|
2.12.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 311/138 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/2349
tal-21 ta’ Novembru 2022
li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati f’isem l-Unjoni Ewropea għal konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-intelliġenza artifiċjali, id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114, flimkien mal-Artikolu 218(3) u (4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Fl-2021, il-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa stabbilixxa Kumitat dwar l-Intelliġenza Artifiċjali (KIA) għall-perjodu 2022-2024, bil-kompitu li jistabbilixxi proċess ta’ negozjati internazzjonali sabiex jinħoloq qafas legali dwar l-iżvilupp, it-tfassil u l-applikazzjoni tal-intelliġenza artifiċjali (IA), abbażi tal-istandards tal-Kunsill tal-Ewropa dwar id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt, u li jiffavorixxi l-innovazzjoni. |
|
(2) |
Fit-30 ta’ Ġunju 2022, il-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa ta struzzjonijiet lill-KIA biex jipproċedi malajr bit-tfassil ta’ strument legalment vinkolanti ta’ natura trażversali, jew konvenzjoni jew konvenzjoni qafas, dwar l-IA, abbażi tal-istandards tal-Kunsill tal-Ewropa dwar id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt, f’konformità mat-termini ta’ referenza tiegħu, iffukat fuq prinċipji komuni ġenerali, li jiffavorixxi l-innovazzjoni, u jkun miftuħ għall-parteċipazzjoni minn Stati mhux membri, filwaqt li jqis oqfsa legali internazzjonali eżistenti rilevanti oħra jew oħrajn li qed jiġu żviluppati. |
|
(3) |
Sussegwentement, il-President tal-KIA ppropona abbozz żero ta’ konvenzjoni jew ta’ konvenzjoni qafas tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-intelliġenza artifiċjali, id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt (il-“konvenzjoni”). Dak l-abbozz żero jinkludi dispożizzjonijiet dwar l-iskop u l-għan, il-kamp ta’ applikazzjoni, id-definizzjonijiet, il-prinċipji fundamentali, inkluż salvagwardji proċedurali u d-drittijiet applikabbli għas-sistemi kollha tal-IA irrispettivament mil-livell tar-riskju tagħhom, miżuri addizzjonali għas-sistemi tal-IA fis-settur pubbliku u għas-sistemi tal-IA li joħolqu livelli “inaċċettabbli” u “sinifikanti” ta’ riskju, mekkaniżmu ta’ segwitu u ta’ kooperazzjoni, dispożizzjonijiet finali, inkluż il-possibbiltà li l-Unjoni taderixxi ma’ tali konvenzjoni, u appendiċi li għadu qed jinħoloq dwar metodoloġija għal valutazzjoni tar-riskju u tal-impatt tas-sistemi tal-IA. |
|
(4) |
L-Unjoni adottat regoli komuni li ser jintlaqtu mill-elementi meqjusin fir-rigward tal-konvenzjoni. Dawk l-elementi jinkludu b’mod partikolari sett komprensiv ta’ regoli fil-qasam tas-suq uniku għall-prodotti (1) u s-servizzi (2) li għalihom jistgħu jintużaw sistemi tal-IA, kif ukoll leġiżlazzjoni sekondarja tal-Unjoni (3) li timplimenta l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE (4), meta wieħed iqis li dawk id-drittijiet aktarx jintlaqtu ħażin f’ċerti ċirkostanzi mill-iżvilupp u l-użu ta’ ċerti sistemi tal-IA. |
|
(5) |
Barra minn hekk, fil-21 ta’ April 2021 il-Kummissjoni ppreżentat proposta leġiżlattiva għal Regolament li jistabbilixxi regoli armonizzati dwar l-IA, li bħalissa qed tiġi nnegozjata mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. Il-konvenzjoni tikkoinċidi fil-parti l-kbira ma’ dik il-proposta leġiżlattiva fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, peress li ż-żewġ strumenti jimmiraw li jistabbilixxu regoli applikabbli għat-tfassil, l-iżvilupp u l-applikazzjoni tas-sistemi tal-IA, ipprovduti u użati mill-entitajiet pubbliċi jew privati. |
|
(6) |
Għalhekk, il-konklużjoni tal-konvenzjoni tista’ taffettwa r-regoli komuni eżistenti u prevedibbli tal-Unjoni jew tista’ tbiddel il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom skont it-tifsira tal-Artikolu 3(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). |
|
(7) |
In-negozjati għandhom jinfetħu bil-għan tal-konklużjoni tal-konvenzjoni fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni, sabiex titħares l-integrità tal-liġi tal-Unjoni u jkun żgurat li r-regoli tad-dritt internazzjonali u tal-liġi tal-Unjoni jibqgħu konsistenti. |
|
(8) |
Huwa possibbli li l-konvenzjoni ser tistabbilixxi standards internazzjonali għoljin fir-rigward tar-regolamentazzjoni tal-IA b’impatt fuq id-drittijiet tal-bniedem, il-funzjonament tad-demokrazija u l-osservanza tal-istat tad-dritt, b’mod partikolari fid-dawl tal-ħidma li diġà twettqet mill-Kunsill tal-Ewropa f’dak il-qasam. |
|
(9) |
Jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tkun mingħajr preġudizzju għall-parteċipazzjoni tal-Istati Membri fin-negozjati għall-konvenzjoni u għal kwalunkwe deċiżjoni sussegwenti ta’ Stat Membru li tikkonkludi, tiffirma jew tirratifika l-konvenzjoni, jew għall-parteċipazzjoni tal-Istati Membri fin-negozjati għall-Unjoni biex taderixxi mal-konvenzjoni. |
|
(10) |
Is-sigurtà nazzjonali tibqa’ r-responsabbiltà unika ta’ kull Stat Membru f’konformità mal-Artikolu 4(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). Fl-implimentazzjoni tal-konvenzjoni, huma l-Istati Membri li għandhom jiddefinixxu, f’konformità mal-Artikolu 216(2) TFUE, l-interessi essenzjali tas-sigurtà tagħhom u li għandhom jadottaw miżuri xierqa sabiex jiżguraw is-sigurtà interna u esterna tagħhom filwaqt li ma jagħmlux il-liġi tal-Unjoni inapplikabbli jew jeżentawhom mill-obbligu tagħhom li jikkonformaw mal-liġi tal-Unjoni. |
|
(11) |
L-Istati Membri kollha huma wkoll Membri tal-Kunsill tal-Ewropa. Fid-dawl ta’ dik is-sitwazzjoni speċjali, jenħtieġ li l-Istati Membri preżenti fin-negozjati għal dik il-konvenzjoni, f’konformità mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni sinċiera msemmi fl-Artikolu 4(3) TUE, b’rispett reċiproku sħiħ, jappoġġaw lin-negozjatur tal-Unjoni fit-twettiq tal-kompiti li jirriżultaw mit-Trattati. |
|
(12) |
Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) u ta opinjoni fit-13 ta’ Ottubru 2022 (6), |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. Il-Kummissjoni hija b’dan awtorizzata tiftaħ negozjati, f’isem l-Unjoni, fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni, għal konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-intelliġenza artifiċjali, id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt.
2. In-negozjati għandhom jitmexxew abbażi tad-direttivi ta’ negozjar tal-Kunsill stabbiliti fl-addendum ta’ din id-Deċiżjoni, li jistgħu jiġu riveduti u żviluppati aktar kif xieraq skont l-evoluzzjoni tan-negozjati.
Artikolu 2
In-negozjati msemmija fl-Artikolu 1 għandhom jitmexxew f’konsultazzjoni mal-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Telekomunikazzjoni u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, li huwa b’dan maħtur bħala l-kumitat speċjali skont it-tifsira tal-Artikolu 218(4) TFUE.
Il-Kummissjoni għandha tirrapporta regolarment lill-kumitat speċjali msemmi fl-ewwel subparagrafu dwar il-passi meħuda skont din id-Deċiżjoni u tikkonsultah fuq bażi regolari.
Kull meta tkun mitluba mill-Kunsill, il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar it-twettiq u l-eżitu tan-negozjati, inkluż bil-miktub.
Sa fejn is-suġġett tan-negozjati jaqa’ parzjalment fil-kompetenza tal-Unjoni u parzjalment fil-kompetenza tal-Istati Membri tagħha, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jikkooperaw mill-qrib matul il-proċess ta’ negozjar, bil-ħsieb li tiġi żgurata l-unità fir-rappreżentanza esterna tal-Unjoni.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.
Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Novembru 2022.
Għall-Kunsill
Il-President
Z. NEKULA
(1) Id-Direttiva tal-Kunsill 85/374/KEE tal-25 ta’ Lulju 1985 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar responsabbiltà għall-prodotti difettużi (ĠU L 210, 7.8.1985, p. 29); id-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament u tal-Kunsill tat-3 ta’ Diċembru 2001 dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti (ĠU L 11, 15.1.2002, p. 4); id-Direttiva 2006/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar il-makkinarju, u li temenda d-Direttiva 95/16/KE (ĠU L 157, 9.6.2006, p. 24); id-Direttiva 2009/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2009 dwar is-sikurezza tal-ġugarelli (ĠU L 170, 30.6.2009, p. 1); id-Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri marbuta mat-tqegħid fis-suq ta’ tagħmir tar-radju u li tħassar id-Direttiva 1999/5/KE (ĠU L 153, 22.5.2014, p. 62); ir-Regolament (UE) 2017/745 tal-5 ta’ April 2017 dwar apparati mediċi, li jemenda d-Direttiva 2001/83/KE, ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 u r-Regolament (KE) Nru 1223/2009 u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 90/385/KEE u 93/42/KEE (ĠU L 117, 5.5.2017, p. 1); ir-Regolament (UE) 2019/2144 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 dwar rekwiżiti tal-approvazzjoni tat-tip għall-vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom, kif ukoll għas-sistemi, għall-komponenti u għall-unitajiet tekniċi separati maħsubin għat-tali vetturi, fir-rigward tas-sikurezza ġenerali tagħhom u tal-protezzjoni tal-okkupanti tal-vetturi u l-utenti vulnerabbli tat-triq, li jemenda r-Regolament (UE) 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 78/2009, (KE) Nru 79/2009 u (KE) Nru 661/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u tar-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 631/2009, (UE) Nru 406/2010, (UE) Nru 672/2010, (UE) Nru 1003/2010, (UE) Nru 1005/2010, (UE) Nru 1008/2010, (UE) Nru 1009/2010, (UE) Nru 19/2011, (UE) Nru 109/2011, (UE) Nru 458/2011, (UE) Nru 65/2012, (UE) Nru 130/2012, (UE) Nru 347/2012, (UE) Nru 351/2012, (UE) Nru 1230/2012 u (UE) 2015/166 (ĠU L 325, 16.12.2019, p. 1).
(2) Id-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku) (ĠU L 178, 17.7.2000, p. 1); id-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36); id-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU L 133, 22.5.2008, p. 66).
(3) Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta’ Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità (ĠU L 180, 19.7.2000, p. 22); id-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16); id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37); ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1); id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89).
(4) Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 326, 26.10.2012, p. 391).
(5) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).
(6) L-Opinjoni 20/2022 tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar ir-Rakkomandazzjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-ftuħ ta' negozjati f'isem l-Unjoni Ewropea għal konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-intelliġenza artifiċjali, id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).