23.9.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 247/69 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1639
tal-21 ta’ Settembru 2022
dwar ċerti miżuri interim ta’ emerġenza li għandhom x’jaqsmu mal-ġidri tan-nagħaġ u l-ġidri tal-mogħoż fi Spanja
(notifikata bid-dokument C(2022) 6853)
(It-test bl-Ispanjol biss huwa awtentiku)
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 259(2) tiegħu,
Billi:
(1) |
Il-ġidri tan-nagħaġ u l-ġidri tal-mogħoż huwa marda virali infettiva li taffettwa lill-annimali kaprini u ovini u li jista’ jkollha impatt serju fuq il-popolazzjoni tal-annimali kkonċernati u fuq il-profittabbiltà tal-biedja, u tikkawża tfixkil fil-movimenti tal-kunsinni ta’ dawk l-annimali u tal-prodotti tagħhom fl-Unjoni u fl-esportazzjonijiet lejn il-pajjiżi terzi. |
(2) |
F’każ ta’ tifqigħa tal-ġidri tan-nagħaġ u l-ġidri tal-mogħoż f’annimali kaprini u ovini, hemm riskju serju li dik il-marda tinxtered fi stabbilimenti oħra ta’ annimali kaprini jew ovini. |
(3) |
Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/687 (2) jissupplimenta r-regoli għall-kontroll tal-mard elenkat imsemmi fl-Artikolu 9(1), il-punti (a), (b) u (c) tar-Regolament (UE) 2016/429, u definit bħala mard tal-kategoriji A, B u C fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1882 (3). B’mod partikolari, l-Artikoli 21 u 22 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687 jipprevedu l-istabbiliment ta’ żona ristretta f’każ ta’ tifqigħa ta’ marda tal-kategorija A, inkluż il-ġidri tan-nagħaġ u l-ġidri tal-mogħoż, kif ukoll ċerti miżuri li jridu jiġu applikati fiha. Barra minn hekk, l-Artikolu 21(1) ta’ dak ir-Regolament Delegat jipprevedi li ż-żona ristretta trid tinkludi żona ta’ protezzjoni, żona ta’ sorveljanza, u jekk ikun meħtieġ aktar żoni ristretti madwar iż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza jew maġenbhom. |
(4) |
Spanja infurmat lill-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni attwali tal-ġidri tan-nagħaġ u l-ġidri tal-mogħoż fit-territorju tagħha, wara tifqigħa ta’ dik il-marda fl-annimali kaprini u ovini fir-reġjun tal-Andalusija kkonfermata fid-19 ta’ Settembru 2022, u, f’konformità mar-Regolament Delegat (UE) 2020/687, stabbiliet żona ristretta, li tinkludi żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza, li fiha jiġu applikati l-miżuri ġenerali għall-kontroll tal-mard stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2020/687, sabiex jiġi evitat aktar tixrid ta’ dik il-marda. |
(5) |
Sabiex jiġi evitat kull xkiel bla bżonn għall-kummerċ fl-Unjoni u sabiex jiġu evitati ostakli mhux ġustifikati għall-kummerċ minn pajjiżi terzi, jeħtieġ li fil-livell tal-Unjoni, tiġi identifikata malajr iż-żona ristretta għall-ġidri tan-nagħaġ u l-ġidri tal-mogħoż, li tinkludi żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza, fi Spanja b’kollaborazzjoni ma’ dak l-Istat Membru. |
(6) |
Għaldaqstant, iż-żoni identifikati bħala żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza fi Spanja jenħtieġ li jiġu stipulati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni u jenħtieġ li tiġi stabbilita d-durata ta’ dik ir-reġjonalizzazzjoni. |
(7) |
Minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni epidemjoloġika fl-Unjoni fir-rigward tat-tixrid tal-ġidri tan-nagħaġ u l-ġidri tal-mogħoż, huwa importanti li l-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni japplikaw malajr kemm jista’ jkun. |
(8) |
Konsegwentement, sakemm il-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf jagħti l-opinjoni tiegħu, iż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza fi Spanja jenħtieġ li jiġu stabbiliti minnufih u jiġu elenkati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni u tiġi ffissata d-durata ta’ dak iż-żonar. |
(9) |
Din id-Deċiżjoni trid tiġi rieżaminata fil-laqgħa li jmiss tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Spanja għandha tiżgura li:
(a) |
żona ristretta li tinkludi żona ta’ protezzjoni u żona ta’ sorveljanza tiġi stabbilita immedjatament mill-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru f’konformità mal-Artikolu 21(1) tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687 u bil-kundizzjonijiet stipulati f’dak l-Artikolu; |
(b) |
iż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza msemmija fil-paragrafu (a) jinkludu mill-inqas iż-żoni elenkati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni. |
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sat-23 ta’ Ottubru 2022.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju ta’ Spanja.
Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Settembru 2022.
Għall-Kummissjoni
Stella KYRIAKIDES
Membru tal-Kummissjoni
(2) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/687 tas-17 ta’ Diċembru 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll ta’ ċertu mard elenkat (ĠU L 174, 3.6.2020, p. 64).
(3) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1882 tat-3 ta’ Diċembru 2018 dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard għal kategoriji ta’ mard elenkat u li jistabbilixxi lista ta’ speċijiet u gruppi ta’ speċijiet li jippreżentaw riskju konsiderevoli għat-tixrid ta’ dak il-mard elenkat (ĠU L 308, 4.12.2018, p. 21).
ANNESS
Numru ta’ referenza tal-ADIS tat-tifqigħa |
Żoni stabbiliti bħala ż-żona ristretta fi Spanja kif imsemmi fl-Artikolu 1 |
Data sa meta applikabbli |
||
ES-CAPRIPOX-2022-00001 |
Żona ta’ protezzjoni:
|
14 ta’ Ottubru 2022 |
||
Żona ta’ sorveljanza:
|
23 ta’ Ottubru 2022 |
|||
Żona ta’ sorveljanza:
|
Mill-15 sat-23 ta’ Ottubru 2022 |