17.2.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 35/17


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/210

tat-8 ta’ Frar 2022

dwar sett ta’ għodod komuni tal-Unjoni biex jiġu indirizzati l-iskarsezzi ta’ semikondutturi u mekkaniżmu tal-UE għall-monitoraġġ tal-ekosistema tas-semikondutturi

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,

Billi:

(1)

Is-semikondutturi huma essenzjali għall-funzjonament tal-ekonomija u tas-soċjetà moderni tagħna. Matul l-aħħar sena, l-Unjoni esperjenzat tfixkil bla preċedent fil-provvista tagħhom li wassal għal dewmien serju u effetti negattivi fir-rigward ta’ setturi ekonomiċi importanti u li wassal għal dewmien fit-tiswija u fil-manutenzjoni ta’ prodotti essenzjali għal setturi kritiċi, bħat-tagħmir mediku u dijanjostiku.

(2)

Għalhekk, il-kriżi attwali tal-iskarsezza ta’ semikondutturi u l-effetti sekondarji tagħha jwasslu biex setturi kritiċi bħas-saħħa, it-trasport, l-enerġija, id-difiża, is-sigurtà u l-ispazju jissograw li jiġu affettwati. It-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali tal-Unjoni qed tissogra li tiġi mdewma.

(3)

F’dak l-isfond, il-Proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi qafas ta’ miżuri għat-tisħiħ tal-ekosistema tas-semikondutturi tal-Ewropa (l-Att dwar iċ-Ċipep) (1) għandha l-għan li tindirizza r-reżiljenza tal-Unjoni għat-tfixkil fil-katina tal-provvista tas-semikondutturi, li trawwem l-iżvilupp tal-kapaċitajiet fil-manifattura avvanzata, fid-disinn u fl-integrazzjoni tas-sistema kif ukoll fil-manifattura industrijali mill-iktar avvanzata fl-Unjoni, li tindirizza l-iskarsezza kbira ta’ ħiliet, li żżid il-forza tax-xogħol kwalifikata u li tikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ ekosistema tas-semikondutturi reżiljenti u dinamika fl-Unjoni. L-Unjoni hija impenjata li tilħaq l-għan strateġiku tagħha ta’ sehem ta’ mill-inqas 20 % tal-produzzjoni dinjija bħala valur ta’ semikondutturi mill-iktar avvanzati, innovattivi u sostenibbli sal-2030, kif stabbilit fil-Programm ta’ Politika tad-Deċennju Diġitali (2).

(4)

Din ir-Rakkomandazzjoni takkumpanja r-Regolament propost bħala għodda b’effett immedjat li tippermetti rispons rapidu u kkoordinat tal-Unjoni għall-iskarsezza attwali. Għal dak l-għan, tipproponi li jiġi stabbilit mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni biex jiġu diskussi u jiġu deċiżi miżuri ta’ rispons għall-kriżi li jkunu f’waqthom u proporzjonati.

(5)

Fid-dawl tan-nuqqasijiet strutturali tal-katina tal-provvista tas-semikondutturi, tirrakkomanda wkoll miżuri li jippermettu monitoraġġ ikkoordinat tal-katina tal-valur tas-semikondutturi, b’enfasi fuq ir-riskji li jistgħu jfixklu, jikkompromettu jew jaffettwaw b’mod negattiv il-provvista tas-semikondutturi. Dawk il-miżuri jenħtieġ li jħejju u jiffaċilitaw il-mekkaniżmu permanenti għall-monitoraġġ tal-katina tal-provvista tas-semikondutturi propost skont ir-Regolament.

(6)

Il-Kummissjoni stabbiliet il-Grupp ta’ Esperti Ewropej dwar is-Semikondutturi, bl-iskop li tiġi implimentata din ir-Rakkomandazzjoni. Il-Grupp ta’ Esperti Ewropej dwar is-Semikondutturi se jservi bħala pjattaforma għall-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri u se jagħti pariri u assistenza lill-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tar-Regolament imminenti. Il-kompiti tal-Grupp ta’ Esperti Ewropej dwar is-Semikondutturi għandhom jitwettqu mill-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi li għandu jiġi stabbilit fir-Regolament.

(7)

Il-Grupp ta’ Esperti Ewropej dwar is-Semikondutturi jenħtieġ li jiffaċilita l-iskambju rapidu u effettiv tal-informazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni fir-rigward tal-iżviluppi tas-suq li jqiegħdu l-provvisti tal-Unjoni f’riskju tanġibbli, u jenħtieġ li jrawwem rispons uniformi u kkoordinat għall-kriżi.

(8)

Bħala l-ewwel miżura, huwa rrakkomandat li l-Istati Membri jitolbu l-informazzjoni mingħand l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-impriżi jew, jekk ikun meħtieġ, mingħand il-manifatturi individwali tas-semikondutturi u tat-tagħmir. B’hekk il-Grupp ta’ Esperti Ewropej dwar is-Semikondutturi jkun iktar kapaċi jidentifika u jfassal miżuri ta’ rispons għal kriżi potenzjali. Id-data miġbura jenħtieġ li tikkonċerna l-ħila tal-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni u t-tfixkil u l-konġestjonijiet primarji attwali. Kwalunkwe ġbir jew skambju ta’ informazzjoni jenħtieġ li jkun konformi mar-regoli applikabbli dwar il-kondiviżjoni tad-data u l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni u tad-data.

(9)

Din ir-Rakkomandazzjoni tinkludi suġġerimenti għal miżuri ta’ rispons għall-kriżi li l-Istati Membri mistiedna jiddiskutu u jikkunsidraw li jimplimentaw fejn ikun rilevanti u proporzjonat.

(10)

Jekk il-valutazzjoni tal-kriżi inkwistjoni tkun tirrikjedi dan, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw li jidħlu fi djalogu biex jitolbu lill-manifatturi tas-semikondutturi stabbiliti fl-Unjoni biex jagħtu prijorità lill-kuntratti ma’ kumpaniji li jipprovdu l-prodotti lil setturi kritiċi, bil-ħsieb li jiġi żgurat li dawn is-setturi jkomplu joperaw.

(11)

Barra minn hekk, jekk ikun rilevanti u xieraq skont il-valutazzjoni tal-kriżi inkwistjoni, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw li jagħtu mandat lill-Kummissjoni biex takkwista ċerti prodotti f’isimhom, sabiex jinħoloq effett ta’ ingranaġġ permezz tal-kapaċità tal-akkwist tagħha u sabiex tiġi żgurata l-provvista lil setturi kritiċi fl-interess pubbliku.

(12)

Fl-aħħar nett, l-Istati Membri mħeġġa jivvalutaw jekk l-Unjoni jenħtieġx li teżerċita sorveljanza fuq ċerti esportazzjonijiet biex tiżgura l-provvista għas-suq intern. Jekk jaraw li tali miżuri protettivi jkunu xierqa, meħtieġa u proporzjonati, huma jistgħu jiddiskutu u jitolbu lill-Kummissjoni tivvaluta jekk il-kundizzjonijiet għal miżuri protettivi fir-rigward tal-esportazzjoni skont ir-Regolament (UE) 2015/479 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) humiex issodisfati.

(13)

L-azzjoni ta’ monitoraġġ rakkomandata jenħtieġ li ssegwi l-prinċipji ta’ antiċipazzjoni, ta’ koordinazzjoni u ta’ tħejjija bil-ħsieb li tiġi stabbilita sistema ta’ twissija bikrija sabiex jiġu evitati kriżijiet fil-qasam tas-semikondutturi u sabiex tissaħħaħ l-ekosistema tas-semikondutturi tal-Unjoni. Għal dak l-għan, fil-Grupp ta’ Esperti Ewropej dwar is-Semikondutturi l-Istati Membri mitluba jiddiskutu indikaturi xierqa ta’ twissija bikrija biex jantiċipaw skarsezzi futuri fil-katina tal-provvista tas-semikondutturi.

(14)

Hija meħtieġa valutazzjoni iktar fil-fond fir-rigward tar-riskji li jistgħu jfixklu, jikkompromettu jew jaffettwaw b’mod negattiv il-katina tal-valur, inkluż fir-rigward tal-oriġini u s-sorsi tal-provvisti lil hinn mill-Unjoni. Għalhekk, huwa rrakkomandat li l-Istati Membri jiġbru l-informazzjoni rilevanti u jikkooperaw bil-ħsieb li l-Kummissjoni tkun tista’ tħejji valutazzjoni tar-riskju komuni għall-katina tal-valur tas-semikondutturi fl-Unjoni. Il-fatturi li għandhom jitqiesu fit-tħejjija tal-valutazzjonijiet tar-riskju jenħtieġ li jiġu indikati.

(15)

Fir-Regolament propost tagħha l-Kummissjoni tistabbilixxi mekkaniżmu permanenti u vinkolanti għal monitoraġġ u rispons għall-kriżi kkoordinat, li jibni fuq il-miżuri ssuġġeriti f’din ir-Rakkomandazzjoni. Ladarba r-Regolament jidħol fis-seħħ, din ir-Rakkomandazzjoni tista’ titħassar.

ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

1.   SKOP TA’ DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI

(1)

L-iskop ta’ din ir-Rakkomandazzjoni huwa li jiġi ffaċilitat rispons rapidu, effettiv u kkoordinat tal-Unjoni għall-iskarsezza attwali ta’ semikondutturi u għal każijiet simili fil-futur.

(2)

Għalhekk, din ir-Rakkomandazzjoni se tiffaċilita mekkaniżmu ta’ monitoraġġ fid-dawl tan-nuqqasijiet strutturali tal-provvista tas-semikondutturi u r-riskju prevalenti li jfeġġu skarsezzi futuri jew xokkijiet notevoli oħra tas-suq.

(3)

Għal dak l-għan, huwa rrakkomandat li l-Istati Membri jaħdmu flimkien mal-Kummissjoni permezz tal-qafas tal-Grupp ta’ Esperti Ewropej dwar is-Semikondutturi, li se jikkoordina miżuri ta’ rispons għall-kriżi b’effett immedjat u se jiffunzjona bħala pjattaforma għall-monitoraġġ tal-katina tal-valur tas-semikondutturi, filwaqt li jiffoka fuq ir-riskji li jistgħu jfixklu, jikkompromettu jew jaffettwaw b’mod negattiv il-provvista tas-semikondutturi.

2.   DEFINIZZJONIJIET

(4)

Għall-iskop ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, japplikaw id-definizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament propost.

3.   GRUPP TA’ ESPERTI EWROPEJ DWAR IS-SEMIKONDUTTURI

(5)

Huwa rrakkomandat li l-Istati Membri jimplimentaw din ir-Rakkomandazzjoni permezz tal-Grupp ta’ Esperti Ewropej dwar is-Semikondutturi. Japplikaw ir-regoli ta’ proċedura ġenerali ta’ dan il-grupp ta’ esperti.

4.   RISPONS GĦALL-KRIŻI B’EFFETT IMMEDJAT

(6)

Bħala kwistjoni ta’ urġenza, l-Istati Membri jenħtieġ li jiltaqgħu fil-Grupp ta’ Esperti Ewropej dwar is-Semikondutturi sabiex jiskambjaw l-informazzjoni dwar il-qagħda attwali tal-kriżi tas-semikondutturi fis-swieq nazzjonali tagħhom. B’mod partikolari, jenħtieġ li jivvalutaw il-prodotti u s-swieq konkreti affettwati mill-iskarsezza, kif ukoll jenħtieġ li jiddiskutu kwalunkwe miżura ta’ kontinġenza li tkun ġiet implimentata fil-livell nazzjonali.

(7)

L-Istati Membri jenħtieġ li jitolbu l-informazzjoni mingħand l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-impriżi jew, jekk ikun meħtieġ, mingħand il-manifatturi individwali tas-semikondutturi u tat-tagħmir fir-rigward tal-ħiliet tal-provvista, li tista’ tinkludi l-informazzjoni rigward il-ħila tal-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni u t-tfixkil primarju attwali, bil-ħsieb li jiġu identifikati u mfassla miżuri ta’ rispons għal kriżi potenzjali. Kwalunkwe ġbir jew skambju ta’ informazzjoni jenħtieġ li jkun konformi mar-regoli applikabbli dwar il-kondiviżjoni tad-data u l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni u tad-data.

(8)

Abbażi ta’ din l-informazzjoni, l-Istati Membri mistiedna jivvalutaw miżuri ta’ rispons għall-kriżi li jkunu xierqa, effettivi u proporzjonati fil-livell nazzjonali u tal-Unjoni (sett ta’ għodod għall-kriżi). Dawn il-miżuri jistgħu jinkludu waħda jew iktar minn dawn li ġejjin:

(a)

id-djalogu mal-manifatturi u t-tressiq ta’ talba lilhom biex jagħtu prijorità lill-produzzjoni ta’ prodotti rilevanti għall-kriżi sabiex jiġi żgurat li s-setturi kritiċi jkomplu joperaw;

(b)

il-kunsiderazzjoni, fejn ikun xieraq, li lill-Kummissjoni jagħtuha mandat biex taġixxi bħala korp ċentrali għall-akkwisti f’isem żewġ Stati Membri jew iktar għall-akkwist pubbliku ta’ prodotti rilevanti għall-kriżi għal ċerti setturi kritiċi;

(c)

il-valutazzjoni jekk l-Unjoni jenħtieġx li teżerċita sorveljanza fuq l-esportazzjoni ta’ prodotti rilevanti għall-kriżi u toħroġ talba lill-Kummissjoni biex tivvaluta jekk il-kundizzjonijiet għal miżuri protettivi fir-rigward tal-esportazzjoni skont ir-Regolament (UE) 2015/479 humiex issodisfati;

(d)

il-konsultazzjonijiet ikkoordinati jew il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi rilevanti bil-ħsieb li jinstabu soluzzjonijiet ta’ kooperazzjoni biex jiġi indirizzat it-tfixkil fil-katina tal-provvista, f’konformità mal-obbligi internazzjonali. Dan jista’ jinvolvi, fejn ikun xieraq, il-koordinazzjoni f’fora internazzjonali rilevanti.

(9)

Sabiex jiġi żgurat approċċ ikkoordinat, jenħtieġ li l-Istati Membri jinfurmaw lill-Kummissjoni fil-ħin dwar il-miżuri nazzjonali kollha li jkunu ħadu fir-rigward tal-katina tal-provvista tas-semikondutturi.

5.   MONITORAĠĠ

(10)

L-Istati Membri jenħtieġ li jwettqu monitoraġġ regolari tal-katina tal-valur tas-semikondutturi, b’enfasi fuq ir-riskji li jistgħu jfixklu, jikkompromettu jew jaffettwaw b’mod negattiv il-provvista tas-semikondutturi.

(11)

Għal dak l-għan, l-Istati Membri jenħtieġ li jidentifikaw indikaturi xierqa ta’ twissija bikrija bil-ħsieb li jantiċipaw xi tfixkil futur fil-katina tal-provvista tas-semikondutturi.

(12)

L-Istati Membri jenħtieġ li jipprovdu lill-Kummissjoni b’informazzjoni bl-iskop li jiġu mmappjati l-fatturi, ix-xejriet u l-avvenimenti li jistgħu jwasslu għal tfixkil sinifikanti fil-katina tal-valur globali tas-semikondutturi b’riperkussjonijiet fl-Unjoni (valutazzjoni tar-riskju tal-Unjoni). Il-fatturi rilevanti li għandhom jitqiesu jistgħu jinkludu:

(a)

id-disponibbiltà u l-integrità tas-servizzi jew tal-oġġetti tal-impriżi fis-settur tas-semikondutturi fl-Unjoni li l-funzjonament tagħhom huwa essenzjali għall-katina tal-provvista tas-semikondutturi;

(b)

ir-rata ta’ fluttwazzjoni tad-domanda għal tipi differenti ta’ semikondutturi, anke b’rabta mal-kapaċitajiet ta’ manifattura disponibbli;

(c)

il-lakuni u l-konġestjonijiet fil-manifattura, fl-imballaġġ u fil-loġistika, inkluż l-iskarsezzi fil-materja prima u fil-forza tax-xogħol kwalifikata disponibbli;

(d)

l-aċċidenti, l-attakki, id-diżastri naturali jew avvenimenti serji oħra bil-potenzjal li jaffettwaw il-katina tal-provvista tas-semikondutturi;

(e)

il-bidliet tekniċi, regolatorji jew ambjentali li jnaqqsu r-rendiment tal-manifattura;

(f)

il-konċentrazzjoni tal-provvista fir-rigward ta’ żoni ġeografiċi u kumpaniji, filwaqt li jitqiesu l-effetti ta’ network u ta’ intrappolament tal-klijentela;

(g)

l-impatti tal-politiki kummerċjali, tat-tariffi, tal-ostakli kummerċjali u ta’ miżuri oħra relatati mal-kummerċ;

(h)

l-awtentiċità u l-integrità tas-semikondutturi, l-impatt possibbli ta’ semikondutturi kontrafatti;

(i)

il-ksur jew is-serq ta’ proprjetà intellettwali jew ta’ sigrieti kummerċjali.

(13)

L-Istati Membri jenħtieġ li jidentifikaw il-kategoriji ewlenin ta’ utenti tas-semikondutturi, speċjalment dawk minn setturi kritiċi. Jenħtieġ li jistiednu lill-organizzazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati rilevanti, inkluż l-assoċjazzjonijiet tal-industrija u r-rappreżentanti tal-kategoriji ewlenin ta’ utenti, sabiex jipprovdu l-informazzjoni rigward żidiet atipiċi fid-domanda u tfixkil magħruf fil-katina tal-provvista tagħhom, inkluż in-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ semikondutturi kritiċi jew ta’ materja prima kritika, żmien ta’ adattament itwal mill-medja, dewmien fil-konsenja u żidiet eċċezzjonali fil-prezzijiet.

(14)

Jenħtieġ li l-Istati Membri javżaw minnufih lill-Kummissjoni meta jsiru jafu dwar xi tfixkil potenzjali fil-provvista tas-semikondutturi, żieda atipika fid-domanda jew ikollhom informazzjoni konkreta u affidabbli li jista’ jimmaterjalizza kwalunkwe fattur ta’ riskju jew avveniment ieħor.

6.   RIEŻAMI

(15)

Ir-Rakkomandazzjoni tista’ titħassar wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament propost.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Frar 2022.

Għall-Kummissjoni

Thierry BRETON

Membru tal-Kummissjoni


(1)  COM(2022) 46, 8.2.2022.

(2)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Il-Kumpass Diġitali tal-2030: l-approċċ Ewropew għad-Deċennju Diġitali, 9.3.2021 COM(2021) 118 final.

(3)  Ir-Regolament (UE) 2015/479 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2015 dwar ir-regoli komuni għall-esportazzjoni (ĠU L 83, 27.3.2015, p. 34).