|
27.9.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 249/47 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1655
tas-26 ta’ Settembru 2022
li tirrikonoxxi r-rapport li jinkludi informazzjoni dwar l-emissjonijiet tipiċi ta’ gassijiet serra mill-kultivazzjoni tal-fażola tas-sojja fl-Arġentina skont l-Artikolu 31(3) u (4) tad-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 31(4) tagħha,
Billi:
|
(1) |
Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tistabbilixxi li l-bijofjuwils, il-bijolikwidi, u l-fjuwils tal-bijomassa għandhom iwasslu għall-iffrankar sinifikanti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra meta mqabbla mal-fjuwils fossili biex ikunu jistgħu jingħaddu lejn il-miri stabbiliti f’dik id-Direttiva. Għal dan il-għan, l-Artikolu 29(10) jistabbilixxi limiti speċifiċi għall-iffrankar tal-emissjonijiet għal dawk il-fjuwils, u l-Artikolu 31 jirregola kif għandu jiġi kkalkulat l-iffrankar tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-użu tagħhom. Meta jsiru dawk il-kalkoli, jistgħu jintużaw il-valuri prestabbiliti stipulati fl-Annessi V u VI tad-Direttiva (UE) 2018/2001. Minflok il-valuri prestabbiliti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-kultivazzjoni ta’ materja prima agrikola, jistgħu jintużaw valuri tipiċi taħt ċerti kundizzjonijiet. Dawn il-valuri tipiċi, li jirrappreżentaw il-valur medju f’żona speċifika, jistgħu jiġu rrappurtati lill-Kummissjoni mill-Istati Membri jew minn pajjiżi terzi. Il-valuri tipiċi jistgħu jintużaw biss jekk il-Kummissjoni tirrikonoxxihom bħala akkurati. |
|
(2) |
Fis-16 ta’ Frar 2022, l-Arġentina bagħtet ir-rapport finali bid-data biex jitkejlu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra assoċjati mal-kultivazzjoni tal-fażola tas-sojja tipikament prodotta f’reġjuni fl-Arġentina ekwivalenti għar-reġjuni NUTS 2 (2) tal-Unjoni Ewropea, lill-Kummissjoni, u talbet li l-akkuratezza ta’ tali data tiġi rikonoxxuta f’konformità mal-Artikolu 31(4) tad-Direttiva (UE) 2018/2001. |
|
(3) |
Il-Kummissjoni vvalutat ir-rapport u sabet li fih id-data akkurata għall-finijiet tal-kejl tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra assoċjati mal-kultivazzjoni tal-fażola tas-sojja tipikament prodotta f’reġjuni fl-Arġentina ekwivalenti għar-reġjuni NUTS 2 tal-Unjoni Ewropea. |
|
(4) |
Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar is-Sostenibbiltà tal-Bijofjuwils, il-Bijolikwidi u l-Fjuwils tal-Bijomassa. |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Ir-rapport li ressqet l-Arġentina għar-rikonoxximent tal-Kummissjoni fis-16 ta’ Frar 2022 fih id-data akkurata għall-finijiet tal-kejl tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra assoċjati mal-kultivazzjoni tal-fażola tas-sojja tipikament prodotta f’reġjuni fl-Arġentina ekwivalenti għar-reġjuni NUTS 2 tal-Unjoni Ewropea, skont l-Artikolu 31(4) tad-Direttiva (UE) 2018/2001. Is-sommarju tad-data tar-rapport huwa stabbilit fl-Anness.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija valida għal perjodu ta’ ħames snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ tagħha. Jekk il-kontenut tar-rapport, kif tressaq lill-Kummissjoni għar-rikonoxximent fis-16 ta’ Frar 2022, jinbidel b’xi mod li jista’ jaffettwa l-bażi ta’ din id-Deċiżjoni, dan it-tibdil għandu jiġi nnotifikat lill-Kummissjoni minnufih. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-bidliet innotifikati biex tiddetermina jekk ir-rapport ikunx għadu jipprovdi d-data akkurata li għaliha huwa rikonoxxut.
Artikolu 3
Il-Kummissjoni tista’ tirrevoka din id-Deċiżjoni jekk jintwera biċ-ċar li r-rapport ma jkunx għadu jinkludi d-data akkurata għall-finijiet tal-kejl tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra assoċjati mal-kultivazzjoni tal-fażola tas-sojja prodotta fl-Arġentina.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Settembru 2022.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82.
(2) In-NUTS hija sistema ta’ klassifikazzjoni għall-unitajiet territorjali tal-UE għall-istatistika.
ANNESS
Sommarju tal-emissjonijiet totali tal-gassijiet serra li jirriżultaw mill-kultivazzjoni tal-fażola tas-sojja għal kull kategorija fir-reġjuni Arġentini, f’kg CO2eq għal kull tunnellata mnixxfa ta’ fażola tas-sojja
|
Provinċja |
Emissjonijiet ta’ gassijiet serra mir-residwi tal-għelejjel (kgCO2eq/tunnellata mnixxfa) |
Emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-applikazzjoni tal-fertilizzanti (kgCO2eq/tunnellata mnixxfa) |
Emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-użu tal-fjuwil (kgCO2eq/tunnellata mnixxfa) |
Emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-produzzjoni tal-fjuwil (kgCO2eq/tunnellata mnixxfa) |
Emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-produzzjoni tal-agrokimiċi (kgCO2eq/tunnellata mnixxfa) |
Emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-produzzjoni tal-fertilizzanti (kgCO2eq/tunnellata mnixxfa) |
Emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-produzzjoni taż-żerriegħa (kgCO2eq/tunnellata mnixxfa) |
Total (kgCO2eq/tunnellata mnixxfa) |
|
BUENOS AIRES |
95,90 |
3,94 |
40,79 |
3,94 |
40,64 |
5,61 |
0,00 |
190,81 |
|
CHACO |
97,41 |
6,60 |
53,97 |
5,21 |
70,30 |
6,23 |
0,00 |
239,72 |
|
CORDOBA |
89,04 |
5,13 |
36,91 |
3,56 |
41,05 |
4,89 |
0,00 |
180,58 |
|
ENTRE RIOS |
102,53 |
13,11 |
51,29 |
4,95 |
57,61 |
15,91 |
0,00 |
245,41 |
|
LA PAMPA |
90,75 |
3,61 |
37,07 |
3,58 |
36,12 |
4,08 |
0,00 |
175,20 |
|
SALTA |
94,87 |
1,08 |
51,34 |
4,96 |
55,72 |
1,39 |
0,00 |
209,36 |
|
SANTA FE |
88,54 |
1,86 |
36,05 |
3,48 |
43,95 |
4,40 |
0,00 |
178,28 |
|
SANTIAGO DEL ESTERO |
93,15 |
0,41 |
48,09 |
4,64 |
54,91 |
0,42 |
0,00 |
201,62 |
|
TUCUMAN |
94,87 |
1,08 |
51,34 |
4,96 |
55,72 |
1,39 |
0,00 |
209,36 |