|
17.10.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 269/10 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/1952
tat-13 ta’ Ottubru 2022
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Speċjali dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi u l-Kummerċ tal-Inbejjed u l-Ispirti stabbilit mill-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u l-Istati tal-SADC aderenti mal-FSE, min-naħa l-oħra, b’rabta mal-adozzjoni tar-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Speċjali
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Il-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u l-SADC aderenti mal-FSE, min-naħa l-oħra (1) (“il-Ftehim”) ġie ffirmat mill-Unjoni u l-Istati Membri tagħha fl-10 ta’ Ġunju 2016. Huwa japplika b’mod proviżorju bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u l-Botswana, l-Eswatini, il-Lesoto, in-Namibja u l-Afrika t’Isfel min-naħa l-oħra, mill-10 ta’ Ottubru 2016, u bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u l-Mozambique, min-naħa l-oħra, mill-4 ta’ Frar 2018. |
|
(2) |
Il-Kumitat Speċjali dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi u l-Kummerċ tal-Inbejjed u l-Ispirti (“il-Kumitat Speċjali”) ġie stabbilit permezz tal-Ftehim. |
|
(3) |
Skont il-Ftehim, il-Kumitat Speċjali għandu jiddetermina r-regoli ta’ proċedura tiegħu stess. |
|
(4) |
Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Speċjali, peress li d-deċiżjoni dwar l-adozzjonitar-regoli ta’ proċedura tiegħu se jkollha effetti ġuridiċi fuq l-Unjoni. |
|
(5) |
Il-pożizzjoni tal-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Speċjali fir-rigward tal-adozzjoni tar-regoli ta’ proċedura tiegħu jenħtieġ li tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-Deċiżjoni ta’ dak il-Kumitat mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Speċjali dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi u l-Kummerċ fl-Inbejjed u l-Ispirti, stabbilit permezz tal-Artikolu 13 tal-Protokoll 3 tal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u l-SADC aderenti għall-FSE, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni tar-regoli ta’ proċedura tiegħu għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ deċiżjoni ta’ dak il-Kumitat mehmuża ma’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fil-Lussemburgu, it-13 ta’ Ottubru 2022.
Għall-Kunsill
Il-President
P. BLAŽEK
Abbozz
DEĊIŻJONI Nru [...] TAL-KUMITAT SPEĊJALI DWAR L-INDIKAZZJONIJIET ĠEOGRAFIĊI U L-KUMMERĊ TAL-INBEJJED U L-ISPIRTI
ta'…
fir-rigward tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu
IL-KUMITAT SPEĊJALI DWAR L-INDIKAZZJONIJIET ĠEOGRAFIĊI U L-KUMMERĊ TAL-INBEJJED U L-ISPIRTI,
Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u l-Istati tal-SADC aderenti mal-FSE, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”), iffirmat f’Kasane, fl-10 ta’ Ġunju 2016, u b’mod partikolari l-Artikolu 13(5) tal-Protokoll 3 tiegħu,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Ir-regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat Speċjali dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi u l-Kummerċ tal-Inbejjed u l-Ispirti huma stabbiliti kif stipulat fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni.
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fi...
Magħmul fi ...
ANNESS
REGOLI TA’ PROĊEDURA TAL-KUMITAT SPEĊJALI DWAR L-INDIKAZZJONIJIET ĠEOGRAFIĊI U L-KUMMERĊ TAL-INBEJJED U L-ISPIRTI
Kapitolu I
Organizzazzjoni
Artikolu 1
Għamla u Presidenza
1. Il-Kumitat Speċjali dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi u l-Kummerċ tal-Inbejjed u l-Ispirti (“il-Kumitat Speċjali”) stabbilit skont l-Artikolu 13 tal-Protokoll 3 tal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u l-Istati tal-SADC aderenti mal-FSE, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”), għandu jwettaq dmirijietu f’konformità mal-Artikoli 1, 13 u 14 ta’ dak il-Protokoll.
2. Ir-referenza f’dawn ir-regoli ta’ proċedura għall-“Partijiet” għandha ssir f’konformità mad-definizzjoni prevista fl-Artikolu 1 tal-Protokoll 3 tal-Ftehim.
3. Il-Kumitat Speċjali għandu jkun kompost minn rappreżentanti tal-Partijiet.
4. Il-laqgħat tal-Kumitat Speċjali għandhom ikunu ppreseduti minn uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea u minn kwalunkwe uffiċjal tal-Istati tal-SADC aderenti mal-FSE li jaderixxi mal-Protokoll 3. Fil-każ tal-Afrika t’Isfel, ikun uffiċjal mid-Dipartiment tal-Kummerċ, l-Industrija u l-Kompetizzjoni.
5. Il-mandat imsemmi fil-paragrafu 4 li jikkorrispondi għall-ewwel perjodu għandu jibda fid-data tal-ewwel laqgħa tal-Kumitat Speċjali u jintemm fil-31 ta’ Diċembru tal-istess sena.
Artikolu 2
Laqgħat
1. Il-Kumitat Speċjali għandu jiltaqa’ f’intervalli regolari, għallinqas darba fis-sena u fuq it-talba ta’ kwalunkwe waħda mill-Partijiet. Il-laqgħat għandhom isiru b’mod alternat fi Brussell jew fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati tal-SADC aderenti mal-FSE li jaderixxi mal-Protokoll 3, sakemm il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor.
2. Sakemm il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor, il-laqgħat tal-Kumitat Speċjali għandhom jissejħu mill-Parti li jkollha l-Presidenza, wara li tikkonsulta mal-Parti jew mal-Partijiet l-oħra, skont il-każ.
3. Il-Partijiet jistgħu jaqblu fuq arranġamenti alternattivi biex jiġi akkomodat l-iskambju tad-dokumenti b’mezzi elettroniċi, filwaqt li l-laqgħat jistgħu jsiru permezz tal-vidjokonferenzi jew bit-telefown, jew bi kwalunkwe mezz ieħor li jaqblu dwaru l-Partijiet u li jkun addattat għall-aġenda tal-laqgħa.
Artikolu 3
Osservaturi
Il-Kumitat Speċjali jista’ jiddeċiedi li jistieden osservaturi biex jattendu laqgħat tiegħu fuq bażi ad hoc u jiddetermina liema punti fl-aġenda jkunu miftuħa għal dawk l-osservaturi.
Artikolu 4
Segretarjat
1. Il-Parti li tospita l-laqgħa tal-Kumitat Speċjali għandha taġixxi bħala s-Segretarjat tal-Kumitat Speċjali (“is-Segretarjat”).
2. Meta l-laqgħa ssir skont il-paragrafu 3 tal-Artikolu 2, il-Parti li jkollha l-Presidenza għandha taġixxi bħala s-Segretarjat.
Kapitolu II
Operat
Artikolu 5
Dokumenti
1. Fejn id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat Speċjali jkunu bbażati fuq dokumenti bil-miktub ta’ appoġġ, it-tali dokumenti għandhom jiġu nnumerati u ċċirkolati mis-Segretarjat bħala dokumenti tal-Kumitat Speċjali.
2. Il-Partijiet jistgħu jaqblu li jistabbilixxu mod elettroniku sikur għall-iskambju tad-dokumenti, u fejn tkun meħtieġa l-firma tad-dokumenti, l-użu tal-firma elettronika jkun suġġett għal-liġijiet tal-Partijiet rispettivi. Kull Parti għandha tinforma lill-oħra dwar ir-regoli domestiċi li jiżguraw il-validità tal-firma elettronika.
Artikolu 6
Notifika u aġenda għal-laqgħat
1. Is-Segretarjat għandu jinnotifika lill-Partijiet dwar is-sejħa ta’ laqgħa u jitlob għal entrati fl-aġenda mhux aktar tard minn 30 jum qabel il-laqgħa. F’każ ta’ xi kwistjoni urġenti jew ta’ ċirkostanzi mhux previsti li jridu jiġu kkunsidrati, il-laqgħa tista’ tissejjaħ fi żmien qasir.
2. Għandha titfassal aġenda proviżorja għal kull laqgħa mis-Segretarjat. Din għandha tintbagħat mis-Segretarjat lill-President u lill-membri tal-Kumitat Speċjali mhux aktar tard minn 14-il jum qabel il-laqgħa.
3. L-aġenda proviżorja għandha tinkludi l-punti li fir-rigward tagħhom is-Segretarjat ikun irċieva talba għall-inklużjoni mingħand Parti.
4. L-aġenda għandha tkun adottata mill-Kumitat Speċjali fil-bidu ta’ kull laqgħa. Jistgħu jiddaħħlu fl-aġenda punti oħra barra minn dawk fl-aġenda proviżorja jekk il-Partijiet jaqblu li jsir hekk.
5. Il-Partijiet jistgħu jistiednu esperti biex jattendu l-laqgħat tagħhom sabiex jipprovdu informazzjoni dwar suġġetti speċifiċi.
Artikolu 7
Rapport ta’ laqgħa
1. Sakemm il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor, ir-rapport ta’ kull laqgħa għandu jitfassal mis-Segretarjat fi tmiem kull laqgħa.
2. Ir-rapport tal-laqgħa, b’regola ġenerali, għandu jinkludi l-aġenda finali, sommarju tad-diskussjonijiet taħt kull punt tal-aġenda u fejn applikabbli, d-Deċiżjonijiet u r-Rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Speċjali.
3. Ir-rapport għandu jiġi ffinalizzat u addottat mill-Partijiet malajr kemm jista’ jkun iżda mhux aktar tard minn 60 jum mid-data tal-laqgħa.
4. Għandha tingħadda kopja tar-Rapport lis-Segretarjat tal-Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp, u l-Partijiet għandhom jinfurmaw bil-fomm lill-Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp bl-eżiti tal-laqgħa fejn ikun xieraq.
Artikolu 8
Deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1. F’konformità mal-Artikolu 13(3) tal-Protokoll 3 tal-Ftehim, il-Kumitat Speċjali jista’ jagħmel rakkomandazzjonijiet u jadotta deċiżjonijiet b’kunsens fil-każijiet previsti fil-Protokoll 3 tal-Ftehim.
2. Meta l-Kumitat Speċjali jingħata s-setgħa jadotta deċiżjonijiet jew rakkomandazzjonijiet, tali atti għandhom iġorru t-titlu ta’ “Deċiżjoni” jew “Rakkomandazzjoni” rispettivament fir-rapport tal-laqgħat imsemmija fl-Artikolu 7. Is-Segretarjat għandu jagħti, lil kwalunkwe deċiżjoni jew rakkomandazzjoni adottata, numru ta’ serje, id-data tal-adozzjoni u deskrizzjoni tas-suġġett tagħha. Kwalunkwe deċiżjoni jew rakkomandazzjoni għandha tipprevedi d-data tad-dħul fis-seħħ tagħha.
3. Fil-perjodu bejn il-laqgħat, il-Kumitat Speċjali jista’ jadotta deċiżjonijiet jew rakkomandazzjonijiet bi proċedura bil-miktub jew b’mezzi elettroniċi jekk iż-żewġ Partijiet jaqblu li jsir hekk. Il-proċedura bil-miktub għandha tikkonsisti minn skambju ta’ noti bejn ir-rappreżentanti tal-Partijiet.
4. Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet adottati mill-Kumitat Speċjali għandhom jiġu awtentikati permezz ta’ żewġ eżemplari oriġinali ffirmati minn rappreżentant ta’ kull Parti.
Artikolu 9
Lingwa ta’ ħidma
Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor mill-Partijiet, il-korrispondenza u l-komunikazzjoni kollha bejn il-Partijiet li tirrelata mal-ħidma tal-Kumitat Speċjali, kif ukoll it-tħejjija u d-deliberazzjonijiet dwar id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet issir bl-Ingliż.
Artikolu 10
Aċċess pubbliku
1. Il-laqgħat tal-Kumitat Speċjali ma għandhomx ikunu pubbliċi, sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor mill-Partijiet.
2. Il-Partijiet għandhom jippubblikaw id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Speċjali bi kwalunkwe mezz xieraq. Kull Parti tista’ tiddeċiedi li tippubblika r-rapport ta’ kull laqgħa bi kwalunkwe mezz xieraq.
Kapitolu III
Dispożizzjonijiet finali
Artikolu 11
Spejjeż
1. Kull Parti għandha tkopri kwalunkwe spiża li tagħmel b’riżultat tal-parteċipazzjoni fil-laqgħat tal-Kumitat Speċjali, kemm fir-rigward tal-persunal, l-ivvjaġġar u n-nefqa ta’ sussistenza kif ukoll fir-rigward tan-nefqa postali u ta’ telekomunikazzjoni.
2. L-ispejjeż marbuta mal-organizzazzjoni ta’ laqgħa, mal-provvediment ta’ servizzi ta’ interpretazzjoni u mar-riproduzzjoni ta’ dokumenti għandhom jitħallsu mill-Parti li tkun qed tospita l-laqgħa.
Artikolu 12
Emenda tar-regoli ta’ proċedura
Dawn ir-regoli ta’ proċedura jistgħu jiġu emendati bil-miktub b’deċiżjoni tal-Kumitat Speċjali adottata f’konformità mal-Artikolu 8.