6.10.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 259/189


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1864

tal-5 ta’ Ottubru 2022

li tistabbilixxi l-istruttura organizzattiva u l-operat tan-network Ewropew tal-PAK u li tħassar id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/825/UE

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li għandhom jitfasslu mill-Istati Membri skont il-Politika Agrikola Komuni (Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK) u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 u (UE) Nru 1307/2013 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 126(2) u (5) tiegħu,

Billi:

(1)

Wara l-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2021/2115, għandu jiġi stabbilit network Ewropew tal-PAK għan-networking tan-networks, tal-organizzazzjonijiet u tal-amministrazzjonijiet nazzjonali fil-qasam tal-agrikoltura u l-iżvilupp rurali fil-livell tal-Unjoni. In-network Ewropew tal-PAK jenħtieġ li jissostitwixxi n-network Ewropew għall-iżvilupp rurali (ENRD), stabbilit f’konformità mal-Artikolu 52(1) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u n-network tas-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni (EIP), stabbilit f’konformità mal-Artikolu 53(1) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013.

(2)

Bil-ħsieb li jinkisbu l-objettivi tan-networking fil-qasam tal-agrikoltura u l-iżvilupp rurali fil-livell tal-Unjoni stabbiliti fl-Artikolu 126(3) tar-Regolament (UE) 2021/2115 u biex jitwettqu l-kompiti previsti fl-Artikolu 126(4) ta’ dak ir-Regolament, jeħtieġ li jiġu adottati regoli li jistabbilixxu l-istruttura organizzattiva u l-operat tan-network Ewropew tal-PAK.

(3)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/825/UE (3) tipprevedi l-istruttura organizzattiva u l-operat għan-networks tal-ENRD u tal-EIP li jikkonsistu fl-istruttura operazzjonali: L-Assemblea, il-Grupp ta’ Tmexxija u s-sottogruppi permanenti tal-Assemblea. Għal raġunijiet ta’ effiċjenza, jixraq li tintuża struttura organizzattiva simili għan-network Ewropew tal-PAK.

(4)

F’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2013/767/UE (4), għandu jiġi stabbilit qafas ġdid għall-gruppi ta’ djalogu ċivili li jittrattaw kwistjonijiet koperti mill-Politika Agrikola Komuni (PAK). Is-sħubija fl-istruttura organizzattiva tan-network Ewropew tal-PAK tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi madwar l-Unjoni kollha, li nħatru membri tal-gruppi ta’ djalogu ċivili, jeħtieġ li tiġi aġġornata f’konformità mal-qafas il-ġdid.

(5)

L-Assemblea tan-network Ewropew tal-PAK jenħtieġ li tiġi stabbilita u l-kompiti tagħha jenħtieġ li jiġu definiti f’konformità mar-regoli orizzontali dwar il-ħolqien u l-funzjonament tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016) 3301 (5).

(6)

L-Assemblea jenħtieġ li b’mod partikolari tippromwovi l-iskambju u n-networking fost l-entitajiet pubbliċi u privati attivi fil-PAK u jenħtieġ li tipprovdi l-qafas strateġiku għall-attività tagħhom, inkluż il-ħidma tematika, u tiżgura monitoraġġ u valutazzjoni xierqa tal-istess attività. Jenħtieġ li tipproponi l-membri tal-Grupp ta’ Tmexxija.

(7)

L-Assemblea jenħtieġ li tkun magħmula mill-awtoritajiet ta’ ġestjoni nazzjonali u mill-aġenziji tal-pagamenti tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK, min-networks nazzjonali tal-PAK, mill-organizzazzjonijiet attivi fil-qasam tal-agrikoltura u tal-iżvilupp rurali fil-livell tal-Unjoni, mill-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-awtoritajiet reġjonali jew lokali attivi fl-agrikoltura u fl-iżvilupp rurali fil-livell tal-Unjoni, mill-gruppi ta’ azzjoni lokali LEADER, mis-servizzi ta’ konsulenza għall-azjendi agrikoli, mis-servizzi ta’ appoġġ għall-innovazzjoni marbuta mal-proġetti tal-gruppi operazzjonali tal-EIP u mill-istituti tar-riċerka attivi f’attivitajiet ta’ innovazzjoni marbuta mal-proġetti tal-gruppi operazzjonali tal-EIP.

(8)

Bil-ħsieb li tiġi żgurata organizzazzjoni effettiva u effiċjenti tal-attività tan-network Ewropew tal-PAK, f’konformità mal-opinjonijiet tal-Assemblea, jenħtieġ li jiġi stabbilit Grupp ta’ Tmexxija tan-network Ewropew tal-PAK u jenħtieġ li jiġu ddefiniti l-kompiti u l-istruttura tiegħu.

(9)

Il-Grupp ta’ Tmexxija jenħtieġ li jħejji u jsegwi l-attivitajiet tan-network Ewropew tal-PAK. Jenħtieġ li jikkoordina l-ħidma tematika tan-network u l-oqsma ta’ attività tiegħu relatati mal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK, mal-innovazzjoni, kif ukoll mal-monitoraġġ u mal-evalwazzjoni u jenħtieġ li jiżgura l-koordinazzjoni tal-ħidma tal-Assemblea ma’ dik ta’ gruppi ta’ esperti u ta’ kumitati oħra stabbiliti fil-kuntest tal-PAK.

(10)

Il-Grupp ta’ Tmexxija jenħtieġ li jkun magħmul minn rappreżentanti mill-Assemblea tan-network Ewropew tal-PAK u mis-sottogruppi permanenti tagħha stabbiliti f’konformità ma’ din id-Deċiżjoni.

(11)

Bil-ħsieb li jinżamm skambju miftuħ u regolari bejn in-network Ewropew tal-PAK u l-gruppi ta’ djalogu ċivili dwar il-PAK, ir-rappreżentanti tal-gruppi ta’ djalogu ċivili jenħtieġ li jkunu jistgħu jieħdu sehem fil-laqgħat tal-Grupp ta’ Tmexxija bħala osservaturi.

(12)

Jenħtieġ li jiġu stipulati regoli dwar id-divulgazzjoni tal-informazzjoni f’konformità mal-Artikolu 339 tat-Trattat mill-membri tal-Assemblea u tal-Grupp ta’ Tmexxija.

(13)

Peress li din id-Deċiżjoni tissostitwixxi d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/825/UE, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/825/UE titħassar.

(14)

Is-sħubija fl-istruttura organizzattiva tan-network Ewropew tal-PAK timplika deżinjazzjoni minn qabel tal-awtoritajiet ta’ ġestjoni nazzjonali għall-Pjan Strateġiku tal-PAK, l-akkreditazzjoni tal-aġenziji tal-pagamenti, l-istabbiliment ta’ networks nazzjonali tal-PAK, l-għażla ta’ gruppi ta’ azzjoni lokali (LAGs) f’konformità mal-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) u l-istabbiliment ta’ servizzi ta’ konsulenza għall-azjendi agrikoli.

(15)

Sabiex in-network Ewropew tal-PAK ikun jista’ jibda jwettaq il-kompiti tiegħu qabel ma jkunu ġew stabbiliti l-korpi u l-entitajiet tal-Assemblea jew tal-Grupp ta’ Tmexxija tagħha, il-membri rispettivi tal-istruttura organizzattiva tan-networks tal-ENRD u tal-EIP, kif iddeżinjati jew maħtura skont id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/825/UE, jenħtieġ li jkunu membri tan-network Ewropew tal-PAK sakemm jiġu stabbiliti l-membri l-ġodda tiegħu u sussegwentement jiġu ddeżinjati jew jinħatru skont din id-Deċiżjoni.

(16)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Agrikola Komuni,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

KAPITOLU I

SUĠĠETT

Artikolu 1

Suġġett

Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi l-istruttura organizzattiva u l-operat tan-network Ewropew tal-PAK bl-istabbiliment ta’ Assemblea u Grupp ta’ Tmexxija, filwaqt li tipprevedi l-kompożizzjoni u l-kompiti tagħhom, u tistabbilixxi regoli għall-operat tagħhom.

KAPITOLU II

ASSEMBLEA TAN-NETWORK EWROPEW TAL-PAK

Artikolu 2

Assemblea tan-Network Ewropew tal-PAK

B’dan, l-Assemblea tan-network Ewropew tal-PAK, minn hawn ’il quddiem magħrufa bħala “l-Assemblea”, hija stabbilita.

Artikolu 3

Kompiti tal-Assemblea

Il-kompiti tal-Assemblea għandhom ikunu b’mod partikolari:

(a)

li tippromwovi l-iskambju u n-networking fost l-entitajiet pubbliċi u privati attivi fl-agrikoltura u fl-iżvilupp rurali, fl-innovazzjoni relatata ma’ objettivi speċifiċi tal-PAK u fil-monitoraġġ u fl-evalwazzjoni fl-agrikoltura u fl-iżvilupp rurali;

(b)

li tiżgura l-koordinazzjoni bejn l-oqsma tematiċi tan-network Ewropew tal-PAK;

(c)

li tipprovdi l-qafas strateġiku u gwida għall-attivitajiet tan-network Ewropew tal-PAK, inkluż ix-xogħlijiet tematiċi;

(d)

li tiżgura monitoraġġ u valutazzjoni xierqa tal-attivitajiet tan-network Ewropew tal-PAK fir-rigward tal-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 126(3) tar-Regolament (UE) 2021/2115 u l-kompiti elenkati fl-Artikolu 126(4) ta’ dak ir-Regolament;

(e)

li tipproponi l-membri tal-Grupp ta’ Tmexxija lid-Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (“id-Direttur Ġenerali”).

Artikolu 4

Sħubija fl-Assemblea

1.   L-Assemblea għandha tkun magħmula mill-membri li ġejjin:

(a)

in-networks nazzjonali tal-PAK imsemmija fl-Artikolu 126(1) tar-Regolament (UE) 2021/2115 (membru wieħed minn kull Stat Membru);

(b)

l-awtoritajiet ta’ ġestjoni msemmija fl-Artikolu 123 tar-Regolament (UE) 2021/2115 (membru wieħed minn kull Stat Membru);

(c)

l-aġenziji tal-pagamenti msemmija fl-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) (membru wieħed minn kull Stat Membru);

(d)

l-organizzazzjonijiet mhux governattivi madwar l-Unjoni kollha, irreġistrati fir-Reġistru tat-Trasparenza, li nħatru membri tal-gruppi ta’ djalogu ċivili dwar il-Politika Agrikola Komuni (PAK) skont id-Deċiżjoni 2013/767/UE u li esprimew l-interess tagħhom li jieħdu sehem fl-Assemblea;

(e)

l-organizzazzjonijiet madwar l-Unjoni kollha li jirrappreżentaw lill-awtoritajiet reġjonali jew lokali attivi fl-agrikoltura u fl-iżvilupp rurali, inkluż il-konnessjonijiet bejn iż-żoni rurali u dawk urbani (massimu ta’ tliet membri);

(f)

il-gruppi ta’ azzjoni lokali LEADER msemmija fl-Artikolu 33 tar-Regolament (UE) 2021/1060 (membru wieħed minn kull Stat Membru);

(g)

is-servizzi ta’ konsulenza għall-azjendi agrikoli attivi fis-servizzi ta’ appoġġ għall-innovazzjoni marbuta mal-proġetti tal-gruppi operazzjonali tal-EIP imsemmija fl-Artikolu 127(3) tar-Regolament (UE) 2021/2115 (membru wieħed minn kull Stat Membru);

(h)

l-istituti tar-riċerka agrikola attivi f’attivitajiet ta’ innovazzjoni marbuta mal-proġetti tal-gruppi operazzjonali tal-EIP imsemmija fl-Artikolu 127(3) tar-Regolament (UE) 2021/2115 (membru wieħed minn kull Stat Membru).

2.   Il-membri msemmija fil-paragrafu 1(a), (b), (c), (f), (g) u (h) għandhom jiġu ddeżinjati mill-Istat Membru rispettiv.

Il-membri msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (e), għandhom jinħatru mid-Direttur Ġenerali abbażi ta’ sejħa għall-applikazzjonijiet.

3.   L-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jinnominaw lir-rappreżentanti permanenti għal kull waħda mill-kategoriji msemmija fil-paragrafu 1, il-punti (a), (b), (c), (f), (g) u (h).

L-organizzazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1(d) u (e) għandhom jinnominaw lir-rappreżentanti permanenti tagħhom.

4.   L-ismijiet tal-membri tal-Assemblea għandhom jiġu ppubblikati fir-Reġistru tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni u entitajiet oħra simili (“ir-Reġistru”) u fuq is-sit web tan-network Ewropew tal-PAK.

Artikolu 5

Operat tal-Assemblea

1.   L-Assemblea għandha tkun ippreseduta minn rappreżentant tal-Kummissjoni. Il-President għandu jsejjaħ laqgħa mill-inqas darba fis-sena.

2.   Bi qbil mal-Kummissjoni, l-Assemblea tista’ tistabbilixxi sottogruppi dwar oqsma tematiċi speċifiċi relatati mal-objettivi u mal-kompiti tan-network Ewropew tal-PAK, inkluż sottogruppi permanenti dwar:

(a)

l-innovazzjoni u l-iskambju tal-għarfien;

(b)

LEADER u l-iżvilupp territorjali; kif ukoll

(c)

il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK.

Is-sottogruppi għandhom iwettqu l-ħidmiet tematiċi abbażi ta’ mandat iddefinit mill-Assemblea.

Is-sottogruppi mhux permanenti għandhom jiġu xolti malli jwettqu l-mandat tagħhom.

3.   Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni jista’ jistieden esperti u osservaturi minn barra l-Assemblea b’kompetenza speċifika f’suġġett fuq l-aġenda biex jieħdu sehem fil-ħidma tal-Assemblea jew tas-sottogruppi fuq bażi ad hoc.

Il-membri tal-Assemblea, kif ukoll l-esperti u l-osservaturi mistiedna, għandhom jikkonformaw mal-obbligi tas-segretezza professjonali stabbiliti fit-Trattati u fir-regoli ta’ implimentazzjoni tagħhom, kif ukoll mar-regoli tal-Kummissjoni dwar is-sigurtà fir-rigward tal-protezzjoni tal-informazzjoni klassifikata tal-UE, stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444 (8). Jekk jonqsu milli jirrispettaw dawn l-obbligi, il-Kummissjoni għandha tieħu l-miżuri xierqa kollha.

4.   Il-laqgħat tal-Assemblea u tas-sottogruppi tagħha għandhom isiru fil-bini tal-Kummissjoni, sakemm il-President ma jiddeċidix mod ieħor. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi s-servizzi tas-segretarjat. Uffiċjali tal-Kummissjoni b’interess fil-proċedimenti jistgħu jattendu l-laqgħat tal-Assemblea u tas-sottogruppi tagħha.

5.   L-Assemblea għandha tadotta r-regoli ta’ proċedura tagħha abbażi tar-regoli ta’ proċedura standard għall-gruppi ta’ esperti adottati mill-Kummissjoni.

6.   Fil-prinċipju, il-Kummissjoni tippubblika d-dokumenti rilevanti kollha dwar l-attivitajiet imwettqa mill-Assemblea (bħall-aġendi, il-minuti u s-sottomissjonijiet tal-parteċipanti) fir-Reġistru u fuq is-sit web tan-network Ewropew tal-PAK.

7.   Il-ħidma tal-Assemblea tista’ tiġi kkoordinata ma’ dik ta’ gruppi ta’ esperti u kumitati oħra stabbiliti fil-kuntest tad-djalogu ċivili dwar il-PAK kif ukoll fil-kuntest tar-Regolament (UE) 2021/1060.

Artikolu 6

Rimborż tal-ispejjeż

1.   Il-membri tal-Assemblea ma għandhomx jitħallsu għas-servizzi li jagħtu.

2.   L-ispejjeż tal-ivvjaġġar u ta’ sussistenza li jġarrbu l-membri tal-Assemblea għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-laqgħat tal-Assemblea, inkluż is-sottogruppi, għandhom jiġu rimborżati mill-Kummissjoni f’konformità mad-dispożizzjonijiet fis-seħħ fi ħdan il-Kummissjoni.

3.   L-ispejjeż imsemmija fil-paragrafu 2 għandhom jiġu rimborżati sal-limiti tal-approprjazzjonijiet disponibbli allokati skont il-proċedura annwali għall-allokazzjoni tar-riżorsi.

KAPITOLU III

GRUPP TA’ TMEXXIJA TAN-NETWORK EWROPEW TAL-PAK

Artikolu 7

Grupp ta’ Tmexxija tan-network Ewropew tal-PAK

B’dan, il-Grupp ta’ Tmexxija tan-network Ewropew tal-PAK, minn hawn ’il quddiem magħruf bħala “il-Grupp ta’ Tmexxija”, huwa stabbilit.

Artikolu 8

Kompiti tal-Grupp ta’ Tmexxija

Il-kompiti tal-Grupp ta’ Tmexxija għandhom ikunu b’mod partikolari:

(a)

it-tħejjija u s-segwiment tal-attivitajiet tan-network Ewropew tal-PAK, f’konformità mal-qafas strateġiku previst mill-Assemblea;

(b)

il-koordinazzjoni tal-oqsma tematiċi f’konformità mal-qafas ipprovdut mill-Assemblea u s-segwiment tal-implimentazzjoni tagħha;

(c)

il-valutazzjoni fuq bażi kontinwa tal-effettività u tal-effiċjenza tal-attivitajiet tan-network Ewropew tal-PAK;

(d)

l-iżgurar tal-koordinazzjoni tal-ħidma tal-Assemblea ma’ dik ta’ gruppi ta’ esperti u ta’ kumitati oħra stabbiliti fil-kuntest tad-djalogu ċivili dwar il-PAK kif ukoll fil-kuntest tar-Regolament (UE) 2021/1060;

(e)

ir-rapportar lill-Assemblea fir-rigward tal-attivitajiet tiegħu.

Artikolu 9

Sħubija fil-Grupp ta’ Tmexxija

1.   Il-Grupp ta’ Tmexxija għandu jkun magħmul mill-membri li ġejjin:

(a)

tmien membri mill-Assemblea;

(b)

erba’ membri minn kull wieħed mis-sottogruppi permanenti stabbiliti mill-Assemblea;

(c)

żewġ membri mill-grupp ta’ esperti dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament dwar il-Pjan Strateġiku tal-PAK, b’rabta mal-monitoraġġ u mal-evalwazzjoni.

2.   Il-membri tal-Grupp ta’ Tmexxija għandhom jinħatru mid-Direttur Ġenerali wara proposta tal-Assemblea li tkun tirrifletti d-diversità ġeografika u tematika tal-membri tan-network Ewropew tal-PAK u bbażata fuq l-impenn volontarju tal-membri proposti.

Għal kull waħda mill-kategoriji msemmija fil-paragrafu 1, l-Assemblea tista’ tipproponi rotazzjoni tal-membri tal-Grupp ta’ Tmexxija.

3.   Membru tal-Grupp ta’ Tmexxija jista’ jiġi sostitwit mid-Direttur Ġenerali wara proposta tal-Assemblea meta:

(a)

jirtira mill-Grupp ta’ Tmexxija;

(b)

ma jiddeżinjax b’mod regolari rappreżentanti għal-laqgħat tal-Grupp ta’ Tmexxija;

(c)

ma jkunx jista’ jagħti iktar kontribut b’mod effettiv għall-kompiti tal-Grupp ta’ Tmexxija;

(d)

ma jkunx konformi mar-rekwiżit ta’ nuqqas ta’ divulgazzjoni rigward informazzjoni koperta mill-obbligu tas-segretezza professjonali stabbilit fl-Artikolu 339 tat-Trattat.

4.   Ir-rappreżentanti tal-gruppi ta’ djalogu ċivili dwar il-PAK jistgħu jieħdu sehem fil-laqgħat tal-Grupp ta’ Tmexxija bħala osservaturi.

Artikolu 10

Operat u spejjeż tal-laqgħat tal-Grupp ta’ Tmexxija

L-Artikoli 5 u 6 għandhom japplikaw, mutatis mutandis, għall-operat u għall-ispejjeż tal-laqgħat tal-Grupp ta’ Tmexxija.

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻIZZJONALI U FINALI

Artikolu 11

Tħassir

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/825/UE titħassar.

Artikolu 12

Miżuri tranżizzjonali

Meta membru wieħed jew iktar tal-Assemblea jew tal-Grupp ta’ Tmexxija tan-network Ewropew tal-PAK, imsemmija fl-Artikoli 4(1) jew 9(1) rispettivament ta’ din id-Deċiżjoni, ikun(u) għadu/għadhom ma ġiex/gewx iddeżinjat(i) jew maħtur(a), il-membru/i rispettiv(i) tal-Assemblea jew tal-Grupp ta’ Tmexxija tan-networks tal-ENRD u tal-EIP-AGRI, iddeżinjat(i) jew maħtur(a) skont l-Artikolu 4(1) jew 9(1) rispettivament tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/825/UE, għandu/għandhom isir(u) membru/i tal-Assemblea jew tal-Grupp ta’ Tmexxija tan-network Ewropew tal-PAK sad-deżinjazzjoni jew sal-ħatra tal-membru/i l-ġdid/ġodda.

Artikolu 13

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Ottubru 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  Ir-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li għandhom jitfasslu mill-Istati Membri skont il-Politika Agrikola Komuni (Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK) u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 u (UE) Nru 1307/2013 (ĠU L 435, 6.12.2021, p. 1).

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 487).

(3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/825/UE tal-20 ta’ Novembru 2014 li tistabbilixxi l-istruttura organizzattiva u l-operat tan-network Ewropew għall-iżvilupp rurali u tan-network tas-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni u li tħassar id-Deċiżjoni 2008/168/KE (ĠU L 334, 21.11.2014, p. 98).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2013/767/UE tas-16 ta’ Diċembru 2013 li twaqqaf qafas għal djalogu ċivili fi kwistjonijiet koperti mill-politika agrikola komuni u li tħassar id-Deċiżjoni 2004/391/KE (ĠU L 338, 17.12.2013, p. 115).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Mejju 2016 li tistabbilixxi regoli orizzontali dwar il-ħolqien u l-funzjonament tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni, C(2016) 3301 final.

(6)  Ir-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 159).

(7)  Ir-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 (ĠU L 435, 6.12.2021, p. 187).

(8)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444 tat-13 ta’ Marzu 2015 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 53).