6.12.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 314/99 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/2378
tat-2 ta’ Diċembru 2022
dwar l-estensjoni tal-azzjoni li ħa l-Health and Safety Executive tar-Renju Unit li tippermetti t-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodott bijoċidali Biobor JF f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(notifikata bid-dokument C(2022) 8678)
(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 55(1), it-tielet subparagrafu tiegħu, flimkien mal-Artikolu 5(4) tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,
Billi:
(1) |
Fit-28 ta’ April 2022, il-Health and Safety Executive tar-Renju Unit f’isem il-Health and Safety Executive tal-Irlanda ta’ Fuq (“l-awtorità kompetenti tar-Renju Unit”) adottat deċiżjoni f’konformità mal-Artikolu 55(1), l-ewwel subparagrafu tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 biex tippermetti sad-29 ta’ Ottubru 2022 it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodott bijoċidali Biobor JF għat-trattament antimikrobiku tat-tankijiet tal-fjuwil u tas-sistemi tal-fjuwil tal-inġenji tal-ajru fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq (“l-azzjoni”). F’konformità mal-Artikolu 55(1), it-tieni subparagrafu ta’ dak ir-Regolament, l-awtorità kompetenti tar-Renju Unit infurmat lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra bl-azzjoni u bil-ġustifikazzjoni tagħha. |
(2) |
Skont l-informazzjoni li tat l-awtorità kompetenti tar-Renju Unit, l-azzjoni kienet meħtieġa biex titħares is-saħħa pubblika. Il-kontaminazzjoni mikrobijoloġika tat-tankijiet tal-fjuwil u tas-sistemi tal-fjuwil tal-inġenji tal-ajru hija kkawżata minn mikroorganiżmi, bħall-batterji, il-moffa u l-ħmira, li jikbru fl-ilma qiegħed u jieħdu vantaġġ mill-idrokarburi fil-fjuwil fl-interfaċċa bejn il-fjuwil u l-ilma. Mingħajr trattament, il-kontaminazzjoni mikrobijoloġika tat-tankijiet tal-fjuwil u tas-sistemi tal-fjuwil tal-inġenji tal-ajru tista’ twassal għal funzjonament ħażin tal-magni tal-inġenji tal-ajru, u tipperikola l-ajrunavigabbiltà tagħhom, u b’hekk tipperikola s-sikurezza tal-passiġġieri u tal-ekwipaġġ. Il-prevenzjoni u t-trattament tal-kontaminazzjoni mikrobijoloġika, meta tiġi identifikata, huma għalhekk kruċjali sabiex jiġu evitati problemi operattivi tal-inġenji tal-ajru. |
(3) |
Biobor JF fih 2,2’-(1-metiltrimetilendiossi)bis-(4-metil-1,3,2-diossaborinan) (in-numru CAS 2665-13-6) u 2,2’-ossibis (4,4,6-trimetil-1,3,2-diossaborinan) (in-numru CAS 14697-50-8) bħala sustanzi attivi. Biobor JF huwa prodott bijoċidali tat-tip ta’ prodott 6, jiġifieri “preservattiv għall-prodotti matul il-ħżin”, kif iddefinit fl-Anness V tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. 2,2’-(1-metiltrimetilendiossi)bis-(4-metil-1,3,2-diossaborinan) u 2,2’-ossibis (4,4,6-trimetil-1,3,2-diossaborinan) ma ġewx evalwati għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 6. Billi dawk is-sustanzi mhumiex elenkati fl-Anness II tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1062/2014 (2), mhumiex inklużi fil-programm ta’ ħidma tal-evalwazzjoni sistematika tas-sustanzi attivi eżistenti kollha li hemm fil-prodotti bijoċidali msemmija fir-Regolament (UE) Nru 528/2012. Għaldaqstant, l-Artikolu 89 ta’ dak ir-Regolament ma japplikax għal dawk is-sustanzi attivi u dawn għandhom jiġu vvalutati u approvati qabel ma l-prodotti bijoċidali li jkunu fihom ikunu jistgħu jiġu awtorizzati wkoll fil-livell nazzjonali. |
(4) |
F’konformità mal-Artikolu 55(1), it-tielet subparagrafu tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, fil-5 ta’ Awwissu 2022, il-Kummissjoni rċeviet talba motivata mingħand l-awtorità kompetenti tar-Renju Unit biex l-azzjoni tiġi estiża fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq. It-talba motivata saret abbażi tat-tħassib li s-sikurezza tat-trasport tal-ajru tista’ tkompli tiġi pperikolata mill-kontaminazzjoni mikrobijoloġika tat-tankijiet tal-fjuwil u tas-sistemi tal-fjuwil tal-inġenji tal-arju u l-argument li l-Biobor JF huwa essenzjali sabiex tiġi kkontrollata tali kontaminazzjoni mikrobijoloġika. |
(5) |
Skont l-informazzjoni li tat l-awtorità kompetenti tar-Renju Unit l-uniku prodott bijoċidali alternattiv rakkomandat mill-manifatturi tal-inġenji tal-ajru u tal-magni tal-inġenji tal-ajru għat-trattament tal-kontaminazzjoni mikrobijoloġika (Kathon™ FP 1.5) ġie rtirat mis-suq f’Marzu tal-2020 minħabba anomaliji serji fl-imġiba fl-inġenji tal-ajru li kienu osservati wara t-trattament b’dak il-prodott. Għalhekk, Biobor JF huwa l-uniku prodott disponibbli għal dak l-użu rrakkomandat mill-manifatturi tal-inġenji tal-ajru u tal-magni tal-inġenji tal-ajru. |
(6) |
Kif indikat mill-awtorità kompetenti tar-Renju Unit, il-proċedura alternattiva għat-trattament ta’ kontaminazzjoni mikrobijoloġika eżistenti hija t-tneħħija manwali ġewwa t-tank wara t-tneħħija tal-fjuwil, u t-tindif tal-inġenju tal-ajru. Madankollu, dik il-proċedura mhux dejjem possibbli li taħdem u tkun tesponi lill-ħaddiema għal gassijiet tossiċi u għalhekk, jenħtieġ li tiġi evitata. |
(7) |
Skont l-informazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni, il-manifattur tal-Biobor JF ħa passi għall-awtorizzazzjoni regolari futura tal-prodott. Applikazzjoni għall-approvazzjoni tas-sustanzi attivi li fih il-Biobor JF hija mistennija li titressaq f’nofs l-2023. L-approvazzjoni tas-sustanzi attivi u l-awtorizzazzjoni sussegwenti tal-prodott bijoċidali jkunu jikkostitwixxu soluzzjoni permanenti għall-futur, iżda dawk il-proċeduri jkunu jeħtieġu ammont sinifikanti ta’ żmien biex jitlestew. |
(8) |
Peress li n-nuqqas ta’ kontroll tal-kontaminazzjoni mikrobijoloġika tat-tankijiet tal-fjuwil tal-inġenji tal-ajru u tas-sistemi tal-fjuwil jista’ jipperikola s-sikurezza tat-trasport bl-ajru u dak il-periklu ma jistax jitrażżan b’mod adegwat bl-użu ta’ prodott bijoċidali ieħor jew b’mezzi oħra, huwa xieraq li l-awtorità kompetenti tar-Renju Unit titħalla testendi l-azzjoni fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq. |
(9) |
Peress li l-azzjoni skadiet fid-29 ta’ Ottubru 2022, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tapplika b’mod retroattiv. |
(10) |
Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Health and Safety Executive tar-Renju Unit, li jaġixxi f’isem il-Health and Safety Executive tal-Irlanda ta’ Fuq, jista’ jestendi sat-2 ta’ Mejju 2024 il-permess għat-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodott bijoċidali Biobor JF għat-trattament antimikrobiku tat-tankijiet tal-fjuwil u tas-sistemi tal-fjuwil tal-inġenji tal-ajru, fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Health and Safety Executive tar-Renju Unit, li taġixxi f’isem il-Health and Safety Executive tal-Irlanda ta’ Fuq.
Għandha tapplika mit-30 ta’ Ottubru 2022.
Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Diċembru 2022.
Għall-Kummissjoni
Stella KYRIAKIDES
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1.
(2) Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1062/2014 tal-4 ta’ Awwissu 2014 dwar il-programm ta’ ħidma għall-evalwazzjoni sistematika tas-sustanzi attivi bijoċidali kollha li jeżistu fil-prodotti bijoċidali msemmijin fir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 294, 10.10.2014, p. 1).