24.10.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 274/67


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/2003

tat-13 ta’ Ottubru 2022

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali fir-rigward tal-emendar tar-Regoli ta’ Proċedura skont il-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ taċ-Ċereali, 1995, dwar il-perjodu tal-kuntratt tal-awditur estern

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ taċ-Ċereali tal-1995 (“il-Konvenzjoni”) ġiet konkluża mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 96/88/KE (1) u daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 1995. Il-Konvenzjoni inizjalment ġiet konkluża għal perjodu ta’ tliet snin u minn dak iż-żmien ġiet estiża regolarment.

(2)

Ir-Regoli ta’ Proċedura skont il-Konvenzjoni (“ir-Regoli ta’ Proċedura”) ġew approvati mill-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali fit-6 ta’ Lulju 1995.

(3)

Ir-Regola 31, il-punt (a), tar-Regoli ta’ Proċedura jistabbilixxi li għandi jinħatar awditur estern indipendenti għal perjodu ta’ tliet snin, li jista’ jiġġedded darba, għal massimu ta’ sentejn.

(4)

Fl-14 ta’ April 2022, is-Segretarjat tal-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali ppropona li jemenda r-Regola 31, il-punt (a), bil-ħsieb li l-perjodu tal-ħatra tal-awditur estern indipendenti jiżdied minn tlieta għal ħames snin, li jista’ jiġġedded darba, għal massimu ta’ tliet snin. L-għan tal-emenda huwa li jiġi offrut perjodu kuntrattwali itwal għal awdituri potenzjali, li min-naħa tagħhom joffru prezzijiet aktar kompetittivi għas-servizzi tagħhom.

(5)

Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali fir-rigward tal-emendar tar-Regoli ta’ Proċedura dwar il-perjodu tal-kuntratt tal-awditur estern. L-emenda proposta għandha l-għan li ttejjeb is-sostenibbiltà finanzjarja tal-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali u għalhekk hija fl-interess tal-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali għandha tkun li tivvota favur l-emenda tar-Regola 31, il-punt (a), tar-Regoli ta’ Proċedura skont il-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ taċ-Ċereali, 1995, f’konformità mal-proposta ippreżentata mis-Segretarjat tal-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali tal-14 ta’ April 2022, bil-għan li jiżdied il-perjodu tal-kuntratt tal-awditur estern.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-13 ta’ Ottubru 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

P. BLAŽEK


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 96/88/KE tad-19 ta’ Diċembru 1995 rigward l-approvazzjoni mill-Komunità Ewropea tal-Konvenzjoni dwar in-Negozju taċ-Ċereali u l-Konvenzjoni tal-Għajnuna Alimentari, li tikkostitwixxi l-Ftehim taċ-Ċereali Internazzjonali tal-1995 (ĠU L 21, 27.1.1996, p. 47).