|
9.9.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 234/30 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1497
tat-8 ta’ Settembru 2022
li tiddetermina, skont l-Artikolu 3(3) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, jekk prodott li fih “l-oleoreżina tal-Capsicum ippressata b-espellent” huwiex prodott bijoċidali
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Fit-8 ta’ Settembru 2021, il-Belġju talab lill-Kummissjoni tiddeċiedi jekk prodott li jkun fih, kif indikat mill-manifattur, “l-oleoreżina tal-Capsicum ippressata bl-espellent” u li jiġi kkummerċjalizzat fil-Belġju mill-manifattur bħala repellent kontra l-qtates u l-klieb (“il-prodott”), huwiex prodott bijoċidali kif iddefinit fil-punt (a) tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. |
|
(2) |
Skont l-informazzjoni pprovduta mill-Belġju, il-prodott huwa sprej għall-użu fuq uċuħ esterni (bħal setaħ, mogħdijiet, ħitan, ċnut, eċċ.) sabiex il-qtates u l-klieb jitgerrxu minn dawk l-uċuħ. L-użu maħsub tal-prodott huwa differenti minn dak ta’ sprejs li fihom l-istess ingredjenti jew ingredjenti simili u maħsuba sabiex jintużaw kontra annimali aggressivi għall-iskop ta’ difiża personali. |
|
(3) |
F’konformità mal-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, id-definizzjoni ta’ “sustanza” għall-finijiet ta’ dak ir-Regolament hija dik stabbilita fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), li jiddefinixxi sustanza bħala element kimiku u l-komposti tagħha fl-istat naturali jew miksuba bi kwalunkwe proċess ta’ manifattura. |
|
(4) |
Skont il-gwida tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (3), l-organiżmi ħajjin sħaħ jew mejtin u mhux ipproċessati, jew partijiet minnhom (pereżempju, friegħi, frott jew fjuri eċċ.), ma jitqisux bħala sustanzi fit-tifsira tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006. |
|
(5) |
“L-oleoreżina tal-Capsicum ippressata bl-espellent” hija reżina organika żejtnija miksuba bl-ippressar permezz ta’ espellent mill-frott tal-pjanti tal-ġeneru Capsicum. B’hekk, “l-oleoreżina tal-Capsicum ippressata bl-espellent” hija magħmula minn komposti ta’ elementi kimiċi fl-istat naturali, iżda mhix organiżmu ħaj sħiħ jew organiżmu mejjet u mhux ipproċessat jew partijiet minn tali organiżmu. |
|
(6) |
Jenħtieġ għalhekk li “l-oleoreżina tal-Capsicum ippressata bl-espellent” titqies bħala sustanza fit-tifsira tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, u konsegwentement, f’konformità mal-punt (a) tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, jenħtieġ li titqies ukoll bħala sustanza fit-tifsira ta’ dak ir-Regolament. |
|
(7) |
F’ċerti ċirkostanzi, il-qtates u l-klieb jista’ jkollhom preżenza mhux mixtieqa jew effett ta’ detriment fuq il-bnedmin, l-attivitajiet tagħhom jew il-prodotti li jużaw jew li jipproduċu u, għalhekk, jistgħu jidħlu fid-definizzjoni ta’ organiżmu ta’ ħsara fit-tifsira tal-punt (g) tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. Peress li “l-oleoreżina tal-Capsicum ippressata bl-espellent” li jinsab fil-prodott huwa maħsub li jsarraf f’azzjoni kontra tali organiżmi ta’ ħsara, huwa sustanza attiva fit-tifsira tal-punt (c) tal-Artikolu 3(1) ta’ dak ir-Regolament. |
|
(8) |
Minħabba li l-prodott fih sustanza attiva u huwa maħsub biex igerrex organiżmi ta’ ħsara b’azzjoni li mhijiex sempliċiment fiżika jew mekkanika, jenħtieġ li l-prodott jitqies bħala prodott bijoċidali kif iddefinit fil-punt (a) tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. |
|
(9) |
It-tip 19 tal-prodotti, kif definit fl-Anness V tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, jinkludi prodotti li jintużaw biex jikkontrollaw l-organiżmi ta’ ħsara billi jbegħduhom jew jattirawhom. Peress li l-prodott jintuża bl-intenzjoni li jiġu mbegħdin il-qtates u l-klieb, użu bħal dan jaqa’ taħt id-deskrizzjoni tat-tip 19 tal-prodotti. |
|
(10) |
Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni jikkonformaw mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Prodott li jkun fih “l-oleoreżina tal-Capsicum ippressata bl-espellent” użat fuq uċuħ esterni bil-fini li jiġu mbegħdin il-qtates u l-klieb minn dawk l-uċuħ, għandu jitqies bħala prodott bijoċidali skont it-tifsira tal-punt (a) tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, u għandu jaqa’ fit-tip 19 tal-prodotti kif definit fl-Anness V ta’ dak ir-Regolament.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Settembru 2022.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1.
(2) Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1).
(3) Guidance for Annex V — Exemptions from the obligation to register (ara p. 19), available at https://echa.europa.eu/documents/10162/2324906/annex_v_en.pdf/8db56598-f7b7-41ba-91df-c55f9f626545