|
22.12.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 328/109 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE, Euratom) 2022/2544
tad-19 ta’ Diċembru 2022
li tistabbilixxi l-arranġamenti għall-amministrazzjoni u l-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ teħid b’self u ta’ ġestjoni tad-dejn tal-UE skont l-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata u operazzjonijiet ta’ għoti b’self relatati
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 220a tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (UE, Euratom) 2022/2434 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) emenda r-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 (ir-“Regolament Finanzjarju”) billi stabbilixxa l-istrateġija diversifikata ta’ finanzjament bħala metodu uniku ta’ finanzjament għall-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ teħid b’self u dawk tal-ġestjoni tad-dejn imwettqa mill-Kummissjoni. L-Artikolu 220a tar-Regolament Finanzjarju għandu japplika għall-programmi ta’ assistenza finanzjarja li għalihom l-atti bażiċi jidħlu fis-seħħ fid-9 ta’ Novembru 2022 jew wara. L-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata ma għandhiex tapplika għal programmi eżistenti, li taħthom l-operazzjonijiet ta’ għoti u ta’ teħid b’self jenħtieġ li jkomplu jitwettqu skont il-metodu tradizzjonali back-to-back, f’konformità mal-Artikolu 220 tar-Regolament Finanzjarju. Il-metodu back-to-back jista’ japplika wkoll, bħala eċċezzjoni, għal programmi ġodda ta’ assistenza finanzjarja u għandu japplika għal kwalunkwe programm tal-Euratom. |
|
(2) |
Skont l-Artikolu 220a tar-Regolament Finanzjarju, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-arranġamenti meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata. Dawn l-arranġamenti jenħtieġ li jinkludu qafas ta’ governanza, proċeduri ta’ ġestjoni tar-riskju u metodoloġija tal-allokazzjoni tal-kostijiet, li jenħtieġ li jiżguraw li l-kostijiet kollha mġarrba mill-Unjoni li jkunu relatati mal-assistenza finanzjarja jitħallsu mill-pajjiż benefiċjarju. Huwa għalhekk meħtieġ li jiġu stabbiliti l-arranġamenti applikabbli għall-operazzjonijiet ta’ teħid b’self u ta’ ġestjoni tad-dejn imwettqa mill-Kummissjoni skont l-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata u għall-operazzjonijiet ta’ għoti b’self relatati. |
|
(3) |
Il-Kummissjoni applikat għall-ewwel darba l-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata għall-operazzjonijiet ta’ teħid b’self fil-kuntest tan-NextGenerationEU (“NGEU”), l-istrument temporanju tal-Unjoni biex tappoġġa l-irkupru ekonomiku mill-kriżi tal-COVID-19. Dan ippermetta l-mobilizzazzjoni b’suċċess ta’ fondi għal appoġġ u self mhux ripagabbli skont ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u programmi oħra tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/2094 (4) |
|
(4) |
Il-mudell ta’ governanza u l-proċessi meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata taħt l-NGEU ġew stabbiliti f’konformità mad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C (2021) 2502 (5). Dawn l-arranġamenti jinkludu fost l-oħrajn qafas ta’ governanza, ġestjoni tar-riskju u proċeduri ta’ konformità. Fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1095 ġiet żviluppata metodoloġija għall-allokazzjoni tal-kostijiet (6). Huwa xieraq li l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata skont l-Artikolu 220a tar-Regolament Finanzjarju jiġu bbażati fuq il-mudell ta’ governanza għall-NGEU. |
|
(5) |
Għalkemm din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tapplika prinċipalment għal operazzjonijiet imwettqa taħt l-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata, huwa xieraq li xi wħud mill-arranġamenti stabbiliti fiha jiġu estiżi għal operazzjonijiet imwettqa taħt il-metodu back-to-back. Dan l-approċċ jiżgura konsistenza fil-programmi differenti, sa fejn applikabbli. Dan jiggarantixxi wkoll li l-operazzjonijiet kollha jkunu koperti mill-ogħla standard ta’ regoli, f’konformità mal-prinċipju tal-ġestjoni finanzjarja tajba. Dan jenħtieġ li jkun il-każ għal arranġamenti relatati mal-ġestjoni tar-riskju u l-proċeduri ta’ konformità. |
|
(6) |
Deċiżjoni annwali ta’ teħid b’self jenħtieġ li tistabbilixxi l-elementi tal-operazzjonijiet ta’ teħid b’self ippjanati taħt l-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata fuq perjodu ta’ sena. B’mod partikolari, jenħtieġ li tiddetermina d-dimensjonijiet tal-operazzjonijiet ta’ teħid b’self u ta’ ġestjoni tad-dejn li għandhom jitwettqu bil-ħsieb li titfassal l-iskopertura ġenerali tal-baġit tal-Unjoni u tal-benefiċjarji tas-self. Għal dan l-għan, jenħtieġ li tistabbilixxi firxa għall-ammonti massimi ta’ ħruġ ta’ finanzjament fit-tul għall-finijiet kollha, ammont pendenti massimu ta’ finanzjament fuq terminu qasir, il-maturità medja massima tal-finanzjament fit-tul tal-Unjoni, limitu għall-ammont pendenti finali għal kull ħruġ u, jekk applikabbli, l-ammont massimu ta’ ħruġ tal-Kummissjoni li jista’ jinżamm f’isimha stess u li jista’ jintuża bħala sors ta’ finanzjament addizzjonali jew biex jappoġġa s-suq sekondarju. |
|
(7) |
Sabiex jiġi żgurat li l-fondi meħtieġa jkunu disponibbli biex jiġu ssodisfati l-impenji taħt il-programmi ta’ assistenza finanzjarja relatati hekk kif isiru dovuti għal operazzjonijiet ta’ pagament, teħid b’self u ġestjoni tad-dejn taħt l-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata jenħtieġ li jitwettqu abbażi ta’ pjanijiet ta’ finanzjament biannwali. Il-pjanijiet ta’ finanzjament jinkwadraw dawk l-operazzjonijiet matul dan il-perjodu b’referenza għall-pagamenti li jridu jsiru biex jiġu implimentati l-programmi relatati. L-istabbiliment tal-pjan ta’ finanzjament jenħtieġ li għalhekk jiżgura rabta diretta mal-ħtiġijiet ta’ pagament biex jiġu ssodisfati l-impenji tan-nefqa li jkunu saru skont l-atti bażiċi korrispondenti. Il-pjan ta’ finanzjament jenħtieġ li jiġi stabbilit abbażi tal-limiti stabbiliti fid-deċiżjoni annwali dwar it-teħid b’self. Il-pjan ta’ finanzjament huwa l-bażi biex il-parteċipanti fis-suq jiġu infurmati dwar il-pjanijiet indikattivi ta’ finanzjament fil-perjodu li ġej. |
|
(8) |
Billi jiffissa ammont massimu indikattiv ta’ teħid b’self li jkopri, bħala regola, perjodu ta’ sitt xhur, u jistabbilixxi ċerti parametri ewlenin oħra tal-operazzjonijiet ippjanati, il-pjan ta’ finanzjament jiżgura wkoll prevedibbiltà ogħla tal-ħruġ, filwaqt li jżomm il-flessibbiltà u jipprovdi għal trasparenza fis-swieq. Il-bażi tal-investituri fil-mira teħtieġ informazzjoni dwar il-ħruġ li ġej u indikazzjoni dwar iż-żmien għat-tħejjija tal-ippjanar tal-investiment min-naħa tagħhom. |
|
(9) |
Id-Deċiżjoni annwali dwar it- teħid b’self u l-pjan ta’ finanzjament jenħtieġ li iservu bħala bażi għall-informazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill skont l-Artikolu 220a(2) tar-Regolament Finanzjarju, kif ukoll għall-komunikazzjoni lis-swieq u lill-pubbliku. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-aspetti kollha tal-istrateġija tagħha dwar it- teħid b’self u l-ġestjoni tad-dejn, b’mod komprensiv u fuq bażi regolari, skont l-Artikolu 220a(2) tar-Regolament Finanzjarju. |
|
(10) |
Id-definizzjoni ta’ pjanijiet ta’ finanzjament preċiżi u sinifikanti skont l-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata tiddependi fuq il-komunikazzjoni regolari u f’waqtha ta’ informazzjoni mill-uffiċjali tal-awtorizzazzjoni responsabbli għall-implimentazzjoni tal-programmi ta’ assistenza finanzjarja fil-perjodi ta’ żmien u l-ammonti għall-approvazzjonijiet tal-pagamenti mistennija. Din l-informazzjoni jenħtieġ li tiġi kkomunikata lid-Direttorat Ġenerali għall-Baġit, bħala s-servizz responsabbli għad-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ finanzjament, permezz tal-għodda ta’ tbassir finanzjarju tal-Kummissjoni. |
|
(11) |
L-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata jenħtieġ li tfittex li tikseb l-aktar kundizzjonijiet finanzjarji vantaġġużi għall-Unjoni, permezz tal-ippjanar sod u l-eżekuzzjoni bla xkiel tat-tranżazzjonijiet bl-aħjar termini possibbli fil-kundizzjonijiet prevalenti tas-suq. Minħabba l-ħtieġa li jinġabar finanzjament sabiex l-iżborżamenti jkunu jistgħu jsiru lill-programmi rispettivi, il-Kummissjoni għandha diskrezzjoni limitata fir-rigward taż-żmien tat-tranżazzjonijiet tas-suq. L-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata tgħammar lill-Kummissjoni b’firxa usa’ ta’ tekniki ta’ finanzjament, inkluż finanzjament fuq terminu qasir, li jippermettilha tnaqqas ir-riskju tal-eżekuzzjoni tas-suq meta jkun meħtieġ li tiġbor fondi f’ċirkostanzi tas-suq aktar avversi. |
|
(12) |
L-istrumenti ta’ finanzjament taħt l-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata jenħtieġ li jinkludu, fost l-oħrajn, varjetà ta’ bonds ta’ referenza u Kambjali tal-UE. L-operazzjonijiet ta’ teħid b’self taħt l-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata jenħtieġ li jiġu organizzati bħala rkanti, tranżazzjonijiet sindakati jew pjazzamenti privati, skont liema jkun l-aktar xieraq minħabba d-daqs u n-natura tal-operazzjonijiet. |
|
(13) |
L-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata jenħtieġ li tinkludi l-kapaċità li jinħarġu strumenti fuq terminu qasir u li tinżamm riżerva ta’ likwidità, li tippermetti lill-Kummissjoni tassorbi diskrepanzi fiż-żmien bejn it- teħid b’self u l-iżborżi, u li tissodisfa talba għal żborż f’każ ta’ kundizzjonijiet ta’ finanzjament avversi. L-operazzjonijiet ta’ teħid b’self fuq terminu qasir permezz ta’ Kambjali tal-UE jenħtieġ li jiġu implimentati permezz ta’ rkantijiet regolari biex jipprovdu flessibbiltà u effiċjenza. Dawk l-irkantijiet jenħtieġ li jiġu organizzati b’tali mod li jiżguraw status ta’ emittent trasparenti u prevedibbli tal-Unjoni u trattament ugwali tal-parteċipanti. |
|
(14) |
L-operazzjonijiet ta’ ġestjoni tad-dejn taħt l-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata jippermettu ġestjoni aħjar tar-rata tal-imgħax u riskji finanzjarji oħra. Huwa għalhekk xieraq li jiġi permess l-użu ta’ derivattivi bħal swaps għall-ġestjoni tar-rata tal-imgħax jew riskji finanzjarji oħra fir-rigward ta’ self għall-pajjiżi benefiċjarji, filwaqt li dejjem jiġi rrispettat il-prinċipju tal-bilanċ baġitarju, jew jidħlu fi tranżazzjonijiet tas-suq monetarju garantiti jew mhux garantiti ma’ uffiċċji tal-ġestjoni tad-dejn tal-Istati Membri, istituzzjonijiet supranazzjonali, aġenziji nazzjonali tas-settur pubbliku, istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti tal-investiment b’affidabbiltà kreditizja jew kontropartijiet ċentrali xierqa. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni jenħtieġ li tkun awtorizzata wkoll tixtri lura u/jew iżżomm il-bonds tagħha stess għall-finijiet tal-ġestjoni tal-likwidità u l-appoġġ għal-likwidità fis-suq għall-bonds tal-UE. |
|
(15) |
L-operazzjonijiet ta’ għoti b’self jenħtieġ li jitwettqu skont l-att bażiku rilevanti u l-ftehimiet ta’ self korrispondenti. Huwa xieraq li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet minimi li taħthom jitħallas is-self. Jenħtieġ li jiġi żgurat ukoll li l-pajjiżi benefiċjarji jġarrbu l-kostijiet kollha relatati mas-self imġarrba mill-Unjoni f’konformità ma’ metodoloġija stabbilita mill-Kummissjoni f’deċiżjoni separata kkomplementata minn linji gwida dettaljati għall-kalkolu ta’ tali kostijiet. |
|
(16) |
Il-pajjiżi benefiċjarji jenħtieġ li jiġu offruti l-possibbiltà li jitolbu lill-Kummissjoni biex tirranġa self b’hedging fiss ta’ rata tal-imgħax. Dan ikun jeħtieġ li l-Kummissjoni tuża strumenti finanzjarji bħal swaps tar-rati tal-imgħax sabiex toffri self b’rata fissa. Il-kostijiet għall-ġestjoni tar-riskji bid-derivattivi jenħtieġ li jitħallsu mill-pajjiż benefiċjarju. |
|
(17) |
L-operazzjonijiet ta’ teħid b’self taħt il-programmi ta’ assistenza finanzjarja eżistenti jitwettqu taħt il- “Programm ta’ Ħruġ ta’ Dejn UE-Euratom” stabbilit fl-2019 u aġġornat fl-2021 (il-“Programm ta’ Ħruġ ta’ Dejn”). Dan jinkludi, fost l-oħrajn, Ċirkolari ta’ Offerti li jkun fiha l-informazzjoni kollha meħtieġa lis-swieq skont il-leġiżlazzjoni applikabbli, u arranġamenti operazzjonali u kuntrattwali ma’ kontropartijiet li huma strumentali għall-attivitajiet ta’ teħid b’self. L-operazzjonijiet ta’ teħid b’self taħt l-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata jenħtieġ li jitwettqu taħt il-Programm ta’ Ħruġ ta’ Dejn, wara l-introduzzjoni tal-emendi meħtieġa fid-dokumentazzjoni eżistenti. |
|
(18) |
Sabiex jiġu implimentati operazzjonijiet ta’ teħid b’self u ta’ ġestjoni tad-dejn skont l-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata, jenħtieġ li jiġu stabbiliti kapaċitajiet operazzjonali xierqa, inklużi kapaċitajiet ta’ saldu tat-tranżazzjonijiet, pjattaforma tal-irkant, u l-possibbiltà li jsir rikors għal tranżazzjonijiet u swaps ta’ riakkwist. |
|
(19) |
Sabiex twettaq operazzjonijiet ta’ teħid b’self u ta’ ġestjoni tad-dejn taħt l-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata u operazzjonijiet ta’ għoti b’self relatati, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiftaħ kontijiet iddedikati esklużivament għall-fini ta’ dawn l-operazzjonijiet. L-istess kunsiderazzjonijiet bħal dawk għall-kontijiet għall-operazzjonijiet tal-NGEU jenħtieġ li japplikaw għal dawn il-kontijiet. B’mod partikolari, biex jiġi indirizzat ir-riskju tal-likwidità li jirriżulta minn dawn l-operazzjonijiet, jenħtieġ li jiġu stabbiliti parteċipazzjonijiet ta’ flus prudenzjali siguri u speċifiċi għall-iskop għall-pagamenti. Ir-rekwiżit li jinżamm tali riżerva ta’ flus prudenzjali ddedikata jirrappreżenta parti integrali u indispensabbli tal-approċċ tal-ġestjoni tar-riskju għal strateġija ta’ finanzjament diversifikata. Sabiex jiġi żgurat li dawn il-parteċipazzjonijiet kritiċi ta’ flus kontanti ma jkunux soġġetti għal xi riskju tal-kontroparti li jirriżulta mill-falliment tal-istituzzjoni li magħha jinżammu dawn ir-riżervi, huwa imperattiv li dawn il-parteċipazzjonijiet ta’ flus prudenzjali jinżammu ma’ bank ċentrali. Dawk il-parteċipazzjonijiet ta’ flus kontanti jenħtieġ li jinżammu f’kont iddedikat mal-BĊE u jenħtieġ li jinżammu fl-aktar livell baxx meħtieġ biex jiġu ssodisfati l-pagamenti li ġejjin matul perjodu qasir, iżda jistgħu jvarjaw fl-ammont bħala funzjoni tal-iskeda tal-ħruġ u l-iżborż. Kuntratt dwar servizzi ta’ aġenzija fiskali jenħtieġ li jiġi konkluż mal-BĊE li jippermetti l-kopertura tal-kostijiet relatati. |
|
(20) |
Barra minn hekk, jenħtieġ li qafas ta’ ġestjoni tar-riskju u ta’ konformità għall-operazzjonijiet ta’ teħid b’self, ta’ ġestjoni tad-dejn u ta’ għoti b’self jiżgura l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni u jiżgura li l-attivitajiet kollha jitwettqu b’mod konsistenti mal-ogħla standards ta’ integrità, onestà u ġestjoni finanzjarja u tar-riskju soda. F’dak ir-rigward, ir-rwol tal-Uffiċjal Kap tar-Riskju stabbilit preċedentement skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2021) 2502 jenħtieġ li jiġi estiż biex japplika għall-operazzjonijiet kollha taħt l-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata skont din id-Deċiżjoni. L-uffiċjal Kap tar-Riskju jenħtieġ li jkun appoġġat mill-Kumitat għar-Riskji u l-Konformità fit-twettiq tal-kompiti tiegħu. |
|
(21) |
L-Uffiċjal Kap tar-Riskju, skont l-aħjar prattiki u l-istandards internazzjonali rikonoxxuti, jenħtieġ li jfassal Politika ta’ Livell Għoli dwar ir-Riskju u l-Konformità li jkun fiha linji gwida dwar ir-riskju u l-konformità għall-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet b’indipendenza sħiħa. |
|
(22) |
B’mod partikolari, l-Uffiċjal Kap tar-Riskju jenħtieġ li jiżgura li l-operazzjonijiet jikkonformaw mal-Politika ta’ Livell Għoli dwar ir-Riskju u l-Konformità u li r-riskji relatati ma’ dawn l-operazzjonijiet jiġu identifikati, mifhuma, ġestiti, u rrappurtati lill-Uffiċjal Kap tar-Riskju. Fit-twettiq ta’ dawk il-kompiti, l-Uffiċjal Kap tar-Riskju jenħtieġ li jkun appoġġat minn Uffiċjal għall-Konformità, li jenħtieġ li jirrapporta direttament lill-Uffiċjal Kap tar-Riskju dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw il-konformità mar-regoli, il-proċeduri u l-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. |
|
(23) |
Sabiex jiġi żgurat li l-arranġamenti applikabbli għall-operazzjonijiet kollha implimentati permezz tal-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata jkunu uniformi, huwa xieraq li d-Deċiżjoni C (2021) 2502 titħassar. |
|
(24) |
Sabiex jiġi żgurat li l-operazzjonijiet ta’ teħid b’self li ġejjin taħt l-istrument li jipprovdi appoġġ lill-Ukrajna (7) jibbenefikaw mill-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ b’urġenza fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
KAPITOLU 1
IS-SUĠĠETT U DEFINIZZJONIJIET
Artikolu 1
Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni
1. Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata għall-operazzjonijiet ta’ teħid b’self u ta’ ġestjoni tad-dejn fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 220a tar-Regolament Finanzjarju, kif ukoll għall-operazzjonijiet ta’ għoti b’self relatati.
2. Il-Kapitolu 4 għandu japplika wkoll għall-operazzjonijiet ta’ għoti u ta’ teħid b’self imwettqa skont il-metodu spalla ma’ spalla.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-iskopijiet ta’ din id-Deċiżjoni, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
|
(1) |
“operazzjonijiet ta’ teħid b’self” tfisser operazzjonijiet fis-swieq, b’mod partikolari ħruġ ta’ dejn għat-teħid b’self, inkluż teħid b’self riportat; |
|
(2) |
“operazzjonijiet ta’ ġestjoni tad-dejn” tfisser operazzjonijiet tas-suq relatati mad-dejn li jirriżulta mill-operazzjonijiet ta’ teħid b’self biex tiġi ottimizzata l-istruttura tad-dejn pendenti, biex jittaffew ir-rata tal-imgħax, il-likwidità u riskji finanzjarji oħra u operazzjonijiet li jappoġġaw il-likwidità tas-suq sekondarju; |
|
(3) |
“operazzjonijiet ta’ għoti b’self ” tfisser operazzjonijiet relatati mal-implimentazzjoni ta’ self u linji ta’ kreditu għall-assistenza finanzjarja skont l-Artikolu 220 tar-Regolament Finanzjarju; |
|
(4) |
“żborż” tfisser it-trasferiment ta’ rikavati miksuba permezz ta’ operazzjonijiet ta’ teħid b’self u ta’ ġestjoni tad-dejn biex jiġi ffinanzjat appoġġ li jitħallas lura jew li ma jitħallasx lura lil benefiċjarju; |
|
(5) |
“uffiċjal tal-awtorizzazzjoni tal-programm” tfisser l-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli, skont l-Anness I tar-Regoli Interni stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2018) 5120 (8), għall-implimentazzjoni tal-linji baġitarji ta’ programm ta’ assistenza finanzjarja u programm iffinanzjat skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) 2020/2094, sa fejn jimplimenta l-miżuri msemmija fl-Artikolu 1(2) ta’ dak ir-Regolament; |
|
(6) |
“swap” tfisser swap kif definit fit-Taqsima 1, il-punt 10, tal-Anness III tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/583 (9); |
|
(7) |
“derivati” tfisser derivati kif definit fl-Artikolu 2(5) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10); |
|
(8) |
“tranżazzjonijiet ta’ riakkwist” jew “tranżazzjoni ta’ retroriakkwist” ifissru tranżazzjonijiet ta’ riakkwist jew tranżazzjoni ta’ retroriakkwist kif definit fl-Artikolu 3(9) tar-Regolament (UE) 2015/2365 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11); |
|
(9) |
“tranżazzjoni ta’ akkwist bil-patt ta’ rivendita” jew “tranżazzjoni ta’ vendita bil-patt ta’ riakkwist” ifissru tranżazzjoni ta’ akkwist bil-patt ta’ rivendita u tranżazzjoni ta’ vendita bil-patt ta’ riakkwist kif definit fl-Artikolu 3(8) tar-Regolament (UE) 2015/2365; |
|
(10) |
“tranżazzjoni sindakata” tfisser tranżazzjoni li biha l-finanzjament jiġi offrut minn grupp ta’ selliefa, imsejħa sindakat, lil individwu wieħed li jissellef; |
|
(11) |
“rkant” tfisser il-proċess tal-operazzjonijiet ta’ ħruġ tat-titoli ta’ dejn tal-Unjoni u tal-Euratom abbażi ta’ offerti kompetittivi permezz ta’ pjattaforma għall-irkantijiet; |
|
(12) |
“finanzjament fit-tul” tfisser finanzjament minn operazzjonijiet ta’ teħid b’self għal terminu ta’ aktar minn sena, esklużi l-ammonti miżmuma f’isimhom stess; |
|
(13) |
“finanzjament fuq terminu qasir” tfisser finanzjament minn operazzjonijiet ta’ teħid b’self għal terminu ta’ sena jew inqas u l-użu ta’ tranżazzjonijiet tas-suq monetarju mhux garantiti u tranżazzjonijiet tas-suq tal-flus garantiti bl-użu ta’ titoli miżmuma f’isimhom stess. |
KAPITOLU 2
OPERAZZJONIJIET TA’ TEĦID B’SELF, ĠESTJONI TAD-DEJN U GĦOTI B’SELF
TAQSIMA 1
Strateġija ta’ finanzjament
Artikolu 3
Deċiżjoni annwali ta’ teħid b’self
1. Il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni qafas dwar it-teħid b’self li tistabbilixxi l-limiti massimi għall-operazzjonijiet ta’ teħid b’self u l-operazzjonijiet tal-immaniġġjar tad-dejn, li għandhom ikopru perjodu ta’ sena (“deċiżjoni annwali dwar it-teħid b’self”).
2. Id-Deċiżjoni annwali dwar it-teħid b’self għandha tistabbilixxi l-parametri ta’ finanzjament li ġejjin:
|
(a) |
l-ammont annwali massimu ta’ finanzjament fit-tul ibbażat fuq il-volumi mistennija ta’ żborżamenti ppjanati u tal-ħtiġijiet ta’ rifinanzjament; |
|
(b) |
l-ammont pendenti massimu ta’ finanzjament fuq terminu qasir, inkluż permezz tal-ħruġ ta’ Kambjali tal-UE, l-użu ta’ tranżazzjonijiet tas-suq monetarju mhux garantiti, abbażi tal-ħtiġijiet mistennija għall-ġestjoni tal-likwidità, finanzjament temporanju u, fejn rilevanti, l-użu ta’ tranżazzjonijiet tas-suq monetarju garantiti bl-użu ta’ ħruġ proprju miżmum f’ismu stess inkluż biex jappoġġa s-suq sekondarju fil-bonds tal-UE; |
|
(c) |
l-ammont pendenti massimu finali għal kull ħruġ li jirrifletti r-riskju tal-konċentrazzjoni mal-maturità; |
|
(d) |
il-maturità medja massima ta’ finanzjament fit-tul; |
|
(e) |
jekk ikun xieraq, l-ammont massimu pendenti ta’ ħruġ proprju li jista’ jinżamm f’isem il-Kummissjoni stess u li jista’ jintuża għal tranżazzjonijiet tas-suq monetarju garantit jew biex jappoġġa s-suq sekondarju fil-bonds tal-UE. |
3. Għandhom jitqiesu l-fatturi li ġejjin għat-tħejjija tad-deċiżjoni annwali dwar it-teħid b’self:
|
(a) |
ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-atti bażiċi sottostanti, b’mod partikolari l-atti bażiċi msemmija fl-Artikolu 220(1) tar-Regolament Finanzjarju; |
|
(b) |
l-obbligi ta’ ħlas għas-servizz ta’ dejn pendenti u l-ħlas lura tal-kapital, skont il-programm ta’ ħidma annwali u b’kont meħud tal-ipprogrammar finanzjarju; |
|
(c) |
il-kompatibbiltà mal-limiti stabbiliti fid-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2020/2053 u, kif xieraq, ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 (12), u mal-limiti tad-durata massima jew il-maturità medja massima stabbiliti fl-att bażiku sottostanti. Fir-rigward tal-NGEU, dawk il-limiti għandhom ikunu dawk stabbiliti fl-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2020/2053 għal-limitu massimu addizzjonali tar-riżorsi proprji ta’ 0,6 punti perċentwali tad-ING tal-Istati Membri, u, fil-każ ta’ ħlas lura ppjanat tat-teħid b’self mill-baġit tal-Unjoni, bil-limitu stabbilit fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(2) ta’ dik id-Deċiżjoni; |
|
(d) |
il-maturitajiet tas-self stabbiliti fil-ftehimiet ta’ self konklużi bejn il-Kummissjoni u l-pajjiż benefiċjarju; |
|
(e) |
fatturi oħra rilevanti għad-determinazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ teħid b’self u ta’ ġestjoni tad-dejn. |
4. Id-Deċiżjoni annwali dwar it-teħid b’self għandha tiġi adottata qabel il-bidu tal-perjodu kopert minnha.
5. Id-Deċiżjoni ta’ teħid b’self annwali tista’ tiġi emendata b’mod partikolari f’każ ta’ riskju serju li l-maturità medja massima ma tkunx tista’ tiġi rispettata minħabba nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-ħruġ tal-ammonti ta’ finanzjament fit-tul jew fil-każ tal-bidla f’fattur wieħed jew aktar imsemmija fil-paragrafu 3.
6. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika d-deċiżjoni annwali ta’ teħid b’self lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
Artikolu 4
Il-pjan ta’ finanzjament
1. Il-pjan ta’ finanzjament għandu jiffissa mira indikattiva għall-fondi li għandhom jinġabru permezz ta’ operazzjonijiet ta’ it-teħid b’self u ġestiti permezz ta’ operazzjonijiet ta’ ġestjoni tad-dejn, li bħala regola għandha tkopri perjodu ta’ sitt xhur.
2. Il-pjan ta’ finanzjament għandu jindika l-operazzjonijiet ta’ teħid b’self ippjanati u, skont il-każ, l-operazzjonijiet ta’ ġestjoni tad-dejn, li għandhom jitwettqu skont l-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata. Fil-limiti stabbiliti fid-deċiżjoni annwali dwar it-teħid b’self u b’kont meħud tal-fatturi msemmija fl-Artikolu 3(3) u l-kondizzjonijiet finanzjarji fis-suq primarju u sekondarju, il-pjan ta’ finanzjament għandu jinkludi, fost l-oħrajn, il-parametri ta’ finanzjament li ġejjin:
|
(a) |
l-ammont massimu mistenni ta’ finanzjament fuq terminu qasir u twil għall-perjodu; |
|
(b) |
il-maturità medja peżata massima ta’ finanzjament fit-tul li għandha titwettaq; |
|
(c) |
limitu superjuri fuq il-likwidità medja mistennija li għandha tkun disponibbli bħala riżerva biex tissodisfa l-ħtiġijiet ta’ pagament għall-perjodu ppjanat; |
|
(d) |
jekk ikun xieraq, l-ammont massimu pendenti ta’ ħruġ proprju li jista’ jinżamm f’isem il-Kummissjoni stess u li jista’ jintuża għal tranżazzjonijiet tas-suq monetarju garantit jew biex jappoġġa s-suq sekondarju. |
Meta jiġi stabbilit il-pjan ta’ finanzjament, l-opinjoni tal-Uffiċjal Kap tar-Riskju msemmi fl-Artikolu 18(2)(a) għandha titqies kif xieraq.
3. Il-pjan ta’ finanzjament għandu jiġi adottat qabel il-bidu tal-perjodu kopert minnha.
4. Il-pjan ta’ finanzjament jista’ jiġi emendat f’każ ta’ bidla sostanzjali f’fattur wieħed jew aktar imsemmija fl-Artikolu 3(3).
5. Abbażi tal-pjan ta’ finanzjament adottat, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
Artikolu 5
Komunikazzjoni tal-ħtiġijiet ta’ żborż proġettati għall-finijiet tat-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ finanzjament
1. Il-pjan ta’ finanzjament għandu jiġi stabbilit fuq il-bażi ta’ informazzjoni aġġornata, li għandha tiġi pprovduta lid-Direttorat Ġenerali għall-Baġit mill-uffiċjali li jawtorizzaw il-programm, dwar l-iskeda ta’ ħlasijiet mistennija matul il-perjodu ta’ sitt xhur inkwistjoni. L-informazzjoni pprovduta għandha tkun kemm jista’ jkun preċiża u affidabbli.
2. Xahar qabel l-adozzjoni tal-pjan ta’ finanzjament, l-uffiċjali awtorizzanti tal-programm għandhom jipprovdu projezzjoni dettaljata tal-ħtiġijiet ta’ żborż għall-programmi rispettivi.
3. L-uffiċjali tal-awtorizzazzjoni tal-programm għandhom jipprovdu, sa fejn ikun possibbli, aġġornamenti regolari, preċiżi u affidabbli tal-informazzjoni pprovduta fir-rigward tal-iżborżi proġettati, inklużi bidliet fl-iskedi ta’ żmien għat-tlestija tal-proċeduri għall-approvazzjonijiet tal-pagamenti.
4. L-uffiċjali tal-awtorizzazzjoni tal-programm għandhom jużaw is-sistema elettronika għall-komunikazzjoni u l-aġġornament tal-informazzjoni dwar il-ħtiġijiet ta’ żborż proġettati għat-trażmissjoni tal-informazzjoni dwar il-previżjonijiet tal-pagamenti previsti fl-Artikolu 11(2)(h) għall-finijiet tal-komunikazzjoni tal-informazzjoni meħtieġa skont il-paragrafi 1 sa 3 ta’ dan l-Artikolu.
Artikolu 6
Implimentazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ teħid b’self u operazzjonijiet ta’ ġestjoni tad-dejn
1. L-operazzjonijiet ta’ teħid b’self individwali għandhom jitwettqu f’konformità mal-aħħar aġġornament applikabbli tal-pjan ta’ finanzjament għall-perjodu inkwistjoni.
Abbażi tal-aġġornamenti regolari, ipprovduti skont l-Artikolu 5(3), tal-informazzjoni dwar l-ammonti u ż-żmien mistenni għall-approvazzjoni tal-iżborżi mill-uffiċjali awtorizzanti tal-programm, id-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali għall-Baġit għandu joħroġ struzzjonijiet regolari dwar l-ammonti li għandhom jinġabru permezz tal-ħruġ tad-dejn.
2. L-ammonti li dwarhom kienu ngħataw struzzjonijiet għandhom jinġabru billi tiġi applikata l-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata definita fl-Artikolu 7 filwaqt li jiġu rispettati l-parametri ta’ finanzjament tal-pjan ta’ finanzjament stabbilit fl-Artikolu 4(2).
L-operazzjonijiet ta’ teħid b’self u l-operazzjonijiet ta’ ġestjoni tad-dejn għandhom jirrispettaw il-prinċipju tal-ġestjoni finanzjarja tajba, li jinkludi s-segregazzjoni xierqa tar-rwoli u r-responsabbiltajiet, il-flussi ta’ informazzjoni u ta’ rapportar immirati biex jiggarantixxu s-sorveljanza indipendenti u r-responsabbiltà, u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet kollha. Dawk l-operazzjonijiet għandhom jitwettqu skont l-aħjar prattika fis-suq u b’rispett għall-konvenzjonijiet tas-suq.
Artikolu 7
Strateġija ta’ investiment diversifikata
1. Fl-implimentazzjoni tal-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata, is-servizzi tal-Kummissjoni għandhom japplikaw il-prinċipji li ġejjin, kif xieraq, b’rispett sħiħ tal-prinċipju tal-ġestjoni finanzjarja tajba, biex jissellfu l-finanzjament meħtieġ biex jiġu ssodisfati fi żmien xieraq il-ħtiġijiet tal-programmi rilevanti għal appoġġ ripagabbli u mhux ripagabbli, u biex id-dejn li jirriżulta jiġi ġestit bl-aktar mod effiċjenti u rapidu possibbli, filwaqt li jfittxu li jiksbu l-aktar kundizzjonijiet finanzjarji vantaġġużi skont il-kundizzjonijiet prevalenti tas-suq għall-baġit tal-Unjoni u l-pajjiżi benefiċjarji, u jimmiraw għal preżenza regolari fis-suq kapitali:
|
(a) |
l-operazzjonijiet ta’ teħid b’self u l-operazzjonijiet ta’ ġestjoni tad-dejn jistgħu jitwettqu fis-suq primarju, fis-suq sekondarju u fis-swieq tal-flus; |
|
(b) |
l-operazzjonijiet ta’ teħid b’self għandhom jiġu organizzati permezz ta’ sett ta’ teħid b’self individwali ta’ maturitajiet differenti, li jvarjaw minn finanzjament fuq terminu qasir għal finanzjament fit-tul; |
|
(c) |
l-operazzjonijiet ta’ teħid b’self jistgħu jiġu organizzati permezz ta’ taħlita ta’ tranżazzjonijiet sindakati u rkanti, u pjazzamenti privati, fiż-żewġ każijiet li jiddependu fuq is-servizzi ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti tal-investiment li huma membri tan-netwerk tan-negozjanti primarji stabbilit skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2021/625 (13); |
|
(d) |
id-dejn li jirriżulta jista’ jiġi riportat għall-fini tal-ġestjoni tal-maturità; |
|
(e) |
id-diskrepanzi fil-fluss tal-flus u r-riskju tal-likwidità għandhom jiġu ġestiti permezz ta’ miżuri ta’ ġestjoni tal-likwidità fuq terminu qasir ta’ ammonti miżmuma f’kont iddedikat bl-użu ta’ tranżazzjonijiet tas-suq tal-flus garantiti u mhux garantiti. |
2. Fejn meħtieġ biex tiġi żgurata ġestjoni aħjar tar-rata tal-imgħax u riskji finanzjarji oħra li jirriżultaw fl-eżekuzzjoni tal-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata, is-servizzi tal-Kummissjoni jistgħu jużaw ukoll operazzjonijiet ta’ ġestjoni tad-dejn li jistgħu jikkonsistu fl-użu ta’ derivattivi bħal swaps għall-ġestjoni tar-rata tal-imgħax jew riskji finanzjarji oħra, jew jistgħu jimplikaw id-dħul fi tranżazzjonijiet tas-suq tal-flus garantiti jew mhux garantiti ma’ uffiċċji tal-ġestjoni tad-dejn tal-Istati Membri, istituzzjonijiet supranazzjonali, aġenziji nazzjonali tas-settur pubbliku, istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti tal-investiment b’pożizzjoni kreditizja xierqa u kontropartijiet ċentrali. Għal dan l-għan, is-servizzi tal-Kummissjoni jistgħu jixtru lura u jżommu l-bonds tagħhom stess. B’mod partikolari, l-iswaps jistgħu jintużaw biss għall-iħħeġġjar tar-riskji taċ-ċaqliq fir-rata tal-imgħax imġarrba mill-pajjiżi li jibbenefikaw minn self. Il-kostijiet għall-ġestjoni tar-riskji bid-derivattivi għandhom jitħallsu mill-pajjiż benefiċjarju tal-operazzjoni tal-ġestjoni tar-riskji.
TAQSIMA 2
Operazzjonijiet ta’ għoti b’self
Artikolu 8
Operazzjonijiet ta’ għoti b’self
L-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ għoti b’self għandha titwettaq skont ir-regoli speċifiċi stabbiliti fl-att bażiku rilevanti, kif ukoll il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-ftehimiet ta’ self konklużi bejn il-Kummissjoni u l-pajjiż benefiċjarju skont l-att bażiku rilevanti.
Artikolu 9
Żborżi u aċċellerazzjoni tas-self
L-iżborż ta’ pagamenti tas-self jew segmenti għandu jsir bl-aktar mod effiċjenti u rapidu possibbli, soġġett għad-disponibbiltà tal-finanzjament. Il-ftehimiet ta’ self għandu jkun fihom impenn inkondizzjonat u irrevokabbli tal-pajjiż benefiċjarju li jġarrab il-kostijiet kollha relatati mat-teħid b’self, inklużi l-kostijiet amministrattivi, u li jħallas lura l-ammont kapitali u l-imgħax u jista’ jippermetti l-użu ta’ derivattivi, b’mod partikolari swaps.
Il-ftehimiet ta’ self skont ir-Regolament (UE) 2021/241 għandu jkun fihom klawżola ta’ aċċellerazzjoni li tintitola lill-Kummissjoni titlob ħlas lura bikri tas-self, fost l-oħrajn, f’konformità mal-Artikoli 22 (5) u 24 (9) tar-Regolament (UE) 2021/241 u għall-irkupru tal-prefinanzjament mhux ikklerjat.
Artikolu 10
Il-kostijiet tas-self
Il-kostijiet kollha, inklużi dawk assoċjati mal-ġestjoni tar-rata tal-imgħax u riskji finanzjarji oħra, imġarrba mill-Unjoni b’rabta mat-teħid b’self ta’ fondi għas-self għandhom jiġġarrbu mill-pajjiżi benefiċjarji, f’konformità mal-Artikolu 220 tar-Regolament Finanzjarju u l-atti bażiċi rilevanti u għandhom jiġu kkalkulati skont metodoloġija stabbilita mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2022/2545 (14), ikkomplementata minn linji gwida speċifiċi, b’rispett sħiħ tal-prinċipji tat-trasparenza u trattament ugwali.
Kwalunkwe kost mġarrab mill-Unjoni għad-derivattivi għandu jiġġarrab mill-pajjiż benefiċjarju.
Il-kostiiet għandhom jiġu fatturati regolarment lill-pajjiż benefiċjarju.
TAQSIMA 3
Implimentazzjoni u rapportar
Artikolu 11
Jiġu stabbiliti kapaċitajiet operazzjonali
1. L-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ teħid b’self u ta’ ġestjoni tad-dejn skont l-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata u l-operazzjonijiet ta’ għoti b’self relatati għandha tinkorpora li jiġu stabbiliti u ġestiti l-kapaċitajiet operazzjonali filwaqt li jiġi żgurat li s-sistemi stabbiliti jżommu ġestjoni finanzjarja tajba u jkunu soġġetti għal ġestjoni tar-riskju robusta u dokumentazzjoni tal-proċessi u d-deċiżjonijiet.
2. Dawn il-kapaċitajiet operazzjonali għandhom b’mod partikolari jinkludu:
|
(a) |
in-negozjar, ir-reviżjoni u l-iffirmar ta’ ftehimiet ma’ istituzzjonijiet ta’ kreditu pubbliċi jew privati u depożitorji ċentrali tat-titoli nazzjonali jew internazzjonali meħtieġa għall-konklużjoni tas-saldu tat-tranżazzjonijiet; |
|
(b) |
ir-reviżjoni, l-emendar, it-tibdil, l-abbozzar mill-ġdid u l-finalizzazzjoni tad-dokumentazzjoni tat-teħid b’self, inkluża d-dokumentazzjoni taħt il-Programm tal-Ħruġ tad-Dejn; |
|
(c) |
l-istabbiliment ta’ arranġamenti u regoli għall-organizzazzjoni tal-irkantijiet, inklużi ftehimiet ma’ fornituri esterni ta’ sistemi u sorveljanza kostanti tal-prestazzjoni tal-irkantijiet; |
|
(d) |
l-implimentazzjoni ta’ tranżazzjonijiet ta’ teħid b’self individwali permezz ta’ tranżazzjonijiet sindakati, irkanti u pjazzamenti privati; |
|
(e) |
il-kalkolu tal-ispejjeż imġarrba skont il-metodoloġija li għandha tiġi stabbilita mill-Kummissjoni f’linji gwida speċifiċi li għandhom jiġu ddebitati lill-baġit tal-Unjoni u lill-pajjiżi benefiċjarji fil-kuntest tal-operazzjonijiet ta’ għoti b’self; |
|
(f) |
l-istabbiliment ta’ arranġamenti u n-negozjar, ir-reviżjoni u l-iffirmar ta’ ftehimiet, inklużi ftehimiet ma’ kontropartijiet u fornituri ta’ sistemi ta’ negozjar, meħtieġa għat-twettiq tat-tranżazzjonijiet u l-istrumenti li ġejjin:
|
|
(g) |
it-twettiq ta’ tranżazzjonijiet tas-suq sekondarju, tranżazzjonijiet tas-suq monetarju mhux garantiti u garantiti, inklużi dawk imsemmija fil-punti (f) (i) u (ii) hawn fuq; |
|
(h) |
l-istabbiliment u l-ġestjoni tas-sistema elettronika għall-komunikazzjoni u l-aġġornament tal-informazzjoni dwar il-ħtiġijiet ta’ żborżament proġettati msemmija fl-Artikolu 5(4). |
Artikolu 12
Rappurtar dwar l-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ teħid b’self, ġestjoni tad-dejn u għoti b’self
Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi rapport darbtejn fis-sena dwar l-aspetti kollha tal-istrateġija tagħha ta’ teħid b’self u ġestjoni tad-dejn, bħall-bażi legali, l-ammonti pendenti ta’ bonds u kambjali, il-profil tal-maturità, l-għotjiet u s-self żborżati, l-iskeda ta’ ħlas lura tas-self żborżat, il-kost tal-finanzjament u l-ammont li l-Kummissjoni biħsiebha toħroġ fis-semestru li jmiss. Ir-rapport għandu jiġi ppreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
KAPITOLU 3
IL-KONTABILITÀ U L-UFFIĊJAL TAL-KONTABILITÀ
Artikolu 13
Kont tal-ġestjoni tar-rikavat
1. Ir-rikavati relatati mal-operazzjonijiet ta’ teħid b’self, ġestjoni tad-dejn u għoti b’self għandhom jiġu ġestiti permezz ta’ kont miftuħ mill-Uffiċjal tal-Kontabbiltà tal-Kummissjoni. L-uffiċjal tal-Kontabilità għandu jiddelega l-ġestjoni ta’ dan il-kont lis-servizzi rilevanti fid-Direttorat Ġenerali tal-Baġit li għandhom jamministrawh f’konformità mar-regoli, il-prinċipji u l-proċeduri stabbiliti f’din id-Deċiżjoni.
2. Il-kont għandu jinżamm mal-BĊE fuq il-bażi ta’ kuntratt dwar servizzi ta’ aġenzija fiskali. Dan għandu jintuża għal riżervi ta’ flus prudenzjali ddedikati li għandhom jiġu adattati għall-ammonti ta’ pagamenti li ġejjin.
Artikolu 14
Il-kontabilità għal ta’ teħid b’self, ġestjoni tad-dejn u għoti b’self
L-uffiċjal tal-Kontabbiltà għandu jkun responsabbli biex jiżgura l-kontabbiltà xierqa għall-operazzjonijiet kollha ta’ teħid b’self, ġestjoni tad-dejn u għoti b’self skont ir-regoli kontabilistiċi tal-Unjoni u t-Titolu XIII tar-Regolament Finanzjarju.
Artikolu 15
Stabbiliment tar-rapporti finanzjarji
1. L-Uffiċjal tal-Kontabilità għandu jkun responsabbli għat-tħejjija tar-rapporti finanzjarji annwali fir-rigward tal-operazzjonijiet ta’ teħid b’self, ġestjoni tad-dejn u għoti b’self skont ir-regoli tal-kontabbiltà tal-Unjoni u abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-uffiċjali tal-awtorizzazzjoni tal-programm.
2. Dawn ir-rapporti finanzjarji għandhom ikunu parti mill-kontijiet annwali konsolidati tal-baġit tal-Unjoni.
KAPITOLU 4
ĠESTJONI TAR-RISKJU U KONFORMITÀ
Artikolu 16
Ir-rwol tal-Uffiċjal Kap tar-Riskju għall-operazzjonijiet ta’ teħid b’self, ġestjoni tad-dejn u għoti b’self
1. Għandu jkun hemm Uffiċjal Kap tar-Riskju għall-operazzjonijiet ta’ teħid b’self, ġestjoni tad-dejn u għoti b’self, li s-setgħat u l-funzjonijiet tiegħu huma stabbiliti f’din id-deċiżjoni.
2. Ir-rwol tal-Uffiċjal Kap tar-Riskju huwa li jiżgura li s-sistemi u l-proċessi użati għall-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ teħid b’self, ġestjoni tad-dejn u għoti b’self huma mfassla u implimentati b’mod li jiżgura kemm jista’ jkun il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni u l-ġestjoni finanzjarja tajba tal-operazzjonijiet ta’ teħid b’self, ġestjoni tad-dejn u għoti b’self.
3. Ir-rwol tal-Uffiċjal Kap tar-Riskju għandu jiġi eżerċitat indipendentement mill-funzjonijiet u l-kompiti relatati mal-ippjanar, l-implimentazzjoni, l-eżekuzzjoni u l-kontabbiltà tal-operazzjonijiet. L-uffiċjal Kap tar-Riskju għandu jgawdi awtonomija fit-twettiq tal-kompiti u r-responsabbiltajiet deskritti f’dan il-Kapitolu u għandu jingħata r-riżorsi meħtieġa.
4. L-Uffiċjal Kap tar-Riskju għandu jirrapporta direttament lill-Membru tal-Kulleġġ responsabbli għall-Baġit fir-rigward tar-responsabbiltajiet stabbiliti f’dan il-Kapitolu.
5. Membru tal-persunal fdat bir-rwol ta’ Uffiċjal għall-Konformità għandu jirrapporta direttament lill-Uffiċjal Kap tar-Riskju dwar il-kwistjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 17(4).
Artikolu 17
L-istabbiliment ta’ Politika ta’ Livell Għoli dwar ir-Riskju u l-Konformità
1. L-uffiċjal Kap tar-Riskju għandu jfassal Politika ta’ Livell Għoli dwar ir-Riskju u l-Konformità li għandha tidentifika r-riskji prinċipali għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet tat-teħid b’self, tal-ġestjoni tad-dejn u tal-għoti b’self. F’dan il-kuntest, l-Uffiċjal Kap tar-Riskju għandu jqis il-prinċipji għar-rikonoxximent u l-valutazzjoni tar-riskju, li skonthom sistema effettiva ta’ kontroll intern tidentifika u tivvaluta kontinwament ir-riskji prinċipali.
2. Il-politika ta’ Livell Għoli dwar ir-Riskju u l-Konformità għandha tistabbilixxi l-objettivi strateġiċi tar-riskju u għandha tipprovdi l-qafas ġenerali għal-linji gwida għall-ġestjoni tar-riskju applikabbli għall-operazzjonijiet ta’ teħid b’self, ġestjoni tad-dejn u għoti b’self.
3. Il-politika ta’ Livell Għoli dwar ir-Riskju u l-Konformità għandha tidentifika r-riskji assoċjati kollha, inklużi r-riskji tal-likwidità, tas-suq, tal-finanzjament, tal-kreditu, tal-kontroparti u operazzjonali, li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet tat-teħid b’self, tal-ġestjoni tad-dejn u ta’ għoti b’self. Il-politika ta’ Livell Għoli dwar ir-Riskju u l-Konformità għandha tistabbilixxi għal kull riskju l-aptit għar-riskju ta’ livell għoli, il-metodoloġiji ġenerali għall-kejl tal-iskopertura għar-riskju, ir-rekwiżiti ta’ monitoraġġ u ta’ rapportar kif ukoll il-mekkaniżmu ta’ eskalazzjoni li għandu jittieħed f’każ ta’ ksur jew nuqqas ta’ konformità. Hija għandha tivverifika s-solidità tal-proċeduri meħtieġa biex tiżgura l-onestà, l-integrità u t-trasparenza ta’ dawk l-operazzjonijiet u għandha tillimita kwalunkwe riskju finanzjarju jew operazzjonali b’mod xieraq.
4. Il-politika ta’ Livell Għoli dwar ir-Riskju u l-Konformità għandha tinkludi r-regoli u l-proċeduri li ġejjin:
|
(a) |
regoli u proċeduri li għandhom jiġu rispettati minn persuni li huma responsabbli għall-implimentazzjoni operazzjonali u l-eżekuzzjoni tal-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata, u; |
|
(b) |
regoli u proċeduri għall-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus, il-finanzjament tat-terroriżmu, l-eżekuzzjoni tat-teħid b’self, il-ġestjoni tad-dejn u l-operazzjonijiet ta’ għoti b’self minn entitajiet inkorporati fi jew stabbiliti f’ġurisdizzjonijiet elenkati taħt il-politika rilevanti dwar ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx jew li huma identifikati bħala pajjiżi b’riskju għoli skont l-Artikolu 9(2) tad-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15), jew li ma jikkonformawx b’mod effettiv mal-istandards tat-taxxa tal-Unjoni jew miftiehma internazzjonalment dwar it-trasparenza u l-iskambju ta’ informazzjoni, ksur ta’ reġimi ta’ sanzjonijiet u irregolaritajiet finanzjarji rilevanti oħra. |
5. Il-politika ta’ Livell Għoli dwar ir-Riskju u l-Konformità għandha tiġi rieżaminata mill-inqas darba fis-sena u tiġi riveduta jekk ikun meħtieġ.
6. Il-politika ta’ Livell Għoli dwar ir-Riskju u l-Konformità għandha tiġi ppreżentata mill-Uffiċjal Kap tar-Riskju lill-Membru tal-Kulleġġ responsabbli għall-Baġit għall-approvazzjoni.
Artikolu 18
Ir-rwol tal-Uffiċjal Kap tar-Riskju
1. L-uffiċjal Kap tar-Riskju għandu jimmonitorja li l-Politika ta’ Livell Għoli dwar ir-Riskju u l-Konformità tiġi implimentata b’mod komprensiv u konsistenti.
2. B’mod partikolari, l-Uffiċjal Kap tar-Riskju għandu jwettaq il-kompiti li ġejjin:
|
(a) |
joħroġ opinjoni dwar l-abbozz tal-pjan ta’ finanzjament; |
|
(b) |
jirrevedi r-regoli interni u d-dokumenti ta’ gwida maħruġa mid-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali għall-Baġit għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni għall-konsistenza mal-Politika ta’ Livell Għoli dwar ir-Riskju u l-Konformità, li jista’ jitlob li jimmodifika; |
|
(c) |
jistabbilixxi u jissorvelja l-konformità kontinwa ma’ proċessi robusti għall-identifikazzjoni, il-kwantifikazzjoni u l-monitoraġġ tar-riskju; |
|
(d) |
jidentifika ksur potenzjali tal-Politika ta’ Livell Għoli dwar ir-Riskju u l-Konformità jew ta’ linji gwida, politiki u limiti oħra relatati mar-riskju u jirrakkomanda passi possibbli li għandhom jittieħdu f’każ ta’ ksur jew nuqqas ta’ konformità. |
Artikolu 19
Ir-rappurtar mill-Uffiċjal Kap tar-Riskju
1. L-Uffiċjal Kap tar-Riskju għandu jirrapporta regolarment dwar ir-riskji materjali u dwar il-konformità mar-regoli u l-proċeduri stabbiliti skont l-Artikolu 17(4) lill-Membru tal-Kulleġġ responsabbli għall-Baġit, lill-Kumitat għar-Riskji u l-Konformità, lid-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali għall-Baġit u lill-Uffiċjal tal-Kontabbiltà. L-Uffiċjal Kap tar-Riskju għandu jipprovdi wkoll informazzjoni regolari dwar ir-riskji u l-limiti lil persuni li huma responsabbli għall-eżekuzzjoni operazzjonali tal-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata.
Id-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali għall-Baġit għandu, mingħajr dewmien żejjed, jieħu l-miżuri meħtieġa biex jindirizza dawk is-sejbiet u jipprovdi spjegazzjonijiet dwar il-miżuri meħuda lill-Uffiċjal Kap tar-Riskju.
Meta jirrapporta lill-Membru tal-Kulleġġ responsabbli għall-Baġit, l-Uffiċjal Kap tar-Riskju jista’ wkoll, kif xieraq, jinforma lil dak il-Membru dwar is-sejbiet imsemmija fit-tieni subparagrafu u dwar id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat għar-Riskju u l-Konformità.
2. L-Uffiċjal Kap tar-Riskju għandu jirrapporta dwar l-implimentazzjoni tal-Politika ta’ Livell Għoli dwar ir-Riskju u l-Konformità lill-Kummissjoni darba fis-sena.
Artikolu 20
Ir-rwol tal-Kumitat għar-Riskji u l-Konformità
1. Għandu jiġi stabbilit Kumitat għar-Riskji u l-Konformità biex jappoġġa lill-Uffiċjal Kap tar-Riskju fit-twettiq tar-responsabbiltajiet ta’ dak l-uffiċjal.
2. Il-Kumitat għar-Riskji u l-Konformità għandu:
|
(a) |
jiġi kkonsultat mill-Uffiċjal Kap tar-Riskju dwar il-Politika ta’ Livell Għoli dwar ir-Riskju u l-Konformità; |
|
(b) |
jappoġġa lill-Uffiċjal Kap tar-Riskju fil-kompiti msemmija fl-Artikolu 18(2), il-punti (a), (b) u (c); |
|
(c) |
jipparteċipa fl-evalwazzjoni, il-monitoraġġ u l-approvazzjoni ta’ prattiki rigward l-implimentazzjoni tal-Politika ta’ Livell Għoli dwar ir-Riskju u l-Konformità u relatati mal-ġestjoni tar-riskju tal-operazzjonijiet ta’ teħid b’self, ġestjoni tad-dejn u tal-għoti b’self; |
|
(d) |
jappoġġja lill-Uffiċjal Kap tar-Riskju fil-valutazzjoni tal-iskoperturi għar-riskju emerġenti b’rabta mal-operazzjonijiet ta’ teħid b’self, ġestjoni tad-dejn u għoti b’self, u jkun infurmat mill-Uffiċjal Kap tar-Riskju dwar il-qbiż tal-limiti stabbiliti biex jitnaqqsu r-riskji jew in-nuqqas ta’ konformità mal-Politika ta’ Livell Għoli dwar ir-Riskju u l-Konformità, u linji gwida, politiki u limiti oħra relatati mar-riskju. |
Artikolu 21
Il-membri u l-organizzazzjoni tal-Kumitat għar-Riskji u l-Konformità
1. Il-membri tal-Kumitat għar-Riskju u l-Konformità għandhom ikunu l-Uffiċjal Kap tar-Riskju, l-Uffiċjal tal-Kontabilità tal-Kummissjoni, l-Uffiċjal għall-Konformità, żewġ membri tal-persunal mid-Direttorati Ġenerali li l-funzjonijiet tagħhom jinvolvu għarfien tal-ġestjoni tar-riskju u tas-superviżjoni tas-swieq finanzjarji, u żewġ membri tal-persunal tad-Direttorat Ġenerali għall-Baġit maħtura mid-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali għall-Baġit.
2. L-Uffiċjal Kap tar-Riskju għandu jistieden żewġ esperti esterni għal-laqgħat tal-Kumitat dwar ir-Riskji u l-Konformità. L-esperti esterni għandhom jagħtu opinjonijiet u jipparteċipaw f’deliberazzjonijiet mingħajr drittijiet tal-vot dwar kwistjonijiet miġjuba quddiem il-Kumitat.
3. Il-Kumitat dwar ir-Riskji u l-Konformità għandu, fejn possibbli, jadotta pożizzjonijiet abbażi ta’ kunsens jew, meta ma jintlaħaqx kunsens, abbażi ta’ maġġoranza sempliċi tal-membri tiegħu. Fil-każ ta’ voti ndaqs, il-vot tal-Uffiċjal Kap tar-Riskju għandu jkun deċiżiv.
4. Il-Kumitat dwar ir-Riskji u l-Konformità għandu jadotta r-regoli tiegħu ta’ proċedura.
KAPITOLU 5
DISPOŻIZZJONIJIET TRANSITORJI U FINALI
Artikolu 22
Tħassir
Id-Deċiżjoni C(2021) 2502 hija mħassra.
Ir-referenzi għad-Deċiżjoni mħassra għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal din id-Deċiżjoni.
Artikolu 23
Id-dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Diċembru 2022.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.
(2) Regolament (UE, Euratom) 2022/2434 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Diċembru 2022 li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 fir-rigward tal-istabbiliment ta’ strateġija ta’ finanzjament diversifikata bħala metodu ġenerali ta’ teħid b’self (ĠU L 319, 13.12.2022, p. 1).
(3) Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-12 ta’ Frar 2021li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17).
(4) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/2094 tal-14 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi Rkupru tal-Unjoni EwropeaStrument li jappoġġa l-irkupru wara l-kriżi tal-COVID-19 (ĠU L 433, I, 22.12.2020, p. 23).
(5) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ April 2021 li tistabbilixxi l-arranġamenti meħtieġa għall-amministrazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ teħid b’self skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053 u għall-operazzjonijiet ta’ għoti b’self relatati ma’ self mogħti f’konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
(6) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1095 tat-2 ta’ Lulju 2021 li tistabbilixxi l-metodoloġija għall-allokazzjoni tal-kostijiet relatati mal-operazzjonijiet ta’ teħid b’self u tal-ġestjoni tad-dejn permezz tan-NextGenerationEU (ĠU L 236, 5.7.2021, p. 75).
(7) Ir-Regolament (UE) 2022/2463 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 li jistabbilixxi Strument għall-għoti ta’ appoġġ lill-Ukrajna għall-2023 (assistenza makrofinanzjarja +) (ĠU L 322, 16.12.2022, p. 1).
(8) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2018)5120 final tat-3 ta’ Awwissu 2018 dwar ir-Regoli Interni dwar l-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea (it-taqsima tal-Kummissjoni Ewropea) għall-attenzjoni tad-dipartimenti tal-Kummissjoni.
(9) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/583 tal-14 ta’ Lulju 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji dwar rekwiżiti ta’ trasparenza għal ċentri tan-negozjar u ditti ta’ investiment fir-rigward tal-bonds, il-prodotti finanzjarji strutturati, il-kwoti ta’ emissjonijiet u d-derivattivi (ĠU L 87, 31.3.2017, p. 229).
(10) Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1).
(11) Ir-Regolament (UE) 2015/2365 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar it-trasparenza ta’ tranżazzjonijiet ta’ finanzjament tat-titoli u l-użu mill-ġdid u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 337, 23.12.2015, p. 1).
(12) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2021 sa 2027 (ĠU L 433I, 22.12.2020, p. 11).
(13) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2021/625 tal-14 ta’ April 2021 dwar l-istabbiliment tan-network tan-negozjanti primarji u d-definizzjoni tal-kriterji ta’ eliġibbiltà għall-mandati ta’ tmexxija u ta’ tmexxija konġunta għat-tranżazzjonijiet sindakati għall-finijiet tal-attivitajiet ta’ teħid ta’ self mill-Kummissjoni f’isem l-Unjoni u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija (ĠU L 131, 16.4.2021, p. 170).
(14) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2022/2545 tad-19 ta’ Diċembru 2022 dwar l-istabbiliment tal-qafas għall-allokazzjoni tal-kostijiet relatati mal-operazzjonijiet ta’ teħid b’self u tal-immaniġġar tad-dejn permezz tal-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata (ara paġna 123 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).
(15) Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73).