|
22.8.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 217/88 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1415
tat-18 ta’ Awwissu 2022
dwar l-approvazzjoni parzjali, skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ta’ regoli modifikati dwar id-distribuzzjoni tat-traffiku għall-ajruporti ta’ Milan Malpensa, ta’ Milan Linate, u ta’ Orio al Serio (Bergamo)
(notifikata bid-dokument C(2022) 5783)
(it-test bit-Taljan biss huwa awtentiku)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fil-Komunità (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 19(3) tiegħu,
Wara li kkonsultat il-kumitat stabbilit bl-Artikolu 25(1) tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008,
Billi:
1. PROĊEDURA
|
(1) |
Fit-22 ta’ Frar 2022, l-awtoritajiet Taljani għarrfu lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 19(3) tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008, b’abbozz ġdid ta’ digriet dwar regoli modifikati dwar id-distribuzzjoni tat-traffiku għall-ajruporti ta’ Milan Malpensa, ta’ Milan Linate, u ta’ Orio al Serio (Bergamo) (“l-abbozz tad-digriet Giovannini”). |
2. SFOND U DESKRIZZJONI TAL-MIŻURA
2.1. L-abbozz tad-digriet Giovannini
|
(2) |
L-Artikolu 1 tal-abbozz tad-digriet Giovannini jimmodifika l-Artikolu 4 tad-digriet tat-3 ta’ Marzu 2000 dwar ir-regoli tad-distribuzzjoni tat-traffiku għall-ajruporti ta’ Milan Malpensa, ta’ Milan Linate, u ta’ Orio al Serio (Bergamo), kif emendat, bil-mod li ġej: “Paragrafu 1: It-trasportaturi tal-ajru jistgħu joperaw rotot skedati minn punt għal punt, bl-użu ta’ inġenji tal-ajru b’qafas dejjaq, bejn l-ajruport ta’ Milan Linate u ajruporti oħra fl-Unjoni Ewropea, jew ajruporti li jkunu ta’ Stat li jkun daħal fi ftehim ta’ tip vertikali mal-Unjoni Ewropea li jirregola s-servizzi tal-ajru tiegħu u li jinsabu wkoll f’raġġ ta’ 1 500 km — imkejjel skont il-metodu tar-rotta ortodromika — mill-ajruport ta’Milan Linate, fil-limiti tal-kapaċità operattiva definita tal-ajruport ta’ MilanLinate. It-trasportaturi tal-ajru li ġejjin biss jistgħu joperaw tali rotot:
|
|
(3) |
L-Artikolu 1 tal-abbozz tad-digriet Giovannini jimmodifika wkoll l-Artikolu 4 tad-digriet tat-3 ta’ Marzu 2000 dwar ir-regoli tad-distribuzzjoni tat-traffiku għall-ajruporti ta’ Milan Malpensa, ta’ Milan Linate, u ta’ Orio al Serio (Bergamo), kif emendat, bil-mod li ġej: “Il-Paragrafu 2: Sabiex tiġi ggarantita l-konformità mad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1, id-distribuzzjoni u l-bejgħ ta’ biljetti u t-trasport tal-passiġġieri fuq rotot minn punt għal punt li jtiru mill-ajruport ta’ Milan Linate jew lejh għandhom ikunu permessi biss fir-rigward ta’ ajruporti li jinsabu fil-konfini ġeografiċi definiti fil-paragrafu 1.” |
|
(4) |
Il-premessi tal-abbozz tad-digriet Giovannini jiddikjaraw li l-emenda tar-regoli eżistenti dwar id-distribuzzjoni tat-traffiku bejn l-ajruporti ta’ Milan hija meħtieġa biex jiġi żgurat li l-ajruport ta’ Milan Linate jibqa’ “ajruport tal-belt” li jaqdi destinazzjonijiet fuq distanzi qosra, u biex jiġi sfruttat bis-sħiħ l-iżvilupp ta’ Milan Malpensa bħala ajruport ċentrali. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-ajruport ta’ Milan Linate jkun konness ukoll ma’ ajruporti barra mill-Unjoni, sakemm dawn ikunu f’raġġ ta’ 1 500 km, u l-Unjoni tkun ikkonkludiet ftehim orizzontali jew komprensiv dwar it-trasport bl-ajru mal-pajjiż terz li fih jinsab l-ajruport. |
|
(5) |
Fl-ispjegazzjonijiet li jakkumpanjaw in-notifika, l-awtoritajiet Taljani indikaw li l-applikazzjoni tal-Artikolu 1 tal-abbozz tad-digriet Giovannini kif imsemmi fil-premessa 2 tkun tippermetti li r-rotot bejn Milan Linate u pajjiżi bħar-Renju Unit, l-Istati Membri taż-Żona ta’ Avjazzjoni Komuni Ewropea jew il-Marokk jibqgħu joperaw, fil-limiti definiti tal-kapaċità tal-ajruport, jiġifieri 18-il moviment fis-siegħa. |
|
(6) |
Skont l-Artikolu 1 tal-abbozz tad-digriet Giovannini kif imsemmi fil-premessa 2, ir-raġġ ta’ 1 500 km madwar l-ajruport ta’ Milan Linate għandu jitkejjel f’konformità mal-metodu tar-rotta ortodromika. Fin-notifika tagħhom l-awtoritajiet Taljani spjegaw li dik id-distanza tintuża fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni bħala livell limitu biex jiġu kkategorizzati titjiriet ta’ distanzi differenti (eż. ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2)). |
|
(7) |
Fir-rigward tal-Artikolu 1 tal-abbozz tad-digriet Giovannini kif imsemmi fil-premessa 3, l-awtoritajiet Taljani spjegaw li din id-dispożizzjoni hija maħsuba biex tiżgura l-infurzar tal-abbozz tal-Artikolu 4 tal-paragrafu 1, u tirrifletti l-approċċ tar-regoli attwali dwar id-distribuzzjoni tat-traffiku. Ir-regoli attwali jinkarigaw lill-Awtorità tal-Avjazzjoni Ċivili nazzjonali biex timmonitorja t-traffiku tal-ajru fl-ajruporti ta’ Milan Linate u Milan Malpensa u tirrapporta lill-Ministeru tal-Infrastruttura u tat-Trasport, sabiex tivvaluta jekk dawk ir-regoli humiex qed jiġu osservati u jekk hijiex meħtieġa kwalunkwe azzjoni addizzjonali. |
2.2 Konsultazzjoni mwettqa mill-awtoritajiet Taljani
|
(8) |
Fis-6 ta’ Settembru 2021, l-Awtorità tal-Avjazzjoni Ċivili Taljana (ENAC), f’konformità mal-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008, stiednet lill-partijiet interessati għal konsultazzjoni li kellha ssir fit-8 ta’ Settembru 2021, fl-ajruport ta’ Milan Linate. |
|
(9) |
Skont l-informazzjoni sottomessa mill-awtoritajiet Taljani, il-konsultazzjoni attendew għaliha l-Kumitati tal-Utenti tal-Ajruport tal-ajruporti ta’ Linate u ta’ Malpensa magħmula minn trasportaturi tal-ajru, kumpaniji tas-servizzi fuq l-art, il-korp ta’ ġestjoni tal-ajruport u l-koordinatur tas-slots. |
|
(10) |
Skont ir-rapport ta’ konsultazzjoni, il-maġġoranza tal-partijiet kienu favur l-emenda proposta. |
3. KONSULTAZZJONI MWETTQA MILL-KUMMISSJONI
|
(11) |
Fil-25 ta’ Marzu 2022, il-Kummissjoni ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (3) sommarju tal-emendi proposti tar-regoli dwar id-distribuzzjoni tat-traffiku, kif innotifikat mill-awtoritajiet Taljani, u tat lill-partijiet interessati 20 jum biex jissottomettu l-kummenti. |
|
(12) |
Il-Kummissjoni rċeviet kummenti minn ħames partijiet interessati, li l-biċċa l-kbira minnhom xtaqu li jibqgħu anonimi. |
|
(13) |
Il-partijiet interessati kollha appoġġaw l-Artikolu 1 tal-abbozz tad-digriet Giovannini kif imsemmi fil-premessa 2, għalkemm parti waħda talbet li r-raġġ jiġi estiż lil hinn mill-1 500 km biex jinkludi aktar destinazzjonijiet. |
|
(14) |
Tliet partijiet interessati appoġġaw espressament l-Artikolu 1 tal-abbozz tad-digriet Giovannini kif imsemmi fil-premessa 3, bl-argument li dan itejjeb il-konformità mal-abbozz tal-Artikolu 4, il-paragrafu 1, u jżomm l-ajruport ta’ Linate bħala ajruport tassew minn punt għal punt. Parti interessata waħda esprimiet tħassib dwar l-Artikolu 1 tal-abbozz tad-digriet Giovannini kif imsemmi fil-premessa 3 bl-argument li l-projbizzjoni tal-bejgħ tal-biljetti lejn destinazzjonijiet barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4, il-paragrafu 1, hija sproporzjonata. Dik il-parti kellha wkoll tħassib serju dwar kif id-dispożizzjoni se tiġi implimentata u ddubitat li d-dispożizzjoni tkun xierqa biex tindirizza problemi ta’ kapaċità. |
4. VALUTAZZJONI
|
(15) |
Mill-bidu nett, il-Kummissjoni tosserva li t-tliet ajruporti li għalihom tapplika r-regola ta’ distribuzzjoni tat-traffiku notifikata, Milan Linate, Milan Malpensa u Orio al Serio (Bergamo), jissodisfaw l-erba’ kundizzjonijiet stabbiliti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008. L-ajruporti jaqdu l-konurbazzjoni ta’ Milan, li jissodisfa l-ewwel kundizzjoni. L-infrastruttura u l-konnessjonijiet tat-trasport pubbliku bejn it-tliet ajruporti u bejnhom u l-belt ta’ Milan huma tali li jikkonformaw mat-tieni u t-tielet kundizzjoni. Barra minn hekk, l-ajruporti joffru s-servizzi meħtieġa lit-trasportaturi tal-ajru b’tali mod li jissodisfaw ir-raba’ kundizzjoni. |
|
(16) |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni approvaw l-adozzjoni ta’ regoli dwar id-distribuzzjoni tat-traffiku li kellhom l-għan li jistabbilixxu l-ajruport ta’ Milan Malpensa bħala ċentru internazzjonali u lil Milan Linate bħala ajruport minn punt għal punt biex jiġi limitat il-fluss tat-traffiku f’dak l-ajruport. |
|
(17) |
B’mod aktar speċifiku, id-Digrieti Bersani u Bersani 2 tal-5 ta’ Jannar 2001, approvati bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/163/KE (4), imponew, fl-ajruport ta’ Milan Linate, limitazzjonijiet fuq l-għadd ta’ servizzi bir-ritorn ta’ kuljum lejn l-ajruporti tal-Unjoni identifikati abbażi tal-volum tat-traffiku tal-passiġġieri. Id-Digriet Bersani u d-Digriet Bersani 2 illimitaw ukoll l-ajruport ta’ Milan Linate għal ajruplani b’korsija waħda għal konnessjonijiet bi skeda minn punt għal punt fl-Unjoni biss. Dan kellu l-effett li jimbotta t-traffiku li kien fadal lejn l-ajruport ta’ Malpensa. |
|
(18) |
Id-Digriet Del Rio tat-18 ta’ Novembru 2016, approvat bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2019 (5), kellu l-għan li jottimizza l-użu tal-ajruport ta’ Milan Linate u li jtejjeb il-konnettività tiegħu mal-bliet Ewropej l-oħra kollha, filwaqt li jisfrutta bis-sħiħ il-potenzjal ta’ żvilupp ta’ Malpensa bħala ċentru fir-rwol speċifiku tiegħu bħala portal interkontinentali. Id-Digriet Del Rio għalhekk neħħa l-limitazzjonijiet fuq il-frekwenzi bbażati fuq il-volumi tat-traffiku tal-passiġġieri li jistgħu jiġu operati lejn u minn Linate, iżda żamm destinazzjonijiet fi ħdan l-Unjoni biss bħala li jistgħu jinqdew bl-użu ta’ inġenji tal-ajru b’qafas dejjaq. |
|
(19) |
Abbażi ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni ma tikkontestax il-politika tal-Italja fir-rigward tal-ajruporti ta’ Milan Malpensa u ta’ Linate. |
|
(20) |
Fir-rigward tal-Artikolu 1 tal-abbozz tad-digriet Giovannini kif imsemmi fil-premessa 2, il-Kummissjoni tinnota li dan ineħħi ċerti limitazzjonijiet imposti fuq is-servizzi tal-ajru fl-ajruport ta’ Linate. Destinazzjonijiet ġodda ta’ pajjiżi terzi jistgħu jinqdew lejn u mill-ajruport ta’ Linate li jaqgħu f’raġġ ta’ 1 500 km mill-ajruport u li jinsabu f’pajjiż li miegħu l-Unjoni kkonkludiet ftehim orizzontali jew komprensiv dwar it-trasport bl-ajru. |
|
(21) |
Abbażi tal-approċċ meħud fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/2019, sa fejn l-Artikolu 1 tal-abbozz tad-digriet Giovannini kif imsemmi fil-premessa 2 jneħħi l-limitazzjonijiet fuq l-aċċess għall-ajruport ta’ Linate u minnu sabiex it-trasportaturi tal-ajru jkunu jistgħu jkunu aktar effiċjenti u jkollhom aktar għażla fl-istabbiliment tal-iskedi tagħhom skont id-domanda tal-passiġġieri, il-kwistjoni tal-proporzjonalità ma tqumx. |
|
(22) |
Fi kwalunkwe każ, l-applikazzjoni tal-Artikolu 1 tal-abbozz tad-digriet Giovannini kif imsemmi fil-premessa 2 tkun tirriżulta f’żieda ta’ destinazzjonijiet ġodda mal-ajruport ta’ Linate b’mod trasparenti u abbażi ta’ kriterji oġġettivi li ma jwasslux għal diskriminazzjoni bejn it-trasportaturi tal-ajru tal-Unjoni jew id-destinazzjonijiet tal-Unjoni. |
|
(23) |
Fir-rigward tal-Artikolu 1 tal-abbozz tad-digriet Giovannini kif imsemmi fil-premessa 3, il-Kummissjoni ssib li jeżistu problemi fir-rigward tal-proporzjonalità u tat-trasparenza, bi ksur tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008. |
|
(24) |
Id-dispożizzjoni tipprojbixxi d-distribuzzjoni u l-bejgħ ta’ biljetti bejn l-ajruport ta’ Milan Linate u kwalunkwe destinazzjoni barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-abbozz tad-digriet Giovannini kif imsemmi fil-premessa 2, u kwalunkwe itinerarju tal-ivvjaġġar konness (għall-kuntrarju ta’ rotta diretta minn punt għal punt). Kif iċċarat mill-awtoritajiet Taljani matul il-laqgħat mas-servizzi tal-Kummissjoni fl-4 ta’ April 2022, u fit-30 ta’ Ġunju 2022, bħala segwitu għall-mistoqsijiet bil-miktub mibgħuta mis-servizzi tal-Kummissjoni fl-1 ta’ April 2022, dan mhux biss jipprevjeni lit-trasportaturi tal-ajru milli joffru itinerarji tal-ivvjaġġar mal-ajruport ta’ Milan Linate bħala l-punt ta’ trasferiment, iżda wkoll itinerarji tal-ivvjaġġar lejn jew mill-ajruport ta’ Linate li sussegwentement jagħmlu konnessjoni f’ajruporti oħra barra Milan. Fil-fatt, id-dispożizzjoni tirregola l-fluss tat-trasferiment tal-passiġġieri f’ajruporti barra Milan. |
|
(25) |
Il-Kummissjoni tqis li r-restrizzjoni tat-titjiriet konnessi u t-trasferiment tal-passiġġieri fl-ajruport ta’ Linate hija proporzjonata biex jintlaħaq l-objettiv li jinżamm bħala ajruport minn punt għal punt u li jitkompla l-iżvilupp tal-ajruport ta’ Malpensa bħala ċentru internazzjonali. Madankollu, ir-regolazzjoni tal-fluss tal-passiġġieri fi trasferiment f’ajruporti ’l barra minn Milan, taqbeż il-kamp ta’ applikazzjoni leġittimu tar-regoli tad-distribuzzjoni tat-traffiku għall-ajruporti li jaqdu belt jew konurbazzjoni partikolari, f’dan il-każ Milan. |
|
(26) |
Barra minn hekk, l-emenda proposta tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi tal-politika tal-ajruporti tal-Italja u tinterferixxi bla bżonn mal-libertà tan-negozju u l-libertà tat-trasportaturi tal-ajru li jipprovdu servizzi f’ajruporti barra Milan. |
|
(27) |
Barra minn hekk, l-Artikolu 1 tal-abbozz tad-digriet Giovannini kif imsemmi fil-premessa 3 iqajjem kwistjonijiet ta’ trasparenza, peress li mhuwiex ċar kif ir-regoli se jiġu infurzati mill-awtoritajiet Taljani. Id-dispożizzjoni inkwistjoni ma tiċċarax jekk humiex l-iskedi tat-trasportaturi tal-ajru biss li se jiġu mmonitorjati, jew jekk l-aġenti tal-ivvjaġġar u d-distributuri tal-biljetti humiex se jinżammu responsabbli wkoll għall-wiri ta’ ċerti itinerarji konnessi barra l-ajruport ta’ Linate. Lanqas ma huwa ċar jekk dik id-dispożizzjoni għandhiex l-għan li tiġbor il-passiġġieri awtokonnessi li fuq l-itinerarji tal-ivvjaġġar tagħhom la t-trasportaturi tal-ajru u lanqas l-aġenti tal-ivvjaġġar jew distributuri oħra tal-biljetti ma għandhom kontroll. |
5. KONKLUŻJONI
|
(28) |
Bħala konklużjoni, il-Kummissjoni tqis li l-Artikolu 1 tal-abbozz tad-digriet Giovannini kif imsemmi fil-premessa 2, li jemenda r-regoli eżistenti dwar id-distribuzzjoni tat-traffiku għall-ajruporti ta’ Milan Malpensa, ta’ Milan Linate, u ta’ Orio al Serio (Bergamo), huwa kompatibbli mal-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008. |
|
(29) |
Fir-rigward tal-Artikolu 1 tal-abbozz tad-digriet Giovannini kif imsemmi fil-premessa 3, il-Kummissjoni tqisu bħala mhux kompatibbli mal-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-miżuri previsti fl-Artikolu 1 tal-abbozz tad-digriet Giovannini dwar ir-regoli modifikati tad-distribuzzjoni tat-traffiku għall-ajruporti ta’ Milan Malpensa, ta’ Milan Linate, u ta’ Orio al Serio (Bergamo) sottomessi lill-Kummissjoni fit-22 ta’ Frar 2022 u kif imsemmi fil-premessa 2, huma approvati.
L-approvazzjoni tal-miżuri previsti fl-Artikolu 1 ta’ dak l-abbozz tad-digriet kif imsemmi fil-premessa 3 hija miċħuda.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Taljana.
Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Awwissu 2022.
Għall-Kummissjoni
Adina VĂLEAN
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 293, 31.10.2008, p. 3.
(2) Ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU L 46, 17.2.2004, p. 1).
(3) Notifika mill-Italja rigward l-applikazzjoni tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 li tikkonċerna r-regoli dwar id-distribuzzjoni tat-traffiku bejn l-ajruporti ta’ Milan Malpensa u Milan Linate (ĠU C 134, 25.3.2022, p. 28).
(4) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/163/KE tal-21 ta’ Diċembru 2000 dwar proċedura relatata mal-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2408/92 (il-Każ TREN/AMA/12/00 — regoli dwar id-distribuzzjoni tat-traffiku tal-Italja għas-sistema tal-ajruport ta’ Milan) (ĠU L 58, 28.2.2001, p. 29).
(5) Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2019 tas-16 ta’ Novembru 2016 dwar l-approvazzjoni, skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ta’ regoli mmodifikati dwar id-distribuzzjoni tat-traffiku għall-ajruporti ta’ Milan Malpensa, ta’ Milan Linate u ta’ Orio al Serio (Bergamo) (ĠU L 312, 18.11.2016, p. 73).