|
14.11.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
LI 293/40 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2022/2233
tal-14 ta’ Novembru 2022
li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,
Billi:
|
(1) |
Fis-17 ta’ Marzu 2014, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2014/145/PESK (1). |
|
(2) |
L-Unjoni tibqa’ soda fl-appoġġ tagħha għas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna. |
|
(3) |
Ir-reġim Iranjan jipprovdi appoġġ militari għall-gwerra ta’ aggressjoni mhux provokata u mhux ġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna. Fl-20 ta’ Ottubru 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2022/1986 (2). |
|
(4) |
Fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni, il-Kunsill iqis li żewġ individwi u żewġ entitajiet involuti fl-iżvilupp u l-kunsinna ta’ Vetturi tal-Ajru Mingħajr Bdot Abbord lir-Russja jenħtieġ li jinżdiedu mal-lista ta’ persuni, entitajiet u korpi soġġetti għal miżuri restrittivi li tinsab fl-Anness tad-Deċiżjoni 2014/145/PESK. |
|
(5) |
Hija meħtieġa azzjoni ulterjuri mill-Unjoni sabiex ċertu miżuri jiġu implimentati. |
|
(6) |
Għalhekk id-Deċiżjoni 2014/145/PESK jenħtieġ li tiġi emendata skont dan, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Anness tad-Deċiżjoni 2014/145/PESK huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Novembru 2022.
Għall-Kunsill
Il-President
J. BORRELL FONTELLES
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK tas-17 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU L 78, 17.3.2014, p. 16).
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/1986 tal-20 ta’ Ottubru 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna, (ĠU L 272 I, 20.10.2022, p. 5).
ANNESS
Il-persuni u l-entitajiet li ġejjin jinżdiedu mal-lista ta’ persuni, entitajiet u korpi li tinsab fl-Anness tad-Deċiżjoni 2014/145/PESK:
Persuni
|
|
Isem |
Informazzjoni għall-identifikazzjoni |
Dikjarazzjoni tar-Raġunijiet |
Data tal-elenkar |
|
“1266. |
Hossein SALAMI حسین سلامی |
Data tat-twelid: 1960 Post tat-twelid: Golpayagan, l-Iran Nazzjonalità: Iranjana Sess: raġel Grad: Maġġur Ġeneral Pożizzjoni: Kmandant tal-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika |
Il-Maġġur Ġenerali Hossein Salami huwa l-Kmandant tal-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika, li jissorvelja l-iżvilupp tal-programm tal-Vetturi tal-Ajru Mingħajr Bdot Abbord (UAV) tal-Iran kif ukoll it-trasferimenti tal-UAVs barra mill-pajjiż. F’din il-kapaċità, il-Maġġur Ġeneral Hossein Salami huwa responsabbli għall-kooperazzjoni fil-qasam tad-difiża relatata mal-UAVs, inkluż il-forniment ta’ UAVs lill-Federazzjoni Russa għall-użu tagħhom fil-gwerra ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna. Għalhekk, il-Maġġur Ġeneral Hossein Salami huwa responsabbli talli appoġġa azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna. |
14.11.2022 |
|
1267. |
Amir Ali HAJIZADEH امیرعلی حاجیزاده (magħruf ukoll bħala Amir Ali Haji ZADEH) |
Data tat-twelid: 28.2.1962 Post tat-twelid: Tehran, l-Iran Nazzjonalità: Iranjana Sess: raġel Grad: Brigadier Ġeneral Pożizzjoni: Kmandant tal-Forza Ajruspazjali tal-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika |
Il-Brigadier Ġeneral Amir Ali Hajizadeh huwa l-Kmandant tal-Forza Ajruspazjali tal-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika, li jissorvelja l-iżvilupp tal-programm tal-Vetturi tal-Ajru Mingħajr Bdot Abbord (UAV) tal-Iran kif ukoll it-trasferimenti tal-UAVs barra mill-pajjiż. F’din il-kapaċità, Amir Ali Hajizadeh huwa responsabbli għal kooperazzjoni fil-qasam tad-difiża relatata mal-UAVs, inkluż il-forniment ta’ UAVs lill-Federazzjoni Russa għall-użu tagħhom fil-gwerra ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna. Għalhekk, il-Brigadier Ġeneral Amir Ali Hajizadeh huwa responsabbli talli appoġġa azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna. |
14.11.2022” |
Entitajiet
|
|
Isem |
Informazzjoni għall-identifikazzjoni |
Dikjarazzjoni tar-Raġunijiet |
Data tal-elenkar |
|
“120. |
Forza Ajruspazjali tal-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC ASF) نیروی هوافضای سپاه پاسداران انقلاب اسلامی (magħrufa wkoll bħala IRGC Air Force) |
|
Il-Forza Ajruspazjali tal-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC ASF) hija responsabbli għall-iżvilupp tal-programm ta’ Vetturi tal-Ajru Mingħajr Bdot Abbord (UAVs) tal-Iran, inkluż is-Shahed-136 u l-Mohajer-6, li jintużaw mill-Federazzjoni Russa fil-gwerra ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna. Bħala l-operatur primarju tal-flotta ta’ UAVs tal-Iran, l-IRGC ASF għandha rwol importanti fil-forniment ta’ droni lill-alleati internazzjonali tal-Iran, inkluż il-Federazzjoni Russa. Għalhekk, l-IRGC ASF hija responsabbli talli appoġġat materjalment azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna. |
14.11.2022 |
|
121. |
Qods Aviation Industries (Industriji tal-Avjazzjoni Qods) صنایع هوایی قدس (magħrufin ukoll bħala Qods Aeronautics Industries) |
|
Qods Aviation Industries hija kumpanija Iranjana li tfassal u timmanifattura Vetturi tal-Ajru Mingħajr Bdot Abbord (UAVs). Hija sussidjarja tal-Iran Aviation Industries Organisation (IAIO), intrapriża tal-istat subordinata għall-Ministeru għad-Difiża u l-Loġistika tal-Forzi Armati (MODAFL) tal-Iran. Qods Aviation Industries tipproduċi d-droni Mohajer-6, li ġew fornuti lill-Federazzjoni Russa u użati fil-gwerra ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna. Qods Aviation Industries hija għalhekk responsabbli talli appoġġat materjalment jew finanzjarjament azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna. |
14.11.2022” |