5.10.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 257/6


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/1850

tal-20 ta’ Settembru 2022

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fit-tmien sessjoni tal-Laqgħa tal-Partijiet għall-Ftehim dwar il-Konservazzjoni tal-Għasafar tal-Ilma Migratorji Afro-Ewrasjatiċi fir-rigward ta’ ċerti emendi tal-Anness 3 għall-Ftehim

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim dwar il-Konservazzjoni tal-Għasafar tal-Ilma Migratorji Afro-Ewrasjatiċi (“il-Ftehim”) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Novembru 1999 u ġie approvat f’isem il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/871/KE (1).

(2)

Skont l-Artikolu X(5) tal-Ftehim, il-Laqgħa tal-Partijiet tista’ tadotta emendi tal-Annessi għall-Ftehim.

(3)

Matul it-tmien sessjoni tagħha, li ser isseħħ mis-26 sat-30 ta’ Settembru 2022, il-Laqgħa tal-Partijiet hija mistennija tadotta riżoluzzjoni dwar l-adozzjoni tal-emendi tal-Anness 3 għall-Ftehim.

(4)

Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fit-tmien sessjoni tal- Laqgħa tal-Partijiet fir-rigward tal-emendi proposti, peress li r-Riżoluzzjoni ser tkun vinkolanti fl-Unjoni u ser tkun kapaċi tinfluwenza b’mod deċiżiv il-kontenut tal-liġi tal-Unjoni, prinċipalment id-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

(5)

L-emendi proposti tal-Anness 3 għall-Ftehim sottomessi mir-Renju Unit u stipulati fl-abbozz tar-Riżoluzzjoni 8.2 li jikkonċernaw il-ħames speċijiet li ġejjin: il-Wiżża Griża -Anser anser, il-Brajmla tat-Toppu Aħmar - Netta rufina, il-Pluviera Pastarda - Pluvialis squatarola squatarola, il-Gallina tal-Baħar Ewrasjatika - Haematopus ostralegus longipes u l-Wiżża tal-Ful, l-Wiżża tal-Ful tat-Taiga - Anser fabalis fabalis, jikkontribwixxu biex jinkiseb livell ogħla ta’ protezzjoni ta’ dawn il-popolazzjonijiet tal-ispeċijiet li qed jonqsu u għalhekk jenħtieġ li jiġu approvati f’isem l-Unjoni. Madankollu, f’konformità mal-Artikolu 3(4) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/871/KE, il-Kummissjoni għandha ddaħħal riżerva fir-rigward tal-emendi proposti li jikkonċernaw dawk il-ħames speċijiet, peress li dawn jeħtieġu emenda tad-Direttiva 2009/147/KE, li mhix possibbli fi żmien 90 jum mid-data tal-adozzjoni tagħhom mil-Laqgħa tal-Partijiet,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fit-tmien sessjoni tal-Laqgħa tal-Partijiet tal-Ftehim dwar il-Konservazzjoni tal-Għasafar tal-Ilma Migratorji Afro-Ewroasjatiċi għandha tkun li ġejja:

L-Unjoni għandha tapprova l-emendi tal-Anness 3 għall-Ftehim sottomessi mir-Renju Unit u stipulati fl-abbozz tar-Riżoluzzjoni 8.2 tat-tmien sessjoni tal-Laqgħa tal-Partijiet tal-Ftehim li jikkonċernaw il-ħames speċijiet li ġejjin: il-Wiżża Griża - Anser anser, il-Brajmla tat-Toppu Aħmar - Netta rufina, il-Pluviera Pastarda - Pluvialis squatarola squatarola, il-Gallina tal-Baħar Ewrasjatika - Haematopus ostralegus longipes u l-Wiżża tal-Ful, l-Wiżża tal-Ful tat-Taiga -Anser fabalis fabalis.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Settembru 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

M. BEK


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/871/KE tat-18 ta’ Lulju 2005 dwar il-konklużjoni, mill-Komunità Ewropea, tal-Ftehim dwar il-Konservazzjoni tal-Għasafar tal-Ilma Migratorji Afro-Ewroasjatiċi (ĠU L 345, 8.12.2006, p. 24).

(2)  Id-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU L 20, 26.1.2010, p. 7).