezz ta’ dokumenti tal-Kodiċi ta’ Prattika jiġifieri Kodiċi ta’ Prattika għall-użu tal-PI u Kodiċi ta’ Prattika għar-riċerkaturi dwar l-istandardizzazzjoni. Jekk ikun meħtieġ, dokumenti rilevanti oħra tal-Kodiċi ta’ Prattika jistgħu jinħolqu b’mod konġunt mal-partijiet ikkonċernati.

(23)

Jenħtieġ li l-prinċipji gwida ma jkunux vinkolanti. L-applikazzjoni tagħhom jenħtieġ li tirrispetta d-dritt internazzjonali, dak tal-Unjoni u dak nazzjonali u dawn jenħtieġ li jitqiesu fl-isforzi biex il-qafas legali tal-Unjoni jkun ta’ appoġġ għall-valorizzazzjoni tal-għarfien. Il-prinċipji gwida jenħtieġ li jiġu applikati bl-intenzjoni tal-aktar użu wiesa’ possibbli soċjetali, inkluż il-kontribut għas-soċjetà sostenibbli f’konformità mal-linji gwida tal-Unjoni għall-indirizzar tal-interferenza barranija fir-R&I (14). Meta possibbli u skont il-kuntest, l-attivitajiet ta’ valorizzazzjoni jenħtieġ li jikkunsidraw il-ħtiġijiet tas-soċjetà u l-benefiċċji għaliha, minbarra l-ixprunaturi tradizzjonali tal-profitt. Wieħed mill-eżempji huwa l-liċenzjar soċjalment responsabbli, li fih il-liċenzjar tal-assi intellettwali jenħtieġ li jiżgura li l-iffissar tal-prezzijiet tal-prodotti u s-servizzi finali ma jfixkilx l-aċċessibbiltà. Il-prinċipji gwida jenħtieġ li jiffukaw fuq il-massimizzazzjoni tal-valur tal-investimenti fir-R&I lil hinn mit-trasferiment tradizzjonali tal-għarfien u fuq l-involviment tal-atturi kollha fl-ekosistema tar-R&I.

(24)

Il-valorizzazzjoni tal-għarfien hija proċess kumpless li jirrikjedi riżorsi sinifikanti biex jiġi żgurat li l-firxa meħtieġa ta’ ħiliet u kapaċità skalabbli tiġi żviluppata u miżmuma fl-Unjoni. Din ser tkun teħtieġ li jkun hemm investiment kontinwu u miżjud fl-iżvilupp ta’ professjonisti u ta’ faċilitaturi tat-trasferiment u tas-senserija tal-għarfien li jaġixxu bħala intermedjarji bejn l-atturi rilevanti tar-R&I. Huwa partikolarment importanti li l-SMEs jiġu mħeġġa jipparteċipaw permezz ta’ ekosistemi tal-innovazzjoni nazzjonali u reġjonali b’saħħithom. Barra minn hekk, il-proattività fin-negozji ġodda u fin-negozji li qed jespandu ta’ kull daqs jenħtieġ li tiġi mħeġġa u s-sħab industrijali jenħtieġ li jiġu persważi biex ikunu lesti jieħdu r-riskji,

B’DAN JIRRAKKOMANDA:

li l-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea, japplikaw il-prinċipji gwida li ġejjin għall-valorizzazzjoni tal-għarfien:

1.

Valorizzazzjoni tal-għarfien fil-politika tar-riċerka u l-innovazzjoni

(a)

Jiżguraw li jkun hemm stabbiliti strutturi tal-Unjoni, nazzjonali u reġjonali ta’ appoġġ biex jissensibilizzaw lill-organizzazzjonijiet dwar l-ambitu ta’ din ir-Rakkomandazzjoni dwar il-valorizzazzjoni tal-għarfien, jivvalutaw l-implikazzjonijiet tagħha għalihom, fejn xieraq jimmobilizzaw riżorsi finanzjarji u mhux finanzjarji biex ipoġġu din ir-Rakkomandazzjoni fil-prattika u jiżviluppaw l-istrateġiji u l-prattiki meħtieġa biex jimplimentawha u jxandruha.

(b)

Jiżguraw li l-politiki u l-prattiki tal-ħolqien tal-valur jiġu definiti, implimentati, kondiviżi u mxandra fil-livell organizzazzjonali.

(c)

Jiżguraw li l-attivitajiet tar-R&I ffinanzjati pubblikament jikkunsidraw l-aktar użu u valorizzazzjoni soċjetali wiesa’ possibbli tal-assi intellettwali ġġenerati mill-attivitajiet tar-R&I filwaqt li jqisu kwistjonijiet ta’ sovranità u jinvolvu lill-atturi kollha tal-ekosistema.

(d)

Isaħħu l-proċessi u l-prattiki tal-istrutturi fl-użu tar-riżultati tar-riċerka u l-għarfien xjentifiku għat-tfassil u għall-implimentazzjoni tal-politiki pubbliċi u għall-iżvilupp u għar-reviżjoni tal-istandards.

(e)

Jippromwovu l-ugwaljanza, id-diversità u l-inklużjoni kif ukoll jevitaw il-preġudizzji tal-ġeneru fl-objettivi u l-attivitajiet ta’ valorizzazzjoni tal-għarfien, u n-nies involuti f’attivitajiet bħal dawn, pereżempju permezz ta’ timijiet ta’ riċerka varjati u kontenut tar-R&I li jirrifletti l-perspettivi, l-imġibiet u l-ħtiġijiet ta’ gruppi differenti fis-soċjetà.

2.

Ħiliet u kapaċitajiet

(a)

Jippromwovu l-iżvilupp tal-kompetenzi, il-ħiliet u l-kapaċitajiet meħtieġa għall-appoġġ ta’ operazzjonijiet ta’ valorizzazzjoni tal-għarfien li jinvolvu l-partijiet ikkonċernati kollha minn studenti, riċerkaturi u inventuri sa intraprendituri u intermedjarji professjonali, u minn utenti tal-għarfien sa dawk li jfasslu l-politika.

(b)

Jiżguraw li jkunu stabbiliti skemi ta’ mobilità bejn id-dinja akkademika, l-industrija u s-settur pubbliku biex jiffaċilitaw l-iżvilupp tal-ħiliet u l-arrikkiment reċiproku ta’ kompetenzi, kultura u prattiki, anke bħala proċess ta’ tagħlim tul il-ħajja, fost l-atturi tal-valorizzazzjoni tal-għarfien fil-livelli tal-Unjoni, nazzjonali u reġjonali.

(c)

Jiżguraw li l-għarfien taċitu ta’ dawk li jiġġeneraw l-assi intellettwali jkun rikonoxxut bħala wieħed mill-elementi fil-proċess ta’ valorizzazzjoni. Huwa importanti li jiġu promossi approċċi ta’ kollaborazzjoni parteċipattivi li jagħmluha possibbli li jiġu inklużi t-talenti, il-ħiliet u l-għarfien taċitu fl-innovazzjoni u l-valorizzazzjoni.

(d)

Jinkoraġġixxu u jiffaċilitaw kollaborazzjoni multidixxiplinari u interdixxiplinari li tmur lil hinn minn oqsma teknoloġiċi u li jinvolvu dixxiplini bħax-xjenzi soċjali, l-istudji umanitarji u l-arti, kif ukoll approċċi kokreattivi.

3.

Sistema ta’ inċentivi

(a)

Jiżviluppaw u jistabbilixxu sistema rilevanti u ġusta biex tagħti inċentivi lill-atturi kollha tal-ekosistema tar-R&I, b’mod partikolari r-riċerkaturi, l-innovaturi, l-istudenti u l-persunal tal-universitajiet u l-organizzazzjonijiet pubbliċi tar-riċerka, biex jitgħallmu, japplikaw u jipprattikaw valorizzazzjoni tal-għarfien, kif ukoll biex jattiraw u jżommu t-talent.

(b)

Jipprovdu miżuri għan-negozji, b’mod partikolari għall-SMEs, għas-soċjetà ċivili, għaċ-ċittadini, għall-utenti finali u għall-awtoritajiet pubbliċi biex ikunu sħab attivi fil-kokreazzjoni ta’ innovazzjoni li żżid il-valur, u b’hekk itejbu l-aċċess għall-għarfien u l-użu tiegħu, u jżidu l-akkwist tal-ħiliet u jħeġġu esperimentazzjoni konġunta.

(c)

Jinkoraġġixxu, jappoġġaw u jinċentivaw organizzazzjoni li jwettqu l-valorizzazzjoni tal-għarfien biex jiġbru, jikkondividu u jużaw metrika li ttejjeb it-tagħlim u l-prestazzjoni tal-atturi tal-valorizzazzjoni tal-għarfien fl-Unjoni.

4.

Ġestjoni tal-assi intellettwali

(a)

Jiżguraw li l-politiki u l-prattiki għall-ġestjoni tal-assi intellettwali jiġu ddefiniti, implimentati, kondiviżi, imxandra u promossi fl-organizzazzjonijiet kollha involuti fil-valorizzazzjoni tal-għarfien.

(b)

Jissensibilizzaw l-universitajiet, l-organizzazzjonijiet tar-riċerka, l-awtoritajiet pubbliċi u n-negozji dwar l-importanza tal-ġestjoni tal-assi intellettwali f’ambjent internazzjonali, filwaqt li jqisu kwistjonijiet ta’ sovranità.

(c)

Jiżguraw li l-assi intellettwali żviluppati minn attivitajiet ta’ R&I ffinanzjati pubblikament fl-Unjoni jiġu ġestiti u kkontrollati b’tali mod li l-benefiċċju soċjoekonomiku, inkluż il-kontribut għas-sostenibbiltà għall-Unjoni kollha kemm hi, jitqies u jiġi massimizzat.

(d)

Iżidu l-għarfien u l-adozzjoni ta’ prattiki u għodod ta’ ġestjoni tal-assi intellettwali fix-Xjenza Miftuħa kif ukoll fl-Innovazzjoni Miftuħa biex jiffaċilitaw l-użu tar-riżultati u tad-data għall-innovazzjoni.

(e)

Iżidu l-ġestjoni effiċjenti tal-assi intellettwali, pereżempju billi jappoġġaw il-bini ta’ portafoll attiv u billi jippromwovu pjattaformi li jorbtu l-offerta u d-domanda għall-assi intellettwali, sabiex jiġi mmassimizzat il-ħolqien tal-valur għal dawk kollha involuti.

5.

Rilevanza fl-iskemi ta’ finanzjament pubbliku

(a)

Jikkunsidraw kif isaħħu l-applikazzjoni tal-prinċipji tal-valorizzazzjoni tal-għarfien fir-riċerka ffinanzjata pubblikament.

(b)

Jikkunsidraw skemi ta’ finanzjament speċifiċi biex jikkomplementaw il-finanzjament tar-riċerka sabiex jiżguraw li l-valorizzazzjoni tal-għarfien tiġi inċentivata fi stadju bikri fir-riċerka, fosthom l-appoġġ għall-intermedjarji.

6.

Tagħlim bejn il-pari

(a)

Jippromwovu u jappoġġaw proċessi u prattiki nazzjonali u tranżnazzjonali ta’ tagħlim bejn il-pari għat-tixrid u għall-inkoraġġiment tal-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki (15), studji tal-każijiet, mudelli tar-rwol u tagħlimiet meħuda u għall-iżvilupp ta’ speċifikazzjonijiet komuni għall-valorizzazzjoni tal-għarfien.

(b)

Jużaw bħala standard l-organizzazzjonijiet, l-ekosistemi u l-inizjattivi tal-valorizzazzjoni tal-għarfien sabiex jiġu żviluppati u promossi kunċetti, mudelli u inċentivi komuni biex iservu bħala gwida għall-valutazzjoni u għall-implimentazzjoni tal-ġestjoni u l-proċessi tal-valorizzazzjoni tal-għarfien. Barra minn hekk, jużaw l-għarfien espert, in-networks u t-tagħlimiet meħuda minn organizzazzjonijiet rilevanti, bħall-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea, l-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi, in-Network Enterprise Europe, l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija u l-komunitajiet ta’ konoxxenza u innovazzjoni tagħhom u organizzazzjonijiet internazzjonali, Ewropej, nazzjonali jew reġjonali oħra.

(c)

Jinkoraġġixxu lill-universitajiet u lill-organizzazzjonijiet pubbliċi tar-riċerka biex jiġbru flimkien ir-riżorsi, l-għarfien espert, id-data u l-infrastruttura tagħhom fost id-dixxiplini, il-pajjiżi u r-reġjuni biex jippromwovu aktar prattiki ta’ tagħlim bejn il-pari.

7.

Metrika, monitoraġġ u evalwazzjoni

(a)

Jippromwovu sforzi kollaborattivi biex jiġu adottati definizzjonijiet, metrika u indikaturi komuni u miftiehma, li jinkludu l-varjetà ta’ kanali ta’ valorizzazzjoni, biex jgħinu fit-titjib tal-prestazzjoni tal-valorizzazzjoni tal-għarfien tal-Unjoni, filwaqt li jitqiesu d-differenzi kuntestwali bejn l-Istati Membri u l-atturi tal-valorizzazzjoni tal-għarfien u l-ispeċifiċitajiet ta’ setturi differenti.

(b)

Jiżguraw li l-prattiki ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni użati għall-valutazzjoni u l-evalwazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ valorizzazzjoni tal-għarfien ikunu allinjati mal-qafas usa’ ta’ monitoraġġ taż-ŻER u jimminimizzaw il-piż amministrattiv fuq l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati, filwaqt li jiżviluppaw sinerġiji ma’ azzjonijiet ta’ politika rilevanti oħra taż-ŻER.

Ir-Rakkomandazzjoni 2008/416/KE hija sostitwita b’din ir-Rakkomandazzjoni.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Diċembru 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

J. SÍKELA


(1)  Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2008/416/KE tal-10 ta’ April 2008 dwar il-ġestjoni ta’ proprjetà intellettwali f’attivitajiet ta’ trasferiment ta’ għarfien u dwar Kodiċi ta’ Prattika għal universitajiet u organizzazzjonijiet pubbliċi ta’ riċerka oħrajn (ĠU L 146, 5.6.2008, p. 19).

(2)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-ġestjoni ta’ proprjetà intellettwali f’attivitajiet ta’ trasferiment ta’ għarfien u dwar Kodiċi ta’ Prattika għal universitajiet u organizzazzjonijiet pubbliċi ta’ riċerka oħrajn.

(3)  Nagħmlu l-aħjar użu mill-potenzjal innovattiv tal-UE. Pjan ta’ azzjoni għall-proprjetà intellettwali b’appoġġ għall-irkupru u r-reżiljenza tal-UE.

(4)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/2122 tas-26 ta’ Novembru 2021 dwar Patt għar-Riċerka u l-Innovazzjoni fl-Ewropa (ĠU L 431, 2.12.2021, p. 1).

(5)  Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Orizzont Ewropa — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, li jistabbilixxi r-regoli tiegħu għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni, u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1290/2013 u (UE) Nru 1291/2013 (ĠU L 170, 12.5.2021, p. 1).

(6)  Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/790 tal-25 ta’ April 2018 dwar l-aċċess għall-informazzjoni xjentifika u l-konservazzjoni tagħha (ĠU L 134, 31.5.2018, p. 12).

(7)  Kummissjoni Ewropea, Direttorat Ġenerali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, Mendez, E., Progress on open science: towards a shared research knowledge system: final report of the open science policy platform, Lawrence, R. (editur), Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet, 2020.

(8)  It-terminu “organizzazzjoni ta’ riċerka pubbliċi” jinkludi kemm organizzazzjonijiet speċjalizzati tar-riċerka teknoloġika kif ukoll istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja li jinvolvu ruħhom f’attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp u taħriġ fir-riċerka (RDT) b’appoġġ sostanzjali ta’ finanzjament minn sorsi pubbliċi u kważi pubbliċi (eż. organizzazzjonijiet tal-karità u mingħajr skop ta’ qligħ).

(9)  Kummissjoni Ewropea, Direttorat Ġenerali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, Research & innovation valorisation channels and tools: boosting the transformation of knowledge into new sustainable solutions, Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet, 2020.

(10)  Rapport tal-OECD Global Competition for Talent: Mobility of the Highly Skilled.

(11)  Riżoluzzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti adottata mill-Assemblea Ġenerali fil-25 ta’ Settembru 2015, Nittrasformaw id-dinja tagħna: L-aġenda 2030 għall-iżvilupp sostenibbli (A/RES/70/1).

(12)  Kummissjoni Ewropea, Direttorat Ġenerali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, Open science and intellectual property rights: How can they better interact? : state of the art and reflections: executive summary, Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet, 2022.

(13)  Kummissjoni Ewropea, Direttorat Ġenerali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, Open innovation, open science, open to the world: a vision for Europe, Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet, 2016, p. 13.

(14)  Kummissjoni Ewropea, Direttorat Ġenerali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, Tackling R&I foreign interference: dokument ta' ħidma tal-persunal, Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet, 2022.

(15)  Repożitorju ta' eżempji tal-aħjar prattika huwa disponibbli fuq il-pjattaforma ta' valorizzazzjoni tal-għarfien tal-Kummissjoni Ewropea li hija miftuħa fuq bażi kontinwa għal sottomissjonijiet ta' eżempji ġodda tal-aħjar prattika.