15.12.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 321/18


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/2459

tat-8 ta’ Diċembru 2022

dwar l-applikazzjoni ta’ tariffa tal-viża miżjuda fir-rigward tal-Gambja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 25a(5), il-punt (b) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 25a(3) tar-Regolament (KE) Nru 810/2009, il-Kummissjoni għandha tivvaluta regolarment il-kooperazzjoni tal-pajjiżi terzi dwar ir-riammissjoni. Abbażi tal-valutazzjoni mwettqa f’konformità ma’ dik id-dispożizzjoni, il-kooperazzjoni dwar ir-riammissjoni mal-Gambja ġiet ivvalutata bħala insuffiċjenti. B’kont meħud tal-passi li ttieħdu s’issa biex jittejjeb il-livell ta’ kooperazzjoni, u r-relazzjonijiet ġenerali tal-Unjoni mal-Gambja, huwa meqjus li l-kooperazzjoni tal-Gambja mal-Unjoni dwar kwistjonijiet ta’ riammissjoni mhijiex biżżejjed u li għalhekk hija neċessarja azzjoni mill-Unjoni.

(2)

F’konformità mal-Artikolu 25a(5), il-punt (a), tar-Regolament (KE) Nru 810/2009, fis-7 ta’ Ottubru 2021 ġiet adottata d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1781 (2), li permezz tagħha l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 810/2009 ġew sospiżi temporanjament fir-rigward ta’ ċerti ċittadini tal-Gambja.

(3)

F’konformità mal-Artikolu 25a(2) tar-Regolament (KE) Nru 810/2009, il-Kummissjoni vvalutat kontinwament il-kooperazzjoni dwar ir-riammissjoni mal-Gambja wara d-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1781. Il-valutazzjoni tindika li ma sar l-ebda titjib sinifikanti, peress li l-kooperazzjoni dwar l-identifikazzjoni u r-ritorn għadha ta’ sfida, il-perjodu ta’ żmien stabbilit mill-arranġament ta’ riammissjoni tal-UE- Gambja ma ġiex rispettat u moratorju fuq ir-ritorni minn titjiriet charter – introdott unilateralment mill-Gambja – baqa’ fis-seħħ sa Marzu 2022. Minkejja xi żviluppi limitati, b’mod partikolari l-ħruġ ta’ tliet permessi ta’ nżul għal operazzjonijiet ta’ ritorn li seħħew wara s-sospensjoni tal-moratorju introdott mill-Gambja, il-kooperazzjoni dwar ir-riammissjoni għadha insuffiċjenti u għad hemm bżonn ta’ titjib sostanzjali u sostnut.

(4)

Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni hija li, minkejja l-miżuri adottati fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1781, il-kooperazzjoni tal-Gambja mal-Unjoni dwar kwistjonijiet ta’ riammissjoni għadha insuffiċjenti u għalhekk hija meħtieġa azzjoni ulterjuri mingħajr ma jaffettwaw id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1781.

(5)

L-applikazzjoni ta’ tariffa tal-viża ogħla, fuq bażi gradwali, għaċ-ċittadini tal-Gambja għandha tibgħat sinjal ċar lill-awtoritajiet tal-Gambja dwar il-ħtieġa li jieħdu l-azzjonijiet meħtieġa biex itejbu l-kooperazzjoni dwar ir-riammissjoni.

(6)

Tariffa tal-viża ta’ EUR 120 kif stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 810/2009 jenħtieġ li għalhekk tiġi sospiża temporanjament għaċ-ċittadini tal-Gambja li huma soġġetti għall-ħtieġa tal-viża skont ir-Regolament (UE) 2018/1806 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). F’konformità ma’ dak ir-Regolament, dik it-tariffa ma tikkonċernax it-tfal taħt l-età ta’ 12-il sena. Jenħtieġ li lanqas ma tapplika għall-applikanti li għalihom it-tariffa tal-viża tiġi eżentata jew imnaqqsa f’konformità mal-, tar-Regolament (KE) Nru 810/2009.

(7)

Din id-Deċiżjoni ma taffettwax l-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), li testendi d-dritt tal-moviment liberu għall-membri tal-familja, irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom, meta jakkumpanjaw ċittadin tal-Unjoni jew meta jingħaqdu miegħu. Għalhekk din id-Deċiżjoni la tapplika għal membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li għalih tapplika d-Direttiva 2004/38/KE, u lanqas għall-membri tal-familja ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jgawdi dritt ta’ moviment liberu ekwivalenti għal dak ta’ ċittadini tal-Unjoni skont ftehim bejn l-Unjoni u pajjiż terz.

(8)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni jenħtieġ li jkunu mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri skont id-dritt internazzjonali, inkluż bħala pajjiżi ospitanti ta’ organizzazzjonijiet intergovernattivi internazzjonali jew ta’ konferenzi internazzjonali mlaqqgħin min-Nazzjonijiet Uniti jew minn organizzazzjonijiet intergovernattivi internazzjonali ospitati mill-Istati Membri. Għalhekk, l-applikazzjoni tat-tariffa miżjuda tal-viża jenħtieġ li ma tapplikax għaċ-ċittadini tal-Gambja li japplikaw għal viża, sa fejn dak ikun neċessarju sabiex l-Istati Membri jikkonformaw mal-obbligi tagħhom bħala pajjiżi ospitanti ta’ tali organizzazzjonijiet jew ta’ tali konferenzi.

(9)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhix marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha. Ladarba din id-Deċiżjoni tibni fuq l-acquis ta’ Schengen, id-Danimarka għandha, f’konformità mal-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, tiddeċiedi, fi żmien sitt xhur wara li l-Kunsill ikun iddeċieda dwar din id-Deċiżjoni jekk hijiex ser timplimentaha fil-liġi nazzjonali tagħha.

(10)

Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom l-Irlanda mhix qed tieħu sehem, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (5); għalhekk l-Irlanda mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhix marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(11)

Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawk iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (6) li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt B, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (7).

(12)

Fir-rigward tal-Iżvizzera, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (8) li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt B, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (9).

(13)

Fir-rigward tal-Liechtenstein, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis (10) ta’ Schengen li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt B, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE (11).

(14)

Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi att li jibni fuq l-acquis ta’ Schengen jew li b’xi mod ieħor huwa relatat miegħu fis-sens tal-Artikolu 3(2) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003, tal-Artikolu 4(2) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2005 u tal-Artikolu 4(2) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2011 rispettivament,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Kamp ta’ Applikazzjoni

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tapplika għaċ-ċittadini tal-Gambja li huma soġġetti għall-ħtieġa tal-viża skont ir-Regolament (UE) 2018/1806.

2.   Din id-deċiżjoni ma għandhiex tapplika għaċ-ċittadini tal-Gambja li huma eżentati mill-ħtieġa tal-viża skont l-Artikoli 4 jew 6 tar-Regolament (UE) 2018/1806.

3.   Din id-Deċiżjoni għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li jiġi rinunzjat jew imnaqqas l-ammont tat-tariffa tal-viża li għandha tiġi imposta f’każijiet individwali, f’konformità mal-Artikolu 16(6) tar-Regolament (KE) Nru 810/2009.

4.   Din id-Deċiżjoni ma għandhiex tapplika għaċ-ċittadini tal-Gambja li japplikaw għal viża u li huma membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li għalih tapplika d-Direttiva 2004/38/KE jew għall-membri tal-familja ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jgawdi dritt ta’ moviment liberu ekwivalenti għal dak taċ-ċittadini tal-Unjoni skont ftehim bejn l-Unjoni u pajjiż terz.

5.   Din id-deċiżjoni għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-każijiet fejn Stat Membru jkun marbut b’obbligu skont id-dritt internazzjonali, jiġifieri:

(a)

bħala pajjiż ospitanti ta’ organizzazzjoni intergovernattiva internazzjonali;

(b)

bħala pajjiż ospitanti ta’ konferenza internazzjonali msejħa minn, jew taħt l-awspiċji ta’, in-Nazzjonijiet Uniti jew organizzazzjonijiet intergovernattivi internazzjonali oħra ospitati minn Stat Membru;

(c)

taħt ftehim multilaterali li jikkonferixxi privileġġi u immunitajiet; jew

(d)

skont it-Trattat ta’ Konċiljazzjoni tal-1929 (il-Patt tal-Lateran) konkluż mis-Santa Sede (l-Istat tal-Belt tal-Vatikan) u l-Italja, kif emendat l-aħħar.

6.   Din id-Deċiżjoni għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-miżuri previsti u applikati f’konformità mad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1781.

Artikolu 2

Applikazzjoni ta’ tariffa tal-viża

Ċittadini tal-Gambja li japplikaw għal viża għandhom iħallsu tariffa tal-viża ta’ EUR 120.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tan-notifika tagħha.

Artikolu 4

Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Belġju, lir-Repubblika tal-Bulgarija, lir-Repubblika Ċeka, lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, lir-Repubblika tal-Estonja, lir-Repubblika Ellenika, lir-Renju ta’ Spanja, lir-Repubblika Franċiża, lir-Repubblika tal-Kroazja, lir-Repubblika Taljana, lir-Repubblika ta’ Ċipru, lir-Repubblika tal-Latvja, lir-Repubblika tal-Litwanja, lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, lill-Ungerija, lir-Repubblika ta’ Malta, lir-Renju tan-Netherlands, lir-Repubblika tal-Awstrija, lir-Repubblika tal-Polonja, lir-Repubblika Portugiża, lir-Rumanija, lir-Repubblika tas-Slovenja, lir-Repubblika Slovakka, lir-Repubblika tal-Finlandja u lir-Renju tal-Iżvezja.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Diċembru 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

V. RAKUŠAN


(1)  ĠU L 243, 15.9.2009, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1781 tas-7 ta’ Ottubru 2021 dwar is-sospensjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-Gambja (ĠU L 360, 11.10.2021, p. 124).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2018/1806 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa (ĠU L 303, 28.11.2018, p. 39).

(4)  Id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqalqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).

(6)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

(7)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31).

(8)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

(9)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE tat-28 ta’ Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1).

(10)  ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.

(11)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19).