30.12.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 338/4


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/2585

tat-8 ta’ Novembru 2022

dwar l-iffirmar f’isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Protokoll li jimplimenta l-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Mauritius (2022-2026)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43 flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' Mauritius (1) (il-“Ftehim”) ġie konkluż permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/146/UE (2) u daħal fis-seħħ fit-28 ta’ Jannar 2014.

(2)

L-ewwel protokoll (3) għall-Ftehim stabbilixxa, għal perjodu ta’ tliet snin, l-opportunitajiet tas-sajd mogħtija lill-bastimenti tal-Unjoni fl-ilmijiet ta’ Mauritius u l-kontribuzzjoni finanzjarja mogħtija mill-Unjoni. Il-perjodu tal-applikazzjoni ta’ dak il-Protokoll skada fis-27 ta’ Jannar 2017.

(3)

It-tieni protokoll (4) għall-Ftehim stabbilixxa, għal perjodu ta’ erba' snin, l-opportunitajiet tas-sajd mogħtija lill-bastimenti tal-Unjoni fl-ilmijiet ta’ Mauritius u l-kontribuzzjoni finanzjarja mogħtija mill-Unjoni. Il-perjodu tal-applikazzjoni ta’ dak il-protokoll skada fis-7 ta’ Diċembru 2021.

(4)

Ftehim fil-forma ta’ skambju ta’ ittri bejn l-Unjoni u Mauritius (5) estenda l-applikazzjoni tat-tieni protokoll għall-Ftehim sal-4 ta’ Ottubru 2022.

(5)

Fit-28 ta’ Settembru 2021, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati ma’ Mauritius għall-konklużjoni ta’ protokoll ġdid li jimplimenta l-Ftehim.

(6)

Dawk in-negozjati ġew konklużi b’suċċess u Protokoll ġdid li jimplimenta l-Ftehim (“il-Protokoll”) għal perjodu ta’ erba' snin ġie inizjalat fis-7 ta’ Mejju 2022.

(7)

L-objettiv tal-Protokoll huwa li jimplimenta l-Ftehim biex jippermetti lill-Unjoni u lil Mauritius jikkollaboraw aktar mill-qrib biex jippromwovu l-kooperazzjoni fl-oqsma tal-ekonomija tal-oċeani, tal-akkwakultura, tal-iżvilupp sostenibbli tal-oċeani, tal-ippjanar spazjali marittimu, tal-enerġija marittima u tal-ambjent marittimu, tal-iżvilupp ta’ politika marittima u tal-ekonomija blu, filwaqt li jikkontribwixxi biex il-kundizzjonijiet tax-xogħol fis-settur tas-sajd ikunu diċenti.

(8)

Għalhekk, jenħtieġ li l-Protokoll jiġi ffirmat f’isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard.

(9)

Meta wieħed iqis l-importanza ekonomika tal-attivitajiet tas-sajd tal-Unjoni fiż-żona tas-sajd ta’ Mauritius u l-ħtieġa li jitnaqqas kemm jista’ l-interruzzjoni ta’ dawn l-attivitajiet, jenħtieġ li l-Protokoll jiġi implimentat mill-aktar fis.

(10)

Għalhekk, jenħtieġ li l-Protokoll jiġi applikat fuq bażi provviżorja mid-data tal-iffirmar tiegħu sakemm jitlestew il-proċeduri neċessarji għad-dħul fis-seħħ tiegħu, u jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ mal-adozzjoni tagħha.

(11)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) u ta opinjoni fl-24 ta’ Ottubru 2022,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Protokoll li jimplimenta l-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u Mauritius (2022-2026) huwa b’dan approvat, soġġett għall-konklużjoni tal-imsemmi Protokoll. (7)

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat li jinnomina l-persuna jew il-persuni bis-setgħa li jiffirmaw il-Protokoll f’isem l-Unjoni.

Artikolu 3

Il-Protokoll għandu jiġi applikat fuq bażi proviżorja, f’konformità mal-Artikolu 18 tiegħu, mid-data tal-iffirmar tiegħu, sakemm jitlestew il-proċeduri neċessarji għad-dħul fis-seħħ tiegħu.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Novembru 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

Z. STANJURA


(1)   ĠU L 79, 18.3.2014, p. 3.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/146/UE tat-28 ta’ Jannar 2014 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Mauritius (ĠU L 79, 18.3.2014, p. 2).

(3)  Il-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet ta’ sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Mauritius (ĠU L 79, 18.3.2014, p. 9).

(4)  Il-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Mauritius (ĠU L 279, 28.10.2017, p. 3).

(5)  Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Mauritius dwar l-estensjoni tal-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Mauritius (ĠU L 115, 13.4.2022, p. 45).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(7)  Ara paġna xxx ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.