12.12.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 318/136


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/2425

tal-5 ta’ Diċembru 2022

dwar il-konsistenza tal-miri tal-prestazzjoni li jinsabu fl-abbozz rivedut tal-pjan tal-prestazzjoni mressaq minn Malta skont ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill mal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għat-tielet perjodu referenzjarju

(notifikata bid-dokument C(2022) 8743)

(It-testi bl-Ingliż u bil-Malti biss huma awtentiċi)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2004 li jippreskrivi l-qafas għall-ħolqien tal-Ajru Uniku Ewropew (ir-Regolament qafas) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(3), il-punt (c) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/317 tal-11 ta’ Frar 2019 li jistabbilixxi skema ta’ prestazzjoni u imposti fl-Ajru Uniku Ewropew u li jħassar ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 390/2013 u (UE) Nru 391/2013 (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 15(2) tiegħu,

Billi:

KUNSIDERAZZJONIJIET ĠENERALI

(1)

Skont l-Artikolu 10 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, l-Istati Membri għandhom ifasslu pjanijiet ta’ prestazzjoni, fil-livell nazzjonali jew fil-livell ta’ blokok ta’ spazju tal-ajru funzjonali (“FABs”), li għandhom jinkludu miri vinkolanti tal-prestazzjoni għal kull perjodu referenzjarju tal-iskema tal-prestazzjoni għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru u għall-funzjonijiet tan-network. Dawk il-miri tal-prestazzjoni jridu jkunu konsistenti mal-miri għall-Unjoni kollha adottati mill-Kummissjoni għall-perjodu referenzjarju kkonċernat.

(2)

Il-miri tal-prestazzjoni għall-Unjoni kollha għat-tielet perjodu referenzjarju (“RP3”) ġew stabbiliti oriġinarjament fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/903 (3). Minħabba li dawk il-miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni kollha u l-abbozz tal-pjanijiet ta’ prestazzjoni tal-RP3 sussegwentement mressqin f’Ottubru 2019 mill-Istati Membri tfasslu qabel it-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19 f’Marzu 2020, dawn ma qisux it-tnaqqis konsiderevoli fit-traffiku tal-ajru minħabba l-miżuri meħuda mill-Istati Membri u minn pajjiżi terzi biex jikkontrollaw il-pandemija.

(3)

B’rispons għall-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq il-forniment tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru, ġew stabbiliti miżuri eċċezzjonali għall-RP3, li jidderogaw mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1627 (4). Fit-2 ta’ Ġunju 2021, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/891 (5) li tistabbilixxi miri ta’ prestazzjoni riveduti għall-Unjoni kollha għall-RP3. Abbażi ta’ dan, f’Ottubru 2021, l-Istati Membri ppreżentaw lill-Kummissjoni abbozzi ta’ pjanijiet ta’ prestazzjoni li fihom miri ta’ prestazzjoni lokali riveduti għall-RP3.

(4)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/728 (6) ġiet indirizzata lill-Belġju, lill-Ġermanja, lill-Greċja, lil Franza, lil Ċipru, lil-Latvja, lil-Lussemburgu, lil Malta, lin-Netherlands, lir-Rumanija u lill-Iżvezja. F’dik id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni sabet li l-miri tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza en route inklużi fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni għall-RP3 ta’ Malta mhumiex konsistenti mal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha u ħarġet rakkomandazzjonijiet għar-reviżjoni ta’ dawk il-miri.

(5)

Bi tweġiba għall-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna, li bdiet fl-24 ta’ Frar 2022, l-Unjoni imponiet miżuri restrittivi li jipprojbixxu lit-trasportaturi tal-ajru Russi, lil kwalunkwe inġenju tal-ajru rreġistrat fir-Russja u lil kwalunkwe inġenju tal-ajru li ma huwiex irreġistrat fir-Russja li huwa proprjetà jew mikri b’lokazzjoni, jew inkella kkontrollat minn kwalunkwe persuna, entità jew korp fiżiku jew ġuridiku Russu milli jinżel u jitlaq minn territorju tal-Unjoni jew itir minn fuqu. Dawk il-miżuri restrittivi u l-kontromiżuri adottati mir-Russja wasslu għal bidliet fit-traffiku tal-ajru fl-ispazju tal-ajru Ewropew. Ċerti Stati Membri ġew affettwati serjament minn tnaqqis sinifikanti fl-għadd ta’ titjiriet fuq l-ispazju tal-ajru taħt ir-responsabbiltà tagħhom. Madankollu, fil-livell tal-Unjoni kollha, l-impatt osservat fuq l-għadd ta’ titjiriet kien limitat b’kuntrast mat-tnaqqis qawwi tat-traffiku tal-ajru madwar l-Ewropa li rriżulta mit-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19.

(6)

Fit-13 ta’ Lulju 2022, Malta ressqet abbozz rivedut tal-pjan tal-prestazzjoni għall-RP3 (l-“abbozz rivedut tal-pjan tal-prestazzjoni”) għall-valutazzjoni lill-Kummissjoni.

(7)

Il-korp ta’ analiżi tal-prestazzjoni, li jassisti lill-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tal-iskema ta’ prestazzjoni skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 549/2004, ressaq rapport lill-Kummissjoni li fih il-parir tiegħu dwar il-valutazzjoni tal-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni.

(8)

F’konformità mal-Artikolu 15(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni vvalutat il-konsistenza tal-miri tal-prestazzjoni lokali li hemm fl-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni ta’ Malta abbażi tal-kriterji ta’ valutazzjoni stabbiliti fil-punt 1 tal-Anness IV ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni, filwaqt li qieset iċ-ċirkostanzi lokali. Fir-rigward ta’ kull qasam ewlieni tal-prestazzjoni u l-miri tal-prestazzjoni relatati, il-Kummissjoni kkomplementat il-valutazzjoni tagħha billi rrieżaminat l-elementi stabbiliti fil-punt 2 tal-Anness IV ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni.

(9)

It-tbassir tat-traffiku bażi tas-Servizz tal-Istatistika u tat-Tbassir tal-Eurocontrol (“STATFOR”) ippubblikat f’Ġunju 2022 iqis iċ-ċirkostanzi mibdula msemmija fil-Premessa (5). Abbażi ta’ dak it-tbassir, il-Kummissjoni tinnota li mhuwiex previst li Malta tesperjenza bidliet avversi fit-traffiku matul l-RP3 bħala riżultat tal-gwerra tar-Russja fl-Ukrajna.

VALUTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

Valutazzjoni tal-miri tal-prestazzjoni fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tas-sikurezza

(10)

Fir-rigward tal-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tas-sikurezza, il-Kummissjoni vvalutat il-konsistenza tal-miri mressqin minn Malta rigward l-effettività tal-ġestjoni tas-sikurezza tal-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru (“ANSPs”) abbażi tal-kriterju stabbilit fil-punt 1.1 tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317.

(11)

Il-miri tal-prestazzjoni tas-sikurezza lokali proposti minn Malta fir-rigward tal-effettività tal-ġestjoni tas-sikurezza, imqassmin skont l-objettiv tal-ġestjoni tas-sikurezza u espressi bħala livell ta’ implimentazzjoni, huma kif ġej:

Malta

Miri dwar l-effettività tal-ġestjoni tas-sikurezza, espressi bħala livell ta’ implimentazzjoni, li jvarjaw mil-livell A sa D tal-EASA

Fornitur tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru kkonċernat

Objettiv tal-ġestjoni tas-sikurezza

2022

2023

2024

Miri għall-Unjoni kollha (2024)

MATS

Politika u objettivi tas-sikurezza

C

C

D

C

Ġestjoni tar-riskju għas-sikurezza

C

C

D

D

Assigurazzjoni tas-sikurezza

C

C

D

C

Promozzjoni tas-sikurezza

C

C

D

C

Kultura tas-sikurezza

C

C

C

C

(12)

Il-miri tas-sikurezza proposti minn Malta għall-MATS huma konsistenti mal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha u għall-2024, saħansitra jisbqu l-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha fl-oqsma ta’ “politika u objettivi tas-sikurezza”, “assigurazzjoni tas-sikurezza”, u “promozzjoni tas-sikurezza”.

(13)

Il-Kummissjoni tinnota li l-abbozz rivedut tal-pjan tal-prestazzjoni mressaq minn Malta jistabbilixxi miżuri għall-MATS biex jintlaħqu l-miri tas-sikurezza lokali, bħall-introduzzjoni ta’ ċentru tal-operazzjonijiet tas-sigurtà u ċentru tal-operazzjonijiet tan-network, l-implimentazzjoni ta’ software ġdid tas-sikurezza, ir-reklutaġġ ta’ speċjalisti taċ-ċibersigurtà biex itejbu l-ġestjoni tar-riskju, u t-taħriġ tal-persunal biex jikkonforma mar-rekwiżiti tal-ġestjoni tat-tibdil stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/373.

(14)

Abbażi tas-sejbiet stabbiliti fil-Premessi (11) u (13), u meta jitqies li l-miri tal-prestazzjoni tas-sikurezza mal-Unjoni kollha stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/891 għandhom jintlaħqu sal-aħħar sena tal-RP3, jiġifieri l-2024, jenħtieġ li l-miri inklużi fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni rivedut ta’ Malta jitqiesu konsistenti mal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tas-sikurezza.

Valutazzjoni tal-miri tal-prestazzjoni fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-ambjent

(15)

Fir-rigward tal-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-ambjent, il-konsistenza tal-miri mressqin minn Malta rigward l-effiċjenza tat-titjir medja orizzontali en route tat-trajettorja reali ġiet ivvalutata abbażi tal-kriterju stabbilit fil-punt 1.2 tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317. Għaldaqstant, il-miri proposti li jinsabu fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni rivedut ta’ Malta tqabblu mal-valuri referenzjarji rilevanti tal-effiċjenza tat-titjir orizzontali en route stabbiliti fil-Pjan ta’ Titjib tan-Network Ewropew tar-Rotot (“ERNIP”) disponibbli fiż-żmien tal-adozzjoni tal-miri tal-prestazzjoni riveduti mal-Unjoni kollha għall-RP3, jiġifieri fit-2 ta’ Ġunju 2021.

(16)

Dwar is-sena 2020, il-mira tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għall-RP3 fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-ambjent, li inizjalment ġiet stabbilita fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/903, qabel it-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19, ma ġietx riveduta bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/891, meta wieħed iqis li l-perjodu għall-applikazzjoni ta’ dik il-mira kien skada u li għalhekk l-implimentazzjoni tagħha kienet saret definittiva u ma ħalliet l-ebda possibbiltà għal aġġustamenti retroattivi. Bl-istess mod, il-miri tal-prestazzjoni ambjentali lokali għas-sena 2021 stabbiliti mill-Istati Membri fl-abbozzi tal-pjanijiet tal-prestazzjoni mressqa f’Ottubru 2021 ma setgħux jiġu modifikati b’mod retroattiv fl-abbozzi tal-pjanijiet tal-prestazzjoni riveduti. Għalhekk, jenħtieġ li l-konsistenza tal-miri tal-prestazzjoni tal-ambjent lokali tiġi vvalutata mal-miri tal-prestazzjoni korrispondenti mal-Unjoni kollha fir-rigward tas-snin 2022, 2023 u 2024.

(17)

Il-miri tal-prestazzjoni fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-ambjent proposti minn Malta u l-valuri referenzjarji nazzjonali korrispondenti għall-RP3 mill-ERNIP, espressi bħala l-effiċjenza tat-titjir medja orizzontali en route tat-trajettorja reali, huma kif ġej:

Malta

2022

2023

2024

Miri fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-ambjent, espressi bħala l-effiċjenza tat-titjir medja orizzontali en route tat-trajettorja reali

1,80  %

1,80  %

1,80  %

Valuri referenzjarji

1,80  %

1,80  %

1,80  %

(18)

Il-Kummissjoni tosserva li l-miri tal-ambjent proposti minn Malta huma ugwali għall-valuri referenzjarji nazzjonali korrispondenti għal kull sena kalendarja mill-2022 sal-2024.

(19)

Il-Kummissjoni tinnota li fl-abbozz rivedut tal-pjan tal-prestazzjoni, Malta ppreżentat miżuri għall-ilħuq tal-miri tal-ambjent lokali li jinkludu l-implimentazzjoni tal-ispazju tal-ajru b’rotot liberi ’l fuq mil-livell 195 tat-titjir, id-disinn ta’ żona ġdida ta’ kontroll tat-terminal, u proċeduri ġodda tal-wasla u tat-tluq.

(20)

Abbażi tas-sejbiet stabbiliti fil-Premessi (17) sa (19), jenħtieġ li l-miri inklużi fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni ta’ Malta jitqiesu konsistenti mal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-ambjent.

Valutazzjoni tal-miri tal-prestazzjoni fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kapaċità

(21)

Fir-rigward tal-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kapaċità, il-konsistenza tal-miri mressqin minn Malta rigward id-dewmien medju fil-ġestjoni tal-fluss tat-traffiku tal-ajru (“ATFM”) en route għal kull titjira ġie vvalutat abbażi tal-kriterju stabbilit fil-punt 1.3 tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317. Għaldaqstant, il-miri proposti li jinsabu fl-abbozz rivedut tal-pjan tal-prestazzjoni ta’ Malta tqabblu mal-valuri referenzjarji rilevanti stabbiliti fil-Pjan Operazzjonali tan-Network disponibbli fiż-żmien tal-adozzjoni tal-miri tal-prestazzjoni riveduti mal-Unjoni kollha għall-RP3, fit-2 ta’ Ġunju 2021.

(22)

Dwar is-sena 2020, il-mira tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għall-RP3 fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kapaċità, li inizjalment ġiet stabbilita fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/903, qabel it-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19, ma ġietx riveduta bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/891, meta wieħed iqis li l-perjodu għall-applikazzjoni ta’ dik il-mira kien skada u li għalhekk l-implimentazzjoni tagħha kienet saret definittiva u ma ħalliet l-ebda possibbiltà għal aġġustamenti retroattivi. Bl-istess mod, il-miri tal-prestazzjoni tal-kapaċità lokali għas-sena 2021 stabbiliti mill-Istati Membri fl-abbozzi tal-pjanijiet tal-prestazzjoni mressqin f’Ottubru 2021 ma setgħux jiġu modifikati b’mod retroattiv fl-abbozzi tal-pjanijiet tal-prestazzjoni riveduti. Għalhekk, jenħtieġ li l-konsistenza tal-miri tal-prestazzjoni tal-kapaċità lokali tiġi vvalutata mal-miri tal-prestazzjoni korrispondenti mal-Unjoni kollha fir-rigward tas-snin 2022, 2023 u 2024.

(23)

Il-miri tal-kapaċità en route proposti minn Malta għall-RP3, espressi f’minuti ta’ dewmien tal-ATFM għal kull titjira, kif ukoll il-valuri referenzjarji korrispondenti mill-Pjan Operazzjonali tan-Network huma kif ġej:

Malta

2022

2023

2024

Miri fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kapaċità, espressi f’minuti ta’ dewmien tal-ATFM għal kull titjira

0,01

0,01

0,01

Valuri referenzjarji

0,01

0,01

0,01

(24)

Il-Kummissjoni tosserva li l-miri tal-kapaċità proposti minn Malta huma ugwali għall-valuri referenzjarji nazzjonali korrispondenti għal kull sena mill-2022 sal-2024.

(25)

Il-Kummissjoni tinnota li fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni, Malta ppreżentat miżuri biex jintlaħqu l-miri tal-kapaċità lokali en route. Dawk il-miżuri jinkludu żieda fl-għadd ta’ ekwivalenti full-time tal-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru sa tmiem l-RP3 u l-implimentazzjoni tal-ispazju tal-ajru b’rotot liberi.

(26)

Abbażi tas-sejbiet stabbiliti fil-Premessi (23) sa (25), jenħtieġ li l-miri inklużi fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni ta’ Malta jitqiesu konsistenti mal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kapaċità.

Rieżami tal-abbozzi tal-miri tal-kapaċità għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fit-terminal

(27)

Fir-rigward tal-ajruporti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317 kif stabbilit fl-Artikolu 1(3) u (4) ta’ dak ir-Regolament, il-Kummissjoni kkomplementat il-valutazzjoni tagħha tal-miri tal-kapaċità en route billi jiġu riveduti l-miri tal-kapaċità għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fit-terminal f’konformità mal-punt 2.1.(b) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317. Ma nstabx li dawk l-abbozzi tal-miri jqajmu tħassib fir-rigward ta’ Malta.

Valutazzjoni tal-miri tal-prestazzjoni riveduti fil-qasam ewlieni ta’ prestazzjoni tal-kosteffiċjenza

(28)

Fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/728, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miri tal-kosteffiċjenza en route inklużi fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni ta’ Malta ppreżentat fl-2021 kienu inkonsistenti mal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha. Malta pproponiet miri riveduti tal-kosteffiċjenza en route bħala parti mill-abbozz rivedut tal-pjan tal-prestazzjoni tagħha.

(29)

It-tabella ta’ hawn taħt turi l-miri inizjali ta’ prestazzjoni tal-kosteffiċjenza en route tal-RP3 għaż-żona tal-imposti ta’ Malta, kif jinsabu fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni mressaq fl-2021, u l-miri tal-prestazzjoni riveduti korrispondenti li jinsabu fl-abbozz rivedut tal-pjan tal-prestazzjoni ppreżentat fl-2022.

Żona tal-imposti en route ta’ Malta

Valur bażi tal-2014

Valur bażi tal-2019

2020 - 2021

2022

2023

2024

Il-miri inizjali tal-kosteffiċjenza en route (li jinsabu fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni mressaq fl-2021), espressi bħala kost unitarju ddeterminat en route (f’termini reali fil-prezzijiet tal-2017)

21,50 EUR

22,98 EUR

44,08 EUR

31,85 EUR

24,83 EUR

24,85 EUR

Miri riveduti tal-kosteffiċjenza en route (li jinsabu fl-abbozz rivedut tal-pjan tal-prestazzjoni), espressi bħala kost unitarju ddeterminat en route (f’termini reali fil-prezzijiet tal-2017)

21,50 EUR

22,98 EUR

44,08 EUR

27,44 EUR

21,61 EUR

22,09 EUR

(30)

Il-Kummissjoni tosserva li Malta rrevediet il-miri tal-kosteffiċjenza lokali tagħha għall-perjodu ta’ żmien mill-2022 sal-2024, li meta mqabbel mal-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni mressaq fl-2021, jirriżulta f’kost unitarju determinat kumplessiv (“DUC”) aktar baxx b’12,3 % matul dawk it-tliet snin u aktar baxx b’8,7 % matul l-RP3 kollu kemm hu. Dak it-tnaqqis tad-DUC jirriżulta kemm mis-suppożizzjonijiet aġġornati tat-traffiku użati fl-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni għal kull sena mill-2022 sal-2024 kif ukoll mir-reviżjoni ’l isfel tal-kostijiet determinati espressi f’termini reali fil-prezzijiet tal-2017.

(31)

Il-bidliet fit-tbassir tat-traffiku għal kull sena mill-2022 sal-2024 huma ppreżentati fit-tabella ta’ hawn taħt. Il-Kummissjoni tinnota li t-tbassir tat-traffiku użat fl-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni huwa bbażat fuq it-tbassir bażi tat-traffiku ta’ STATFOR tal-Eurocontrol ta’ Ġunju 2022.

Żona tal-imposti en route ta’ Malta

2022

2023

2024

Tbassir inizjali tat-traffiku (li jinsab fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni mressaq fl-2021), espress f’eluf ta’ unitajiet ta’ servizzi en route

714

957

1 002

Tbassir aġġornat tat-traffiku (li jinsab fl-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni), espress f’eluf ta’ unitajiet ta’ servizzi en route

811

1 006

1 044

Differenza

+13,6  %

+5,1  %

+4,3  %

(32)

Il-kostijiet determinati riveduti għall kull sena mill-2022 sal-2024, espressi f’termini reali fil-prezzijiet tal-2017, huma murija fit-tabella ta’ hawn taħt.

Żona tal-imposti en route ta’ Malta

2022

2023

2024

Kostijiet determinati inizjali f’termini reali fil-prezzijiet tal-2017 (inklużi fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni mressaq fl-2021)

23 M EUR

24 M EUR

25 M EUR

Kostijiet determinati riveduti f’termini reali fil-prezzijiet tal-2017 (inklużi fl-abbozz rivedut tal-pjan tal-prestazzjoni)

22 M EUR

22 M EUR

23 M EUR

Differenza

-2,2  %

-8,5  %

-7,4  %

(33)

L-abbozz rivedut tal-pjan tal-prestazzjoni jinkludi prospettiva aġġornata tal-inflazzjoni għal Malta għal kull sena kalendarja mill-2022 sal-2024, kif deskritt fit-tabella ta’ hawn taħt.

Żona tal-imposti en route ta’ Malta

2022

2023

2024

Indiċi tal-inflazzjoni inizjali, bil-bidla mbassra minn sena għal sena fl-inflazzjoni fil-parentesi (data li tinsab fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni mressaq fl-2021)

106,7

(1,8  %)

108,8

(2,0  %)

111,0

(2,0  %)

Indiċi tal-inflazzjoni rivedut, b’bidla minn sena għal sena fl-inflazzjoni fil-parentesi (data li tinsab fl-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni)

109,7

(4,7  %)

112,8

(2,8  %)

115,1

(2,1  %)

(34)

Minħabba l-aġġornament tal-prospettiva tal-inflazzjoni, il-kostijiet iddeterminati riveduti f’termini nominali għas-sena 2022 baqgħu fil-biċċa l-kbira l-istess. Madankollu, il-Kummissjoni tosserva li Malta rrevediet ’l isfel il-kostijiet iddeterminati nominali għas-snin 2023 u 2024.

Żona tal-imposti en route ta’ Malta

2022

2023

2024

Kostijiet determinati inizjali f’termini nominali (inklużi fl-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni ppreżentat fl-2021)

24 M EUR

25 M EUR

27 M EUR

Kostijiet determinati riveduti f’termini nominali (inklużi fl-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni)

24 M EUR

24 M EUR

26 M EUR

Differenza

-0,2  %

-5,8  %

-4,5  %

(35)

Il-Kummissjoni vvalutat il-konsistenza tal-miri riveduti tal-kosteffiċjenza proposti għaż-żona tal-imposti en route ta’ Malta abbażi tal-kriterji stabbiliti fil-punti 1.4(a), (b) u (c) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317.

(36)

Fir-rigward tal-kriterju stabbilit fil-punt 1.4(a) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni tosserva li x-xejra tad-DUC en route fil-livell taż-żona tal-imposti ta’ -1,0 % matul l-RP3 tisboq ix-xejra mal-Unjoni kollha ta’ +1,0 % matul l-istess perjodu. Il-Kummissjoni tinnota li dan jikkostitwixxi titjib mix-xejra tad-DUC ta’ +2,0 % ikkalkolata abbażi tal-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni mressaq fl-2021.

(37)

Fir-rigward tal-kriterju stabbilit fil-punt 1.4(b) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni tosserva li x-xejra fit-tul tad-DUC en route fil-livell taż-żona tal-imposti matul it-tieni perjodu ta’ referenza (“RP2”) u l-RP3 ta’ +0,3 % hija anqas tajba mix-xejra fit-tul mal-Unjoni kollha ta’ -1,3 % matul l-istess perjodu. Il-Kummissjoni tinnota li dan, madankollu, jikkostitwixxi titjib mix-xejra fit-tul tad-DUC ta’ +1,6 % ikkalkolata abbażi tal-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni ppreżentat fl-2021.

(38)

Fir-rigward tal-kriterju stabbilit fil-punt 1.4(c) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni tosserva li l-valur ta’ bażi tad-DUC ta’ EUR 22,98 ta’ Malta f’EUR2017 huwa 19,7 % inqas mill-valur ta’ bażi medju ta’ EUR 28,64 fl-2017 tal-grupp komparatur rilevanti.

(39)

Kif speċifikat fil-Premessa (36), il-miri tal-kosteffiċjenza riveduti ta’ Malta jirriżultaw f’xejra tad-DUC matul l-RP3 li tisboq b’mod sinifikanti x-xejra korrispondenti mal-Unjoni kollha u turi tnaqqis tad-DUC matul il-perjodu referenzjarju. Barra minn hekk, b’referenza għall-Premessa (38), Malta turi prestazzjoni tajba tal-kosteffiċjenza fir-rigward tal-valur ta’ bażi tagħha għall-2019, li huwa ferm aktar baxx mill-medja korrispondenti tal-grupp komparatur. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tinnota li Malta rrevediet ’l isfel il-kostijiet iddeterminati għall-RP3 kemm f’termini reali kif ukoll nominali, filwaqt li qed tippjana li sservi traffiku addizzjonali abbażi tal-previżjoni tat-traffiku aġġornata għall-RP3. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li d-devjazzjoni mix-xejra tad-DUC fit-tul mal-Unjoni kollha osservata fil-premessa (37) ma tipprekludix l-istabbiliment ta’ konsistenza mal-miri tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza mal-Unjoni kollha fir-rigward ta’ Malta.

(40)

Wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tinnota li Malta indirizzat b’mod adegwat ir-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/728.

(41)

Abbażi tas-sejbiet stabbiliti fil-Premessi (29) sa (40), jenħtieġ li l-miri proposti inklużi fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni ta’ Malta jitqiesu konsistenti mal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza.

Rieżami tal-miri tal-kosteffiċjenza għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fit-terminal

(42)

Fir-rigward tal-ajruporti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317 kif stabbilit fl-Artikolu 1(3) u (4) ta’ dak ir-Regolament, il-Kummissjoni kkomplementat il-valutazzjoni tagħha tal-abbozzi tal-miri tal-kosteffiċjenza en route bir-rieżami tal-abbozzi tal-miri tal-kosteffiċjenza għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fit-terminal f’konformità mal-punt 2.1(c) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317.

(43)

Fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/728, il-Kummissjoni qajmet tħassib dwar il-miri tal-kosteffiċjenza fit-terminal proposti minn Malta fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni ppreżentat fl-2021, u qieset li Malta jenħtieġ li tiġġustifika aktar dawk il-miri jew tirrevedihom ’l isfel. Madankollu, il-Kummissjoni tinnota li Malta, għall-kuntrarju, irrevediet dawk il-miri ’l fuq, ħlief għas-sena 2023, mingħajr ma pprovdiet ġustifikazzjonijiet relatati.

(44)

Il-Kummissjoni tosserva li x-xejra tad-DUC fit-terminal ta’ Malta ta’ +5,0 % matul l-RP3 għadha ogħla mix-xejra tad-DUC en route ta’ -1,0 % matul l-RP3 u għadha ogħla mix-xejra reali tad-DUC fit-terminal ta’ + 0,6 % osservata matul l-RP2. Barra minn hekk, ix-xejra tad-DUC fit-terminal RP3 marret għall-agħar meta mqabbla mal-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni ppreżentat fl-2021, li fih ġiet osservata xejra tad-DUC fit-terminal ta’ +4,3 %.

(45)

Abbażi tas-sejbiet fil-Premessi (43) u (44), il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miri riveduti tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza fit-terminal ta’ Malta għadhom iqajmu tħassib. Għalhekk, il-Kummissjoni ttenni l-fehma tagħha, kif stabbilit fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/728, li Malta jenħtieġ li tirrevedi ’l isfel dawk il-miri jew tipprovdi ġustifikazzjonijiet adegwati għal dawk il-miri, inkluż għaż-żidiet addizzjonali fil-kostijiet applikati fis-snin 2022 u 2024. Il-Kummissjoni tistieden lil Malta tindirizza din l-osservazzjoni b’rabta mal-adozzjoni tal-pjan tal-prestazzjoni finali tagħha f’konformità mal-Artikolu 16, il-punt (a) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317.

Rieżami tal-iskemi ta’ inċentivi msemmija fl-Artikolu 11 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317 li jikkomplementa l-valutazzjoni mill-Kummissjoni tal-miri tal-kapaċità

(46)

F’konformità mal-punt 2.1(f) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, b’rabta mal-valutazzjoni tal-miri tal-kapaċità lokali, il-Kummissjoni rrieżaminat l-iskemi ta’ inċentivi li jinsabu fl-abbozz rivedut tal-pjan tal-prestazzjoni ta’ Malta. Il-Kummissjoni eżaminat, b’mod partikolari, jekk dawk l-iskemi ta’ inċentivi jissodisfawx ir-rekwiżiti sostantivi stabbiliti fl-Artikolu 11(1) u (3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317. Il-Kummissjoni tinnota li Malta ma għamlet l-ebda bidla f’dawk l-iskemi ta’ inċentivi meta mqabbla mal-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni ppreżentat fl-2021.

(47)

Fir-rigward tal-iskemi ta’ kapaċità fit-terminal en route proposti minn Malta, abbażi tal-parir espert ipprovdut mill-korp ta’ rieżami tal-prestazzjoni, il-Kummissjoni għandha dubji kbar dwar jekk l-iżvantaġġi finanzjarji massimi proposti, li jammontaw għal 0,5 % u għal 0,25 % tal-kostijiet determinati rispettivament, humiex se jkollhom xi impatt materjali fuq id-dħul f’riskju, kif meħtieġ skont il-punt (a) tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317.

(48)

Għalhekk, jenħtieġ li l-Malta tirrevedi, b’rabta mal-adozzjoni tal-pjan tal-prestazzjoni finali tagħha f’konformità mal-Artikolu 16, il-punt (a) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, l-iskemi ta’ inċentivi tagħha għall-ilħuq tal-miri tal-kapaċità en route u fit-terminal sabiex l-iżvantaġġi finanzjarji massimi li jirriżultaw minn dawk l-iskemi ta’ inċentivi jiġu stabbiliti f’livell li jkollu impatt materjali fuq id-dħul f’riskju, kif meħtieġ b’mod dirett skont l-Artikolu 11(3), il-punt (a) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, li fil-fehma tal-Kummissjoni jenħtieġ li jwassal għal żvantaġġ finanzjarju massimu li jkun daqs jew ogħla minn 1 % tal-kostijiet determinati.

KONKLUŻJONIJIET

(49)

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni ssib li l-miri tal-prestazzjoni li jinsabu fl-abbozz rivedut tal-pjan tal-prestazzjoni mressaq minn Malta huma konsistenti mal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-miri tal-prestazzjoni li jinsabu fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni mressaq minn Malta, skont ir-Regolament (KE) Nru 549/2004, u elenkati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni, huma konsistenti mal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għat-tielet perjodu referenzjarju stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/891.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika ta’ Malta.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Diċembru 2022.

Għall-Kummissjoni

Adina VĂLEAN

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 96, 31.3.2004, p. 1.

(2)   ĠU L 56, 25.2.2019, p. 1.

(3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/903 tad-29 ta’ Mejju 2019 li tistabbilixxi l-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għan-network tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru għat-tielet perjodu ta’ referenza li jibda fl-1 ta’ Jannar 2020 u li jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2024 (ĠU L 144, 3.6.2019, p. 49).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1627 tat-3 ta’ Novembru 2020 dwar miżuri eċċezzjonali għat-tielet perjodu ta’ referenza (2020-2024) tal-iskema ta’ prestazzjoni u imposti tal-ajru uniku Ewropew minħabba l-pandemija tal-COVID-19 (ĠU L 366, 4.11.2020, p. 7).

(5)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/891 tat-2 ta’ Ġunju 2021 li tistabbilixxi l-miri tal-prestazzjoni riveduti mal-Unjoni kollha għan-network tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru għat-tielet perjodu referenzjarju (2020-2024) u li tħassar id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/903 (ĠU L 195, 3.6.2021, p. 3).

(6)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/728 tat-13 ta’ April 2022 dwar l-inkonsistenza ta’ ċerti miri tal-prestazzjoni li jinsabu fl-abbozzi tal-pjanijiet tal-prestazzjoni tal-blokok ta’ spazju tal-ajru nazzjonali u funzjonali ppreżentati mill-Belġju, mill-Ġermanja, mill-Greċja, minn Franza, minn Ċipru, mil-Latvja, mil-Lussemburgu, minn Malta, min-Netherlands, mir-Rumanija, u mill-Iżvezja skont ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill mal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għat-tielet perjodu referenzjarju u li tistabbilixxi rakkomandazzjonijiet għar-reviżjoni ta’ dawk il-miri (ĠU L 135, 12.5.2022, p. 4).


ANNESS

Miri tal-prestazzjoni inklużi fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni, imressqa mil-Litwanja skont ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 li nstabu li huma konsistenti mal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għat-tielet perjodu referenzjarju

QASAM EWLIENI TAL-PRESTAZZJONI TAS-SIKUREZZA

Effettività tal-ġestjoni tas-sikurezza

Malta

Miri dwar l-effettività tal-ġestjoni tas-sikurezza, espressi bħala livell ta’ implimentazzjoni, li jvarjaw mil-livell A sa D tal-EASA

Fornitur tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru kkonċernat

Objettiv tal-ġestjoni tas-sikurezza

2022

2023

2024

MATS

Politika u objettivi tas-sikurezza

C

C

D

Ġestjoni tar-riskju għas-sikurezza

C

C

D

Assigurazzjoni tas-sikurezza

C

C

D

Promozzjoni tas-sikurezza

C

C

D

Kultura tas-sikurezza

C

C

C

QASAM EWLIENI TAl-PRESTAZZJONI TAL-AMBJENT

Effiċjenza tat-titjir medja orizzontali en route tat-trajettorja reali

Malta

2022

2023

2024

Miri fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-ambjent, espressi bħala l-effiċjenza tat-titjir medja orizzontali en route tat-trajettorja reali

1,80  %

1,80  %

1,80  %

QASAM EWLIENI TAL-PRESTAZZJONI TAL-KAPAĊITÀ

Dewmien medju tal-ATFM en route f’minuti għal kull titjira

Malta

2022

2023

2024

Miri fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kapaċità, espressi f’minuti ta’ dewmien tal-ATFM għal kull titjira

0,01

0,01

0,01

QASAM EWLIENI TAL-PRESTAZZJONI TAL-KOSTEFFIĊJENZA

Kost unitarju determinat għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru en route

Żona tal-imposti en route ta’ Malta

Valur bażi tal-2014

Valur bażi tal-2019

2020 - 2021

2022

2023

2024

Miri riveduti tal-kosteffiċjenza en route, espressi bħala kost unitarju determinat en route (f’termini reali bil-prezzijiet tal-2017)

21,50 EUR

22,98 EUR

44,08 EUR

27,44 EUR

21,61 EUR

22,09 EUR