26.10.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 276/142


DEĊIŻJONI (UE) 2022/2063 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-13 ta’ Ottubru 2022

li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2020/637 dwar proċeduri ta’ akkreditazzjoni għal manifatturi ta’ elementi ta’ sigurtà tal-euro u elementi tal-euro

(BĊE/2022/35)

Il-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 128(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b’mod partikolari l-Artikolu 12.1, l-Artikolu 16 u l-Artikolu 34.3 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2532/98 tat-23 ta’ Novembru 1998 dwar il-poteri tal-Bank Ċentrali Ewropew li jimponi sanzjonijiet (1) u b’mod partikolari l-Artikolu 2 tiegħu,

Billi:

(1)

Sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni effiċjenti u prattika tar-rekwiżiti etiċi relatati mall-akkreditazzjoni tal-manifatturi skont id-Deċiżjoni (UE) 2020/637 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2020/24) (2), dik id-Deċiżjoni għandha tiġi aġġornata.

(2)

Id-Deċiżjoni għandha tiġi aġġornata biex tiċċara li awdituri indipendenti għandhom jiffukaw fuq iċ-ċertifikazzjoni tal-implimentazzjoni u l-operat ta’ programm ta’ konformità korporattiva u għandha tiċċara aktar il-kamp ta’ applikazzjoni tad-definizzjoni ta’ “awditur indipendenti” biex tinkludi l-funzjoni tal-awditjar intern tal-bank ċentrali nazzjonali fejn xieraq.

(3)

Jeħtieġ ukoll li jiġi speċifikat li kundanna b’sentenza finali għandha tkun soġġetta għal perjodu ta’ limitu definit u armonizzat li jirriferi għal meta seħħet l-imġiba mhux etika.

(4)

Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-programm ta’ konformità korporattiva għandu jiġi ċċarat ukoll sabiex mill-inqas standard wieħed ta’ konformità jiġi implimentat b’mod effettiv.

(5)

Il-konformità mal-istandards etiċi stabbiliti fid-Deċiżjoni (UE) 2020/637 (BĊE/2020/24) għandha tkun soġġetta għal awtodikjarazzjoni mill-manifattur akkreditat sabiex jiġi żgurat li din il-konformità tintwera u tiġi rreġistrata b’mod ċar. Sabiex il-manifatturi jingħataw biżżejjed żmien biex iħejju ruħhom, jeħtieġ li tiġi stabbilita d-data sa meta għandha tiġi ppreżentata l-ewwel awtodikjarazzjoni li tikkonferma tali konformità.

(6)

Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali, l-emendi proposti għandhom japplikaw mid-data speċifikata fl-Artikolu 24(3) tad-Deċiżjoni (UE) 2020/637, jiġifieri s-16 ta’ Novembru 2022.

(7)

Għaldaqstant, id-Deċiżjoni (UE) 2020/637 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2020/24) għandha tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Emendi

Id-Deċiżjoni (UE) 2020/637 (BĊE/2020/24) hija emendata kif ġej:

1.

L-Artikolu 1 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt (15) huwa mħassar;

(b)

il-punt (16) huwa mħassar;

(c)

il-punt (22) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(22)

‘entità ta’ kontroll’ tfisser korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju ta’ manifattur jew kwalunkwe persuna ġuridika skont it-tifsira tal-Artikolu 5(4) tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2008/841/ĠAI (*1), li tista’ tirrappreżenta, tieħu deċiżjonijiet f’isem, jew teżerċita kontroll fuq il-manifattur; għal manifattur li huwa legalment u organizzativament parti minn BĊN, l-entità ta’ kontroll hija l-korp li jieħu d-deċiżjonijiet tal-BĊN.

(*1)  Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2008/841/ĠAI tal-24 ta’ Ottubru 2008 dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata (ĠU L 300, 11.11.2008, p. 42).”;"

(d)

il-punt (23) huwa mħassar;

(e)

il-punt (24) huwa mħassar;

(f)

il-punt (25) huwa mħassar;

(g)

il-punt (26) huwa mħassar;

(h)

il-punt (27) huwa mħassar;

(i)

il-punt (28) huwa mħassar;

(j)

il-punt (31) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(31)

‘awditur indipendenti’ tfisser entità rikonoxxuta kompetenti biex tivvaluta u tiddikjara li programm ta’ konformità korporattiva ta’ manifattur jikkonforma mal-prinċipji, ir-regoli u l-proċeduri dwar il-kondotta etika tan-negozju, inkluż id-dipartiment intern rilevanti ta’ BĊN għal manifattur li huwa legalment u organizzativament parti minn dak il-BĊN, jew li huwa persuna ġuridika separata f’każijiet fejn il-BĊN jeżerċita kontroll simili fuq dik il-persuna ġuridika għal dak li jeżerċita fuq id-dipartimenti tiegħu stess.”;

2.

fl-Artikolu 3(1) qed jiżdied il-punt (e) li ġej:

“(e)

ir-rekwiżiti ta’ solvenza li ġejjin:

(i)

il-manifattur ma huwiex is-suġġett ta’ proċeduri ta’ falliment, insolvenza jew stralċ;

(ii)

l-assi tal-manifattur ma humiex s-suġġett ta’ amministrazzjoni minn likwidatur jew mill-qorti;

(iii)

il-manifattur ma jkollux arranġament mal-kredituri;

(iv)

l-attivitajiet kummerċjali tal-manifattur ma humiex sospiżi;

(v)

il-manifattur ma huwiex is-suġġett ta’ xi proċedura jew ċirkostanza simili għal dawk imsemmija fil-punti (i) sa (iv) li japplikaw skont il-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali applikabbli.”;

3.

L-Artikolu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 4

Rekwiżiti etiċi

1.   Manifattur akkreditat jew kwalunkwe waħda mill-entitajiet ta’ kontroll tiegħu għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti etiċi kollha li ġejjin:

(a)

dak il-manifattur akkreditat jew kwalunkwe waħda mill-entitajiet ta’ kontroll tiegħu ma kienx is-suġġett ta’ kundanna b’sentenza finali għal kwalunkwe waħda mill-imġiba li ġejja, meta tali mġiba seħħet wara l-15 ta’ Novembru 2017 u dak il-manifattur akkreditat huwa akkreditat qabel is-16 ta’ Novembru 2022, jew fejn seħħet tali mġiba mhux qabel ħames snin qabel id-data tat-talba għal akkreditazzjoni skont l-Artikolu 5 ta’ din id-Deċiżjoni:

(i)

parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali, inklużi t-tipi ta’ mġiba kif stabbiliti fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Kwadru 2008/841/ĠAI;

(ii)

korruzzjoni attiva u passiva kif definita fl-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej jew uffiċjali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (*2) u l-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2003/568/ĠAI (*3) dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fis-settur privat;

(iii)

frodi skont it-tifsira tal-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej (*4);

(iv)

reati terroristiċi, inkluż kwalunkwe wieħed mir-reati msemmija fl-Artikoli 3 sa 12 tad-Direttiva (UE) 2017/541 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*5);

(v)

ħasil tal-flus, kif iddefinit fl-Artikolu 1(3) u (4) tad-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*6);

(vi)

it-traffikar tal-bnedmin, inkluż kwalunkwe wieħed mill-atti intenzjonali msemmija fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*7), u l-inċitament, l-għajnuna, il-kompliċità u t-tentattivi relatati kif previst fl-Artikolu 3 ta’ dik id-Direttiva;

(vii)

kwalunkwe attività illegali oħra li hija ta’ detriment għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni, il-BĊE jew il-BĊNi.

(b)

dak il-manifattur akkreditat jew kwalunkwe waħda mill-entitajiet ta’ kontroll tiegħu ma jkunux ħadu sehem f’xi waħda mill-imġiba li ġejja li tkun seħħet wara l-15 ta’ Novembru 2017 meta tkun akkreditata qabel is-16 ta’ Novembru 2022, jew tkun seħħet mhux qabel ħames snin qabel id-data tat-talba għall-akkreditazzjoni skont l-Artikolu 5 ta’ din id-Deċiżjoni:

(i)

ksur ta’ obbligi relatati mal-ħlas ta’ taxxi u/jew kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali fejn dan ikun ġie stabbilit b’deċiżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva li jkollha effett finali u vinkolanti skont id-dispożizzjonijiet legali tal-pajjiż li fih il-manifattur akkreditat ikun stabbilit jew ma’ dawk ta’ Stat Membru fejn titwettaq l-attività relatata ma’ element ta’ sigurtà tal-euro jew attività relatata ma’ element tal-euro;

(ii)

kondotta professjonali ħażina ta’ ċerta gravità, inklużi każijiet serji ta’ nuqqas ta’ konformità mad-dmirijiet professjonali, fejn dan ikun ġie ddeterminat mill-awtoritajiet kompetenti;

(iii)

id-dħul fi ftehimiet li għandhom l-għan li jfixklu l-kompetizzjoni fis-suq rilevanti, fejn dan ikun ġie ddeterminat mill-awtoritajiet kompetenti;

(iv)

kull attività oħra li x’aktarx taffettwa l-integrità tal-karti tal-flus tal-euro bħala mezz ta’ ħlas effettiv.

2.

Manifattur akkreditat għandu jistabbilixxi u jżomm programm ta’ konformità korporattiva implimentat bis-sħiħ u operattiv biex jiġġestixxi l-attivitajiet kollha mwettqa fis-sit akkreditat tal-manifattura tiegħu. Dak il-programm ta’ konformità korporattiva għandu japplika wkoll għal attivitajiet esterni mwettqa barra mis-sit ta’ manifattura akkreditat tiegħu fejn dawk l-attivitajiet ikunu simili għall-attivitajiet tal-euro jew attivitajiet ta’ sigurtà tal-euro li għalihom il-BĊE jkun ta akkreditazzjoni.

3.

Il-programm ta’ konformità korporattiva msemmi fil-paragrafu 2 għandu jinkludi u jimplimenta, bħala minimu, il-prinċipji, ir-regoli u l-proċeduri stabbiliti f’wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

L-Artikolu 10 tar-Regoli dwar il-Ġlieda kontra l-Korruzzjoni tal-Kamra Internazzjonali tal-Kummerċ (International Chamber of Commerce Rules on Combating Corruption) (*8);

(b)

l-Inizjattiva tal-Etika tal-Karti tal-Flus (*9);

(c)

l-istandard ISO 37001;

(d)

kwalunkwe programm ekwivalenti ieħor.

(*2)  ĠU C 195, 25.6.1997, p. 2."

(*3)  Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2003/568/ĠAI tat-22 ta’ Lulju 2003 dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fis-settur privat (ĠU L 192, 31.7.2003, p. 54)."

(*4)  Konvenzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU C 316, 27.11.1995, p. 48)."

(*5)  Id-Direttiva (UE) 2017/541 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/475/ĠAI u li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI (ĠU L 88, 31.3.2017, p. 6)."

(*6)  Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73)."

(*7)  Id-Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/629/ĠAI (ĠU L 101, 15.4.2011, p. 1)."

(*8)  Disponibbli fuq is-sit web tal-Kamra Internazzjonali tal-Kummerċ fuq www.iccwbo.org."

(*9)  Disponibbli fuq is-sit web tal-Inizjattiva tal-Etika tal-Karti tal-Flus fuq www.bnei.com.”;"

4.

fl-Artikolu 5, il-paragrafu 2 huwa emendat skont kif ġej:

(a)

il-punt (f) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(f)

formola mimlija ta’ awtodikjarazzjoni, li l-mudell tagħha huwa disponibbli fuq l-extranet tal-karti tal-flus tal-BĊE, iffirmata mir-rappreżentanti legali tal-manifattur, li tikkonferma li l-manifattur jikkonforma mar-rekwiżiti kollha stabbiliti fl-Artikoli 3(1)(b), (d) u (e) ta’ din id-Deċiżjoni;”;

(b)

il-punt (g) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(g)

dikjarazzjoni bil-miktub maħruġa u ffirmata minn awditur indipendenti jew ċertifikazzjoni li tikkonferma l-implimentazzjoni u l-operat ta’ programm ta’ konformità korporattiva kif imsemmi fl-Artikolu 4(2) u (3);”;

5.

L-Artikolu 6 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 huwa mibdul b’dan li ġej:

“2.   Il-BĊE għandu jivvaluta l-konformità tal-manifattur mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 3(1)(b) sa (e), u l-Artikolu 3(3) kontra d-dokumentazzjoni pprovduta skont l-Artikolu 5 ta’ din id-Deċiżjoni.”

;

(b)

l-ewwel sentenza tal-paragrafu 4 hija emendata skont kif ġej:

“4.   Jekk manifattur jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 3(1)(b) sa (e), jew permezz tal-Artikolu 3(4) ikun ingħata eċċezzjoni mir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 3(1)(c), il-BĊE għandu jipprovdi lill-manifattur b’dokumentazzjoni li jkun fiha r-rekwiżiti ta’ akkreditazzjoni skont l-Artikolu 3(1)(a).”

;

6.

L-Artikolu 9 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1, punt (3) huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“(3)   immedjatament jinforma lill-BĊE bil-miktub fil-każ ta’ revoka ta’ kwalunkwe wieħed miċ-ċertifikati relatati mar-rekwiżiti ta’ akkreditazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(1)(d) jew, fejn rilevanti, fl-Artikolu 4(2) u (3);”

;

(b)

il-paragrafu 1, punt (4) huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“(4)   jipprovdi fuq bażi annwali, u fi żmien xahrejn minn tmiem is-sena kalendarja, dan kollu li ġej:

(a)

formola mimlija ta’ awtodikjarazzjoni, li l-mudell tagħha huwa disponibbli fuq l-extranet tal-karti tal-flus tal-BĊE, iffirmata mir-rappreżentant legali tal-manifattur, li tikkonferma li l-manifattur akkreditat u l-entitajiet ta’ kontroll tiegħu kkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(a) u (b);

(b)

dikjarazzjoni bil-miktub maħruġa u ffirmata minn awditur indipendenti jew ċertifikazzjoni li tikkonferma l-implimentazzjoni u l-operat għas-sena kalendarja sħiħa ta’ programm ta’ konformità korporattiva kif imsemmi fl-Artikolu 4(2) u (3).

Manifatturi akkreditati għandhom jippreżentaw l-ewwel formola ta’ awtodikjarazzjoni kif meħtieġ skont il-punt (a), u l-ewwel dikjarazzjoni bil-miktub maħruġa u ffirmata minn awditur indipendenti, jew ċertifikazzjoni, kif meħtieġ skont il-punt (b), sa tmiem Frar 2024, fiż-żewġ każijiet li jkopru s-sena kalendarja 2023 sħiħa.”

;

(c)

il-paragrafu 1, il-punt (9) huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“(9)   jinforma minnufih lill-BĊE bil-miktub meta tapplika kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

il-manifattur akkreditat jew kwalunkwe waħda mill-entitajiet ta’ kontroll tiegħu jonqsu milli jikkonformaw mal-kundizzjonijiet elenkati fl-Artikolu 4(1)(b);

(b)

il-manifattur akkreditat jew kwalunkwe waħda mill-entitajiet ta’ kontroll tiegħu jkollhom evidenza li huwa soġġett għal investigazzjonijiet amministrattivi jew penali dwar kwalunkwe mġiba elenkata fl-Artikolu 4(1)(a) jew nuqqas ta’ konformità ma’ kwalunkwe wieħed mir-rekwiżiti elenkati fl-Artikolu 4(1)(b);

(c)

il-manifattur akkreditat jew kwalunkwe waħda mill-entitajiet ta’ kontroll kienu s-suġġett ta’ kundanna b’sentenza finali għal kwalunkwe waħda mill-attivitajiet elenkati fl-Artikolu 4(1)(a);”.

Artikolu 2

Dispożizzjonijiet Finali

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum meta tiġi nnotifikata lid-destinatarji.

2.   Għandha tapplika mis-16 ta’ Novembru 2022.

Artikolu 3

Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-manifatturi u lill-manifatturi akkreditati ta’ elementi ta’ sigurtà tal-euro u ta’ elementi tal-euro.

Magħmul fi Frankfurt am Main, it-13 ta’ Ottubru 2022.

Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE

Il-President tal-BĊE

Christine LAGARDE


(1)  ĠU L 318, 27.11.1998, p. 4.

(2)  Id-Deċiżjoni (UE) 2020/637 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-27 ta’ April 2020 dwar proċeduri ta’ akkreditazzjoni għal manifatturi ta’ elementi ta’ sigurtà tal-euro u elementi tal-euro (BĊE/2020/24) (ĠU L 149, 12.5.2020, p. 12).