11.11.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 292/47


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/2198

tat-8 ta’ Novembru 2022

dwar is-sospensjoni totali tal-applikazzjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Vanuatu dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 77(2), punt (a), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Vanuatu dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir (1) (il-“Ftehim”) ġie ffirmat u applikat temporanjament mit-28 ta’ Mejju 2015 (2), sabiex jiffaċilita l-ivvjaġġar taċ-ċittadini ta’ Vanuatu lejn l-Unjoni u l-ivvjaġġar taċ-ċittadini tal-Unjoni lejn Vanuatu.

(2)

Il-Ftehim huwa bbażat fuq ix-xewqa komuni tal-Partijiet Kontraenti li jinkoraġġixxu l-kuntatti bejn il-persuni, jagħtu spinta lit-turiżmu u jsaħħu n-negozju bejn l-Unjoni u Vanuatu.

(3)

Skont l-Artikolu 8(4) tal-Ftehim, kull parti tista’ tissospendi l-Ftehim kollu jew parti minnu, b’mod partikolari għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku u l-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali. Id-deċiżjoni dwar is-sospensjoni trid tiġi notifikata lill-parti l-oħra mhux aktar tard minn xahrejn qabel id-dħul fis-seħħ ippjanat. Jekk ir-raġunijiet għal dik is-sospensjoni ma jibqgħux jeżistu, il-parti li tkun issospendiet il-Ftehim trid tinforma lill-parti l-oħra minnufih u tneħħi s-sospensjoni.

(4)

Vanuatu jopera skemi ta’ ċittadinanza b’investiment, li bihom ta n-nazzjonalità ta’ Vanuatu lil ċittadini ta’ pajjiżi oħrajn li ma kellhom l-ebda konnessjoni preċedenti ma’ Vanuatu, u ħareġ deċiżjonijiet pożittivi dwar il-maġġoranza vasta tal-applikazzjonijiet. Abbażi tal-informazzjoni mogħtija mill-Uffiċċju tal-Passaporti ta’ Vanuatu fl-14 ta’ Ġunju 2021, sa Marzu 2021, kien ħareġ aktar minn 10 500 passaport, b’rata ta’ ċaħda estremament baxxa. Dik is-sitwazzjoni tqajjem dubji dwar l-affidabilità tal-investigazzjoni ta’ sigurtà u ta’ diliġenza dovuta mwettqa mill-awtoritajiet ta’ Vanuatu.

(5)

Barra minn hekk, il-pajjiżi ta’ oriġini tal-applikanti li jingħataw in-nazzjonalità ta’ Vanuatu jinkludu diversi pajjiżi li ċ-ċittadini tagħhom huma meħtieġa li jkollhom viża meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Unjoni.

(6)

Fi skambji bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet ta’ Vanuatu f’Ottubru 2017, Novembru 2019, Ġunju 2020 u Marzu 2021, il-Kummissjoni esprimiet tħassib serju dwar l-iskemi ta’ ċittadinanza b’investiment ta’ Vanuatu, b’mod partikolari l-għoti taċ-ċittadinanza lil persuni elenkati fil-bażijiet tad-data tal-Interpol, in-nuqqas ta’ rekwiżiti ta’ preżenza fiżika jew ta’ residenza, il-perjodi qosra ta’ pproċessar tal-iskemi u n-nuqqas ta’ skambju sistematiku ta’ informazzjoni mal-pajjiżi ta’ oriġini tal-applikanti jew tar-residenza prinċipali preċedenti, u wissiet lill-Gvern ta’ Vanuatu bil-possibbiltà li, jekk dak it-tħassib ma jiġix indirizzat, ir-rekwiżit tal-viża jerġa’ jiddaħħal. L-ispjegazzjonijiet ipprovduti minn Vanuatu ma kinux biżżejjed biex itaffu dak it-tħassib.

(7)

Konsegwentement, l-applikazzjoni tal-Ftehim ġiet sospiża parzjalment bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/366 (3). Is-sospensjoni hija limitata għall-passaporti ordinarji maħruġa mill-Vanuatu mill-25 ta’ Mejju 2015 ’il quddiem, meta l-għadd ta’ applikanti li rnexxew fil-kuntest tal-iskemi ta’ ċittadinanza b’investiment ta’ Vanuatu bdew jiżdiedu b’mod sinifikanti.

(8)

Filwaqt li d-Deċiżjoni (UE) 2022/366 ssospendiet il-Ftehim parzjalment, kien neċessarju wkoll li s-sospensjoni tiġi prevista fil-livell tad-dritt tal-Unjoni.Għalhekk, abbażi tar-Regolament (UE) 2018/1806 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), fis-27 ta’ April 2022 il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/693 (5) li jissospendi temporanjament l-eżenzjoni mir-rekwiżit tal-viża għaċ-ċittadini tal-Vanuatu li għandhom passaporti ordinarji maħruġa minn Vanuatu mill-25 ta’ Mejju 2015 għal perjodu ta’ disa’ xhur, applikabbli mill-4 ta’ Mejju 2022 sat-3 ta’ Frar 2023.

(9)

Wara d-dħul fis-seħħ tas-sospensjoni temporanja mill-ħtieġa ta’ viża, f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1806 l-Kummissjoni nediet djalogu msaħħaħ ma’ Vanuatu bl-għan li tirrimedja ċ-ċirkostanzi li wasslu għal dik is-sospensjoni.

(10)

Minkejja li dan id-djalogu msaħħaħ beda fit-12 ta’ Mejju 2022, sussegwentement Vanuatu ma involva ruħu bl-ebda mod sinifikanti. Għalhekk, matul il-perjodu ta’ disa’ xhur stabbilit mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/693, ma kienx possibbli li jiġu rimedjati ċ-ċirkostanzi li wasslu għas-sospensjoni temporanja tal-eżenzjoni mir-rekwiżit tal-viża.

(11)

L-iskemi ta’ ċittadinanza b’investiment operati minn Vanuatu għadhom jirrappreżentaw riskju akbar għas-sigurtà interna tal-Istati Membri u ċirkomvenzjoni tal-proċedura tal-viża għal soġġorn qasir tal-Unjoni u tal-valutazzjoni tar-riskji għas-sigurtà u l-migrazzjoni li huma involuti. Għaldaqstant, fin-nuqqas ta’ impenn min-naħa ta’ Vanuatu biex jirrimedja dawk iċ-ċirkostanzi, id-Deċiżjoni (UE) 2022/366 jenħtieġ li titħassar u l-applikazzjoni tal-Ftehim kollu kemm hu fir-rigward taċ-ċittadini kollha ta’ Vanwatu jenħtieġ li tiġi sospiża.

(12)

Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom l-Irlanda mhix qed tieħu sehem, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (6). Għalhekk l-Irlanda mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhix marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-applikazzjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Vanuatu dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir (il-‘Ftehim’) hija sospiża kompletament fir-rigward taċ-ċittadini ta’ Vanuatu, mill-4 ta’ Frar 2023.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu, f’isem l-Unjoni, jagħti n-notifika prevista fl-Artikolu 8(4) tal-Ftehim.

Artikolu 3

Id-Deċiżjoni (UE) 2022/366 hija mħassra b’effett mill-4 ta’ Frar 2023.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Novembru 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

Z. STANJURA


(1)   ĠU L 173, 3.7.2015, p. 48.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1035 tas-7 ta’ Mejju 2015 dwar l-iffirmar, f’isem tal-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Vanuatu dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn għal perijodu qasir (ĠU L 173, 3.7.2015, p. 46).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/366 tat-3 ta’ Marzu 2022 dwar is-sospensjoni parzjali tal-applikazzjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Vanuatu dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn għal perijodu qasir (ĠU L 69, 4.3.2022, p. 105).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2018/1806 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa (ĠU L 303, 28.11.2018, p. 39).

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/693 tas-27 ta’ April 2022 dwar is-sospensjoni temporanja tal-eżenzjoni mill-ħtieġa ta’ viża għaċ-ċittadini ta’ Vanuatu (ĠU L 129, 3.5.2022, p. 18).

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).