|
28.11.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 307/142 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2022/2320
tal-25 ta’ Novembru 2022
dwar l-appoġġ tal-Unjoni għall-implimentazzjoni ta’ proġett “Iż-Żieda tal-potenzjal tal-Innovazzjoni: Teknoloġiji Abilitanti u Sigurtà Internazzjonali”
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 28(1) u 31(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,
Billi:
|
(1) |
“L-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta’ Sigurtà tal-Unjoni Ewropea” tal-2016 tenfasizza li l-Unjoni ser iżżid il-kontributi tagħha għas-sigurtà kollettiva. |
|
(2) |
L-Istrateġija tal-Unjoni tal-2018 kontra l-armi tan-nar, l-armi ħfief u ta’ kalibru żgħir illeċiti (SALW) u l-munizzjon tagħhom, intitolata “Aktar sigurtà fuq l-armi biex nipproteġu liċ-ċittadini”, innotat li l-Unjoni ser tuża l-istrumenti rilevanti biex tappoġġa r-riċerka u l-iżvilupp fil-qasam tat-teknoloġija affidabbli u kosteffikaċi biex is-SALW u l-munizzjon tagħhom jinżammu taħt sigurtà u jittaffa r-riskju ta’ devjazzjoni. Barra minn hekk, il-Kunsill, fil-konklużjonijiet tiegħu dwar l-adozzjoni ta’ dik l-Istrateġija, innota l-kuntest tas-sigurtà li evolva, inkluż it-theddid tat-terroriżmu fl-Unjoni u l-iżviluppi fid-disinn u t-teknoloġija tas-SALW li jaffettwaw il-kapaċità tal-gvernijiet li jindirizzaw dak it-theddid. |
|
(3) |
Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2018 intitolata “L-Intelliġenza Artifiċjali għall-Ewropa” tinnota li l-prinċipju ta’ gwida tal-appoġġ kollu għar-riċerka relatata mal-intelliġenza artifiċjali (IA) ser ikun l-iżvilupp ta’ “IA responsabbli”. Tinnota wkoll li, peress li l-IA hija faċilment kummerċjabbli b’mod transfruntiera, soluzzjonijiet globali biss ser ikunu sostenibbli f’dak il-qasam, u li l-Unjoni ser tħeġġeġ l-użu tal-IA, u tat-teknoloġiji b’mod ġenerali, biex jiġu solvuti sfidi globali, tiġi appoġġata l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi u jintlaħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti (NU). |
|
(4) |
Is-Segretarju Ġenerali tan-NU nnota fir-rapport tal-2021 “L-iżviluppi attwali fix-xjenza u t-teknoloġija u l-impatt potenzjali tagħhom fuq is-sigurtà internazzjonali u l-isforzi ta’ diżarm” it-tħassib dejjem jikber li l-iżviluppi fix-xjenza u t-teknoloġija ta’ rilevanza għas-sigurtà u d-diżarm qed jissuperaw l-oqfsa normattivi u ta’ governanza biex jinftiehmu u jiġu ġestiti r-riskji. |
|
(5) |
L-Unjoni tixtieq tikkontribwixxi għas-sigurtà kollettiva u l-potenzjal li tibbenefika mill-opportunitajiet li t-teknoloġiji ġodda jippreżentaw, kif ukoll li tindirizza l-isfidi li jippreżentaw, b’mod partikolari għas-sistema multilaterali ta’ diżarm u kontroll tal-armi. |
|
(6) |
L-Unjoni għandha tappoġġa l-implimentazzjoni ta’ proġett, “Iż-Żieda tal-potenzjal tal-Innovazzjoni: Teknoloġiji Abilitanti u Sigurtà Internazzjonali”, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. Bil-ħsieb tal-implimentazzjoni ta’ “l-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta’ Sigurtà tal-Unjoni”, u b’kont meħud tal-Istrateġija tal-Unjoni kontra l-armi tan-nar, l-armi ħfief u ta’ kalibru żgħir illeċiti u l-munizzjon tagħhom intitolata “Aktar Sigurtà fuq l-Armi biex Nipproteġu liċ-Ċittadini” kif ukoll il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “L-Intelliġenza Artifiċjali għall-Ewropa”, l-Unjoni għandha tappoġġa l-implimentazzjoni ta’ proġett “Iż-Żieda tal-potenzjal tal-Innovazzjoni: Teknoloġiji Abilitanti u Sigurtà Internazzjonali”.
2. L-attivitajiet tal-proġett li għandhom jiġu appoġġati mill-Unjoni għandu jkollhom l-objettiv speċifiku li jappoġġaw il-ħidma li l-Istitut tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Riċerka dwar id-Diżarm (UNIDIR) iwettaq fi ħdan il-Programm ta’ Sigurtà u Teknoloġija (SECTEC) tiegħu bil-ħsieb li jissaħħaħ l-għarfien u l-fehim ta’ teknoloġiji ġodda u emerġenti b’rilevanza għas-sigurtà internazzjonali.
3. L-attivitajiet tal-proġett għandhom, b’mod partikolari
|
(a) |
isegwu, jidentifikaw u jtejbu l-fehim ta’ teknoloġiji ġodda u emerġenti, kif ukoll applikazzjonijiet ġodda ta’ teknoloġiji aktar stabbiliti, sabiex jipprovdu lil dawk li jfasslu l-politika u lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet b’għarfien aċċessibbli dwar l-oqsma tat-teknoloġija taħt eżami, abbażi ta’ evidenza teknikament u xjentifikament soda; |
|
(b) |
ifittxu li jtejbu l-ftehim dwar kif jistgħu jintużaw teknoloġiji abilitanti ġodda, u x’effett jistgħu jiksbu, f’kuntesti ta’ sigurtà. Il-ħidma mwettqa taħt dan il-pilastru għandha tiffoka wkoll fuq il-konverġenza dejjem akbar ta’ teknoloġiji differenti u l-applikazzjonijiet transsettorjali tagħhom u, b’mod partikolari dwar kif l-avvanzi fit-teknoloġiji abilitanti ser isawru l-futur tal-konflitt u tal-kamp tal-battalja; |
|
(c) |
jesploraw jekk teknoloġiji abilitanti ġodda joħolqux sfidi ġodda ta’ governanza u, jekk iva, kif is-sett ta’ għodod tradizzjonali għall-kontroll tal-armi jista’ jiġi mmodernizzat biex jindirizza tali sfidi. Barra minn hekk, il-proġett ser jesplora wkoll il-komplementarjetà ta’ miżuri tradizzjonali ta’ kontroll tal-armi ma’ miżuri usa’ ta’ governanza teknoloġika li jistgħu jikkontribwixxu għall-kisba tal-istess għanijiet ta’ sigurtà, stabbiltà, sikurezza, tnaqqis tar-riskju u nonproliferazzjoni. |
4. Deskrizzjoni dettaljata tal-proġett tinsab fl-Anness.
Artikolu 2
1. Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (“ir- Rappreżentant Għoli”) għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.
2. L-implimentazzjoni teknika tal-proġett msemmi fl-Artikolu 1 għandha titwettaq mill- UNIDIR.
3. L-UNIDIR għandu jwettaq il-kompitu tiegħu taħt ir-responsabbiltà tar-Rappreżentant Għoli. Għal dak l-għan, ir-Rappreżentant Għoli għandu jidħol fl-arranġamenti neċessarji mal-UNIDIR.
Artikolu 3
1. L-ammont ta’ referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-proġett iffinanzjat mill-Unjoni msemmi fl-Artikolu 1 għandu jkun ta’ EUR 1 234 011.
2. In-nefqa ffinanzjata mill-ammont ta’ referenza stabbilit fil-paragrafu 1 għandha tiġi amministrata f’konformità mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit tal-Unjoni.
3. Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-amministrazzjoni tajba tan-nefqa ffinanzjata mill-ammont ta’ referenza msemmi fil-paragrafu 1. Għal dak il-għan, hija għandha tikkonkludi ftehim ta’ kontribuzzjoni mal-UNIDIR. Dak il-ftehim ta’ kontribuzzjoni għandu jistipula li l-UNIDIR jiżgura l-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni, adatta għad-daqs tagħha.
4. Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-ftehim ta’ kontribuzzjoni msemmi fil-paragrafu 3 malajr kemm jista’ jkun wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni. Hija għandha tinforma lill-Kunsill bi kwalunkwe diffikultà f’dak il-proċess u bid-data tal-konklużjoni ta’ dak il-ftehim.
Artikolu 4
1. Ir-Rappreżentant Għoli għandu jirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni abbażi ta’ rapporti ta’ kull tliet xhur mill-UNIDIR. Dawk ir-rapporti għandhom jifformaw il-bażi għall-evalwazzjoni mwettqa mill-Kunsill.
2. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi informazzjoni dwar l-aspetti finanzjarji tal-implimentazzjoni tal-proġett imsemmi fl-Artikolu 1.
Artikolu 5
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Għandha tiskadi 24 xahar wara l-konklużjoni tal-ftehim ta’ kontribuzzjoni msemmi fl-Artikolu 3(3). Madankollu, din id-Deċiżjoni għandha tiskadi sitt xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ tagħha jekk ma jiġi konkluż l-ebda ftehim ta’ dan it-tip f’dak il-perjodu.
Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Novembru 2022.
Għall-Kunsill
Il-President
J. SÍKELA
ANNESS
DOKUMENT TA’ PROĠETT
“Nilliberaw l-innovazzjoni: it-Teknoloġiji Abilitanti u s-Sigurtà Internazzjonali”
Introduzzjoni
L-avvanzi fix-xjenza u t-teknoloġija huma faċilitaturi ewlenin tal-iżvilupp ekonomiku u soċjali u tal-prosperità. Madankollu, kif indikat mis-Segretarju Ġenerali tan-NU fir-rapport tal-2021 dwar “Current developments in science and technology and their potential impact on international security and disarmament efforts” (L-iżviluppi attwali fix-xjenza u t-teknoloġija u l-impatt potenzjali tagħhom fuq is-sigurtà internazzjonali u l-isforzi għad-diżarm), hemm tħassib dejjem jikber li l-iżviluppi fix-xjenza u t-teknoloġija li huma rilevanti għas-sigurtà u d-diżarm qed jisbqu l-kapaċità tal-oqfsa normattivi u ta’ governanza li jifhmu u jimmaniġġjaw ir-riskji.
L-Istitut tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Riċerka dwar id-Diżarm (UNIDIR) huwa istituzzjoni awtonoma fi ħdan in-Nazzjonijiet Uniti li tagħmel riċerka indipendenti dwar id-diżarm u problemi relatati, b’mod partikolari kwistjonijiet ta’ sigurtà internazzjonali. Storikament, l-UNIDIR kellu rwol ewlieni fl-appoġġ għall-isforzi biex jiġu mifhuma l-implikazzjonijiet ta’ sigurtà tal-avvanzi teknoloġiċi rapidi u trasformattivi u jkun hemm rispons għalihom. Illum, din il-ħidma hi mmexxija minn Programm għas-Sigurtà u t-Teknoloġija (SECTEC) pluriennali dedikat li huwa fornitur ewlieni tal-għarfien għall-komunità diplomatika internazzjonali, is-settur privat u s-soċjetà ċivili u jibni pont bejniethom (aktar minn 13 000 pubblikazzjoni ddawnlowdjati u ‘l fuq minn 6 500 parteċipant f’avvenimenti fl-aħħar sentejn biss). Il-ħidma tas-SECTEC kisbet ukoll impatt importanti fuq il-politika inkluż referenzi speċifiċi f’żewġ rapporti ta’ kunsens dwar iċ-ċibersigurtà internazzjonali adottati mill-Assemblea Ġenerali tan-NU.
Il-proġett propost fuq sentejn intitolat “Nilliberaw l-innovazzjoni: it-Teknoloġiji Abilitanti u s-Sigurtà Internazzjonali” ser jiffoka fuq teknoloġiji abilitanti essenzjali magħżula u l-impatt potenzjali tagħhom fuq is-sigurtà internazzjonali. Il-ħidma taħt dan il-proġett ser tiġi organizzata fi tliet linji ta’ ħidma kif deskritt fid-dettall fit-taqsima li ġejja.
Il-proġett ser ikun integrat bis-sħiħ fil-programm ta’ ħidma usa’ tas-SECTEC, jisfrutta riżorsi u networks tal-għarfien diġà stabbiliti bħala parti mill-programm usa’ u jikkontribwixxi għall-kisba tal-objettivi ġenerali tiegħu li huma allinjati mill-qrib mal-mandat ċentrali tal-Istitut:
|
— |
Jissawru l-politika u t-teħid tad-deċiżjonijiet. L-innovazzjoni teknoloġika żżid saffi ġodda ta’ inċertezza għall-ambjent tas-sigurtà dinji u tippreżenta sfida għal kif inhu mifhum tradizzjonalment il-konflitt kif ukoll għall-kunċetti u r-rispons fir-rigward tal-kontroll tal-armi. Il-makkinarju multilaterali tad-diżarm, kif ukoll il-mekkaniżmi reġjonali u nazzjonali, ser ikollhom bżonn jadattaw l-għodod u l-proċessi tagħhom biex jiżviluppaw politiki effettivi ta’ rispons għat-teknoloġiji l-ġodda. Il-ħidma tas-SECTEC ser tipprova tinforma lit-tfassil ta’ dawk il-politiki ta’ rispons u tikkontribwixxi għalih permezz tal-produzzjoni ta’ għarfien, l-għoti ta’ pariri u l-ħolqien ta’ ideat. |
|
— |
Titnaqqas il-lakuna tal-għarfien dwar l-aspetti teknoloġiċi tas-sigurtà internazzjonali. Bosta sfidi u opportunitajiet tat-teknoloġiji l-ġodda jirriżultaw mill-karatteristiċi tekniċi tagħhom, u dan jagħmilha diffiċli li tiġi implimentata azzjoni ta’ politika jew regolatorja jekk it-teknoloġija inkwistjoni, inkluż ir-riskji u l-opportunitajiet, ma tkunx mifhuma b’mod adegwat. Dan huwa aggravat aktar minħabba n-natura inerenti ta’ użu doppju (jew kollu) ta’ ħafna minn dawn l-innovazzjonijiet, li tirrikjedi li jkunu mifhuma b’mod aktar ġenerali l-effetti u d-dipendenzi possibbli, mifruxa fuq diversi oqsma, ta’ kwalunkwe politika jew azzjoni regolatorja. |
|
— |
Jinbnew pontijiet bejn il-komunitajiet. Fi żmien meta qed jiżdiedu l-instabbiltà u n-nuqqas ta’ fiduċja globali, b’espansjoni tal-atturi, distribuzzjoni akbar tal-għarfien u tal-għarfien espert, u għażliet aktar limitati ta’ forom tradizzjonali ta’ regolamentazzjoni, hemm ħtieġa urġenti li l-komunitajiet differenti jersqu lejn xulxin u jiskambjaw l-ideat tagħhom biex jinfurmaw l-aġendi rispettivi. Dan japplika għall-komunitajiet li joperaw f’setturi differenti (eż. il-gvernijiet, l-industrija, is-soċjetà ċivili), kif ukoll għall-komunitajiet fi ħdan il-makkinarju multilaterali li tradizzjonalment joperaw f’silos differenti (eż. is-sigurtà internazzjonali, l-iżvilupp, il-kooperazzjoni diġitali, il-kriminalità). Is-SECTEC ser jisfrutta l-pożizzjoni unika tal-UNIDIR biex jaħdem f’silos tradizzjonali differenti fi sforz biex jikkollega flimkien diskorsi dejjem aktar interdipendenti, jibni pontijiet bejn il-komunitajiet u jikkonsolida l-għarfien. |
PROĠETT
Ir-rispons għall-isfidi u l-isfruttament tal-opportunitajiet ippreżentati mill-avvanzi teknoloġiċi fil-kuntest tal-paċi u s-sigurtà huwa kompitu kumpless. F’termini ġenerali, jeħtieġ li wieħed ikun jista’ jifhem x’inhi t-teknoloġija, kif tista’ tintuża u b’liema effett, u liema għodod ta’ governanza huma disponibbli biex jidderieġu jew jikkontrollaw l-iżvilupp u l-użu tagħha. Il-proġett propost “Nilliberaw l-innovazzjoni: it-Teknoloġiji Abilitanti u s-Sigurtà Internazzjonali” għandu l-għan li jesplora l-iżvilupp, l-applikazzjoni u l-governanza ta’ teknoloġiji abilitanti essenzjali magħżula u r-rilevanza tagħhom għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali permezz tat-tliet linji ta’ ħidma deskritti hawn taħt.
Għall-fini ta’ dan il-proġett, it-teknoloġiji abilitanti huma definiti bħala dawk li jippermettu jew jixprunaw l-innovazzjoni, l-iżvilupp tal-kapaċitajiet u impatt akbar f’oqsma oħra ta’ applikazzjoni fl-ambitu tal-ħidma għas-SECTEC tal-UNIDIR, jiġifieri ċ-Ċibernetika, l-Intelliġenza Artifiċjali u l-Awtonomija u l-Integrazzjoni tas-Sistemi. Dan huwa konsistenti mal-politika tal-UE dwar it-teknoloġiji abilitanti essenzjali li tirrikonoxxi r-rwol fundamentali ta’ dawn it-teknoloġiji trasversali bħala muturi tal-innovazzjoni fis-setturi u l-applikazzjonijiet kollha.
Dan il-proġett ser jiffoka fuq l-opportunitajiet u l-isfidi marbuta ma’ erba’ teknoloġiji abilitanti meqjusa bħala partikolarment rilevanti mill-perspettiva tas-sigurtà: materjali avvanzati (eż. semikondutturi, mikro- u nanoteknoloġiji), partijiet u komponenti (eż. mikroċipep, sensuri), infrastruttura (eż. l-infrastruttura tal-konnettività tal-ġenerazzjoni li jmiss – il-5G u s-6G, l-internet tal-oġġetti, il-cloud, l-internet sovran) u proċessar u computing (eż. cloud, edge u quantum computing).
1. Linja ta’ ħidma nru 1: Monitoraġġ tax-xejriet u titjib fis-sensibilizzazzjoni dwar l-iżviluppi fix-xjenza u t-teknoloġija
1.1. Għan
L-għan ta’ dan il-linja ta’ ħidma huwa li jiġu identifikati teknoloġiji ġodda u emerġenti u li dawn ikunu mifhuma, kif ukoll applikazzjonijiet ġodda ta’ dawk aktar stabbiliti. Din il-linja ta’ ħidma ser tkun iddedikata l-aktar sabiex dawk li jfasslu l-politika u li jieħdu d-deċiżjonijiet jingħataw għarfien aċċessibbli dwar l-oqsma tat-teknoloġija li qed jiġu eżaminati, mibni fuq evidenza teknikament u xjentifikament soda.
1.2. Riżultati mistennija:
|
a) |
Tħejjija aħjar ta’ dawk li jfasslu l-politika u li jieħdu d-deċiżjonijiet fir-rigward tal-isfidi u l-opportunitajiet maħluqa mit-teknoloġiji l-ġodda u emerġenti. |
|
b) |
Ir-rabtiet u l-konverġenzi fost it-teknoloġiji differenti jkunu mifhuma aħjar. |
|
c) |
Sensibilizzazzjoni akbar dwar ir-riskji u l-benefiċċji potenzjali tat-teknoloġiji l-ġodda u forniment ta’ mezzi ta’ twissija bikrija għall-istati b’kapaċità limitata li jwettqu analiżi tal-prospettivi. |
1.3. Deskrizzjoni tal-linja ta’ ħidma
Din il-linja ta’ ħidma ser tkun magħmula minn żewġ attivitajiet ewlenin. L-ewwel waħda ser tippermetti l-ħolqien ta’ funzjoni ta’ analiżi kontinwa tal-prospettivi teknoloġiċi biex tiżgura li l-aktar avvanzi rilevanti fix-xjenza u t-teknoloġija jiġu identifikati, skrinjati u analizzati fl-ewwel stadji tal-iżvilupp jew tal-applikazzjoni. Din l-attività ser tirriżulta f’żewġ kompendji annwali tal-aktar xejriet rilevanti fl-innovazzjoni teknoloġika hekk kif jappartjenu għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali. Is-sejbiet ta’ din l-attività ser ikunu komplementari għall-ħidma mwettqa fi proċessi multilaterali uffiċjali bħas-CCW u l-Grupp ta’ esperti governattivi fit-teknoloġiji emerġenti fil-qasam tas-sistemi ta’ armi awtonomi letali, u l-Grupp ta’ Ħidma Miftuħ dwar is-sigurtà tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni u l-użu tagħhom, u mhux jidduplikawha, u ser jintużaw biex jikkontribwixxu għall-ġabra usa’ ta’ attivitajiet multilaterali rilevanti bħar-rapport annwali tas-SĠ tan-NU dwar ir-rwol tax-xjenza u t-teknoloġija fil-kuntest tal-paċi u s-sigurtà internazzjonali, l-Aġenda Komuni, inkluż l-aġenda ġdida għall-paċi, u s-Summit għall-Futur 2023.
It-tieni attività f’din il-linja ta’ ħidma ser tinvolvi l-organizzazzjoni ta’ tmien kolazzjonijiet teknoloġiċi maħsuba biex joffru l-opportunità, kull tliet xhur, biex il-komunità diplomatika f’Ġinevra u fi New York titgħallem u tiddiskuti, f’kuntest informali u f’kuntatt dirett mal-esperti, dwar teknoloġiji abilitanti speċifiċi rilevanti għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali. Kull avveniment ser isir darbtejn: l-ewwel darba bi preżenza fiżika f’Ġinevra u t-tieni darba b’mod virtwali għall-komunità ta’ New York.
2. Linja ta’ ħidma nru 2: Fehim tal-impatt tax-xjenza u t-teknoloġija fuq il-paċi u s-sigurtà internazzjonali
2.1. Għan
L-għan ta’ din il-linja ta’ ħidma huwa li jiġi mifhum kif jistgħu jintużaw teknoloġiji abilitanti ġodda, u x’effett jistgħu jiksbu, f’kuntesti ta’ sigurtà. Il-ħidma mwettqa f’dan il-pilastru ser tiffoka wkoll fuq il-konverġenza dejjem akbar tat-teknoloġiji differenti u l-applikazzjonijiet trasversali tagħhom. B’mod partikolari, din il-linja ta’ ħidma ser tenfasizza kif l-avvanzi fit-teknoloġiji abilitanti ser isawru l-futur tal-konflitti u tal-kampijiet tal-battalja.
2.2. Riżultati mistennija:
|
a) |
Il-komunità tat-tfassil tal-politika tifhem aħjar l-impatt tat-teknoloġiji abilitanti l-ġodda u emerġenti fuq il-paċi u s-sigurtà. |
|
b) |
Tiżdied il-kapaċità li jiġu stabbiliti rabtiet u konnessjonijiet bejn l-oqsma ta’ applikazzjoni tat-teknoloġiji differenti, li jirriżulta f’diskussjonijiet infurmati aħjar dwar il-politika fid-dominji u l-proċessi kollha u bejniethom. |
|
c) |
Tiżdied il-kapaċità li jiġu identifikati possibbiltajiet għal interventi ta’ politika maħsuba biex inaqqsu r-riskji maħluqa mit-teknoloġiji l-ġodda mingħajr ma jxekklu l-progress u l-innovazzjoni. |
2.3. Deskrizzjoni tal-linja ta’ ħidma
Din il-linja ta’ ħidma ser tinvolvi t-twettiq ta’ erba’ studji ta’ riċerka, wieħed għal kull waħda mis-subkategoriji ta’ teknoloġiji abilitanti li qed jiġu kkunsidrati. Kull studju ta’ riċerka ser ikollu l-għan li jipprovdi kemm introduzzjoni għat-teknoloġija nnifisha kif ukoll analiżi tal-impatti pożittivi u negattivi li dik it-teknoloġija jista’ jkollha fuq il-paċi u s-sigurtà internazzjonali. Il-metodoloġija tar-riċerka użata biex isiru dawk il-valutazzjonijiet tal-impatt ser tqis mhux biss il-mezzi militari iżda, fejn ikun rilevanti u applikabbli, fatturi politiċi, ekonomiċi, soċjali, teknoloġiċi, legali u ambjentali (analiżi PESTLE). Dawn l-istudji ta’ riċerka ser jirriżultaw f’rapporti bil-miktub b’sommarji eżekuttivi magħmula disponibbli bil-lingwi uffiċjali kollha tan-NU sabiex jaslu u jintlaħqu aktar (it-traduzzjoni tar-rapporti sħaħ ser issir skont il-ħin u r-riżorsi disponibbli).
Barra minn hekk, b’rikonoxximent tal-ekosistema politika, militari, legali u teknika kumplessa fejn jiġu żviluppati u implimentati dawn it-teknoloġiji, din il-linja ta’ ħidma ser torganizza erba’ djalogi bejn il-partijiet ikkonċernati biex tikkomplementa l-attivitajiet ta’ riċerka u tħeġġeġ l-iskambju ta’ fehmiet u t-trasferiment tal-għarfien fost komunitajiet differenti tal-partijiet ikkonċernati. Il-format ta’ dawn il-laqgħat ser ikun ibridu u l-ħin jingħażel biex ikunu aċċessibbli għal udjenzi minn madwar id-dinja kollha.
3. Linja ta’ ħidma nru 3: Immodernizzar tal-kontroll tal-armi u tfassil ta’ risposti ta’ governanza għas-seklu 21
3.1. Għan
L-għan ta’ din il-linja ta’ ħidma hu li jiġi esplorat jekk teknoloġiji abilitanti ġodda joħolqux sfidi ġodda ta’ governanza u, jekk iva, kif is-sett tal-għodod tradizzjonali għall-kontroll tal-armi jista’ jiġi modernizzat biex jindirizzahom. Barra minn hekk, din il-linja ta’ ħidma ser tesplora wkoll il-komplementarjetà tal-miżuri tradizzjonali tal-kontroll tal-armi ma’ miżuri usa’ ta’ governanza tat-teknoloġija li jistgħu jikkontribwixxu għall-kisba tal-istess għanijiet ta’ sigurtà, stabbiltà, sikurezza, tnaqqis tar-riskju u nonproliferazzjoni.
3.2. Riżultati mistennija
|
a) |
Fehim aħjar tal-elementi b’saħħithom u l-limitazzjonijiet possibbli tas-sett ta’ għodod attwali tal-kontroll tal-armi biex jindirizzaw it-teknoloġiji l-ġodda u dawk emerġenti. |
|
b) |
Fehim aħjar tal-ġabra usa’ ta’ għodod tal-governanza tat-teknoloġija (eż. standards tal-industrija, mekkaniżmi ta’ awtoregolamentazzjoni) u kif dawk l-għodod jistgħu jiġu sfruttati mill-komunità tas-sigurtà internazzjonali biex titfittex dinja aktar paċifika, stabbli u sigura. |
|
c) |
L-arrikkiment reċiproku tal-għarfien fost is-setturi kollha permezz ta’ skambju informali, miftuħ għall-Istati Membri kollha tan-NU, l-industrija u s-soċjetà ċivili inġenerali. |
3.3. Deskrizzjoni tal-linja ta’ ħidma
Din il-linja ta’ ħidma ser tibni fuq is-sejbiet tal-Linja ta’ ħidma nru 2 biex tinfirex aktar l-analiżi tat-teknoloġiji abilitanti magħżula permezz ta’ erba’ studji ta’ riċerka addizzjonali li jiffukaw fuq l-isfidi speċifiċi ta’ governanza u l-politiki potenzjali ta’ rispons. Bl-istess mod bħal-Linja ta’ ħidma nru 2, kull studju ta’ riċerka ser ikun ikkomplementat minn djalogu ddedikat bejn il-partijiet ikkonċernati li jsir f’format ibridu bil-għan li jinsiltu l-lezzjonijiet identifikati fis-setturi kollha li jistgħu jintużaw biex jittejbu l-politiki ta’ rispons għas-sigurtà internazzjonali.
Barra minn hekk, din il-linja ta’ ħidma ser tinkludi l-kunċettwalizzazzjoni u t-tfassil bikri ta’ infografika interattiva li tippermetti l-identifikazzjoni u l-immappjar tal-għodod u l-istrumenti rilevanti għall-kontroll tal-armi u l-governanza usa’ tat-teknoloġija fil-livell reġjonali u internazzjonali għat-teknoloġiji abilitanti magħżula. Din l-attività ser isservi biex tittestja kemm il-metodoloġija biex jiġu identifikati u prijoritizzati l-għodod applikabbli u rilevanti kif ukoll l-għażliet differenti għall-viżwalizzazzjoni tad-data. L-infografika ser tittella’ fuq paġna web speċifika fuq il-paġna web tal-UNIDIR.