2.12.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 311/145


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2022/2352

tal-1 ta’ Diċembru 2022

dwar miżura ta’ assistenza taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi biex tappoġġa l-Forzi tad-Difiża Georgjani

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 28(1) u 41(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 (1) tistabbilixxi l-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF) għall-finanzjament mill-Istati Membri tal-azzjonijiet tal-Unjoni fil-qafas tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni biex tinżamm il-paċi, jiġu pprevenuti l-konflitti u tissaħħaħ is-sigurtà internazzjonali skont l-Artikolu 21(2), il-punt (c), tat-Trattat. B’mod partikolari, skont l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, l-EPF għandha tintuża għall-finanzjament ta’ miżuri ta’ assistenza bħal azzjonijiet biex jissaħħu l-kapaċitajiet ta’ Stati terzi u organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali relatati ma’ kwistjonijiet militari u ta’ difiża.

(2)

L-Istrateġija Globali tal-2016 għall-Politika Estera u ta’ Sigurtà tal-Unjoni Ewropea tistabbilixxi l-objettivi li jikkonsistu fit-tisħiħ tas-sigurtà u d-difiża, fl-investiment fir-reżiljenza tal-Istati u s-soċjetajiet lejn il-Lvant tal-Unjoni, fl-iżvilupp ta’ approċċ integrat għall-konflitti u l-kriżijiet, fil-promozzjoni u fl-appoġġ ta’ ordnijiet reġjonali ta’ kooperazzjoni, u fit-tisħiħ ta’ governanza globali bbażata fuq id-dritt internazzjonali, inkluż il-konformità mad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali.

(3)

Fil-21 ta’ Marzu 2022, l-Unjoni approvat il-Boxxla Strateġika, bl-objettiv li ssir fornitur tas-sigurtà aktar b’saħħtu u aktar kapaċi, inkluż permezz tal-użu akbar tal-EPF b’appoġġ għall-kapaċitajiet ta’ difiża tas-sħab.

(4)

L-Unjoni hija impenjata għal relazzjoni mill-qrib b’appoġġ għal Georgia b’saħħitha, indipendenti u prospera, abbażi tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u l-Georgia, min-naħa l-oħra (2) (“il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni”), inkluż iż-Żona ta’ Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva, u għall-promozzjoni ta’ assoċjazzjoni politika u integrazzjoni ekonomika filwaqt li tappoġġa bis-sħiħ l-integrità territorjali tal-Georgia fi ħdan il-fruntieri tagħha rikonoxxuti internazzjonalment. Skont l-Artikolu 5 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, l-Unjoni u l-Georgia għandhom jintensifikaw id-djalogu u l-kooperazzjoni tagħhom u jippromwovu konverġenza gradwali fil-qasam tal-politika estera u ta’ sigurtà, inkluż il-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni (PSDK), u għandhom jindirizzaw b’mod partikolari kwistjonijiet ta’ prevenzjoni tal-kunflitti, ir-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti u l-ġestjoni tal-kriżijiet, l-istabbiltà reġjonali, id-diżarm, in-nonproliferazzjoni, il-kontroll tal-armi u l-kontroll tal-esportazzjonijiet.

(5)

L-Unjoni tirrikonoxxi l-kontribut importanti tal-Georgia għall-PSDK tal-Unjoni, inkluż il-kontribut kontinwu tal-Georgia għall-missjonijiet tal-PSDK ta‘ ġestjoni ta’ kriżijiet fir-Repubblika Ċentru-Afrikana u fir-Repubblika tal-Mali.

(6)

Din id-Deċiżjoni tibni fuq id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/2134 (3) fir-rigward tal-impenn kontinwu tal-Unjoni biex tappoġġa t-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-Forzi tad-Difiża Georgjani f’oqsma li jeħtieġu prijorità.

(7)

Fit-13 ta’ Mejju 2022, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (“ir-Rappreżentant Għoli”) irċieva talba mill-Georgiabiex l-Unjoni tappoġġa lill-Forzi tad-Difiża Georgjani billi ssaħħaħ il-kapaċitajiet tas-servizzi mediċi-militari, tal-inġinerija, tal-mobbiltà u tad-difiża ċibernetika.

(8)

Il-miżuri ta’ assistenza għandhom jiġu implimentati filwaqt li jittieħed kont tal-prinċipji u r-rekwiżiti stabbiliti fid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, b’mod partikolari tal-konformità mal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK (4), u f’konformità mar-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u l-infiq iffinanzjat fl-ambitu tal-EPF.

(9)

Il-Kunsill jafferma mill-ġdid id-determinazzjoni tiegħu li jipproteġi, jippromwovi u jissodisfa d-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u l-prinċipji demokratiċi u li jsaħħaħ l-istat tad-dritt u l-governanza tajba, f’konformità mal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, mad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u mad-dritt internazzjonali, b’mod partikolari d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Twaqqif, objettivi, kamp ta’ applikazzjoni u durata

1.   Hija b’dan stabbilita miżura ta’ assistenza li tibbenefika minnha l-Georgia (il-“benefiċjarju”) li għandha tiġi ffinanzjata mill-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF) (il-“miżura ta’ assistenza”).

2.   L-objettiv ġenerali tal-miżura ta’ assistenza huwa li tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-Forzi tad-Difiża Georgjani biex jissaħħu s-sigurtà nazzjonali, l-istabbiltà u r-reżiljenza fis-settur tad-difiża, f’konformità mal-politika tal-Unjoni dwar il-Georgia. Filwaqt li tibni fuq l-appoġġ preċedenti pprovdut mill-EPF, il-miżura ta’ assistenza ser tippermetti li l-Forzi tad-Difiża Georgjani jtejbu l-effettività operazzjonali, jaċċelleraw il-konformità mal-istandards u l-interoperabbiltà tal-Unjoni, u b’hekk jipproteġu aħjar lill-persuni ċivili fi kriżijiet u emerġenzi. Hija ser issaħħaħ ukoll il-kapaċitajiet tal-benefiċjarju fir-rigward tal-parteċipazzjoni tiegħu f’missjonijiet u operazzjonijiet militari tal-PSDK tal-Unjoni kif ukoll f’operazzjonijiet multinazzjonali oħra. L-objettiv speċifiku tal-miżura ta’ assistenza huwa li jissaħħu l-kapaċitajiet tal-unitajiet mediċi-militari, tal-inġinerija, tal-mobbiltà u tad-difiża ċibernetika tal-Forzi tad-Difiża Georgjani.

3.   Sabiex jintlaħqu l-objettivi msemmija fil-paragrafu 2, il-miżura ta’ assistenza għandha tiffinanzja l-forniment tat-tagħmir li ġej li mhux maħsub li jillibera forza letali, provvisti u servizzi, inkluż taħriġ relatat mat-tagħmir lill-unitajiet tal-komponent tal-Forzi tal-Art tal-Forzi tad-Difiża Georgjani appoġġati taħt il-miżura ta’ assistenza:

(a)

tagħmir mediku-militari;

(b)

tagħmir tal-inġinerija;

(c)

tagħmir għall-mobbiltà;

(d)

tagħmir tad-difiża ċibernetika.

4.   Id-durata tal-miżura ta’ assistenza għandu jkun ta’ 36 xahar mid-data tal-konklużjoni tal-ewwel kuntratt bejn l-amministratur għall-miżuri ta’ assistenza, li jaġixxi bħala uffiċjal ta’ awtorizzazzjoni, u l-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 4(2) ta’ din id-Deċiżjoni f’konformità mal-Artikolu 32(2), il-punt (a), tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509.

5.   Il-kuntratt għall-implimentazzjoni tal-miżura ta’ assistenza għandu jiġi konkluż mhux qabel ma tkun ġiet adottata emenda tar-Regoli ta’ Implimentazzjoni tal-EPF mill-Kumitat tal-Faċilità.

Artikolu 2

Arranġamenti finanzjarji

1.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa marbuta mal-miżura ta’ assistenza għandu jkun ta’ EUR 20 000 000.

2.   In-nefqa kollha għandha tiġi ġestita f’konformità mad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 u mar-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u l-infiq iffinanzjat taħt l-EPF.

Artikolu 3

Arranġamenti mal-benefiċjarju

1.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jagħmel l-arranġamenti neċessarji mal-benefiċjarju biex jiżgura l-konformità ta’ dan tal-aħħar mar-rekwiżiti u l-kondizzjonijiet stabbiliti b’din id-Deċiżjoni, bħala kondizzjoni għall-għoti ta’ appoġġ taħt il-miżura ta’ assistenza.

2.   L-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li jobbligaw lill-benefiċjarju jiżgura:

(a)

il-konformità tal-unitajiet tal-Forzi tad-Difiża Georgjani appoġġati taħt il-miżura ta’ assistenza mad-dritt internazzjonali rilevanti, b’mod partikolari d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali;

(b)

l-użu xieraq u effiċjenti tal-assi kollha pprovduti taħt il-miżura ta’ assistenza għall-iskopijiet li għalihom ikunu ġew ipprovduti;

(c)

il-manutenzjoni suffiċjenti tal-assi kollha pprovduti taħt il-miżura ta’ assistenza biex tiġi żgurata l-użabilità tagħhom u d-disponibbiltà operazzjonali tagħhom matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom;

(d)

li l-assi kollha pprovduti taħt il-miżura ta’ assistenza mhux ser jintilfu, jew li mhux ser jiġu ttrasferiti mingħajr il-kunsens tal-Kumitat tal-Faċilità stabbilit skont id-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 lil persuni jew entitajiet għajr dawk identifikati f’dawk l-arranġamenti, fi tmiem iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom.

3.   L-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu dispożizzjonijiet dwar is-sospensjoni u t-terminazzjoni tal-appoġġ taħt il-miżura ta’ assistenza f’każ li l-benefiċjarju jinstab li jkun kiser l-obbligi stabbiliti fil-paragrafu 2.

Artikolu 4

Implimentazzjoni

1.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jkun responsabbli li jiżgura l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni f’konformità mad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 u mar-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u l-infiq iffinanzjat taħt l-EPF, f’konformità mal-Qafas Metodoloġiku Integrat għall-valutazzjoni u l-identifikazzjoni tal-miżuri u l-kontrolli meħtieġa għall-miżuri ta’ assistenza taħt l-EPF.

2.   L-implimentazzjoni tal-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1(3) għandha titwettaq minn:

(a)

id-Deutsche Gesellschaft für Internationale Zusammenarbeit (GIZ) fir-rigward tal-Artikolu 1(3), il-punti (a), (b) u (c); u

(b)

l-Akkademja tal-Governanza elettronika fir-rigward tal-Artikolu 1(3), il-punt (d).

Artikolu 5

Monitoraġġ, kontroll u evalwazzjoni

1.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jimmonitorja l-konformità tal-benefiċjarju mal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 3. Dak il-monitoraġġ għandu jintuża biex jipprovdi għarfien tal-kuntest u r-riskji tal-ksur tal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 3, u biex jikkontribwixxi għall-prevenzjoni ta’ tali ksur, inkluż ksur tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali mill-unitajiet tal-Forzi tad-Difiża Georgjani appoġġati taħt il-miżura ta’ assistenza.

2.   Il-kontroll ta’ wara t-trasportazzjoni ta’ tagħmir u provvisti għandu jiġi organizzat kif ġej:

(a)

verifika tal-kunsinna, fejn iċ-ċertifikati tal-kunsinna għandhom jiġu ffirmati mill-forzi tal-utent aħħari mat-trasferiment tas-sjieda;

(b)

rappurtar dwar l-inventarju, fejn il-benefiċjarju għandu jirrapporta kull sena dwar l-inventarju ta’ oġġetti deżinjati sakemm tali rappurtar ma jibqax jitqies meħtieġ mill-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS);

(c)

kontroll fuq il-post, fejn il-benefiċjarju għandu jagħti lir-Rappreżentant Għoli aċċess biex iwettaq kontroll fuq il-post wara li ssir talba.

3.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jwettaq evalwazzjoni, fil-forma tal-ewwel valutazzjoni strutturata tal-miżura ta’ assistenza, sitt xhur wara l-ewwel kunsinna ta’ tagħmir. Dan jista’ jinvolvi żjarat fuq il-post biex jiġi ċċekkjat it-tagħmir, il-provvisti u s-servizzi ikkonsenjati taħt il-Miżura ta’ Assistenza, jew kwalunkwe forma oħra ta’ informazzjoni pprovduta indipendentement. Għandha ssir evalwazzjoni finali mat-tlestija tal-kunsinna ta’ tagħmir, provvisti u servizzi taħt il-miżura ta’ assistenza sabiex jiġi vvalutat jekk l-miżura ta’ assistenza tkunx ikkontribwiet sabiex jintlaħqu l-objettivi ddikjarati.

Artikolu 6

Rappurtar

Matul il-perjodu ta’ implimentazzjoni, ir-Rappreżentant Għoli għandu jipprovdi lill-KPS rapporti ta’ kull sitt xhur dwar l-implimentazzjoni tal-miżura ta’ assistenza, f’konformità mal-Artikolu 63 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509. L-amministratur għall-miżuri ta’ assistenza għandu jinforma regolarment lill-Kumitat tal-Faċilità stabbilit bid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 dwar l-implimentazzjoni tad-dħul u l-infiq skont l-Artikolu 38 ta’ dik id-Deċiżjoni, inkluż billi jipprovdi informazzjoni dwar il-fornituri u s-sottokuntratturi involuti.

Artikolu 7

Sospensjoni u terminazzjoni

1.   Il-KPS jista’ jiddeċiedi li jissospendi kompletament jew parzjalment l-implimentazzjoni tal-miżura ta’ assistenza skont l-Artikolu 64 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509.

2.   Il-KPS jista’ jirrakkomanda li l-Kunsill itemm il-miżura ta’ assistenza.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ Diċembru 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

J. SÍKELA


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 tat-22 ta’ Marzu 2021 li tistabbilixxi Faċilità Ewropea għall-Paċi, u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2015/528 (ĠU L 102, 24.3.2021, p. 14).

(2)  ĠU L 261, 30.8.2014, p. 4.

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/2134 tat-2 ta’ Diċembru 2021 dwar miżura ta’ assistenza taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi biex tappoġġa l-Forzi tad-Difiża Georgjani (ĠU L 432, 3.12.2021, p. 55).

(4)  Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta’ Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta’ esportazzjonijiet ta’ teknoloġija u tagħmir militari (ĠU L 335, 13.12.2008, p. 99).