|
22.12.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 328/105 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/2542
tad-19 ta’ Diċembru 2022
li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1904 li tawtorizza lin-Netherlands jintroduċu miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1904 (2), in-Netherlands kienu awtorizzati jintroduċu miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE biex teżenta mit-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jaqbiżx l-EUR 25 000 (il-“miżura speċjali”). |
|
(2) |
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1904 ser tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2022. Permezz ta’ ittra datata t-23 ta’ Awwissu 2022, in-Netherlands talbu awtorizzazzjoni biex ikomplu japplikaw il-miżura speċjali għal perjodu ulterjuri sal-31 ta’ Diċembru 2024, id-data sa meta l-Istati Membri jridu jittrasponu d-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/285 (3). Minn dik id-Direttiva jirriżulta li mill-1 ta’ Jannar 2025, l-Istati Membri ser jitħallew jeżentaw mill-VAT il-provvista ta’ merkanzija u servizzi magħmula minn persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom fi Stat Membru partikolari ma jaqbiżx il-limitu ta’ EUR 85 000 jew l-ekwivalenti fil-munita nazzjonali. |
|
(3) |
Skont l-Artikolu 395(2), it-tieni subparagrafu, tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni bagħtet it-talba magħmula min-Netherlands lill-Istati Membri l-oħra, minbarra lil Spanja, permezz ta’ ittra datata l-25 ta’ Awwissu 2022. Permezz ta’ ittra datata s-26 ta’ Awwissu, il-Kummissjoni bagħtet dik it-talba lil Spanja. Permezz ta’ ittra datata d-29 ta’ Awwissu 2022, il-Kummissjoni nnotifikat lin-Netherlands li kellha l-informazzjoni kollha neċessarja biex tivvaluta t-talba. |
|
(4) |
Il-miżura speċjali hija konformi mad-Direttiva 2006/112/KE, kif emendata bid-Direttiva (UE) 2020/285, li tfittex li tnaqqas il-piż tal-konformità tal-impriżi ż-żgħar u tevita d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq intern. |
|
(5) |
Il-miżura speċjali ser tibqa’ fakultattiva għall-persuni taxxabbli peress li xorta jistgħu jagħżlu l-arranġamenti normali tal-VAT skont l-Artikolu 290 tad-Direttiva 2006/112/KE. |
|
(6) |
Skont l-informazzjoni pprovduta min-Netherlands, il-miżura speċjali ser ikollha effett negliġibbli biss fuq l-ammont kumplessiv tad-dħul mit-taxxa miġbur min-Netherlands fl-istadju tal-konsum finali. |
|
(7) |
Wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2021/769 (4), ma għandu jsir l-ebda kalkolu ta’ kumpens min-Netherlands fir-rigward tad-dikjarazzjoni tar-riżorsa proprja bbażata fuq il-VAT mis-sena finanzjarja 2022 ’il quddiem. |
|
(8) |
Minħabba l-fatt li ll-miżura speċjali kellha impatt pożittiv fuq is-simplifikazzjoni tal-obbligi relatati mal-VAT, peress li naqqset il-piż amministrattiv u l-kostijiet tal-konformità kemm għall-impriżi żgħar kif ukoll għall-awtoritajiet tat-taxxa, u peress li ma jistax ikollha impatt kbir fuq id-dħul totali ġġenerat mill-VAT, jixraq li n-Netherlands jitħallew japplikaw il-miżura speċjali stabbilita fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1904. |
|
(9) |
Jenħtieġ li l-applikazzjoni tal-miżura speċjali tkun limitata fiż-żmien. Jenħtieġ li l-limitu ta’ żmien ikun biżżejjed biex jippermetti lill-Kummissjoni tevalwa l-effettività u l-adegwatezza tal-livell limitu attwali. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva (UE) 2020/285, l-Istati Membri jridu jadottaw u jippubblikaw, sal-31 ta’ Diċembru 2024, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw mal-Artikolu 1 ta’ dik id-Direttiva, u jridu japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Jannar 2025. Għalhekk, jixraq li n-Netherlands jiġu awtorizzati japplikaw il-miżura speċjali sal-31 ta’ Diċembru 2024. |
|
(10) |
Għalhekk, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1904 jenħtieġ li tiġi emendata skont dan, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1904 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2024.”.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tan-notifika tagħha.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tan-Netherlands.
Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Diċembru 2022.
Għall-Kunsill
Il-President
J. SÍKELA
(1) ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.
(2) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1904 tal-4 ta’ Diċembru 2018 li tawtorizza lin-Netherlands jintroduċu miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 310, 6.12.2018, p. 25).
(3) Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/285 tat-18 ta’ Frar 2020 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar u r-Regolament (UE) Nru 904/2010 fir-rigward tal-kooperazzjoni amministrattiva u l-iskambju ta’ informazzjoni għall-finijiet tal-monitoraġġ tal-applikazzjoni korretta tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar (ĠU L 62, 2.3.2020, p. 13).
(4) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2021/769 tat-30 ta’ April 2021 li jemenda r-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1553/89 dwar l-arranġamenti uniformi definittivi għall-ġbir ta’ riżorsi proprji li jakkumulaw mit-taxxa tal-valur miżjud (ĠU L 165, 11.5.2021, p. 9).