25.10.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 275/75


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/2053

tat-18 ta’ Ottubru 2022

dwar it-talba għar-reġistrazzjoni tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “Inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej dwar ikel vegan”, skont ir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(notifikata bid-dokument C(2022) 7481)

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(2) u (3) tiegħu,

Billi:

(1)

Fit-30 ta’ Awwissu 2022 il-Kummissjoni ġiet ippreżentata talba għar-reġistrazzjoni ta’ inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “Inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej dwar ikel vegan”.

(2)

L-objettiv tal-inizjattiva kif spjegati mill-organizzaturi huwa li “fl-ispazji privati u pubbliċi li jbigħu l-ikel u x-xorb fl-Ewropa dejjem ikun hemm espliċitament alternattiva vegana. L-inizjattiva taċ-Ċittadini tal-UE dwar IKEL VEGAN għal dawk li huma vegani u għal dawk li jirrispettaw id-dritt għal alternattiva vegana kif ukoll għal azzjoni favur it-tibdil fil-klima permezz tad-disponibblità aktar faċli ta’ ikel ibbażat fuq il-pjanti fil-ħajja ta’ kuljum tal-konsumaturi tal-UE. Id-dieta vegana mhijiex krudili għax ma timplikax l-isfruttament u l-qtil tal-annimali, u hija tweġiba għall-għarfien kollettiv li qed jiżdied dwar id-drittijiet tal-annimali. Barra minn hekk, id-dieta vegana twassal għal tibdil fit-territorju minħabba l-għażla ta’ attivitajiet, strutturi u loġistika tal-produzzjoni u tal-impjiegi li jniġġsu anqas. L-inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej dwar IKEL VEGAN titlob l-introduzzjoni bil-liġi ta’ alternattiva vegana fil-bejgħ tal-ikel u x-xorb lill-pubbliku fl-Ewropa bit-tama li l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini Ewropej twassal għall-approvazzjoni ta’ liġi tal-UE b’benefiċċji kbar għall-pjaneta, jiġifieri il-mitigazzjoni tal-kriżi klimatika, l-estinzjoni tal-ispeċi selvaġġi, id-deforestazzjoni, l-użu aħjar tal-art, il-ħarsien tal-ħajja fil-baħar, il-ħela tal-ikel u l-malnutrizzjoni.”

(3)

Wieħed isib aktar dettalji dwar is-suġġett, l-objettivi u l-isfond tal-inizjattiva f’anness u f’dokument addizzjonali, li jistabbilixxu u jagħtu dettalji dwar ir-raġunijiet għall-appoġġ li qed jingħata għal din l-inizjattiva. L-organizzaturi jsostnu li d-disponibbiltà ta’ alternattiva vegana fil-bejgħ ta’ ikel u xorb lill-pubbliku fi spazji privati u pubbliċi jippermetti li l-aċċess għal alternattiva vegana jsir aktar faċli, u b’hekk jingħata sostenn fil-ġlieda kontra l-kriżi klimatika billi jiżdied il-konsum ta’ ikel ibbażat fuq il-pjanti filwaqt li l-ikel jirħas. Fi kliem l-organizzaturi, “L-iffaċilitar tad-disponibbiltà tal-ikel vegana fis-setturi tal-bejgħ tal-ikel u x-xorb pubbliċi u privati jikkonċerna t-tnaqqis tat-tniġġis fl-emissjonijiet tas-CO2, tal-kontaminazzjoni ambjentali, tal-użu tal-ilma u tat-tbatija għall-annimali”.

(4)

Fir-rigward tal-objettiv tal-inizjattiva, li titlob l-introduzzjoni ta’ obbligu legali għall-operaturi fis-suq tal-bejgħ bl-imnut tal-ikel u x-xorb li joffru prodotti vegani, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tippreżenta proposta għal att legali abbażi tal-Artikolu 114 tat-TFUE. Barra minn hekk, sa fejn l-inizjattiva tista’ taffettwa jew teħtieġ miżuri speċifiċi skont il-politika agrikola komuni, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tippreżenta proposti għal atti legali abbażi tal-Artikolu 43 tat-TFUE.

(5)

Għal dawn ir-raġunijiet, l-ebda parti mill-inizjattiva ma taqa’ manifestament barra mill-qafas tas-setgħat tal-Kummissjoni li tippreżenta proposta għal att legali tal-Unjoni għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati.

(6)

Din il-konklużjoni hija mingħajr preġudizzju għall-valutazzjoni ta’ jekk il-kundizzjonijiet sostantivi konkreti meħtieġa biex il-Kummissjoni taġixxi, inklużi l-konformità mal-prinċipji tal-proporzjonalità u tas-sussidjarjetà u l-kompatibbiltà mad-drittijiet fundamentali, ikunux issodisfati f’dan il-każ.

(7)

Il-grupp ta’ organizzaturi pprovda evidenza xierqa li jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 5(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2019/788 u ħatar il-persuni ta’ kuntatt f’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(3) ta’ dak ir-Regolament.

(8)

L-inizjattiva la hija manifestament abbużiva, frivola jew vessatorja u lanqas ma tmur manifestament kontra l-valuri tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u d-drittijiet stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(9)

Għaldaqstant, l-inizjattiva intitolata “Inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej għal ikel vegan” jenħtieġ li tiġi rreġistrata.

(10)

Il-konklużjoni li l-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 6(3) tar-Regolament (UE) 2019/788 huma ssodisfati ma timplikax li l-Kummissjoni b’xi mod jew ieħor tikkonferma l-korrettezza fattwali tal-kontenut tal-inizjattiva, li hija r-responsabbiltà unika tal-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva. Il-kontenut tal-inizjattiva jesprimi biss il-fehmiet tal-grupp ta’ organizzaturi, u bl-ebda mod ma jista’ jitqies li jirrifletti l-fehmiet tal-Kummissjoni,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għaldaqstant, l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “Inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej għal ikel vegan” għandha tiġi rreġistrata.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva taċ-ċittadini intitolata “Inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej għal ikel vegana”, irrappreżentat mis-Sinjura Paola SGARBAZZINI u mis-Sinjura Nora PAGLIONICO li jaġixxu bħala persuni ta’ kuntatt.

Magħmul fi Strasburgu, it-18 ta’ Ottubru 2022.

Għall-Kummissjoni

Věra JOUROVÁ

Viċi President


(1)  ĠU L 130, 17.5.2019, p. 55.