18.10.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 270/67


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2022/1965

tas-17 ta’ Ottubru 2022

b’appoġġ għall-Programm ta’ Azzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Prevenzjoni, il-Ġlieda Kontra u l-Qerda tal-Kummerċ Illeċitu ta’ Armi Ħfief u ta’ Kalibru Żgħir fl-Aspetti Kollha Tiegħu

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 28(1) u 31(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fl-20 ta’ Lulju 2001, l-Istati parteċipanti fil-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) dwar il-Kummerċ Illeċitu ta’ Armi Ħfief u ta’ Kalibru Żgħir fl-Aspetti Kollha Tiegħu adottaw il-Programm ta’ Azzjoni tan-NU għall-Prevenzjoni, il-Ġlieda Kontra u l-Qerda tal-Kummerċ Illeċitu ta’ Armi Ħfief u ta’ Kalibru Żgħir fl-Aspetti Kollha Tiegħu (il-“Programm ta’ Azzjoni tan-NU”). Fit-8 ta’ Diċembru 2005, l-Assemblea Ġenerali tan-NU adottat l-Istrument Internazzjonali li Jippermetti lill-Istati Jidentifikaw u Jittraċċaw, b’Mod f’Waqtu u Affidabbli, Armi Ħfief u ta’ Kalibru Żgħir Illeċiti (l-“Istrument Internazzjonali dwar it-Traċċar”). Dawk iż-żewġ strumenti internazzjonali jiddikjaraw li l-Istati ser jikkooperaw, kif xieraq, man-NU sabiex jappoġġaw l-implimentazzjoni effettiva tagħhom.

(2)

Fit-12 ta’ Lulju 2002, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2002/589/PESK (1) dwar il-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni u t-tixrid ta’ armi żgħar (“SALW”).

(3)

Fis-16 ta’ Diċembru 2005, il-Kunsill Ewropew adotta l-Istrateġija tal-UE biex tikkumbatti l-akkumulazzjoni u t-traffikar illeċiti ta’ SALW u l-munizzjoni tagħhom. Dik l-Istrateġija tidentifika l-appoġġ għall-Programm ta’ Azzjoni tan-NU bħala l-ewwel prijorità għall-azzjoni fil-livell internazzjonali, u tappella għall-adozzjoni ta’ strument internazzjonali li jorbot legalment dwar it-traċċar u l-immarkar tas-SALW u l-munizzjon tagħhom.

(4)

Wara l-adozzjoni tal-Istrument Internazzjonali dwar it-Traċċar, l-Unjoni appoġġat l-implimentazzjoni sħiħa tiegħu permezz tal-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/113/PESK (2). Il-Kunsill ivvaluta l-implimentazzjoni tal-Azzjoni Konġunta b’mod pożittiv.

(5)

Fit-18 ta’ Lulju 2011, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2011/428/PESK (3), li appoġġat t-tieni Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rieżami tal-Progress li sar fl-Implimentazzjoni tal-Programm ta’ Azzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fl-2012.

(6)

L-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli li tnediet fil-25-27 ta’ Settembru 2015 tafferma li l-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu tas-SALW hija meħtieġa għall-kisba ta’ ħafna għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli, fosthom dawk relatati mal-paċi, il-ġustizzja u l-istituzzjonijiet b’saħħithom, it-tnaqqis tal-faqar, it-tkabbir ekonomiku, is-saħħa, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-bliet sikuri. Għalhekk, fl-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli 16.4, l-Istati kollha impenjaw ruħhom li jnaqqsu b’mod sinifikanti l-flussi illeċiti finanzjarji u tal-armi.

(7)

Fit-3 ta’ April 2017, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2017/633/PESK (4), li appoġġat it-tielet Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rieżami tal-Progress li sar fl-Implimentazzjoni tal-Programm ta’ Azzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fl-2018. Fit-30 ta’ Ġunju 2018, it-tielet Konferenza ta’ Rieżami adottat dokument ta’ eżitu fejn l-Istati ġeddew l-impenn tagħhom għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra d-devjazzjoni tas-SALW. L-Istati tennew ir-rieda tagħhom li jaħdmu għal kooperazzjoni internazzjonali u li jsaħħu l-kooperazzjoni reġjonali permezz ta’ koordinazzjoni, konsultazzjoni, skambju ta’ informazzjoni u kooperazzjoni operazzjonali mtejba, bl-involviment tal-organizzazzjonijiet reġjonali u subreġjonali rilevanti, kif ukoll tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, tal-kontroll tal-fruntieri u tal-ħruġ ta’ liċenzji ta’ esportazzjoni u importazzjoni.

(8)

Fl-Aġenda tiegħu għad-Diżarm “Securing our Common Future” (“Niżguraw il-Ġejjieni Komuni Tagħna”), li ġiet ippreżentata fl-24 ta’ Mejju 2018, is-Segretarju Ġenerali tan-NU appella biex tiġi indirizzata l-akkumulazzjoni eċċessiva tal-armi konvenzjonali u l-kummerċ illeċitu tagħhom u biex jingħata appoġġ fil-livell tal-pajjiżi, lill-approċċi dwar is-SALW u l-munizzjon tagħhom identifikati bħala faċilitaturi ewlenin tal-vjolenza u l-kunflitt bl-armi.

(9)

Fid-19 ta’ Novembru 2018, il-Kunsill adotta l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea kontra l-Armi tan-Nar, Armi Ħfief u ta’ Kalibru Żgħir illeċiti u l-Munizzjon tagħhom intitolata “Aktar Sigurtà fuq l-Armi Biex Nipproteġu liċ-Ċittadini” (l-“Istrateġija tal-UE dwar is-SALW”), li tistabbilixxi l-linji gwida għal azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-SALW. L-istrateġija tal-UE dwar is-SALW tqis il-Programm ta’ Azzjoni tan-NU bħala l-qafas globali biex tiġi miġġielda t-theddida ppreżentata minn SALW illeċiti u tappoġġa l-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tiegħu fil-livelli nazzjonali, reġjonali u dinjija.

(10)

Fis-17 ta’ Diċembru 2018, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2018/2011/PESK (5). L-Istrateġija tal-UE dwar is-SALW tgħid li l-Unjoni ser tintegra b’mod sistematiku konsiderazzjonijiet dwar il-ġeneru fit-tfassil ta’ proġetti ġodda li jirrelataw mal-ġlieda kontra l-vjolenza bl-armi tan-nar u l-kontroll tas-SALW b’mod ġenerali, u l-kondiviżjoni ta’ prattiki tajbin f’dak ir-rigward.

(11)

Ir-rapport finali tat-Tmien Laqgħa Biennali tal-Istati tal-2022 biex Jikkunsidraw l-Implimentazzjoni tal-Programm ta’ Azzjoni tan-NU jinnota:

li l-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tal-Programm ta’ Azzjoni u l-Istrument Internazzjonali tat-Traċċar hija vitali għall-avvanz tal-isforzi lejn il-paċi sostenibbli, is-sigurtà, l-iżvilupp soċjoekonomiku, it-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem u l-protezzjoni tal-ħajja, ukoll kif deskritt fid-dispożizzjonijiet rilevanti dwar is-SALW fl-Aġenda tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għad-Diżarm;

il-ħtieġa għall-parteċipazzjoni sħiħa, ugwali, sinifikanti u effettiva tan-nisa fil-proċessi kollha ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, u ta’ implimentazzjoni relatati mal-Programm ta’ Azzjoni u l-Istrument Internazzjonali tat-Traċċar u jħeġġeġ l-integrazzjoni ta’ perspettiva tal-ġeneri fl-isforzi ta’ implimentazzjoni tagħhom biex jiġi indirizzat l-impatt differenzjali tal-kummerċ illeċitu tas-SALW fuq in-nisa, l-irġiel, il-bniet u s-subien;

ir-rwol li għandha s-soċjetà ċivili fl-appoġġ tal-isforzi tal-Istati għall-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tal-Programm ta’ Azzjoni u jagħraf il-kontributi pożittivi li jistgħu jġibu ż-żgħażagħ f’dan ir-rigward;

il-ħtieġa għal kooperazzjoni u assistenza internazzjonali msaħħa, effettivi u sostenibbli;

li l-iżviluppi reċenti fil-manifattura, it-teknoloġija u d-disinn tas-SALW, b’mod partikolari l-armi polimeri u modulari, u l-armi tan-nar prodotti bi stampar 3D għandhom implikazzjonijiet għall-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tal-Programm ta’ Azzjoni u l-Istrument Internazzjonali tat-Traċċar, u jenħtieġ li jiġu indirizzati mill-Istati kollha, b’kont meħud tal-opportunitajiet, l-isfidi, ir-rwol tal-industrija, kif ukoll il-ħtieġa għal appoġġ finanzjarju u tekniku, lakuni teknoloġiċi bejn l-Istati u l-ħtieġa li titrawwem il-kooperazzjoni internazzjonali;

l-importanza ta’ traċċar effettiv tas-SALW fil-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu tas-SALW f’kuntesti ta’ konflitt u ta’ wara l-konflitt;

l-importanza li jiġu żviluppati jew stabbiliti oqfsa regolatorji nazzjonali stretti għall-immarkar, ir-reġistrazzjoni u t-traċċar tas-SALW, f’konformità mal-Istrument Internazzjonali tat-Traċċar għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra d-devjazzjoni u t-trasferiment internazzjonali illeċitu ta’ SALW lil riċevituri mhux awtorizzati;

il-ħtieġa li jiġu implimentati l-impenji dwar l-immarkar, iż-żamma tar-rekords u t-traċċar li jinsabu fl-Istrument Internazzjonali tat-Traċċar irrispettivament mill-materjali jew il-metodi użati fil-manifattura tas-SALW;

l-istabbiliment tal-grupp ta’ ħidma miftuħ stabbilit skont ir-riżoluzzjoni 76/233 tal-Assemblea Ġenerali biex jelabora sett ta’ impenji politiċi bħala qafas dinji ġdid li ser jindirizza l-lakuni eżistenti fil-ġestjoni tal-munizzjon tul il-ħajja;

ir-rwoli rispettivi ta’ dawk involuti fl-istadji differenti taċ-ċiklu tal-ħajja kollu tas-SALW, inkluż l-importanza tal-kooperazzjoni mal-industrija u s-settur privat, kif adatt, għall-prevenzjoni effettiva tal-manifattura u l-kummerċ illeċiti tas-SALW,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Bil-ħsieb tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE dwar is-SALW, l-għan ta’ din id-Deċiżjoni huwa li tappoġġa l-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tal-Programm ta’ Azzjoni tan-NU u l-Istrument Internazzjonali tat-Traċċar, issaħħaħ is-sigurtà internazzjonali, reġjonali u nazzjonali, tikkontribwixxi għar-realizzazzjoni tas-sigurtà tal-bniedem, u tippromwovi l-iżvilupp sostenibbli permezz tal-kontroll tas-SALW.

2.   Skont il-paragrafu 1, l-objettivi ta’ din id-Deċiżjoni huma dawn li ġejjin:

(a)

li tappoġġa żviluppi ta’ politika dinjija li jħarsu ‘l quddiem fil-kuntest tar-raba’ Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rieżami tal-Progress li sar fl-Implimentazzjoni tal-Programm ta’ Azzjoni tan-NU fl-2024;

(b)

li ssaħħaħ l-implimentazzjoni nazzjonali u reġjonali effettiva tal-Programm ta’ Azzjonijiet u l-Istrument Internazzjonali tat-Traċċar;

(c)

li tappoġġa politiki u programmi ta’ kontroll tas-SALW li jqisu d-dimensjoni marbuta mal-ġeneru.

3.   Deskrizzjoni dettaljata tal-proġett tinsab fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

1.   Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (“RGħ”) għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

2.   L-implimentazzjoni teknika tal-proġett imsemmi fl-Artikolu 1 għandha titwettaq mill-Uffiċċju tan-NU għall-Affarijiet ta’ Diżarm (UNODA).

3.   L-UNODA għandu jwettaq il-kompiti tiegħu taħt ir-responsabbiltà tar-RGħ. Għal dak il-għan, ir-RGħ għandu jħejji l-arranġamenti meħtieġa mal-UNODA.

Artikolu 3

1.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-proġett iffinanzjat mill-Unjoni għandu jkun ta’ EUR 4 524 465,05.

2.   In-nefqa ffinanzjata mill-ammont ta’ referenza stipulat fil-paragrafu 1 għandha tkun amministrata skont il-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.

3.   Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-amministrazzjoni korretta tan-nefqa msemmija fil-paragrafu 1. Għal dak il-għan, hija għandha tikkonkludi l-ftehim ta’ finanzjament neċessarju mal-UNODA. Il-ftehim ta’ finanzjament għandu jistipula li l-UNODA għandu jiżgura l-viżibilità tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni, b’mod xieraq skont id-daqs tagħha.

4.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-ftehim ta’ finanzjament imsemmi fil-paragrafu 3 kemm jista’ jkun malajr wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni. Hija għandha tgħarraf lill-Kunsill bi kwalunkwe diffikultà f’dak il-proċess u dwar id-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ finanzjament.

Artikolu 4

1.   Ir-RGħ għandu jirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni abbażi ta’ rapporti narrattivi regolari mħejjija mill-UNODA. Dawk ir-rapporti għandhom jiffurmaw il-bażi għall-evalwazzjoni li għandha titwettaq mill-Kunsill.

2.   Il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar l-aspetti finanzjarji tal-proġett imsemmi fl-Artikolu 1.

Artikolu 5

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

2.   Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi 36 xahar wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ finanzjament imsemmi fl-Artikolu 3(3). Madankollu, hija għandha tiskadi sitt xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ tagħha jekk ma jkun ġie konkluż l-ebda ftehim ta’ finanzjament f’dak il-perjodu.

Magħmul il-Lussemburgu, is-17 ta’ Ottubru 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)  L-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2002/589/PESK tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar il-kontribuzzjoni tal-Unjoni Ewropea għall-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni u t-tixrid ta’ armi żgħar u r-revokazzjoni tal-Azzjoni Konġunta 1999/34/PESK (ĠU L 191, 19.7.2002, p. 1).

(2)  L-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/113/PESK tat-12 ta’ Frar 2008 li tappoġġa l-Istrument Internazzjonali li jippermetti lill-Istati jidentifikaw u jittraċċaw, b’mod f’waqtu u affidabbli, Armi Żgħar u Armamenti Ħfief Illeċiti (SALW) fil-qafas tal-Istrateġija tal-UE fil-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni u t-traffikar illeċiti tas-SALW u l-munizzjon tagħhom (ĠU L 40, 14.2.2008, p. 16).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/428/PESK tat-18 ta’ Lulju 2011 b’appoġġ għall-attivitajiet tal-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Affarijiet ta’ Diżarm biex jiġi implimentat il-Programm ta’ Azzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Prevenzjoni, il-Ġlieda Kontra u l-Qerda tal-Kummerċ Illeċitu f’Armi Ħfief u ta’ Kalibru Żgħir fl-Aspetti Kollha Tiegħu (ĠU L 188, 19.7.2011, p. 37).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/633 tat-3 ta’ April 2017 b’appoġġ għall-Programm ta’ Azzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Prevenzjoni, il-Ġlieda Kontra u l-Qerda tal-Kummerċ Illeċitu ta’ Armi Ħfief u ta’ Kalibru Żgħir fl-Aspetti Kollha Tiegħu (ĠU L 90, 4.4.2017, p. 12).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/2011 tas-17 ta’ Diċembru 2018 b’appoġġ għal politiki, programmi u azzjonijiet li jintegraw il-perspettiva tal-ġeneri fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-armi ta’ kalibru żgħir u l-użu ħażin tagħhom, f’konformità mal-aġenda dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà (ĠU L 322, 18.12.2018, p. 38).


ANNESS

DOKUMENT TA’ PROĠETT LI JAPPOĠĠA L-PROGRAMM TA’ AZZJONI TAN-NAZZJONIJIET UNITI GĦALL-PREVENZJONI, IL-ĠLIEDA KONTRA U L-QERDA TAL-KUMMERĊ ILLEĊITU TA’ ARMI ĦFIEF U TA’ KALIBRU ŻGĦIR FL-ASPETTI KOLLHA TIEGĦU

1.   Sfond

L-adozzjoni tal-Programm ta’ Azzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Prevenzjoni, il-Ġlieda Kontra u l-Qerda tal-Kummerċ Illeċitu ta’ Armi Ħfief u ta’ Kalibru Żgħir fl-Aspetti Kollha Tiegħu (PtA) fl-2001 immarkat punt ta’ bidla fl-isforzi internazzjonali biex jiġi miġġieled il-kummerċ illeċitu ta’ armi ħfief u ta’ kalibru żgħir (SALW). Minn dak iż-żmien ‘l hawn, sar progress importanti fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-PtA u l-istrument ta’ traċċar tiegħu, l-Istrument Internazzjonali tal-2005 biex l-Istati jkunu jistgħu Jidentifikaw u Jittraċċaw, b’mod f’Waqtu u Affidabbli, Armi Ħfief u Armamenti ta’ Kalibru Żgħir Illeċiti (ITI). Madankollu, l-isfidi u l-ostakli għadhom ixekklu l-implimentazzjoni sħiħa u effettiva taż-żewġ strumenti.

Il-kontroll effettiv tal-armi ħfief mhux biss jikkontribwixxi għat-tisħiħ tas-sigurtà nazzjonali u tal-bniedem. Huwa jippromwovi wkoll l-iżvilupp sostenibbli kif rikonoxxut mill-istati fl-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, li sservi bħala umbrella għat-tfassil u l-ipprogrammar komprensivi tal-politika globali. Il-flussi illeċiti ta’ armi għandhom rwol ċentrali fit-tnedija, l-aggravar u ż-żieda ta’ konflitt armat, vjolenza mifruxa u atti ta’ kriminalità u terroriżmu. Dawn il-flussi, b’mod partikolari f’kuntesti ta’ konflitt, jaffettwaw b’mod negattiv il-ħidma tal-persunal tal-operazzjonijiet umanitarji u ta’ paċi u jikkomplikaw il-konklużjoni ta’ ftehimiet ta’ paċi.

Il-PtA u l-ITI jkomplu jipprovdu l-qafas universali, li l-Istati Membri kollha tan-NU qablu dwaru, biex tiġi indirizzata l-problema tal-armi ħfief, li jorbot lill-istati kollha biex itejbu l-liġijiet u l-politiki nazzjonali dwar l-armi ħfief, il-kontrolli tal-importazzjoni/esportazzjoni, il-ġestjoni tal-ħażniet, l-immarkar u t-traċċar, u biex jinvolvu ruħhom fil-kooperazzjoni u l-assistenza. Madankollu, matul l-aħħar deċennji tfaċċaw sfidi ġodda relatati mal-kontroll tas-SALW, fosthom l-iżviluppi fil-manifattura, it-teknoloġija u d-disinn tas-SALW, li jistgħu jimminaw l-effettività ta’ xi wħud mid-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-PtA u l-ITI.

It-tmien Laqgħa Biennali tal-Istati (BMS8), li saret f’Ġunju 2022, u r-raba’ Konferenza ta’ Reviżjoni (RevCon4), ippjanata għall-2024, jipprovdu opportunitajiet għall-istati biex jieħdu kont tal-lakuni li fadal, jindirizzaw sfidi ġodda u jagħtu bidu għal miżuri ta’ politika u operazzjonali ta’ rimedju u korrettivi, li jippermettu lill-Istati jsaħħu l-aġenda ta’ politika globali u l-effettività tal-PtA u l-ITI.

Minn impenji għal azzjoni

Minkejja l-progress ta’ min ifaħħru fil-livell tal-politika globali, għad hemm bżonn ta’ azzjonijiet nazzjonali u reġjonali sodi biex jiġu implimentati l-impenji globali u l-istrumenti reġjonali li qablu dwarhom l-istati. Huwa stmat li biljun arma tan-nar jinsabu fiċ-ċirkolazzjoni madwar id-dinja (1), b’hekk il-kontroll tas-SALW jibqa’ kompitu urġenti.

It-talbiet għal assistenza internazzjonali (2)għadhom għoljin. Huma meħtieġa mekkaniżmi ta’ assistenza msaħħa, sostenibbli u prevedibbli biex jiġu milqugħa d-domandi u jissaħħu l-kontroll u r-regolamentazzjoni tas-SALW. Għal ħafna stati biex jissodisfaw bis-sħiħ l-impenji politiċi relatati mal-kontroll tal-armi ħfief, inkluż dawk taħt l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp, hija meħtieġa assistenza internazzjonali.

Ħafna stati għad m’għandhomx mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni nazzjonali u f’ħafna pajjiżi fejn jeżistu, dawn huma dgħajfa. Dawn il-mekkaniżmi huma essenzjali għall-armonizzazzjoni tal-politiki u l-programmi nazzjonali, l-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni u l-monitoraġġ ta’ politiki, strateġiji u programmi nazzjonali komprensivi biex jindirizzaw il-problemi relatati mal-armi ħfief. L-għadd ta’ pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali dwar is-SALW għadu baxx u, fejn dawn jeżistu, l-allokazzjoni ta’ fondi jew l-integrazzjoni f’oqfsa nazzjonali usa’ ta’ żvilupp u sigurtà hija nieqsa. Il-ġbir tad-data għadu sfida ewlenija f’ħafna stati, b’hekk dan jimmina t-traċċar u l-monitoraġġ kwantitattiv tal-isforzi ta’ implimentazzjoni. Meta d-data tkun disponibbli, l-armonizzazzjoni u d-diżaggregazzjoni tad-data nazzjonali jibqgħu ta’ sfida. Filwaqt li sar progress relattiv fl-immarkar, għad hemm talbiet konsistentement għoljin għall-assistenza għall-ġestjoni tal-ħażniet, iż-żamma tar-rekords, il-kontrolli tat-trasferiment u t-traċċar. (3) Peress li t-traċċar huwa parti mill-qafas tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDG), ir-rati baxxi ta’ suċċess f’dan il-qafas idgħajfu l-kisba tal-Aġenda 2030 b’mod partikolari. (4)

Mis-Sitt Laqgħa Biennali tal-Istati fl-2016 s’issa, sar progress sinifikanti globalment fit-tisħiħ tar-rabtiet bejn il-kontroll tal-armi ħfief u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri. Il-karatteristiċi uniċi u profondi b’rabta mas-soċjetà tal-kwistjoni tal-armi ħfief tirrikjedi integrazzjoni komprensiva tal-perspettivi tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fid-dimensjonijiet kollha tal-kontroll tal-armi ħfief. Progress notevoli fl-implimentazzjoni ta’ dispożizzjonijiet relatati mal-ġeneru huwa viżibbli fir-rapporti nazzjonali ppreżentati mill-Istati Membri lill-UNODA, li jindika qabża minn 40% għal 63% bejn l-2018 u l-2022 ta’ Stati li issa jqisu l-konsiderazzjonijiet tal-ġeneru fil-kontroll tal-armi ħfief. (5)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/2011 tas-17 ta’ Diċembru 2018 b’appoġġ għal politiki, programmi u azzjonijiet li jintegraw il-perspettiva tal-ġeneri fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-armi ħfief u l-użu ħażin tagħhom, f’konformità mal-aġenda dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà (WPS) li skjerat l-attivitajiet tagħha fl-Afrika, l-Asja u l-Paċifiku u l-Amerka Latina u l-Karibew, kellha rwol sinifikanti f’dawk l-isforzi. Madankollu, il-profondità u l-implimentazzjoni ġeografika ta’ tali sforzi jvarjaw ħafna u 24% biss tal-Istati allegatament jiġbru data diżaggregata skont il-ġeneru u l-età relatata ma’ armi ħfief. (6) Mingħajr il-benefiċċji ta’ informazzjoni preċiża, dettaljata u bbażata fuq l-evidenza dwar ir-riskji differenti li l-armi ħfief jippreżentaw għan-nisa, l-irġiel, il-bniet u s-subien u l-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom ta’ sigurtà, l-interventi ta’ kontroll tal-armi ħfief x’aktarx li ma jqisux il-kwistjonijiet relatati mal-ġeneru, ifixklu l-iżviluppi politiċi u programmatiċi effettivi u jimpedixxu l-kisba tal-SDG 5. Aktar avvanzi f’dan ir-rigward ser ikunu ta’ benefiċċju wkoll għall-implimentazzjoni tal-aġenda tad-WPS, bil-Qafas ta’ Monitoraġġ tad-WPS il-ġdid inkluż indikatur dwar l-“Għadd ta’ pajjiżi b’kont meħud tal-konsiderazzjonijiet dwar il-ġeneri fl-implimentazzjoni tal-Programm ta’ Azzjoni (PtA) dwar armi ħfief u ta’ kalibru żgħir” li dan il-proġett ser jikkontribwixxi għalih.

Il-kwistjoni tal-armi ħfief li timmanifesta ruħha b’modi differenti ħafna madwar id-dinja u l-isfidi ffaċċjati fil-livell nazzjonali rigward iċ-ċirkolazzjoni ta’ SALW illeċiti jirriflettu kombinazzjonijiet uniċi ta’ ċirkostanzi u kuntesti. Konsegwentement, il-progress fl-implimentazzjoni jista’ biss, sa ċertu punt, ikun sforz miftiehem u kkoordinat globalment, iżda pjuttost għandu jkun ibbażat fuq sjieda u prijoritajiet nazzjonali u reġjonali. Għaldaqstant, l-istati qablu waqt is-Seba’ Laqgħa Biennali tal-Istati dwar il-PtA (BMS7) “biex jikkunsidraw l-istabbiliment ta’ miri nazzjonali u reġjonali f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Programm ta’ Azzjoni, b’kont meħud tal-kuntesti nazzjonali u reġjonali differenti, bil-għan li jissaħħu s-sjieda nazzjonali u reġjonali u l-kejl tal-progress tal-implimentazzjoni.”  (7) (traduzzjoni mhux uffiċjali) Tali miri għandhom ikunu relatati ma’ azzjonijiet stabbiliti fil-pjanijiet ta’ azzjoni jew stateġiji nazzjonali dwar is-SALW, inkluż pjanijiet direzzjonali reġjonali, u għandhom ikunu jistgħu jitkejlu u jkunu allinjati mal-PtA u l-ITI kif ukoll mal-Għanijiet u l-miri maqbula fl-Aġenda 2030. Barra minn hekk, l-isforzi nazzjonali dwar il-kontroll tas-SALW iridu jiġu armonizzati ma’ oqfsa nazzjonali oħra rilevanti għas-sigurtà, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-iżvilupp, kull fejn dawn jeżistu.

L-Istati ser jikkonsultaw mas-Segretarjat tan-NU għal gwida u assistenza fl-implimentazzjoni ta’ dan l-approċċ ġdid immexxi mill-miri, li fl-aħħar mill-aħħar jipprovdi opportunità unika għal talbiet għal assistenza internazzjonali aktar imfassla apposta u anke allokazzjoni ta’ riżorsi. (8) Ix-xejriet reċenti fl-istabbiliment ta’ pjanijiet direzzjonali/pjanijiet ta’ azzjoni u programmi reġjonali huma eżempju eċċellenti ta’ kif l-iffissar tal-miri jista’ jiffaċilital-progress fl-implimentazzjoni, filwaqt li jiġi żgurat li tiġi pprovduta assistenza kkoordinata biex tappoġġa dawk l-isforzi.

Nibnu fuq proġetti u suċċessi preċedenti, inwittu t-triq ’il quddiem

L-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha pprovdew kontributi finanzjarji siewja b’appoġġ għall-PtA lill-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Affarijiet ta’ Diżarm (UNODA) u liċ-ċentri reġjonali tiegħu matul dawn l-aħħar snin, b’appoġġ għat-tħejjijiet tal-Konferenzi ta’ Reviżjoni taħt il-PtA (9); bil-finanzjament ta’ aspetti operazzjonali bħall-ġestjoni mtejba tal-ħażniet fl-Afrika (10); u aktar reċentement b’appoġġ għal politiki, programmi u azzjonijiet li jintegraw il-perspettiva tal-ġeneri fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-armi ħfief u l-użu ħażin tagħhom, f’konformità mal-aġenda dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà (11).

L-eżiti tanġibbli ta’ dawk il-proġetti inkludew il-qbil ta’ dokument ta’ eżitu li jħares ’il quddiem fit-Tielet Konferenza ta’ Reviżjoni (12) ffaċilitata minn diskussjonijiet esperti, konsultazzjonijiet reġjonali u programm ta’ sponsorizzazzjoni li żgura parteċipazzjoni usa’ u aktar ekwa tal-istati u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili fil-Konferenza. Fl-Afrika, il-kapaċitajiet operazzjonali u tekniċi ġew imtejba li wassal biex issaħħet b’mod konkret is-Sigurtà Fiżika u l-Ġestjoni tal-Ħażniet (PSSM) fil-Burkina Faso, iċ-Ċad, il-Mali, il-Mauritania, in-Niġer u n-Niġerja. Il-proġett li għaddej bħalissa dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-kontroll tal-armi ħfief bena kapaċitajiet nazzjonali f’pajjiżi madwar id-dinja b’appoġġ għall-kontroll tal-armi ħfief li jqis il-kwistjonijiet relatati mal-ġeneru, rappreżentanti mħarrġa ta’ organizzazzjonijiet reġjonali u subreġjonali dwar il-kwistjoni, u sinerġiji mtejba b’mod sinifikanti bejn l-isforzi għall-kontroll tal-armi ħfief u l-implimentazzjoni tal-aġenda dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà.

Din il-proposta għal proġett tibni fuq dawk il-proġetti preċedenti u s-suċċessi tagħhom, filwaqt li tintroduċi approċċ ġdid u triplu biex tavvanza l-implimentazzjoni effettiva tal-PtA u l-ITI.

Il-proġett il-ġdid ser jippermetti lill-UNODA u liċ-ċentri reġjonali tiegħu jiżguraw li t-tfassil tal-politika globali, u l-implimentazzjoni nazzjonali u reġjonali jkunu allinjati, u t-tagħlim transreġjonali jibqa’ jsir.

2.   Objettivi, attivitajiet u eżiti tal-proġett

L-objettiv prevalenti tal-proġett huwa li tissaħħaħ is-sigurtà internazzjonali, reġjonali u nazzjonali, isir kontribut għat-twettiq tas-sigurtà tal-bniedem u jiġi promoss l-iżvilupp sostenibbli permezz tal-kontroll tas-SALW.

Dan ser jinkiseb permezz ta’ approċċ trasversali, li jappoġġa l-ħidma fuq (1) żviluppi ta’ politika globali li jħarsu ‘l quddiem fil-kuntest tar-Raba’ Konferenza ta’ Reviżjoni; (2) implimentazzjoni nazzjonali u reġjonali effettiva tal-PtA u l-ITI; u enfasi partikolari fuq (3) politiki u programmi ta’ kontroll tal-armi ħfief li jqisu l-kwistjonijiet relatati mal-ġeneru.

Flimkien ma’ dan, it-tliet pilastri ser isaħħu l-PoA u l-ITI bħala oqfsa globali universali għall-kontroll tal-armi ħfief u jiżguraw ir-rilevanza u l-effettività kontinwi tagħhom.

Eżiti fit-tliet pilastri kollha:

L-involviment ma’ organizzazzjonijiet reġjonali u subreġjonali qed jikber u dan jippermetti approċċ aktar simplifikat għall-isforzi ta’ politika u ta’ implimentazzjoni fil-livelli subreġjonali, reġjonali u globali.

L-involviment tas-soċjetà ċivili, b’mod partikolari l-organizzazzjonijiet tan-nisa u l-atturi taż-żgħażagħ, qed jissaħħaħ fil-livelli kollha.

3.   Deskrizzjoni tal-Istrateġiji tal-Pilastri tal-Proġetti

3.1   L-avvanz tal-politiki u l-impenji globali fil-kuntest tar-Raba’ Konferenza ta’ Reviżjoni tan-NU (RevCon4) tal-2024 tal-Programm ta’ Azzjoni dwar l-armi ħfief.

3.1.1.   Eżiti

Ir-rilevanza u l-effettività tal-PtA/ITI huma żgurati u miżjuda.

Ir-RevCon4 dwar il-PtA hija appoġġata tajjeb u tinkludi firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati.

Ir-rapportar nazzjonali mill-Istati taħt il-PtA u l-ITI huwa msaħħaħ, inkluż bħala qafas għall-ġbir tad-data għall-mira 16.4 tal-SDG (13) u l-indikatur 16.4.2. (14)

3.1.2.   Attivitajiet

Diskussjonijiet virtwali madwar mejda minn esperti biex jiġu żviluppati rakkomandazzjonijiet orjentati lejn l-azzjoni relatati mal-kontroll tas-SALW b’appoġġ għar-RevCon4.

Permezz ta’ sensiela ta’ diskussjonijiet bejn esperti virtwali, jiġu diskussi u esplorati suġġetti differenti biex jiġu żgurati r-rilevanza u l-effettività tal-PtA u l-ITI. Is-suġġetti tad-diskussjonijiet madwar mejda ser jiġu ddeterminati abbażi tal-eżiti tal-BMS8 (jiġifieri, magħżula mill-oqsma ta’ prijorità tad-dokument ta’ eżitu tal-BMS8 għal aktar azzjoni u konsiderazzjoni fir-RevCon4). Il-President nominat tar-RevCon4 ser jiġi mistieden għad-diskussjonijiet madwar mejda ta’ esperti kollha. Din l-attività ser tiġi implimentata f’kollaborazzjoni mal-UNIDIR. Il-laqgħat kollha ta’ diskussjoni madwar mejda tal-esperti ser isiru virtwalment. Il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet ta’ kull diskussjoni madwar mejda ser jiġu ppreżentati u diskussi fil-laqgħat reġjonali kollha.

Preparazzjonijiet sostantivi u inklużivi għar-RevCon4

Il-laqgħat reġjonali ser jipprovdu forum għall-Istati parteċipanti u l-organizzazzjonijiet reġjonali rispettivi biex jidentifikaw l-isfidi relatati mas-SALW speċifiċi għar-reġjun u jiddiskutu l-prijoritajiet reġjonali għar-RevCon4. Il-President nominat tar-RevCon4 ser jiġi mistieden għal-laqgħat reġjonali kollha.

Reġjuni u organizzazzjonijiet reġjonali oħra ser tipikament jorganizzaw laqgħa preparatorja għar-RevCon4 bħall-Unjoni Ewropea, il-Lega tal-Istati Għarab, il-Paċifiku u l-OSKE. Il-proġett m’għandux għalfejn ikopri dawk ir-reġjuni. Fuq talba, l-UNODA jista’ jipparteċipa/ikun involut fi kwalunkwe waħda minn dawk il-laqgħat reġjonali biex jippreżenta s-sejbiet tad-diskussjonijiet madwar mejda tal-esperti. Din l-attività ser tiġi implimentata mill-UNODA u ċ-ċentri reġjonali tiegħu lejn l-aħħar tal-2023/kmieni fl-2024, b’appoġġ sostanzjali mill-UNIDIR. L-attivitajiet kollha ser isiru bi preżenza fiżika.

Qed jiġu ssuġġeriti dawn il-ħames laqgħat reġjonali li ġejjin:

Pajjiżi mis-sottoreġjuni

Organizzazzjonijiet reġjonali

Ċentru reġjonali

Post

Punent tal-Afrika u Afrika Ċentrali

UA, ECCAS, ECOWAS, RECSA, UEMOA, G5 tas-Saħel

UNREC

Lomé, it-Togo

Lvant tal-Afrika u Nofsinhar tal-Afrika

UA, EAC, SADC, IGAD, RECSA, SARCOM

UNREC

Lomé, it-Togo

Il-Karibew

CARICOM

UNLIREC

Virtwali

Amerka Latina

MERCOSUR, OAS, SICA

UNLIREC

Virtwali

ASEAN u l-Istati tan-Nofsinhar tal-Asja

ASEAN, SAARC

UNRCPD

Bangkok, it-Tajlandja

Programm ta’ sponsorizzazzjoni għall-parteċipanti ta’ pajjiżi li qed jiżviluppaw jew li huma milquta serjament, biex jattendu r-RevCon4

Minħabba nuqqas ta’ fondi, ħafna pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp ibatu biex ikunu rappreżentati fil-konferenzi ta’ reviżjoni tal-PtA mill-uffiċjali ewlenin tagħhom li jittrattaw kwistjonijiet ta’ SALW f’pajjiżhom. Programm ta’ sponsorizzazzjoni għal grupp magħżul ta’ pajjiżi l-aktar milquta jippermetti l-parteċipazzjoni tagħhom, u b’hekk jiġu arrikkiti d-deliberazzjonijiet fir-RevCon4. Huwa jipprovdi wkoll opportunità kbira ta’ networking u jista’ joħloq sinerġiji possibbli ma’ avvenimenti sekondarji u attivitajiet oħra fil-marġni tar-RevCon4.

Il-parteċipanti ser jiġu approvati mis-SEAE fuq ir-rakkomandazzjoni tal-UNODA, inkluż iċ-ċentri reġjonali tiegħu. Fil-prinċipju, l-uffiċjali magħżula mill-awtoritajiet nazzjonali għandhom jinħatru bħala punti fokali nazzjonali tal-PtA. Kriterji oħra għall-għażla jinkludu kunsiderazzjonijiet dwar il-ġeneru, sottomissjoni f’waqtha ta’ rapport nazzjonali, parteċipazzjoni attiva f’laqgħat reġjonali u/jew diskussjonijiet madwar mejda.

Azzjonijiet biex jissaħħaħ l-involviment tas-soċjetà ċivili fil-kontroll tal-armi ħfief

L-attivitajiet ser jinkludu r-riċerka u l-promozzjoni, il-kampanji tal-media, il-programmi ta’ sponsorizzazzjoni u workshops. L-attivitajiet ser jitwettqu min-Network Internazzjonali għal Azzjoni dwar l-Armi Ħfief (IANSA), f’kooperazzjoni mal-UNODA u ċ-ċentri reġjonali tiegħu, b’appoġġ għall-involviment tas-soċjetà ċivili fir-RevCon4.

3.1.3.   Outputs

—   Erba’ (4) diskussjonijiet virtwali madwar mejda tal-esperti ġew organizzati fl-2023

Id-diskussjonijiet madwar mejda pprovdew rakkomandazzjonijiet orjentati lejn l-azzjoni li l-Istati jistgħu jikkunsidraw li jinkludu fid-dokument ta’ eżitu tar-RevCon4 fl-2024. Is-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet ewlenin tad-diskussjonijiet madwar mejda nġabru f’dokument qasir wieħed u ġew ippubblikati qabel ir-RevCon4. Id-dokument sar disponibbli bl-Ingliż u ġie tradott għall-Għarbi, il-Franċiż u l-Ispanjol.

—   Ħames (5) laqgħat reġjonali ta’ jumejn kienu organizzati biex jappoġġaw lill-gvernijiet u organizzazzjonijiet minn reġjuni speċifiċi fit-tħejjija għar-RevCon4

Ir-rappurtar nazzjonali ġie inkluż fl-aġenda tal-laqgħat reġjonali u d-delegazzjonijiet li jixtiequ jħejju u/jew jippreżentaw ir-rapporti nazzjonali tagħhom matul il-laqgħat kellhom l-assistenza disponibbli għalihom. Minħabba rati baxxi ta’ rappurtar fir-reġjuni tal-Asja u l-Paċifiku, wara l-laqgħa reġjonali saret klinika ta’ rappurtar nazzjonali dedikata ta’ ġurnata waħda, bil-ħsieb li jiżdiedu r-rati ta’ rappurtar fir-reġjun għar-RevCon4. Is-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet mil-laqgħat madwar mejda ta’ esperti (Attività 1.3.1) ġew ippreżentati u diskussi fil-laqgħat.

—   Ħmistax (15)-il parteċipant sponsorjat attendew ir-RevCon4

L-ivvjaġġar lejn u l-akkomodazzjoni għar-RevCon4 (mhux għall-Kumitat Preparatorju li jsir qabel fl-2024) għal massimu ta’ 15-il parteċipant kienu sponsorizzati. Barra minn hekk, l-ivvjaġġar ġie sponsorizzat ukoll għal parteċipant wieħed minn kull ċentru reġjonali (UNREC, UNLIREC, UNRCPD) biex jattendi r-RevCon4 fi New York.

3.1.4.   L-involviment tas-soċjetà ċivili ssaħħaħ permezz ta’ dan li ġej:

i.

Rapport dwar ir-riżultati tal-BMS8 għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili ġie mħejji u mxerred, u dan serva bħala bażi għat-tħejjijiet għar-RevCon4.

ii.

Kampanja għall-kampanji tal-Ġimgħa Globali tal-Azzjoni Kontra l-Vjolenza tal-Pistoli tfasslet u ġiet promossa bir-RevCon4 bħala suġġett tematiku.

iii.

Gwida tas-soċjetà ċivili dwar ir-RevCon4 ġiet żviluppata u mxerrda qabel il-Konferenza; din tiddeskrivi kif is-soċjetà ċivili tista’ tikkontribwixxi għat-tħejjijiet u għar-RevCon4 attwali.

iv.

Sa għaxar (10) rappreżentanti tas-soċjetà ċivili attendew ir-RevCon4 u pparteċipaw b’mod attiv f’avvenimenti organizzati fil-marġini tar-RevCon4 permezz ta’ programm ta’ sponsorizzazzjoni.

v.

Sar workshop preparatorju dwar ir-RevCon4 għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili parteċipanti. Dan kien attività bi preżenza fiżika ta’ jumejn li laqqgħet flimkien il-membri tal-IANSA fi New York fi tmiem il-ġimgħa qabel il-Konferenza.

vi.

Sa tliet (3) dokumenti informattivi ta’ promozzjoni għall-membri tal-IANSA dwar suġġetti tematiċi relatati ma’ kwistjonijiet li l-PtA/ITI ma indirizzax biżżejjed ġew imħejjija u mxerrda. Id-dokumenti saru disponibbli online bl-Ingliż bi traduzzjoni għall-Franċiż u l-Ispanjol. Kopji stampati kienu disponibbli f’RevCon4.

3.2   L-iżgurar tal-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tal-PtA/ITI abbażi tal-prijoritajiet, il-miri, l-istrateġiji u l-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali u reġjonali

3.2.1.   Eżiti

L-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tal-impenji magħmula mill-Istati fil-qafas tal-PtA u l-ITI hija msaħħa.

L-iffissar tal-miri nazzjonali u reġjonali, maqbul mill-Istati fil-BMS7, qiegħed jiġi ttestjat.

3.2.2.   Attivitajiet

Aġġornament tal-għodda ta’ valutazzjoni MOSAIC (verżjoni online u stampata) biex l-Istati jkunu jistgħu jwettqu awtovalutazzjonijiet dwar l-implimentazzjoni tal-PtA/ITI

L-għodda ta’ valutazzjoni MOSAIC ser tippermetti lill-Istati jagħmlu (awto)evalwazzjoni tal-livell ta’ implimentazzjoni tal-PtA/ITI u oqfsa oħra ta’ kontroll tal-armi ħfief fil-livell nazzjonali. Hija ser tassisti lill-Istati biex jidentifikaw lakuni fis-sistemi nazzjonali tagħhom ta’ kontroll tal-armi ħfief u jiddeterminaw l-oqsma ta’ prijorità li għandhom jiġu indirizzati biex jissaħħu l-kapaċitajiet nazzjonali u tiġi żgurata l-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tal-PtA/ITI.

Is-sejbiet tal-valutazzjonijiet jistgħu jirfdu l-iżvilupp ta’ pjanijiet ta’ azzjoni, strateġiji, pjanijiet direzzjonali u/jew miri nazzjonali u reġjonali u jiżguraw li jkunu bbażati fuq id-dispożizzjonijiet maqbula fi ftehimiet globali ewlenin dwar is-SALW. L-għodda ta’ valutazzjoni MOSAIC tista’ tintuża wkoll biex tappoġġa l-ġbir u l-kompilazzjoni ta’ informazzjoni li għandha tiġi inkluża fir-rapporti nazzjonali dwar l-implimentazzjoni tal-PtA/ITI u tiffaċilita l-iżvilupp ta’ proposti ta’ proġetti għal skopijiet ta’ ġbir ta’ fondi.

L-għodda ta’ valutazzjoni MOSAIC ser tiffaċilita l-konsiderazzjonijiet nazzjonali tas-sistemi tagħhom ta’ kontroll tal-armi ħfief kontra l-oqsma koperti mill-moduli MOSAIC li jinsabu fis-serje 2, 3, 4, 5, u 6, u b’hekk tkopri ċ-ċiklu tal-ħajja kollu tal-armi ħfief, inkluż dwar kwistjonijiet trasversali bħall-ġeneru u ż-żgħażagħ. (15) Minbarra l-użu tagħha mill-awtoritajiet nazzjonali, huwa previst li tali għodda tista’ tintuża wkoll minn firxa usa’ ta’ partijiet ikkonċernati, inkluż organizzazzjonijiet reġjonali u s-soċjetà ċivili. Dan ser ikun ta’ benefiċċju dirett għall-ħidma taċ-ċentri reġjonali tal-UNODA u jista’ jintuża matul missjonijiet ta’ identifikazzjoni fl-ambitu ta’ “Saving Lives Entity” (SALIENT) (16). Sabiex jiġi żgurat li dawn l-entitajiet ikunu jistgħu jappoġġaw l-isforzi nazzjonali biex jużaw l-għodda ta’ valutazzjoni MOSAIC, ser titħejja u ssir disponibbli Gwida għall-Utent.

Dawn l-attivitajiet ser jiġu implimentati f’kollaborazzjoni mal-UNIDIR.

Appoġġ lill-Istati biex isaħħu l-isforzi ta’ implimentazzjoni tagħhom tal-PtA/ITI

Fl-Amerika Latina u l-Karibew implimentati mill-UNLIREC

Konsolidazzjoni ta’ Pjan Direzzjonali dwar is-SALW għall-Istati tal-Amerka Ċentrali (2022-2024), bl-involviment tal-istati membri interessati kollha tas-Sistema de la Integración Centroamericana (SICA) (il-Costa Rica, El Salvador, il-Gwatemala, il-Ħonduras, in-Nikaragwa u l-Panama) biex tissaħħaħ l-implimentazzjoni tal-istrumenti internazzjonali, reġjonali u sottoreġjonali tas-SALW u titnaqqas il-proliferazzjoni illeċita ta’ armi u munizzjon fis-sottoreġjun. (17)

L-attivitajiet ser jikkonsistu f’seminars sottoreġjonali, workshops, sessjonijiet ta’ ħidma (abbozzar u laqgħat tematiċi). L-Istati tal-Amerka Ċentrali ser ikunu jistgħu jiksbu l-momentum politiku fit-tħejjija għar-RevCon4 biex imexxu ‘l quddiem inizjattiva sottoreġjonali ġdida b’objettivi u indikaturi ċari.

Il-proċess ta’ konsolidazzjoni tal-inizjattiva tal-Pjan Direzzjonali ser jitwettaq flimkien mad-Dipartiment tas-Sigurtà Pubblika tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OAS) u ser jikkomplementa l-attivitajiet deskritti fid-DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2022/847 tal-UE tat-30 ta’ Mejju 2022. L-UNLIREC ser ikun jista’ jiggwida l-proċess flimkien mal-OAS u jibni fuq l-għarfien espert tiegħu taħt il-Pjan Direzzjonali tal-Karibew dwar l-Armi tan-Nar. L-attivitajiet kollha ser jiġu kkoordinati mal-organizzazzjoni sottoreġjonali SICA.

Korsijiet dwar il-Ġlieda kontra t-Traffikar ta’ Armi u Munizzjon (CTAM) u l-Kors dwar l-Interdizzjoni ta’ Armi Ħfief, Munizzjon u Partijiet u Komponenti (ISAAPC) ser isiru fl-Istati tal-Amerka t’Isfel u Ċentrali.

Fl-Asja-Paċifiku implimentat mill-UNRCPD

Appoġġ għall-istabbiliment u t-taħriġ tal-Punti Fokali Nazzjonali tal-PtA. Sal-lum, 17-il pajjiż biss ħatru u infurmaw dwar punt ta’ kuntatt nazzjonali dwar l-implimentazzjoni tal-PtA/ITI fir-reġjun tal-Asja u l-Paċifiku. Taħt din l-attività, l-UNRCPD ser tappoġġa l-istabbiliment ta’ punti fokali nazzjonali, fejn dawn ma jeżistux, u ssaħħaħ il-kapaċità tal-punti fokali eżistenti u l-mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni nazzjonali permezz ta’ workshop reġjonali ddedikat. Din l-attività ser titwettaq fl-2023 biex tiżgura l-ħatra ta’ punti fokali nazzjonali bi tħejjija għar-RevCon4. Din l-attività ser issir virtwalment.

Il-valutazzjonijiet MOSAIC fi stati magħżula biex jidentifikaw lakuni u opportunitajiet għal implimentazzjoni msaħħa u l-istabbiliment ta’ prijoritajiet, miri u pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali u reġjonali. Din l-attività ser issir bi preżenza fiżika.

Assistenza għall-istati fir-reġjun tal-Asja-Paċifiku dwar l-implimentazzjoni tal-PtA/ITI. Tista’ tiġi pprovduta assistenza dwar aspetti differenti tal-kontroll tas-SALW, fosthom aspetti leġilattivi u regolatorji, it-tfassil u l-ġestjoni tal-kontroll tal-armi ħfief, u/jew appoġġ operazzjonali. Din tista’ tinkludi wkoll approċċi sottoreġjonali (eż., dwar is-sigurtà tal-fruntieri). L-attivitajiet kollha ser ikunu jqisu l-kwistjonijiet relatati mal-ġeneru u inklużivi. Dawn jistgħu jinkludu appoġġ operazzjonali, taħriġ, workshops, laqgħat, ġbir ta’ data jew attivitajiet ta’ riċerka. Il-benefiċjarji ewlenin ser ikunu l-awtoritajiet nazzjonali u/jew is-servizzi tas-sigurtà u l-forzi tad-difiża.

L-UNRCPD ser jilqa’ talbiet ta’ assistenza minn pajjiżi matul l-implimentazzjoni tal-proġett. It-talbiet għall-assistenza li jirriżultaw mill-attivitajiet l-oħra mwettqa taħt dan il-proġett, b’mod partikolari l-valutazzjoni MOSAIC, jew li ġew ikkomunikati permezz ta’ rapporti nazzjonali ser jingħataw prijorità. L-assistenza tista’ tingħata personalment u/jew virtwalment.

Fl-Afrika implimentata mill-UNREC

Valutazzjonijiet -MOSAICfi stati magħżula biex jidentifikaw lakuni u opportunitajiet għal implimentazzjoni msaħħa u l-istabbiliment ta’ prijoritajiet, miri u pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali u reġjonali. Din l-attività ser titwettaq bi preżenza fiżika.

Assistenza lill-istati fl-Afrika dwar l-implimentazzjoni tal-PtA/ITI. Tista’ tingħata assistenza dwar aspetti differenti tal-kontroll tas-SALW, fosthom aspetti leġiżlattivi u regolatorji, it-tfassil u l-ġestjoni tal-kontroll tal-armi ħfief, u/jew appoġġ operazzjonali. Din tista’ tinkludi wkoll approċċi sottoreġjonali (eż., dwar is-sigurtà tal-fruntieri). L-attivitajiet kollha ser ikunu jqisu l-kwistjonijiet relatati mal-ġeneru u inklużivi. Dawn jistgħu jinkludu appoġġ operazzjonali, taħriġ, workshops, laqgħat, ġbir ta’ data jew attivitajiet ta’ riċerka. Il-benefiċjarji ewlenin ser ikunu l-awtoritajiet nazzjonali u/jew is-servizzi tas-sigurtà u l-forzi tad-difiża.

L-UNREC ser jilqa’ talbiet għal assistenza minn pajjiżi matul l-implimentazzjoni tal-proġett. It-talbiet għall-assistenza li jirriżultaw mill-attivitajiet l-oħra mwettqa taħt dan il-proġett, b’mod partikolari l-valutazzjoni MOSAIC, jew li ġew ikkomunikati permezz ta’ rapporti nazzjonali, ser jingħataw prijorità. L-assistenza tista’ tingħata personalment u/jew virtwalment.

Azzjonijiet biex jissaħħaħ l-involviment tas-soċjetà ċivili fil-kontroll tal-armi ħfief, inkluż:

Kampanji annwali - IANSA u l-organizzazzjonijiet membri tagħha ser jorganizzaw attivitajiet annwali ta’ promozzjoni għal avvenimenti bħall-Ġimgħa Dinjija ta’ Azzjoni Kontra l-Vjolenza bil-Pistoli, il-Jum Internazzjonali taż-Żgħażagħ, ix-Xahar tal-Amnestija tal-Afrika, il-Jum Internazzjonali tal-Paċi, il-Jum tat-Tfal Afrikani, il-Jum Internazzjonali tal-Qerda ta’ Pistoli, Ilbes Oranġjo; il-Jum Internazzjonali tan-Nisa, u s-16-il Jum ta’ Attiviżmu Kontra l-Vjolenza Sessista.

Il-bini tal-kapaċità tas-soċjetà ċivili dwar il-kontroll tas-SALW - l-iżvilupp ta’ materjali orjentati lejn il-politika u l-organizzazzjoni ta’ opportunitajiet ta’ tagħlim għall-membri tal-IANSA, inkluż webinars u preżentazzjonijiet, biex jiġi vvalutat u mtejjeb l-għarfien tal-PtA/ITI u strumenti internazzjonali/reġjonali/sottoreġjonali oħra rilevanti għall-kontroll tas-SALW fost is-soċjetà ċivili biex ikunu jistgħu jippromwovu u jippromwovu l-kontroll tal-armi ħfief.

L-involviment tas-soċjetà ċivili, il-promozzjoni, u l-programm ta’ sensibilizzazzjoni dwar l-istabbiliment ta’ miri nazzjonali u reġjonali, il-pjanijiet ta’ azzjoni, u/jew il-pjanijiet direzzjonali - f’konsultazzjoni u kollaborazzjoni mal-UNODA u ċ-ċentri reġjonali tiegħu, l-IANSA ser jappoġġa lill-membri tan-network tiegħu biex jiddiskutu mal-uffiċjali u jippromwovu l-iżvilupp mill-istati ta’ miri u prijoritajiet nazzjonali u reġjonali għall-implimentazzjoni tal-PtA/ITI.

Il-programm ta’ Għotjiet għall-involviment sostenibbli ta’ membri magħżula tal-IANSA - l-IANSA ser jistabbilixxi Programm ta’ Għotja għall-Membri tal-IANSA biex l-organizzazzjonijiet fil-livell lokali jkunu jistgħu jwettqu ħidma programmatika. L-IANSA ser jistabbilixxi proċess biex jiffaċilita l-Programm ta’ Għotja bbażat fuq kriterji tal-għażla definiti b’mod ċar, li ser jiġu approvati mill-UNODA.

Il-promozzjoni ta’ Rappurtar Nazzjonali - l-IANSA u l-membri tiegħu, f’konsultazzjoni mal-UNODA, jippromwovu b’mod konsistenti rappurtar regolari u komprensiv tal-PtA/ITI permezz ta’ djalogu kostruttiv mal-awtoritajiet nazzjonali u l-membri parlamentari.

Dawn l-attivitajiet ser jitwettqu min-Network Internazzjonali għal Azzjoni dwar l-Armi Ħfief (IANSA), f’kooperazzjoni mal-UNODA u ċ-ċentri reġjonali tiegħu, u jappoġġaw l-involviment tas-soċjetà ċivili fl-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tal-PtA/ITI.

3.2.3.   Outputs

L-għodda ta’ valutazzjoni MOSAIC irċeviet l-aġġornamenti li ġejjin:

L-iżvilupp ta’ għodda ta’ valutazzjoni MOSAIC, li saħħet il-kontrolli nazzjonali tal-armi ħfief, appoġġat l-implimentazzjoni tal-PtA u l-istabbiliment ta’ miri fuq bażi infurmata, kif ukoll pjanijiet ta’ azzjoni, it-tħejjija ta’ pjan direzzjonali u l-iffaċilitar ta’ talbiet għal assistenza internazzjonali. L-għodda ta’ valutazzjoni MOSAIC bniet fuq il-verżjoni beta żviluppata qabel tal-Għodda ta’ Valutazzjoni ISACS, li kienet limitata fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha għas-serje 5 tal-Istandards Internazzjonali għall-Kontroll tal-Armi Ħfief (ISACS).

Verżjoni stampata tal-għodda saret disponibbli bl-Għarbi, bl-Ingliż, bil-Franċiż, bil-Portugiż u bl-Ispanjol. Saret disponibbli wkoll verżjoni online bl-Ingliż.

L-iżvilupp u l-pubblikazzjoni ta’ Gwida għall-Utent għall-Għodda ta’ Valutazzjoni MOSAIC bl-Ingliż, bi traduzzjonijiet bl-Għarbi, bil-Franċiż, bil-Portugiż u bl-Ispanjol.

Eżerċizzji ta’ validazzjoni/sessjonijiet ta’ taħriġ ikkombinati tal-għodda ta’ valutazzjoni MOSAIC ma’ organizzazzjonijiet u mekkaniżmi reġjonali u sottoreġjonali twettqu fil-marġini tal-laqgħat reġjonali bi tħejjija għar-RevCon4.

Fl-Amerka Latina u l-Karibew

Saru sa tmien (8) seminars/workshops/sessjonijiet ta’ ħidma/laqgħat bi preżenza fiżika u f’kuntesti virtwali b’appoġġ għall-konsolidazzjoni ta’ pjan direzzjonali dwar is-SALW għall-Istati tal-Amerka Ċentrali (2022-2024). Matul l-ewwel sena ta’ attivitajiet, id-dokument tal-ABBOZZ ta’ Pjan Direzzjonali ġie kkonsolidat, filwaqt li t-tieni sena ffukat fuq it-tnedija tal-iżvilupp ta’ strateġiji nazzjonali (Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali (NAPs) jew inizjattivi simili) u l-implimentazzjoni ta’ attivitajiet identifikati fl-inizjattiva/pjan direzzjonali sottoreġjonali.

L-UNLIREC wettaq żewġ korsijiet (2) tal-ISAAPC u erba’ (4) korsijiet tas-CTAM f’ċerti Stati tal-Amerka Ċentrali u tal-Amerka t’Isfel.

Fl-Asja u l-Paċifiku

Sar workshop reġjonali ddedikat. Il-workshop reġjonali ffoka fuq ir-rwol u l-kompiti ta’ Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali b’mod partikolari l-koordinazzjoni mal-entitajiet nazzjonali, il-preżentazzjoni ta’ rapporti nazzjonali u l-għoti ta’ gwida dwar il-politika u l-ipprogrammar relatati mal-kontroll tas-SALW. Huwa kien ibbażat fuq il-Modulu 03.40 tal-MOSAIC dwar il-mekkaniżmi nazzjonali ta’ koordinazzjoni dwar il-kontroll tas-SALW.

Il-valutazzjonijiet MOSAIC twettqu bi preżenza fiżika f’mhux aktar minn żewġ (2) stati magħżula.

Sa erba’ (4) Stati fir-reġjun tal-Asja Paċifiku rċevew għajnuna dwar l-implimentazzjoni tal-PtA/ITI.

Fl-Afrika

Il-valutazzjonijiet MOSAIC twettqu bi preżenza fiżika f’mhux aktar minn żewġ (2) stati magħżula.

Sa erba’ (4) Stati fl-Afrika rċevew assistenza dwar l-implimentazzjoni tal-PtA/ITI.

3.2.4.   L-involviment tas-soċjetà ċivili ssaħħaħ permezz ta’:

i.

Attivitajiet u materjali tal-kampanja li ġew żviluppati, u ngħataw stipendji żgħar lill-organizzazzjonijiet membri lokali u nazzjonali tal-IANSA għall-attivitajiet li twettqu matul dawk il-kampanji.

ii.

Materjali orjentati lejn il-politika ġew imħejjija u ġew organizzati opportunitajiet ta’ tagħlim għall-membri tal-IANSA.

iii.

Programm ta’ involviment u promozzjoni tas-soċjetà ċivili stabbilit dwar l-iffissar ta’ miri nazzjonali u reġjonali, pjanijiet ta’ azzjoni, u/jew pjanijiet direzzjonali.

iv.

Programm ta’ Għotja ġie stabbilit għall-involviment sostenibbli ta’ membri magħżula tal-IANSA.

v.

Promozzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali u l-membri parlamentari biex jittejjeb ir-Rappurtar Nazzjonali.

3.3   Tintlaqa’ d-domanda li għaddejja biex jissaħħu u jiġu approfonditi l-politiki u l-programmi ta’ kontroll tal-armi ħfief li jintegraw il-perspettiva tal-ġeneri, f’konformità mal-Aġenda dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà

3.3.1.   Eżiti

Il-kapaċità strateġika u operazzjonali sostenibbli għall-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-kontroll tal-armi ħfief fost firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati ewlenin tkompli tiżdied u tiġi approfondita.

Is-sinerġiji u r-rabtiet li jistgħu jsiru ma’ oqfsa u aġendi ta’ politika komplementari b’mod partikolari l-Aġenda 2030, l-aġenda dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà, l-Aġenda Komuni Tagħna u r-riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali dwar in-nisa u d-diżarm huma msaħħa aktar.

3.3.2.   Attivitajiet

L-attivitajiet kollha ser jibnu fuq l-eżiti tal-proġett preċedenti ffinanzjat mill-UE, partikolarment id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/2011 tas-17 ta’ Diċembru 2018 b’appoġġ għal politiki, programmi u azzjonijiet li jintegraw il-perspettiva tal-ġeneri fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-armi ta’ kalibru żgħir u l-użu ħażin tagħhom, f’konformità mal-aġenda dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà.

It-tisħiħ tal-komponent tal-kontroll tal-armi ħfief fl-aġenda tad-WPS

Dan jinkludi l-impenn kontinwu tal-UNODA fin-Network tal-Punti Fokali dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà għall-promozzjoni tal-kontroll tal-armi ħfief fil-pjanijiet ta’ azzjoni, l-istrateġiji u l-isforzi ta’ implimentazzjoni nazzjonali tad-WPS. Dan ser ikun impenn kontinwu matul l-implimentazzjoni tal-proġett u jitwettaq f’format bi preżenza fiżika u/jew virtwali.

Appoġġ lill-Istati biex isaħħu l-politiki u l-programmi ta’ kontroll tal-armi ħfief li jkunu sensittivi għall-ġeneru

Fl-Amerka Latina u l-Karibew implimentati mill-UNLIREC

Taħriġ dwar l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-kontroll tal-armi ħfief fl-Istati tal-Amerka Ċentrali u tal-Amerka t’Isfel - il-korsijiet huma mmirati lejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-kontroll u r-regolamentazzjoni tal-armi ħfief, is-sigurtà taċ-ċittadini u l-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-vjolenza kontra n-nisa/il-vjolenza sessista.

Serje ta’ webinars dwar il-kontrolli tas-SALW u l-ġeneru bi tħejjija għar-RevCon4 - is-suġġetti ser ivarjaw u ser jiġu ddeterminati f’koordinazzjoni mal-Istati tal-Amerka Ċentrali u t’Isfel u f’konformità mat-tħejjijiet u l-eżiti tar-RevCon4.

Fl-Asja-Paċifiku implimentat mill-UNRCPD

L-armonizzazzjoni tal-implimentazzjoni ta’ aġendi konverġenti dwar il-kontroll tal-armi ħfief u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri- din ser tinvolvi l-involviment ta’ pajjiżi fl-Asja u l-Paċifiku bi pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali skaduti, eżistenti jew ippjanati dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà biex tissaħħaħ l-implimentazzjoni ta’ aġendi konverġenti ma’ inizjattivi għall-kontroll tal-armi ħfief. L-inizjattiva ser tesplora wkoll sinerġiji ma’ oqfsa oħra tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, b’mod partikolari l-Inizjattiva Spotlight.

Seminar reġjonali dwar l-universalizzazzjoni tat-TKA fir-reġjun tal-Asja-Paċifiku u l-konverġenza mal-aġenda tad-WPS- fl-2013, l-Istati adottaw it-TKA (Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi), trattat multilaterali li jirregola speċifikament il-kummerċ internazzjonali fl-armi konvenzjonali. It-TKA huwa wkoll l-ewwel trattat legalment vinkolanti relatat mal-armi li jirrikonoxxi r-rabta bejn il-kummerċ tal-armi u l-vjolenza sessista (GBV). L-implimentazzjoni tat-TKA tippermetti wkoll li l-Istati jissodisfaw l-impenji tagħhom dwar l-esportazzjonijiet tal-armi stabbiliti fil-PtA fl-2001. L-adeżjoni mat-TKA għadha baxxa fl-Asja-Paċifiku, madankollu l-adeżjoni reċenti taċ-Ċina u tal-Filippini ħolqot momentum politiku favorevoli fir-reġjun biex tiġi promossa l-universalizzazzjoni tat-Trattat. Il-workshop bena fuq l-involviment tas-soċjetà ċivili u l-parlamentari taħt il-proġett preċedenti, li fih it-TKA ġie identifikat bħala qasam ta’ prijorità ewlieni. Il-workshop ser jiġi implimentat f’kollaborazzjoni mas-sħab ewlenin, inkluż l-aġenziji tan-NU, l-organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali u s-soċjetà ċivili. Dan ser jiġi organizzat virtwalment.

Fl-Afrika implimentati mill-UNREC

Workshops reġjonali dwar l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-kontroll tal-armi ħfief għall-iskambju dwar sfidi u prijoritajiet relatati mal-ġeneru - ser isiru workshops reġjonali għall-Afrika tal-Punent, l-Afrika Ċentrali, l-Afrika tal-Lvant u l-Afrika tan-Nofsinhar. Dawn il-workshops ser jiġu implimentati f’kollaborazzjoni ma’ organizzazzjonijiet reġjonali u sħab ewlenin u ser jiġu organizzati bi preżenza fiżika.

L-integrazzjoni tal-kontroll tal-armi ħfief fi sforzi usa’ ta’ ugwaljanza bejn il-ġeneri, tal-iżvilupp u tas-sigurtà permezz ta’ serje ta’ webinars b’esperti li jaħdmu fuq il-vjolenza sessista (GBV), il-vjolenza sesswali b’rabta mal-konflitt (CRSV), l-involviment taż-żgħażagħ, il-kwistjonijiet umanitarji, u l-assistenza lil persuni spostati internament u refuġjati biex ikun hemm sensibilizzazzjoni dwar il-fatturi u l-impatti sottostanti tal-proliferazzjoni, it-traffikar u l-użu ħażin tal-armi ħfief u l-ħtieġa li l-kontroll tal-armi jintrabat u/jew jiġi integrat f’aġendi oħra. L-objettiv tas-serje ta’ webinars huwa li jiġi żviluppat approċċ multidimensjonali għall-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-vjolenza armata u li jiġu ġġenerati konnessjonijiet tanġibbli bejn l-awtoritajiet nazzjonali għall-kontroll tal-armi ħfief, u aktar partijiet ikkonċernati għal dan il-għan. Is-serje ta’ webinars ser tiġi implimentata f’kollaborazzjoni mas-sħab ewlenin u ser tiġi organizzata virtwalment.

Azzjonijiet biex jissaħħaħ l-involviment tas-soċjetà ċivili fil-kontroll tal-armi ħfief, inkluż:

Ir-rapport dwar l-Integrazzjoni ta’ Kwistjonijiet ta’ Ugwaljanza bejn il-Ġeneri u s-SALW dwar il-kisbiet u t-tagħlimiet meħuda taħt il-proġett iffinanzjat mill-UE (PESK) 2018/2011, inkluż ħarsa ġenerali u valutazzjoni tal-attivitajiet implimentati mill-IANSA u l-membri tagħha u r-rakkomandazzjonijiet għal aktar involviment. Dan ir-rapport ser iservi ta’ bażi għal attivitajiet oħra relatati mal-ġeneru taħt dan il-proġett.

Workshops, taħriġ u avvenimenti virtwali dwar l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-kontroll tal-armi ħfief għas-soċjetà ċivili fi sħubija mal-UNODA u ċ-ċentri reġjonali tiegħu, l-IANSA ser torganizza workshops, taħriġ u avvenimenti virtwali dwar il-kontroll tal-ġeneru u tal-armi ħfief matul il-perjodu ta’ implimentazzjoni tal-proġett għal udjenza wiesgħa u globali.

Proposti tas-soċjetà ċivili għat-tisħiħ tas-sinerġiji mal-aġenda dwar id-WPS. Il-produzzjoni ta’ sett ta’ għodod li jiġbor il-proposti tal-membri tal-IANSA għat-tisħiħ tas-sinerġiji bejn il-kontroll tal-armi ħfief u l-aġendi tad-WPS, b’enfasi fuq tekniki ta’ promozzjoni, messaġġi transreġjonali, u l-implimentazzjoni tal-politika li jistgħu jiġu applikati fir-reġjuni kollha. Is-sett ta’ għodod ser jinxtered b’mod wiesa’, inkluż matul attivitajiet organizzati mill-IANSA u/jew l-UNODA u ċ-ċentri reġjonali tiegħu.

L-attivitajiet ta’ hawn fuq ser jitwettqu mill-IANSA, f’kollegament/kooperazzjoni mal-UNODA u ċ-ċentri reġjonali tiegħu, b’appoġġ għall-involviment tas-soċjetà ċivili f’politiki u programmi ta’ kontroll tal-armi ħfief li jintegraw il-perspettiva tal-ġeneri, f’konformità mal-Aġenda dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà.

3.3.3.   Outputs

Il-kontroll tal-armi u d-diżarm, inkluż tal-armi ħfief, ġew promossi fil-ħidma u n-networks tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-WPS, inkluż dwar il-vjolenza sesswali relatata mal-konflitti(18)

Tisħiħ tal-kapaċità tal-Istati għal politiki u programmi dwar l-armi ħfief sensittivi għall-ġeneru permezz ta’:

 

Fl-Amerka Latina u l-Karibew

Ġew organizzati u implimentati tliet (3) korsijiet dwar l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-kontroll tal-armi ħfief fl-Istati tal-Amerka Ċentrali u tal-Amerka t’Isfel.

Saru sa erba’ (4) webinars dwar il-kontrolli tas-SALW u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fit-tħejjija u/jew fis-segwitu għar-RevCon4.

 

Fl-Asja-Paċifiku

Ser isir workshop reġjonali (1) fl-2023 f’kollaborazzjoni ma’ sħab reġjonali ewlenin bħall-ASEAN, il-Forum tal-Gżejjer tal-Paċifiku u s-sħab tas-soċjetà ċivili.

Sar seminar reġjonali dwar l-universalizzazzjoni tat-TKA fir-reġjun tal-Asja-Paċifiku u l-konverġenza mal-aġenda tad-WPS.

 

Fl-Afrika

Saru erba’ (4) workshops reġjonali ta’ tlett ijiem dwar l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri għall-kontroll tal-armi ħfief għall-kummissjonijiet nazzjonali/punti fokali tal-PtA u partijiet ikkonċernati ewlenin. Il-workshops ippreżentaw il-progress li sar taħt il-proġett preċedenti ffinanzjat mill-UE u pprovdew pjattaforma għall-iskambju tal-aħjar prattiki fost il-pajjiżi fir-reġjun. Huma identifikaw ukoll lakuni u opportunitajiet biex tissaħħaħ l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-kontroll tal-armi ħfief. It-tielet jum tal-workshop serva biex isiru laqgħat ma’ organizzazzjonijiet reġjonali biex jiddefinixxu l-prijoritajiet u strateġija għat-triq ’il quddiem sabiex ir-riżultati tal-workshops jiġu applikati fil-livelli nazzjonali.

Saret serje ta’ webinars dwar il-proliferazzjoni, it-traffikar u l-użu ħażin tal-armi ħfief u l-ħtieġa li l-kontroll tal-armi jintrabat u/jew jiġi integrat ma’ aġendi oħra.

3.3.4.   L-involviment tas-soċjetà ċivili fil-kontroll tal-armi ħfief jissaħħaħ permezz ta’:

i.

It-tħejjija u t-tixrid ta’ rapport dwar il-kisbiet u t-tagħlimiet meħuda taħt il-proġett iffinanzjat mill-UE (PESK) 2018/2011.

ii.

Saru workshops, taħriġ u avvenimenti virtwali dwar l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-kontroll tal-armi ħfief għas-soċjetà ċivili.

iii.

Sett ta’ għodod ġie mħejji u mxerred, li jiġbor il-proposti tal-membri tal-IANSA għat-tisħiħ tas-sinerġiji bejn il-kontroll tal-armi ħfief u l-aġendi tad-WPS.

4.   Is-sensibilizzazzjoni, il-promozzjoni, il-komunikazzjoni u s-sħubiji

L-UNODA u s-sħab tiegħu responsabbli mill-implimentazzjoni ser jiġġeneraw impatt qawwi permezz ta’ sensibilizzazzjoni effettiva, promozzjoni, komunikazzjoni, u sħubiji.

L-UNODA ser jappoġġa d-disseminazzjoni tal-informazzjoni u l-outputs tal-attivitajiet proposti lill-ikbar udjenza possibbli. Barra minn hekk, il-komunikazzjoni ser titwettaq fil-qafas tal-azzjonijiet rilevanti kollha permezz tal-involviment tal-media, attivitajiet sekondarji u għodod tal-web. L-UNODA u l-IANSA ser jiżviluppaw u jipparteċipaw f’kampanji tal-media soċjali matul is-sena.

L-UNODA u l-IANSA ser jagħmlu użu mill-aktar firxa wiesgħa possibbli ta’ għodod ta’ komunikazzjoni, inkluż paġna web, stqarrijiet għall-istampa bil-miktub, għodod magħżula tal-media soċjali, attivitajiet sekondarji u aġġornamenti informali. L-implimentazzjoni tal-azzjonijiet kollha ser tkun issorveljata permezz ta’ għodod ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni, inkluż stħarriġ ta’ parteċipanti u laqgħat regolari tal-grupp ta’ ħidma rispettiv.

L-UNODA ser jieħu l-miżuri adattati kollha biex jiżgura viżibilità xierqa tal-kontribut tal-Unjoni għall-azzjoni. Tali miżuri ser jitwettqu f’konformità mal-Manwal tal-Kummissjoni dwar il-Komunikazzjoni u l-Viżibilità għall-Azzjonijiet Esterni tal-Unjoni Ewropea.

Il-koordinazzjoni ma’ firxa wiesgħa ta’ sħab, inkluż dawk li jibbenefikaw minn Deċiżjonijiet oħra tal-Kunsill tal-UE, ser tiġi żgurata matul l-implimentazzjoni tal-proġett.

L-UNODA ser ikompli jimpenja ruħu b’mod attiv fil-Mekkaniżmu ta’ Koordinazzjoni informali dwar il-Ġeneri u s-SALW, li ġie stabbilit fl-2019 taħt il-proġett li għaddej.

5.   Durata

Id-durata stmata tal-proġett, inkluż l-attivitajiet kollha taħt it-tliet pilastri tiegħu ser tkun ta’ 36 xahar.

6.   Rapportar

L-UNODA ser iħejji rapporti regolari, f’konformità mal-ftehim innegozjat.

7.   Kost totali

Il-finanzjament totali stmat mitlub mill-UE għall-implimentazzjoni tal-Fażi II huwa ta’ EUR XXX.


(1)  https://www.smallarmssurvey.org/database/global-firearms-holdings

(2)  https://smallarms.un-arm.org/international-assistance

(3)  Preżentazzjoni mogħtija mill-UNODA fil-BMS7 intitolata “Programm ta’ Azzjoni dwar is-SALW. Strument Internazzjonali tat-Traċċar. Xejriet, Sfidi u Opportunitajiet. Data mir-Rapporti Nazzjonali tal-2020”, https://documents.unoda.org/wp-content/uploads/2021/07/BMS7-UNODA-Trends-challenges-opportunities.pdf

(4)  L-indikatur 16.4.2 tal-SDG jaqra: “Proporzjon ta’ armi maqbuda, misjuba jew ċeduti li l-oriġini jew il-kuntest illeċitu tagħhom ġew traċċati jew stabbiliti minn awtorità kompetenti f’konformità mal-istrumenti internazzjonali”. (traduzzjoni mhux uffiċjali)

(5)  Preżentazzjoni mogħtija mill-UNODA fil-BMS7 intitolata “Programm ta’ Azzjoni dwar is-SALW.Strument Internazzjonali tat-Traċċar.Xejriet, Sfidi u Opportunitajiet.Data mir-Rapporti Nazzjonali tal-2020”.

(6)  https://smallarms.un-arm.org/statistics

(7)  https://undocs.org/A/CONF.192/BMS/2021/1, il-paragrafu 50. Ara wkoll il-paragrafi 51, 52, 57 u 58.

(8)  https://www.undocs.org/A/74/187

(9)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-UE 2011/428/PESK tat-18 ta’ Lulju 2011 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-UE (PESK) 2017/633 tat-3 ta’ April 2017

(10)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-UE 2014/912/PESK tal-15 ta’ Diċembru 2014

(11)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-UE (PESK) 2018/2011 tas-17 ta’ Diċembru 2018

(12)  https://meetings.unoda.org/section/poa-revcon3-2018_documents

(13)  Mira 16.4 tal-SDG: “Sal-2030, jitnaqqsu b’mod sinifikanti l-flussi finanzjarji u tal-armi illeċiti, jissaħħu l-irkupru u r-ritorn ta’ assi misruqa u jiġu miġġielda l-forom kollha ta’ kriminalità organizzata”. (traduzzjoni mhux uffiċjali)

(14)  Indikatur 16.4.2 tal-SDG: “Proporzjon ta’ armi maqbuda, misjuba jew ċeduti li l-oriġini jew il-kuntest illeċitu tagħhom ġew traċċati jew stabbiliti minn awtorità kompetenti f’konformità mal-istrumenti internazzjonali”. (traduzzjoni mhux uffiċjali)

(15)  www.un.org/disarmament/mosaic

(16)  www.un.org/disarmament/salient

(17)  Niġbdu l-attenzjoni għall-fatt li l-Istati tas-SICA l-Belize u r-Repubblika Dominikana t-tnejn jiffurmaw parti mill-Pjan Direzzjonali tal-Karibew dwar l-Armi tan-Nar, filwaqt li l-parteċipazzjoni tan-Nikaragwa ser ikollha tiġi kkonfermata.

(18)  Parteċipazzjoni, Prevenzjoni ta’ Konflitti, Protezzjoni u Għajnuna u Rkupru.