9.12.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 469/1


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tat-28 ta’ Novembru 2022

dwar il-Perkorsi għas-Suċċess fl-Iskola u li tissostitwixxi r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-28 ta' Ġunju 2011 dwar linji politiċi sabiex jitnaqqas it-tluq bikri mill-iskejjel

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2022/C 469/01)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u b’mod partikolari l-Artikoli 165 u 166 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

1.

Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (1), fl-ewwel u fil-ħdax-il prinċipju tiegħu, jenfasizza l-importanza li tiġi ggarantita edukazzjoni ta’ kwalità u inklużiva għal kulħadd, minn età żgħira. L-implimentazzjoni effettiva ta’ dawk il-prinċipji tiddependi mir-riżoluzzjoni u l-azzjoni tal-Istati Membri. L-azzjonijiet fil-livell tal-UE jistgħu jikkomplementaw l-azzjonijiet nazzjonali u l-Kummissjoni ppreżentat il-kontribut tagħha fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (2).

2.

Fit-30 ta’ Settembru 2020, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat komunikazzjoni dwar il-kisba sal-2025 taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni, bl-inklużività bħala waħda mis-sitt dimensjonijiet tagħha (3). Fit-18 ta’ Frar 2021, il-Kunsill approva r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ lejn iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u lil hinn (2021-2030) (4), bil-għan li ttejjeb il-kwalità, l-ekwità, l-inklużjoni u s-suċċess għal kulħadd fl-edukazzjoni u t-taħriġ bħala l-ewwel prijorità strateġika tagħha.

3.

Is-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ 2022 (5) għandha l-għan li tinvolvi u tagħti s-setgħa liż-żgħażagħ biex isawru l-futur tagħhom u l-futur tal-Ewropa, billi toffrilhom aktar opportunitajiet biex ikunu involuti f’deċiżjonijiet li jaffettwawlhom ħajjithom.

4.

Fir-rapport dwar l-eżitu finali tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, iċ-ċittadini jappellaw lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri tagħha biex sal-2025 tistabbilixxi Zona Ewropea tal-Edukazzjoni li tkun inklużiva u li fiha ċ-ċittadini kollha jkollhom aċċess ugwali għal edukazzjoni ta’ kwalità u tagħlim tul il-ħajja, inkluż dawk f’żoni rurali u remoti (6). Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2020 tidentifika l-inklużjoni u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri bħala dimensjoni ewlenija taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni li għandha tinkiseb sal-2025, u tappella biex ir-riżultati tal-edukazzjoni jinfirdu mill-istatus soċjoekonomiku. Il-Kunsill qabel li, sal-2030, is-sehem ta’ dawk li għandhom 15-il sena, bi prestazzjoni baxxa fil-qari, fil-matematika u fix-xjenza, jenħtieġ li jkun anqas minn 15 % u ħa l-impenn li jnaqqas is-sehem ta’ dawk li jitilqu kmieni mill-edukazzjoni u t-taħriġ għal anqas minn 9 %.

5.

Għalkemm kien hemm titjib sinifikanti fir-rata ta’ dawk li jitilqu kmieni fil-livell tal-UE, u din naqset bi 3,9 punti perċentwali fil-perjodu ta’ bejn l-2010 u l-2021, ħafna studenti għadhom jitilqu mill-edukazzjoni qabel iż-żmien. Is-sehem ta’ dawk li jitilqu kmieni mill-edukazzjoni u t-taħriġ kien ta’ 9.7 % fl-2021 madwar l-UE bħala medja, ftit anqas mill-mira tal-ET 2020 tal-livell tal-UE ta’ 10 % stabbilita għall-2020. Madankollu, aktar minn 3.2 miljun żagħżugħ u żagħżugħa fl-UE (ta’ bejn it-18 u l-24 sena) jitilqu kmieni mill-edukazzjoni u mit-taħriġ. Għadhom jeżistu differenzi konsiderevoli bejn pajjiż u ieħor u fil-pajjiżi nfushom, b’inugwaljanzi persistenti fost gruppi speċifiċi (pereżempju l-migranti, il-ġuvintur, il-minoranzi etniċi bħar-Rom, u ż-żgħażagħ f’żoni rurali u remoti ma jmorrux daqstant tajjeb).

6.

Ir-riżultati tal-Programm tal-OECD għall-Valutazzjoni Internazzjonali tal-Istudenti (PISA) tal-2018 juru xejra li sejra għall-agħar fl-għadd ta’ persuni bi prestazzjoni baxxa fil-ħiliet bażiċi matul il-perjodu ta’ bejn l-2009 u l-2018 f’ħafna pajjiżi. Illum, wieħed minn kull ħames Ewropej ta’ 15-il sena għad ma għandux kompetenzi adegwati fil-qari, fil-matematika jew fix-xjenza. Barra minn hekk, ir-riżultati tal-Istudju Internazzjonali dwar il-Litteriżmu fil-Kompjuter u fl-Informazzjoni (ICILS) tal-2018 juru li għoxrin fil-mija taż-żgħażagħ fl-UE ma għandhomx ħiliet diġitali bażiċi, u jiżvelaw ukoll diskrepanzi serji fil-prestazzjoni f’termini ta’ status soċjoekonomiku, li jheddu li jkomplu japprofondixxu d-distakk diġitali (7).

7.

Id-data tikkonferma li l-kuntest soċjoekonomiku huwa l-aktar fattur ta’ tbassir b’saħħtu tar-riżultati edukattivi. Fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi, l-istudenti minn sfondi żvantaġġati huma rrappreżentati żżejjed fost dawk li jitilqu mill-edukazzjoni u t-taħriġ mingħajr kwalifika sekondarja tat-tieni livell. PISA 2018 uriet li fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tal-UE l-proporzjon ta’ dawk bi progress insuffiċjenti fil-qari huwa ħafna akbar fil-kwart tal-qiegħ tal-indiċi tal-istatus ekonomiku, soċjali u kulturali (ESCS) milli fl-ogħla kwart; sa jaqbeż l-40 punti perċentwali f’xi pajjiżi tal-UE. Il-letteratura akkademika tikkonferma li l-istudenti minn sfond soċjoekonomiku żvantaġġat għandhom it-tendenza li jesperjenzaw aktar diffikultajiet fl-iżvilupp ta’ ħiliet akkademiċi u lingwistiċi. Dawn juru problemi ta’ mġiba relatati mal-apprendiment aktar ta’ spiss, juru motivazzjoni aktar baxxa għat-tagħlim, iħallu l-edukazzjoni u t-taħriġ aktar kmieni, u jitilqu bi kwalifiki aktar baxxi u b’kompetenzi insuffiċjenti għall-parteċipazzjoni sħiħa fis-soċjetà.

8.

Matul dawn l-aħħar snin, l-Istati Membri integraw għadd kbir ta’ migranti minn pajjiżi terzi (inkluż refuġjati (8)) fl-età tal-iskola fis-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ tagħhom, inkluż xi wħud li jaslu b’livell baxx ħafna ta’ ħiliet bażiċi. Jinħolqu sfidi ulterjuri fil-kuntest ta’ nies li qed jaħarbu mill-gwerra fl-Ukrajna, li proporzjon kbir minnhom huma tfal fl-età tal-iskola li jeħtieġu appoġġ ta’ tagħlim immirat (inkluż l-akkwist tal-lingwa fejn ikunu qegħdin jattendu l-iskola) u appoġġ psikosoċjali.

9.

Il-PISA tal-2015 u tal-2018 xeħtu wkoll dawl fuq it-tnaqqis tas-sens ta’ appartenenza tal-istudenti għall-iskola u fuq il-bullying/il-bullying ċibernetiku mifruxa u li dejjem qegħdin jiżdiedu. Ir-riċerka tenfasizza l-importanza tal-benesseri emozzjonali, soċjali u fiżiku fl-iskejjel sabiex jissaħħu l-opportunitajiet tat-tfal u taż-żgħażagħ ħalli jirnexxu fl-edukazzjoni u fil-ħajja. Din tikkonferma li l-problemi tas-saħħa mentali, kif ukoll il-vjolenza u l-bullying, ir-razziżmu, il-ksenofobija u forom oħra ta’ intolleranza u diskriminazzjoni, għandhom effetti devastanti fuq il-benesseri emozzjonali u l-eżiti edukattivi tat-tfal u taż-żgħażagħ. Ir-riċerka turi wkoll li l-gruppi żvantaġġati huma f’riskju akbar li jkunu soġġetti għall-bullying, u li s-sens ta’ appartenenza tal-istudenti minn skejjel li jinsabu f’ambjenti żvantaġġati soċjoekonomikament huwa aktar dgħajjef minn dak ta’ sħabhom li huma aktar sinjuri.

10.

Il-pandemija tal-COVID-19 għamlitha saħansitra aktar importanti sabiex dawn l-isfidi jiġu indirizzati. Diversi studji jissuġġerixxu li l-kriżi setgħet żiedet il-probabbiltà li l-istudenti f’riskju li iħossuhom qed jinqatgħu mill-iskola fil-fatt jitilqu mill-iskola qabel iż-żmien u kellha effetti detrimentali fuq is-saħħa u l-benesseri mentali tal-istudenti b’mod ġenerali (9).

11.

Fl-2011, il-Kunsill adotta Rakkomandazzjoni dwar linji politiċi sabiex jitnaqqas it-tluq bikri mill-iskejjel (10). Twettqet ħidma estensiva fil-livell Ewropew u dak nazzjonali sabiex tiġi implimentata r-Rakkomandazzjoni, b’mod partikolari permezz ta’ tagħlim bejn il-pari u skambji ta’ prattiki tajbin bejn l-Istati Membri fil-qafas tal-ET 2020 għall-kooperazzjoni ta’ politika Ewropea. Firxa wiesgħa ta’ riżorsi, eżempji ta’ miżuri ta’ suċċess u materjal tar-riżorsi huma disponibbli online permezz tal-Għodod Ewropej għall-Iskejjel u s-sett ta’ għodod tas-Cedefop għal edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali (VET) sabiex jiġi indirizzat it-tluq bikri. Valutazzjoni indipendenti tal-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni, ippubblikata fl-2019 (11), tagħti indikazzjoni qawwija li r-Rakkomandazzjoni u s-sett ta’ għodod ta’ politika tal-UE li jakkumpanjaha ħeġġew it-trasformazzjonijiet fl-istituzzjonijiet u l-politiki tal-edukazzjoni u t-taħriġ u appoġġaw it-tnaqqis tat-tluq bikri mill-edukazzjoni u t-taħriġ. Din tenfasizza wkoll oqsma li fihom hija meħtieġa aktar ħidma.

12.

Il-programm Erasmus+ appoġġa diversi proġetti tranżnazzjonali dwar l-inklużjoni f’diversi setturi edukattivi, li jindirizzaw il-progress insuffiċjenti u t-tluq bikri mill-edukazzjoni u t-taħriġ. L-inklużjoni hija waħda mill-prijoritajiet ġenerali tal-Erasmus+ għall-perjodu 2021-2027. Il-programm jinkludi wkoll il-prijorità ta’ politika speċifika sabiex jiġu indirizzati l-iżvantaġġi fit-tagħlim, it-tluq bikri mill-iskola u l-profiċjenza baxxa fil-ħiliet bażiċi, li tippermetti lill-partijiet ikkonċernati għall-finanzjament ta’ Erasmus+ jimplimentaw rakkomandazzjonijiet ta’ politika.

13.

Il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE) 2014-2020 immobilizzaw investimenti sinifikanti sabiex jindirizzaw it-tluq bikri mill-edukazzjoni u t-taħriġ, li jappoġġaw diversi proġetti fuq skala kbira f’konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2011. Il-Fond Soċjali Ewropew Plus jappoġġa individwi, reġjuni u Stati Membri li qegħdin jiffaċċjaw sfidi distinti, mill-irkupru mill-pandemija tal-COVID-19 sal-ilħuq tal-miri tal-UE għall-klima, l-impjiegi, l-inklużjoni soċjali u l-edukazzjoni. L-użu tal-FSIE u l-fondi tal-politika ta’ koeżjoni ta’ bejn l-2021 u l-2027 huwa informat, fost l-oħrajn, mir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż maħruġa fil-qafas tas-Semestru Ewropew.

14.

L-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku joffri lill-Istati Membri l-possibbiltà li jirċievu, fuq talba, appoġġ għal riformi mfassla apposta f’diversi oqsma, bħat-titjib tal-eżiti edukattivi għat-tfal, it-titjib tal-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal (ECEC), l-istabbiliment ta’ strateġiji u pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali biex jindirizzaw u jipprevjenu t-tluq bikri mill-edukazzjoni u t-taħriġ, l-iżvilupp ta’ għodod biex jappoġġaw ir-reklutaġġ tal-għalliema u l-iżvilupp professjonali, jew it-tħejjija u l-implimentazzjoni tar-riforma tal-kurrikulu. L-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku u l-predeċessur tiegħu, il-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi Strutturali, intużaw minn diversi Stati Membri sabiex jappoġġaw riformi rigward il-prevenzjoni tat-tluq bikri mill-edukazzjoni u t-taħriġ, speċjalment fir-rigward ta’ tfal minn sfondi vulnerabbli.

15.

It-tfal u l-adolexxenti jeħtieġu sett ibbilanċjat ta’ kompetenzi konjittivi, soċjali u emozzjonali sabiex jiksbu eżiti pożittivi fl-iskola u fil-ħajja. Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2018 dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja (12) tiddefinixxi “kompetenzi personali, soċjali u tal-kapaċità ta’ tagħlim”. Din tinkludi l-kapaċità ta’ ġestjoni tal-inċertezza u tal-kumplessità, ta’ appoġġ għall-benesseri fiżiku u emozzjonali proprju, taż-żamma ta’ stat tajjeb ta’ saħħa fiżika u mentali, tal-iżvilupp ta’ relazzjonijiet kollaborattivi u pożittivi, ta’ ħajja orjentata lejn il-futur u b’attenzjoni fuq is-saħħa, u ta’ ġestjoni tal-kunflitti f’kuntest inklużiv u ta’ appoġġ.

16.

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-ekwità u l-inklużjoni fl-edukazzjoni u t-taħriġ sabiex jiġi promoss is-suċċess edukattiv għal kulħadd (13) jistiednu lill-Istati Membri jimplimentaw miżuri ta’ politika edukattiva u, kif xieraq, jaħdmu għal riformi fis-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ, filwaqt li jħarsu lejn l-ispettru sħiħ tal-edukazzjoni u t-taħriġ u f’approċċ ta’ istituzzjoni sħiħa, biex itejbu l-opportunitajiet indaqs u l-inklużjoni u jippromwovu s-suċċess edukattiv fil-livelli u t-tipi kollha ta’ edukazzjoni u taħriġ.

17.

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-għalliema u l-ħarrieġa Ewropej għall-futur (14) jirrikonoxxu li l-għalliema, il-ħarrieġa u l-mexxejja tal-iskejjel huma forza indispensabbli li tixpruna l-edukazzjoni u t-taħriġ u jenfasizzaw il-ħtieġa li jkomplu jiġu żviluppati u aġġornati l-kompetenzi tagħhom. Il-Komunikazzjoni dwar iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill għarfu r-rwol kruċjali tal-għalliema u tal-ħarrieġa.

18.

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2019 dwar Sistemi ta’ Edukazzjoni u Kura Bikrija ta’ Kwalità Għolja tat-Tfal (15) tissottolinja li l-aċċess għal servizzi ta’ edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal ta’ kwalità għat-tfal kollha jikkontribwixxi għall-iżvilupp tajjeb għas-saħħa u s-suċċess edukattiv tagħhom, jgħin sabiex jitnaqqsu l-inugwaljanzi soċjali u jnaqqas id-distakk fil-kompetenza bejn it-tfal bi sfondi soċjoekonomiċi differenti.

19.

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tad-29 ta’ Novembru 2021 dwar approċċi ta’ tagħlim imħallat għal edukazzjoni primarja u sekondarja ta’ kwalità għolja u inklużiva (16) tippromwovi approċċi ta’ tagħlim imħallat li jikkombinaw l-ambjenti ta’ apprendiment fil-post tal-iskola u mill-bogħod, kif ukoll għodod ta’ apprendiment diġitali u mhux diġitali, bil-għan li jinbnew sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ aktar reżiljenti u inklużivi. Prattiki bħal dawn jippermettu approċċi u għodod diversifikati u differenzjati, sabiex jappoġġaw aħjar lill-istudenti kollha – u speċjalment studenti bi bżonnijiet speċifiċi jew minn gruppi żvantaġġati – u jtejbu l-motivazzjoni tagħhom għat-tagħlim.

20.

L-Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa (17) tiddefinixxi azzjonijiet sabiex tissaħħaħ il-kompetittività sostenibbli, tinbena r-reżiljenza sabiex ikun hemm reazzjoni għall-kriżijiet u sabiex l-individwi u n-negozji jiġu megħjuna jiżviluppaw sett rilevanti ta’ ħiliet, abbażi tat-tagħlimiet meħuda matul il-pandemija tal-COVID-19. Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2020 dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET) għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza (18) tipproponi viżjoni ta’ politika mġedda tal-UE għall-VET, li għandha rwol ewlieni fil-prevenzjoni u fil-ġlieda kontra t-tluq bikri mill-edukazzjoni u t-taħriġ u fil-promozzjoni tal-ugwaljanza tal-opportunitajiet.

21.

Il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali (19) jistipula azzjonijiet sabiex jittejbu l-ħiliet u l-kompetenzi diġitali għat-trasformazzjoni diġitali, sabiex jiġi żgurat li l-ebda student ma jitħalla jibqa’ lura u li l-gradwati jkollhom il-kompetenzi meħtieġa fis-suq tax-xogħol. Dan jipprevedi l-iżvilupp ta’ linji gwida komuni għall-għalliema u l-persunal edukattiv sabiex irawmu l-litteriżmu diġitali u jindirizzaw id-diżinformazzjoni, aġġornament tal-Qafas Ewropew ta’ Kompetenza Diġitali u proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar it-titjib tal-forniment ta’ ħiliet diġitali fl-edukazzjoni u t-taħriġ. Il-pjan ta’ azzjoni jinkoraġġixxi wkoll sforzi biex titneħħa d-differenza bejn il-ġeneri fi STEM.

22.

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1004 tal-14 ta’ Ġunju 2021 tistabbilixxi Garanzija Ewropea għat-Tfal (20) tistieden lill-Istati Membri jiggarantixxu aċċess effettiv u liberu għall-edukazzjoni u l-attivitajiet ibbażati fl-iskejjel għat-tfal fil-bżonn (jiġifieri dawk f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali, b’mod partikolari r-Rom). L-Istrateġija tal-UE dwar id-drittijiet tat-tfal (21) tappella għall-bini ta’ edukazzjoni inklużiva ta’ kwalità. L-istrateġija Ewropea l-ġdida għal internet aħjar għat-tfal (BIK+) (22) tappella għall-bini ta’ ambjent diġitali fejn it-tfal huma protetti, responsabbilizzati u rispettati u tenfasizza li t-tfal f’sitwazzjonijiet vulnerabbli jenħtieġ li jkollhom opportunitajiet indaqs sabiex jisfruttaw l-opportunitajiet tad-deċennju diġitali.

23.

Il-ġenerazzjoni l-ġdida ta’ strateġiji ta’ ugwaljanza u oqfsa ta’ politika ta’ inklużjoni tal-UE adottati fl-2020 u l-2021 (23) enfasizzat bil-qawwa l-promozzjoni tal-ekwità u l-inklużjoni u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fl-edukazzjoni, b’appoġġ immirat għal dawk l-aktar żvantaġġati u dawk fl-akbar riskju ta’ diskriminazzjoni.

24.

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-30 ta’ Ottubru 2020 dwar Pont għall-Impjiegi - It-tisħiħ tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ u li tissostitwixxi r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ April 2013 dwar l-istabbiliment ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ (24) tirrakkomanda li ż-żgħażagħ fl-edukazzjoni jiġu megħjuna lura għall-edukazzjoni u t-taħriġ billi tiġi diversifikata l-offerta ta’ edukazzjoni kontinwa, filwaqt li tiġi żgurata, fejn xieraq, il-validazzjoni tal-apprendiment mhux formali u informali. Barra minn hekk, l-inizjattiva ALMA (Aspira, Tgħallem, Aħkem, Ikseb) tgħin liż-żgħażagħ żvantaġġati li għandhom bejn it-18 u t-30 sena li huma barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs) isibu t-triq li twassalhom lejn is-suq tax-xogħol f’pajjiżhom billi tgħaqqad l-appoġġ għall-edukazzjoni, għat-taħriġ vokazzjonali jew għall-impjieg ma’ kollokazzjoni tax-xogħol fi Stat Membru ieħor tal-UE, sabiex itejbu l-ħiliet, l-għarfien u l-esperjenza tagħhom.

25.

It-tagħlimiet meħuda mill-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2011, l-għarfien ġdid mir-riċerka, u l-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati jitolbu approċċ usa’, aktar inklużiv u sistemiku għas-suċċess fl-iskejjel, li jindirizza simultanjament il-mira fil-livell tal-UE għal ħiliet bażiċi u dik għat-tluq bikri mill-edukazzjoni u t-taħriġ, u li jintegra bis-sħiħ id-dimensjoni tal-benesseri. Approċċ bħal dan jenħtieġ li jiżgura l-iżvilupp tal-kompetenzi meħtieġa għas-suċċess fl-edukazzjoni u fil-ħajja, u jwassal għal esperjenza ta’ tagħlim sinifikanti, involviment, parteċipazzjoni usa’ fil-komunità u tranżizzjoni lejn ħajja adulta stabbli u ċittadinanza attiva.

26.

L-objettiv li jitnaqqsu l-progress insuffiċjenti u t-tluq bikri mill-edukazzjoni u t-taħriġ u li jiġi promoss is-suċċess fl-iskejjel jeħtieġ li jiġi indirizzat sistematikament mill-Istati Membri fl-UE kollha. Fil-livell tas-sistema, il-konsistenza tal-miżuri ta’ politika, il-koordinazzjoni ma’ oqsma ta’ politika rilevanti oħrajn (bħaż-żgħażagħ, is-saħħa, il-kultura, is-servizzi soċjali, l-impjiegi, l-akkomodazzjoni, il-ġustizzja, il-migrazzjoni u l-integrazzjoni), u kooperazzjoni effettiva bejn atturi differenti fil-livelli kollha (nazzjonali, reġjonali, lokali, skejjel) huma meħtieġa sabiex jingħata appoġġ ikkoordinat lit-tfal, liż-żgħażagħ u lill-familji tagħhom. B’mod parallel, fil-livell tal-iskejjel, jenħtieġ li jiġu promossi approċċi li jinvolvu l-iskola kollha, f’konformità maċ-ċirkostanzi nazzjonali, li jinkorporaw l-oqsma kollha ta’ attività (tagħlim u apprendiment, ippjanar u governanza, eċċ.) u li jinvolvu l-atturi ewlenin kollha (studenti, mexxejja tal-iskejjel, persunal li jgħallem u li ma jgħallimx, ġenituri u familji, u komunitajiet lokali u usa’) (25).

27.

Din ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tirrispetta bis-sħiħ il-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità.

B'DAN JIRRAKKOMANDA LI L-ISTATI MEMBRI:

1.

Sal-2025, jiżviluppaw jew, fejn xieraq, ikomplu jsaħħu strateġija integrata u komprensiva (26) lejn is-suċċess fl-iskola, fil-livell xieraq, f'konformità mal-istruttura tas-sistema tal-edukazzjoni u t-taħriġ tagħhom, bil-ħsieb li jiġu minimizzati l-effetti tal-istatus soċjoekonomiku fuq l-eżiti tal-edukazzjoni u t-taħriġ, tiġi promossa l-inklużjoni fl-edukazzjoni u t-taħriġ u jitnaqqas aktar it-tluq bikri mill-edukazzjoni u mit-taħriġ u l-progress insuffiċjenti fil-ħiliet bażiċi, b'kont meħud tad-diversi miżuri deskritti fil-qafas ta' politika fl-Anness. Għandha tingħata attenzjoni speċjali għall-benesseri fl-iskola bħala komponent ewlieni tas-suċċess fl-iskola. Strateġija bħal din għandha tinkludi miżuri ta' prevenzjoni, ta' intervent u ta' kumpens (inkluż miżuri offruti bħala parti mill-Garanzija għaż-Żgħażagħ (27)), tkun ibbażata fuq l-evidenza u tikkombina miżuri universali ma' dispożizzjonijiet immirati u/jew individwalizzati għall-istudenti li jeħtieġu attenzjoni u appoġġ addizzjonali f'ambjenti inklużivi (bħal studenti minn sfond soċjoekonomikament żvantaġġat, migranti, refuġjati jew Rom, dawk b'diżabbiltà viżibbli u mhux viżibbli, dawk bi bżonnijiet edukattivi speċjali jew bi problemi relatati mas-saħħa mentali, u dawk li jgħixu fi żoni iżolati, insulari jew remoti, bħar-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE, skont iċ-ċirkustanzi nazzjonali). Strateġija bħal din għandha tkun ibbażata wkoll fuq il-kooperazzjoni strutturata bejn l-atturi li jirrappreżentaw oqsma ta' politika differenti, il-livelli ta' governanza u l-livelli edukattivi u ta' taħriġ, għandha tibbenefika minn finanzjament adegwat u jkollha magħha pjan ċar ta' implimentazzjoni u ta' evalwazzjoni.

2.

Jiżviluppaw jew, fejn xieraq, ikomplu jsaħħu s-sistemi ta' ġbir u monitoraġġ tad-data fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali li jippermettu l-ġbir sistematiku ta' informazzjoni kwantitattiva u kwalitattiva dwar l-istudenti, kif ukoll dwar fatturi li jaffettwaw l-eżiti tat-tagħlim, speċjalment l-isfond soċjoekonomiku. Dawn is-sistemi jridu jkunu konformi mal-protezzjoni tad-data personali u mal-leġiżlazzjoni nazzjonali. Sa fejn ikun possibbli, għandhom jiżguraw li d-data u l-informazzjoni diżaggregati dwar firxa wiesgħa ta' aspetti (inkluż il-fehmiet tal-istudenti nfushom) ikunu disponibbli f'livelli ta' politika differenti u jintużaw (f'forma anonimizzata kif xieraq) għall-analiżi, il-prevenzjoni u l-intervent bikri, it-tfassil tal-politika, u għat-tmexxija, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-istrateġiji ta' hawn fuq.

3.

Fil-kuntest ta' strateġija integrata u komprensiva u f'konformità maċ-ċirkostanzi nazzjonali, jikkombinaw miżuri ta' prevenzjoni, ta' intervent u ta' kumpens bħal dawk proposti fil-qafas ta' politika fl-anness, sabiex jappoġġaw:

3.1

lill-istudenti, billi jikkombinaw b'mod sistemiku miżuri varji li jqiegħdu l-interessi u l-bżonnijiet tal-istudenti fiċ-ċentru u billi jittieħed kont tal-opinjonijiet tagħhom;

3.2

mexxejja tal-iskejjel, għalliema, ħarrieġa u persunal ieħor, inkluż fl-ECEC, billi jgħinuhom jiksbu għarfien, ħiliet u kompetenzi u jipprovdi appoġġ għal żvilupp professjonali kontinwu, kif ukoll ħin, spazju u appoġġ adegwati biex jaħdmu b'mod effettiv mal-istudenti kollha, inkluż dawk f'riskju ta' esklużjoni, progress insuffiċjenti u tluq bikri. Għandu jittieħed kont tar-rikonoxximent u l-apprezzament (inkluż finanzjarju) tal-ħidma tagħhom;

3.3

lill-iskejjel fl-iżvilupp ta' “approċċ li jinvolvi l-iskola kollha” għas-suċċess tal-iskejjel, li fih il-membri kollha tal-komunità tal-iskejjel (mexxejja tal-iskejjel, għalliema, ħarrieġa u persunal edukattiv ieħor, studenti, ġenituri u familji u l-komunità lokali) kif ukoll firxa wiesa' ta' partijiet ikkonċernati, jinvolvu ruħhom b'mod attiv u kollaborattiv sabiex jippromwovu s-suċċess edukattiv għall-istudenti kollha;

3.4

miżuri fil-livell tas-sistema u approċċ intersettorjali sabiex jittejbu l-ekwità u l-inklużjoni fl-edukazzjoni u t-taħriġ u jiġi promoss is-suċċess edukattiv għall-istudenti kollha, inkluż billi jiġu indirizzati l-istrutturi u l-mekkaniżmi li jista' jkollhom impatt partikolarment detrimentali fuq l-istudenti li jappartjenu għal gruppi aktar żvantaġġati.

4.

Jottimizzaw, f'konformità mal-ħtiġijiet nazzjonali, reġjonali u lokali, l-użu tar-riżorsi nazzjonali u tal-UE għall-investiment fl-infrastruttura, fit-taħriġ, fl-għodod u fir-riżorsi sabiex jiżdiedu l-inklużjoni, l-ugwaljanza u l-benesseri fl-edukazzjoni, inkluż il-fondi u l-għarfien espert tal-UE għar-riformi u l-investiment fl-infrastruttura, fl-għodod, fil-pedagoġija u fil-ħolqien ta' ambjenti għal apprendiment tajbin għas-saħħa, b'mod partikolari Erasmus+, il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-programm Ewropa Diġitali, Orizzont Ewropa, l-Istrument ta' Appoġġ Tekniku, il-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, eċċ., u jiżguraw li l-użu tal-fondi jkun allinjat mal-istrateġija ġenerali.

5.

Jirrapportaw dwar l-istrateġija tagħhom, il-miżuri meħuda, l-arranġamenti rilevanti ta' monitoraġġ u evalwazzjoni u l-baġit allokat skont l-arranġamenti ta' rapportar eżistenti taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni (inkluż fil-qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (2021-2030)) u tas-Semestru Ewropew.

6.

Jinvolvu b'mod attiv liż-żgħażagħ fl-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill, fost l-oħrajn permezz tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ, sabiex jiġi żgurat li l-opinjonijiet, il-fehmiet u l-bżonnijiet taż-żgħażagħ, inkluż dawk minn sfondi żvantaġġati, jinstemgħu u jitqiesu bis-sħiħ.

B'DAN JISTIEDEN LILL-KUMMISSJONI SABIEX:

1.

Tappoġġa l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill, kif ukoll inizjattivi relatati bħall-Garanzija Ewropea għat-Tfal u l-Garanzija għaż-Żgħażagħ imsaħħa, billi tiffaċilita t-tagħlim u l-iskambji reċiproċi fost l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha dwar is-suċċess edukattiv għal kulħadd billi:

1.1

timplimenta l-qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ lejn iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u lil hinn (2021-2030), fejn it-tnaqqis tat-tluq bikri mill-edukazzjoni u t-taħriġ, it-titjib tal-profiċjenza fil-ħiliet bażiċi u l-promozzjoni tal-benesseri tal-istudenti, tal-għalliema u tal-ħarrieġa huma oqsma prijoritarji ewlenin;

1.2

tistabbilixxi u tippromwovi l-attivitajiet tal-grupp ta' esperti dwar strateġiji għall-ħolqien ta' ambjenti għal apprendiment ta' appoġġ għal gruppi f'riskju ta' progress insuffiċjenti u appoġġ għall-benesseri fl-iskola, li ser imexxi 'l quddiem il-ħidma dwar l-identifikazzjoni ta' prattika tajba fir-rigward tal-iżvilupp ta' ambjenti għal apprendiment ta' appoġġ u tajbin għas-saħħa, il-promozzjoni tas-saħħa mentali, l-istili ta' ħajja tajbin għas-saħħa, u l-benesseri fiżiku u emozzjonali (inkluż billi jiġi indirizzat l-istress postrawmatiku), u l-prevenzjoni tal-bullying u l-vjolenza fl-iskola, kif ukoll proposti għal adozzjoni effettiva ta' prattiki ta' suċċess fl-iskejjel u rakkomandazzjonijiet għal attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni fil-livell tal-UE u f'dak nazzjonali;

1.3

tidentifika u tikkondividi prattiki ta' suċċess (inkluż it-tagħlim bejn il-pari u l-mentoraġġ bejn il-pari), linji gwida u għodod prattiċi sabiex jappoġġaw it-tfassil, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-politiki u l-prattiki nazzjonali, reġjonali u lokali, inkluż dawk immirati lejn l-istudenti minn sfondi żvantaġġati, bl-użu tal-għodod kollaborattivi, il-pjattaformi u l-komunitajiet online tal-UE għall-edukazzjoni u t-taħriġ, inkluż l-eTwinning, il-Pjattaforma Ewropea l-ġdida għall-Edukazzjoni fl-Iskejjel, Erasmus+ Alumni, l-ambaxxaturi tas-Cedefop għall-indirizzar tat-tluq bikri, u r-Rokna tat-Tagħlim għal materjali ta' tagħlim multilingwi fl-UE;

1.4

tissensibilizza dwar l-użu ta' opportunitajiet għall-promozzjoni, l-appoġġ u l-iffaċilitar tal-inklużjoni, l-ekwità u l-benesseri fl-edukazzjoni u t-taħriġ, u tinkoraġġixxi dan l-użu skont il-fondi tal-UE, bħal Erasmus+, il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-programm Ewropa Diġitali, Orizzont Ewropa, l-Istrument ta' Appoġġ Tekniku, il-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, eċċ.;

1.5

tappoġġa r-riċerka u l-istħarriġ madwar l-UE kollha; tinkoraġġixxi l-ħolqien ta' networks ta' riċerka u tappoġġa d-djalogu bejn ir-riċerka u l-politika, kif ukoll bejn ir-riċerka u l-prattikanti;

1.6

Tieħu kont tal-eżiti tad-djalogu strutturat dwar l-edukazzjoni u l-ħiliet diġitali.

2.

Tappoġġa l-iżvilupp u t-tixrid ta' materjal ta' gwida u riżorsi dwar is-suċċess edukattiv għall-istudenti kollha (inkluż dwar l-integrazzjoni tal-migranti u l-apprendiment tal-lingwi), f'kooperazzjoni mal-Istati Membri u għall-użu volontarju tagħhom, inkluż permezz tal-iżvilupp ulterjuri u l-promozzjoni tal-Għodod Ewropej għall-Iskejjel dwar il-promozzjoni tal-edukazzjoni inklużiva u l-indirizzar tat-tluq bikri mill-iskola, il-Kompendju ta' prattiki ispiranti dwar l-edukazzjoni inklużiva u l-edukazzjoni għaċ-ċittadinanza, u s-sett ta' għodod tal-VET tas-Cedefop għall-indirizzar tat-tluq bikri.

3.

Tappoġġa opportunitajiet ta' żvilupp professjonali għall-persunal edukattiv u għal partijiet ikkonċernati oħrajn billi:

3.1

tikkondividi prattiki tajba minn skambji tal-persunal, proġetti u networks tal-Erasmus+, inkluż permezz tal-komunità online eTwinning, l-Akkademji tal-Għalliema tal-Erasmus+ u ċ-Ċentri ta' Eċċellenza Vokazzjonali;

3.2

tagħmel disponibbli korsijiet online miftuħa massivi (MOOCs) u opportunitajiet edukattivi (inkluż mikrokredenzjali) għall-iżvilupp professjonali kontinwu għall-għalliema, ħarrieġa, mexxejja tal-iskejjel u għall-edukaturi tal-għalliema, permezz tal-Pjattaforma Ewropea l-ġdida għall-Edukazzjoni fl-Iskejjel, u tippromwovi l-użu wiesa' ta' dawn il-korsijiet.

4.

Timmonitorja u tirrapporta dwar l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont l-arranġamenti eżistenti taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni (inkluż fil-qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ) u tas-Semestru Ewropew (inkluż it-Tabella ta' Valutazzjoni Soċjali riveduta).

5.

Timmonitorja u tirrapporta perjodikament dwar il-progress lejn il-miri fil-livell tal-UE fil-qafas tar-rapporti dwar iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni; f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Grupp Permanenti dwar l-Indikaturi u l-Parametri Referenzjarji, tikkunsidra kif il-monitoraġġ fil-livell tal-UE jista' jissaħħaħ, b'mod partikolari billi tivvaluta indikaturi eżistenti fil-livell tal-UE u, jekk ikun xieraq u meħtieġ, tipproponi oħrajn ġodda, b'mod partikolari dwar l-inklużjoni u l-ekwità.

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-28 ta' Ġunju 2011 dwar linji politiċi sabiex jitnaqqas it-tluq bikri mill-iskejjel għandha tiġi sostitwita b'din ir-Rakkomandazzjoni.

 

Magħmul fi Brussell, 28 ta’ Novembru 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

V. BALAŠ


(1)  ĠU C 428, 13.12.2017, p. 10.

(2)  COM(2021) 102 final.

(3)  COM(2020) 625 final.

(4)  ĠU C 66, 26.2.2021, p. 1.

(5)  Deċiżjoni (UE) 2021/2316 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Diċembru 2021 dwar Sena Ewropea taż-Żgħażagħ (2022) (ĠU L 462, 28.12.2021, p. 1).

(6)  Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa – Rapport dwar ir-Riżultat Finali, Mejju 2022, Proposta 46, (p. 88).

(7)  Filwaqt li l-ħiliet diġitali jridu jitqiesu fost il-ħiliet bażiċi, dawn ma humiex indirizzati b'mod espliċitu mir-Rakkomandazzjoni attwali, peress li huma diġà fil-qalba ta' inizjattivi oħrajn bħall-Pjan ta' Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali.

(8)  F'dan id-dokument, it-terminu “rifuġjat” jintuża f'sens politiku wiesa' aktar milli kif definit fil-Konvenzjoni ta' Ġinevra u l-acquis tal-UE dwar l-ażil.

(9)  Ara pereżempju: Koehler, C., Psacharopoulos, G., u Van der Graaf, L., The impact of COVID-19 on the education of disadvantaged children and the socio-economic consequences thereof, rapport tan-NESET-EENEE, Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, 2022; Kummissjoni Ewropea, Direttorat Ġenerali għall-Edukazzjoni, iż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Kultura, Impacts of COVID-19 on school education, Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, 2022; Blaskó, Z., da Costa, P., u Schnepf, S. V., Learning Loss and Educational Inequalities in Europe: Mapping the Potential Consequences of the COVID-19 Crisis, IZA Discussion Paper 14298, Bonn, 2021.

(10)  ĠU C 191, 1.7.2011, p. 1.

(11)  Kummissjoni Ewropea, Direttorat Ġenerali għall-Edukazzjoni, iż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Kultura, Donlevy, V., Day, L., Andriescu, M., Downes P., Assessment of the implementation of the 2011 Council Recommendation on policies to reduce early school leaving: final report, Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, 2019.

(12)  ĠU C 189, 4.6.2018, p. 1.

(13)  ĠU C 221, 10.6.2021, p. 3.

(14)  ĠU C 193, 9.6.2020, p. 11.

(15)  ĠU C 189, 5.6.2019, p. 4.

(16)  ĠU C 504, 14.12.2021, p. 21.

(17)  COM(2020) 274 final.

(18)  ĠU C 417, 2.12.2020, p. 1.

(19)  COM(2020) 624 final.

(20)  ĠU L 223, 22.6.2021, p. 14.

(21)  COM(2021) 142 final.

(22)  COM(2022) 212 final.

(23)  L-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri 2020-2025 (2020), il-pjan ta' azzjoni tal-UE għall-ġlieda kontra r-razziżmu 2020-2025 (2020), il-Qafas Strateġiku tal-UE għar-Rom għall-ugwaljanza, għall-inklużjoni u għall-parteċipazzjoni (2020) u r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill relatata tiegħu (2021), l-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza tal-LGBTIQ 2020-2025 (2020), il-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Integrazzjoni u l-Inklużjoni 2021-2027 (2021), l-Istrateġija dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabbiltà 2021-2030 (2021), l-Istrateġija tal-UE dwar il-ġlieda kontra l-antisemitiżmu u s-sostenn tal-ħajja Lhudija (2021).

(24)  ĠU C 372, 4.11.2020, p. 1.

(25)  Ara d-definizzjoni fid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni SWD (2022) 176 final.

(26)  Strateġija bħal din tista' tiġi inkluża fid-dokumenti strateġiċi nazzjonali rilevanti.

(27)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-30 ta' Ottubru 2020 dwar Pont għall-Impjiegi – It-tisħiħ tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ u li tissostitwixxi r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta' April 2013 dwar l-istabbiliment ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ (ĠU C 372, 4.11.2020, p. 1).


ANNESS

Qafas ta' politika għas-suċċess fl-iskola

Dan l-Anness jipproponi qafas ta' politika li jservi bħala għodda ta' referenza għal dawk li jfasslu l-politika u lill-prattikanti nazzjonali, reġjonali u lokali fl-edukazzjoni u t-taħriġ li jistgħu jispiraw rispons ta' politika sistemika biex jiġu żgurati eżiti edukattivi aħjar għall-istudenti kollha.

Dan il-qafas ta' politika jiddeskrivi approċċ sistematiku għat-titjib tas-suċċess fl-iskola għall-istudenti kollha, irrispettivament mill-karatteristiċi personali u mill-kuntest tal-familja, u dak kulturali u soċjoekonomiku li ġejjin minnu. Jidentifika l-kondizzjonijiet u l-miżuri ewlenin li għandhom l-għan li jnaqqsu t-tluq bikri mill-iskola u l-progress insuffiċjenti fil-ħiliet bażiċi, abbażi ta' evidenza u prattiki tajba identifikati fl-Istati Membri tal-UE u riċerka tal-ogħla livell. Huwa msejjes fuq approċċ wiesa' u inklużiv tas-suċċess fl-iskola, li ma jikkonċernax biss ir-riżultati akkademiċi iżda jqis ukoll elementi bħall-iżvilupp personali, soċjali u emozzjonali u l-benesseri tal-istudenti fl-iskola. Huwa mibni madwar xi kondizzjonijiet ġenerali (il-punti 1 u 2) u sett ta' azzjonijiet possibbli li għandhom jiġu promossi fl-iskola u fil-livell tas-sistema, f'konformità mas-sistemi tal-edukazzjoni nazzjonali rispettivi.

1.   

Il-kisba tas-suċċess fl-iskola għall-istudenti kollha, irrispettivament mill-karatteristiċi personali u mill-kuntest tal-familja u dak kulturali u soċjoekonomiku li ġejjin minnu teħtieġ strateġija integrata u komprensiva lejn is-suċċess fl-iskola fil-livell ta’ politika xieraq (nazzjonali, reġjonali, lokali), skont iċ-ċirkostanzi nazzjonali u l-istruttura tas-sistema tal-edukazzjoni u tat-taħriġ. Strateġija bħal din għandha, pereżempju:

a)

tiżgura il-koordinazzjoni ma' oqsma ta' politika oħra (bħaż-żgħażagħ, is-saħħa, il-kultura, is-servizzi soċjali, l-impjiegi, l-akkomodazzjoni, il-ġustizzja, l-inklużjoni tar-refuġjati u ta' migranti oħrajn u n-nondiskriminazzjoni) u l-ħolqien ta' kooperazzjoni sostnuta bejn livelli differenti ta' governanza tas-sistema tal-edukazzjoni u tat-taħriġ, kif ukoll djalogu sistematiku mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha (inkluż l-istudenti, il-ġenituri u l-familji u dawk li jirrappreżentaw il-fehmiet ta' gruppi aktar emarġinati) mill-fażi tad-disinn, sal-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni;

b)

tiddisponi sett ibbilanċjat, koerenti u kkoordinat ta' miżuri ta' politika, li jikkombinaw il-prevenzjoni, l-intervent u l-kumpens, b'enfasi qawwija fuq azzjonijiet preventivi u ta' intervent;

c)

tintegra approċċi strateġiċi nazzjonali, reġjonali u lokali (kif xieraq) għall-prevenzjoni tat-tluq bikri mill-edukazzjoni u mit-taħriġ ma' dawk li għandhom l-għan li jippromwovu l-ħiliet bażiċi, l-indirizzar tal-bullying u l-bullying ċibernetiku (inkluż il-bullying abbażi tal-ġeneru u l-fastidju sesswali) u l-appoġġ għall-benesseri;

d)

tikkombina b'mod sistematiku, f'ambjenti inklużivi, miżuri universali madwar l-iskola kollha għall-istudenti kollha ma' azzjonijiet immirati għal xi studenti jew gruppi ta' studenti li għandhom bżonnijiet simili jew f'riskju moderat, u oħrajn aktar individwalizzati għal dawk bi bżonnijiet kumplessi jew kroniċi u fl-ogħla riskju;

e)

tagħti attenzjoni speċifika lit-tfal u liż-żgħażagħ f'riskju ta' żvantaġġ jew diskriminazzjoni, l-iżgurar ta' approċċ intersezzjonali u l-inklużjoni ta' miżuri xierqa għal gruppi f'riskju, bħal tfal minn sfond soċjoekonomikament żvantaġġat, ta' migrazzjoni jew Rom, refuġjati, dawk b'diżabbiltà viżibbli u mhux viżibbli inkluż indebolimenti fiżiċi, mentali, intellettwali jew sensorjali fit-tul jew għal ftit żmien, u dawk bi bżonnijiet edukattivi speċjali jew bi problemi ta' saħħa mentali, f'kollaborazzjoni ma' esperti soċjali u tas-saħħa;

f)

tagħti attenzjoni biex jiġu identifikati d-disparitajiet bejn il-ġeneri fl-edukazzjoni u fit-taħriġ, inkluż permezz ta' monitoraġġ imsaħħaħ tal-prestazzjoni tas-subien u tal-bniet, u l-istabbiliment ta' azzjonijiet speċifiċi kif xieraq;

g)

tikkunsidra l-importanza ta' proċessi edukattivi mhux formali u informali għas-suċċess tat-tagħlim u l-involviment tas-sħab rilevanti kollha;

h)

tieħu approċċ ibbażat fuq l-evidenza, informat minn sistemi sodi ta' ġbir u monitoraġġ tad-data (ara l-punt 2 hawn taħt) u appoġġat mill-aħħar riċerka kwantitattiva u kwalitattiva, filwaqt li jitqiesu l-prattiki u l-għodod li għandhom suċċess dimostrabbli sabiex jgħinu jinkiseb suċċess edukattiv għall-istudenti kollha. Dan jinkludi l-ispirazzjoni misluta mir-riżorsi pprovduti fil-livell Ewropew, bħall-Għodod Ewropej għall-Iskejjel, il-Kompendju ta' prattiki ispiranti dwar l-edukazzjoni inklużiva u l-edukazzjoni għaċ-ċittadinanza u s-sett ta' għodod tal-VET tas-Cedefop għall-indirizzar tat-tluq bikri u l-Inventarju ta' sistemi u prattiki ta' gwida tul il-ħajja;

i)

talloka riżorsi proporzjonati, inkluż l-użu ta' fondi nazzjonali u tal-UE, kif ukoll appoġġ ieħor għal riformi u investiment fl-għodod edukattivi, fl-infrastruttura, u fil-pedagoġija (b'mod partikolari l-Erasmus+, il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-programm Ewropa Diġitali, l-Orizzont Ewropa, l-Istrument ta' Appoġġ Tekniku, il-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni u l-iskema ta' finanzjament Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE2));

j)

tipprevedi pjan ta' implimentazzjoni b'miri u stadji importanti ċari, pjan ta' monitoraġġ u ta' evalwazzjoni kif ukoll il-ħolqien ta' mekkaniżmu jew struttura ta' koordinazzjoni, fil-livell xieraq skont iċ-ċirkostanzi nazzjonali, sabiex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni, tiġi appoġġata l-implimentazzjoni u jkunu jistgħu jsiru l-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rieżami tal-politika.

2.   

Biex tkun effettiva, strateġija integrata għandha tkun ibbażata fuq sistemi robusti ta’ ġbir u monitoraġġ tad-data fl-Istati Membri, fil-livell xieraq għaċ-ċirkostanzi nazzjonali, u ma għandiex timponi piż amministrattiv addizzjonali bla bżonn fuq l-istituzzjonijiet edukattivi. Dawn is-sistemi għandhom, pereżempju:

a)

jippermettu analiżi, fil-livelli kollha ta' politika (nazzjonali, reġjonali u lokali) tal-ambitu u tal-inċidenza tal-progress insuffiċjenti u tat-tluq bikri mill-edukazzjoni u mit-taħriġ, u r-raġunijiet possibbli għal dawn, inkluż billi jiġbru l-fehmiet ta' studenti u familji emarġinati;

b)

jintużaw sabiex ifasslu u jmexxu l-iżvilupp tal-politika, jimmonitorjaw l-implimentazzjoni u jevalwaw l-effettività u l-effiċjenza tal-miżuri adottati;

c)

jippermettu d-detezzjoni u l-identifikazzjoni bikrija tal-istudenti f'riskju ta' tluq bikri mill-edukazzjoni u mit-taħriġ u ta' dawk li jkunu għamlu hekk, sabiex jipprovdu appoġġ f'waqtu u xieraq, mingħajr ma studenti bħal dawn jiġu kkategorizzati jew stigmatizzati;

d)

jipprovdu l-bażi għall-iżvilupp ta' gwida u appoġġ effettivi għall-iskejjel.

Idealment, id-data u l-informazzjoni għandhom ikopru l-livelli kollha (ECEC, primarja, sekondarja tal-ewwel livell, sekondarja tat-tieni livell) u t-tipi ta' edukazzjoni u taħriġ (inkluż il-VET) u jkunu disponibbli f'livelli ta' politika differenti, u jridu jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali. Għandha tinġabar informazzjoni kwantitattiva u kwalitattiva, skont iċ-ċirkostanzi nazzjonali, b'livell għoli ta' diżaggregazzjoni (pereżempju, dwar il-ġeneru, l-isfond soċjoekonomiku, l-isfond tal-migrazzjoni, id-differenzi reġjonali, eċċ.), kif ukoll dwar firxa wiesgħa ta' fatturi li għandhom effett negattiv jew pożittiv fuq l-eżiti tat-tagħlim (bħall-parteċipazzjoni fl-ECEC, l-attendenza, l-involviment fil-proċessi tat-tagħlim, il-kisba ta' ħiliet bażiċi, il-benesseri fl-iskola, is-saħħa mentali, is-sens ta' appartenenza, il-kwistjonijiet ta' mġiba, l-esperjenza ta' diskriminazzjoni, eċċ.).

3.   

Bil-għan li jiġu appoġġati l-istudenti, ġew identifikati l-prattiki tajbin li ġejjin, li l-implimentazzjoni b’suċċess tagħhom tiddependi b’mod kruċjali fuq l-impenn tal-atturi rilevanti kollha (mexxejja tal-iskejjel, għalliema, ħarrieġa jew persunal rilevanti ieħor, familji u l-istudenti infushom), fil-livell nazzjonali, reġjonali, lokali u tal-iskejjel, f’konformità maċ-ċirkostanzi nazzjonali u mal-istruttura tas-sistema tal-edukazzjoni u tat-taħriġ:

 

Miżuri ta' prevenzjoni

a)

L-iżgurar tal-identifikazzjoni bikrija ta' fatturi ta' riskju bħal diffikultajiet fl-apprendiment, problemi ta' żvilupp, tal-kompetenzi lingwistiċi u bżonnijiet tal-edukazzjoni speċjali, inkluż id-diffikultajiet soċjali u emozzjonali, kif ukoll l-identifikazzjoni bikrija tal-istudenti f'riskju ta' progress insuffiċjenti u ta' tluq bikri mill-iskejjel, filwaqt li jiġu evitati l-kategorizzazzjoni u l-istigmatizzazzjoni.

b)

L-iżvilupp ta' kurrikuli li huma ċċentrati fuq l-istudent u bbażati fuq pedagoġiji inklużivi u relazzjonali, u jippermettu forom diversifikati u personalizzati ta' tagħlim u apprendiment. L-involviment attiv tat-tfal u taż-żgħażagħ fil-ħolqien ta' materjali ta' tagħlim għandu jitqies, kif xieraq, b'mod partikolari fir-rigward tar-riżorsi għall-prevenzjoni tal-bullying, l-edukazzjoni soċjali u emozzjonali, ir-riżoluzzjoni tal-kunflitti u l-eliminazzjoni tal-preġudizzju.

c)

L-inklużjoni tal-edukazzjoni soċjali u emozzjonali, il-prevenzjoni tal-bullying u s-saħħa mentali u fiżika fil-kurrikuli, mill-ECEC sal-edukazzjoni u t-taħriġ sekondarji tat-tieni livell.

d)

It-tisħiħ tal-kompetenza fil-lingwa/i tal-iskejjel, filwaqt li tiġi vvalutata u appoġġata d-diversità lingwistika tal-istudenti bħala riżorsa pedagoġika għal aktar apprendiment u kisbiet edukattivi. Dan jista' jinkludi, pereżempju, il-valutazzjoni tal-għarfien preċedenti tal-lingwa, appoġġ qawwi fil-lingwa materna tal-istudent (l-ewwel lingwa) u l-lingwa tal-iskola, aċċess għat-tagħlim tal-lingwa domestika, u mekkaniżmi li jappoġġaw it-tranżizzjoni bejn il-klassijiet ta' akkoljenza u dawk tradizzjonali f'livelli differenti ta' edukazzjoni, fejn applikabbli.

e)

B'mod partikolari, l-appoġġ lir-refuġjati u lill-migranti li jkunu għadhom kif waslu biex jaqbdu l-lingwa tal-iskola, permezz ta' immersjoni bikrija fil-klassijiet u l-kurrikuli ordinarji, b'appoġġ individwali addizzjonali pprovdut f'livell xieraq biex jiġi aċċellerat l-apprendiment soċjali u akkademiku. L-aċċess għall-appoġġ lingwistiku u akkademiku, il-gwida għall-karriera fil-livelli kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ u l-edukazzjoni interkulturali li jibqgħu għaddejjin, flimkien mal-involviment tal-ġenituri, jistgħu wkoll jaqdu rwol ewlieni.

f)

Il-promozzjoni ta' approċċi pedagoġiċi li jkunu interattivi u sperimentali kif ukoll risponsivi kulturalment u lingwistikament, sabiex jinbnew l-awtonomija u r-responsabbiltà tal-istudenti fl-apprendiment tagħhom u jingħataw is-setgħa li jinvolvu ruħhom b'mod attiv fl-iżvilupp tal-kompetenzi tagħhom. Approċċi bħal dawn jistgħu jinkludu opportunitajiet għal tagħlim imħallat (inkluż riżorsi diġitali u aċċess għal libreriji, laboratorji, mużewijiet, istituzzjonijiet kulturali oħrajn bħal skejjel tal-mużika jew tal-arti, ċentri komunitarji u n-natura), filwaqt li jitqiesu l-bżonnijiet tal-istudenti b'diżabbiltà jew bi bżonnijiet edukattivi speċjali, l-organizzazzjoni flessibbli u eteroġenja tal-ħin u l-ambjenti għall-apprendiment, it-tagħlim u l-apprendiment transdixxiplinari, tagħlim kooperattiv u l-appoġġ bejn il-pari, kif ukoll l-użu ta' teknoloġiji ta' assistenza għall-istudenti b'diżabbiltà.

g)

Il-promozzjoni ta' prattiki ta' valutazzjoni li jirriflettu u li jappoġġaw il-bżonnijiet u l-perkorsi ta' apprendiment personali, b'mod partikolari billi jsir użu estensiv minn valutazzjoni formattiva u kontinwa u billi jiġu kkombinati diversi forom u għodod diġitali u mhux diġitali (pereżempju portafolli, valutazzjoni bejn il-pari u awtovalutazzjoni) li jkunu inklużivi, risponsivi kulturalment, u parteċipattivi.

 

Miżuri ta' intervent

h)

Il-ħolqien ta' oqfsa fl-iskejjel li joffru appoġġ immirat lill-istudenti kollha li jkunu qegħdin jiffaċċjaw diffikultajiet fl-apprendiment jew li jkunu fir-riskju ta' progress insuffiċjenti, permezz ta' approċċ multidixxiplinari u bbażat fuq it-tim (pereżempju programmi ta' involviment tal-ġenituri permezz ta' approċċ li jinvolvi l-iskola kollha, skemi ta' mentoraġġ, inkluż il-mentoraġġ bejn il-pari, il-mobilizzazzjoni tal-persunal ta' appoġġ, ħin addizzjonali għat-tagħlim matul is-sena skolastika u/jew il-perjodi tal-vaganzi, aċċess għal ambjenti addizzjonali ta' tagħlim).

i)

F'ambjenti inklużivi u aċċessibbli, appoġġ individwalizzat aħjar jiġi offrut lill-istudenti bi bżonnijiet kumplessi u multidimensjonali, inkluż bżonnijiet soċjali, emozzjonali u tas-saħħa mentali (pereżempju tutoraġġ personali, pjanijiet ta' tagħlim individwali, interventi permezz ta' konsulenza emozzjonali speċjalizzata, interventi psikoterapewtiċi, timijiet multidixxiplinari, appoġġ għall-familja).

j)

Il-forniment ta' soluzzjonijiet fil-livell tal-iskola jew fi sħubija ma' atturi oħrajn għal studenti li jsibu diffikultà jissodisfaw il-bżonnijiet bażiċi minħabba l-kuntest soċjoekonomiku tagħhom (pereżempju nuqqas ta' materjal edukattiv, diffikultajiet b'rabta mat-trasport, ġuħ, u nuqqas ta' nutrizzjoni ta' rqad).

k)

Il-forniment ta' skemi ta' appoġġ finanzjarju u jew mhux finanzjarju mmirati lejn studenti żvantaġġati biex jiffaċilitaw il-progressjoni tagħhom għal-livelli sekondarji u terzjarji tal-edukazzjoni u t-taħriġ u t-tlestija b'suċċess tagħhom ta' studji fil-livell sekondarju tat-tieni livell li jwasslu għal kwalifiki rilevanti.

l)

Il-forniment ta' arranġamenti ta' finanzjament għar-refuġjati u għall-istudenti migranti li jkunu għadhom kif waslu biex jiġi żgurat aċċess għal klassijiet ta' tagħlim jew ta' tħejjija, fejn meħtieġ, u dħul bla xkiel fis-sistema tal-edukazzjoni u tat-taħriġ fil-livelli kollha.

 

Miżuri kkombinati ta' intervent/kumpens

m)

Il-forniment ta' appoġġ soċjali, emozzjonali u psikoloġiku lill-istudenti, speċjalment lil dawk li fi tfulithom jgħaddu minn esperjenzi negattivi, trawma, jew diffikultà soċjali jew emozzjonali serja li jfixklu l-involviment tagħhom fl-iskola. Dan jista' jinkludi t-tisħiħ tar-rwol tal-persuni li joffru konsulenza u mentoraġġ fost il-persunal, l-iffaċilitar tal-aċċess tal-istudenti għall-professjonisti u s-servizzi fil-qasam tas-saħħa mentali fl-iskejjel u madwarhom, u l-intervent bikri għall-vittmi u għall-awturi tal-bullying. Il-ħolqien ta' appoġġ bejn il-pari u l-komunità għall-prevenzjoni tal-bullying/tal-bullying ċibernetiku u l-indirizzar ta' kwalunkwe forma ta' diskriminazzjoni.

n)

L-iżgurar tal-aċċess għal appoġġ ekwu, risponsiv u adegwat għar-refuġjati u għall-migranti li jkunu għadhom kif waslu, inkluż appoġġ soċjali, emozzjonali u psikoloġiku, li jgħinhom jegħlbu l-isfidi relatati ma' stress postrawmatiku u mal-esperjenza tal-migrazzjoni jew tal-integrazzjoni. Dan l-appoġġ soċjali u emozzjonali għandu jkun inkorporat fi skema usa' u transsettorjali biex jitqiesu l-bżonnijiet speċifiċi kollha tagħhom, f'kollaborazzjoni mas-servizzi soċjali u tas-saħħa, mal-aġenziji tas-saħħa mentali u mas-servizzi u l-aġenziji rilevanti l-oħrajn kollha, u bl-involviment mill-qrib tal-istudenti u tal-familji tagħhom jew dawk li jieħdu ħsiebhom.

o)

L-iffaċilitar tal-aċċess għal attivitajiet extrakurrikulari u barra mill-iskola (sport, arti, volontarjat jew ħidma fost iż-żgħażagħ, eċċ.) u t-titjib tad-dokumentazzjoni u l-validazzjoni tar-riżultat tat-tagħlim tagħhom.

p)

It-tisħiħ tal-gwida fir-rigward tal-edukazzjoni, tal-gwida għall-karriera u l-konsulenza fir-rigward tal-karriera u tal-edukazzjoni dwar il-karriera biex tiġi appoġġata l-ksib tal-ħiliet u l-kompetenzi fil-ġestjoni tal-karriera. Dan għandu jinkludi attivitajiet kurrikulari u mhux kurrikulari bħal tagħlim imsejjes fuq ix-xogħol, żjarat fuq il-post tax-xogħol, osservazzjoni ta' xogħol fil-prattika, logħob b'rabta mal-karriera jew korsijiet ta' prova.

4.   

Il-mexxejja tal-iskejjel, l-għalliema, il-ħarrieġa u membri oħra tal-persunal, inkluż fl-ECEC jaqdu rwol ċentrali fl-istrateġija. Għal din ir-responsabbiltà ta’ sfida, huma jeħtieġu appoġġ u jridu jkunu mgħammra biex jifhmu u jindirizzaw l-inugwaljanza fl-edukazzjoni, il-progress insuffiċjenti u d-diżimpenn. Minbarra li jingħataw l-għajnuna fil-kisba tal-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi meħtieġa, jeħtieġ ukoll li jkun hemm kundizzjonijiet tax-xogħol xierqa, f’termini ta’ ħin, spazju u mezzi. Ġew identifikati l-prattiki tajbin li ġejjin:

 

Miżuri ta' prevenzjoni

a)

L-inkorporazzjoni tal-inklużjoni, tal-ekwità u tad-diversità, il-fehim tal-progress insuffiċjenti u tad-diżimpenn, u l-indirizzar tal-benesseri, tas-saħħa mentali u tal-bullying fil-programmi statutorji kollha tal-edukazzjoni inizjali tal-għalliema (ITE).

b)

L-iżgurar li l-edukazzjoni inizjali tal-għalliema ta' kwalità għolja u bbażata fuq ir-riċerka, u l-iżvilupp professjonali kontinwu (CPD) jħejju lill-mexxejja tal-iskejjel, lill-għalliema, lill-ħarrieġa u lil membri oħra tal-persunal edukattiv biex:

jifhmu l-fatturi ta' riskju u ta' protezzjoni li jista' jkollhom impatt fuq il-prestazzjoni akkademika, id-diżimpenn jew it-tluq bikri mill-edukazzjoni u mit-taħriġ, kif ukoll diffikultajiet soċjali emozzjonali u ta' mġiba;

jifhmu l-benesseri, id-diżabbiltà u l-problemi relatati mas-saħħa mentali, inkluż l-istress postrawmatiku, u jappoġġaw l-iżvilupp ta' kompetenzi soċjali u emozzjonali tal-istudenti;

jiżviluppaw il-kompetenzi biex jgħallmu f'ambjenti multilingwi u multikulturali;

jirrikonoxxu u jisfidaw l-istereotipi tal-ġeneru fit-tagħlim u fl-apprendiment (inkluż l-aspettattivi baxxi fir-rigward tal-prestazzjoni tas-subien u d-differenza bejn il-ġeneri fi STEM) u jiżviluppaw prattiki ta' tagħlim sensittivi għall-kwistjonijiet tal-ġeneru li jwasslu biex is-subien u l-bniet ikunu aktar motivati u involuti;

jirrikonoxxu u jindirizzaw tipi differenti ta' diffikultajiet fl-apprendiment;

jużaw prattiki kollaborattivi u jaħdmu f'timijiet multidixxiplinari fl-iskola kif ukoll ma' sħab esterni;

jużaw varjetà ta' approċċi, għodod u ambjenti ta' tagħlim, kif xieraq, u jimplimentaw b'mod attiv it-tagħlim imħallat, billi jikkombinaw l-attivitajiet ta' ġewwa u ta' barra, it-tagħlim u l-apprendiment individwalizzati u fi gruppi, ir-riżorsi diġitali u mhux diġitali, eċċ.;

jużaw metodi u għodod ta' valutazzjoni formattiva fit-tagħlim u fl-apprendiment;

jippromwovu klima pożittiva ta' tagħlim, billi jużaw strateġiji għat-tmexxija tal-klassi, il-prevenzjoni tal-bullying u ir-riżoluzzjoni tal-kunflitti, u jibnu relazzjonijiet ta' fiduċja mal-istudenti, mal-ġenituri, mal-familji u ma' dawk li jieħdu ħsiebhom, b'mod partikolari ma' dawk minn kuntesti aktar żvantaġġati.

c)

L-għoti ta' inċentivi lill-għalliema, lill-ħarrieġa, lill-mexxejja tal-iskejjel u lil membri oħra tal-persunal edukattiv biex jaħdmu fl-iskejjel b'sehem għoli ta' studenti minn kuntesti soċjoekonomikament żvantaġġati. L-inkoraġġiment tal-għalliema studenti biex iwettqu l-esperjenzi prattiċi ta' xogħol fi skejjel bħal dawn.

d)

L-iżgurar li l-persunal kollu involut fl-edukazzjoni dwar il-karriera u fit-tagħlim jew fil-gwida rigward il-karriera jkun imħarreġ u kkwalifikat u jkollu aċċess għal taħriġ inizjali u kontinwu.

e)

L-appoġġ għall-benesseri tal-għalliema, tal-ħarrieġa, tal-mexxejja tal-iskejjel u ta' membri oħra tal-persunal tal-iskejjel, u t-titjib tal-professjoni tal-għalliema biex issir aktar attraenti, inkluż permezz tal-iżgurar ta' kundizzjonijiet tax-xogħol adegwati, l-awtonomija professjonali u l-involviment attiv tal-għalliema u l-ħarrieġa fl-amministrazzjoni tal-iskola, l-edukazzjoni inizjali ta' kwalità għolja u l-iżvilupp professjonali kontinwu, l-aċċess għall-appoġġ u għall-professjonisti u s-servizzi tas-saħħa mentali, il-kollaborazzjoni u l-appoġġ bejn il-pari.

 

Miżuri ta' intervent

f)

L-iffaċilitar tal-iskambji tal-persunal, it-tagħlim bejn il-pari, u l-appoġġ bejn il-pari fost l-għalliema, il-ħarrieġa u membri tal-persunal u professjonisti edukattivi oħra, permezz ta' networking, osservazzjoni ta' xogħol fil-prattika, seminars u komunitajiet ta' tagħlim multiprofessjonali, kif ukoll aċċess għal ċentri ta' għarfien espert, u għal riżorsi xierqa li jistgħu jgħinu fl-aġġustament tat-tagħlim u tal-apprendiment għall-bżonnijiet speċifiċi tal-istudenti kollha. L-iżgurar, b'mod partikolari, tal-aċċess għal ċentri ta' riżorsi jew timijiet konsultattivi speċjalizzati, li jistgħu jipprovdu l-għodod u l-pedagoġiji meħtieġa għall-appoġġ tar-refuġjati u ta' studenti migranti li jkunu għadhom kif waslu u li jaħdmu f'diversi lokalitajiet u skejjel.

g)

L-esplorazzjoni, meta possibbli, ta' kif ir-rotot tad-dħul alternattivi għall-professjoni tat-tagħlim jistgħu jiffavorixxu diversità akbar fost il-membri tal-persunal edukattiv u jiftħu l-professjoni tat-tagħlim għal individwi minn kuntesti differenti, inkluż kandidati li huma stess ikunu esperjenzaw żvantaġġ soċjoekonomiku.

5.   

Sabiex jippromwovu s-suċċess edukattiv għall-istudenti kollha, “approċċi li jinvolvi l-iskola kollha”, li fihom il-membri kollha tal-komunità skolastika (mexxejja tal-iskejjel, għalliema, ħarrieġa u membri oħra tal-persunal edukattiv, studenti, ġenituri u familji), kif ukoll firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati (pereżempju servizzi soċjali u tas-saħħa, servizzi taż-żgħażagħ, ħaddiema biex jilħqu lin-nies għall-kura, psikologi, konsulenti/terapisti emozzjonali speċjalizzati, infermiera, terapisti tat-taħdit u tal-lingwa, speċjalisti fil-qasam tal-gwida vokazzjonali, persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ, l-awtoritajiet lokali, l-NGOs, in-negozji, it-trade unions, il-voluntiera, eċċ.) u l-komunità inġenerali, ikunu involuti b’mod attiv u kollaborattiv, taw prova li huma partikolarment effettivi. Politiki ta’ suċċess jistgħu jinkludu:

 

Miżuri ta' prevenzjoni

a)

Il-libertà lill-mexxejja u lill-bordijiet ta' governanza tal-iskejjel li jkollhom livell suffiċjenti ta' awtonomija għat-teħid ta' deċiżjonijiet, flimkien ma' rfigħ ta' responsabilità rigoruż.

b)

Il-promozzjoni tal-integrazzjoni ta' suċċess fl-iskola għal kulħadd u l-benesseri (inkluż il-prevenzjoni tal-bullying, il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, is-sensittività għall-ġeneru u l-kwistjonijiet tas-saħħa) fil-proċessi ta' ppjanar u governanza tal-iskejjel (pjanijiet ta' żvilupp tal-iskejjel, dikjarazzjonijiet tal-missjonijiet, pjanijiet pedagoġiċi annwali jew pluriennali, eċċ.) u li l-iskejjel jiġu mħeġġa jfasslu, jimmonitorjaw u jevalwaw pjanijiet ta' inklużjoni u ta' benesseri speċifiċi.

c)

Il-promozzjoni tas-suċċess fl-iskola għall-istudenti kollha u tal-benesseri fl-iskola bħala parti minn mekkaniżmi interni u esterni ta' assigurazzjoni tal-kwalità u l-inklużjoni ta' miri u indikaturi wkoll dwar kwistjonijiet bħall-klima tat-tagħlim, il-bullying u l-benesseri. L-iżgurar li l-evalwazzjoni/l-ispezzjoni esterna tipprovdi pariri u appoġġ lill-iskejjel spezzjonati, tappoġġa l-awtovalutazzjoni tal-iskejjel u tippromwovi kultura ta' awtoriflessjoni u titjib fir-rigward tal-istrateġiji u l-prattiki ta' inklużjoni u benesseri.

d)

L-għoti ta' opportunitajiet ta' żvilupp professjonali u gwida biex jingħata appoġġ lill-mexxejja tal-iskejjel fil-ġestjoni tal-bidla organizzazzjonali u fil-promozzjoni ta' prattiki inklużivi.

e)

L-inkoraġġiment ta' ambjent skolastiku parteċipatorju u demokratiku li jinvolvi lill-istudenti fit-teħid ta' deċiżjonijiet fl-iskola u fil-klassi u li jagħmel użu minn metodi parteċipattivi adattati għat-tfal u għaż-żgħażagħ, inkluż dawk ġejjin minn kuntesti emarġinati.

f)

Il-promozzjoni ta' kultura skolastika li tistma d-diversità, trawwem il-benesseri tal-istudenti, tippromwovi s-sens ta' appartenenza tagħhom, u toħloq ambjent sikur għal djalogu dwar kwistjonijiet kontroversjali.

 

Miżuri kkombinati ta' prevenzjoni u intervent

g)

L-inkoraġġiment ta' prattiki kollaborattivi u multidixxiplinari fl-iskola u sħubijiet ma' servizzi lokali, ma' persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ, ma' professjonisti fil-qasam soċjali u tas-saħħa, ma' negozji u mal-komunità b'mod ġenerali.

h)

Il-promozzjoni tal-iskejjel bħala ċentri komunitarji għat-tagħlim tul il-ħajja fejn l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-ħajja soċjali huma marbutin mill-qrib mal-lokalità u fejn il-komunità tieħu responsabbiltà konġunta għall-iskola bħala spazju ta' tagħlim.

i)

Il-promozzjoni tan-networking bejn l-iskejjel, kif ukoll tal-komunitajiet tat-tagħlim multiprofessjonali fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u dak internazzjonali biex jiġi promoss it-tagħlim reċiproku. L-inkoraġġiment lill-iskejjel biex jużaw ir-riżorsi disponibbli fl-Għodod Ewropej għall-Iskejjel, fil-Kompendju ta' prattiki ispiranti dwar l-edukazzjoni inklużiva u l-edukazzjoni għaċ-ċittadinanza u fis-sett ta' għodod tal-VET tas-Cedefop għall-indirizzar tat-tluq bikri.

j)

Il-promozzjoni tas-“sensibilizzazzjoni dwar il-lingwi” fl-iskola u madwarha, billi l-atturi kollha jiġu mħeġġa jirriflettu dwar in-normi, il-valuri u l-attitudnijiet lejn il-lingwa u d-diversità kulturali, inkluż billi jiġu identifikati u kkunsidrati l-lingwi kollha mitkellma fil-komunità tal-iskejjel, jiġu involuti l-ġenituri u l-familji, l-indokraturi u l-komunità usa' fl-edukazzjoni lingwistika, jinħolqu libreriji b'riżorsi f'diversi lingwi u jiġu ffaċilitati attivitajiet ta' wara l-iskola b'rabta mal-lingwi.

k)

L-appoġġ għall-iskejjel biex jinkorporaw prattiki effettivi f'kull stadju tal-“proċess tal-apprendiment tal-lingwi” ta' migranti li jkunu għadhom kif waslu (inkluż ir-refuġjati), inkluż l-akkoljenza u l-valutazzjoni (pereżempju permezz ta' valutazzjoni komprensiva u multidimensjonali tal-litteriżmu, tal-lingwa u ta' kompetenzi ewlenin oħra), il-kollokazzjoni u l-ammissjoni (pereżempju billi jipprovdu klassijiet preparatorji inizjali għal żmien limitat, fejn meħtieġ u applikabbli, u billi jistabbilixxu appoġġ soċjali u akkademiku biex tiġi ffaċilitata tranżizzjoni bla xkiel fl-edukazzjoni ġenerali), u l-monitoraġġ (biex jipprevjenu s-segregazzjoni ġeografika tal-istudenti migranti permezz tal-kriterji tad-dħul u tal-ammissjonijiet fl-iskejjel).

l)

L-inkoraġġiment ta' komunikazzjoni u kooperazzjoni effettivi mal-ġenituri, mal-kustodji legali u mal-familji dwar il-progress edukattiv u l-benesseri tat-tfal tagħhom, inkluż bl-għajnuna ta' medjaturi kulturali mill-komunità lokali. L-involviment tal-ġenituri, tal-familji u tal-kustodji legali f'attivitajiet kurrikulari u mhux kurrikulari (bħal volontarjat fil-klassijiet, klabbs tal-qari u tax-xogħol tad-dar, tutoraġġ fil-libreriji tal-iskejjel, u programmi ta' wara l-iskola, kif ukoll klabbs tal-impjiegi, fieri tal-impjiegi, esponiment fuq il-post tax-xogħol, żjarat fiċ-ċentri għall-karrieri, eċċ.).

m)

Il-promozzjoni tal-involviment attiv tal-ġenituri u tal-familji fit-teħid tad-deċiżjonijiet fl-iskejjel, inkluż dwar il-kurrikulu, l-ippjanar u l-evalwazzjoni, il-benesseri u l-programmi tas-saħħa mentali, l-edukazzjoni soċjali u emozzjonali u l-gwida għall-karriera, u l-promozzjoni u l-appoġġ tal-parteċipazzjoni tal-ġenituri minn kuntesti soċjoekonomiċi emarġinati.

n)

L-appoġġ għall-involviment tal-ġenituri fil-ħiliet tal-qari u tal-matematika bikrija tat-tfal tagħhom, bħal permezz tal-forniment ta' skemi ta' kotba għad-dar, inizjattivi ta' litteriżmu fost il-familja, eċċ. Iż-żieda fl-opportunitajiet għat-tagħlim fil-familja u għall-edukazzjoni tal-ġenituri, b'mod partikolari għal dawk b'livelli baxxi ta' edukazzjoni u f'riskju ta' faqar, fi sħubija mas-servizzi lokali u mal-NGOs.

o)

Il-forniment ta' appoġġ addizzjonali lill-iskejjel f'żoni soċjoekonomikament żvantaġġati, b'għadd kbir ta' studenti minn kuntesti emarġinati. Dan jista' jinkludi t-tnaqqis fil-għadd ta' studenti għal kull għalliem għal skejjel bħal dawn, fejn meħtieġ, kif ukoll l-allokazzjoni mmirata ta' materjal, tagħmir u infrastruttura.

6.   

Sabiex jiġi promoss is-suċċess edukattiv għall-istudenti kollha, huwa essenzjali li jsir intervent fuq il-karatteristiċi fil-livell tas-sistema li jistgħu jaffettwaw l-ekwità u l-inklużjoni fl-edukazzjoni u t-taħriġ b’modi differenti, u li tissaħħaħ il-kooperazzjoni transsettorjali. Jistgħu jitqiesu l-miżuri strutturali li ġejjin meta tiġi żviluppata strateġija integrata u komprensiva:

a)

L-iżgurar ta' aċċess ekwu għal edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal affordabbli, ta' kwalità għolja u b'persunal adegwat għal kulħadd, li jistgħu jtejbu l-benesseri u l-iżvilupp konjittiv, u dak soċjali u emozzjonali usa', tat-tfal, b'mod li jipprovdilhom il-pedamenti meħtieġa biex jirnexxu fl-edukazzjoni u fil-ħajja.

b)

It-tisħiħ ta' edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali ta' kwalità għolja, attraenti u flessibbli li jikkombinaw il-ksib ta' ħiliet vokazzjonali mal-kompetenzi ewlenin.

c)

Il-promozzjoni ta' politiki attivi kontra s-segregazzjoni, b'mod partikolari billi jiġu adottati regoli ta' ammissjoni li jippermettu kompożizzjoni eteroġenja u politiki ffokati fuq il-kwalità tat-tagħlim, u s-sensibilizzazzjoni dwar il-benefiċċji tad-diversità fil-klassi għat-titjib tar-riżultati edukattivi għall-istudenti kollha.

d)

L-appoġġ għall-inklużjoni ta' studenti b'diżabbiltà u/jew bi bżonnijiet edukattivi speċjali fl-iskejjel ordinarji, b'appoġġ effettiv ipprovdut minn edukaturi mħarrġa u minn membri tal-persunal/konsulenti edukattivi oħra, jew professjonisti fil-qasam tas-saħħa. Dan għandu jkun akkumpanjat mit-tneħħija tal-ostakli fiżiċi fl-ambjent tal-iskola, il-forniment ta' materjal ta' tagħlim f'formati xierqa, u l-użu ta' approċċi diversifikati u individwalizzati ta' tagħlim u ta' apprendiment.

e)

L-evitar tar-ripetizzjoni tal-grad sa fejn ikun possibbli u l-promozzjoni ta' strumenti li jimmonitorjaw u jidentifikaw, fi stadju bikri, il-bżonnijiet u d-diffikultajiet fl-apprendiment tat-tfal u taż-żgħażagħ, filwaqt li jiġi offrut appoġġ immirat u aktar individwalizzat, kif xieraq.

f)

Il-kunsiderazzjoni ta' alternattivi għat-traċċar bikri sabiex jiġu promossi interazzjonijiet pożittivi bejn l-istudenti b'livelli ta' kapaċità differenti fi gruppi eteroġenji u t-tnaqqis tal-impatt tal-kuntest soċjoekonomiku fuq il-prestazzjoni tal-istudenti permezz ta' segregazzjoni akkademika.

g)

Iż-żieda fil-flessibbiltà u l-permeabbiltà tal-perkorsi edukattivi, pereżempju billi l-korsijiet jinqasmu f'moduli, billi jiġu offruti korsijiet b'orjentament vokazzjonali jew billi tiġi promossa l-flessibbiltà fir-rigward tad-durata u l-punti ta' dħul. L-iffaċilitar tat-tranżizzjonijiet bejn il-livelli u t-tipi ta' edukazzjoni u taħriġ u bejn l-iskola u l-impjiegi futuri, inkluż permezz ta' arranġamenti ta' rikonoxximent u validazzjoni, gwida għall-karriera mogħtija minn prattikanti kwalifikati, u kollaborazzjoni attiva mal-partijiet ikkonċernati, inkluż in-negozji.

h)

L-offerta ta' possibilitajiet għad-dħul mill-ġdid fis-sistema ordinarja tal-edukazzjoni u t-taħriġ u l-iżgurar ta' aċċess liberu għal programmi li joffru opportunità sekondarja ta' kwalità għal dawk kollha li jkunu telqu mill-edukazzjoni u t-taħriġ qabel iż-żmien, li jistgħu jiġu proposti wkoll bħala parti mill-Garanzija għaż-Żgħażagħ imsaħħa.