3.11.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 283/13


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/2103

tat-13 ta’ Ottubru 2022

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kunsill tal-Membri tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ fir-rigward tat-tħassirtal-kategorija żejt taż-żebbuġa verġni ordinarju mill-Anness B tal-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015 (“il-Ftehim”) ġie ffirmat f’isem l-Unjoni f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1892 (1) fit-18 ta’ Novembru 2016, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard. Il-Ftehim daħal fis-seħħ b’mod proviżorju fl-1 ta’ Jannar 2017 f’konformità mal-Artikolu 31(2) tiegħu,

(2)

Il-Ftehim ġie konkluż fis-17 ta’ Mejju 2019 bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/848 (2).

(3)

Skont l-Artikolu 7(1) tal-Ftehim, il-Kunsill tal-Membri tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ (“il-Kunsill tal-Membri”) irid jadotta d-deċiżjonijiet li jagħmlu t-tibdil fil-Ftehim.

(4)

Waqt il-116-il seduta li ser issir bejn it-28 ta’ Novembru u t-2 ta’ Diċembru 2022, jew fil-qafas ta’ proċedura għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet mill-Membri tal-Kunsill permezz ta’ skambju ta’ korrispondenza, il-Kunsill tal-Membri għandu jadotta deċiżjoni biex titħassar il-kategorija “żejt taż-żebbuġa verġni ordinarju” mill-Anness B tal-Ftehim.

(5)

Id-deċiżjoni ser issir vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 20(1) tal-Ftehim. Għalhekk jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill tal-Membri, peress li d-deċiżjoni li ser tiġi adottata ser ikollha effetti legali fuq l-Unjoni.

(6)

Billi l-kategorija ‘żejt taż-żebbuġa verġni ordinarju’ ma teżistix fir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), jenħtieġ li d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Membri tiġi appoġġata.

(7)

Jenħtieġ li tittieħed f’isem l-Unjoni l-pożizzjoni stabbilita f’din id-Deċiżjoni fil-116-il seduta tal-Kunsill tal-Membri, jew fil-qafas ta’ proċedura għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet mill-Kunsill tal-Membri permezz ta’ skambju ta’ korrispondenza, skont l-Artikolu 10(6) tal-Ftehim. Jenħtieġ li l-proċedura għall-adozzjoni permezz ta’ skambju ta’ korrispondenza tinbeda qabel is-seduta regolari li jmiss tal-Kunsill tal-Membri f’Novembru tal-2022,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kunsill tal-Membri tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ waqt il-116-il seduta li ser issir bejn it-28 ta’ Novembru u t-2 ta’ Diċembru 2022, jew fil-qafas ta’ proċedura għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet mill-Kunsill tal-Membri permezz ta’ skambju ta’ korrispondenza li trid tinbeda qabel is-seduta regolari li jmiss f’Novembru tal-2022, hija li jiġi appoġġat it-tħassir tal-kategorija “żejt taż-żebbuġa verġni ordinarju” mill-Anness B tal-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, mill-1 ta’ Jannar 2026.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-13 ta’ Ottubru 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

P. BLAŽEK


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1892 tal-10 ta’ Ottubru 2016 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015 (ĠU L 293, 28.10.2016, p. 2).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/848 tas-17 ta’ Mejju 2019 dwar il-konklużjoni f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015 (ĠU L 139, 27.5.2019, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671).