16.8.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 213/57


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1400

tal-11 ta’ Awwissu 2022

li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 2008/72/KE biex testendi l-perjodu li matulu l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu dwar il-kundizzjonijiet tal-importazzjoni għall-materjal tal-propagazzjoni u taż-żrigħ tal-ħxejjex, barra ż-żerriegħa, minn pajjiżi terzi

(notifikata bid-dokument C(2022) 5723)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2008/72/KE tal-15 ta’ Lulju 2008 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ ħxejjex ta’ propagazzjoni u materjal taż-żrigħ, barra ż-żerriegħa (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 16(2), it-tieni subparagrafu tagħha,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/72/KE, il-Kummissjoni hija meħtieġa tiddeċiedi jekk il-materjal tal-propagazzjoni u taż-żrigħ tal-ħxejjex, barra ż-żerriegħa, prodott f’pajjiż terz u li joffri l-istess garanziji rigward l-obbligi fuq il-fornitur, l-identità, il-karatteristiċi, is-saħħa tal-pjanti, il-mezz tat-tkabbir, l-ippakkjar, l-arranġamenti għall-ispezzjoni, l-immarkar u s-siġill, huwiex ekwivalenti f’kull rispett għall-materjal tal-propagazzjoni u taż-żrigħ tal-ħxejjex, barra ż-żerriegħa, prodott fl-Unjoni u jekk jikkonformax mal-ħtiġijiet u l-kundizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva.

(2)

Bħalissa, sakemm tittieħed tali deċiżjoni mill-Kummissjoni, l-Istati Membri li jimportaw tali materjal minn pajjiżi terzi, sal-31 ta’ Diċembru 2022 jistgħu japplikaw lil tali prodotti kundizzjonijiet tal-importazzjoni li jkunu mill-inqas ekwivalenti għal dawk applikabbli għal prodotti simili tal-Unjoni.

(3)

Madankollu, l-informazzjoni preżentament disponibbli dwar il-kundizzjonijiet li japplikaw fil-pajjiżi terzi mhijiex biżżejjed biex tippermetti lill-Kummissjoni li tadotta deċiżjoni bħal din fir-rigward ta’ kull pajjiż terz.

(4)

Sabiex jiġi evitat tfixkil fix-xejriet kummerċjali, il-perjodu li matulu l-Istati Membri jitħallew japplikaw lil tali prodotti kundizzjonijiet li jkunu mill-inqas ekwivalenti għal dawk applikabbli għal prodotti simili tal-Unjoni, jenħtieġ li jiġi estiż lil hinn mill-31 ta’ Diċembru 2022. Meta jitqiesu l-investimenti u ż-żmien meħtieġ għall-produzzjoni ta’ dawk il-prodotti f’konformità mal-kundizzjonijiet tal-importazzjoni, jixraq li dak il-perjodu jiġi estiż b’seba’ snin.

(5)

Għaldaqstant jenħtieġ li d-Direttiva 2008/72/KE tiġi emendata skont dan.

(6)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 16(2), l-ewwel subparagrafu, tad-Direttiva 2008/72/KE, id-data “31 ta’ Diċembru 2022” hija sostitwita bil-“31 ta’ Diċembru 2029”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Awwissu 2022.

Għall-Kummissjoni

Stella KYRIAKIDES

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 205, 1.8.2008, p. 28.