14.11.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

LI 293/43


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2022/2234

tal-14 ta’ Novembru 2022

li timplimenta d-Deċiżjoni 2011/235/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet fil-kuntest tas-sitwazzjoni fl-Iran

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 31(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/235/PESK tat-12 ta’ April 2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet fil-kuntest tas-sitwazzjoni fl-Iran (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-12 ta’ April 2011, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2011/235/PESK.

(2)

Fil-25 ta’ Settembru 2022, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà ħareġ dikjarazzjoni f’isem l-Unjoni li tikkundanna l-użu mifrux u sproporzjonat tal-forza mill-forzi tas-sigurtà Iranjani kontra dimostranti mhux vjolenti, li wassal għal għadd kbir ta’ mwiet u persuni midruba. Id-dikjarazzjoni stqarret ukoll li dawk responsabbli għall-qtil ta’ Mahsa Amini jridu jinżammu responsabbli u appellat lill-awtoritajiet Iranjani biex jiżguraw investigazzjonijiet trasparenti u kredibbli biex jiċċaraw l-għadd ta’ mwiet u persuni arrestati, biex jeħilsu lid-dimostranti mhux vjolenti kollha u biex jipprovdu proċess xieraq lid-detenuti kollha. Barra minn hekk, id-dikjarazzjoni enfasizzat li d-deċiżjoni tal-Iran li jirrestrinġi severament l-aċċess għall-Internet u jimblokka pjattaformi ta’ messaġġi istantanji tikser b’mod sfaċċat il-libertà tal-espressjoni. Fl-aħħar nett, id-dikjarazzjoni stqarret li l-Unjoni ser tikkunsidra l-għażliet kollha għad-dispożizzjoni tagħha biex tindirizza l-qtil ta’ Mahsa Amini u l-mod kif il-forzi tas-sigurtà Iranjani wieġbu għad-dimostrazzjonijiet li segwew.

(3)

Fis-17 ta’ Ottubru 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (PESK) 2022/1956 (2) li tinkludi ħdax-il persuna u erba’ entitajiet fil-lista ta’ persuni u entitajiet soġġetti għal miżuri restrittivi fl-Anness għad-Deċiżjoni 2011/235/PESK għall-involviment tagħhom fi ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

(4)

F’dak il-kuntest, u f’konformità mal-impenn tal-Unjoni li tindirizza l-kwistjonijiet kollha ta’ tħassib mal-Iran, fosthom is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, jenħtieġ li persuna waħda tiġi inkluża fil-lista ta’ persuni u entitajiet soġġetti għal miżuri restrittivi stabbilita fl-Anness għad-Deċiżjoni 2011/235/PESK.

(5)

Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Anness għad-Deċiżjoni 2011/235/PESK jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness għad-Deċiżjoni 2011/235/PESK huwa emendat kif stabbilit fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Novembru 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)   ĠU L 100, 14.4.2011, p. 51.

(2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/1956 tas-17 ta’ Ottubru 2022 li timplimenta d-Deċiżjoni 2011/235/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet fil-kuntest tas-sitwazzjoni fl-Iran (ĠU L 269 I, 17.10.2022, p. 9).


ANNESS

Il-persuna li ġejja tiżdied mal-lista ta’ persuni u entitajiet li tinsab fl-Anness għad-Deċiżjoni 2011/235/PESK:

Persuni

 

Isem

Informazzjoni ta’ identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-elenkar

“107.

VAHIDI Ahmad

وحیدی احمد

POB: Shiraz (Iran)

Data tat-twelid: 27 ta’ Lulju 1958

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Pożizzjoni: Ministru għall-Intern

Ahmad Vahidi ilu l-Ministru għall-Intern Iranjan mill-25 ta’ Awwissu 2021. Bħali tali, huwa responsabbli għall-Forzi tal-Infurzar tal-Liġi Iranjani (LEF).

Minn meta beda l-mandat tiegħu, numru bla preċedent ta’ uffiċjali militari u ta’ sigurtà nħatru gvernaturi provinċjali li għandhom rwoli ewlenin fil-koordinazzjoni ta’ attivitajiet ta’ kontroll tal-folol mill-forzi speċjali tal-pulizija, il-milizzja Basij u l-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC).

Ksur sfaċċat u serju tad-drittijiet tal-bniedem mil-LEF, bħall-isparar indiskriminat b’munizzjon attiv fuq dimostranti paċifiċi, inkluż tfal, ġie ddokumentat b’mod wiesa’ minn mindu bdew il-protesti dwar il-mewt ta’ Mahsa Amini f’nofs Settembru 2022. Aktar minn 70 dimostrant mietu u mijiet sfaw midruba serjament, inkluż tfal. Mill-bidu tad-dimostrazzjonijiet, il-forzi tal-pulizija żammew ukoll b’mod arbitrarju bosta difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u ġurnalisti. Vahidi ppromwova wkoll pubblikament approċċ aħrax lejn persuni li jipparteċipaw fid-dimostrazzjonijiet.

Huwa għalhekk responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fi Iran.

14.11.2022”