12.9.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 235/65


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1517

tad-9 ta’ Settembru 2022

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/450 fir-rigward tal-pubblikazzjoni ta’ referenzi tad-Dokumenti Ewropej ta’ Valutazzjoni għal iżolazzjoni magħmula minn sufra espanduta granulata komposta jew mhux ippakkjata b’mod kompatt jew minn sufra naturali granulata u gomma mhux ippakkjati b’mod kompatt u għal prodotti tal-bini oħrajn

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 305/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2011 li jistabbilixxi kundizzjonijiet armonizzati għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti għall-bini u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 89/106/KEE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 22 tiegħu,

Billi:

(1)

F’konformità mar-Regolament (UE) Nru 305/2011, il-Korpi tal-Valutazzjoni Teknika huma obbligati jużaw il-metodi u l-kriterji provduti fid-Dokumenti Ewropej ta’ Valutazzjoni, li r-referenzi tagħhom ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għall-valutazzjoni tal-prestazzjoni tal-prodotti għall-bini koperti minn dawk id-dokumenti b’rabta mal-karatteristiċi essenzjali tagħhom.

(2)

F’konformità mal-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 305/2011, wara diversi talbiet mill-manifatturi għal Valutazzjonijiet Tekniċi Ewropej, l-organizzazzjoni tal-Korpi tal-Valutazzjoni Teknika fasslet u adottat 10 Dokumenti Ewropej ta’ Valutazzjoni u korrezzjoni waħda.

(3)

Id-Dokumenti Ewropej ta’ Valutazzjoni li ġew imfassla u adottati mill-organizzazzjoni tal-Korpi tal-Valutazzjoni Teknika huma relatati mal-prodotti għall-bini li ġejjin:

—

iżolazzjoni magħmula minn sufra espanduta granulata komposta jew mhux ippakkjata b’mod kompatt jew sufra naturali granulata u gomma mhux ippakkjati b’mod kompatt;

—

twapet u barrieri ġeosintetiċi komposti tas-siment;

—

Bexxiexa għat-Tifi tan-Nar Awtomatika Wieqfa u Mdendla tat-tip ESFR (Soppressjoni Bikrija, Rispons Rapidu), K240 sa 480;

—

Siment tal-forn tal-blast CEM III/A b’valutazzjoni tar-reżistenza għas-sulfat (SR) u b’mod fakultattiv b’kontenut effettiv baxx ta’ alkali (LA) u/jew sħana ta’ idratazzjoni baxxa(LH);

—

kitt għall-ankraġġi tal-blat u tal-ħamrija permezz ta’ linji tal-azzar imqiegħda taħt pressjoni minn qabel;

—

komma li ma tistax tiġi invitata għal ċombaturi mekkaniċi b’kompressjoni laterali ta’ vireg li jirrinforzaw;

—

unitajiet tal-bini tal-konkrit tal-polistiren u kits tal-ħajt magħmula mill-unitajiet;

—

valvijiet tar-radjaturi termostatiċi;

—

element ta’ rbit attwat bit-trab għall-iffissar tal-ETICS fil-konkrit;

—

kitt ta’ protezzjoni mill-valangi flessibbli;

—

sistema ta’ ventilazzjoni magħmula minn suf minerali b’kisi fuq barra u fuq ġewwa.

(4)

Id-Dokument Ewropew ta’ Valutazzjoni bin-numru ta’ referenza 360001-01-0803 relatat mas-sistema ta’ ventilazzjoni magħmula minn suf minerali b’kisi fuq barra u fuq ġewwa, li r-referenza tiegħu hija ppubblikata bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/450 (2) fih żball. Huwa għalhekk meħtieġ li tiżdied kjarifika li d-Dokument Ewropew ta’ Valutazzjoni bin-numru ta’ referenza 360001-01-0803 jissostitwixxi l-verżjoni preċedenti tad-Dokument Ewropew ta’ Valutazzjoni bin-numru ta’ referenza 360001-00-0803.

(5)

Id-Dokumenti Ewropej ta’ Valutazzjoni mfassla u adottati mill-organizzazzjoni tal-Korpi tal-Valutazzjoni Teknika jissodisfaw l-esiġenzi fir-rigward tar-rekwiżiti bażiċi għax-xogħlijiet ta’ bini stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 305/2011. Għalhekk jixraq li r-referenzi ta’ dawk id-Dokumenti Ewropej ta’ Valutazzjoni jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(6)

Il-lista tar-referenzi tad-Dokumenti Ewropej ta’ Valutazzjoni ġiet ippubblikata bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/450. Għal raġunijiet ta’ ċarezza, jenħtieġ li r-referenzi tad-Dokumenti Ewropej ta’ Valutazzjoni l-ġodda jiżdiedu ma’ dik il-lista.

(7)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/450 tiġi emendata skont dan.

(8)

Sabiex jiġi ffaċilitat l-użu tad-Dokumenti Ewropej ta’ Valutazzjoni minn kmieni kemm jista’ jkun, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/450 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Settembru 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 88, 4.4.2011, p. 5.

(2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/450 tad-19 ta’ Marzu 2019 dwar il-pubblikazzjoni tad-Dokumenti Ewropej ta’ Valutazzjoni (EADs) għall-prodotti tal-bini abbozzati b’appoġġ tar-Regolament (UE) Nru 305/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 77, 20.3.2019, p. 78).


ANNESS

L-Anness għad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/450 huwa emendat kif ġej:

(1)

ir-ringieli li ġejjin jiddaħħlu f’ordni sekwenzjali skont l-ordni tan-numri ta’ referenza:

“040369-01-1201

Iżolazzjoni magħmula minn sufra espanduta granulata komposta jew mhux ippakkjata b’mod kompatt jew sufra naturali granulata u gomma mhux ippakkjati b’mod kompatt”

(tissostitwixxi l-ispeċifikazzjoni teknika “EAD 040369-00-1201”)

“080009-00-0301

Twapet u barrieri ġeosintetiċi komposti tas-siment”

“100002-00-1106

Bexxiexa għat-Tifi tan-Nar Awtomatika Wieqfa u Mdendla tat-tip ESFR (Soppressjoni Bikrija, Rispons Rapidu), K240 sa 480”

“150009-01-0301

Siment tal-forn tal-blast CEM III/A b’valutazzjoni tar-reżistenza għas-sulfat (SR) u fakultattivament b’kontenut effettiv baxx ta’ alkali (LA) u/jew sħana ta’ idratazzjoni baxxa (LH)”

(tissostitwixxi l-ispeċifikazzjoni teknika “EAD 150009-00-0301”)

“160071-00-0102

Kitt għall-ankraġġi tal-blat u tal-ħamrija permezz ta’ linji tal-azzar imqiegħda taħt pressjoni minn qabel”

“160124-00-0301

Komma li ma tistax tiġi invitata għal ċombaturi mekkaniċi b’kompressjoni laterali ta’ vireg li jirrinforzaw”

“170010-00-0305

Unitajiet tal-bini tal-konkrit tal-polistiren u kits tal-ħajt magħmula mill-unitajiet”

“280005-00-0702

Valvijiet tar-radjaturi termostatiċi”

“330965-01-0601

Element ta’ rbit attwat bit-trab għall-iffissar tal-ETICS fil-konkrit”

(tissostitwixxi l-ispeċifikazzjoni teknika “EAD 330965-00-0601”)

“340109-00-0106

Kitt ta’ protezzjoni mill-valangi flessibbli”;

(2)

ir-ringiela bin-numru ta’ referenza 360001-01-0803 hija sostitwita b’dan li ġej:

“360001-01-0803

Sistema ta’ ventilazzjoni magħmula minn suf minerali b’kisi fuq barra u fuq ġewwa

(tissostitwixxi l-ispeċifikazzjoni teknika ‘EAD 360001-00-0803’)”.