23.5.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 206/1


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-20 ta’ Mejju 2022

dwar il-monitoraġġ tal-preżenza tal-arseniku inorganiku fl-għalf

(2022/C 206/01)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-forom inorganiċi u organiċi tal-arseniku jvarjaw b’mod sinifikanti fit-tossiċità tagħhom, u l-komposti organiċi tal-arseniku għandhom potenzjal tossiku baxx ħafna. Għaldaqstant, l-effetti negattivi potenzjali tal-arseniku fuq is-saħħa tal-annimali (u tal-bniedem) huma ddeterminati mill-frazzjoni inorganika fi prodott partikolari tal-għalf (jew tal-ikel). F’materjali tal-għalf bħall-ħut, annimali akkwatiċi oħra u prodotti derivati minnhom, u l-alki u prodotti derivati minnhom, l-arseniku huwa preżenti b’mod predominanti fil-forom organiċi. Huwa diffiċli li d-data li tirrapporta biss l-arseniku totali f’materjali tal-għalf bħal dawn tiġi interpretata f’termini tal-potenzjal li jiġu kkawżati effetti negattivi.

(2)

Id-Direttiva 2002/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) tistabbilixxi livelli massimi għall-arseniku f’firxa wiesgħa ta’ prodotti maħsuba għall-għalf tal-annimali. Il-livelli massimi jirreferu għall-arseniku totali, peress li meta ġew stabbiliti l-livelli massimi għall-arseniku fl-għalf, ma kien disponibbli l-ebda metodu ta’ analiżi ta’ rutina biex l-arseniku inorganiku jiġi analizzat separatament u l-livell tal-arseniku totali biss seta’ jiġi analizzat b’mod regolari.

(3)

Il-Laboratorju ta’ Referenza tal-Unjoni Ewropea għall-metalli u l-komposti nitroġenużi kkonferma li hemm disponibbli metodi ta’ analiżi ta’ rutina biex jiġi analizzat l-arseniku inorganiku fl-għalf li joriġina mill-baħar, mill-annimali u mill-pjanti iżda mhux f’matriċi tal-għalf minerali. Madankollu fl-għalf minerali, l-arseniku se jkun preżenti f’forma inorganika u għalhekk id-determinazzjoni totali tal-arseniku hija stima tajba tal-konċentrazzjoni inorganika tal-arseniku f’matriċi tal-għalf bħal dawn.

(4)

Fil-bażi tad-data tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) hemm disponibbli biss data ta’ okkorrenza limitata dwar il-preżenza tal-arseniku inorganiku fl-għalf.

(5)

Huwa għalhekk xieraq li tiġi mmonitorjata l-preżenza ta’ arseniku inorganiku fl-għalf fl-Unjoni kollha qabel ma jiġi kkunsidrat l-iffissar ta’ livelli massimi ta’ arseniku inorganiku f’ċertu għalf jew kwalunkwe miżura oħra ta’ mmaniġġjar tar-riskju meħtieġa biex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-annimali u tal-bniedem,

ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

1.

L-Istati Membri, bl-involviment attiv tal-operaturi tan-negozju tal-għalf, għandhom iwettqu monitoraġġ għall-preżenza tal-arseniku inorganiku fl-għalf. Huwa rrakkomandat li fl-istess kampjuni jiġi ddeterminat il-kontenut totali tal-arseniku bil-ħsieb li jiġi ddeterminat il-proporzjon bejn il-preżenza tal-arseniku inorganiku meta mqabbel mal-arseniku totali.

2.

B’mod partikolari, għandhom jittieħdu kampjuni tal-materjali tal-għalf u tal-għalf kompost li ġejjin:

(a)

magħlef magħmul mill-ħaxix, minn xnien imnixxef u minn silla mnixxfa;

(b)

polpa mnixxfa tal-pitravi (zokkrija), u molassa mnixxfa tal-polpa tal-pitravi (zokkrija);

(c)

espellent tal-qalba tal-palm;

(d)

ħut, annimali akkwatiċi oħrajn u prodotti derivati minnhom;

(e)

magħlef tal-alka u materjali tal-għalf derivati mill-alka.

(f)

għalf kompost, li fih ħut, annimali oħra akkwatiċi u prodotti derivati minnhom u/jew magħlef tal-alka u materjali tal-għalf derivati mill-alka.

3.

Sabiex jiġi żgurat li l-kampjuni jkunu rappreżentattivi tal-lott ikkampjunat, l-Istati Membri għandhom isegwu l-metodu tal-kampjunar stabbilit fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 152/2009 (2).

4.

Fuq bażi regolari u sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2023, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-riżultati analitiċi jiġu pprovduti lill-EFSA fil-format tal-preżentazzjoni tad-data tal-EFSA f’konformità mar-rekwiżiti tal-Gwida tal-EFSA “Guidance on Standard Sample Description (SSD2) for Food and Feed (3)” u mar-rekwiżiti addizzjonali speċifiċi tar-rappurtar tal-EFSA.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Mejju 2022.

Għall-Kummissjoni

Stella KYRIAKIDES

Membru tal-Kummissjoni


(1)  Id-Direttiva 2002/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Mejju 2002 dwar sustanzi mhux mixtieqa fl-għalf tal-annimali (ĠU L 140, 30.5.2002, p. 10).

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 152/2009 tas-27 ta’ Jannar 2009 li jistabbilixxi l-metodi ta’ teħid ta’ kampjuni u analiżi għall-kontroll uffiċjali tal-għalf (ĠU L 54, 26.2.2009, p. 1).

(3)  https://www.efsa.europa.eu/en/call/call-continuous-collection-chemical-contaminants-occurrence-data-0