|
1.9.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 334/35 |
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
tat-12 ta’ Lulju 2022
dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2022 tal-Ġermanja u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2022 tal-Ġermanja
(2022/C 334/05)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,
Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, daħal fis-seħħ fid-19 ta’ Frar 2021. Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tipprovdi sostenn finanzjarju għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investiment, li jinvolvi impuls fiskali ffinanzjat mill-Unjoni. Hija tikkontribwixxi għall-irkupru ekonomiku u għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investiment sostenibbli u li jsaħħu t-tkabbir, b’mod partikolari għall-promozzjoni tat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, filwaqt li ssaħħaħ ir-reżiljenza u t-tkabbir potenzjali tal-ekonomiji tal-Istati Membri. Tgħin ukoll biex jissaħħu l-finanzi pubbliċi sostenibbli u tingħata spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fuq perjodu medju u twil ta’ żmien. Il-kontribuzzjoni finanzjarja massima għal kull Stat Membru taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza ser tiġi aġġornata f’Ġunju 2022, f’konformità mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2021/241. |
|
(2) |
Fl-24 ta’ Novembru 2021, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli, li ta bidu għas-Semestru Ewropew tal-2022 għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Dan ikkunsidra kif dovut l-Impenn Soċjali ta’ Porto iffirmat fis-7 ta’ Mejju 2021 biex ikompli jiġi implimentat il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali pproklamat mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni fis-17 ta’ Novembru 2017. Il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli tal-2022 fil-25 ta’ Marzu 2022. Fl-24 ta’ Novembru 2021, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija, li fih identifikat lill-Ġermanja bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru kellha ssir analiżi fil-fond. Fl-istess data, il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro, u proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi tal-2022, li janalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (4) (“Rakkomandazzjoni tal-2022 dwar iż-żona tal-euro”) fil-5 ta’ April 2022 u r-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi fl-14 ta’ Marzu 2022. |
|
(3) |
L-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja, wara l-pandemija globali, biddlet b’mod sinifikanti l-kuntest ġeopolitiku u ekonomiku. L-impatt tal-invażjoni fuq l-ekonomiji tal-Istati Membri nħass, fost l-oħrajn, permezz ta’ prezzijiet ogħla tal-enerġija, l-ikel u l-materja prima, u prospetti ta’ tkabbir aktar dgħajfa. Il-prezzijiet ogħla tal-enerġija huma partikolarment ta’ piż kbir fuq l-unitajiet domestiċi l-aktar vulnerabbli li jgħixu fil-faqar enerġetiku jew li jinsabu f’riskju ta’ faqar enerġetiku kif ukoll fuq l-aktar kumpanniji vulnerabbli għaż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija. L-Unjoni qed tesperjenza wkoll influss bla preċedent ta’ nies li qed jaħarbu mill-Ukrajna. L-effetti ekonomiċi li rriżultaw mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kellhom impatt asimmetriku fuq l-Istati Membri. F’dan il-kuntest, fl-4 ta’ Marzu 2022, id-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE (5) ġiet attivata għall-ewwel darba permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/382 (6), li tat lill-persuni spostati mill-Ukrajna d-dritt li jibqgħu legalment fl-Unjoni, kif ukoll aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ, is-suq tax-xogħol, il-kura tas-saħħa, l-akkomodazzjoni u l-assistenza soċjali. |
|
(4) |
B’kont meħud tas-sitwazzjoni ekonomika u ġeopolitika li qed tinbidel malajr, is-Semestru Ewropew jerġa’ jibda l-koordinazzjoni wiesgħa tiegħu tal-politika ekonomika u tal-impjiegi fl-2022, filwaqt li jevolvi f’konformità mar-rekwiżiti ta’ implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, kif deskritt fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli tal-2022. L-implimentazzjoni tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza adottati hija essenzjali għat-twettiq tal-prijoritajiet ta’ politika taħt is-Semestru Ewropew, billi l-pjanijiet jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet rilevanti speċifiċi għall-pajjiż kollha jew subsett sinifikanti minnhom maħruġa fiċ-ċikli tas-Semestru Ewropew tal-2019 u l-2020. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019 u tal-2020 jibqgħu ugwalment rilevanti wkoll għall-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza riveduti, aġġornati jew emendati f’konformità mal-Artikoli 14, 18 u 21 tar-Regolament (UE) 2021/241, flimkien ma’ kwalunkwe rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż oħra maħruġa sad-data tal-preżentazzjoni ta’ tali pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza riveduti, aġġornati jew emendati. |
|
(5) |
Il-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir ilha attiva minn Marzu 2020. Fil-komunikazzjoni tagħha tat-3 ta’ Marzu 2021 intitolata “Sena mit-tifqigħa tal-COVID-19: rispons tal-politika fiskali”, il-Kummissjoni spjegat il-fehma tagħha li d-deċiżjoni dwar id-diżattivazzjoni jew il-kontinwazzjoni tal-applikazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali jenħtieġ li tittieħed fuq il-bażi ta’ valutazzjoni ġenerali tal-istat tal-ekonomija, bil-livell ta’ attività ekonomika fl-Unjoni jew fiż-żona tal-euro meta mqabbel mal-livelli ta’ qabel il-kriżi (tmiem l-2019) bħala l-kriterju kwantitattiv ewlieni. Inċertezza akbar u riskji negattivi qawwija għall-perspettiva ekonomika fil-kuntest tal-gwerra fl-Ewropa, żidiet bla preċedent fil-prezzijiet tal-enerġija u disturbi kontinwi fil-katina tal-provvista jiġġustifikaw l-estensjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir sal-2023. |
|
(6) |
Skont l-approċċ fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2021 (7) li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2021 tal-Ġermanja, il-pożizzjoni fiskali ġenerali attwalment titkejjel l-aħjar bħala l-bidla fin-nefqa primarja (netta minn miżuri ta’ dħul diskrezzjonarji u bl-esklużjoni tal-miżuri temporanji ta’ emerġenza relatati mal-kriżi tal-COVID-19) iżda bl-inklużjoni tan-nefqa ffinanzjata minn appoġġ (għotjiet) mhux ripagabbli mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-Unjoni, meta mqabbla mat-tkabbir potenzjali fuq terminu medju (8). Lil hinn mill-pożizzjoni fiskali ġenerali, sabiex jiġi vvalutat jekk il-politika fiskali nazzjonali hijiex prudenti u jekk il-kompożizzjoni tagħha twassalx għal irkupru sostenibbli konsistenti mat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, tingħata wkoll attenzjoni lill-evoluzzjoni tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata nazzjonalment (9) (netta minn miżuri ta’ dħul diskrezzjonarji u bl-esklużjoni tal-miżuri temporanji ta’ emerġenza relatati mal-kriżi tal-COVID-19) u l-investiment. |
|
(7) |
Fit-2 ta’ Marzu 2022, il-Kummissjoni adottat komunikazzjoni li tipprovdi gwida wiesgħa għall-politika fiskali fl-2023 (“il-gwida fiskali”) li għandha l-għan li tappoġġa t-tħejjija tal-Programmi ta’ Stabbiltà u Konverġenza tal-Istati Membri u b’hekk issaħħaħ il-koordinazzjoni ta’ politika. Il-Kummissjoni nnotat li, abbażi tal-prospettiva makroekonomika tat-tbassir tax-xitwa 2022, it-tranżizzjoni minn pożizzjoni fiskali aggregata ta’ appoġġ fl-2020-2022 għal pożizzjoni fiskali aggregata ġeneralment newtrali, filwaqt li tinsab lesta li tirreaġixxi għas-sitwazzjoni ekonomika li qed tevolvi, tidher xierqa fl-2023. Il-Kummissjoni ħabbret li r-rakkomandazzjonijiet fiskali għall-2023 jenħtieġ li jkomplu jiddifferenzjaw bejn l-Istati Membri u jqisu l-effetti konsegwenzjali possibbli bejn il-pajjiżi. Il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri biex jirriflettu l-gwida fil-Programmi ta’ Stabbiltà u Konverġenza tagħhom. Il-Kummissjoni impenjat ruħha li timmonitorja mill-qrib l-iżviluppi ekonomiċi u taġġusta l-gwida politika tagħha kif meħtieġ u mhux aktar tard mill-pakkett tagħha tar-rebbiegħa tas-Semestru Ewropew tal-aħħar ta’ Mejju 2022. |
|
(8) |
Fir-rigward tal-gwida fiskali, ir-rakkomandazzjonijiet fiskali għall-2023 iqisu l-perspettiva ekonomika li marret għall-agħar, l-inċertezza akbar u aktar riskji negattivi, u l-inflazzjoni ogħla meta mqabbla mat-tbassir tax-xitwa 2022 tal-Kummissjoni. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-rispons fiskali għandu jespandi l-investiment pubbliku għat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali u għas-sigurtà tal-enerġija, u jsostni l-kapaċità tal-akkwist tal-unitajiet domestiċi l-aktar vulnerabbli sabiex jittaffa l-impatt taż-żieda fil-prezz tal-enerġija u jgħin biex jiġu limitati l-pressjonijiet inflazzjonarji mill-effetti sekondarji permezz ta’ miżuri mmirati u temporanji. Il-politika fiskali għandha tibqa’ aġli sabiex taġġusta għaċ-ċirkostanzi li qed jevolvu b’mod rapidu, inkluż l-isfidi li jirriżultaw mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna fir-rigward tad-difiża u s-sigurtà, u għandha tiddistingwi bejn l-Istati Membri skont is-sitwazzjoni fiskali u ekonomika tagħhom, inkluż fir-rigward tal-esponiment tagħhom għall-kriżi u l-influss ta’ persuni spostati mill-Ukrajna. |
|
(9) |
Fit-28 ta’ April 2021, il-Ġermanja ppeżentat il-pjan tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Kummissjoni vvalutat ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, f’konformità mal-linji gwida tal-valutazzjoni stipulati fl-Anness V ta’ dak ir-Regolament. Fit-13 ta’ Lulju 2021, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tiegħu dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Ġermanja (10). Ir-rilaxx tal-pagamenti parzjali jiddependi fuq l-adozzjoni ta’ deċiżjoni mill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 24(5) tar-Regolament (UE) 2021/241, li ssostni li l-Ġermanja tkun laħqet b’mod sodisfaċenti l-istadji importanti u l-miri rilevanti stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill. It-twettiq sodisfaċenti jippresupponi li l-kisba tal-istadji importanti u l-miri preċedenti ma tkunx treġġgħet lura. |
|
(10) |
Fit-2 ta’ Mejju 2022, il-Ġermanja ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tagħha tal-2022 u fis-27 t’April 2022 ippreżentat il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2022 tagħha, f’konformità mal-iskadenza stabbilita fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1466/97. Biex jitqiesu l-konnessjonijiet ta’ bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati flimkien. F’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2022 jirrifletti wkoll ir-rappurtar biannwali tal-Ġermanja dwar il-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tagħha. |
|
(11) |
Il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż tal-2022 għall-Ġermanja fit-23 ta’ Mejju 2022. Hija vvalutat il-progress tal-Ġermanja fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti adottati mill-Kunsill fl-2019, 2020 u 2021 u ħadet kont tal-implimentazzjoni tal-Ġermanja tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, li jkompli jibni fuq it-tabella ta’ valutazzjoni għall-irkupru. Abbażi ta’ dik l-analiżi, ir-rapport tal-pajjiż identifika lakuni fir-rigward ta’ dawk l-isfidi li mhumiex indirizzati jew li huma indirizzati biss parzjalment mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll sfidi ġodda u emerġenti li jirriżultaw mill-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja. Huwa vvaluta wkoll il-progress tal-Ġermanja fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-kisba tal-miri ewlenin tal-Unjoni dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll il-progress fil-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti. |
|
(12) |
Il-Kummissjoni wettqet analiżi fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 għall-Ġermanja u ppubblikat ir-riżultati tagħha fit-23 ta’ Mejju 2022. Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Ġermanja qed tesperjenza żbilanċi makroekonomiċi. B’mod partikolari, il-vulnerabbiltajiet huma relatati ma’ surplus kbir persistenti fil-kont kurrenti, li jirrifletti investiment imrażżan meta mqabbel mat-tfaddil, u għandu rilevanza transfruntiera. |
|
(13) |
Fis-27 ta’ April 2022, il-Ġermanja ppreżentat l-abbozz tal-pjan baġitarju għall-2022. Il-Kummissjoni pprovdiet opinjoni dwar dak il-pjan skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 473/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11). |
|
(14) |
Fit-23 ta’ Mejju 2022, il-Kummissjoni ħarġet rapport skont l-Artikolu 126(3) tat-Trattat. Dak ir-rapport jiddiskuti l-qagħda baġitarja tal-Ġermanja, billi fl-2021 id-defiċit tal-gvern estiż tagħha qabeż il-valur referenzjarju tat-Trattat ta’ 3 % tal-prodott domestiku gross (PDG). Ir-rapport ikkonkluda li l-kriterju tad-defiċit ma ġiex issodisfat. F’konformità mal-komunikazzjoni tat-2 ta’ Marzu 2022, il-Kummissjoni ma pproponietx li tiftaħ proċeduri ġodda ta’ defiċit eċċessiv fir-rebbiegħa tal-2022 u ser tivvaluta mill-ġdid jekk ikunx meħtieġ li jiġi propost li jinfetħu tali proċeduri fil-ħarifa tal-2022. |
|
(15) |
Fir-Rakkomandazzjoni tiegħu tal-20 ta’ Lulju 2020 (12), il-Kunsill irrakkomanda lill-Ġermanja biex fl-2020 u fl-2021 tieħu l-miżuri kollha meħtieġa, f’konformità mal-klawżola liberatorja ġenerali, biex tindirizza b’mod effettiv il-pandemija tal-COVID-19, issostni l-ekonomija u tappoġġa l-irkupru li jirriżulta. Huwa rrakkomanda wkoll lill-Ġermanja biex, meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi jippermettu, issegwi politiki fiskali mmirati lejn il-kisba ta’ pożizzjonijiet fiskali prudenti fuq terminu medju u l-iżgurar tas-sostenibbiltà tad-dejn, filwaqt li ttejjeb l-investiment. Fl-2021, skont data vvalidata mill-Eurostat, id-defiċit tal-gvern estiż tal-Ġermanja niżel minn 4,3 % tal-PDG fl-2020 għal 3,7 %. Ir-rispons tal-politika fiskali mill-Ġermanja appoġġa l-irkupru ekonomiku fl-2021, filwaqt li l-miżuri temporanji ta’ emerġenza naqsu minn 2,7 % tal-PDG fl-2020 għal 4,2 % fl-2021. Il-miżuri li ħadet il-Ġermanja fl-2021 kienu konformi mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 2020. Il-miżuri baġitarji diskrezzjonarji adottati mill-Gvern fl-2020 u l-2021 kienu fil-parti l-kbira temporanji jew imqabbla b’miżuri ta’ tpaċija. Fl-istess ħin, uħud mill-miżuri diskrezzjonali adottati mill-Gvern matul il-perjodu bejn l-2020 u l-2021 ma kinux temporanji jew ibbilanċjati minn miżuri ta’ tpaċija, li jikkonsistu prinċipalment f’żieda fl-allowances tal-familja bħall-allowance għat-tfal u l-konċessjoni mingħajr taxxa għat-tfal kif ukoll żieda fil-possibbiltajiet ta’ deprezzament. Skont data vvalidata mill-Eurostat, id-dejn tal-gvern estiż żdied minn 68,7 % tal-PDG fl-2020 għal 69,3 % tal-PDG fl-2021. |
|
(16) |
Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed dawn il-projezzjonijiet baġitarji fil-Programm ta’ Stabbiltà tal-2022, huwa favorevoli fl-2022 u realistiku.wara dan il-perjodu. Il-gvern jipprevedi li l-PDG reali jikber bi 3,6 % fl-2022 u 2,3 % fl-2023. Meta mqabbel ma’ dan, it-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni jipprevedi tkabbir tal-PDG reali ta’ 1,6 % fl-2022 u 2,4 % fl-2023. Din id-differenza hija prinċipalment dovuta għal dati ta’ skadenza differenti tal-projezzjonijiet, li fil-każ tal-Programm ta’ Stabbiltà kienu qabel il-bidu tal-gwerra tar-Russja ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna meta l-prospettiva tat-tkabbir għall-2022 kienet għadha aktar ottimista. Fil-Programm ta’ Stabbiltà tiegħu tal-2022, il-Gvern jistenna li d-defiċit nominali ser jonqos għal 3¾ % tal-PDG fl-2022 u għal 2 % fl-2023. Il-livell simili fl-2022 jirrifletti prinċipalment miżuri ta’ emerġenza kontinwi minħabba l-pandemija, żieda fl-ispiża fuq id-difiża u miżuri kontra prezzijiet ogħla tal-enerġija b’reazzjoni għall-gwerra fl-Ukrajna flimkien ma’ nfiq u investiment addizzjonali fit-tranżizzjoni ekoloġika. Skont il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2022, il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG huwa mistenni li jonqos għal 66¾ % fl-2022 u għal 65¾ % fl-2023. Fuq il-bażi ta’ miżuri ta’ politika magħrufa fid-data tal-għeluq tat-tbassir, it-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni jipproġetta defiċit tal-gvern għall-2022 u l-2023 ta’ 2,5 % tal-PDG u 1,0 % rispettivament. Dan huwa aktar baxx mid-defiċit proġettat fil-Programm ta’ Stabbiltà tal-2022 għall-2022 u l-2023, prinċipalment minħabba projezzjonijiet ta’ dħul mit-taxxa kemxejn aktar baxxi bbażati fuq kalkoli kawti f’Novembru 2021 u aspettattivi aktar ottimisti għall-implimentazzjoni tas-sussidji u l-investiment pubbliku fil-Programm. It-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni jipproġetta proporzjoni tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG simili ta’ 66,4 % fl-2022 u proporzjon inqas ta’ 64,5 % fl-2023. Id-differenza hija dovuta għal differenza simili fit-tbassir tad-defiċit. Skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni, it-tkabbir potenzjali fuq perjodu medju (medja ta’ 10 snin) fil-prodott hija stmata fil-livell ta’ 1,1 %. Madankollu, dik l-istima ma tinkludix l-impatt tar-riformi li huma parti mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza u li jistgħu jagħtu spinta lit-tkabbir potenzjali tal-Ġermanja. |
|
(17) |
Fl-2022, il-gvern neħħa gradwalment il-maġġoranza tal-miżuri meħuda b’rispons għall-kriżi tal-COVID-19, b’tali mod li l-miżuri temporanji ta’ emerġenza huma pproġettati li jonqsu minn 4,2 % tal-PDG fl-2021 għal 1,2 % fl-2022. Id-defiċit tal-gvern huwa affettwat mill-miżuri adottati biex jikkumbattu l-impatt ekonomiku u soċjali taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija, li fit-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni huma stmati għal 0,7 % tal-PDG fl-2022 u huma mistennija jiġu eliminati b’mod gradwali fl-2023. (13) Dawn il-miżuri jikkonsistu prinċipalment f’sussidju mmirat għall-ispejjeż tat-tisħin; avvanz fl-abolizzjoni tal-imposta għall-enerġija rinnovabbli (EEG-Umlage); l-avvanz taż-żieda fl-allowance għall-vjaġġaturi (Pendlerpauschale); tnaqqis tat-taxxa fuq l-enerġija fuq il-fjuwils għal tliet xhur; ħlas ta’ darba ta’ somma f’daqqa tal-prezz tal-enerġija (Energiepreispauschale) u suppliment għal kull tifel/tifla; ħlas ta’ somma f’daqqa ta’ darba lir-riċevituri tal-assistenza soċjali; u biljett ta’ kull xahar għat-trasport pubbliku lokali bi prezz imnaqqas għal tliet xhur. Dawk il-miżuri tħabbru bħala temporanji. Madankollu, f’każ li l-prezzijiet tal-enerġija jibqgħu għoljin fl-2023, xi wħud minn dawk il-miżuri jistgħu jitkomplew. Xi wħud minn dawn il-miżuri mhumiex immirati, b’mod partikolari ż-żieda fil-konċessjoni għall-vjaġġaturi u t-tnaqqis tat-taxxa fuq l-enerġija fuq il-fjuwils. Id-defiċit tal-gvern huwa affettwat ukoll mill-ispiża biex tiġi offruta protezzjoni temporanja lill-persuni spostati mill-Ukrajna, li fit-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni hija pproġettata li tkun 0,1 % tal-PDG fl-2022 u 0,2 % fl-2023 (14), kif ukoll iż-żieda fl-ispiża tad-difiża b’0,4 % tal-PDG fl-2022 u 0,5 % tal-PDG fl-2023. |
|
(18) |
Fir-Rakkomandazzjoni tiegħu tat-18 ta’ Ġunju 2021, il-Kunsill irrakkomanda li fl-2022 il-Ġermanja żżomm pożizzjoni fiskali ta’ appoġġ, inkluż mill-impuls ipprovdut mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, u tippreserva l-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali. Il-Kunsill irrakkomanda wkoll lill-Ġermanja biex, meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi jippermettu, issegwi politika fiskali mmirata biex tikseb pożizzjonijiet fiskali prudenti ta’ perjodu medju u tiżgura s-sostenibbiltà fiskali fuq perjodu medju u, fl-istess ħin, li ssaħħaħ l-investiment biex tingħata spinta lill-potenzjal tat-tkabbir. |
|
(19) |
Fl-2022, skont it-tbassir tar-rebbiegħa tal-2022 tal-Kummissjoni u inkluża l-informazzjoni inkorporata fil-Programm ta’ Stabbiltà tal-2022 tal-Ġermanja, il-pożizzjoni fiskali hija pproġettata li tkun ta’ appoġġ fil-livell ta’ – 1,6 % tal-PDG kif irrakkomandat mill-Kunsill (15). Il-Ġermanja qed tippjana li tipprovdi appoġġ kontinwu għall-irkupru billi tagħmel użu mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza biex tiffinanzja investiment addizzjonali kif rakkomandat mill-Kunsill. Il-kontribuzzjoni pożittiva għall-attività ekonomika tal-ispiża ffinanzjata mill-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-Unjoni hija proġettata li tibqa stabbli meta mqabbla mal-2021. L-investiment iffinanzjat f’livell nazzjonali huwa pproġettat li jipprovdi kontribuzzjoni espansjonarja ta’ 0,2 punt perċentwali tal-PDG fl-2022 (16). Għalhekk, il-Ġermanja qed tippjana li tippreserva l-investiment iffinanzjat nazzjonalment, kif irrakkomandat mill-Kunsill. Fl-istess ħin, it-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata min-nazzjon (nett minn miżuri ġodda ta’ dħul) fl-2022 huwa pproġettat li jipprovdi kontribuzzjoni espansjonarja ta’ 1,5 punti perċentwali għall-pożizzjoni fiskali ġenerali. Dik il-kontribuzzjoni espansjonarja sinifikanti tinkludi l-impatt addizzjonali tal-miżuri biex jiġi indirizzat l-impatt ekonomiku u soċjali taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija (0.7 % tal-PDG) kif ukoll l-ispejjeż biex tiġi offruta protezzjoni temporanja lill-persuni spostati mill-Ukrajna (0,1 % tal-PDG), filwaqt li l-infiq addizzjonali għat-tranżizzjoni ekoloġika (0,2 % tal-PDG) huwa wkoll projettat li jikkontribwixxi għat-tkabbir fl-ispiża kurrenti netta. |
|
(20) |
Fl-2023, il-pożizzjoni fiskali hija pproġettata fit-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni li tkun fil-livell ta’ 0,6 % tal-PDG fuq suppożizzjoni ta’ ebda bidla fil-politika (17). Il-Ġermanja hija pproġettata li tkompli tuża l-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza fl-2023 biex tiffinanzja investiment addizzjonali b’appoġġ għall-irkupru. Il-kontribuzzjoni pożittiva lejn l-attività ekonomika tan-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-Unjoni hija pproġettata li tonqos b’0,1 punt perċentwali tal-PDG meta mqabbla mal-2021. L-investiment iffinanzjat f’livell nazzjonali huwa pproġettat li jipprovdi kontribuzzjoni espansjonarja ta’ 0,1 punt perċentwali tal-PDG fl-2023 (18). Fl-istess ħin, it-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata min-nazzjon (nett minn miżuri ġodda ta’ dħul) fl-2023 huwa pproġettat li jipprovdi kontribuzzjoni restrittiva ta’ 0,7 punti perċentwali għall-pożizzjoni fiskali ġenerali. Dan jinkludi l-impatt mit-tneħħija gradwali tal-miżuri li jindirizzaw iż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija (0,7 % tal-PDG) u spejjeż addizzjonali biex tiġi offruta protezzjoni temporanja lill-persuni spostati mill-Ukrajna (0,05 % tal-PDG) meta mqabbel mal-2022. |
|
(21) |
Fil-Programm ta’ Stabbiltà tal-2022, id-defiċit tal-gvern estiż huwa mistenni li jonqos gradwalment għal 1,4 % fl-2024 u għal 1 % sal-2025. Dawk il-previżjonijiet jassumu żieda fid-dħul tal-gvern bħala perċentwal tal-PDG, filwaqt li n-nefqa tal-gvern bħala perċentwal tal-PDG hija mistennija li tibqa’ relattivament stabbli. Skont il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2022, il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG huwa mistenni li jonqos sal-2025, b’mod speċifiku bi tnaqqis sa 65¾ % fl-2024 u li jkompli jonqos għal 65 % fl-2025. Skont l-analiżi tal-Kummissjoni, jidher li hemm riskju medju fuq perjodu medju ta’ żmien fejn tidħol is-sostenibbiltà tad-dejn. |
|
(22) |
It-tixjiħ, u suq tax-xogħol aktar strett, ser jaffettwaw b’mod qawwi lill-Ġermanja fis-snin li ġejjin. L-età statutorja tal-irtirar ser tilħaq is-67 sena fl-2031, iżda huma meħtieġa aktar aġġustamenti tas-sistema tal-pensjoni biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tas-sistema tal-pensjonijiet fit-tul, filwaqt li tiġi preżervata l-adegwatezza. Inċentivi tax-xogħol aktar b’saħħithom ikunu meħtieġa wkoll fid-dawl ta’ suq tax-xogħol aktar ristrett. L-impenn tal-gvern li jżomm limitu fuq ir-rata tal-kontribuzzjoni tal-pensjoni f’dan il-perjodu leġiżlattiv u li jiżgura r-rata minima ta’ sostituzzjoni tal-introjtu huwa mistenni li jwassal għal trasferimenti fiskali sinifikanti, li jkomplu jżidu l-piż fuq il-ġenerazzjonijiet żgħażagħ. Il-pensjonijiet privati sussidjati mill-Istat (Riester Rente) ma kellhomx rwol sostanzjali fit-taħlita tal-pensjonijiet. Ir-redditi huma baxxi u l-ispejjeż amministrattivi huma għoljin. B’mod partikolari, dawk bi dħul baxx ma jistgħux jiksbu tfaddil suffiċjenti għall-irtirar. |
|
(23) |
Is-sistema tat-taxxa tiddependi ħafna fuq id-dħul mit-taxxa fuq ix-xogħol filwaqt li l-bażijiet tat-taxxa li huma inqas ta’ ħsara għat-tkabbir inklużiv għadhom ma jintużawx biżżejjed. Il-porzjon ta’ taxxa fuq ix-xogħol fil-Ġermanja huwa wieħed mill-ogħla fl-Unjoni. Dan inaqqas il-paga meta wieħed jieħu d-dar u joħloq diżinċentivi biex jiżdiedu s-sigħat maħduma għal ċerti gruppi bħal dawk bi dħul baxx u medju u dawk li jaqilgħu t-tieni sors ta’ dħul; dan jaġixxi kontra użu aħjar tal-potenzjal tax-xogħol anke meta jkun hemm nuqqas ta’ ħaddiema. Id-dħul mit-taxxi ambjentali huwa komparattivament baxx, filwaqt li s-sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent (inkluż it-tnaqqis tat-taxxa u l-eżenzjonijiet mit-taxxa) jimminaw il-miri tas-sostenibbiltà ambjentali u jikkontrobattu d-dekarbonizzazzjoni, l-effiċjenza enerġetika u l-użu tal-enerġija rinnovabbli. |
|
(24) |
F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2021/241 u l-kriterju 2.2 tal-Anness V għal dak ir-Regolament, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi sett estensiv ta’ riformi u investimenti li jsaħħu lil xulxin bi skeda ta’ żmien indikattiva għall-implimentazzjoni li għandha titlesta sal-31 ta’ Awwissu 2026. Dawn jgħinu biex jiġu indirizzati l-isfidi ekonomiċi u soċjali kollha jew subsett sinifikanti minnhom deskritti fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż indirizzati lill-Ġermanja mill-Kunsill fis-Semestru Ewropew fl-2019 u l-2020, flimkien ma’ kwalunkwe rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż maħruġa sad-data tal-adozzjoni ta’ pjan għall-irkupru u r-reżiljenza. B’mod partikolari, jikkontribwixxi biex tiġi indirizzata l-ħtieġa li tingħata spinta lill-investiment pubbliku u privat, partikolarment għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, fit-trasport sostenibbli, f’sistemi tal-enerġija nodfa, effiċjenti u integrati, fid-diġitalizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika u s-servizzi tas-saħħa, fl-edukazzjoni, u fir-riċerka u l-innovazzjoni. |
|
(25) |
L-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Ġermanja mistenni jikkontribwixxi biex isir aktar progress fit-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Il-miżuri li jappoġġaw l-objettivi klimatiċi fil-Ġermanja jammontaw għal 42 % tal-allokazzjoni totali tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, filwaqt li l-miżuri li jappoġġaw l-objettivi diġitali jammontaw għal 52 % tal-allokazzjoni totali tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza. L-implimentazzjoni sħiħa tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, f’konformità mal-istadji importanti u l-miri rilevanti miftehma, ser tgħin lill-Ġermanja tirkupra malajr mill-konsegwenzi tal-kriżi tal-COVID-19, filwaqt li ssaħħaħ ir-reżiljenza tagħha. L-involviment sistematiku tas-sħab soċjali u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra għadu essenzjali għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll ta’ politiki ekonomiċi u tal-impjiegi oħra li jmorru lil hinn mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, biex tiġi żgurata sjieda wiesgħa tal-aġenda ta’ politika ġenerali. |
|
(26) |
Sal-4 ta’ April 2022, il-Ġermanja ppreżentat dokumenti ta’ programmazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni previsti fir-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19) għall-15-il programm tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, is-16-il programm tal-Fond Soċjali Ewropew Plus kollha u programm imħallat tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali / il-Fond Soċjali Ewropew Plus. Il-Kummissjoni approvat il-Ftehim ta’ Sħubija mal-Ġermanja dwar l-użu tal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni fid-19 ta’ April 2022. F’konformità mar-Regolament (UE) 2021/1060, il-Ġermanja qieset ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi rilevanti fl-ipprogrammar tal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni 2021-2027. Dan huwa prerekwiżit għat-titjib tal-effettività u l-massimizzazzjoni tal-valur miżjud tal-appoġġ finanzjarju li għandu jiġi riċevut mill-fondi tal-politika ta’ koeżjoni, filwaqt li jiġu promossi l-koordinazzjoni, il-komplementarjetà u l-koerenza bejn dawk il-fondi tal-politika ta’ koeżjoni u strumenti u fondi oħra tal-Unjoni. L-implimentazzjoni b’suċċess tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u l-programmi tal-politika ta’ koeżjoni tiddependi wkoll mit-tneħħija ta’ ostakli għall-investiment biex tiġi appoġġata t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali u l-iżvilupp territorjali bbilanċjat. |
|
(27) |
Lil hinn mill-isfidi ekonomiċi u soċjali indirizzati mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, il-Ġermanja għadha lura fl-użu tal-broadband b’kapaċità għolja ħafna fiż-żoni rurali, fejn investiment aktar b’saħħtu għandu l-potenzjal li jtejjeb it-tkabbir tal-produttività u l-iżbilanċ bejn it-tfaddil u l-investiment. B’mod ġenerali, il-Ġermanja tejbet b’mod sinifikanti l-kopertura tal-broadband b’kapaċità għolja ħafna matul l-aħħar sena u bħalissa hija ogħla mill-medja tal-Unjoni. Madankollu, fiż-żoni rurali l-kopertura kienet ta’ 22,5 %, taħt il-medja tal-Unjoni ta’ 37,1 %. Fl-istess ħin, 15,4 % biss tal-unitajiet domestiċi għandhom aċċess għal konnessjoni tal-fibra (meta mqabbla mal-medja tal-Unjoni ta’ 50 %), li tqiegħed lill-Ġermanja fost l-Istati Membri bl-inqas kopertura tal-fibra, filwaqt li l-aqwa ħames pajjiżi tal-Unjoni għandhom kopertura tal-fibra ta’ mill-inqas 85 %. In-nuqqas ta’ konnessjonijiet tal-fibra huwa aċċentwat fiż-żoni rurali (11,3 % kontra 33,8 % tal-medja tal-Unjoni). Dan iżomm lura t-tkabbir tal-produttività, speċjalment minn negozji żgħar u ta’ daqs medju, li ħafna minnhom jinsabu f’żoni rurali u semi-rurali. L-espansjoni tal-broadband u l-5G mhumiex koperti fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Ġermanja. Hemm skemi fil-livell federali u reġjonali li għandhom l-għan li jtejbu l-konnettività f’żoni griżi u l-konnettività mobbli f’żoni bojod. Il-Ftehim ta’ koalizzjoni fih għanijiet ambizzjużi dwar id-disponibbiltà nazzjonali tal-fibra u l-5G għall-unitajiet domestiċi Ġermaniżi kollha, filwaqt li l-iskadenza għall-implimentazzjoni għad trid tiġi speċifikata. Iż-żieda fl-ippjanar u l-kapaċità tal-ġestjoni tal-inġinerija ċivili fis-settur privat u fl-ippjanar u l-ġestjoni tal-implimentazzjoni fis-settur pubbliku ser tkun kruċjali għat-twettiq f’waqtu. L-ilħuq tal-miri ser jirrikjedi wkoll titjib fil-proċeduri tal-applikazzjoni u tal-għoti tal-permessi kif ukoll l-istandardizzazzjoni ta’ tekniki ta’ installazzjoni alternattivi li jieħdu inqas ħin. |
|
(28) |
Bi tweġiba għall-mandat tal-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern tal-Unjoni, stabbilit fid-Dikjarazzjoni ta’ Versailles, il-proposta tal-Kummissjoni għal pjan REPowerEU għandu l-għan li jelimina gradwalment id-dipendenza tal-Unjoni fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili mir-Russja malajr kemm jista’ jkun. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni biħsiebha tidentifika l-aktar proġetti, investimenti u riformi xierqa fil-livell nazzjonali, reġjonali u tal-Unjoni fi djalogu mal-Istati Membri. Dawn il-miżuri għandhom l-għan li jnaqqsu d-dipendenza ġenerali fuq il-fjuwils fossili u jmexxu l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili ‘l bogħod mir-Russja. |
|
(29) |
Il-Ġermanja qed tiffaċċja sfidi relatati mad-dipendenza tagħha fuq il-fjuwils fossili u fuq l-importazzjonijiet tal-enerġija mir-Russja kif ukoll mal-kundizzjonijiet qafas għall-investiment f’sistema tal-enerġija sostenibbli integrata b’mod sħiħ. Skont id-data tal-2020, id-dipendenza fuq l-importazzjonijiet tal-gass mir-Russja hija partikolarment għolja (65 % (20)) u ogħla mill-medja tal-Unjoni (44 %). Id-dipendenza fuq l-importazzjonijiet taż-żejt mir-Russja hija wkoll ogħla mill-medja tal-Unjoni (34 % fil-Ġermanja meta mqabbla mal-medja tal-Unjoni ta’ 26 %) (21). Aktar minn nofs it-taħlita tal-enerġija tal-Ġermanja ġejja mill-gass (26 %) u miż-żejt (35 %). Din id-dipendenza għandha implikazzjonijiet diretti għall-industrija tal-Ġermanja, li tirrappreżenta 35 % tal-konsum finali tal-enerġija tal-gass naturali. Progress aktar mgħaġġel fl-espansjoni tal-grilji ta’ trażmissjoni u distribuzzjoni u fl-użu ta’ enerġiji rinnovabbli huwa kruċjali biex jiġu indirizzati dawn l-isfidi, biex jintlaħqu l-miri tal-klima u tal-enerġija u biex tingħata spinta lill-investiment relattiv għall-iffrankar. Huma meħtieġa sforzi aktar b’saħħithom biex jiġu diversifikati l-provvisti u r-rotot tal-enerġija, bl-użu tas-sorsi kollha disponibbli tal-enerġija mingħajr karbonju, b’mod partikolari permezz tal-użu ta’ elettriku u gassijiet rinnovabbli, inkluż l-idroġenu, u tal-gass naturali likwifikat. Huwa rrakkomandat li investimenti ġodda fl-infrastruttura u fin-netwerks relatati mal-gass ikunu validi għall-futur fejn possibbli, sabiex jiffaċilitaw is-sostenibbiltà fit-tul tagħhom permezz ta’ adattament futur għal fjuwils sostenibbli. Sabiex il-Ġermanja tkun konformi mal-objettivi “Lesti għall-mira ta’ 55 %”, ser tkun meħtieġa żieda ulterjuri fl-ambizzjoni fir-rigward tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra kif ukoll żieda fl-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika. Huma meħtieġa wkoll sforzi biex titħaffef id-dekarbonizzazzjoni tal-industrija, jittejbu l-għażliet ta’ flessibbiltà u r-rispons mill-konsumaturi tal-enerġija għal prezzijiet differenti, u tissaħħaħ l-integrazzjoni tas-sistema tal-enerġija (22). Jenħtieġ li tittieħed azzjoni biex tiżdied l-effiċjenza enerġetika u jitnaqqas il-konsum tal-enerġija, u biex titħaffef id-dekarbonizzazzjoni tal-istokk tal-bini, u tas-settur tat-trasport, li fl-2021 naqas milli jilħaq il-miri nazzjonali annwali tal-emissjonijiet għal dawn is-setturi. Użu akbar tal-mobbiltà kondiviża u tat-trasport pubbliku sostenibbli jista’ jnaqqas il-konsum tal-fjuwils fossili. L-espansjoni tan-netwerks tal-elettriku tal-Ġermanja sofriet minn dewmien sinifikanti. L-ostakli ewlenin huma, fost l-oħrajn, il-kumplessità u t-tul tal-proċeduri tal-ippjanar, tal-permessi u tal-appell. Id-dewmien fl-espansjoni tan-netwerks tal-elettriku wassal għall-ħtieġa li jitrażżnu s-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli f’ċerti oqsma. Barra minn hekk, id-dewmien fl-estensjoni tal-grilji tal-elettriku jaffettwa b’mod sinifikanti n-netwerks tal-Istati Membri ġirien peress li l-kapaċità tan-netwerk fil-Ġermanja mhijiex biżżejjed biex jittrasportaw il-volumi tal-elettriku nnegozjati fiż-żona tal-prezz rispettiva. Il-gvern impenja ruħu li jżid is-sehem ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fil-ġenerazzjoni tal-elettriku għal 80 % sal-2030 u l-Parlament Ġermaniż bħalissa qed jiddiskuti proposta leġiżlattiva għal liġi dwar l-enerġija rinnovabbli li tinkludi l-għan li tinkiseb kważi newtralità f’termini ta’ gassijiet serra sal-2035 fis-settur tal-elettriku. Madankollu, l-użu tal-enerġija rinnovabbli, b’mod partikolari r-riħ fuq l-art, sofra tnaqqis sinifikanti fir-ritmu f’dawn l-aħħar snin minħabba ostakli persistenti fl-implimentazzjoni. It-tneħħija tal-ostakli għall-implimentazzjoni tinkludi t-teħid ta’ passi biex jissolvew il-kunflitti dwar l-użu tal-art fi stadju bikri, it-tħaffif tar-regoli dwar id-distanza minima, it-titjib tal-użu tal-ippjanar spazjali biex jiġu identifikati żoni għall-użu tal-enerġija mir-riħ, u li jkun aktar faċli li jinkisbu l-permessi. L-aċċettazzjoni lokali tista’ tittejjeb, inkluż permezz ta’ proċess ta’ konsultazzjoni aktar simplifikat, parteċipazzjoni akbar taċ-ċittadini u kondiviżjoni tad-dħul fil-proġetti. L-espansjoni tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u ż-żieda fl-effiċjenza enerġetika mhux biss ser inaqqsu d-dipendenza fuq l-importazzjonijiet tal-enerġija iżda ser inaqqsu wkoll b’mod sinifikanti l-prezzijiet tal-enerġija. Fl-aħħar nett, il-parteċipazzjoni fil-kooperazzjoni transfruntiera relatata mal-enerġija tista’ tissaħħaħ aktar, u l-flessibbiltà u l-kapaċità ta’ fluss fid-direzzjoni opposta jistgħu jiżdiedu fir-rigward tal-interkonnettività eżistenti. |
|
(30) |
Filwaqt li l-aċċellerazzjoni lejn in-newtralità klimatika u lil hinn mill-fjuwils fossili ser toħloq spejjeż sinifikanti ta’ ristrutturar f’diversi setturi, il-Ġermanja tista’ tagħmel użu mill-Mekkaniżmu ta’ Tranżizzjoni Ġusta fil-kuntest tal-politika ta’ koeżjoni biex ittaffi l-impatt soċjoekonomiku tat-tranżizzjoni fl-aktar reġjuni milquta. Barra minn hekk, il-Ġermanja tista’ tagħmel użu mill-Fond Soċjali Ewropew Plus, stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/1057 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (23), biex ittejjeb l-opportunitajiet ta’ impjieg u ssaħħaħ il-koeżjoni soċjali. |
|
(31) |
Fid-dawl tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2022 u l-opinjoni tiegħu (24) hija riflessa fir-Rakkomandazzjoni (1). |
|
(32) |
Fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji tal-Istati Membri taż-Żona tal-Euro u l-kontribut kollettiv tagħhom għall-funzjonament tal-unjoni ekonomika u monetarja, il-Kunsill irrakkomanda li l-Istati Membri taż-Żona tal-Euro jieħdu azzjoni, inkluż permezz tal-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza, biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet mogħtija fir-Rakkomandazzjoni tal-2022 dwar iż-Żona tal-Euro. Għall-Ġermanja, dan huwa rifless b’mod partikolari fir-rakkomandazzjonijiet (1), (2) u (3). |
|
(33) |
Fid-dawl tal-analiżi fil-fond tal-Kummissjoni u l-valutazzjoni tagħha, il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2022 u l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2022. Ir-rakkomandazzjonijiet tagħha skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet (1), (2), (3) u (4). Ir-rakkomandazzjonijiet (1), (2) u (3) jikkontribwixxu wkoll għall-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-2022 dwar iż-Żona tal-Euro, b’mod partikolari l-ewwel u r-raba’ rakkomandazzjoni taż-Żona tal-Euro. Il-politiki fiskali msemmija fir-rakkomandazzjoni (1) u l-politiki msemmija fir-rakkomandazzjonijiet (2), (3) u (4) jgħinu jindirizzaw, fost l-oħrajn, żbilanċi marbuta mas-surplus fil-kont kurrenti sa fejn huwa kkonċernat l-investiment ogħla, |
B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Ġermanja tieħu azzjoni fl-2022 u fl-2023 biex:
1.
Fl-2023, jiġi żgurat li t-tkabbir tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata nazzjonalment ikun konformi ma’ pożizzjoni politika ġeneralment newtrali, filwaqt li jitqies l-appoġġ temporanju u mmirat li jibqa’ jingħata lill-unitajiet domestiċi u d-ditti l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u għan-nies li jaħarbu mill-Ukrajna. Tkun lesta taġġusta l-infiq attwali għas-sitwazzjoni li qed tevolvi. Tespandi l-investiment pubbliku għat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, u għas-sigurtà tal-enerġija billi tqis l-inizjattiva RePowerEU, inkluż billi tagħmel użu mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-Unjoni. Għall-perjodu ta’ wara l-2023, issegwi politika fiskali mmirata lejn il-kisba ta’ pożizzjonijiet fiskali prudenti fuq terminu medju. Ittejjeb it-taħlita tat-taxxa għal tkabbir aktar inklużiv u sostenibbli, b’mod partikolari billi ttejjeb l-inċentivi tat-taxxa biex iżżid is-sigħat maħduma. Itejjeb is-sostenibilità fuq terminu twil tas-sistema tal-pensjoni.
2.
Tipproċedi bl-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tagħha, f’konformità mal-istadji importanti u l-miri miftehma inklużi fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2021. Tiffinalizza malajr in-negozjati mal-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta’ programmar tal-politika ta’ koeżjoni 2021-2027 bil-ħsieb li tibda l-implimentazzjoni tagħhom.
3.
Tneħħi l-ostakli għall-investiment u trawwem l-investiment f’networks ta’ komunikazzjoni diġitali b’kapaċità għolja ħafna.
4.
Tnaqqas id-dipendenza ġenerali fuq il-fjuwils fossili u tiddiversifika l-importazzjonijiet tagħhom billi ittejjeb l-effiċjenza enerġetika, tinċentiva l-iffrankar tal-enerġija, tiddiversifika l-provvisti u r-rotot tal-enerġija, tneħħi l-ostakli għall-investiment, tissimplifika aktar il-proċeduri tal-permessi, tagħti spinta lill-investiment u taċċellera l-użu tan-netwerks tal-elettriku u tal-enerġija rinnovabbli, u tkompli tavvanza l-parteċipazzjoni fil-kooperazzjoni transfruntiera relatata mal-enerġija.
Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Lulju 2022.
Għall-Kunsill
Il-President
Z. STANJURA
(2) ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.
(3) Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17).
(4) Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2022 dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (ĠU C 153, 7.4.2022, p. 1).
(5) Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE tal-20 ta’ Lulju 2001 dwar l-istandards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati u dwar il-miżuri li jippromwovu bilanċ fl-isforzi bejn l-Istati Membri meta jirċievu dawn il-persuni u li jġorru l-konsegwenzi ta’ dawn (ĠU L 212, 7.8.2001, p. 12).
(6) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/382 tal-4 ta’ Marzu 2022 li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati mill-Ukrajna skont it-tifsira tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/55/KE, u li għandha l-effett li tintroduċi protezzjoni temporanja (ĠU L 71, 4.3.2022, p. 1).
(7) Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2021 li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2021 tal-Ġermanja (ĠU C 304, 29.7.2021, p. 18).
(8) L-istimi dwar il-pożizzjoni fiskali u l-komponenti tagħha f’din ir-Rakkomandazzjoni huma stimi tal-Kummissjoni bbażati fuq is-suppożizzjonijiet sottostanti għat-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni. L-istimi tal-Kummissjoni ta’ tkabbir potenzjali fuq terminu medju ma jinkludux l-impatt pożittiv tar-riformi li huma parti mill-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza u li jistgħu jagħtu spinta lit-tkabbir potenzjali.
(9) Mhux iffinanzjati minn għotjiet fl-ambitu tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza jew fondi oħra tal-Unjoni.
(10) ST 10158/2021; ST 10158/2021 ADD.
(11) Ir-Regolament (UE) Nru 473/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar dispożizzjonijiet komuni għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-abbozzi tal-pjani baġitarji u l-iżgurar tal-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro (ĠU L 140, 27.5.2013, p. 11).
(12) Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 2020 dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2020 tal-Ġermanja u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2020 tal-Ġermanja (ĠU C 282, 26.8.2020, p. 27).
(13) Iċ-ċifri jirrappreżentaw il-livell tal-ispejjeż baġitarji annwali ta’ dawk il-miżuri meħuda mill-ħarifa tal-2021, inkluż id-dħul u n-nefqa kurrenti kif ukoll — fejn rilevanti — il-miżuri tan-nefqa kapitali.
(14) Huwa maħsub li l-għadd totali ta’ persuni spostati mill-Ukrajna lejn l-Unjoni ser jilħaq gradwalment is-6 miljun sa tmiem l-2022, u d-distribuzzjoni ġeografika tagħhom hija stmata fuq il-bażi tad-daqs tad-dijaspora eżistenti, il-popolazzjoni relattiva tal-Istat Membru riċeventi, u d-distribuzzjoni reali ta’ persuni spostati mill-Ukrajna madwar l-Unjoni f’Marzu 2022. Għall-ispejjeż baġitarji għal kull persuna, l-istimi huma bbażati fuq il-mudell ta’ mikrosimulazzjoni tal-Euromod taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni, filwaqt li jitqiesu kemm it-trasferimenti ta’ flus kontanti li n-nies jistgħu jkunu eliġibbli għalihom kif ukoll il-benefiċċji in natura bħall-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa.
(15) Sinjal negattiv tal-indikatur jikkorrispondi għal eċċess tat-tkabbir fin-nefqa primarja meta mqabbel mat-tkabbir ekonomiku fit-terminu medju, li jindika politika fiskali espansjonarja.
(16) Nefqa kapitali oħra ffinanzjata nazzjonalment hija pproġettata li tipprovdi kontribuzzjoni restrittiva ta’ 0,1 punti perċentwali tal-PDG.
(17) Sinjal pożittiv tal-indikatur jikkorrispondi għal defiċit fit-tkabbir fin-nefqa primarja meta mqabbel mat-tkabbir ekonomiku fit-terminu medju, li jindika politika fiskali kontrazzjonarja.
(18) Nefqa kapitali oħra ffinanzjata nazzjonalment hija pproġettata li tipprovdi kontribuzzjoni newtrali.
(19) Ir-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 159).
(20) Skont data reċenti mill-Ministeru Federali Ġermaniż għall-Affarijiet Ekonomiċi u l-Azzjoni Klimatika s-sehem fl-importazzjonijiet totali tal-gass naqas għal 35 %.
(21) Eurostat (2020), is-sehem tal-importazzjonijiet Russi fuq l-importazzjonijiet totali ta’ gass naturali u żejt mhux raffinat. Għall-medja tal-EU-27, l-importazzjonijiet totali huma bbażati fuq importazzjonijiet barra l-EU27. Għall-Ġermanja, l-importazzjonijiet totali jinkludu l-kummerċ intra-UE. Iż-żejt mhux raffinat ma jinkludix prodotti taż-żejt raffinat.
(22) L-integrazzjoni tas-sistema tal-enerġija tgħaqqad id-diversi trasportaturi tal-enerġija ma’ xulxin u mas-setturi tal-użu aħħari.
(23) Ir-Regolament (UE) 2021/1057 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1296/2013 (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 21).
(24) Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97.