22.9.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 245/56


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1634

tas-16 ta’ Settembru 2022

dwar salvagwardji interni għall-indipendenza editorjali u t-trasparenza tas-sjieda fis-settur tal-midja

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,

Billi:

(1)

Is-servizzi tal-midja indipendenti jaqdu rwol uniku fis-suq intern. Dawn jirrappreżentaw settur li qed jinbidel malajr u importanti ekonomikament u fl-istess ħin jipprovdu aċċess għal pluralità ta’ fehmiet u sorsi affidabbli tal-informazzjoni liċ-ċittadini daqskemm lin-negozji, u għalhekk jaqdu l-funzjoni ta’ interess ġenerali ta’ “għassies pubbliku”.

(2)

Is-servizzi tal-midja jaqdu rwol kruċjali fis-soċjetajiet demokratiċi għax jipprovdu informazzjoni li hija ben pubbliku. Biex jaqdu dan ir-rwol soċjetali essenzjali u jirnexxu fis-suq, il-fornituri tas-servizzi tal-midja jeħtieġ ikunu jistgħu jipprovdu s-servizzi tagħhom b’mod liberu u indipendenti f’suq li jkun miftuħ u trasparenti, u li jippermetti pluralità ta’ atturi tal-midja u fehmiet.

(3)

Il-fornituri tas-servizzi tal-midja għandhom mhux biss il-protezzjoni permezz tar-regoli tal-Unjoni li jirregolaw is-suq intern iżda anki permezz tal-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (“il-Karta”) għax dawn huma importanti biex jitgawda d-dritt għal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni. L-Artikolu 11 tal-Karta jipprevedi wkoll li l-libertà u l-pluraliżmu tal-midja għandhom jiġu rispettati u li d-dritt għal-libertà tal-espressjoni jinkludi l-libertà li wieħed jirċievi u jagħti informazzjoni mingħajr indħil minn awtorità pubblika u irrispettivament mill-fruntieri tal-Istati Membri. Barra minn hekk, il-funzjonament tajjeb tas-suq intern għas-servizzi tal-midja jħalli impatt dirett fuq l-istat tad-dritt u fuq id-demokrazija, li huma valuri fundamentali tal-Unjoni minquxa fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

(4)

It-telf ta’ dħul mir-reklamar fl-aħħar għaxar snin, b’mod partikolari minħabba ż-żieda fit-tqassim online tal-kontenut tal-midja u bidla fid-drawwiet tal-konsum, dgħajjef ir-riżorsi finanzjarji tas-settur tal-midja tradizzjonali b’mod li ntlaqtet is-sostenibbiltà tiegħu, u għaldaqstant il-kwalità u d-diversità tal-kontenut offrut. Din ix-xejra tindika kif is-suq qed jonqos milli jipprovdi redditi sostenibbli għall-aħbarijiet indipendenti u għall-ġurnaliżmu ta’ kwalità, li huma beni pubbliċi, u milli jgħin fil-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni.

(5)

Kif deskritt fil-Pjan ta’ Azzjoni għad-Demokrazija Ewropea (1), il-Kummissjoni ppreżentat sensiela ta’ inizjattivi biex tappoġġa l-libertà u l-pluraliżmu tal-midja. Adottat Rakkomandazzjoni biex fl-Unjoni Ewropea tiżgura l-protezzjoni, is-sikurezza u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-ġurnalisti u ta’ professjonisti oħra fil-midja (2). Ippreżentat ukoll proposta għal Direttiva (3) u Rakkomandazzjoni (4) dwar il-protezzjoni tal-persuni involuti fil-parteċipazzjoni pubblika minn proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi (“Kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika”). Barra minn hekk, il-Kummissjoni implimentat diversi azzjonijiet biex tappoġġa l-irkupru u t-trasformazzjoni tas-settur tal-midja u awdjoviżiv, bħala parti mill-Pjan ta’ Azzjoni għas-settur tal-midja u awdjoviżiv (5). Il-Kummissjoni qed issegwi mill-qrib ukoll it-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni ta’ biċċiet importanti ta’ leġiżlazzjoni għas-settur tal-midja, b’mod partikolari d-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva (6) u d-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Awtur (7).

(6)

Il-Kummissjoni ppreżentat proposta leġiżlattiva għal Regolament li jistabbilixxi qafas komuni għas-servizzi tal-midja fis-suq intern (l-Att Ewropew dwar il-Libertà tal-Midja). Dik il-proposta tipprevedi sensiela ta’ salvagwardji fil-liġi tal-Unjoni biex iħarsu l-pluraliżmu tal-midja u l-indipendenza editorjali fis-suq intern. Din ir-Rakkomandazzjoni qed tinhemeż mar-Regolament propost bħala għodda b’effett immedjat biex trawwem l-indipendenza editorjali u t-trasparenza tas-sjieda tal-midja.

(7)

Fl-istess ħin, b’mod kumplimentari għal-leġiżlazzjoni u kif enfasizzat fil-pjan ta’ azzjoni għad-demokrazija Ewropea, il-Kummissjoni kienet qed tappoġġa b’mod attiv inizjattivi awtoregolatorji mis-settur tal-midja stess. Din ir-Rakkomandazzjoni hija parti minn dawn l-isforzi.

(8)

L-industrija tal-midja għandha tradizzjoni twila ta’ awtoregolamentazzjoni u ħadet għadd ta’ inizjattivi f’dan il-qasam. Abbażi ta’ dawk l-inizjattivi u filwaqt li titqies id-diversità tat-tradizzjonijiet u l-approċċi legali fl-Istati Membri, jistgħu jiġu identifikati prattiki volontarji biex jitħaddmu mill-fornituri tas-servizzi tal-midja ħalli jtejbu r-reżiljenza tagħhom u jkunu jifilħu aktar il-pressjonijiet politiċi u ekonomiċi. Is-settur jista’ jinvolvi ruħu f’diskussjoni dwar dawn il-prattiki volontarji filwaqt li jħalli f’idejn il-fornituri tas-servizzi tal-midja biex jiddeċiedu liberament liema prattiki jistgħu jissodisfaw il-ħtiġijiet partikolari u l-mudelli tan-negozju tagħhom, b’mod partikolari filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet speċifiċi tal-intrapriżi mikro, żgħar u medji skont it-tifsira tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8).

(9)

Iċ-ċittadini jeħtieġ ikunu jistgħu jafdaw l-informazzjoni li jirċievu biex jeżerċitaw id-drittijiet demokratiċi tagħhom. Jeħtieġ ikollhom aċċess għal pluralità ta’ fehmiet u sorsi affidabbli tal-informazzjoni biex jifformaw l-opinjonijiet tagħhom u jikkontribwixxu għall-proċessi demokratiċi. L-aċċess għal informazzjoni affidabbli hu daqstant importanti biex in-negozji jkunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet infurmati.

(10)

Il-fornituri tas-servizzi tal-midja Ewropej qed ikunu soġġetti dejjem aktar għal interferenza mhux xierqa fid-deċiżjonijiet editorjali individwali, inkluż minn sidien privati u azzjonisti, b’effetti avversi fuq il-libertà editorjali, fuq il-kapaċità li jipprovdu aħbarijiet indipendenti u għalhekk fuq id-disponibbiltà ta’ informazzjoni affidabbli għall-udjenzi tal-midja. Il-Monitoraġġ tal-Pluraliżmu tal-Midja tal-2022 juri riskju qawwi ta’ influwenza kummerċjali u tas-sidien mhux xierqa f’diversi Stati Membri (9). Fl-era diġitali, minħabba l-possibbiltà akbar ta’ aċċess faċli għall-informazzjoni pprovduta minn fornituri tas-servizzi tal-midja stabbiliti fi Stati Membri oħra, hu essenzjali li fil-livell tal-UE jitrawmu prattiki tajba biex ikun żgurat li ċ-ċittadini u n-negozji tal-Unjoni jirċievu kontenut indipendenti u divers tal-aħbarijiet u tal-ġrajjiet kurrenti ħalli jifformaw il-fehmiet tagħhom u jagħmlu għażliet infurmati, b’mod li jikkontribwixxi għall-isfera pubblika fis-suq intern.

(11)

L-indipendenza editorjali tipproteġi lill-edituri u lill-ġurnalisti mill-kunflitti ta’ interess u tgħinhom jirreżistu l-indħil u l-pressjoni mhux xierqa. Għalhekk, din hija prerekwiżit għall-produzzjoni u ċ-ċirkolazzjoni ta’ informazzjoni imparzjali u aspett essenzjali tal-libertà tal-midja. Din tippermetti l-forniment u l-wasla ta’ servizzi tal-midja indipendenti u pluralistiċi fost iċ-ċittadini u n-negozji fl-Unjoni kollha. Dawn huma partikolarment rilevanti għall-fornituri tas-servizzi tal-midja li jipprovdu kontenut tal-aħbarijiet u tal-ġrajjiet kurrenti, irrispettivament mill-format tiegħu (inkluż dokumentarji jew programmi magazin li jittrattaw dawn is-suġġetti). Għalhekk, ir-rakkomandazzjonijiet relatati mal-miżuri volontarji dwar l-indipendenza editorjali huma indirizzati lil dawk il-fornituri.

(12)

F’dan il-kuntest, xi fornituri tas-servizzi tal-midja diġà qed idaħħlu fis-seħħ miżuri, standards jew mekkaniżmi ta’ governanza korporattiva, bħal karti editorjali jew kodiċijiet jew kumitati ta’ etika biex iħarsu l-indipendenza editorjali. F’xi kmamar tal-aħbarijiet, il-ġurnalisti għandhom vuċi fl-għażla tal-kap editur tagħhom jew saħansitra fil-bidliet tas-sjieda tal-midja. F’ċerti kumpaniji tal-midja, il-ġurnalisti għandhom l-istatus ta’ azzjonisti, u jistgħu jipparteċipaw fit-teħid ta’ deċiżjonijiet strateġiċi u fil-qsim tal-gwadann ekonomiku. F’xi Stati Membri, uħud minn dawk il-miżuri korporattivi huma legalment meħtieġa għal tipi speċifiċi ta’ fornituri tas-servizzi tal-midja (10). Dawk u eżempji oħra ta’ salvagwardji għandhom ikunu għejun ta’ ispirazzjoni għall-miżuri volontarji u bażi għal diskussjonijiet kontinwi xprunati mill-partijiet ikkonċernati dwar kif tista’ tittejjeb il-protezzjoni tal-indipendenza editorjali.

(13)

Filwaqt li hu leġittimu li s-sidien tal-midja privata jagħżlu u jiddeċiedu d-direzzjoni editorjali fit-tul tagħhom, importanti jkun żgurat li fil-ħidma tagħhom ta’ kuljum, l-edituri jkunu jistgħu jirrappurtaw l-aħbarijiet u l-ġrajjiet kurrenti b’mod indipendenti. Infatti, l-edituri għandhom isejsu d-deċiżjonijiet editorjali individwali fuq ir-riċerka u l-valutazzjoni ġurnalistika u fuq ir-rilevanza tal-informazzjoni għall-qarrejja; għandhom ikunu jistgħu jesprimu liberament ċerti fehmiet kritiċi mingħajr biża’ ta’ tpattija. Jeħtieġ jitħaddem approċċ bilanċjat immexxi mill-industrija, biex titrawwem l-indipendenza editorjali, filwaqt li jingħarfu d-drittijiet u l-interessi leġittimi tas-sidien privati tal-fornituri tas-servizzi tal-midja mill-perspettiva kemm tal-libertà ta’ intrapriża u anki tal-libertà tal-espressjoni tagħhom stess.

(14)

L-awtoregolamentazzjoni tal-midja u l-istandards tal-etika ġurnalistika huma għodod effettivi li jsaħħu l-pożizzjoni tal-ġurnalisti u jgħinuhom jirreżistu l-pressjonijiet żejda, inkluż dawk ta’ natura politika u kummerċjali, u b’hekk isaħħu l-fiduċja tal-pubbliku fil-midja (11). Madankollu, hemm lok għal aktar titjib fl-applikazzjoni tal-istandards ġurnalistiċi madwar l-Unjoni. Il-Monitoraġġ tal-Pluraliżmu tal-Midja tal-2022 jindika ċerti nuqqasijiet fl-implimentazzjoni effettiva tal-awtoregolamentazzjoni (12).

(15)

Barra minn hekk, kif identifikat fil-proġett iffinanzjat mill-Unjoni “Kunsilli tal-Midja fl-Era Diġitali”, il-kunsilli tal-midja jew tal-istampa joperaw biss fi ftit aktar minn nofs l-Istati Membri (13). F’dawk l-Istati Membri, dawn ivarjaw fid-daqs tagħhom, fl-ambitu tal-attivitajiet u fit-tip ta’ identità legali jew rikonoxximent skont il-liġi nazzjonali, u dan jaf jaffettwa r-rwol effettiv tagħhom. Iżda f’xi Stati Membri, għadhom ma ġewx stabbiliti kunsilli tal-midja jew tal-istampa, u r-rappreżentanti tal-komunità tal-midja mhumiex inċentivati jiżviluppawhom.

(16)

Din ir-Rakkomandazzjoni tipproponi ġabra mhux eżawrjenti u mhux kumulattiva ta’ miżuri u strateġiji volontarji għall-fornituri tas-servizzi tal-midja biex ikun żgurat il-proċess indipendenti tal-produzzjoni tal-kontenut tal-aħbarijiet. Il-miżuri rakkomandati jikkonċernaw elementi ewlenin ta’ dak il-proċess, li jibdew mill-kundizzjonijiet għall-ħolqien indipendenti tal-kontenut editorjali, b’tisħiħ tal-pożizzjoni tal-ġurnalisti biex jieħdu sehem f’deċiżjonijiet kruċjali dwar il-funzjonament tal-kmamar tal-midja, għal strateġiji li jiżguraw l-istabbiltà fit-tul tal-produzzjoni tal-kontenut tal-aħbarijiet.

(17)

Xejn f’din ir-Rakkomandazzjoni, li bid-definizzjoni tagħha mhix vinkolanti, ma għandu jiġi interpretat li jaffettwa l-libertà li jiġu pprovduti servizzi fis-suq intern jew il-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, inkluż il-libertà tal-istampa, jew li jinterferixxi mal-libertà editorjali jew mal-libertà ta’ intrapriża. Is-salvagwardji interni bl-ebda mod ma għandhom ikunu jitqiesu li jċaħħdu lis-sidien tal-midja mir-rwol tagħhom fl-istabbiliment tal-għanijiet strateġiċi u fit-trawwim tat-tkabbir u tal-vijabbiltà finanzjarja tal-kumpaniji tagħhom. Barra minn hekk, għandu jiġi rikonoxxut ir-rwol ewlieni tal-fornituri tas-servizzi tal-midja u tal-ġurnalisti fl-iżvilupp tas-salvagwardji interni u tal-istrumenti awtoregolatorji.

(18)

Din ir-Rakkomandazzjoni hija bbażata fuq skambji mal-partijiet ikkonċernati, b’mod partikolari ma’ ġurnalisti, kumpaniji tal-midja u assoċjazzjonijiet tagħhom. Din hija msejsa fuq id-diskussjonijiet tal-Forum Ewropew dwar il-Midja tal-Aħbarijiet (14), b’mod partikolari matul it-tieni edizzjoni li saret fid-29 ta’ Novembru 2021 u li ddiskutiet it-trasformazzjoni industrijali tas-settur tal-midja u l-isfidi relatati (15). Tqis ukoll l-inizjattivi eżistenti tal-industrija, fosthom l-Inizjattiva Fiduċjarja tal-Ġurnaliżmu minn Reporters without Borders u s-sħab tagħha, li għandhom l-għan irawmu spazju ta’ informazzjoni aktar b’saħħtu bl-appoġġ tal-istandards tal-industrija.

(19)

Il-miżuri rakkomandati jibnu fuq inizjattivi li jittestjaw mudelli tan-negozju u kollaborazzjonijiet ġodda, bħal dawk iffinanzjati bl-azzjoni tas-sħubijiet tal-ġurnaliżmu appoġġata mill-programm Ewropa Kreattiva (16). Jibnu wkoll fuq l-iskemi ta’ appoġġ finanzjarju u l-prijoritajiet deskritti fil-Pjan ta’ Azzjoni għas-settur tal-midja u awdjoviżiv, bħala parti mill-isforzi fil-livell tal-UE li jappoġġaw ekosistema industrijali għall-midja tal-aħbarijiet. Barra minn hekk, ċerti fornituri tas-servizzi tal-midja bdew jużaw strutturi ta’ governanza fejn entitajiet mingħajr skop ta’ qligħ, bħal trusts jew fondazzjonijiet, ikollhom il-kapital kollu tagħhom jew parti minnu u, xi drabi, ikollhom rwol importanti fil-ħatra tal-bordijiet tad-diriġenti u l-kapijiet edituri, li huma meqjusa li jħarsu l-indipendenza editorjali tal-fornitur fit-tul. Fost mekkaniżmi oħra ta’ governanza b’għanijiet simili hemm arranġamenti ta’ parteċipazzjoni azzjonarja ġurnalistika fejn il-membri tal-persunal editorjali jew il-korpi rappreżentattivi tagħhom jkollhom kontroll ta’ parti mill-ishma jew is-setgħa li jirrifjutaw l-involviment ta’ azzjonist kontrollanti ġdid li jista’ jaffettwa l-indipendenza editorjali. Abbażi ta’ dan, il-miżuri rakkomandati jirreferu għal approċċi possibbli li l-fornituri tas-servizzi tal-midja jistgħu jikkunsidraw biex iżidu s-sostenibbiltà tagħhom, u b’hekk ir-reżiljenza tagħhom għall-pressjonijiet politiċi u tas-suq, filwaqt li jagħrfu kif jibqgħu fl-aqwa pożizzjoni, bħala operaturi ekonomiċi, biex jiżviluppaw il-mudelli tan-negozju li jaqblu mal-objettivi u l-kapaċitajiet tagħhom, skont is-segmenti tas-suq li jimmiraw għalihom.

(20)

Din ir-Rakkomandazzjoni għandha l-għan ukoll li tibqa’ tippromwovi t-trasparenza tas-sjieda tal-midja fl-Unjoni kollha. Bħalissa, l-istandards internazzjonali (17) u l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-midja jħeġġu lill-Istati Membri biex jadottaw miżuri speċifiċi għas-settur li jżidu t-trasparenza tas-sjieda tal-midja. B’mod partikolari, l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18) jirrikonoxxi li l-Istati Membri jistgħu jeżiġu li l-fornituri tas-servizzi tal-midja fil-ġurisdizzjoni tagħhom jipprovdu informazzjoni dwar l-istruttura tas-sjieda tagħhom, inkluż informazzjoni dwar is-sidien benefiċjarji tagħhom, b’mod konsistenti mar-regoli ġenerali dwar it-trasparenza tas-sjieda benefiċjarja stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19). Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa tal-2018 dwar il-pluraliżmu tal-midja u t-trasparenza tas-sjieda tal-midja tappella lill-Istati Membri biex jistabbilixxu oqfsa għall-iżvelar ta’ informazzjoni preċiża u aġġornata dwar is-sjieda diretta u benefiċjarja tal-midja. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qed tikkofinanzja l-iżvilupp tal-Monitoraġġ tas-Sjieda tal-Euromedia bil-għan li jfassal bażi tad-data li tista’ titfittex u skalabbli biex tipprovdi informazzjoni bla ħlas u faċli għall-utenti dwar is-sjieda tal-midja madwar l-Unjoni.

(21)

Miżuri li jsaħħu t-trasparenza tas-sjieda tal-midja fost il-pubbliku ġenerali jkunu importanti fid-dawl tan-natura speċifika tas-servizzi tal-midja bħala ben pubbliku (20). Billi l-midja għandha r-rwol li tirrapporta u żżomm l-interessi politiċi u ekonomiċi responsabbli għal għemilhom, it-trasparenza tas-sjieda tal-midja hija komponent essenzjali ta’ kull ekosistema li għandha l-għan li trawwem il-ġurnaliżmu investigattiv, id-diversità tal-midja u l-fiduċja tal-pubbliku fir-rapportar tal-midja. In-nuqqas ta’ informazzjoni dwar it-trasparenza speċifika tal-midja ssemma mill-partijiet ikkonċernati waqt il-konsultazzjonijiet li saru fil-kuntest tat-tħejjija ta’ din ir-Rakkomandazzjoni.

(22)

Minn dan ta’ hawn fuq joħroġ fid-dieher li jixraq ikollna approċċ komprensiv għat-trasparenza tas-sjieda tal-midja. Dan kieku jippromwovi d-disponibbiltà ta’ informazzjoni dwar is-sjieda tal-midja (jew l-eżerċitar tagħha) mill-gvern, istituzzjoni tal-istat, intrapriża tal-istat jew xi korp pubbliku ieħor, dwar l-interessi, ir-rabtiet jew l-attivitajiet tas-sidien f’negozji oħra tal-midja jew mhux tal-midja, kif ukoll kwalunkwe interess ieħor li jista’ jinfluwenza t-teħid tad-deċiżjonijiet strateġiċi tal-kumpanija tal-midja jew il-linja editorjali tagħha. Jixraq ukoll tiġi rakkomandata l-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni dwar kwalunkwe bidla fis-sjieda jew fil-kontroll fuq il-midja, li tirrifletti l-importanza ta’ informazzjoni aġġornata dwar l-istruttura tas-sjieda għar-riċevituri tas-servizz. L-approċċ rakkomandat għandu jiġi aġġustat skont it-tip ta’ kamra tal-midja u n-natura tas-sjieda tagħha. B’mod partikolari, fil-każ tal-kmamar tal-midja li jkunu proprjetà tal-ġurnalisti, għandha tkun disponibbli biss informazzjoni dwar is-sidien bi rwol fit-tmexxija, pereżempju, il-membri tal-bord tad-diretturi.

(23)

Għaldaqstant, din ir-Rakkomandazzjoni għandha l-għan li tippromwovi livelli għoljin ta’ trasparenza tas-sjieda tal-midja fl-Unjoni kollha permezz ta’ azzjonijiet volontarji li jistgħu jieħdu direttament il-fornituri tas-servizzi tal-midja u l-Istati Membri, mingħajr preġudizzju għar-regoli orizzontali fil-livell tal-Unjoni dwar it-trasparenza tas-sjieda skont id-Direttiva (UE) 2015/849 u r-regoli tal-iżvelar għall-kumpaniji skont id-Direttiva (UE) 2017/1132 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21), kif ukoll is-sistemi eżistenti fil-livell tal-Unjoni ta’ interkonnessjoni tar-reġistri.

(24)

Biex trawwem is-segwitu ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, il-Kummissjoni se tiffaċilita djalogu regolari mal-Istati Membri u mar-rappreżentanti tal-fornituri tas-servizzi tal-midja u mal-ġurnalisti fil-fora rilevanti, b’mod partikolari l-Forum Ewropew dwar il-Midja tal-Aħbarijiet. Il-Kummissjoni se ssegwi mill-qrib l-azzjonijiet li jieħdu l-Istati Membri u l-miżuri rilevanti li jieħdu l-fornituri tas-servizzi tal-midja skont ir-Rakkomandazzjoni. Għal dan l-iskop, l-Istati Membri għandhom jiġu mistiedna jipprovdu l-informazzjoni rilevanti lill-Kummissjoni li raġonevolment jistgħu jkunu mistennija jipprovdu, ħalli l-Kummissjoni tkun tista’ ssegwi l-konformità mal-partijiet rilevanti tar-Rakkomandazzjoni indirizzata lilhom. Is-sejbiet tal-monitoraġġ jistgħu jikkontribwixxu għad-diskussjonijiet immexxija mill-partijiet ikkonċernati,

ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

TAQSIMA I

Skop tar-Rakkomandazzjoni

(1)

Mingħajr preġudizzju għar-regoli eżistenti u futuri tal-Unjoni, din ir-Rakkomandazzjoni:

(a)

tipproponi ġabra mhux eżawrjenti ta’ miżuri volontarji lill-fornituri tas-servizzi tal-midja li jipprovdu kontenut tal-aħbarijiet u tal-ġrajjiet kurrenti li potenzjalment jistgħu jiġu adottati minnhom biex jiżguraw l-indipendenza tad-deċiżjonijiet editorjali individwali tagħhom;

(b)

tħeġġeġ lill-fornituri tas-servizzi tal-midja u lill-Istati Membri jieħdu azzjonijiet li jippromwovu t-trasparenza tas-sjieda tal-midja fis-suq intern.

TAQSIMA II

Salvagwardji interni għall-indipendenza editorjali

(2)

Meta jieħdu l-miżuri biex jiżguraw l-indipendenza tad-deċiżjonijiet editorjali individwali, il-fornituri tas-servizzi tal-midja huma mħeġġin jikkunsidraw il-ġabra ta’ hawn taħt.

(3)

Din il-ġabra hija għajn ta’ ispirazzjoni għall-fornituri tas-servizzi tal-midja. L-għażla potenzjali tas-salvagwardji għandha titmexxa mill-prattikabbiltà u mill-proporzjonalità tagħhom, filwaqt li jitqiesu d-daqs tal-fornituri tas-servizzi tal-midja u n-natura tas-servizzi tal-midja pprovduti.

(4)

Il-fornituri tas-servizzi tal-midja huma mħeġġin ukoll jaderixxu ma’ skemi awtoregolatorji u inizjattivi ġurnalistiċi u tal-industrija tal-midja li jippromwovu standards editorjali u standards ta’ ġurnaliżmu affidabbli u etiku.

Salvagwardji li jiżguraw l-indipendenza u l-integrità tal-edituri

(5)

Il-fornituri tas-servizzi tal-midja huma mħeġġin jistabbilixxu regoli interni biex iħarsu l-integrità editorjali u l-indipendenza minn interessi politiċi u kummerċjali mhux xierqa li jistgħu jaffettwaw xi deċiżjonijiet editorjali partikolari. Meta jkunu jeżistu regoli interni bħal dawn, hu mħeġġeġ li dawn jiġu rikonoxxuti u approvati għalkollox mis-sidien u d-diriġenti tal-kumpanija tal-midja.

(6)

Dawn ir-regoli interni jistgħu jinġabru f’karti, kodiċijiet jew linji gwida editorjali u dokumenti oħra ta’ politiki, li l-fornituri tas-servizzi tal-midja huma mħeġġin jippubblikaw u jagħmluhom aċċessibbli, kemm jista’ jkun possibbli, anki għall-persuni b’diżabbiltà, fuq is-siti web tagħhom.

Integrità editorjali

(7)

Ir-regoli interni tal-fornituri tas-servizzi tal-midja msemmija fil-punt 5 jistgħu jkopru l-aspetti li ġejjin:

(a)

regoli li jiżguraw l-integrità tal-kontenut editorjali (dwar il-produzzjoni tal-kontenut), inkluż pereżempju dikjarazzjoni tal-missjoni editorjali, politiki li jrawmu kompożizzjoni diversa u inklużiva tal-kmamar tal-aħbarijiet, jew politiki dwar l-użu responsabbli tas-sorsi;

(b)

regoli mmirati li jipprevjenu jew jiżvelaw il-kunflitti ta’ interess, inkluż b’mod partikolari rekwiżiti biex il-pubbliku jiġi infurmat dwar kwalunkwe rabta kummerċjali jew professjonali bejn is-sidien jew l-entitajiet fl-istruttura tas-sjieda ta’ xi fornitur tas-servizzi tal-midja partikolari u entitajiet jew individwi msemmija fil-kontenut editorjali tiegħu, jew li għandhom xi sehem fihom;

(c)

politiki dwar il-korrezzjonijiet, inkluż il-mekkaniżmi tal-ilmenti;

(d)

regoli li jiżguraw is-separazzjoni bejn l-attivitajiet kummerċjali u editorjali, inkluż pereżempju rekwiżiti li jiżguraw li l-kontenut editorjali jkun separat u distingwibbli b’mod ċar mill-kontenut tar-reklamar u promozzjonali.

Indipendenza editorjali

(8)

Il-fornituri tas-servizzi tal-midja huma mħeġġin jistabbilixxu mekkaniżmi biex il-membri tal-persunal editorjali jkunu jistgħu jħarsu l-indipendenza editorjali tagħhom minn kwalunkwe forma ta’ interferenza mhux xierqa. Dawn il-miżuri jistgħu jinkludu:

(a)

bħala kumpliment għall-obbligi stabbiliti fir-regoli nazzjonali li jimplimentaw id-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (22), proċeduri li joħorġu fid-dieher kwalunkwe pressjoni li jaf ikunu esposti għaliha; jistgħu jipprovdu alternattivi għal sinjalar anonimu jew kunfidenzjali ta’ każijiet ta’ pressjoni;

(b)

dritt ta’ oppożizzjoni biex il-membri tal-persunal editorjali jkunu jistgħu jirrifjutaw li jiffirmaw artikli jew kontenut editorjali ieħor li jkunu ġew modifikati mingħajr l-għarfien tagħhom jew kontra r-rieda tagħhom;

(c)

klawżoli ta’ kuxjenza li jipproteġu minn sanzjonijiet dixxiplinari jew tkeċċijiet arbitrarji tal-membri tal-persunal editorjali li jirrifjutaw assenjamenti li jidhrilhom li jiksru l-istandards professjonali;

(d)

mingħajr preġudizzju għad-drittijiet u l-obbligi stabbiliti fil-liġi tax-xogħol jew f’regoli protettivi oħra, id-dritt tal-membri tal-persunal editorjali li jemmnu li bidla fis-sjieda tal-fornitur tas-servizzi tal-midja tista’ taffettwa l-integrità editorjali u l-indipendenza tagħhom li jitilqu minn ma’ dak il-fornitur u li jżommu l-benefiċċji kollha li japplikaw b’rabta mal-ħin imqatta’ fil-kamra tal-midja.

Korpi jew strutturi interni

(9)

Biex jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-politiki jew tar-regoli interni dwar l-integrità editorjali u l-indipendenza, il-fornituri tas-servizzi tal-midja huma mħeġġin jistabbilixxu korpi jew strutturi indipendenti interni xierqa li jistgħu jinkludu:

(a)

kumitati tal-etika jew superviżorji, inkarigati mis-sorveljanza tal-implimentazzjoni korretta ta’ karti, kodiċijiet jew linji gwida editorjali u dokumenti oħra ta’ politiki adottati mill-fornitur tas-servizzi tal-midja, u ombudspersons responsabbli biex jiżguraw il-konformità mar-regoli tal-integrità editorjali. Dawk il-korpi jistgħu jirċievu lmenti dwar ksur possibbli tal-politiki u r-regoli, u jippruvaw jindirizzawhom pereżempju permezz tal-medjazzjoni;

(b)

kunsilli tal-kmamar tal-aħbarijiet, bordijiet editorjali, jew korpi oħra li jiffunzjonaw bħala gruppi ta’ rappreżentanza professjonali tal-persunal editorjali fil-midja u bħala punti ta’ kuntatt u djalogu bejn id-diriġenti u l-ġurnalisti u professjonisti oħra tal-midja. Il-membri tagħhom jistgħu jiġu eletti mill-ġurnalisti u minn professjonisti oħra tal-midja fil-fornitur tas-servizzi tal-midja. B’mod partikolari, dawn jistgħu jistinkaw biex jiżguraw li d-drittijiet stabbiliti f’karti, kodiċijiet jew linji gwida editorjali u dokumenti oħra ta’ politiki adottati mill-fornitur jitgawdew b’mod effettiv mill-ġurnalisti u minn professjonisti oħra tal-midja. Jistgħu jistinkaw ukoll biex jiżguraw il-konformità mal-prinċipji etiċi;

(c)

diretturi ġurnalistiċi, maħtura fil-kumitati eżekuttivi u responsabbli biex jiżguraw li l-politiki tal-fornitur tas-servizzi tal-midja tkun tirrispetta l-prinċipji tal-ġurnaliżmu indipendenti u l-libertà tal-istampa;

(d)

bordijiet responsabbli għall-ħatra tal-kap editur u għall-protezzjoni tal-awtonomija u l-indipendenza tiegħu jew tagħha;

(e)

kumitati ta’ konsultazzjoni jew medjazzjoni, magħmula minn rappreżentanti tal-persunal editorjali u tad-diriġenti jew tas-sidien, biex isolvu kunflitti bejn il-membri tal-persunal editorjali u d-diriġenti jew is-sidien.

(10)

Ir-regoli li jirregolaw il-funzjonament ta’ dawk il-korpi u l-istrutturi, meta jeżistu, kif ukoll l-informazzjoni dwar l-attivitajiet tagħhom, għandhom, sa fejn ikun xieraq, ikunu pubbliċi u aċċessibbli, kemm jista’ jkun possibbli, anki għall-persuni b’diżabbiltà.

Salvagwardji li jippromwovu l-parteċipazzjoni tal-ġurnalisti fit-teħid tad-deċiżjonijiet tal-kumpaniji tal-midja

(11)

Il-fornituri tas-servizzi tal-midja huma mħeġġin irawmu l-involviment tal-membri tal-persunal editorjali jew tal-korpi rappreżentattivi tagħhom fil-proċessi ta’ governanza u tad-teħid tad-deċiżjonijiet. Dan l-involviment jista’ jieħu l-forma ta’ drittijiet tal-informazzjoni, drittijiet tal-konsultazzjoni, drittijiet tal-parteċipazzjoni, jew kombinament tagħhom; dan ma għandux jaffettwa l-Artikolu 16 tal-Karta.

(12)

Id-drittijiet tal-informazzjoni jistgħu jiġu previsti b’mod partikolari fil-każijiet li ġejjin:

(a)

meta s-sidien jew id-diriġenti tal-fornitur tas-servizzi tal-midja jiddeċiedu li jibdlu l-kap editur;

(b)

meta tinbidel il-kompożizzjoni tal-bord tad-diriġenti;

(c)

meta jsiru bidliet kbar li jikkonċernaw il-forma legali jew is-sjieda tal-fornitur tas-servizzi tal-midja, proċeduri ta’ likwidazzjoni jew bidliet strutturali oħra.

(13)

Il-fornituri tas-servizzi tal-midja huma mħeġġin jiżguraw li l-membri tal-persunal editorjali jew il-korpi rappreżentattivi tagħhom jiġu kkonsultati dwar il-ħatra tal-kap editur. Id-diriġenti u l-persunal editorjali huma mħeġġin jaqblu dwar il-proċedura ta’ konsultazzjoni applikabbli.

(14)

Meta kompatibbli mar-regoli nazzjonali applikabbli konformi mal-liġi tal-Unjoni, il-membri tal-persunal editorjali jistgħu jingħataw il-possibbiltà li jieħdu sehem fit-tmexxija tal-fornitur tas-servizzi tal-midja billi jeleġġu rappreżentant wieħed jew aktar fil-bord tad-diriġenti.

Salvagwardji li jtejbu s-sostenibbiltà tal-fornituri tas-servizzi tal-midja u l-investiment fit-tul fil-produzzjoni tal-kontenut

(15)

Il-fornituri tas-servizzi tal-midja huma mħeġġin jippromwovu l-qsim tal-għarfien u jiskambjaw l-aqwa prattiki fil-fora rilevanti biex jiżviluppaw strateġiji li jżidu s-sostenibbiltà u r-reżiljenza fit-tul tagħhom. Il-Kummissjoni se tiffaċilita djalogu bħal dan fil-Forum Ewropew dwar il-Midja tal-Aħbarijiet.

(16)

Id-diskussjonijiet sa issa indikaw li jistgħu jiġu esplorati azzjonijiet innovattivi rilevanti f’diversi oqsma, inkluż:

(a)

mudelli tan-negozju li jippermettu adattament effettiv għal drawwiet ġodda tal-konsum, inkluż skemi b’abbonament, skemi skont il-qarrejja, finanzjament kollettiv jew strateġiji ġodda oħra ta’ monetizzazzjoni li rnexxielhom iżidu d-dħul;

(b)

soluzzjonijiet teknoloġiċi strumentali li jixprunaw l-involviment, inkluż algoritmi trasparenti użati biex itejbu r-rakkomandazzjonijiet tal-kontenut u jadattaw il-paywalls;

(c)

approċċi mmirati biex iżommu u jżidu l-udjenzi, b’mod partikolari billi jiġu proposti formati ġodda, jinħolqu għodod għas-smigħ tal-udjenzi u t-tiswir tal-komunitajiet, u li jużaw id-data biex jinftiehmu aħjar il-preferenzi u l-imġiba tal-udjenza, li min-naħa tagħhom jippermettu strateġiji ta’ mmirar u diversifikazzjoni;

(d)

strutturi ta’ governanza korporattiva, inkluż trusts jew fondazzjonijiet, arranġamenti ta’ parteċipazzjoni azzjonarja ġurnalistika, assoċjazzjonijiet tal-ġurnalisti jew tal-qarrejja jew xi struttura oħra li tista’ tgħin fit-trawwim tar-reżiljenza tal-fornituri tas-servizzi tal-midja. F’dan il-kuntest, l-użu ta’ dawn l-istrutturi jew il-mekkaniżmi jista’ jitqies ta’ ġid għall-preservazzjoni tal-indipendenza editorjali u għall-promozzjoni tal-ġurnaliżmu ta’ kwalità;

(e)

strateġiji jew impenji li jinvestu mill-ġdid id-dħul jew il-profitti ġġenerati, ħalli jissaħħu l-investiment fit-tul fil-kontenut tal-midja, id-diġitalizzazzjoni u l-ġurnaliżmu indipendenti, fid-dawl tal-ħtieġa dejjem akbar li dawn jimxu paripassu mal-innovazzjonijiet fl-ekonomija tal-attenzjoni.

(17)

Il-fornituri tas-servizzi tal-midja huma mħeġġin joħolqu politiki li jiżguraw it-trasparenza u l-użu ġust tad-donazzjonijiet. Dan jista’ jinkludi, pereżempju, l-iżvelar tad-donaturi li jagħmlu donazzjonijiet iżjed minn ċertu livell limitu jew regoli dwar donazzjonijiet mingħand persuni jew entitajiet li d-donazzjoni tagħhom tista’ xxekkel l-indipendenza editorjali.

(18)

Il-fornituri tas-servizzi tal-midja huma mħeġġin ukoll jesploraw possibbiltajiet għal kooperazzjoni strutturali, inkluż bejn il-fruntieri, biex jaħtfu l-opportunitajiet li joffri s-suq intern fil-livell Ewropew u jilħqu aktar udjenzi. Bl-istess mod, il-fornituri tas-servizzi tal-midja huma mħeġġin jesploraw sħubijiet strutturati, pereżempju mmirati biex jakkumulaw u jisfruttaw id-data u biex isaħħu l-kapaċitajiet tal-innovazzjoni tagħhom.

(19)

Il-fornituri tas-servizzi tal-midja huma mħeġġin jippromwovu opportunitajiet ta’ edukazzjoni u taħriġ professjonali għall-ġurnalisti tagħhom u professjonisti oħra tal-midja, inkluż it-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet. Dan jista’ jsir b’kooperazzjoni ma’ korpi awtoregolatorji tal-midja, organizzazzjonijiet u assoċjazzjonijiet professjonali, kif ukoll istituzzjonijiet edukattivi.

TAQSIMA III

Trasparenza tas-sjieda tal-midja

(20)

Il-fornituri tas-servizzi tal-midja huma mħeġġin jiżguraw li l-pubbliku jkollu aċċess faċli u dirett għal informazzjoni dettaljata, komprensiva u aġġornata dwar is-sjieda tagħhom, inkluż, sa fejn ikun possibbli, għall-persuni b’diżabbiltà. B’mod partikolari, hu rakkomandat li l-fornituri tas-servizzi tal-midja jiżguraw aċċess għall-informazzjoni relatata ma’:

(a)

jekk u kemm is-sjieda diretta jew benefiċjarja tagħhom hija miżmuma mill-gvern, istituzzjoni tal-istat, intrapriża b’sjieda tal-istat jew korp pubbliku ieħor;

(b)

l-interessi, ir-rabtiet jew l-attivitajiet tas-sidien tagħhom f’negozji oħra tal-midja jew mhux tal-midja;

(c)

kwalunkwe interess ieħor li jista’ jinfluwenza t-teħid tad-deċiżjonijiet strateġiċi tagħhom jew il-linja editorjali tagħhom;

(d)

kwalunkwe bidla fl-arranġamenti tas-sjieda jew tal-kontroll tagħhom.

(21)

L-Istati Membri huma mħeġġin jieħdu azzjoni biex jimplimentaw b’mod effettiv ir-Rakkomandazzjoni CM/Rec(2018)1 tal-Kumitat tal-Ministri lill-Istati Membri dwar il-pluraliżmu tal-midja u t-trasparenza tas-sjieda tal-midja. B’mod partikolari, l-Istati Membri huma mħeġġin jafdaw lil awtorità jew korp regolatorju nazzjonali rilevanti bl-iżvilupp u biż-żamma ta’ bażi tad-data apposta dwar is-sjieda tal-midja online, li jkollha data diżaggregata dwar tipi differenti ta’ midja, inkluż fil-livelli reġjonali u/jew lokali, li għaliha l-pubbliku jkollu aċċess faċli, rapidu u effettiv mingħajr ħlas, u li tipproduċi rapporti regolari dwar is-sjieda tas-servizzi tal-midja fil-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru partikolari.

(22)

L-Istati Membri u l-awtoritajiet jew il-korpi regolatorji nazzjonali tagħhom huma mħeġġin jorganizzaw skambji regolari tal-aqwa prattiki fil-qasam tat-trasparenza tas-sjieda tal-midja. B’mod partikolari, dawn l-iskambji jenħtieġ li jiffokaw fuq l-identifikazzjoni u l-promozzjoni tal-aktar miżuri jew għodod effettivi li jżidu t-trasparenza tas-sjieda tal-midja u jtejbu l-kooperazzjoni amministrattiva f’dan il-qasam.

TAQSIMA IV

Monitoraġġ u dispożizzjonijiet finali

(23)

Biex jippermettu l-monitoraġġ tal-miżuri u l-azzjonijiet meħuda bħala segwitu għal din ir-Rakkomandazzjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri — 18-il xahar wara l-adozzjoni tagħha u sussegwentement meta jintalbu — jippreżentaw l-informazzjoni rilevanti kollha lill-Kummissjoni dwar dawk il-miżuri u l-azzjonijiet speċifikati fit-Taqsima III.

(24)

Il-Kummissjoni se jkollha diskussjonijiet dwar il-miżuri u l-azzjonijiet meħuda biex issegwi din ir-Rakkomandazzjoni mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati, b’mod partikolari mar-rappreżentanti tal-fornituri tas-servizzi tal-midja u tal-ġurnalisti, fil-fora rilevanti, b’mod partikolari fil-Forum Ewropew dwar il-Midja tal-Aħbarijiet.

(25)

Jekk ikun meħtieġ, il-Kummissjoni se tikkunsidra li tadotta Rakkomandazzjoni ġdida li tieħu post din ir-Rakkomandazzjoni u li tkun tqis l-Att Ewropew dwar il-Libertà tal-Midja, kif adottat mill-koleġiżlaturi, u diskussjonijiet mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati. Biex ikun evitat kull dubju, fil-każ ta’ xi trikkib bejn id-dispożizzjonijiet ta’ din ir-Rakkomandazzjoni u r-Regolament li jistabbilixxi qafas komuni għas-servizzi tal-midja fis-suq intern (l-Att Ewropew dwar il-Libertà tal-Midja), kif adottat finalment mill-koleġiżlaturi, id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ din ir-Rakkomandazzjoni ma jibqgħux japplikaw meta d-dispożizzjonijiet ta’ dak ir-Regolament isiru applikabbli.

Din ir-Rakkomandazzjoni hija indirizzata lill-fornituri tas-servizzi tal-midja stabbiliti fl-Unjoni u, fir-rigward tal-azzjonijiet speċifikati fit-Taqsima III, lill-Istati Membri wkoll.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Settembru 2022.

Għall-Kummissjoni

Thierry BRETON

Membru tal-Kummissjoni


(1)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-pjan ta’ azzjoni għad-Demokrazija Ewropea (COM/2020/790 final).

(2)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1534 tas-16 ta’ Settembru 2021 dwar l-iżgurar tal-protezzjoni, tas-sikurezza u tat-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-ġurnalisti u ta’ professjonisti oħra fil-media fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 331, 20.9.2021, p. 8).

(3)  Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jinvolvu ruħhom f’parteċipazzjoni pubblika minn proċedimenti ġudizzjarji manifestament infondati jew abbużivi (“Kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika”) (COM(2022) 177 final).

(4)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/758 tas-27 ta’ April 2022 dwar il-protezzjoni tal-ġurnalisti u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jinvolvu ruħhom fil-parteċipazzjoni pubblika minn proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi (“Kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika”) (ĠU L 138, 17.5.2022, p. 30).

(5)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Il-Midja tal-Ewropa fid-Deċennju Diġitali: Pjan ta’ Azzjoni li jappoġġa l-Irkupru u t-Trasformazzjoni (COM/2020/784 final).

(6)  Id-Direttiva (UE) 2018/1808 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 li temenda d-Direttiva 2010/13/UE dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva) fid-dawl ta’ realtajiet tas-suq li qed jinbidlu (ĠU L 303, 28.11.2018, p. 69).

(7)  Id-Direttiva (UE) 2019/790 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-Suq Uniku Diġitali u li temenda d-Direttivi 96/9/KE u 2001/29/KE (ĠU L 130, 17.5.2019, p. 92).

(8)  Id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ intrapriżi, li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19).

(9)  Ir-rapport sħiħ tal-Monitoraġġ tal-Pluraliżmu tal-Midja tal-2022, p. 67.

(10)  Ngħidu aħna fi Franza, il-Liġi Nru 2016-1524 (l-hekk imsejħa “Loi Bloche”), u fil-Portugall, il-Liġi Nru 1/99 tat-13 ta’ Jannar.

(11)  Ir-Rakkomandazzjoni CM/Rec(2018)1 tal-Kumitat tal-Ministri lill-Istati Membri dwar il-pluraliżmu tal-midja u t-trasparenza tas-sjieda tal-midja.

(12)  Ir-rapport sħiħ tal-Monitoraġġ tal-Pluraliżmu tal-Midja tal-2022, p. 82.

(13)  R.A. Harder and P. Knapen, Media Councils in the Digital Age: An inquiry into the practices of media self-regulatory bodies in the media landscape today, vzw Vereniging van de Raad voor de Journalistiek, Brussell, 2021.

(14)  Il-Forum Ewropew dwar il-Midja tal-Aħbarijiet ħolqitu l-Kummissjoni fl-ambitu tal-Pjan ta’ Azzjoni għas-settur tal-midja u awdjoviżiv biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati dwar kwistjonijiet relatati mal-midja.

(15)  Ara r-reġistrazzjonijiet u s-sommarju tal-avveniment: https://digital-strategy.ec.europa.eu/en/library/european-news-media-forum-industrial-transformation-glance

(16)  Ir-Regolament (UE) 2021/818 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2021 li jistabbilixxi l-Programm Ewropa Kreattiva (2021-2027) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1295/2013 (ĠU L 189, 28.5.2021, p. 34).

(17)  Ir-Rakkomandazzjoni CM/Rec(2018)1 tal-Kumitat tal-Ministri lill-Istati Membri dwar il-pluraliżmu tal-midja u t-trasparenza tas-sjieda tal-midja.

(18)  Id-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva) (ĠU L 95, 15.4.2010, p. 1).

(19)  Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73).

(20)  Ara l-Kunsill tal-Ewropa: “it-trasparenza tas-sjieda tal-midja tista’ ttejjeb l-effettività tal-pluraliżmu tal-midja billi toħloq sensibilizzazzjoni dwar l-istrutturi tas-sjieda wara l-midja — li jistgħu jinfluwenzaw il-politiki editorjali — fost il-pubbliku u tal-awtoritajiet regolatorji”, il-preambolu tar-Rakkomandazzjoni CM/Rec(2018)1 tal-Kumitat tal-Ministri lill-Istati Membri dwar il-pluraliżmu tal-midja u t-trasparenza tas-sjieda tal-midja. Ara wkoll l-Osservatorju Awdjoviżiv Ewropew: “It-trasparenza tas-sjieda tal-midja tista’ toħloq u tippromwovi l-fiduċja li din is-setgħa mhux se tiġi abbużata għall-avvanz subversibbli tal-interessi politiċi, ekonomiċi u soċjetali tas-sidien rispettivi, iżda minflok se tintuża biex tippromwovi l-ġid komuni, jiġifieri, biex isiru verifiki tal-fatti relatati mal-midja”, ara M. Cappello (ed.), Transparency of media ownership, IRIS Special, l-Osservatorju Awdjoviżiv Ewropew, Strasburgu, 2021.

(21)  Id-Direttiva (UE) 2017/1132 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar ċerti aspetti tal-liġi dwar il-kumpaniji (ĠU L 169, 30.6.2017, p. 46).

(22)  Id-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2019 dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni (ĠU L 305, 26.11.2019, p. 17).