|
28.10.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 280/12 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/2078
tal-24 ta’ Ottubru 2022
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat tas-Sikurezza Marittima tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali matul il-106 sessjoni tiegħu u fil-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali matul id-79 sessjoni tiegħu fir-rigward tal-emenda tal-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar (SOLAS), tal-Kodiċi Internazzjonali dwar il-Programm Imtejjeb ta’ Spezzjonijiet waqt il-Kontrolli ta’ Bastimenti ta’ Tagħbija bl-Ingrossa u Tankers taż-Żejt, 2011 (“il-Kodiċi ESP 2011”) u tal-Anness VI għall-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis minn Bastimenti (MARPOL)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Jenħtieġ li l-għan tal-azzjoni tal-Unjoni fis-settur tat-trasport marittimu jkun li tittejjeb is-sikurezza marittima u li jiġi protett l-ambjent tal-baħar u saħħet il-bniedem. |
|
(2) |
Il-Kumitat tas-Sikurezza Marittima tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) huwa mistenni jadotta, matul il-106 sessjoni tiegħu (“MSC 106”) mit-2 sal-11 ta’ Novembru 2022, emendi għall-Kapitolu II-2 tal-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar (SOLAS) u għall-Kodiċi Internazzjonali dwar il-programm imtejjeb ta’ spezzjonijiet waqt il-kontrolli ta’ Bastimenti ta’ tagħbija bl-ingrossa u Tankers taż-żejt, 2011 (il-“Kodiċi ESP 2011”). |
|
(3) |
Il-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar tal-OMI huwa mistenni jadotta, matul id-79 sessjoni tiegħu (“MEPC 79”) mit-12 sas-16 ta’ Diċembru 2022, emendi għar-Regolament 14 tal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis minn Bastimenti (MARPOL) u għall-Appendiċi VII u IX tal-Anness VI tal-MARPOL. |
|
(4) |
Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni matul l-MSC 106, peress li l-emendi għall-Kapitolu II-2 tas-SOLAS u għall-Kodiċi ESP 2011 jistgħu jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tal-liġi tal-Unjoni, jiġifieri d-Direttiva 2009/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) u r-Regolament (UE) Nru 530/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). |
|
(5) |
L-emendi għall-Kapitolu II-2 tas-SOLAS ser iqisu l-fornituri tal-fjuwil taż-żejt li naqsu milli jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-punt tal-fjammabbiltà, l-azzjonijiet kontra l-fornituri tal-fjuwil taż-żejt li nstabu li jipprovdu fjuwil taż-żejt li ma jikkonformax mar-rekwiżiti minimi tal-punt tal-fjammabbiltà, u d-dokumentazzjoni tal-punt ta’ fjammabbiltà tal-lott tal-fjuwil attwali waqt il-bunkering. L-Unjoni jenħtieġ li tappoġġa dawk l-emendi peress li ser itejbu s-sikurezza ta’ bastimenti. |
|
(6) |
L-emendi għall-Kodiċi ESP 2011 huma bil-għan li jiġu implimentati rekwiżiti aktar stretti għall-istħarriġ tat-tankijiet tas-saborra u tal-ispazji vojta sabiex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet ta’ sikurezza li ġew identifikati matul l-investigazzjoni tas-sikurezza marittima tal-Istat tal-bandiera tat-telf tal-bastimenti ta’ tagħbija bl-ingrossa MV Stellar Daisy fl-2017. L-Unjoni jenħtieġ li tappoġġa dawk l-emendi peress li ser itejbu s-sikurezza ta’ bastimenti. |
|
(7) |
Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni matul l-MEPC 79, peress li l-emendi għar-Regolament 14 tal-MARPOL u għall-Appendiċi VII u IX tal-Anness VI tal-MARPOL jistgħu jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tal-liġi tal-Unjoni, jiġifieri r-Regolament (UE) 2015/757 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u d-Direttiva (UE) 2016/802 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). |
|
(8) |
L-emendi għar-Regolament 14 tal-MARPOL u l-Appendiċi VII tal-Anness VI tal-MARPOL jikkonċernaw id-deżinjazzjoni tal-Baħar Mediterran, kollu kemm hu, bħala Żona ta’ Kontroll tal-Emissjonijiet tal-Ossidi tal-Kubrit (Med SOX ECA). Jenħtieġ li l-Unjoni tappoġġa dawk l-emendi peress li dik id-deżinjazzjoni ser tirriżulta fi tnaqqis sinifikanti fil-livelli ambjentali tat-tniġġis tal-arja fil-Baħar Mediterran kollu kemm hu u fl-Istati kostali tal-Mediterran, li ser iwassal għal benefiċċji sostanzjali għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent. |
|
(9) |
L-emendi għall-Appendiċi IX tal-Anness VI tal-MARPOL ser itejbu informazzjoni dwar il-prestazzjoni tal-intensità tal-karbonju tal-bastiment fis-Sistema ta’ Ġbir tad-Data dwar il-Konsum taż-Żejt Fjuwil mill-Bastimenti tal-OMI (DCS). L-Unjoni jenħtieġ li tappoġġa dawk l-emendi peress li l-informazzjoni mtejba dwar l-intensità tal-karbonju tal-bastimenti ser tipprovdi data essenzjali dwar l-effiċjenza enerġetika u l-prestazzjoni tal-intensità tal-karbonju tal-flotta globali. Għalhekk, tali informazzjoni jenħtieġ li tiġi rrapportata lid-DCS tal-OMI. |
|
(10) |
L-Unjoni la hija membru tal-OMI, u lanqas ma hija parti kontraenti fis-SOLAS, fil-Kodiċi ESP 2011 jew fil-MARPOL. Għaldaqstant jenħtieġ li l-Kunsill jawtorizza lill-Istati Membri jesprimu l-pożizzjoni tal-Unjoni. |
|
(11) |
Jenħtieġ li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni jkun limitat għall-kontenut tal-emendi proposti, sa fejn dawk l-emendi jkunu kapaċi jaffettwaw ir-regoli komuni tal-Unjoni u jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni. Jenħtieġ li din id-Deċiżjoni ma taffettwax id-diviżjoni tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat tas-Sikurezza Marittima tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) matul il-106 sessjoni tiegħu (“MSC 106”) għandha tkun li taqbel mal-adozzjoni tal-emendi tal-Kapitolu II-2 tal-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar (SOLAS), kif jinsabu fl-Anness 1 tad-dokument MSC 106/3 tal-OMI, u tal-Kodiċi Internazzjonali dwar il-Programm Imtejjeb ta’ Spezzjonijiet Waqt il-Kontrolli ta’ Bastimenti ta’ Tagħbija bl-Ingrossa u Tankers taż-Żejt, 2011 (“il-Kodiċi ESP 2011”), kif jinsabu fl-Anness 5 tad-dokument MSC 106/3 tal-OMI.
Artikolu 2
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar tal- OMI matul id-79 sessjoni tiegħu (“MEPC 79”) għandha tkun li taqbel mal-adozzjoni tal-emenda tar-Regolament 14 tal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis minn Vapuri (MARPOL) u tal- Appendiċi VII tal-Anness VI tal-MARPOL, kif jinsabu fl-Anness tad-dokument MEPC 79/3/2 tal-OMI, u mal-adozzjoni tal-emenda tal-Appendiċi IX tal--Anness VI MARPOL, kif jinsabu fl-Anness tad-dokument MEPC 79/3/3 tal-OMI.
Artikolu 3
1. Il-pożizzjonijiet li għandhom jittieħdu f’isem l-Unjoni speċifikati f’din id-Deċiżjoni jkopru l-emendi kkonċernati sa fejn dawk l-emendi jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni u kapaċi jaffettwaw ir-regoli komuni tal-Unjoni. Dawk il-pożizzjonijiet għandhom jiġu espressi mill-Istati Membri, li huma lkoll membri tal-IMO, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt fl-interessi tal-Unjoni.
2. Jista’ jintlaħaq qbil dwar bidliet minuri għall-pożizzjonijiet imsemmijin fl-Artikoli 1 u 2 mingħajr ma tittieħed deċiżjoni ulterjuri min-naħa tal-Kunsill.
Artikolu 4
L-Istati Membri huma b’dan awtorizzati jagħtu l-approvazzjoni tagħhom li jintrabtu, fl-interessi tal-Unjoni, bl-emendi msemmija fl-Artikoli 1 u 2, sa fejn dawk l-emendi jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni.
Artikolu 5
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fil-Lussemburgu, l-24 ta’ Ottubru 2022.
Għall-Kunsill
Il-President
A. HUBÁČKOVÁ
(1) Id-Direttiva 2009/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009 dwar regoli u standards ta’ sigurtà għal vapuri tal-passiġġieri (ĠU L 163, 25.6.2009, p. 1).
(2) Ir-Regolament (UE) Nru 530/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2012 dwar l-introduzzjoni aċċellerata ta’ rekwiżiti ta’ buq doppju jew ta’ disinn ekwivalenti għal tankers taż-żejt b’buq wieħed (ĠU L 172, 30.6.2012, p. 3).
(3) Ir-Regolament (UE) 2015/757 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2015 dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika ta’ emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju mit-trasport marittimu, u li jemenda d-Direttiva 2009/16/KE (ĠU L 123, 19.5.2015, p. 55).
(4) Id-Direttiva (UE) 2016/802 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar tnaqqis tal-kontenut tal-kubrit f’ċerti karburanti likwidi (ĠU L 132, 21.5.2016, p. 58).