18.10.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 270/97


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2022/1972

tas-17 ta’ Ottubru 2022

li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2022/339 dwar miżura ta’ assistenza taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi biex tappoġġa l-Forzi Armati Ukreni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 28(1) u 41(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-28 ta’ Frar 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2022/339 (1) li stabbiliet miżura ta’ assistenza b’ammont ta’ referenza finanzjarja ta’ EUR 50 000 000 maħsub biex ikopri l-finanzjament tal-forniment ta’ tagħmir u provvisti mhux imfassla biex iwasslu forza letali, bħal tagħmir ta’ protezzjoni personali, kaxex għall-ewwel għajnuna u fjuwil, lill-Forzi Armati Ukreni.

(2)

Fit-23 ta’ Marzu 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2022/472 (2) li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2022/339, li żiedet l-ammont ta’ referenza finanzjarja għal EUR 100 000 000.

(3)

Fit-13 ta’ April 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2022/637 (3) li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2022/339, li żiedet l-ammont ta’ referenza finanzjarja għal EUR 150 000 000.

(4)

Fit-23 ta’ Mejju 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2022/810 (4) li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2022/339, li żiedet l-ammont ta’ referenza finanzjarja għal EUR 160 000 000.

(5)

Fil-21 ta’ Lulju 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2022/1284 (5) li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2022/339, li żiedet l-ammont ta’ referenza finanzjarja għal EUR 170 000 000.

(6)

Fid-dawl tal-aggressjoni armata li għaddejja mill-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna, jenħtieġ li l-ammont ta’ referenza finanzjarja jiżdied b’EUR 10 000 000 addizzjonali maħsub biex ikopri l-finanzjament tal-forniment ta’ tagħmir u provvisti mhux imfassla biex iwasslu forza letali, bħal tagħmir ta’ protezzjoni personali, kaxex għall-ewwel għajnuna u fjuwil, lill-Forzi Armati Ukreni.

(7)

Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni (PESK) 2022/339 tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni (PESK) 2022/339 hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 1, il-paragrafu 3, huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Sabiex jintlaħaq l-objettiv stabbilit fil-paragrafu 2, il-Miżura ta’ Assistenza għandha tiffinanzja l-forniment lill-Forzi Armati Ukreni ta’ tagħmir u provvisti mhux imfassla biex iwasslu forza letali, bħal tagħmir protettiv personali, kits għall-ewwel għajnuna u fjuwil, kif ukoll il-forniment ta’ manutenzjoni u tiswija ta’ tagħmir u provvisti mogħtija b’donazzjoni mill-EPF mhux imfassla biex iwasslu forza letali, kif mitlub mill-Ukrajna.”;

(2)

fl-Artikolu 2, il-paragrafu 1, huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-Miżura ta’ Assistenza għandu jkun ta’ EUR 180 000 000.”;

(3)

fl-Artikolu 2, il-paragrafu 3, huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   F’konformità mal-Artikolu 29(5) tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, l-amministratur għall-miżuri ta’ assistenza jista’ jagħmel sejħa għal kontribuzzjonijiet wara l-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, sa EUR 180 000 000. Il-fondi li għalihom għamel sejħa l-amministratur għall-miżuri ta’ assistenza għandhom jintużaw biss biex titħallas in-nefqa fil-limiti approvati mill-Kumitat stabbilit bid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 fil-baġit emendatorju tal-2022 u fil-baġits għas-snin sussegwenti li jikkorrispondu għall-Miżura ta’ Assistenza.”;

(4)

fl-Artikolu 2, il-paragrafu 4, huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   In-nefqa relatata mal-implimentazzjoni tal-Miżura ta’ Assistenza għandha tkun eliġibbli mill-1 ta’ Jannar 2022 u sa data li tiġi ddeterminata mill-Kunsill. In-nefqa massima eliġibbli mġarrba qabel il-11 ta’ Marzu 2022 għandha tkun ta’ EUR 50 000 000. L-ammont ta’ EUR 20 000 000 għandu jkun eliġibbli mill-21 ta’ Lulju 2022. In-nefqa relatata mal-manutenzjoni u t-tiswija għandha tkun eliġibbli mis-17 ta’ Ottubru 2022”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, is-17 ta’ Ottubru 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/339 tat-28 ta’ Frar 2022 dwar miżura ta’ assistenza taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi biex tappoġġa l-Forzi Armati Ukreni (ĠU L 61, 28.2.2022, p. 1).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/472 tat-23 ta’ Marzu 2022 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2022/339 dwar miżura ta’ assistenza taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi biex tappoġġa l-Forzi Armati Ukreni (ĠU L 96, 24.3.2022, p. 45).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/637 tat-13 ta’ April 2022 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2022/339 dwar miżura ta’ assistenza taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi biex tappoġġa l-Forzi Armati Ukreni (ĠU L 117, 19.4.2022, p. 36).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/810 tat-23 ta’ Mejju 2022 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2022/339 dwar miżura ta’ assistenza taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi biex tappoġġa l-Forzi Armati Ukreni (ĠU L 145, 24.5.2022, p. 42).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/1284 tal-21 ta’ Lulju 2022 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2022/339 dwar miżura ta’ assistenza taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi biex tappoġġa l-Forzi Armati Ukreni (ĠU L 195, 22.7.2022, p. 91).