|
22.12.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 328/59 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/2524
tat-12 ta' Diċembru 2022
dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u New Zealand skont l-Artikolu XXVIII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT) tal-1994 relatat mal-modifika tal-konċessjonijiet fuq il-kwoti tar-rati tariffarji kollha inklużi fl-Iskeda CLXXV tal-UE bħala konsegwenza tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(6), it-tieni subparagarfu, il-punt (a)(v), tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew (1),
Billi:
|
(1) |
Fil-15 ta’ Ġunju 2018, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni li tiftaħ negozjati, skont l-Artikolu XXVIII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT) tal-1994, dwar it-tqassim tal-kwoti tar-rati tariffarji inklużi fl-Iskeda CLXXV tal-UE bħala konsegwenza tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni. |
|
(2) |
In-negozjati ma' New Zealand ġew konklużi fl-20 ta’ Diċembru 2021 bl-inizjar tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u New Zealand skont l-Artikolu XXVIII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT) tal-1994 relatat mal-modifika tal-konċessjonijiet fuq il-kwoti tar-rati tariffarji kollha inklużi fl-Iskeda CLXXV tal-UE bħala konsegwenza tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea (“il-Ftehim”). |
|
(3) |
Il-Ftehim ġie ffirmat f’isem l-Unjoni fl-20 ta’ Lulju 2022, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/781 (2). |
|
(4) |
Jenħtieġ li l-Ftehim jiġi approvat, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u New Zealand skont l-Artikolu XXVIII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT) tal-1994 relatat mal-modifika tal-konċessjonijiet fuq il-kwoti tar-rati tariffarji kollha inklużi fl-Iskeda CLXXV tal-UE bħala konsegwenza tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, huwa b’dan awtorizzat f’isem l-Unjoni (3).
Artikolu 2
Il-President tal-Kunsill għandu, f’isem l-Unjoni, jagħti n-notifika prevista fl-Artikolu 5(1) tal-Ftehim (4).
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Diċembru 2022.
Għall-Kunsill
Il-President
Z. NEKULA
(1) Approvazzjoni tat-22 ta’ Novembru 2022 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/781 tas-16 ta' Mejju 2022 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u New Zealand skont l-Artikolu XXVIII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT) tal-1994 relatat mal-modifika tal-konċessjonijiet fuq il-kwoti tar-rati tariffarji kollha inklużi fl-Iskeda CLXXV tal-UE bħala konsegwenza tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea (ĠU L 140, 19.5.2022, p. 1).
(3) Ara paġna 61 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.
(4) Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ser tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.