9.9.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 234/28


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1496

tat-8 ta’ Settembru 2022

li tipposponi d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tat-tebukonażol għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 8 f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(5) tiegħu,

Wara li kkonsultat il-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali,

Billi:

(1)

It-tebukonażol ġie inkluż fl-Anness I tad-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) bħala sustanza attiva għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 8. Skont l-Artikolu 86 tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, għaldaqstant ġie kkunsidrat bħala approvat skont dak ir-Regolament sal-31 ta’ Marzu 2020 soġġett għar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness I tad-Direttiva 98/8/KE.

(2)

Fis-27 ta’ Settembru 2018, tressqet applikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 13(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 għat-tiġdid tal-approvazzjoni tat-tebukonażol għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 8 (“l-applikazzjoni”).

(3)

Fis-6 ta’ Frar 2019, l-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni tad-Danimarka infurmat lill-Kummissjoni li kienet iddeċidiet, skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, li kienet meħtieġa evalwazzjoni sħiħa tal-applikazzjoni. Skont l-Artikolu 8(1) ta’ dak ir-Regolament, l-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni għandha twettaq evalwazzjoni sħiħa tal-applikazzjoni fi żmien 365 jum mill-validazzjoni tagħha.

(4)

L-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni tista’, skont kif ikun xieraq, tirrikjedi lill-applikant jipprovdi biżżejjed data biex titwettaq l-evalwazzjoni, f’konformità mal-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. F’dak il-każ, il-perjodu ta’ 365 jum jiġi sospiż għal perjodu li ma jistax jisboq il-180 jum b’kollox sakemm ma tkunx iġġustifikata sospensjoni itwal min-natura tad-data rikjesta jew minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali.

(5)

Fi żmien 270 jum mill-wasla ta’ rakkomandazzjoni mill-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni, l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (“l-Aġenzija”) għandha tħejji u tibgħat lill-Kummissjoni opinjoni dwar it-tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva f’konformità mal-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012.

(6)

Id-Deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1951 (3) ipposponiet id-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tat-tebukonażol għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 8 sat-30 ta’ Settembru 2022 sabiex ikun hemm biżżejjed żmien għall-eżami tal-applikazzjoni.

(7)

Fit-3 ta’ Mejju 2022, l-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni infurmat lill-Kummissjoni li qed tistenna li tissottometti r-rapport ta’ valutazzjoni tat-tiġdid lill-Aġenzija fl-ewwel sitt xhur tal-2024.

(8)

Konsegwentement, minħabba raġunijiet lil hinn mill-kontroll tal-applikant, l-approvazzjoni aktarx tiskadi qabel ma tkun ittieħdet deċiżjoni dwar it-tiġdid tagħha. Għalhekk, jixraq li d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tiġi posposta għal perjodu twil biżżejjed biex ikun jista’ jsir l-eżami tal-applikazzjoni. Wara li tqiesu l-limiti ta’ żmien għall-evalwazzjoni mill-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni, għat-tħejjija u s-sottomissjoni mill-Aġenzija tal-opinjoni tagħha u biex il-Kummissjoni tiddeċiedi jekk iġġeddidx l-approvazzjoni tat-tebukonażol għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 8, jenħtieġ li d-data tal-iskadenza tiġi posposta għat-30 ta’ Ġunju 2026.

(9)

Wara l-posponiment tad-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni, it-tebukonażol jibqa’ approvat għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 8 soġġett għar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness I tad-Direttiva 98/8/KE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tat-tebukonażol għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 8 stabbilita fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1951 hija posposta għat-30 ta’ Ġunju 2026.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Settembru 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1.

(2)  Id-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 1998 dwar it-tqegħid fis-suq tal-prodotti bijoċidali (ĠU L 123, 24.4.1998, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1951 tal-25 ta’ Novembru 2019 li tipposponi d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tat-tebukonażol għall-użu fi prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 8 (ĠU L 304, 26.11.2019, p. 21).